Language of document : ECLI:EU:T:2016:62

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

4 ta’ Frar 2016 (*)

“Programm ta’ għajnuna għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) – Miżuri ta’ għajnuna għad-distribuzzjoni transnazzjonali ta’ films Ewropej – Sejħa għal proposti fil-kuntest tal-iskema ‘selettiva’ 2013 – Att tal-EACEA li jinforma lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha relatata mal-film ‘Only God Forgives’ – Att tal-EACEA li jikkonferma ċ-ċaħda iżda li jinkludi raġunijiet ġodda – Kompetenza – Tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-EACEA – Kompetenza limitata – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Linji Gwida permanenti 2012-2013 – Ftehim ta’ distribuzzjoni materjali jew fiżika – Assenza ta’ komunikazzjoni preliminari lill-EACEA – Ineliġibbiltà tal-kandidatura”

Fil-Kawża T‑676/13,

Italian International Film Srl, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn A. Fratini, B. Bettelli u M. Bottino, avukati,

rikorrenti,

vs

Aġenzija eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” (EACEA), irrappreżentata minn H. Monet u D. Homann, bħala aġenti, assistiti minn D. Fosselard u A. Duron, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti għall-għoti ta’ għajnuna għall-film “Only God Forvives”, wara s-sejħa għal proposti EACEA/21/12 MEDIA 2007 – Appoġġ [Għajnuna] għad-Distribuzzjoni Transnazzjonali ta’ Films Ewropej – l-Iskema selettiva” 2013 (ĠU 2012, C 300, p. 5), ippubblikata fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Novembru 2006, dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ [għajnuna] lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (ĠU L 327, p. 12), stabbilit għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta’ Ottubru 2012 ġiet ippubblikata s-sejħa għal proposti EACEA/21/12 MEDIA 2007 – Appoġġ [Għajnuna] għad-Distribuzzjoni Transnazzjonali ta’ Films Ewropej – l-Iskema selettiva” 2013 (ĠU 2012, C 300, p. 5), fil-kuntest tal-iskema “selettiva” intiża sabiex jintgħażel ċertu numru ta’ proġetti sabiex jingħataw għajnuna, b’mod li tiġi stimulata u sostnuta d-distribuzzjoni transnazzjonali iktar vasta ta’ films Ewropej reċenti mhux nazzjonali.

2        Din il-pubblikazzjoni kienet taqa’ fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Novembru 2006, dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ [għajnuna] lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (ĠU L 327, p. 12), stabbilit għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013 li l-kontenut tagħha ġie ppreċiżat mil-Linji Gwida permanenti tal-programm MEDIA 2007, annessi mal-imsemmija sejħa għal proposti (iktar 'il quddiem il-“linji Gwida”).

3        Il-punt 5 tal-Linji Gwida, intitolat “Kriterji ta’ eliġibbiltà”, jinkludi l-punt 5.1, imsejjaħ “Kumpanniji eliġibbli”, li huwa fformulat kif ġej:

“[…]

Distributur ċinematografu/fis-swali għandu jissodisfa l-kriterji segwenti:

1.      ikun id-detentur tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni fis-swali tal-films fuq it-territorju kkonċernat;

2.      jiżgura d-distribuzzjoni tal-film fi swali fuq it-territorju (jiffissa d-data ta’ ħruġ, jippjana, jikkontrolla u jwettaq id-distribuzzjoni u l-kampanja promozzjonali) u

3.      iħallas is-somom relatati mal-ispejjeż relatati mad-distribuzzjoni. (Ara wkoll il-punt 5.5, ‘Proposti eliġibbli’).

Rikors limitat għas-sullokazzjoni huwa awtorizzat, bil-kundizzjoni li:

–        l-Aġenzija tiġi informata b’dan;

–        jiġi kkorraborat permezz tal-fatturi mħallsa;

–        ikun konformi mar-regola ta’ sullokazzjoni esposta fil-punt 10.

Fil-każ fejn l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni huma mqassma bejn diversi kumpanniji, il-kuntratti/ftehim bejn dawn il-kumpanniji għandhom jiġu kkomunikati lill-Aġenzija. L-Aġenzija normalment tikkunsidra bħala eliġibbli l-kumpannija li fil-fatt twettaq id-distribuzzjoni tal-film fuq it-territorju. Id-deċiżjoni tal-Aġenzija hija finali.

Ir-rikors għal ‘distributuri fiżiċi’ għal servizzi partikolari, bħar-riżervazzjoni tas-swali, iċ-ċirkolazzjoni tal-kopji u l-ġbir tal-ħlas, huwa awtorizzat. Tali distributuri fiżiċi ma jistgħux ikunu eliġibbli għal għajnuna finanzjarja.

[…]”

4        Il-punt 5.5 tal-Linji Gwida, intitolat “Proposti eliġibbli”, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

Il-formula ta’ kandidatura għandha tkun akkumpanjata minn ittra uffiċjali tal-entità kandidata u tad-dokumenti l-oħra kollha li tirreferi għalihom il-formula ta’ kandidatura.

[…]

L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li titlob elementi ta’ informazzjoni addizzjonali lill-kandidat.

[…]”

5        Skont it-termini tal-punt 13 tal-Linji Gwida, intitolat “Proċedura ta’ sottomissjoni tal-proposti”:

“[…]

13.2 Formula ta’ kandidatura

[…]

Barra minn hekk, il-kandidatura globali għandha tintbagħat bil-posta, u għandha tinkludi:

–        verżjoni stampata tal-formula elettronika;

–        id-dokumenti kollha elenkati fil-lista rekapitulattiva.

[…]

13.3 Sottomissjoni tal-kandidatura għal sussidju

[…]

L-ebda bdil għall-fajl ma jista’ jsir wara li l-kandidatura tkun intbagħtet. Madankollu, jekk ikun hemm bżonn li jiġu kkjarifikati ċerti punti, l-Aġenzija tista’ tikkuntattja lill-kandidat għal dan il-għan.

[…]

Il-kandidati li jkunux intagħżlu jiġu informati bil-miktub.

Il-kandidat għandu jissottometti l-ftehimiet kollha ta’ distribuzzjoni rilevanti fir-rigward tal-kandidatura tiegħu, inkluż il-ftehimiet li jkunu diġà seħħew meta jsiru t-talbiet għal għajnuna finanzjarja abbażi ta’ sejħa preċedenti għal proposti tal-programm MEDIA. Il-kandidaturi inkompleti jiġu kkunsidrati ineliġibbli.

[…]”

6        Ir-rikorrenti, Italian International Film Srl, issosttomettiet il-kandidatura tagħha intiża għall-għoti ta’ għajnuna għad-distribuzzjoni fl-Italja tal-film “Only God Forgives”, (“Alla biss jaħfer”, iktar 'il quddiem il-“film”).

7        Fl-4 ta’ Ġunju 2013, wieħed mill-aġenti tal-Aġenzija eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” (EACEA) responsabbli għall-kunsiderazzjoni tat-talbiet għal sussidju indika lir-rikorrenti li kien jixtieq jikseb diversi dokumenti addizzjonali. Fis-6 ta’ Ġunju 2013, din ipprovdiet ċerti dokumenti, li ngħaqqdu mill-EACEA mal-kandidatura tagħha, sabiex issir l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar.

8        Il-kumitat responsabbli mill-evalwazzjoni tat-talbiet għal għajnuna (iktar 'il quddiem il-“kumitat ta’ evalwazzjoni”) irreleva, matul il-laqgħat tal-20 u tal-21 ta’ Ġunju 2013, li l-film kien iddistribwit, fl-Italja, mill-kumpannija 01 Distribution u mhux mir-rikorrenti, b’mod li l-kandidatura tagħha ma setgħetx tingħażel. Għalhekk, il-kumitat ta’ evalwazzjoni bagħat lill-Kummissjoni Ewropea proposta ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda.

9        Matul il-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2013, il-kumitat MEDIA 2007 stabbilit fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DG) “Edukazzjoni u kultura” tal-Kummissjoni ħareġ opinjoni li ssegwi l-proposta tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, ħlief għal żewġ bidliet li ma jikkonċernawx lir-rikorrenti.

10      Permezz ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni C (2013) 5212 finali, tat-2 ta’ Awwissu 2013, dwar deċiżjoni individwali ta’ għoti ta’ sussidji fil-kuntest tal-programm MEDIA 2007 – Għajnuna selettiva għad-distribuzzjoni (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013”), il-Kummissjoni segwiet l-opinjoni tal-kumitat MEDIA 2007 (premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni), peress li r-rikorrenti ma tagħmilx parti mill-kandidati ssussidjati għad-distribuzzjoni tal-film, imsemmija fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni.

11      Fis-7 ta’ Awwissu 2013, l-EACEA nnotifikat il-kontenut tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013 lir-rikorrenti, taħt it-timbru tal-EACEA, permezz ta’ formula standard, li tindika li “[l-]applikant mhux ser jiżgura huwa stess id-distribuzzjoni tal-film fis-swali”.

12      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti kkontestat din ir-raġuni ta’ ċaħda u ppreżentat lill-EACEA numru ta’ osservazzjonijiet. B’mod partikolari, ir-rikorrenti indikat li hija kienet effettivament id-distributur tal-film fis-swali u li dan kien jirriżulta mid-dokumenti annessi mal-imsemmija ittra. Hija esponiet għal-liema raġunijiet kummerċjali il-logo ta’ 01 Distribution kien jidher prinċipalment u ddikjarat li kien jiddispjaċiha li dan seta’ jwassal lill-Kummissjoni tikkunsidra li hija ma kinitx id-distributur tal-film. Konsegwentement, hija titlob l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013 li l-kontenut tagħha ġie nnotifikat fis-7 ta’ Awwissu 2013.

13      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013, l-EACEA rrispondiet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, u ċaħdithom minħabba li, skont il-punt 5.1 tal-Linji Gwida, is-sullokazzjoni tal-attivitajiet ta’ fatturar u ta’ ġbir tal-ħlas lil distributur fiżiku setgħet tkun awtorizzata, iżda din l-awtorizzazzjoni kienet madankollu suġġetta għall-komunikazzjoni tal-ftehim relatat lill-EACEA. Din tal-aħħar tenfasizza li, wara li kkuntattjat lir-rikorrenti, fl-4 ta’ Ġunju 2013, sabiex tikseb spjegazzjonijiet supplementari (ara l-punt 7 iktar 'il fuq), din naqset milli tinformaha bil-ftehim iffirmat fis-26 ta’ April 2013 ma’ 01 Distribution għad-distribuzzjoni tal-film, li kien indispensabbli sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni ġusta mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-possibbiltà għar-rikorrenti li tiġi ssussidjata. Fl-aħħar nett, l-EACEA indikat “li jiddispjaċiha li [għandha] tikkonferma l-ineliġibbiltà tal-proġett imsemmi iktar 'il fuq, skont ir-rakkomandazzjoni inizjali tal-kumitat ta’ evalwazzjoni”.

14      L-EACEA kompliet tinforma lir-rikorrenti bil-mezzi u t-termini ta’ appell li kellha għad-dispożizzjoni tagħha kontra “din id-deċiżjoni” (iktar 'il quddiem l-“ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

16      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2014, l-EACEA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

17      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ddepożitati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ April 2014, ir-rikorrenti kkontestat l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mressqa mill-EACEA.

18      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Settembru 2014, skont l-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali żiedet mal-mertu l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EACEA.

19      Fis-27 ta’ Ottubru 2014, l-EACEA ppreżentat ir-risposta tagħha. Fit-12 ta’ Diċembru 2014 tressqet replika u fis-26 ta’ Jannar 2015 tressqet kontroreplika.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-“deċiżjoni [...] tat-8 ta’ Ottubru 2013”;

–        tikkundanna lill-EACEA sabiex tadotta il-“miżuri sussegwenti”;

–        tikkundanna lill-EACEA għall-ispejjeż.

21      L-EACEA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

22      Għandu jiġi rrelevat li r-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni li r-rikorrenti ssostni li tinsab fl-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013, u mhux kontra d-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013. Dan jirriżulta mit-termini espressi tar-rikors. Barra minn hekk, għalkemm huwa eżatt li, fl-4 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti talbet l-eżami mill-ġdid ta’ din l-aħħar deċiżjoni, huma biss is-sens u r-raġunijiet tagħha li kienu ġew innotifikati lir-rikorrenti permezz ta’ formula standard innotifikata fis-7 ta’ Awwissu 2013, u mhux id-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013 bħala tali, li ma kinitx imsemmija fl-imsemmija formula u li fil-konfront tar-rikorrenti ġiet identifikata biss fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EACEA.

 Fuq l-ammissibbiltà

23      L-EACEA tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel nett, fuq id-dekadenza tar-rikors peress li għandu jiġi kkunsidrat li huwa intiż kontra d-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, it-tieni nett, fuq il-fatt li l-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013 ma hijiex att li jikkawża preġudizzju, u hija biss id-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, innotifikata fis-7 ta’ Awwissu 2013, li għandha tali natura, u, it-tielet nett, fuq in-natura purament konfermattiva tal-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013 fir-rigward tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013.

24      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà u tqis ir-rikors tagħha ammissibbli.

 Fuq id-dekadenza tar-rikors

25      Mill-punt 22 iktar 'il fuq jirriżulta li r-rikors huwa intiż kontra d-deċiżjoni li r-rikorrenti ssostni li tinsab fl-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013, bl-esklużjoni tal-oħrajn. Sussegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq id-dekadenza tar-rikors sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, li għandu jiġi enfasizzat li ma kinitx ġiet identifikata, la bid-data tagħha u lanqas bid-dokument li kienet tinsab fih, fil-konfronti tar-rikorrenti qabel dawn il-proċeduri ġudizzjarji, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq in-natura deċiżjonali tal-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013

26      Għandu jitfakkar li ma huwiex biżżejjed li ittra tkun intbagħtet minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni Ewropea lid-destinatarju tagħha, b’risposta għal talba mressqa minn dan tal-aħħar, sabiex din tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u b’hekk tipprovdi l-possibbiltà ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Jannar 1993, Miethke vs Il-Parlament, C‑25/92, Ġabra, EU:C:1993:32, punt 10; sentenza tat-22 ta’ Mejju 1996, AITEC vs Il-Kummissjoni, T‑277/94, Ġabra, EU:T:1996:66, punt 50, u digriet tal-5 ta’ Novembru 2003, Kronoply vs Il-Kummissjoni, T‑130/02, Ġabra, EU:T:2003:293, punt 42).

27      Fil-fatt, għalkemm ir-rikors għal annullament huwa miftuħ kontra d-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, kif ukoll, skont il-każ, fil-kundizzjonijiet u skont il-metodi partikolari awtorizzati mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet adottati mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, dan huwa bil-kundizzjoni, meta r-rikors ikun ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, billi jibdlu b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra, EU:C:1981:264, punti 9 u 10; tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, Ġabra, EU:C:2011:656, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u digriet tat-13 ta’ Marzu 2015, European Coalition to End Animal Experiments vs ECHA, T‑673/13, Ġabra, EU:T:2015:167, punt 22).

28      L-EACEA hija korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, EU:T:2010:442, punt 35), li nħoloq permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Jannar 2005, li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva Edukattiva, Awdjoviżiva u Kulturali għat-tmexxija tal-azzjoni Komunitarja fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-awdjoviżwal u l-kultura fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (ĠU L 24, p. 35), abrogata u ssostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ April 2009, li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura għall-ġestjoni tal-azzjoni Komunitarja fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u l-kultura, bl-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (ĠU L 101, p. 26). Id-deċiżjoni 2009/336, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/797 tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Diċembru 2012 (ĠU L 349, p. 68) u li hija wkoll issa ġiet abrogata, iżda li hija applikabbli għal din il-kawża, ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni meħuda b’applikazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

29      Għalhekk, huwa biss kieku kellu jiġi pprovat li l-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013 ipproduċiet, fil-konfront tar-rikorrenti, effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, billi jibdlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tagħha, li jkun ammissibbli li tippreżenta rikors għall-annullament tal-imsemmija ittra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, EU:C:1981:264, punt 9; tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑351/02, Ġabra, EU:T:2006:104, punt 35, u d-digriet tad-19 ta’ Novembru 2013, 1. Garantovaná vs Il-Kummissjoni, T‑42/13, EU:T:2013:621, punt 20).

30      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti, għandha tiġi kkunsidrata s-sustanza tiegħu (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar 'il fuq, EU:C:1981:264, punt 9; digrieti tad-29 ta’ April 2004, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T‑308/02, Ġabra, EU:T:2004:119, punt 39, u tad-9 ta’ Ottubru 2012, Région Poitou-Charentes vs Il-Kummissjoni, T‑31/12, EU:T:2012:528, punt 32).

31      Minn naħa, dan għandu l-konsegwenzi li l-fatt li l-EACEA użat, fl-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013, it-terminu “deċiżjoni” ma jikkostitwixxix indikazzjoni, fost oħrajn, suxxettibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni sabiex tiddefinixxi s-sustanza tal-att inkwistjoni, iżda ma jistax, waħdu, jippermetti li din id-deċiżjoni tiġi kkwalifikata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Min-naħa l-oħra, l-EACEA ma tistax targumenta b’mod utli, fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, in-nuqqas ta’ kompetenza tagħha allegata sabiex tadotta tali deċiżjoni, għaliex, jekk l-analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ twassal sabiex jiġi konkluż li l-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013 għandha natura deċiżjonali, il-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtur tal-imsemmija ittra jkollha tiġi eżaminata skont il-legalità esterna tad-deċiżjoni li hija tinkludi, li taqa’ taħt il-mertu fil-liġi u mhux taħt l-ammissibbiltà.

32      F’dan il-każ, għandu jiġi rrelevat li, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013, l-EACEA marret lil hinn minn dak li kienet timplika sempliċi spjegazzjoni tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, li l-kontenut u r-raġuni tagħha kienu ġew innotifikati minnha. Hija ma llimitatx ruħha sabiex tikkjarifika l-imsemmija deċiżjoni, hija ħadet pożizzjoni fis-sens taċ-ċaħda tat-talba għal sussidju mressqa mir-rikorrenti.

33      Għalkemm huwa minnu li l-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013 tinkludi interpretazzjoni tal-punt 5.1 tal-Linji Gwida, l-imsemmija interpretazzjoni ma tfittixx li tindika lir-rikorrenti r-raġunijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, li fil-fatt ma hijiex iċċitata bħala tali fl-ittra (ara l-punt 22 iktar 'il fuq), iżda ssostni r-rifjut oppost mill-EACEA stess, “skont ir-rakkomandazzjoni inizjali tal-kumitat ta’ evalwazzjoni”.

34      Għalhekk, mill-eżami ta’ din l-ittra jirriżulta li l-EACEA kellha l-intenzjoni li tagħtiha effetti ġuridiċi vinkolanti, billi żżomm ir-rifjut preliminarjament oppost għat-talba għal sussidju tar-rikorrenti, li kien ta’ natura li jaffettwa l-interessi ta’ din tal-aħħar, u b’hekk ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li d-distribuzzjoni tal-film fuq it-territorju Taljan tiġi sussidjata. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 26 sa 30 iktar 'il fuq, għandu għalhekk jiġi konkluż li l-ittra tat-8 ta’ Ottubru 2013 tikkostitwixxi fil-fatt deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013”) u, għaldaqstant, li għandha tiġi miċħuda t-tieni eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà mqajma mill-EACEA.

 Fuq in-natura konfermattiva tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013

35      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, deċiżjoni hija purament konferma ta’ deċiżjoni preċedenti meta ma tkun tinkludi l-ebda element ġdid meta mqabbla ma’ att preċedenti u li ma tkunx ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti (sentenzi tal-14 ta’ April 1970, Nebe vs Il-Kummissjoni, 24/69, Ġabra, EU:C:1970:22, punt 8; tal-10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il-Kummissjoni, 23/80, Ġabra, EU:C:1980:284, punt 18, u tal-11 ta’ Ġunju 2002, AICS vs Il-Parlament, T‑365/00, Ġabra, EU:T:2002:151, punt 30).

36      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-EACEA wettqet, qabel ma adottat id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, eżami tal-elementi prodotti mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Settembru 2013, qabel ma indikat li dawn, skont il-punt 5.1 tal-Linji Gwida, kellhom jiġu trażmessi lilha fil-mument meta kienet ikkuntattjat lir-rikorrenti, fl-4 ta’ Ġunju 2013, “għal iktar spjegazzjonijiet dwar il-kapaċità operattiva tal-kumpannija sabiex toħroġ il-film”, peress li tali komunikazzjoni kienet tkun ta’ natura li tippermetti lill-kumitat ta’ evalwazzjoni jwettaq “evalwazzjoni eżatta tal-proġett”. Għalhekk, minn dan għandu jiġi dedott li, filwaqt li d-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, li l-kontenut tagħha ġie nnotifikat fis-7 ta’ Awwissu 2013 permezz ta’ formula standard, kienet ibbażata fuq ir-raġuni li r-rikorrenti ma kinitx ser twettaq hi stess id-distribuzzjoni tal-film fis-swali, id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 hija bbażata fuq ir-raġuni li r-rikorrenti ma kinitx għarrfet lill-EACEA bl-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni eżatta tal-proġett. F’dan ir-rigward, l-EACEA ppreċiżat li rikors limitat għas-sullokazzjoni bħall-bejgħ tal-biljetti u l-fatturazzjoni, seta’ jiġi awtorizzat, bil-kundizzjoni li l-EACEA tkun mgħarrfa b’dan. Id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, li tinkludi raġuni differenti minn dik li tinsab fid-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, li turi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi ġodda msemmija mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Settembru 2013, ma għandha għalhekk l-ebda natura konfermattiva.

37      Għaldaqstant, it-tielet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ammissibbiltà mqajma mill-EACEA għandha tiġi miċħuda u r-rikors għandu jiġi kkunsidrat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

38      Ir-rikorrenti tinvoka, insostenn tar-rikors tagħha, żewġ motivi, li huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li jivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013.

39      L-EACEA issostni li l-ebda wieħed minn dawn il-motivi ma huwa fondat.

 Fuq il-kompetenza tal-EACEA sabiex tadotta d-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013

40      Qabel ma jsir, skont il-każ, l-eżami taż-żewġ motivi tar-rikors, huwa importanti li jiġi eżaminat, ex officio, jekk l-EACEA kellhiex kompetenza sabiex tadotta d-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 (ara, fir-rigward tan-natura ta’ ordni pubbliku tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur ta’ deċiżjoni suġġetta għall-istħarriġ tal-legalità tal-qorti tal-Unjoni, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1960, Il-Ġermanja vs L-Awtorità Għolja, 19/58, Ġabra, EU:C:1960:19, p. 488; tat-28 ta’ Jannar 2003, Laboratoires Servier vs Il-Kummissjoni, T‑147/00, Ġabra, EU:T:2003:17, punt 45, u tat-13 ta’ Diċembru 2013, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, T‑240/10, Ġabra, EU:T:2013:645, punt 70), peress li huwa ppreċiżat li l-partijiet kellhom l-okkażjoni li jiddibattu f’kuntradittorju din il-kwistjoni, peress li l-EACEA stess sostniet, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li hija ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni bħad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 u li saru diversi domandi lill-EACEA matul is-seduta, b’mod partikolari sabiex isir magħruf jekk din kellhiex kompetenza sabiex teżamina mill-ġdid deċiżjonijiet bħad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013 u jekk kinux jeżistu każijiet ta’ kompetenza limitata fil-qasam taċ-ċaħda tat-talbiet għal sussidju. Matul is-seduta r-rikorrenti ġiet mistiedna tagħti l-opinjoni tagħha dwar dawn id-domandi u dwar ir-risposti li kienet ipprovdiet l-EACEA. Minn dan jirriżulta li, matul kemm il-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll matul il-fażi orali tagħha, il-prinċipju tal-kuntradittorju ġie osservat fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ motiv ta’ dritt imqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra, EU:C:2009:742, punti 57 u 60).

41      Qabel xejn, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2009/336, kif emendata, “[i]d-delega lill-aġenzija eżekuttiva tal-inkarigi marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ [...] programmi tista’ ssir skont separazzjoni ċara bejn, fuq naħa, il-fażijiet ta’ programmazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament [...] u, fuq in-naħa l-oħra, l-eżekuzzjoni tal-proġetti, li tista’ tiġi fdata lill-aġenzija eżekuttiva.” Barra minn hekk, il-premessa 8 tal-imsemmija deċiżjoni tipprovdi li “[i]l-ħolqien ta’ aġenzija eżekuttiva ma jemendax id-delega tal-Kunsill tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-ġestjoni ta’ ċerti fażijiet ta’ azzjonijiet koperti mid-diversi programmi, lanqas id-delega tal-inkarigi tal-ġestjoni tal-aġenziji nazzjonali għal ċerti programmi.”

42      L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2009/336, kif emendata, jipprovdi li l-EACEA “hi responsabbli għall-ġestjoni ta’ ċerti sezzjonijiet ta’ programmi Komunitarji kif qed jingħad hawn taħt: [...]

28)      il-programm ta’ appoġġ fis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (2007-2013), approvat bid-Deċiżjoni Nru 1718/2006 [...]”.

43      L-Artikolu 4(2) ta’ din l-istess deċiżjoni, kif emendata, jipprovdi li, għal dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tas-sezzjonijiet tal-programmi Komunitarji msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija “se tkun responsabbli mill-inkarigi li ġejjin:

a)      il-ġestjoni taċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-proġetti bħala eżekuzzjoni tal-programmi Komunitarji li jiġu fdati lilha […];

b)      l-adozzjoni tal-istrumenti għall-eżekuzzjoni tad-dħul u tan-nefqa u l-implimentazzjoni, fejn il-Kummissjoni tagħtiha s-setgħa li tagħmel dan, ta’ parti mill-operazzjonijiet għall-ġestjoni tal-programmi Komunitarji jew tagħhom kollha, fosthom dawk marbuta mal-għoti tas-sussidji u l-kuntratti.”

44      Sussegwentement, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3355 finali, tas-6 ta’ Mejju 2009, li tiddelega setgħat lill-Aġenzija Eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” fid-dawl tal-eżekuzzjoni ta’ kompiti relatati mal-implementazzjoni ta’ programmi Komunitarji fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-awdjoviżiv u tal-kultura li jinkludu, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni ta’ krediti li jaqgħu taħt il-baġit Komunitarju, kif emendata bid-deċiżjoni C (2010) 7095 finali, implementat id-Deċiżjoni 2009/336. Il-programm MEDIA 2007 huwa hekk imsemmi fil-punt 28 tal-viżas tad-Deċiżjoni C (2009) 3355 finali. L-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat, “Kompiti ta’ eżekuzzjoni baġitarja”, jippreċiża, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li l-EACEA għandha “tagħti sussidji u tamministra l-ftehim u d-deċiżjonijiet relatati magħhom” u li, “[għal] dan il-għan, l-[EACEA] hija maħtura mill-Kummissjoni, sabiex twettaq uħud minn jew l-operazzjonijiet kollha neċessarji għall-bidu u għall-konklużjoni tal-proċeduri ta’ sussidji, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness III”.

45      L-Anness I, paragrafu 26, it-tielet inċiż, tad-Deċiżjoni C (2009) 3355 finali, kif emendata, ifakkar li l-EACEA tipparteċipa għall-implementazzjoni u għall-ġestjoni tal-parti l-kbira tal-kapitoli tal-programm MEDIA 2007, inkluż dak li għandu x’jaqsam mad-distribuzzjoni.

46      L-Anness III ta’ din l-istess deċiżjoni jistabbilixxi li l-kompiti ddelegati lill-EACEA, li fosthom jinsabu, fit-termini tal-punt A 5, “l-għażla ta’ proġetti jew, meta [l-bażi legali tal-programmi tistabbilixxi] li hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel il-proġetti, il-preparazzjoni ta’ proposta ta’ għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni skont il-proċedura tal-komitoloġija”, skont il-punt A 6, in-“notifika [lill-benefiċjarji tagħhom] tad-deċiżjonijiet individwali [dwar l-għoti] ta’ sussidji” u, fis-sens tal-punt A 7, “[l-ipproċessar] tat-talbiet [intiżi għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ sussidji]”.

47      Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni Nru 1718/2006 (ara l-punt 2 iktar 'il fuq) tipprovdi, fl-Artikolu 10(2)(e) tagħha, li kull proposta li tikkonċerna l-allokazzjoni ta’ fondi Komunitarji ta’ ammont ikbar minn EUR 300 000, fil-każ tad-distribuzzjoni, taqa’ taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(2) ta’ din l-istess deċiżjoni, filwaqt li l-Artikolu 10(3) tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi li l-“miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni [tal-imsemmija deċiżjoni] dwar il-kwistjonijiet l-oħra kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(3)” tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006, li tinkludi, b’mod partikolari, il-proposti dwar l-allokazzjoni ta’ fondi Komunitarji ta’ ammont inqas minn EUR 300 000, fil-qasam tad-distribuzzjoni. L-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006 jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat u jirreferi, fil-paragrafu 2 tiegħu, għall-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124) u, fil-paragrafu 4 tiegħu, għall-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468. L-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar jiddefinixxi l-proċedura konsultattiva, filwaqt li l-Artikolu 4, jiddeskrivi min-naħa tiegħu, il-proċedura ta’ ġestjoni. Madankollu, id-Deċiżjoni 1999/468 ġiet abrogata mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13), li l-Artikolu 13 tiegħu jippreċiża li r-riferimenti magħmula fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/468 għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-proċedura konsultattiva rregolata mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 182/2011, filwaqt li r-riferimenti magħmula għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1999/468 għandhom jinftiehmu fis-sens li jirreferu għall-proċedura ta’ eżami prevista mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011, bl-eċċezzjoni tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 4 tiegħu.

48      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 4, tal-Linji Gwida jindika li l-ammont massimu tas-sussidju huwa ta’ EUR 150 000 għal kull distributur u għal kull film u li l-aħħar paragrafu tal-punt 4 tal-Linji Gwida jippreċiża li l-EACEA tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli. Dan il-limitu u din ir-riżerva ġew imtennija fis-sejħa għal proposti EACEA/21/12 fit-tielet u r-raba’ paragrafi tal-punt 5.

49      Mid-dispożizzjonijiet kollha ċċitati iktar 'il fuq jirriżulta li l-kompetenza tal-EACEA, fil-qasam ta’ sussidji mogħtija fil-qasam tas-sejħa għal proposti EACEA/21/12, adottata fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-programm MEDIA 2007, kienet limitata, l-ewwel nett, għall-investigazzjoni tal-fajl ta’ kull min għamel it-talba sabiex tipprepara “proposta ta’ għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni skont il-proċedura tal-komitoloġija”, skont il-punt A 5, fit-tieni parti tal-alternattiva li tipprovdi, tal-Anness III tad-Deċiżjoni C (2009) 3355 finali, kif emendata, u t-tieni nett, għan-“notifika [lill-benefiċjarji tagħhom] tad-deċiżjonijiet individwali [dwar l-għoti] ta’ sussidji” b’applikazzjoni tal-punt A 6 tal-imsemmi anness u, it-tielet nett, skont il-l-punt A 7 ta’ dan l-istess anness, “[l-ipproċessar] tat-talbiet [intiżi għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ sussidji]”.

50      F’dan il-każ, l-EACEA investigat il-fajl tar-rikorrenti skont elementi li kienet ipprovditilha u talbitha b’ittra, fl-4 ta’ Ġunju 2013, elementi addizzjonali. B’risposta għal din l-ittra, ir-rikorrenti kkonfermat, permezz ta’ ittra tal-istess ġurnata, li hija “id-distributur Taljan tal-film”, mingħajr madankollu ma ressqet elementi ġustifikattivi f’dan ir-rigward, u bagħtet lill-EACEA, fis-6 ta’ Ġunju 2013, informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-esperjenza li kienet kisbet bħala distributur, b’mod partikolari matul l-aħħar ħames snin preċedenti. Wara analiżi tal-fajl kollu, l-EACEA għamlet proposta ta’ rifjut tas-sussidju għall-Kummissjoni, li adottat id-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, wara li ġiet segwita l-proċedura konsultattiva prevista mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 182/2011, fir-rigward ta’ proposta dwar l-allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni ta’ ammont inqas minn EUR 300 000, fil-qasam tad-distribuzzjoni, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 10(2) u (3) tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006. Il-premessa 3 tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013 tuża l-istess raġunijiet mogħtija mill-kumitat MEDIA 2007 fl-opinjoni tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2013, li huwa stess kien segwa, fir-rigward tar-rikorrenti, il-proposta tal-kumitat ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 8 sa 10 iktar 'il fuq), jiġifieri li l-film kien distribwit, fl-Italja, mill-kumpannija 01 Distribution u mhux mir-rikorrenti, b’mod li l-kandidatura tagħha ma setgħetx tingħażel. Fis-7 ta’ Awwissu 2013, l-EACEA użat din ir-raġuni ta’ ċaħda, billi għażlet, fil-formula standard ta’ notifika, il-kaxxa li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “[l]-applikant ma huwiex se jwettaq huwa stess id-distribuzzjoni tal-film fis-swali”. Fl-4 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti bagħtet lill-EACEA ittra li għandha b’mod ċar tiġi kkwalifikata bħala talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ sussidju, fis-sens tal-punt A 7 tal-Anness III tad-Deċiżjoni C (2009) 3355 finali, kif emendata.

51      Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, l-EACEA kellha l-għażla, sabiex tipproċessa din it-talba, bejn li tillimita ruħha biex tispjega d-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013 jew tirreferiha lill-Kummissjoni sabiex din tibdel id-deċiżjoni, jew fis-sens li tagħti s-sussidju, jew fis-sens li tirrifjuta, iżda għal raġunijiet oħra differenti minn dawk mogħtija fil-bidu. Fil-fatt, l-EACEA bl-ebda mod ma kellha kompetenza sabiex tibdel deċiżjoni li hija ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta.

52      Għalkemm huwa minnu li l-punt 5.1 tal-Linji Gwida jipprovdi li, fil-każ fejn l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni huma maqsuma bejn diversi kumpanniji, il-kuntratti/ftehim bejn dawn il-kumpanniji għandhom jiġu kkomunikati lill-EACEA, li mbagħad tikkunsidra bħala normalment eliġibbli l-kumpannija li fil-fatt twettaq id-distribuzzjoni tal-film fuq it-territorju u tadotta dwar dan is-suġġett “deċiżjoni [...] mingħajr appell”, din il-frażi għandha tiġi interpretata li tirreferi għall-fatt li l-EACEA għandha, fl-investigazzjoni tat-talbiet, tieħu pożizzjoni definittiva sabiex tippreżenta lill-Kummissjoni proposta ta’ għażla, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-applikant li jikkontesta ulterjorment, fil-kuntest ta’ appell amministrattiv, id-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tkun kuntrarja għall-formulazzjoni espressa tal-punt A 7 tal-Anness III tad-deċiżjoni C (2009) 3355 finali, kif emendata, li tistabbilixxi d-dritt għall-imsemmi appell.

53      Minn dan isegwi li, billi tat hi stess rifjut ibbażat fuq raġuni li ma kinitx mogħtija mill-Kummissjoni, l-EACEA vvizzjat id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

54      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita fil-kuntest ta’ kawżi fejn iċ-ċirkustanzi fihom kienu paragunabbli ma’ dawk f’dan il-każ jirriżulta li, f’każ ta’ kompetenza limitata, il-vizzju ta’ nuqqas ta’ kompetenza ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-imsemmi annullament minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jwassal biss, ladarba l-vizzju jiġi rrettifikat fid-data meta tingħata, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni identika fil-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni, 117/81, Ġabra, EU:C:1983:191, punti 6 u 7; tad-9 ta’ Ottubru 1992, De Persio vs Il-Kummissjoni, T‑50/91, Ġabra, EU:T:1992:104, punti 10, 22 u 24, u tad-19 ta’ Jannar 2010, De Fays vs Il-Kummissjoni, T‑355/08 P, ĠabraSP, EU:T:2010:16, punti 57 u 58).

55      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni sabitx ruħha f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, b’mod li, billi ssostitwixxit raġuni ta’ rifjut tat-talba tar-rikorrenti għal dik mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, l-EACEA ħadet deċiżjoni identika fil-mertu għal dik li kienet tieħu l-Kummissjoni kieku kellha kompetenza, ibbażata fuq l-istess elementi bħala dawk ikkomunikati fl-ittra tal-4 ta’ Settembru 2013.

56      Kif jirriżulta mill-punt 5.1 tal-Linji Gwida ċċitat fil-punt 3 iktar 'il fuq, l-għoti ta’ sussidju għad-distribuzzjoni jippreżupponi li l-applikant jiddistribwixxi hu stess il-film fis-swali fuq it-territorju kkonċernat. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprovdi l-possibbiltà, għad-distributur, li jirrikorri b’mod limitat għal ftehim ta’ sullokazzjoni, bil-kundizzjoni li “l-[EACEA] tiġi informata” b’dan. Il-punt 5.1 ikompli billi jtenni dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni, din id-darba f’każ li l-attivitajiet jkunu maqsuma, billi jgħid li, “[f]il-każ fejn l-attivitajiet ta’ distribuzzjoni huma maqsuma bejn diversi kumpanniji, il-ftehim/kuntratti bejn dawn il-kumpanniji għandhom jiġu kkomunikati lill-[EACEA]”. Dan l-istess punt jippreċiża li r-rikors għal distributuri fiżiċi għal servizzi partikolari, bħar-riżervazzjoni tas-swali u l-ġbir tal-ħlas, huwa awtorizzat.

57      Ir-rikorrenti ssostni li hi hija effettivament id-distributur tal-film u li l-ftehim li hija għamlet mal-kumpannija 01 Distribution, dwar ir-riżervazzjoni tas-swali ta’ ċinema, iċ-ċirkulazzjoni tal-kopji tal-film, il-ġbir tal-ħlas kif ukoll il-komunikazzjoni tal-film taħt il-logo prinċipali 01 Distribution, ma kellux għalfejn jiġi kkomunikat lill-EACEA, peress li dan il-ftehim għandu jiġi fil-fatt ikkwalifikat bħala wieħed ta’ delega lil terza persuna tal-attività msejħa ta’ “distribuzzjoni materjali” u għandu fi kwalunkwe każ natura differenti minn dik ta’ sullokazzjoni.

58      L-EACEA tikkontesta din l-interpretazzjoni.

59      Għandu jiġi indikat li l-punt 5.1 tal-Linji Gwida jinkludi, fil-verità, kif jirriżulta mill-punt 56 iktar 'il fuq, tqassim tal-ftehim ta’ distribuzzjoni fi tliet kategoriji, li jikkorrispondu, rispettivament, għall-ftehim ta’ sullokazzjoni, għall-ftehim ta’ tqassim ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni bejn diversi operaturi kif ukoll ftehim dwar l-użu ta’ “distributuri fiżiċi” għal servizzi speċifiċi, li ma humiex eliġibbli għas-sussidji. Madankollu, l-fatt li dawn id-distributuri fiżiċi ma humiex eliġibbli għas-sussidji ma jfissirx li l-ftehim fejn isir rikors għal dawn is-servizzi partikolari ma għandhomx jiġu kkomunikati lill-EACEA. Barra minn hekk, għall-finijiet li tiġi vverifikata l-eżistenza materjali ta’ tali ftehim ta’ distribuzzjoni fiżika u l-fatt li ma jeċċedix dan il-kamp preċiż, kull applikant għandu jinforma kemm jista’ jkun possibbli lill-EACEA bl-elementi neċessarji għall-eżami tat-talba għal sussidju, inkluż l-elementi li jistgħu, minħabba nuqqas ta’ komprensjoni tal-portata tagħhom, jostakolaw ir-riżultat favorevoli tat-talba għal sussidju.

60      Din l-interpretazzjoni tapplika iżjed u iżjed minħabba l-fatt li, għal distributur, li jirrikorri b’kuntratt għal kumpanniji terzi sabiex jiżgura parti mill-kompiti ta’ distribuzzjoni jikkostitwixxi eċċezzjoni meta mqabbel mal-prinċipju li għandu jiżgura huwa stess id-distribuzzjoni tal-film, li jimplika li huwa ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2014, Baltic Agro, C‑3/13, Ġabra, EU:C:2014:2227, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑300/10, Ġabra, EU:T:2012:247, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-punt 13.3 tal-Linji Gwida, meta jsemmi l-obbligu li “jiġu mogħtija l-ftehim kollha ta’ distribuzzjoni” jfakkar l-importanza xierqa tal-informazzjoni tal-EACEA.

61      Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti, f’dan il-każ kellha l-possibbiltà supplementari li tikkompleta l-fajl tagħha, peress li kienet ikkuntattjata mill-EACEA sabiex tipproduċi ċertu numru ta’ dokumenti. Dan kellu jattira l-attenzjoni tagħha fuq in-natura possibbilment lakunarja tal-imsemmi fajl u jwassalha biex tkun kemm jista’ jkun possibbli eżawrjenti.

62      Fi kliem ieħor, anki jekk il-kuntratt li jorbot lir-rikorrenti għall-kumpannija 01 Distribution huwa unikament kuntratt ta’ distribuzzjoni fiżika fis-sens tal-punt 5.1 tal-Linji Gwida, li l-fajl ma huwiex f’kundizzjoni li jipprova, ir-rikorrenti kellha l-obbligu li tinforma lill-EACEA sa mid-depożitu tat-talba tagħha għal sussidju, sabiex l-EACEA bħall-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi xjentement dwar ir-raġunijiet tal-preżenza tal-logo ta’ 01 Distribution fit-trailer u fuq il-posters tal-film. Issa, huwa biss permezz ta’ dokument mehmuż mal-ittra tar-rikorrenti tal-4 ta’ Settembru 2013, jiġifieri iktar minn xahar wara d-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013, li l-EACEA ġiet informata bl-eżistenza ta’ ftehim iffirmat fis-26 ta’ April 2013 mir-rikorrenti u l-kumpannija 01 Distribution.

63      L-interpretazzjoni li tirrikjedi l-informazzjoni l-iktar kompluta u adatta possibbli tal-EACEA hija, fil-fatt, l-unika waħda kompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, b’mod iktar partikolari, ta’ ġestjoni finanzjarja u ta’ stħarriġ tal-użu tal-mezzi baġitarji tal-Unjoni għall-finijiet previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il-Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, Ġabra, EU:T:2010:240, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ April 2013, Aecops vs Il-Kummissjoni, T‑53/11, EU:T:2013:205, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, informazzjoni kompleta jew żbaljata pprovduta mill-applikant ma tistax twassal lill-EACEA sabiex tirrakkomanda lill-Kummissjoni l-finanzjament tad-distribuzzjoni ta’ film, meta jeżisti dubju dwar il-kwistjoni dwar jekk id-distributur jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament applikabbli. Fil-fatt, dan huwa spjegat fil-punt 13.3 tal-Linji Gwida, li jgħid li l-kandidaturi inkompleti għandhom jiġu kkunsidrati bħala ineliġibbli. Għalhekk, billi ċaħdet it-talba għal sussidju minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-ftehim magħmul mir-rikorrenti ma’ 01 Distribution, raġuni li l-bażi fattwali tagħha ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, l-EACEA aġixxiet f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni, istituzzjoni li għandha kompetenza sabiex tadotta tali deċiżjoni, kienet għamlet dan fil-kuntest ta’ kompetenza limitata.

64      Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar 'il fuq, il-vizzju ta’ nuqqas ta’ kompetenza ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-imsemmi annullament minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jagħti lok biss, ladarba dan il-vizzju jiġi rrettifikat fid-data meta seħħ, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni identika fil-mertu.

 Fuq il-motivi tar-rikors

65      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar 'il fuq jirriżulta li, ladarba jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni aġixxiet f’sitwazzjoni ta’ kompetenza limitata, il-motivi kollha intiżi kontra d-deċiżjoni tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-motivi bbażati fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1976, Morello vs Il-Kummissjoni, 9/76, Ġabra, EU:C:1976:129, punt 11, u Geist vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar 'il fuq, EU:C:1983:191, punti 6 u 7) kif ukoll, b’definizzjoni, fuq l-iżball ta’ fatt, l-iżball ta’ liġi jew l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Morello vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, EU:C:1976:129, punt 11), peress li l-amministrazzjoni kellha l-obbligu li tasal għall-konklużjoni li hija adottat.

66      Sussidjarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-motivazzjoni kontradittorja allegata mir-rikorrenti toriġina preċiżament fil-preżenza ta’ raġuni ta’ ċaħda differenti minn dik li tinsab fid-deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2013 u li żammet l-EACEA (ara l-punt 36 iktar 'il fuq), u dan huwa minn fejn il-Qorti Ġenerali ġibdet il-konsegwenzi sabiex tiċħad lid-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 in-natura ta’ att konfermattiv. Kif ġie deċiż fil-punt 63 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti ma tistax utilment tikkontesta tali motivazzjoni, peress li tikkorrispondi għal dik li l-Kummissjoni kienet tagħti kieku kienet ġiet mitluba tiddeċiedi.

67      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kap ta’ talbiet intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-EACEA tadotta “il-miżuri sussegwenti”, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tagħti ordnijiet kontra istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni (sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra, EU:T:1998:198, punt 53, u digriet tas-27 ta’ Jannar 2014, Stolz vs Il-Parlament u Il-Kummissjoni, T‑582/13, EU:T:2014:69, punt 10).

68      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li r-rikors huwa infondat u għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skont l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan huwa ġġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun issuġġettat lill-parti l-oħra għal spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.

70      F’dan il-każ, minn naħa, mill-element tal-fajl jirriżulta li n-notifika tas-7 ta’ Awwissu 2013, li saret ġustament taħt it-timbru tal-EACEA, ma kienet tippreċiża lir-rikorrenti la l-fatt li l-awtur tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ sussidju li kien jikkonċernaha kien il-Kummissjoni u lanqas id-data tad-deċiżjoni, jiġifieri t-2 ta’ Awwissu 2013. Huwa biss meta ppreżentat dan ir-rikors li r-rikorrenti saret taf dawn l-elementi. Barra minn hekk, billi adottat, fit-8 ta’ Ottubru 2013, deċiżjoni f’isimha, għal raġuni differenti minn dik mogħtija mill-Kummissjoni, filwaqt li kompliet tiċħad sussegwentement in-natura deċiżjonali tagħha u billi ma rreferietx lill-Kummissjoni sabiex temenda d-deċiżjoni tagħha, l-EACEA ħolqot sitwazzjoni ta’ inċertezza f’moħħ ir-rikorrenti, li din setgħet tiċċara biss meta ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

71      Min-naħa l-oħra, din is-sitwazzjoni ġiet alimentata mill-aġir tar-rikorrenti li, billi ma pprovdietx, sa mit-talba tagħha għal sussidju, elementi li l-Linji Gwida kienu jitolbuha tikkomunika u li kienu jippermettu lill-EACEA tagħmel proposta lill-Kummissjoni, li tkun adegwata u, f’kull ipoteżi, ibbażata fuq l-elementi kollha tal-fajl, ċaħħdet hi stess lil dan il-korp u lil din l-istituzzjoni mill-possibbiltà li jiddeterminaw jekk il-ftehim konkluż ma’ 01 Distribution kienx sempliċi ftehim ta’ distribuzzjoni materjali u, għalhekk, jekk ir-rikorrenti kinitx l-uniku distributur tal-film.

72      Fid-dawl ta’ dawn il-punti, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ‑ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li kull parti tbati l‑ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Italian International Film Srl u l-Aġenzija eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżwal u kultura” (EACEA) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Frar 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.