Language of document : ECLI:EU:T:2018:486

Kawża T-680/13

Dr. K. Chrysostomides & Co. LLC et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea et

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika ekonomika u monetarja – Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà ta’ Ċipru – Deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE dwar l-assistenza ta’ likwidità f’emerġenza wara talba tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru – Dikjarazzjonijiet tal-Grupp tal-Euro tal‑25 ta’ Marzu, tat‑12 ta’ April, tat‑13 ta’ Mejju u tat‑13 ta’ Settembru 2013 dwar Ċipru – Deċiżjoni 2013/236/UE – Memorandum ta’ Qbil tas‑26 ta’ April 2013 dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika ekonomika konkluż bejn Ċipru u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà – Rekwiżiti formali – Eżawriment tar-rimedji nazzjonali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dritt għall-proprjetà – Aspettattivi leġittimi – Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-13 ta’ Lulju 2018

1.      Rikors għad-danni – Suġġett – Talba għal kumpens għal dannu imputabbli lill-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Talba għal kumpens minħabba danni kkawżati mill-awtoritajiet nazzjonali – Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali

(Artikolu 13(1) TUE; Artikolu 268 TFUE u t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

2.      Rikors għad-danni – Suġġett – Talba għal kumpens għal dannu kkawat mill-Kummissjoni jew mill-BanK Ċentrali Ewropew fl-eżekuzzjoni ta’ kompiti mogħtija mit-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Ammissibbiltà

(Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

3.      Rikors għad-danni – Natura awtonoma – Differenza b’paragun mar-rikors għal annullament – Kwalità ta’ konvenut – Kriterji ta’ determinazzjoni

(Artikoli 263 TFUE, 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

4.      Rikors għad-danni – Suġġett – Talba għal kumpens għal dannu kkawżat mill-Grupp tal-Euro fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni – Ammissibbiltà

(Artikolu 3 TUE; Artikoli 119(2) TFUE, 137 TFUE u 268 TFUE; Protokoll Nru 14 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 1)

5.      Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Koordinazzjoni tal-politiki monetarji – Laqgħa informali tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala munita fi ħdan il-Grupp tal-Euro – Suġġett – Kompożizzjoni

(Artikolu 137 TFUE; Protokoll Nru 14 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 1; Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 5(1))

6.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Attribuzzjoni ta’ kompetenzi fil-qasam tal-għoti ta’ assistenza finanzjarja – Issuġġettar għad-dritt internazzjonali pubbliku – Imputabbiltà lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ atti mwettqa minnhom fuq il-bażi tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattat dwar il-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà – Esklużjoni

(Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà, Artikolu 13(4))

7.      Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid tal-istabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli f’Ċipru – Integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ bank nazzjonali fi ħdan il-bank ċentrali nazzjonali u konverżjoni ta’ depożiti f’azzjonijiet fi ħdan dan tal-aħħar – Assenza ta’ marġni diskrezzjonali tal-Istat membru kkonċernat

(Artikolu 136(1) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236, Artikolu 2(6)(b) u (d))

8.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Attribuzzjoni ta’ kompiti ġodda lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Assenza ta’ effett fuq il-kompetenzi mogħtija mit-Trattati UE u FUE lil dawn l-istituzzjonijiet – Possibbiltà li tiġi sostnuta n-natura illegali tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija kompiti fil-kuntest ta’ rikors għad-danni

(Artikolu 17(1) TUE; Artikolu 282(2) TFUE; Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 13(3), (4) u (7))

9.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni – Kunċett – Assigurazzjonijiet ipprovduti mill-Grupp tal-Euro – Inklużjoni

10.    Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni – Elementi li jippermettu li jiġu identifikati l-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni, ir-rabta kawżali u n-natura reali u ċerta tad-dannu kkawżat

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(ċ))

11.    Rikors għad-danni – Natura awtonoma – Eżawriment tar-rimedji nazzjonali – Eċċezzjoni – Possibbiltà għall-qorti tal-Unjoni li tidentifika n-natura u l-quantum tad-dannu allegat

(Artikoli 268 TFUE u t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(ċ))

12.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

13.    Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi l-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati ta’ bank nazzjonali u l-iffriżar temporanju ta’ depożiti oħra mhux assigurati ta’ dan il-bank – Kompatibbiltà mad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti – Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-urġenza tas-sitwazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(1) u 52(1); Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 12)

14.    Drittijiet fundamentali – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti mill-Karta – Kundizzjonijiet – Rekwiżit marbut mal-inklużjoni tal-limitazzjoni f’liġi – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 52(1) u (3))

15.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Att regolatorju li jinvolvi għażliet tekniċi u evalwazzjonijiet kumplessi – Ksur suffiċjentement serju ta’ regola superjuri tad-dritt li tagħti drittijiet lil individwi  – Rekwiżit ta’ ksur manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni

(Artikolu 340 TFUE)

16.    Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi – Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà – Konklużjoni ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi l-konverżjoni f’azzjonijiet tad-depożiti mhux assigurati ta’ bank nazzjonali u l-iffriżar temporanju ta’ depożiti oħra mhux assigurati ta’ dan il-bank – Kompatibbiltà mad-dritt għall-proprjetà tad-depożitanti – Eżistenza ta’ sitwazzjonijiet komparabbli – Trattament differenti tal-Istati Membri l-oħra taż-żona euro li jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja – Ksur – Kundizzjonijiet

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17(1); Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, Artikolu 12)

17.    Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Eżami ex officio mill-qorti

(Artikoli 263 TFUE u 296 TFUE)

18.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ – Neċessità li jiġu speċifikati l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti – Assenza

(Artikolu 296 TFUE)

19.    Il-Bank Ċentrali Ewropew – Kompetenzi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali – Determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni u ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji – Esklużjoni

(Artikolu 282(1) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 14.4)

20.    Atti tal-istituzzjonijiet – Natura ġuridika – Determinazzjoni fid-dawl tal-kontenut tal-att – Dikjarazzjoni ta’ intenzjoni li ma ġietx ippubblikata fis-Serje L jew Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ valur ġuridiku

21.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Għoti ta’ għajnuna finanzjarja lil Stat Membru f’diffikultà suġġetta għall-adozzjoni minnu ta’ ċerti miżuri sabiex tinkiseb mill-ġdid l-istabbiltà finanzjarja – Nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ tali miżuri fl-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lil Stati Membri oħra – Ksur – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236)

22.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett – Oneru tal-prova

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21)

23.    Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid tal-istabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli f’Ċipru – Għeluq ta’ bank f’diffikultà u rikapitalizzazzjoni ta’ bank ieħor f’diffikultà permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati tal-ewwel bank f’fondi proprji – Teħid mit-tieni bank tad-dejn tal-ewwel bank permezz tal-assistenza finanzjarja – Trattament differenti tad-depożitanti mhux assigurati taż-żewġ banek b’paragun mal-kredituri li għandhom pretensjonijiet li joriġinaw mill-assistenza finanzjarja – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236; Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013)

24.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Projbizzjoni – Inapplikabbiltà għal sitwazzjoni purament interna ta’ Stat Membru – Limiti – Kontribuzzjoni minn istituzzjoni tal-Unjoni għaż-żamma jew għall-implimentazzjoni ta’ tali trattament – Inammissibbiltà

(Artikolu 18 TFUE)

25.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Ksur – Kunċett

26.    Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid tal-istabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli f’Ċipru – Għeluq ta’ bank f’diffikultà u rikapitalizzazzjoni ta’ bank ieħor f’diffikultà permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati tal-ewwel bank f’fondi proprji – Trattament differenti tad-depożitanti mhux assigurati taż-żewġ banek b’paragun mad-depożitanti ta’ fergħat Griegi ta’ dawn il-banek – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236; Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013)

27.    Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid tal-istabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli f’Ċipru – Għeluq ta’ bank f’diffikultà u rikapitalizzazzjoni ta’ bank ieħor f’diffikultà permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati tal-ewwel bank f’fondi proprji – Trasferiment tad-depożiti lit-tieni bank b’limitu massimu ta’ EUR 100 000 għal kull depożitant – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/19, kif emendata bid-Direttivi 2005/1 u 2009/14, is-16-il premessa u l-Artikolu 7(1a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236; Memorandum ta’ Qbil tas-26 ta’ April 2013)

28.    Proċedura ġudizzjarja – Prova – Oneru tal-prova

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (2015), Artikolu 85)

29.    Politika ekonomika u monetarja – Politika monetarja – Implimentazzjoni – Miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid tal-istabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli f’Ċipru – Għeluq ta’ bank f’diffikultà u rikapitalizzazzjoni ta’ bank ieħor f’diffikultà permezz ta’ konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati tal-ewwel bank f’fondi proprji – Trattament differenti tad-depożitanti mhux assugirati taż-żewġ banek b’paragun mal-kumpanniji tas-settur bankarju kooperattiv li ma kinux suġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236)

1.      Fuq il-bażi tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, il-Qorti Ġenerali, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi kawżi dwar il-kumpens għal danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. It-terminu “istituzzjoni”, użat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma għandux jinftiehem li jirreferi biss għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni mniżżla fl-Artikolu 13(1) TUE. Dan it-terminu jkopri wkoll, fir-rigward tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali stabbilita mit-Trattat FUE, il-korpi u l-organi l-oħrajn kollha tal-Unjoni stabbiliti permezz tat-Trattati u intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, l-azzjonijiet imwettqa minn dawn il-korpi u l-organi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti lilhom mid-dritt tal-Unjoni huma imputabbli lill-Unjoni, konformement mal-prinċipji ġenerali komuni għall-Istati Membri msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu konjizzjoni ta’ talba għad-danni mressqa kontra l-Unjoni u bbażata fuq l-illegalità ta’ att jew ta’ aġir fejn l-awtur la huwa istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni u lanqas wieħed mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu. Għalhekk, id-danni kkawżati mill-awtoritajiet nazzjonali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħhom jistgħu biss iqiegħdu f’riskju r-responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar u l-qrati nazzjonali jibqgħu kompetenti biss sabiex jiżguraw il-kumpens. Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li l-Qorti tal-Unjoni tista’ tieħu konjizzjoni ta’ rikors intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn azzjoni jew aġir li permezz tiegħu awtorità nazzjonali tiżgura l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni. F’każ bħal dan, għandu jiġi vverifikat, sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Unjoni, jekk l-illegalità allegata insostenn tar-rikors twettqitx minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni jew minn wieħed mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu u, fir-realtà, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala imputabbli lill-awtorità nazzjonali inkwistjoni. Dan huwa l-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali ma jkollhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jimplimentaw leġiżlazzjoni tal-Unjoni vvizzjata minn tali illegalità.

(ara l-punti 81 sa 84)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 85)

3.      Il-ġurisdizzjoni eżerċitata mill-qorti tal-Unjoni fil-kontenzjuż tal-legalità skont l-Artikolu 263 TFUE, tvarja kemm fir-rigward tal-għan tagħha kif ukoll tal-ilmenti li jistgħu jiġu invokati mill-ġurisdizzjoni li teżerċita fil-kontenzjuż tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE. Fil-fatt, ir-rikors għad-danni marbut ma’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni għall-azzjonijiet jew għall-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tagħha ġie stabbilit bħala rimedju awtonomu minn azzjonijiet ġudizzjarji oħrajn, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji nazzjonali u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu. Għalkemm ir-rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE għandu l-għan li jneħħi miżura speċifika, ir-rikors għad-danni bbażat fuq l-Artikolu 340 TFUE għandu l-għan li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat minn istituzzjoni.

Għaldaqstant, indipendentement mill-klassifikazzjoni tiegħu bħala att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, kull att ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni jew ta’ wieħed mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu jista’ jkun, bħala regola ġenerali, is-suġġett ta’ rikors għad-danni skont l-Artikolu 268 TFUE. Bl-istess mod, aġir mhux deċiżjonali li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jista’ jkun il-bażi għal rikors għad-danni, anki jekk ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Minn dan jirriżulta li, fis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbiliti permezz tat-Trattat FUE, ir-rikors għad-danni mhux kuntrattwali għandu għan kumpensatorju, intiż li, b’mod partikolari, jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ parti fil-kawża, anki kontra atti jew aġir ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi jew ta’ organi tal-Unjoni jew ta’ wieħed mill-aġenti tagħhom fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, fir-rigward tal-għanijiet differenti u komplementari ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ rikorsi, ma jistax jitqies li l-kontenut tal-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huwa limitat neċessarjament għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Għall-kuntrarju, l-identifikazzjoni tal-entitajiet tal-Unjoni li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandha ssir skont il-kriterji proprji ta’ din id-dispożizzjoni, li huma differenti minn dawk li jiddeterminaw l-identifikazzjoni tal-korpi u tal-organi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għall-ħtiġijiet tal-Artikolu 263 TFUE, il-kriterju rilevanti huwa marbut mal-possibbiltà tal-konvenut li jadotta atti intiżi li jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi. Għall-kuntrarju, għall-ħtiġijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għandu jiġi ddeterminat jekk l-entità tal-Unjoni, li lilha l-att jew l-aġir inkriminat huwa imputabbli, ġietx stabbilita mit-Trattati u jekk hijiex intiża sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni.

(ara l-punti 109 sa 112)

4.      Huma imputabbli lill-Unjoni l-atti u l-aġir tal-Grupp tal-Euro fl-eżerċizzju tal-kompetenzi attribwiti lilu mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro, anness mat-Trattat FUE, jipprovdi li l-Grupp tal-Euro jiltaqa’ sabiex ikunu diskussi kwistjonijiet marbuta mar-responsabbiltajiet speċifiċi li l-ministri li jiffurmawh jaqsmu fejn tidħol il-munita unika. Dawn il-kwistjonijiet jaqgħu, skont l-Artikolu 119(2) TFUE, taħt l-azzjoni tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 TUE, li jinkludu l-istabbiliment ta’ unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha hija l-euro. Minn dan isegwi li l-Grupp tal-Euro huwa entità tal-Unjoni formalment stabbilita mit-Trattati u intiża sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni.

(ara l-punt 113)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 123 sa 125)

6.      Bil-ħolqien tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għażlu li jattribwixxu lil din l-organizzazzjoni internazzjonali, li għandha personalità ġuridika, kompetenzi konkreti u esklużivi fil-qasam tal-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-imsemmija Stati Membri f’diffikultà. L-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi huwa suġġett għar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, speċifiċi għal organizzazzjoni ta’ kooperazzjoni intergovernattiva, bid-dritt tal-Unjoni ikun applikabbli biss sa fejn it-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jipprevedih speċifikament. Għalhekk, l-Istati Membri li l-minuta tagħhom hija l-euro qiegħdu b’mod ċar l-għoti ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja barra kemm mill-isfera ta’ attività tal-Unjoni u kif ukoll mill-qafas regolatorju tagħha.

L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro talbu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew, iwettqu ċerti kompiti għall-benefiċċju tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Madankollu, il-funzjonijiet fdati lil dawn l-istituzzjonijiet fil-kuntest tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ma jinkludu l-ebda setgħa deċiżjonali proprja u l-attivitajiet eżerċitati mill-imsemmija istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu biss lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Għalhekk, fir-rigward ta’ memorandum ta’ qbil konkluż bejn l-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà u Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, ir-rekwiżiti inklużi f’tali memorandum huma imputabbli biss lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, u mhux lill-Kummissjoni.

(ara l-punti 128, 129, 167)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 178 sa 181, 186, 191)

8.      Il-kompiti fdati lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew mit-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ma jiżnaturawx l-kompetenzi li t-Trattat UE u t-Trattat FUE jikkonferixxu lil dawn l-istituzzjonijiet. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Kummissjoni, l-Artikolu 13(3) u (4) tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew jimponilha l-obbligu li tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-memoranda ta’ qbil konklużi mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, sabiex hija iżżomm, fil-kuntest tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(1) TUE. Għalhekk, hija għandha tastjeni milli tiffirma memorandum ta’ qbil li jkollha dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

Konsegwentement, rikorrent għandu d-dritt li jinvoka kontra l-Kummissjoni aġir illegali marbut mal-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil f’isem il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fil-kuntest ta’ rikors għad-danni. F’dan ir-rigward, l-aġir illegali tal-Kummissjoni marbut mal-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil huwa l-uniku aġir illegali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, l-aġir illegali marbut mas-sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ miżuri dannużi mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kummissjoni jista’ jintuża kontrihom fil-kuntest ta’ rikors għad-danni. In-negozjar u l-iffirmar ta’ memorandum ta’ qbil mill-Kummissjoni kif ukoll is-sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ miżuri dannużi mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(7) tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jistgħu għalhekk jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Unjoni.

(ara l-punti 201 sa 204)

9.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni superjuri intiż għall-protezzjoni tal-individwi, li l-ksur tiegħu minn istituzzjoni tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. Id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi jippreżumi li assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt huwa miftuħ għal kull individwu li għandu tamiet fondati mnissla minn istituzzjoni, korp, jew organu tal-Unjoni, billi tawh assigurazzjonijiet preċiżi.

Konsegwentement, il-komunikazzjoni mill-Grupp tal-Euro ta’ assigurazzjonijiet preċiżi fir-rigward ta’ miżuri previsti f’memorandum ta’ qbil konkluż bejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro tista’ tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ assigurazzjonijiet dwar l-għoti ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja lil tali Stat Membru, sa fejn l-għoti ta’ tali faċilità jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, u mhux taħt dawk tal-Grupp tal-Euro, dawn l-assigurazzjonijiet ma humiex mogħtija minn awtorità kompetenti.

(ara l-punti 205, 206, 404, 427)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 215, 216)

11.    L-azzjoni għad-danni skont l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-individwi kollha kemm hi u l-ammissibbiltà tiegħu tista’ b’hekk issib ruħha suġġetta, f’ċerti każijiet, għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali li huma possibbli għall-ksib tal-annullament ta’ deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali, ladarba dawn ir-rimedji nazzjonali jiżguraw b’mod effikaċi l-protezzjoni tal-individwi kkonċernati billi jistgħu jwasslu għall-kumpens tad-dannu allegat.

Il-każijiet fejn l-inammissibbiltà hija kkawżata min-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali jeżistu biss fl-ipoteżi fejn in-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji nazzjonali jfixkel lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika n-natura u l-kwantità tad-dannu invokat quddiemha, bir-riżultat li r-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ma kinux ġew issodisfatti. Fil-każ li l-Qorti tal-Unjoni tkun tista’ tidentifika n-natura u l-quantum tal-allegat dannu, ma jistax jitqies li l-azzjoni hija inammissibbli biss għar-raġuni li r-rikorrent ma eżawrixxiex ir-rimedji nazzjonali, u dan anki mingħajr il-ħtieġa li jiġi ddeterminat jekk l-atti u l-aġir inkwistjoni setgħux jiġu suġġetti għal azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali.

L-iktar l-iktar, jista’ jitqies li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentazzjoni, minn attur wieħed jew iktar, ta’ azzjoni quddiem qorti nazzjonali intiża għall-kumpens ta’ dannu bħal dak f’dan ir-rikors, jista’ jkollha effett fuq il-fondatezza tal-mertu ta’ dan ir-rikors. F’dan ir-rigward, meta, fl-ewwel lok, persuna tkun ippreżentat żewġ azzjonijiet intiżi għall-kumpens għall-uniku u l-istess dannu, wieħed kontra awtorità nazzjonali, quddiem qorti nazzjonali, u l-ieħor kontra istituzzjoni tal-Unjoni, quddiem il-qorti tal-Unjoni u, fit-tieni lok, ikun hemm ir-riskju li, minħabba evalwazzjonijiet differenti ta’ dan id-dannu miż-żewġ qrati aditi, l-imsemmija persuna tiġi kkumpensata insuffiċjentement jew abbużivament, il-qorti tal-Unjoni għandha, qabel ma tiddeċiedi dwar id-dannu, tistenna li l-qorti nazzjonali tkun ħadet deċiżjoni dwar l-azzjoni ppreżentata quddiemha permezz ta’ deċiżjoni li ttemm l-istanza. F’każ bħal dan, il-qorti tal-Unjoni għandha tistenna li l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet qabel ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-quantum tad-dannu. Mill-banda l-oħra, huwa possibbli, għall-qorti tal-Unjoni, anki qabel mal-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet, li tiddetermina jekk l-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni konvenuta huwiex ta’ natura li jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

(ara l-punti 238 sa 241)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 245)

13.    Restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà ma għandhiex tkun eċċessiva. Minn naħa, ir-restrizzjoni għandha twieġeb għall-għan ta’ interess ġenerali mfittex u għandha tkun neċessarja u proporzjonata għal dan l-iskop. Min-naħa l-oħra, l-essenza, jiġifieri s-sustanza, tad-dritt għall-propjetà ma għandhiex tiġi ppreġudikata.

Fir-rigward ta’ memorandum ta’ qbil konkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà ma’ Stat Membru f’diffikultà finanzjarja, mill-Artikolu 12 tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jirriżulta li l-adozzjoni ta’ memorandum ta’ qbil jissodisfa għan ta’ interess ġenerali segwit mill-Unjoni, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fil-fatt, is-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Sa fejn il-banek, sors essenzjali ta’ finanzjament għall-impriżi, ikunu spiss interkonnessi, il-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jista’ jespandi b’mod rapidu għall-banek l-oħrajn fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħrajn, u, konsegwentement, ikollu effetti konsegwenzjali negattivi f’setturi oħrajn tal-ekonomija.

F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ memorandum ta’ qbil li jipprevedi b’mod partikolari r-rikapitalizzazzjoni ta’ bank permezz tal-konverżjoni tad-depożiti mhux assigurati f’fondi proprji, għandha, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi għad-dritt għall-proprjetà, tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità, għall-awtoritajiet nazzjonali, li jaġixxu rapidament fl-adozzjoni tal-miżuri previsti mill-memorandum ta’ qbil. Ir-rapidità li biha jiġu adottati dawn il-miżuri ma tikkostitwixxix indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, iżda tixhed l-urġenza tas-sitwazzjoni li fiha jkun jinsab l-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, din tirrifletti l-prevenzjoni ta’ riskju imminenti ta’ kollass tal-banek imsemmija għas-salvagwardja tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja nazzjonali u, għalhekk, l-evitar ta’ kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro. L-iżvilupp ta’ sistema differenzjata ta’ haircut f’tali kuntest jeżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jassumu approċċ partikolarment sensittiv u inċert sabiex jiġi żgurat li l-perċentwali u l-livelli minimi magħżula jippermettu lill-bank rikapitalizzat jikseb il-livell minimu ta’ kapital proprju msemmi fil-memorandum ta’ qbil, b’tali mod li r-rikapitalizzazzjoni tiegħu tiġi esposta għal riskji sinjifikattivi.

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżit li l-persuni kkonċernati jingħataw opportunità xierqa sabiex iressqu il-każ tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti, l-imsemmi rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-persuni interessati għandhom, fiċ-ċirkustanzi kollha, jipprovaw jaffermaw l-opinjoni tagħhom quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jippreġudikaw id-dritt għall-proprjetà tagħhom. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ fejn il-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux sanzjoni u jiġu adottati fil-kuntest ta’ urġenza partikolari. F’dan ir-rigward, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel, fil-kuntest fejn eluf ta’ depożitanti u azzjonisti tal-banek imsemmija jistgħu effettivament isostnu l-opinjoni tagħhom quddiem il-Bank Ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, iddewwem inevitabbilment l-adozzjoni tal-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ tali kollass. It-twettiq tal-għan li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja nazzjonali u, għalhekk, li jiġi evitat kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro, ikun espost għal riskji sinjifikattivi.

(ara l-punti 255, 282, 290, 310)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 272)

15.    Meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jissejħu, f’kuntest kumpless u evoluzzjonarju, sabiex jagħmlu għażliet tekniċi u jwettqu previżjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, xorta waħda hemm lok li l-imsemmija istituzzjonijiet jingħataw setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tan-natura u l-portata tal-miżuri li huma insostenn tagħhom jew li skonthom jeħtieġu ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa. F’kuntest bħal dan, il-kundizzjoni marbuta mal-illegalità tal-aġir li bih hija akkużata istituzzjoni teżiġi li jiġi stabbilit nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

(ara l-punt 291)

16.    Il-miżuri li jista’ jiġi suġġett għalihom l-għoti ta’ assistenza finanzjarja pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati) sabiex jissolvew id-diffikultajiet finanzjarji li jiltaqa’ magħhom Stat li jeħtieġ jirrikapitalizza s-sistema bankarja tiegħu jistgħu jvarjaw fundamentalment minn każ għal ieħor skont l-esperjenza miksuba u skont ġabra ta’ ċirkustanzi partikolari. B’mod partikolari, fosthom jista’ jkun hemm is-sitwazzjoni ekonomika tal-Istat benefiċjarju, l-importanza tal-għajnuna fid-dawl tal-ekonomija kollha, il-possibbiltajiet li l-banek ikkonċernati jerġgħu jsiru ekonomikament vijabbli u r-raġunijiet li wasslu għad-diffikultajiet li dawn iltaqgħu magħhom, inklużi, jekk ikun il-każ, id-daqs eċċessiv tas-settur bankarju tal-Istat benefiċjarju meta mqabbel mal-ekonomija nazzjonali tiegħu, l-iżvilupp ta’ sitwazzjoni ekonomika internazzjonali jew ta’ probabbiltà ogħla ta’ interventi futuri tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati) insostenn ta’ Stati oħrajn f’diffikultà li jistgħu jeħtieġu limitu preventiv tal-ammonti ddedikati għal kull intervent.

Konsegwentement, fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ memorandum ta’ qbil konkluż bejn il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u Stat benefiċjarju ta’ assistenza finanzjarja mad-dritt għall-proprjetà, tqabbil tal-importanza (assoluta u relattiva) tal-assistenza finanzjarja li minnha bbenefikaw, minn naħa, l-imsemmi Stat benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, Stati oħra benefiċjarji ta’ assistenza finanzjarja ma jistax isir b’mod validu, mingħajr ma jintwera li s-setturi finanzjarji rispettivi tal-Istati l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja kienu kkaratterizzati minn dimensjoni eċċessiva fid-dawl tad-daqs tal-ekonomiji nazzjonali rispettivi ta’ dawn l-Istati. Għandu jintwera wkoll li l-esperjenza miksuba u d-differenzi relatati mas-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati kkonċernati li l-munita tagħhom hija l-euro jew mal-possibbiltajiet li l-banek ikkonċernati jerġgħu jsiru ekonomikament vijabbli, l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali jew anki probabbiltà ogħla ta’ interventi futuri tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà insostenn ta’ Stati oħrajn f’diffikultà li jistgħu jeħtieġu limitu preventiv tal-ammonti stabbiliti għal kull intervent ma jistgħux jiġġustifikaw differenza fit-trattament bejn l-Istat benefiċjarju u l-Istati l-oħra benefiċjarji ta’ assistenza finanzjarja.

(ara l-punti 311 sa 313)

17.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 390)

18.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 392 sa 395)

19.    Il-banek ċentrali nazzjonali jeżerċitaw żewġ tipi ta’ funzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, dawk li huma previsti mill-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, it-tieni nett, dawk li ma humiex. Dawn tal-aħħar la jistgħu jkunu imputabbli lis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u lanqas lill-Eurosistema. Fil-fatt, l-Artikolu 14.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprevedi li l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jeżerċitaw funzjonijiet oħrajn minbarra dawk speċifikati fl-imsemmi statut, sakemm il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jiddeċidix, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li dawn jinterferixxu mal-għanijiet u mal-missjonijiet tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali. Il-funzjonijiet li l-banek ċentrali nazzjonali jwettqu taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u b’riskju tagħhom stess ma għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.

F’dan ir-rigward, l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ma jagħmilx riferiment, fost il-missjonijiet tal-Bank Ċentrali Eworpew u tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni jew ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, dan jirrigwarda l-funzjonijiet li l-banek ċentrali nazzjonali jeżerċitaw taħt ir-responsabbiltà u bir-riskju tagħhom stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, qarrej prudenti u avżat ma jistax raġonevolment iqis li affermazzjoni magħmula minn bank ċentrali nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni jew ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji hija imputabbli lill-Eurosistema u torbot lil din tal-aħħar. La l-Artikolu 282(1) TFUE u lanqas l-istqarrija tal-missjoni tal-Eurosistema ma jqiegħdu f’dubju din il-konklużjoni. Għalhekk, ma jistax raġonevolment jiġi dedott mill-Artikolu 282(1) TFUE li l-Eurosistema tiggarantixxi ż-żamma tal-valur tad-depożiti fdati lil banek nazzjonali fil-każ tar-rikapitalizzazzjoni jew tar-riżoluzzjoni tagħhom.

(ara l-punti 415 sa 417, 419)

20.    L-istqarrija tal-missjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Eurosistema hija sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni mingħajr l-ebda valur ġuridiku u, bħala tali, la ġiet ippubblikata fis-Serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-għan li tippubblika atti legalment vinkolanti, u lanqas fis-Serje Ċ tiegħu, li tippubblika informazzjoni, rakkomandazzjonijiet u pariri li jikkonċernaw l-Unjoni. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni hija, min-natura tagħha stess, ta’ natura purament aspirazzjonali u ma għandhiex l-għan li timponi obbligi fuq l-awturi tagħha jew li tidentifika b’mod eżawrjenti l-missjonijiet u l-kompetenzi kollha tal-membri tal-Eurosistema.

(ara l-punt 420)

21.    Is-sempliċi fatt li, matul il-fażijiet li ppreċedew il-kriżi finanzjarja internazzjonali, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja ma ġiex suġġett għall-adozzjoni ta’ miżuri komparabbli mal-miżuri imposti fuq Stat benefiċjarju ma jistax, bħala tali, jitqies bħala assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti li tista’ tagħti lok għall-aspettattivi leġittimi tal-azzjonisti u tad-depożitanti tal-banek previsti minn dawn il-miżuri li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-imsemmi Stat Membru mhux se jkun suġġett għalihom.

F’dan ir-rigward, il-miżuri li għalihom jista’ jkun suġġett l-għoti ta’ assistenza finanzjarja pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew tal-Istati) biex isolvu d-diffikultajiet finanzjarji affaċċjati minn Stat li jeħtieġ rikapitalizzazzjoni tas-sistema bankarja tiegħu jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn każ għal ieħor fid-dawl tal-esperjenza miksuba u ta’ ġabra ta’ ċirkustanzi partikolari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ impenn ċar u espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti, ma huwiex possibbli jitqies li l-azzjonisti u d-depożitanti tal-banek previsti mill-miżuti inkwistjoni setgħu leġittimament jistennew li l-għoti tal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja ikun suġġett għal kundizzjonijiet identiċi jew anki simili għal dawk li għalihom l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro kien ġie suġġett.

(ara l-punti 432, 433)

22.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 440 sa 442)

23.    Jinsabu f’sitwazzjoni differenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minn naħa, operatur privat li, bħad-depożitanti mhux assigurati tal-banek nazzjonali previsti mill-miżuri previsti f’memorandum ta’ qbil konkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u l-azzjonisti ta’ bank nazzjonali ieħor li ġie rikapitalizzat permezz tal-imsemmija depożiti mhux assigurati, jaġixxi biss fl-interess patrimonjali privat tiegħu u, min-naħa l-oħra, bank ċentrali tal-Eurosistema, li d-deċiżjonijiet tiegħu kienu esklużivament iggwidati minn għanijiet ta’ interess pubbliku. Is-sempliċi fatt li depożitanti u bank ċentrali tal-Eurosistema li d-deċiżjonijiet tiegħu huma ggwidati minn tali għanijiet għandhom l-istess titolu ta’ dejn fil-konfront tal-istess bank ma jistax jinvalida din il-konklużjoni, b’tali mod li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jeżiġi li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni jiġu ttrattati bl-istess mod.

(ara l-punt 449)

24.    Id-dritt tal-Unjoni jaqbel, f’sitwazzjonijiet li ma jippreżentaw l-ebda fattur ta’ rabta ma’ kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet previsti minn dan id-dritt u fejn l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma ristretti għal Stat Membru wieħed, mal-fatt li ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru jirċievu, mingħand dan l-Istat, trattament inqas favorevoli minn dak ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, din is-soluzzjoni ma tapplikax għall-atti u l-ommissjonijiet li permezz tagħhom waħda jew diversi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkontribwixxu għal tali trattament jew jeżiġu ż-żamma jew l-implimentazzjoni kontinwa tiegħu.

Għalhekk, fir-rigward ta’ memorandum ta’ qbil konkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li jipprevedi b’mod partikolari r-rikapitalizzazzjoni ta’ bank nazzjonali permezz ta’ depożiti mhux assigurati ta’ bank nazzjonali ieħor, anki jekk wieħed jassumi li l-allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni bejn id-depożitanti tal-banek tal-Istat Membru kkonċernat u d-depożitanti fil-fergħat ta’ dawn l-istess banek fi Stat Membru ieħor jistgħu jitqiesu bħala li jipprevedu sitwazzjoni li l-aspetti rilevanti kollha tagħha huma limitati għall-intern ta’ Stat Membru wieħed, ma jistax validament jiġi sostnut li kull diskriminazzjoni sostnuta mill-azzjonisti u d-depożitanti tal-banek previsti għandha titqies bħala diskriminazzjoni inversa, li ma hijiex ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 461 sa 463)

25.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 465)

26.    Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun, minn naħa, ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, meta din id-differenza tkun proporzjonata għall-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat.

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-differenza fit-trattament magħmula minn memorandum ta’ qbil konkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bejn id-depożitanti fil-banek nazzjonali previsti mill-miżuri inklużi fl-imsemmi memorandum u d-depożitanti fil-fergħat ta’ dawn il-banek fi Stat Membru ieħor hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, l-għan tal-prevenzjoni ta’ distabbilizzazzjoni ġenerali tas-sistema finanzjarja tat-tieni Stat Membru permezz ta’ kontaġju mis-sistema bankarja tal-ewwel Stat Membru għandu jitqies bħala oġġettiv u raġonevoli. Fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ din id-differenza fit-trattament, għandu jiġi kkonstatat li din hija kapaċi li tilħaq l-għanijiet imfittxija u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu.

Konsegwentement, il-fatt li l-faċilità ta’ assistenza finanzjarja, minn naħa, kienet suġġetta għall-adozzjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali tat-tieni Stat Membru, ta’ miżura li tordna haircut tad-depożiti fil-banek imsemmija f’dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, ma ġietx suġġetta għal kundizzjoni simili fir-rigward tad-depożiti fl-ewwel Stat Membru huwa oġġettivament iġġustifikat u għalhekk ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 469 sa 473)

27.    Fir-rigward ta’ miżura prevista f’memorandum ta’ qbil konkluż mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li tipprevedi li jiġi ttrasferit lil bank nazzjonali f’diffikultà dejn ta’ bank nazzjonali ieħor fil-konfront ta’ kull wieħed mid-depożitanti tiegħu sal-limitu ta’ EUR 100 000, filwaqt li l-ammonti ogħla minn dan l-ammont jinżammu mit-tieni bank, fl-istennija tal-likwidazzjoni tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din il-miżura tapplika indistintament għad-depożitanti kollha tat-tieni bank, b’mod li ma hemm l-ebda differenza fit-trattament bejn dawn id-depożitanti skont l-ammont tad-depożiti li bihom huma fdaw lil dan il-bank.

Is-sempliċi fatt li t-trasferiment fl-ewwel bank tad-depożiti fdati lit-tieni bank huwa suġġett għal limitu massimu ta’ EUR 100 000 għal kull depożitant u, konsegwentement, jista’ jkollu konsegwenzi differenti fuq dawn id-depożitanti skont l-ammont tad-depożiti tagħhom, ma jistax iqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju. Kwalunkwe differenza ta’ din in-natura tirriżulta, fil-fatt, mill-applikazzjoni ta’ limitu massimu ta’ garanzija ta’ EUR 100 000 previst mill-Artikolu 7(1a) tad-Direttiva 94/19 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, kif emendata bid-Direttiva 2005/1 u d-Direttiva 2009/14. Issa, dan jirrigwarda kriterju oġġettiv u adattat għall-ħtiġijiet tal-funzjonament tas-sistema bankarja tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ miżura ta’ konverżjoni ta’ azzjonijiet tal-ewwel bank prevista fil-memorandum ta’ qbil li skontha l-haircut tad-depożiti mhux assigurati ta’ dan il-bank tapplika biss għad-depożitanti tiegħu b’depożiti li jeċċedu EUR 100 000, minn dan jirriżulta differenza fit-trattament bejn id-depożitanti tal-imsemmi bank skont jekk l-ammont tad-depożiti li huma fdaw lil dan tal-aħħar jaqbiżx il-EUR 100 000 jew le. Madankollu, din id-differenza fit-trattament bl-ebda mod ma tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn id-depożitanti li d-depożiti tagħhom fil-banek imsemmija jaqbżu l-EUR 100 000 jinsabu f’sitwazzjoni ġuridikament differenti minn dik tad-depożitanti li d-depożiti tagħhom fil-banek imsemmija ma jaqbżux dan l-ammont. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 7(1a) tad-Direttiva 94/19, id-depożiti ta’ dawn tal-aħħar huma, f’każ ta’ indisponibbiltà ta’ depożiti, kompletament koperti mis-sistema nazzjonali ta’ garanzija għal depożiti, filwaqt li d-depożiti ta’ dawk tal-ewwel huma koperti biss sa EUR 100 000.

(ara l-punti 482 sa 485)

28.    Fil-prinċipju, hija l-persuna li tallega fatti insostenn ta’ talba li għandha l-oneru li tipproduċi l-provi tar-realtà ta’ dawn il-fatti.

(ara l-punt 501)

29.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 504 sa 508)