Language of document : ECLI:EU:T:2018:619

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

27 ta’ Settembru 2018 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu – Iffriżar ta’ fondi – Ammissibbiltà – Għanijiet – Kriterji ta’ inklużjoni tal-persuni kkonċernati – Tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fuq il-lista tal-persuni kkonċernati – Bażi fattwali – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali – Proporzjonalità – Dritt għal smigħ xieraq – Preżunzjoni tal-innoċenza – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑288/15,

Ahmed Abdelaziz Ezz, residenti f’Giza (l-Eġittu),

Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed Salama, residenti fil-Kajr (l-Eġittu),

Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin, residenti f’Giza,

Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar, residenti f’Giza,

inizjalment irrappreżentati minn J. Lewis, B. Kennelly, QC, J. Pobjoy, barrister, J. Binns, S. Rowe, solicitors, u J.-F. Bellis, avukat, sussegwentement minn B. Kennelly, J. Pobjoy, S. Rowe u H. de Charette, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u I. Gurov, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/486 tal‑20 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2015, L 77, p. 16), it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/411 tat‑18 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2016, L 74, p. 40), u, it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/496 tal‑21 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2017, L 76, p. 22), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, I. Labucka, A. Dittrich, I. Ulloa Rubio u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest fattwali

A.      L-atti adottati mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrenti

1        Wara l-avvenimenti politiċi li seħħew fl-Eġittu minn Jannar 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fil‑21 ta’ Marzu 2011, fuq il-bażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011, L 76, p. 63).

2        Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2011/172 jindikaw:

“(1) Fil‑21 ta’ Frar 2011, l-Unjoni Ewropea ddikjarat li hija lesta tappoġġa t-transizzjoni paċifika u ordinata għal gvern ċivili u demokratiku fl-Eġittu bbażat fuq l-istat tad-dritt, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u tappoġġa sforzi sabiex tinħoloq ekonomija li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u tippromwovi t-tkabbir ekonomiku.

(2) F’dan il-kuntest, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan u li b’hekk qed iċaħħdu lill-poplu Eġizzjan mill-benefiċċji ta’ żvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jimminaw l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.”

3        L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 kif emendat b’rettifika (ĠU 2014 L 203, p. 113) jipprovdi li:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Eġizzjan, u persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

4        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/172, fil-verżjoni inizjali tiegħu, jipprevedi li din id-deċiżjoni kienet tapplika sat‑22 ta’ Marzu 2012. It-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprevedi li din id-deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti u għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif meħtieġ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux. Bl-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kunsill ġedded l-imsemmija deċiżjoni għal diversi drabi għal perijodu ta’ sena billi adotta, suċċessivament, id-Deċiżjoni 2012/159/PESK tad‑19 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 80, p. 18), id-Deċiżjoni 2013/144/PESK tal‑21 ta’ Marzu 2013 (ĠU 2013, L 82, p. 54), id-Deċiżjoni 2014/153/PESK tal‑20 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, L 85, p. 9), id-Deċiżjoni (PESK) 2015/486 tal‑20 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, L 77, p. 16), id-Deċiżjoni (PESK) 2016/411 tat‑18 ta’ Marzu 2016 (ĠU 2016, L 74, p. 40), u d-Deċiżjoni (PESK) 2017/496 tal‑21 ta’ Marzu 2017 (ĠU 2017, L 76, p. 22).

5        Ir-rikorrenti, Ahmed Abdelaziz Ezz u Abla Mohamed Fawzi Ali Ahmed Salama, Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin u Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar, kienu msemmija sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172, rispettivament fis-seba’, fit-tmien, fid-disa’ u fl-għaxar linja tal-lista li tinsab fl-anness għal din id-deċiżjoni. L-informazzjoni ta’ identifikazzjoni relatata ma’ kull wieħed minnhom, li kienet tinsab f’din il-lista, kienet, sa fejn tikkonċerna lill-ewwel rikorrent, “Ex-Membru tal-Parlament; Data tat-twelid: 12.01.1959; Raġel”, sa fejn tikkonċerna lit-tieni rikorrenti, “Mart Ahmed Abdelaziz Ezz; Data tat-twelid: 31.01.1963; Mara”, sa fejn tikkonċerna lit-tielet rikorrenti, “Mart Ahmed Abdelaziz Ezz; Data tat-twelid: 25.05.1959; Mara”, sa fejn tikkonċerna lir-raba’ rikorrenti, “Mart Ahmed Abdelaziz Ezz; Data tat-twelid: 09.10.1969; Mara”. Id-Deċiżjoni 2017/496 irrettifikat il-kunjom tat-tieni rikorrenti.

6        Ir-raġuni għall-inklużjoni tar-rikorrenti kienet kif imiss: “Persuna soġġetta għal proċedimenti ġudizzjarji mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tal-misapproprjazzjoni ta’ Fondi tal-Istat abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni”. Din ir-raġuni baqgħet identika matul it-tiġdid suċċessiv tal-imsemmija deċiżjoni. B’mod partikolari, l-emendi relatati mar-raġuni għall-inklużjoni, introdotti mid-Deċiżjoni 2017/496, ma kinux jikkonċernaw lir-rikorrenti, iżda biss lill-persuni oħra inklużi fl-istess lista.

7        Abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/172, fil‑21 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 270/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011, L 76, p. 4, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 54). Dan ir-regolament, essenzjalment, jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/172 u l-lista li tinsab fl-Anness I tiegħu hija identika għal dik fl-anness għal din id-deċiżjoni. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/491 tal‑21 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta r-Regolament Nru 270/2011 (ĠU 2017, L 76, p. 10), għamel emendi għal-lista li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament, li jikkorrispondu għal dawk introdotti mid-Deċiżjoni 2017/496.

B.      Il-proċeduri mressqa mir-rikorrenti quddiem il-qrati tal-Unjoni qabel jew fl-istess ħin ma’ din il-kawża

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fl‑20 ta’ Mejju 2011, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali taħt in-numru T‑256/11, ir-rikorrenti talbu l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom.

9        Fl‑24 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors ġdid, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali taħt in-numru T‑279/13, li permezz tiegħu talbu l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/172, kif emendata bid-Deċiżjoni 2013/144, u tar-Regolament Nru 270/2011, “imġedded b’deċiżjoni tal-Kunsill li ġiet innotifikata [lilhom] permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Marzu 2013”, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom.

10      Ir-rikors tar-rikorrenti fil-Kawża T‑256/11 ġie miċħud permezz tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93). Fil‑5 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw appell kontra din is-sentenza.

11      Fit‑30 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti, kull wieħed sa fejn huma kkonċernati, ippreżentaw erba’ rikorsi distinti kontra d-Deċiżjoni 2014/153, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernahom (Kawżi T‑375/14, Al Naggar vs Il-Kunsill, T‑376/14, Yassin vs Il-Kunsill, T‑377/14, Ezz vs Il-Kunsill u T‑378/14, Salama vs Il-Kunsill).

12      Is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), ċaħdet l-appell tar-rikorrenti msemmi fil-punt 10 iktar ’il fuq.

13      Fid‑29 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ressqu talba għal adattament li kellha l-għan li testendi t-talbiet inizjali tar-rikors tagħhom fil-Kawża T‑279/13 għad-“Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/485 tal‑20 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu”.

14      Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78), mogħti fuq il-bażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża inkwistjoni ġie miċħud. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala manifestament inammissibbli t-talbiet tan-nota ta’ adattament imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq minħabba lis pendens. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienet teżisti identità tal-partijiet, tal-motivi u tas-suġġett bejn dan ir-rikors u din in-nota ta’ adattament u li din tal-aħħar kienet ġiet ippreżentata wara l-imsemmi rikors (digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78, punti 22 sa 30). Min-naħa l-oħra, hija ċaħdet it-talbiet tar-rikors bħala manifestament infondati fid-dritt (digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78, punti 43 sa 79).

15      Permezz tad-digrieti tal‑21 ta’ Marzu 2016 tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Kawżi T‑375/14, T‑376/14, T‑377/14 u T‑378/14 tħassru mir-reġistru wara r-rinunzja għall-atti mir-rikorrenti (digrieti tal‑21 ta’ Marzu 2016, Al Naggar vs Il-Kunsill, T‑375/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:185, tal‑21 ta’ Marzu 2016, Yassin vs Il-Kunsill, T‑376/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:186, tal‑21 ta’ Marzu 2016, Ezz vs Il-Kunsill, T‑377/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:187, u tal‑21 ta’ Marzu 2016, Salama vs Il-Kunsill, T‑378/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:188).

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Mejju 2016, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali taħt in-numru T‑269/16, l-ewwel rikorrent ippreżenta rikors kontra d-Deċiżjoni 2016/411, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernah. Permezz ta’ att separat, irreġistrat fl-istess ġurnata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali taħt in-numru T‑269/16, it-tieni, it-tielet u r-raba’ rikorrenti ppreżentaw rikors kontra d-Deċiżjoni 2016/411, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernahom.

17      Fit‑12 ta’ Settembru 2016, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet, ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikorsi tar-rikorrenti msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq minħabba lis pendens fir-rigward tal-preżentata tan-nota ta’ adattament tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors intiż kontra d-Deċiżjoni 2016/411, li huwa msemmi fil-punt 22 iktar ’il quddiem (digrieti tat‑12 ta’ Settembru 2016, Ezz vs Il-Kunsill, T‑268/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:606, punt 15, u tat‑12 ta’ Settembru 2016, Salama et vs Il-Kunsill, T‑269/16, mhux ippubblikat, EU:T:2016:607, punt 15).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. Skont l-ewwel paġna u l-punt 1 tar-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-“Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/485 tal‑20 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu”, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernahom. Huma jitolbu wkoll il-kundanna tal-Kunsill għall-ispejjeż.

19      F’ittra lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bid-data tal‑24 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti indikaw li r-rikors kellu jinqara bħala li jirreferi għad-Deċiżjoni 2015/486, fejn ir-referenza “2015/485” tirriżulta minn żball tal-pinna.

20      Fil‑15 ta’ Frar 2016, il-Kunsill ippreżenta r-risposta. F’din ir-risposta, huwa jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fil‑31 ta’ Marzu 2016 u fis‑27 ta’ Mejju 2016, rispettivament.

22      Fil‑25 ta’ Mejju 2016, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ppreżentaw nota ta’ adattament, li fiha talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2016/411, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż

23      Fit‑30 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ adattament, fejn iddikjara li kien ser iżomm it-talbiet tar-risposta.

24      Fil‑25 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti talbu li tinżamm seduta.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2016, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lill-Ħames Awla.

26      Fil‑31 ta’ Marzu 2017, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jibagħtulha ċertu għadd ta’ dokumenti.

27      Ir-rikorrenti u l-Kunsill wieġbu għal dawn it-talbiet fil‑11 u fil‑21 ta’ April 2017, rispettivament.

28      Fuq proposta tal-Ħames Awla, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2017, assenjat il-kawża lill-Ħames Awla Estiża.

29      Fit‑18 ta’ Mejju 2017, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, stiednet lill-partijiet jibagħtulha informazzjoni komplementari u, min-naħa l-oħra, staqsiethom dwar il-kwistjoni tal-effett, għal din il-kawża, ta’ xi wħud mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

30      Fis‑26 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw it-tieni nota ta’ adattament li fiha jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla, minn naħa, id-Deċiżjoni 2017/496 u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/491, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom.

31      Il-partijiet wieġbu għat-talbiet tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq b’ittri tal‑1 u tat‑8 ta’ Ġunju 2017.

32      Permezz ta’ att proċedurali bid-data tat‑8 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tieħu, fuq il-bażi tal-Artikolu 92(1), tal-Artikolu 93(1) u tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, miżura istruttorja intiża għas-smigħ, bħala xhud, tar-rappreżentant legali tagħhom fl-Eġittu. Fid‑19 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din it-talba għal miżura istruttorja.

33      Fis‑26 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet dwar it-tieni nota ta’ adattament, li fihom iddikjara li kien ser iżomm it-talbiet tar-risposta.

34      Is-seduta għas-sottomissjonijiet orali inżammet fl‑4 ta’ Lulju 2017. Fuq talba tar-rikorrenti, din żvolġiet, wara li nstema’ l-Kunsill, bil-magħluq. Ir-rikorrenti ppreċiżaw, madankollu, li din it-talba ma kinitx timplika l-ipproċessar kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni fid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ttemm il-kawża. [kunfidenzjali] (1).

35      Fid‑19 ta’ Settembru 2017, il-Qorti Ġenerali reġgħet fetħet il-fażi orali tal-proċedura u stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar l-effett possibbli, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583). Il-partijiet bagħtu t-tweġiba tagħhom lill-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ottubru 2017.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet tar-rikors

36      Fir-risposta, il-Kunsill invoka diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-konfront tat-talbiet tar-rikors intiżi għall-annullament tad-“Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/485 tal‑20 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu”, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lir-rikorrenti. Qabel kollox, il-Kunsill iqis li dawn it-talbiet jirreferu jew għal att ineżistenti, jew għal att li r-rikorrenti, manifestament, ma għandhomx locus standi kontra tiegħu. Sussegwentement, huwa jqis li, sa fejn ir-rettifika magħmula mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tal‑24 ta’ Awwissu 2015 saret wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst għar-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors kontra d-Deċiżjoni 2015/486 huwa tardiv. Fl-aħħar nett, huwa jafferma li, jekk jirriżulta li dan ir-rikors ġie ppreżentat wara n-nota ta’ adattament fil-Kawża T‑279/13, ippreżentata mir-rikorrenti fl-istess ġurnata, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba lis pendens.

37      Fir-replika, ir-rikorrenti jaffermaw li r-referenza “2015/485” tikkostitwixxi biss żball tal-pinna, li ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali fid-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78). Barra minn hekk, huma jikkontestaw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ lis pendens fir-rigward ta’ dan id-digriet.

38      F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabel kollox, tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit li skontu, skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jkun fih is-suġġett tal-kawża jimplika li din l-inklużjoni hija ċara u preċiża biżżejjed biex il-konvenut jkun jista’ jippreżenta r-risposta tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tiegħu (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il-Kunsill, T‑592/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:427, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Madankollu, l-identifikazzjoni tal-att ikkontestat tista’ tirriżulta b’mod impliċitu mill-kontenut tar-rikors (ara, f’dan is-sens id-digriet tat‑13 ta’ April 2011, Planet vs Il-Kummissjoni, T‑320/09, EU:T:2011:172, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali diġà aċċettaw il-possibbiltà li jiġu kkwalifikati mill-ġdid it-talbiet li jindikaw b’mod mhux preċiż jew b’mod żbaljat l-att ikkontestat wieħed jew iktar, peress li l-kontenut tar-rikors u l-kuntest fattwali u legali jippermettu li dawn l-atti jiġu identifikati mingħajr ambigwità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1993, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑217/91, EU:C:1993:293, punti 14 sa 16, u tat‑13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il-Kunsill, T‑592/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:427, punt 24).

40      F’dan il-każ, għalkemm, bħalma huwa indikat fil-punt 18 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, fl-ewwel paġna u fil-punt 1 tar-rikors, jirreferu għar-referenza “2015/485” biex jindikaw id-deċiżjoni kkontestata fir-rikors, għandu jiġi kkonstatat li, min-naħa l-oħra, huma jirreferu għat-titolu sħiħ tad-Deċiżjoni 2015/486. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet iċċitati mir-rikorrenti fil-korp tar-rikors huma dawk tad-Deċiżjoni 2015/486 u mhux dawk tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/485 tal‑20 ta’ Marzu 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (ĠU 2015, L 77, p. 12). Barra minn hekk, ir-rikorrenti hemżu mar-rikors kopja tad-Deċiżjoni 2015/486 u mhux tad-Deċiżjoni 2015/485.

41      Għalhekk, bħalma kkonfermaw ir-rikorrenti, barra minn hekk, fl-ittra tagħhom lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Awwissu 2015 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), dan ir-rikors għandu jitqies bħala intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2015/486, sa fejn dan l-att jikkonċernahom, fejn ir-referenza “2015/485” fir-rikors tikkostitwixxi sempliċi żball tal-pinna mingħajr effett fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Konsegwentement, dan ir-rikors ma jistax jitqies bħala intiż għal att ineżistenti, u lanqas intiż għal att li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi fil-konfront tiegħu.

42      Fir-rigward, sussegwentement, tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, għandha titqies, biex tiġi evalwata l-osservanza, f’dan il-każ, tat-terminu tar-rikors kontra d-Deċiżjoni 2015/486, id-data tal-preżentata tar-rikors, jiġifieri d-29 ta’ Mejju 2015, u mhux id-data tal-preżentata tal-ittra tar-rikorrenti tal‑24 ta’ Awwissu 2015. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, il-kontenut tar-rikors u tal-annessi tiegħu jippermetti, minnu nnifsu, li din id-deċiżjoni tiġi identifikata mingħajr diffikultà bħala li tifforma s-suġġett tar-rikors. Issa, b’kunsiderazzjoni tad-data tal‑24 ta’ Marzu 2015 li tinsab fl-ittra li permezz tagħha l-Kunsill innotifika l-imsemmija deċiżjoni lir-rikorrenti, il-preżentata tar-rikors fid‑29 ta’ Mejju 2015 tissodisfa t-terminu tar-rikors kontra din l-istess deċiżjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura.

43      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, bħalma l-Kunsill, barra minn hekk, ammetta fir-replika, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 22 sa 30 tad-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78), li l-preżentata tan-nota ta’ adattament ippreżentata fil-Kawża T‑279/13 bl-għan li t-talbiet u l-motivi tar-rikors jiġu adattati għad-Deċiżjoni 2015/486 saret wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors u li din in-nota ta’ adattament kellha għalhekk tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli minħabba lis pendens. It-talbiet tar-rikors għalhekk ma humiex inammissibbli għal din ir-raġuni.

44      L-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq għalhekk jistgħu biss jiġu miċħuda.

B.      Fuq il-mertu

45      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li permezz tagħhom, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, tad-Deċiżjoni 2016/411 u tad-Deċiżjoni 2017/496, l-inklużjoni tagħhom fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 ġiet imġedda, rispettivament, fl‑2015, fl‑2016 u fl‑2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). Insostenn tat-talbiet tagħhom, huma jqajmu ħames motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, huma jinvokaw eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, kif imġedded mid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011, ibbażata, essenzjalment, fuq nuqqas ta’ bażi legali u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità It-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv huma bbażati, rispettivament, fuq il-ksur mill-Kunsill tal-Artikolu 6 TUE, ikkunsidrat mal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(5) TUE, u tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), sa fejn il-Kunsill naqas milli jiżgura li l-proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu li jikkonċernaw ir-rikorrenti kienu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, fuq il-ksur tal-kriterji ġenerali stabbiliti mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Deċiżjoni 2011/172 u tar-Regolament Nru 270/2011, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u fuq ir-restrizzjoni inġustifikata u sproporzjonata tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti u fuq dannu għar-reputazzjoni tagħhom.

46      B’mod preliminari, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kunsill li motivi identiċi, mill-inqas essenzjalment, għall-motivi stabbiliti fil-punt 45 iktar ’il fuq diġà ġew eżaminati u miċħuda fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), u, wara l-appell minn din is-sentenza, fis-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147). Minn dan il-Kunsill jikkonkludi li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud, permezz ta’ digriet, bħala manifestament infondat fid-dritt, fuq il-bażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura.

47      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kunsill li naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni ċertu għadd ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-iżviluppi politiċi u ġudizzjarji li seħħew sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172 u li tagħti d-dehra, b’mod ġenerali, ta’ ksur, mill-awtoritajiet Eġizzjani, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent fil-kuntest tal-proċeduri kriminali attwali li huwa kien is-suġġett tagħhom. Ir-rikorrenti jaffermaw li huma għarrfu lill-Kunsill b’din l-informazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ittra tagħhom tat‑23 ta’ Diċembru 2014. Fin-noti ta’ adattament, huma jaffermaw li ppreżentaw informazzjoni supplimentari tal-istess natura lill-Kunsill qabel it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom fl‑2016 u fl‑2017.

48      Issa, fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), u fid-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78), li jiddeċiedu dwar ir-rikorsi tar-rikorrenti msemmija fil-punti 8 u 9 iktar ’il fuq, dan l-ilment ma ġiex eżaminat mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rrinunzjaw għall-atti fil-mori tal-kawża tar-rikorsi tagħhom fil-Kawżi T‑375/14 sa T‑378/14.

49      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 2011/172 jipprovdi li, fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew lill-entità kkonċernata. Barra minn hekk, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni, din għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti u għandha tiġġedded jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.

50      Mill-kombinazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kunsill jista’ jitwassal, matul kwalunkwe eżami mill-ġdid qabel it-tiġdid tad-Deċiżjoni 2011/172, jew saħansitra fi kwalunkwe mument, biex jivverifika, skont il-provi sostanzjali jew l-osservazzjonijiet prodotti quddiemu, jekk is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx sa mill-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, b’tali mod li l-inklużjoni tagħhom ma tkunx għadha ġġustifikata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 46).

51      F’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż, mingħajr ma jsir eżami tagħhom, li l-elementi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-korrispondenza tagħhom mal-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom karattru sostanzjali ta’ natura li tqajjem dubju dwar it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom fil-kuntest tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

52      Barra minn hekk, huwa veru li, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja intiżi fil-punt 46 iktar ’il fuq, diġà ġew eżaminati motivi analogi għat-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv. Konsegwentement, fil-kuntest ta’ dawn il-motivi tal-aħħar, ir-rikorrenti ma għandhomx id-dritt li jqajmu dubju dwar il-legalità tal-inklużjoni inizjali tagħhom jew tat-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom fid-Deċiżjoni 2013/144 billi jissottomettu lill-Qorti Ġenerali kwistjonijiet li diġà ġew deċiżi mid-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq mill-qorti tal-Unjoni Ewropea, fejn tali kontestazzjoni tmur kontra l-awtorità relattiva ta’ res judicata li ma tintrabatx biss mad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjonijiet, iżda wkoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punti 39 sa 41; tal‑15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il-Kunsill, C‑442/04, EU:C:2008:276, punt 25, u tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 117). Barra minn hekk, l-ilmenti jew l-argumenti invokati kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, li huma bbażati fuq l-istess punti ta’ fatt u ta’ liġi bħal dawk diġà eżaminati mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikorsi preċedenti tar-rikorrenti, jistgħu jiġu miċħuda bħala manifestament infondati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt, mingħajr eżami fil-mertu tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi ppreżentati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, insostenn ta’ dawn il-motivi, li l-imsemmija elementi diġà ġew eżaminati mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78, punt 41).

54      Konsegwentement, dan ir-rikors ma jistax jiġi miċħud mill-Qorti Ġenerali bħala manifestament infondat fid-dritt mingħajr ma jiġi eżaminat l-argument ippreżentat mir-rikorrenti insostenn tal-motivi ta’ dan ir-rikors.

55      Għandhom jiġu eżaminati, qabel kollox, l-ewwel u t-tieni motiv, li huma bbażati fuq l-ilment stabbilit fil-punt 47 iktar ’il fuq.

1.      Fuq l-ewwel u t-tieni motiv, ibbażati, minn naħa, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, kif imġedded mid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011 u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur mill-Kunsill tal-Artikolu 6 TUE, flimkien mal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(5) TUE, u tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

56      B’mod preliminari, għandu jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk l-iskema ta’ miżuri restrittivi tad-Deċiżjoni 2011/172 tistax teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kunsill, ta’ ċirkustanzi bħal dawk invokati mir-rikorrenti insostenn tal-ilment imsemmi fil-punt 47 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, il-kuntest fattwali li fih ir-rikorrenti informaw lill-Kunsill b’dawn iċ-ċirkustanzi u l-ipproċessar ta’ din l-informazzjoni li wettaq dan tal-aħħar.

1)      Il-kuntest ġuridiku

57      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 3(5) TUE jobbligaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippromwovu, b’mod partikolari fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali, il-valuri u l-prinċipji li din hija bbażata fuqhom, jiġifieri b’mod partikolari, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali.

58      Sussegwentement, bħalma fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza ta’ dawn il-valuri u tal-prinċipji li l-Unjoni hija bbażata fuqhom tapplika għal kull azzjoni tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), bħalma jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) TUE, tal-Artikolu 21(2)(b) TUE, tal-Artikolu 21(3) TUE u tal-Artikolu 23 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 47).

59      B’mod partikolari, l-Artikolu 21(1) TUE jipprovdi li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali hija intiża li tippromwovi fil-bqija tad-dinja, b’mod partikolari, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-osservanza tad-dritt internazzjonali.

60      Fl-aħħar nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li f’dan il-każ huwa allegat il-ksur tagħhom, huwa importanti li jitfakkar li, skont it-termini tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”), id-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) li, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta jikkorrispondu għalih, għandu, b’mod partikolari fil-qasam kriminali, post eminenti f’soċjetà demokratika (QEDB, 7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1989:0707JUD 001403888, punt 113).

61      Bl-istess mod, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-ġustizzja kif ukoll tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv jikkostitwixxu regoli essenzjali għar-rispett tal-istat tad-dritt, li huwa stess jifforma wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom tistrieħ l-Unjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE, mill-preamboli tat-Trattat UE u tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill, T‑340/14, EU:T:2016:496, punti 87 u 88).

62      Bħalma spjegat essenzjalment il-QEDB, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza huma intiżi, b’mod partikolari fil-qasam kriminali, biex jiggarantixxu li d-deċiżjoni li permezz tagħha tittieħed deċiżjoni definittiva dwar il-fondatezza tal-akkużi kontra l-persuna kkonċernata tkun affidabbli u biex jiġi evitat li din tkun ivvizzjata minn ċaħda tal-ġustizzja, jew saħansitra li tkun arbitrarja, fejn dan jikkostitwixxi ċ-ċaħda stess tal-istat tad-dritt [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, QEDB, 17 ta’ Jannar 2012, Othman (Abu Qatada) vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2012:0117JUD 000813909, punt 260, u 21 ta’ Ġunju 2016, Al-Dulimi u Montana Management Inc. vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2016:0621JUD 000580908, punti 145 u 146 (2)].

63      F’dan il-każ, il-karatteristiċi tal-iskema tad-Deċiżjoni 2011/172 ma jiġġustifikawx eċċezzjoni għall-obbligu ġenerali tal-Kunsill, meta jadotta miżuri restrittivi, li jirrispetta d-drittijiet fundamentali li jifformaw parti sħiħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), liema eċċezzjoni għandha l-konsegwenza teżentah minn kwalunkwe verifika tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurata fl-Eġittu.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, din għandha l-għan li tiffriża l-assi tal-persuni responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani u tal-persuni li huma assoċjati magħhom, kif elenkati fl-anness għall-imsemmija deċiżjoni. Bħalma jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, din id-deċiżjoni taqa’ taħt il-kuntest ta’ politika ta’ appoġġ għall-awtoritajiet Eġizzjani bbażata, b’mod partikolari, fuq l-għanijiet ta’ konsolidazzjoni u ta’ appoġġ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 21(2)(b) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 44). L-iffriżar tal-assi stabbilit minn din id-deċiżjoni għandu l-uniku għan li jiffaċilita l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Eġizzjani ta’ miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li jżommu l-possibbiltà, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-miżapproprjazzjonijiet. Dan għalhekk għandu natura purament ta’ prekawzjoni u ma għandux konnotazzjoni kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 77, 78 u 206, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 62 u 64).

65      Għalhekk, fid-dawl tal-inklużjoni ta’ persuna fil-lista annessa għad-Deċiżjoni 2011/172 jew tat-tiġdid ta’ din l-inklużjoni, huwa l-Kunsill li għandu jivverifika, minn naħa, li l-provi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu jippermettu li jiġi stabbilit li din il-persuna hija s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja attwali waħda jew iktar relatati ma’ fatti li jistgħu jirriżultaw mill-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li din jew dawn il-proċeduri jippermettu li l-imsemmija persuna tiġi kkwalifikata konformement mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 156, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 65).

66      Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Eġizzjani, ma huwiex il-Kunsill, fil-prinċipju, li għandu jevalwa l-eżattezza u r-rilevanza tal-elementi li huma bbażati fuqhom il-proċeduri ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-imsemmija awtoritajiet. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-Kunsill u l-Qorti Ġenerali ma għandhomx il-kompitu li jivverifikaw il-fondatezza tal-investigazzjonijiet li għalihom ir-rikorrenti huma suġġetti, iżda għandhom jivverifikaw biss il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-iffriżar tal-fondi fid-dawl tat-talba għal assistenza ġudizzjarja mill-awtoritajiet Eġizzjani (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 77). Madankollu, il-Kunsill jista’ jkun marbut, fir-rigward b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, li jitlob kjarifiki lil dawn l-istess awtoritajiet dwar l-imsemmija elementi jekk dawn l-osservazzjonijiet iwassluh biex jiddubita mill-karattru suffiċjenti tal-provi li diġà pproduċewlu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Għalhekk, fil-każ ta’ kontestazzjoni, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u ma hijiex din tal-aħħar li għandha tipproduċi prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Madankollu, sa fejn il-Kunsill ipproduċa provi tal-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lir-rikorrent, huwa dan tal-aħħar li għandu jipprovdi elementi konkreti, mill-inqas rilevanti u kredibbli, insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 72 sa 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Konsegwentement, minn naħa, sa fejn id-Deċiżjoni 2011/172 taqa’ taħt il-kuntest ta’ politika ta’ appoġġ għall-awtoritajiet Eġizzjani bbażata, b’mod partikolari, fuq l-għanijiet ta’ konsolidazzjoni u ta’ appoġġ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, ma tistax tiġi eskluża għalkollox l-ipoteżi li din id-deċiżjoni hija manifestament mhux xierqa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet minħabba l-eżistenza ta’ ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, l-għan ta’ din id-deċiżjoni, imfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq, ma huwiex rilevanti, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ dawn l-għanijiet, jekk il-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Eġizzjani, tal-miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa tkun ivvizzjata minn ċaħda tal-ġustizzja, jew saħansitra tkun arbitrarja.

69      Min-naħa l-oħra, għalkemm, bħalma jirriżulta mill-punti 65 u 66 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji attwali fl-Eġittu tikkostitwixxi, fil-prinċipju, bażi fattwali soda biżżejjed għall-inklużjoni tal-persuni fil-lista annessa għad-Deċiżjoni 2011/172 kif ukoll għat-tiġdid tagħha, dan ma huwiex il-każ meta jkun hemm lok, għall-Kunsill, li jippreżumi b’mod raġonevoli li d-deċiżjoni meħuda fi tmiem ta’ dawn il-proċeduri mhux ser tkun affidabbli, b’mod speċjali peress li ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill, fil-prinċipju, li jevalwa l-eżattezza u r-rilevanza tal-elementi li huma bbażati fuqhom dawn il-proċeduri.

70      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ skema ta’ miżuri restrittivi bħal dik tad-Deċiżjoni 2011/172, ma jistax jiġi eskluż li l-Kunsill ikun marbut li jivverifika jekk il-proċeduri ġudizzjarji li huwa jibbaża ruħu fuqhom jistgħux jitqiesu bħala affidabbli fir-rigward tal-elementi prodotti mill-persuni inkwistjoni relatati ma’ ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq, bil-kundizzjoni li dan jirrigwarda elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti ta’ natura li tqanqal mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett ta’ dan id-dritt.

71      Barra minn hekk, minkejja n-natura prekawzjonarja tiegħu, l-iffriżar tal-assi stabbilit fil-kuntest tal-iskema tad-Deċiżjoni 2011/172 għandu fuq il-libertajiet u d-drittijiet tal-persuni kkonċernati effett negattiv sinjifikattiv b’tali mod li, sabiex jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn l-għanijiet ta’ dan l-iffriżar tal-assi u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet, huwa indispensabbli li l-Kunsill ikun jista’, jekk ikun il-każ, jevalwa b’mod xieraq, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, ir-riskju li joħloq tali ksur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 131 u 132).

72      Din l-analiżi li tqegħditx f’dubju mill-elementi prodotti mill-Kunsill fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

73      Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-Kunsill ma jikkontestax, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest politiku u ġudizzjarju Eġizzjan seta’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. [kunfidenzjali]. Bl-istess mod, fil-kuntest tat-tweġiba bil-miktub tiegħu lill-Qorti Ġenerali bid-data tal‑4 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill indika li, fil-mument tal-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista annessa għad-Deċiżjoni 2011/172 fl‑2016 u fl‑2017, huwa kien ħa debitament inkunsiderazzjoni allegazzjonijiet mir-rikorrenti relatati ma’ ksur gravi tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu.

74      Fit-tieni lok, l-argument tal-Kunsill intiż biex juri li ma huwiex il-kompitu tiegħu li jivverifika jekk fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji Eġizzjani humiex żgurati garanziji ekwivalenti għal dawk offruti mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali jikkonċerna l-portata tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest politiku u ġudizzjarju Eġizzjan, iżda ma jqajjimx dubju dwar l-eżistenza ta’ dan l-obbligu. [kunfidenzjali].

75      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-riferiment tal-Kunsill għall-punt 175 tas-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2017, Azarov vs Il-Kunsill (T‑215/15, taħt appell, EU:T:2017:479), li kien intiż, bħalma jirriżulta mill-punt 166 tal-istess sentenza, biex jiċħad l-argument tar-rikorrent f’din il-kawża bbażat fuq il-fatt li kien il-Kunsill li kellu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ, jivverifika jekk l-ordinament ġuridiku Ukrain kienx jiggarantixxi protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-inqas ekwivalenti għal dik iggarantita fl-Unjoni.

76      Fit-tielet lok, filwaqt li jibbaża ruħu fuq is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), biex isostni, essenzjalment, li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma intiżi biss biex iqajmu dubju dwar il-fondatezza tal-proċeduri ġudizzjarji u mhux l-eżistenza tagħhom, b’tali mod li l-legalità tal-iffriżar tal-assi tagħhom ma tkunx affettwata, il-Kunsill ma jieħux inkunsiderazzjoni żviluppi ulterjuri ta’ din il-ġurisprudenza ċċitata, b’mod partikolari, fil-punt 66 iktar ’il fuq.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest analogu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK tal‑31 ta’ Jannar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2011, L 28, p. 62), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li mid-dokumenti prodotti mir-rikorrent ma kienx jirriżulta li n-nuqqas ta’ indipendenza tas-sistema ġudizzjarja Tuneżina fir-rigward tas-setgħa politika allegat minn dan tal-aħħar kien ta’ natura li jaffettwa konkretament il-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernawh, u lanqas li dan il-funzjonament ħażin kellu karattru sistemiku (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 73). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali diġà eżaminat jekk il-Kunsill kellux jieħu inkunsiderazzjoni osservazzjonijiet intiżi biex iqajmu dubju dwar il-bażi tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lir-rikorrent, b’mod partikolari billi jinvoka lakuni gravi tas-sistema ġudizzjarja inkwistjoni li jaffettwaw il-garanziji offruti minn din tal-aħħar fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

78      Barra minn hekk, l-argument tal-Kunsill imsemmi fil-punt 76 iktar ’il fuq diffiċli li jkun irrikonċiljabbli mal-fatt li [kunfidenzjali].

79      Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-fatt li, bħalma jsostni l-Kunsill, huwa ma adottax id-Deċiżjoni 2011/172 u d-deċiżjonijiet sussegwenti fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti Eġizzjana, iżda bl-għan li jilħaq l-għanijiet tal-PESK u fil-kuntest tas-setgħa awtonoma li huwa għandu f’dan ir-rigward, jikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, huwa preċiżament il-kompitu tal-Kunsill, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa awtonoma, li jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti ta’ dan il-każ, li fosthom jinsabu l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti relatati ma’ ksur tad-drittijiet fundamentali li jikkonċernaw il-proċeduri ġudizzjarji li jifformaw il-bażi fattwali tal-inklużjoni tagħhom fl-anness għad-Deċiżjoni 2011/172.

80      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel u t-tieni motiv, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li jimplika kull wieħed minn dawn il-motivi, li tiddeċiedi dwar jekk l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fl-Eġittu jikkostitwixxux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti ta’ natura li tqanqal mistoqsijiet leġittimi u jekk il-Kunsill ħadhomx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti.

2)      Il-kuntest fattwali

i)      Fuq l-elementi relatati mal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lir-rikorrent fl-Eġittu

81      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, bħalma kkonstatat diġà l-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kienu diġà inklużi inizjalment fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 abbażi ta’ dokumenti li waslu mill-awtoritajiet Eġizzjani u li wrew, minn naħa, li l-ewwel rikorrent kien is-suġġett, fl-Eġittu, ta’ proċeduri kriminali għal fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti kollha kienu s-suġġett ta’ ordni ta’ sekwestru tal-assi tagħhom relatata mal-imsemmija proċeduri penali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 132 sa 134 u 137 sa 140). Mill-annessi tal-proċess jirriżulta li din l-inklużjoni inizjali kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq informazzjoni li tinsab f’dokumenti annessi għall-ittri tal-awtoritajiet Eġizzjani fid-data tat‑13 u tal‑24 ta’ Frar 2011.

82      Fit-tieni lok, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li din l-informazzjoni ġiet ikkompletata u aġġornata ulterjorment permezz ta’ ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani fid-data tat‑13 ta’ Frar 2014, li għaliha ġiet annessa tabella aġġornata tal-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent.

83      Fid-dokument tat‑13 ta’ Frar 2014 issemmew seba’ proċeduri kriminali. L-ewwel żewġ proċeduri kriminali (Kawżi Nri 38 u 107 tal‑2011) jikkonċernaw fatti ta’ profitt illegali u t-tielet proċedura kriminali (Kawża Nru 291 tal‑2011) tikkonċerna fatti ta’ ħasil tal-flus marbuta mal-fatti intiżi fil-kuntest tal-ewwel żewġ proċeduri. Ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ proċedura kriminali (Kawżi Nri 457 u 541 tal‑2011 kif ukoll Nri 156 u 376 tal‑2013) jikkonċernaw rispettivament fatti ta’ evażjoni fiskali, fatti ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, għal darba oħra fatti ta’ evażjoni fiskali u, fl-aħħar nett, fatti ta’ ħasil tal-flus.

84      Fit-tielet lok, bħalma jirriżulta mit-tweġiba tal-Kunsill għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali li tistiednu, fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑31 ta’ Marzu 2017, jibagħtilha l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu li jikkonċernaw lir-rikorrenti, id-dokumenti li l-awtoritajiet Eġizzjani kienu bagħtulu bl-għan tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486 kienu jinkludu, b’mod partikolari, memorandum tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Eġittu (iktar ’il quddiem il-“PGO”) bid-data tad‑9 ta’ Frar 2015. Ir-rikorrenti jsostnu li dan id-dokument qatt ma ġie kkomunikat lilhom.

85      Bħalma huwa ppreċiżat fil-bidu tal-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015, dan huwa intiż li jwieġeb għal talba għal kjarifika espressa fil-kuntest tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Maxreq/il-Magreb, wara mistoqsijiet min-naħa ta’ ċerti Stati Membri. Din it-talba għal kjarifika kienet tirrigwarda l-proċeduri legali li kellhom jiġu osservati f’kawżi bħal dawk li jikkonċernaw lill-persuni msemmija fil-lista annessa għad-Deċiżjoni 2011/172 kif ukoll it-terminu legali li matulu dawn kellhom jiġu indirizzati.

86      Il-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015 juri, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji previsti mill-proċedura kriminali Eġizzjana li jippermettu lill-persuni kkonċernati jissottomettu, l-ewwel darba, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Kassazzjoni tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana”) is-sentenza tal-ewwel istanza li ddeċidiet dwar il-kundanna tagħhom u, it-tieni, is-sentenza li ddeċidiet mill-ġdid dwar il-kundanna fir-rigward tagħhom wara l-annullament tal-ewwel sentenza u tar-rinviju tal-kawża. Barra minn hekk, fih hemm indikat li, f’din l-ipoteżi tal-aħħar, il-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża jew billi tiċħad ir-rikors, jew billi tiddeċiedi hija stess fuq il-mertu.

87      Għall-kumplament, mit-tweġiba bil-miktub tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2017 jirriżulta li d-dokumenti l-oħra mibgħuta mill-PGO fi Frar 2015 kienu jikkostitwixxu biss aġġornament tal-informazzjoni diġà pprovduta dwar l-istat tal-proċeduri kriminali li l-ewwel rikorrent kien s-suġġett tagħhom, liema aġġornament ma kienx juri żvilupp tal-imsemmija proċeduri fil-konfront tal-indikazzjonijiet tad-dokument tat‑13 ta’ Frar 2014.

88      Fir-raba’ u l-aħħar lok, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li, qabel it-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fl‑2016 u fl‑2017, l-awtoritajiet Eġizzjani bagħtu informazzjoni aġġornata dwar l-istat tal-proċeduri ġudizzjarji li l-ewwel rikorrent kien is-suġġett tagħhom. B’mod partikolari, din l-informazzjoni kienet turi, minn naħa, l-għeluq tal-investigazzjonijiet fil-Kawża Nru 156 tal‑2013 wara s-soluzzjoni amministrattiva tal-kawża u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tliet proċeduri supplimentari fil-Kawżi Nri 4 u 5482 tal‑2011 kif ukoll Nru 244 tal‑2015 dwar, rispettivament, allegazzjonijiet ta’ ksur imwettqa fi ħdan id-Direttorat tal-Finanzi tal-kumpannija El-Dekheila, fatti ta’ profitti illegali u fatti ta’ ħasil tal-flus. Barra minn hekk, memorandum bid-data tal‑5 ta’ Diċembru 2016, li wasal mill-kumitat nazzjonali Eġizzjan għall-irkupru tal-assi li jinsabu barra mill-pajjiż (iktar ’il quddiem l-“NCRAA”), ġie kkomunikat lill-Kunsill fis‑6 ta’ Jannar 2017. Madankollu, il-kontenut ta’ dan il-memorandum huwa identiku għal dak tal-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015. Fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali bid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti rrikonoxxew li kienu saru jafu b’dan id-dokument fis‑27 ta’ Jannar 2017, jiġifieri qabel it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom mid-Deċiżjoni 2017/496.

ii)    Fuq l-elementi mibgħuta mir-rikorrenti qabel it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom għas-snin 2015, 2016 u 2017

89      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tagħhom tat‑23 ta’ Diċembru 2014 mibgħuta lill-Kunsill, li r-rikorrenti jirreferu għaliha fil-kuntest tal-ilment imsemmi fil-punt 47 iktar ’il fuq, huma esprimew, b’mod partikolari, it-tħassib tagħhom li l-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent ma kinux tnedew in bona fide u fuq il-bażi ta’ provi u li dawn huma infondati u jissodisfaw motivi politiċi. Huma jissostanzjaw dan it-tħassib billi jirreferu għall-kuntest li fih tnedew dawn il-proċeduri u għall-analiżi ta’ dawn l-proċeduri mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana u kkunsidraw li dawn kienu msaħħa minn ċertu għadd ta’ dokumenti relatati, min-naħa, mar-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq tal-ewwel rikorrent u, min-naħa l-oħra, għall-osservanza tal-istat tad-dritt fl-Eġittu wara t-tluq, fi Frar 2011, tal-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-kariga f’dak iż-żmien, Mohammed Hosni Moubarak.

90      Ir-rikorrenti hemżu mal-ittra tagħhom tat‑23 ta’ Diċembru 2014 id-dokumenti li jissostanzjaw dan it-tħassib, li huma annessi għar-rikors. [kunfidenzjali].

91      L-ewwel nett, dawn huma żewġ rapporti tal-International Bar Association’s Human Rights Institute (IBAHRI), bid-data ta’ Novembru 2011 u ta’ Frar 2014, dwar is-sitwazzjoni tal-professjonijiet ġuridiċi fl-Eġittu. Ir-rapport tal-IBAHRI tal‑2011, intitolat “Justice at a Crossroads: the Legal profession and the Rule of Law in the New Egypt”, ġie stabbilit wara investigazzjoni minn din l-organizzazzjoni mhux governattiva fl-Eġittu matul ix-xahar ta’ Ġunju 2011. Dan għandu l-għan, minn naħa, li jeżamina d-diffikultajiet li kienu jaffaċċjaw l-avukati f’dan il-pajjiż fir-rigward tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali qabel l-avvenimenti tal‑2011 u fil-perijodu eżatt wara dawn u, min-naħa l-oħra, li joħroġ rakkomandazzjonijiet bl-għan li jiżgura l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji. Ir-rapport tal-IBAHRI tal‑2014, bit-titolu “Separating Law and Politics: Challenges to the Independence of Judges and Prosecutors in Egypt”, li huwa bbażat fuq investigazzjoni mwettqa fl-Eġittu bejn ix-xhur ta’ Ġunju u Novembru 2013, huwa intiż, min-naħa tiegħu, biex jiżgura s-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-IBAHRI tal‑2011 u jiffoka b’mod iktar partikolari fuq l-ostakoli għall-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja Eġizzjana.

92      It-tieni nett, ir-rikorrenti kkomunikaw rapport tas-Sur D., membru tal-uffiċċju tal-avukati stabbilit fir-Renju Unit, tas‑27 ta’ Lulju 2011 u rapport tas-Sur M., avukat f’Genève, bid-data tal‑4 ta’ Frar 2013 relatati ma’ diversi proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent. Minn dawn ir-rapporti jirriżulta li D. u M. kienu ngħataw il-mandat, bħala osservaturi, mir-rappreżentanti legali tal-ewwel rikorrent fl-Eġittu sabiex jevalwaw ir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li huwa kien is-suġġett tagħhom fl-Eġittu.

93      Fir-rigward tar-rapport tas-Sur D., dan jikkonċerna l-investigazzjonijiet tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali Eġizzjan”) u s-seduti li nżammu mis‑7 sat‑12 ta’ Mejju u mill‑11 sal‑15 ta’ Ġunju 2011 fil-kuntest tal-ewwel proċedura kriminali li tikkonċerna lir-rikorrent, li, bħalma jirriżulta mill-annessi tal-proċess, tikkorrispondi għall-proċedura Nru 107 tal‑2011 fid-dokumenti prodotti mill-awtoritajiet Eġizzjani. Skont l-indikazzjonijiet ta’ dan ir-rapport, ġew akkużati li l-ex Ministru għall-Industrija, uffiċjal għoli tal-Ministeru għall-Industrija u l-ewwel rikorrent li ftiehmu biex jippermettu lil dan tal-aħħar jikseb liċenzji tal-enerġija għal żewġ impriżi tal-grupp tiegħu bi ksur tar-regoli li jirregolaw il-proċedura pubblika tal-għoti ta’ dawn il-liċenzji lis-settur tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid.

94      Il-kontenut tar-rapport tas-Sur D huwa bbażat fuq il-qari tal-fajl tal-akkuża, li l-awtur kellu aċċess għalih, u fuq l-osservazzjonijiet diretti matul seduti differenti li huwa assista għalihom. Dan ir-rapport jinkludi deskrizzjoni tal-elementi li jinsabu fil-fajl tal-akkuża bħalma jirriżultaw mill-att tar-rikors quddiem il-Qorti Kriminali tat‑28 ta’ Frar 2011, rendikont tas-seduti, b’mod partikolari dik stabbilita fis-smigħ tax-xhieda, kif ukoll analiżi kritika tal-provi inkriminanti miġbura mill-akkuża.

95      Fir-rapport tiegħu, is-Sur D. jikkritika, minn naħa, l-għaġġla li, fil-fehma tiegħu, urew l-awtoritajiet Eġizzjani fit-trattament tal-kawża inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li żvolġew fihom is-seduti li assista għalihom, li huma sors, fl-opinjoni tiegħu, ta’ ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża tal-ewwel rikorrent. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, huwa jikkonkludi fir-rapport tiegħu li, “fid-dawl tal-mod kif il-Qorti Kriminali mexxiet is-seduti, jista’ jkun hemm it-tħassib li hija ma tasalx biex tagħti deċiżjoni korretta f’din il-kawża [u] li, taħt il-pressjoni [tal-opinjoni pubblika], hija tħossha obbligata [tikkundanna lill-akkużati billi tħalli lill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana l-kompitu li tibdel il-verdett]”.

96      Fir-rigward tar-rapport tas-Sur M., dan jikkonċerna s-seduti li nżammu fl‑2012 fil-kuntest ta’ tnejn mill-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent, waħda relatata, skont it-termini tar-rapport, mal-akkużi ta’ akkwist frawdolenti ta’ azzjonijiet tal-kumpannija El-Dekheila u l-oħra li tikkonċerna fatti allegati ta’ ħasil tal-flus marbuta ma’ dawn l-akkużi, li jikkorrispondu, skont l-annessi tal-proċess, għall-Kawżi Nri 38 u 291 tal‑2011 fid-dokumenti prodotti mill-awtoritajiet Eġizzjani.

97      L-evalwazzjoni mwettqa mis-Sur M. fir-rapport tiegħu hija bbażata, minn naħa, fuq ir-rapporti stabbiliti minn A., avukat Eġizzjan b’mandat biex tassisti, f’isimha, għas-seduti, billi s-Sur M. indika li kien għażel, għall-ewwel, li ma jassistix personalment għas-seduti minħabba “riskju għoli għas-sigurtà personali tiegħu [li ġej] minn manifestazzjonijiet li żvolġew quddiem il-qrati” “matul il-proċess kollu [tal-ewwel rikorrent]” u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservazzjoni diretta tiegħu ta’ waħda mis-seduti fil-kuntest tal-Kawża Nru 38 tal‑2011.

98      Ir-rapport tas-Sur M. jinkludi, fl-ewwel parti tiegħu, deskrizzjoni tal-awla tas-seduta bħalma osservaha huwa nnifsu u janalizza, fit-tieni parti, il-punti differenti li fir-rigward tagħhom huwa identifika, fir-rapporti tal-avukat A., ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali, jiġifieri l-preżenza ta’ gaġġa tal-metall fejn jinżammu l-akkużati, il-preżenza ta’ gwardji fl-awla tas-seduta, id-diffikultajiet ta’ smigħ, l-atitudni ġġudikata insuffiċjentement imparzjali tal-Qorti Kriminali u l-preġudizzji li jirriżultaw mill-kopertura medjatika. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, huwa jikkonkludi li, “fir-rigward tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, id-drittijiet [tal-ewwel rikorrent] setgħu nkisru u, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ xieraq”. Barra minn hekk, “[k]emm fil-każ tal-proċess għal profitt illegali jew fil-każ tal-proċess għal ħasil tal-flus, hemm għalhekk riskju sinjifikattiv [li jwassal għal] kundanni [ġuridikament] fraġli”.

99      It-tielet nett, ir-rikorrenti rreferew lill-Kunsill għal tliet sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana, bid-data rispettivament tat‑2 ta’ Diċembru 2012, tat‑12 ta’ Mejju 2013 u tal‑14 ta’ Diċembru 2013. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana, minn naħa, annullat is-sentenzi tal-ewwel istanza, li kienu kkonkludew, f’kull waħda mill-kawżi kkonċernati, dwar ir-responsabbiltà tal-akkużati, b’mod partikolari tal-ewwel rikorrent, u li kienu kkundannawhom għal diversi pieni, fosthom multi u pieni ta’ priġunerija u, min-naħa l-oħra, bagħtet lura l-kawżi lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu sabiex tiddeċiedi mill-ġdid. Bħalma jirriżulta mid-dokument tal-awtoritajiet Eġizzjani msemmi fil-punt 82 iktar ’il fuq, dawn it-tliet sentenzi ngħataw fil-kuntest tal-proċeduri kriminali fil-kawżi, rispettivament, Nru 107 tal‑2011 (liċenzji tal-enerġija mogħtija illegalment) Nru 291 tal‑2011 (ħasil tal-flus) u Nru 38 tal‑2011 (akkwist frawdolenti ta’ azzjonijiet tal-kumpannija El-Dekheila).

100    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti invokaw sentenza tat-Tribunal pénal de la Confédération suisse (il-Qorti Kriminali tal-Konfederazzjoni Svizzera) (iktar ’il quddiem it-“Tribunal pénal fédéral suisse (il-Qorti Kriminali Federali Svizzera)”) tat‑12 ta’ Diċembru 2012 u żewġ sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Prinċipat tal-Liechtenstein (iktar ’il quddiem il-“Qorti Kostituzzjonali tal-Liechtenstein”) tat‑28 ta’ Awwissu 2012 u tat‑30 ta’ Settembru 2013. Dawn is-sentenzi jirrigwardaw proċeduri ta’ assistenza ġudizzjarja internazzjonali wara talbiet tal-awtoritajiet Eġizzjani. L-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi tannulla deċiżjoni tal-awtoritajiet Svizzeri li tagħtihom aċċess għall-fajl ta’ proċedura kriminali li tikkonċerna, b’mod partikolari għal fatti ta’ ħasil tal-flus, ċittadini Eġizzjani.

101    Fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2012, it-Tribunal pénal fédéral suisse (il-Qorti Kriminali Federali Svizzera) ibbażat ruħha fuq għadd ta’ informazzjoni pubblika disponibbli f’rapporti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali jew fl-istampa biex tikkunsidra li, “indipendentement mill-problema tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem [fl-Eġittu], [dan il-pajjiż] bħalissa qiegħed jaffaċċja tranżizzjoni interna inċerta kkaratterizzata minn instabbiltà tal-istituzzjonijiet u [t-tqegħid f’dubju evidenti] tal-indipendenza u tar-rispett eżistenti bejn [is-]setgħat [eżekuttivi u ġudizzjarji]”. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-qorti inkwistjoni qieset li kien “jeżisti riskju ta’ dannu immedjat u irreparabbli [għar-rikorrenti]”.

102    Iż-żewġ sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Liechtenstein tat‑28 ta’ Awwissu 2012 u tat‑30 ta’ Settembru 2013 annullaw żewġ deċiżjonijiet ġudizzjarji li ċaħdu l-appell ta’ kumpannija miżmuma mill-ewwel rikorrent kontra digriet ta’ ffriżar tal-assi tiegħu minħabba proċeduri kriminali li jikkonċernaw lil dan tal-aħħar fl-Eġittu. Din il-qorti, fil-fatt, qieset li s-sorsi ta’ informazzjoni li kienet ibbażat ruħha fuqhom l-imsemmija kumpannija, li kienu jinkludu, b’mod partikolari, ir-rapport tal-IBAHRI tal‑2011 u r-rapport tas-Sur M., kienu biżżejjed biex jitqies li hija kienet “[uriet] perikolu ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali [tal-ewwel rikorrent fl-Eġittu]”, peress li kien meħtieġ biss li tiġi stabbilita l-plawżibbiltà ta’ dan il-perikolu.

103    Mill-annessi tal-proċess jirriżulta li d-dokumenti inkwistjoni, minbarra r-rapport tal-IBAHRI tal‑2014 imsemmi iktar ’il fuq, kienu diġà ġew ikkomunikati mir-rikorrenti biex jissostanzjaw, b’mod partikolari, l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors tagħhom fil-Kawżi T‑375/14 sa T‑378/14 u li l-Kunsill, li pproduċa risposta li fiha wieġeb għall-imsemmija motivi, għalhekk diġà kien jaf bihom f’dan il-kuntest.

104    Fil-kuntest tal-korrispondenza mal-Kunsill qabel it-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fl‑2016 u fl‑2017, ir-rikorrenti pproduċew ċerti elementi supplimentari relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Eġittu.

105    Minn naħa, ir-rikorrenti hemżu bħala anness tal-ittra tagħhom lill-Kunsill bid-data tad‑29 ta’ Frar 2016 ittra tar-rappreżentanti legali Eġizzjani tagħhom relatata mad-diversi proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent imsemmija mill-awtoritajiet Eġizzjani fid-dokumenti bid-data tat‑2 ta’ Jannar 2016. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ tlieta minn dawn il-proċeduri (Kawżi Nri 4 tal‑2011, 274 tal‑2012 u 376 tal‑2013), l-imsemmija rappreżentanti legali affermaw li qatt ma kienu ġew informati bl-eżistenza ta’ investigazzjonijiet “formali” u li t-talba tagħhom għal aċċess għall-fajl kienet ġiet miċħuda mill-awtoritajiet Eġizzjani. Barra minn hekk, fl-ittri tagħhom tal‑14 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti, billi bbażaw ruħhom fuq l-opinjoni ta’ ġurista Eġizzjan annessa għall-imsemmija ittri, affermaw li d-dritt tagħhom għal smigħ ma kienx ġie rispettat qabel id-deċiżjoni dwar id-digriet ta’ ffriżar ta’ fondi adottata mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tagħhom.

106    Min-naħa l-oħra, f’ittra tas‑7 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti ġibdu l-attenzjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid f’detenzjoni preventiva tal-ewwel rikorrent, effettiva minn din id-data u li huma kienu jqisu bħala ksur tal-garanziji stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 5 tal-KEDB.

iii) Fuq it-trattament, mill-Kunsill, tal-elementi prodotti mir-rikorrenti

107    Qabel kollox, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li l-Kunsill wieġeb għall-ittra tar-rikorrenti tat‑23 ta’ Diċembru 2014 fl-ittra tiegħu tal‑24 ta’ Marzu 2015. Din l-ittra tal-aħħar ma fihiex riferiment espliċitu għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jqajmu dubju dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Eġittu, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq tal-ewwel rikorrent, u lanqas għad-dokumenti msemmija fil-punti 91 sa 102 iktar ’il fuq u li jissostanzjaw dawn l-allegazzjonijiet. Madankollu, il-Kunsill wieġeb għat-tħassib tar-rikorrenti relatat mal-bażi tal-proċeduri kriminali mnehdija kontra l-ewwel rikorrent, li, b’mod partikolari, huma ssostanzjati minn dawn l-allegazzjonijiet, f’dawn it-termini: “[Il-]Kunsill ma jaqbilx mal-pożizzjoni tagħkom, li ċ-ċirkustanzi li fihom tnehdew proċeduri kontra l-klijent tagħkom juru li dawn ma huma bbażati fuq l-ebda prova u li dawn jissodisfaw motivazzjoni politika”.

108    [kunfidenzjali]

109    Barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u tad-dokumenti mwettqa mill-Kunsill taw lok għal verifiki ad hoc mill-awtoritajiet Eġizzjani.

110    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, il-Kunsill qies, b’mod impliċitu iżda neċessarju, li l-osservazzjonijiet u d-dokumenti inkwistjoni, indipendentement mir-rilevanza tagħhom u mill-kredibbiltà tagħhom, ma setgħux iqajmu dubju dwar it-tiġdid tad-Deċiżjoni 2011/172. B’mod partikolari, fid-dawl tal-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015 u tal-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill, għandu jitqies li dan tal-aħħar qies li dawn ma jqajmux dubju dwar l-evalwazzjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Eġittu mwettqa abbażi, b’mod partikolari, tal-imsemmi memorandum u li dawn ma jeħtiġux għalhekk verifiki supplimentari.

111    Bħalma juru l-ittri tal‑21 ta’ Marzu 2016 u tat‑22 ta’ Marzu 2017, indirizzati mill-Kunsill lill-ewwel rikorrent, din il-pożizzjoni fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fl-Eġittu ma żviluppatx matul it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom fl‑2016 u fl‑2017.

112    Fil-fatt, minn naħa, fl-ittra tiegħu tal‑21 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill indika li l-ilmenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-mod kif l-awtoritajiet Eġizzjani kienu mexxew il-kawżi li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent kellhom jiġu ttrattati fil-kuntest tas-sistema ġuridika u tal-proċeduri Eġizzjani. Min-naħa l-oħra, fl-ittra tiegħu tat‑22 ta’ Marzu 2017, huwa jafferma li kien evalwa l-osservazzjonijiet tal-ewwel rikorrent li jikkonċernaw il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu u li huwa kien ikkonkluda li kien raġonevoli li jkompli jappoġġja l-isforzi tal-awtoritajiet Eġizzjani biex jirkupraw is-somom mitlufa mill-Istat Eġizzjan.

113    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li, permezz tal-ilment imsemmi fil-punt 47 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li din il-pożizzjoni ssarraf, min-naħa tal-Kunsill, f’nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-portata tal-elementi li ntbagħtu lilu kif ukoll tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dan. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, huma jsostnu li dawn l-iżbalji jwasslu għall-illegalità tad-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496 sa fejn dawn iġeddu l-iskema ta’ miżuri restrittivi tad-Deċiżjoni 2011/172 kollha kemm hi. Fil-kuntest tat-tieni motiv, huma jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn dawn iġeddu l-inklużjoni tagħhom, ma humiex konformi mal-obbligu tal-Kunsill li jirrispetta d-drittijiet fundamentali, skont l-Artikolu 6 TUE, flimkien mal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(5) TUE u tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Huwa għalhekk il-kompitu tal-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-motivi, li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Kunsill sa fejn din tikkonċerna l-elementi li ntbagħtu lilu mir-rikorrenti, fid-dawl tal-elementi relatati mas-sitwazzjoni fl-Eġittu li barra minn hekk huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu.

b)      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496 u tar-Regolament Nru 270/2011

114    Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, sa fejn dawn iġeddu l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011.

1)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, sa fejn dawn iġeddu l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172

115    Skont ir-rikorrenti, anki fl-ipoteżi li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 seta’ jkun ibbażat fuq l-għanijiet imsemmija fil-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni mal-adozzjoni tagħha, dan ma kienx għadu l-każ fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486 minħabba l-iżvilupp tal-kuntest politiku u ġudizzjarju fl-Eġittu rifless mill-elementi li kienu bagħtu lill-Kunsill qabel din id-data. Għalhekk, huma jsostnu li d-Deċiżjoni 2015/486 ma tistax tkun ibbażata fuq għan ta’ appoġġ għall-awtoritajiet Eġizzjani l-ġodda minħabba, l-ewwel nett, it-tneħħija ta’ dawn l-awtoritajiet li seħħet wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/172, it-tieni nett, l-instabbiltà tal-kuntest politiku Eġizzjan, ikkaratterizzat minn ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt u, it-tielet nett, il-fatt li l-Kunsill kien jaf, permezz tal-intermedjarju tagħhom, bl-informazzjoni li tistabbilixxi li l-awtoritajiet Eġizzjani ma kinux jiggarantixxu trattament ġudizzjarju ġust, imparzjali u indipendenti għall-ewwel rikorrent u lanqas l-osservanza tal-istat tad-dritt fil-konfront tiegħu. Fit-tieni nota ta’ adattament, huma jsostnu, barra minn hekk, li l-elementi li ppreżentaw biex jistabbilixxu n-nuqqas ta’ bażi legali tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 juru wkoll in-natura sproporzjonata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-għanijiet intiżi mill-Kunsill.

116    Il-Kunsill jikkontesta l-possibbiltà għar-rikorrenti li jinvokaw eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011, li setgħu, fil-fehma tiegħu, ikunu s-suġġett, min-naħa tagħhom, ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, huwa jirrispondi, b’mod ġenerali, li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv diġà ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, il-ksur tal-kriterji ta’ inklużjoni ma huwiex rilevanti għall-eżami tan-natura xierqa tal-bażi legali. Huwa jsostni wkoll li d-diversi ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jiġifieri l-bidliet politiċi li seħħew fl-Eġittu, is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali f’dan il-pajjiż u l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ewwel rikorrent, ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172.

117    B’mod preliminari għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ilmenti distinti. Minn naħa, huma jinvokaw nuqqas ta’ bażi legali tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, kif imġedded mid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu ma għadhomx jissodisfaw l-għanijiet tal-PESK. Min-naħa l-oħra, huma jinvokaw, b’mod impliċitu fir-rikors u fl-ewwel nota ta’ adattament u b’mod espliċitu fit-tieni nota ta’ adattament, il-ksur, mill-Kunsill, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-natura manifestament mhux xierqa tat-tiġdid ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni fl-Eġittu.

i)      Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali

118    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-bażi legali ta’ att jippermetti li jiġi vverifikat jekk l-att huwiex kompetenti u jekk il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan l-att hijiex ivvizzjata b’irregolarità. Barra minn hekk, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata; id-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78, punt 47).

119    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jikkontestaw l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tar-raġunament li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali, fil-punt 47 tad-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78), qieset li “l-iżviluppi soċjali u legali” li seħħew sa mill-inklużjoni inizjali tagħhom, li huma invokaw fil-kuntest ta’ motiv ibbażat ukoll fuq in-nuqqas ta’ bażi legali, jista’ jkollhom effett biss fuq il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjonijiet ikkontestati u ma setgħux jiġu eżaminati fil-kuntest tal-istħarriġ tal-għażla tal-bażi legali tal-imsemmija atti.

120    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, peress li l-għan u l-kontenut ta’ att huma bbażati fuq kuntest soċjali u legali partikolari, l-istħarriġ tal-bażi legali tiegħu għandu jinkludi neċessarjament eżami tal-iżvilupp ta’ dan il-kuntest.

121    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali kkritikat mir-rikorrenti jista’ jiġi ttraspost għal dan il-każ.

122    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 44), fir-rigward tad-Deċiżjoni 2011/172, huwa biżżejjed li dan l-att isegwi għanijiet li huma relatati ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE sabiex jitqies bħala li jaqa’ taħt il-PESK. Barra minn hekk, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-portata wiesgħa tal-miri u tal-għanijiet tal-PESK, kif espressi fl-Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-PESK, b’mod partikolari l-Artikoli 23 u 24 TUE, il-kontestazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmi att fir-rigward tal-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 21 TUE ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi nuqqas ta’ bażi legali ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punt 46).

123    L-istess raġunament japplika fil-kuntest tad-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, li huma limitati għat-tiġdid tad-Deċiżjoni 2011/172 u jaqgħu fil-kuntest tal-istess politika intiża, bħalma tindika l-premessa 1 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, għall-appoġġ għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni politika u ekonomika tal-Eġittu, fl-osservanza tal-istat tad-dritt u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

124    Anki fl-ipoteżi li s-sitwazzjoni fl-Eġittu, li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/172 fir-rigward tagħha, żviluppat, inkluż f’sens kuntrarju għall-proċess ta’ demokratizzazzjoni li huwa intiż biex jappoġġja l-politika li din id-deċiżjoni taqa’ fil-kuntest tagħha, din iċ-ċirkustanza, fi kwalunkwe każ, ma tistax taffettwa l-kompetenza ta’ din l-istituzzjoni biex iġġedded din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 29 TFUE. Fil-fatt, minkejja din iċ-ċirkustanza, l-għanijiet intiżi mid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496 u r-regoli li dawn iġeddu l-validità tagħhom xorta waħda jaqgħu taħt il-qasam tal-PESK, u dan huwa biżżejjed, f’dan il-każ, biex jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punti 45 sa 54).

125    Il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma tistax tqajjem dubju dwar dawn il-kunsiderazzjonijiet.

126    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321), huwa biżżejjed li jiġi nnotat li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx jekk dispożizzjoni tat-Trattat FUE li taqa’ taħt il-PESK kinitx tikkostitwixxi bażi legali adatta, iżda jekk dan kienx il-każ fir-rigward tal-Artikolu 95(1) KE [li sar l-Artikolu 114(1) TFUE], u dan jimplika eżami tal-kuntest ġenerali u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam armonizzat mill-att adottat fuq din il-bażi kif kienu ppreżentati fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punti 32 sa 35 u 39 sa 47). Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza għalhekk ma jistax jiġi ttraspost għal dan il-każ.

127    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punti 191 sa 193 tas-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill (T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207), dawn il-punti huma relatati mal-eżami mill-Qorti Ġenerali ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u mhux ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali. Għalhekk dawn ma humiex rilevanti.

128    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-punt 110 tas-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Tomana et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑190/12, EU:T:2015:222), hemm lok li jiġi nnotat li dan il-punt għandu jinqara fil-kuntest tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali li dan jaqa’ taħtu. B’dan ir-raġunament, il-Qorti Ġenerali ma fittxitx li tistħarreġ il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe u dwar in-neċessità li jinżammu l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward ta’ dan l-iżvilupp, iżda biss li tivverifika jekk, permezz ta’ dawn il-miżuri, il-Kunsill kellux l-intenzjoni li jilħaq għanijiet li jaqgħu taħt il-PESK (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Tomana et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑190/12, EU:T:2015:222, punti 93 sa 111).

129    B’hekk, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali jista’ biss jiġi miċħud.

ii)    Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

130    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jadotta atti fil-kuntest tal-PESK, li tikkostitwixxi qasam li jimplika min-naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih huwa msejjaħ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għad-definizzjoni tal-kriterji ġenerali li jiddelimitaw iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, fir-rigward tal-għanijiet li dawn il-miżuri huma bbażati fuqhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 41, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 48). Marġni ta’ diskrezzjoni tal-istess portata għandu għalhekk tiġi rrikonoxxuta lilu fir-rigward tat-tiġdid tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

131    Għalhekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, dwar il-fondatezza tal-politika ta’ appoġġ tal-Kunsill għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni politika fl-Eġittu, imsemmija fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2011/172, li din l-aħħar deċiżjoni u d-deċiżjonijiet sussegwenti jaqgħu fil-kuntest tagħha.

132    Bl-istess mod, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Kunsill fir-rigward tal-kuntest ġeografiku jew politiku li hija marbuta miegħu d-Deċiżjoni 2011/172 u bin-neċessità tat-tiġdid fir-rigward ta’ dan il-kuntest. Il-kompitu tagħha huwa biss li teżamina jekk, sabiex jevalwa din in-neċessità, il-Kunsill kisirx manifestament l-importanza u l-gravità tal-elementi relatati mal-kuntest politiku u ġudizzjarju Eġizzjan invokati mir-rikorrenti, fir-rigward ta’ informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tiegħu u tal-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni.

133    Huwa fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-diversi argumenti tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv.

–       Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq it-tneħħija tal-“awtoritajiet Eġizzjani l-ġodda” appoġġjati mill-Kunsill

134    Qabel kollox, l-argument tar-rikorrenti li skontu d-Deċiżjoni 2011/172 ma tistax tibqa’ titqies bħala li taqa’ fil-kuntest ta’ “politika ta’ appoġġ għall-awtoritajiet il-ġodda Eġizjani”, skont il-punt 44 tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), minħabba t-tneħħija ta’ dawn l-awtoritajiet, huwa bbażat fuq premessi żbaljati.

135    Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-iskop tad-Deċiżjoni 2011/172, imfakkar fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-miżuri restrittivi stabbiliti f’dan il-kuntest, fil-prinċipju, għandhom jinżammu sat-tmiem tal-proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu biex jinżamm l-effett utli tagħhom. Konsegwentement, it-tiġdid ta’ dawn il-miżuri ma jistax jiddependi mill-bidliet suċċessivi tal-gvern li saru fil-kuntest tal-proċessi ta’ tranżizzjoni politika li segwiet it-tluq, fi Frar 2011, ta’ M. Moubarak.

136    Min-naħa l-oħra, mill-punt 44 tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93) jirriżulta li, permezz tal-espressjoni “politika ta’ appoġġ għall-awtoritajiet il-ġodda Eġizjani”, il-Qorti Ġenerali kellha l-għan li tindika l-politika ta’ appoġġ għal “transizzjoni paċifika u ordinata għal gvern ċivili u demokratiku fl-Eġittu bbażat fuq l-istat tad-dritt, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”, li hija imsemmija fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2011/172. Huwa veru li, bħalma jirriżulta, b’mod partikolari, mir-rapport tal-IBAHRI tal‑2014, il-President tar-Repubblika elett fl-Eġittu f’Ġunju 2012 fil-kuntest tal-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika, Mohammed Morsi, tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu f’Ġunju 2013. Madankollu, għall-kuntrarju tal-preżunzjoni tar-rikorrenti, it-termini tal-imsemmija premessa ma jissuġġerixxux li l-politika ta’ appoġġ għal dan il-proċess kienet limitata għall-appoġġ tal-gvern ifformat minn dan il-mexxej, li kien l-ewwel gvern ċivili riżultat tal-elezzjonijiet wara t-tluq ta’ M. Moubarak fl-2011. Fi kwalunkwe każ, konformement mal-indikazzjonijiet tal-punt 131 iktar ’il fuq, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar jekk din il-politika ta’ appoġġ kinitx għadha rilevanti wara l-waqfien tal-funzjonijiet ta’ M. Morsi.

137    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux, skont l-evidenza, jitqiegħdu f’dubju [kunfidenzjali]. Fil-fatt, ikun biżżejjed li jitfakkar li, bħalma ġie indikat fil-punt 135 iktar ’il fuq, dawn il-miżuri għandhom, fil-prinċipju, jinżammu sat-tmiem tal-proċeduri ġudizzjarji f’dan il-pajjiż biex jinżamm l-effett utli tagħhom.

138    Għalhekk l-argument ibbażat fuq it-tneħħija tal-“awtoritajiet il-ġodda” Eġizzjani għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq ir-riskji kkawżati mill-instabbiltà tal-kuntest politiku Eġizzjan u tal-ksur allegat tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali

139    Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li, bħalma jsostnu r-rikorrenti, l-elementi li pproduċew, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mir-rapporti tal-IBAHRI, juru instabbiltà politika u istituzzjonali sinjifikattiva fl-Eġittu wara t-tluq ta’ M. Moubarak fil‑11 ta’ Frar 2011, li, bħalma jirriżulta mit-tweġiba tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Ġunju 2017, kienet għadha preżenti sal-adozzjoni ta’ kostituzzjoni ġdida f’Jannar 2014 u l-elezzjoni ta’ A. Al-Sissi fil-kariga ta’ president tar-Repubblika xi xhur wara. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li l-kuntest politiku ta’ dan il-perijodu kien ikkaratterizzat minn tensjonijiet sinjifikattivi bejn l-awtoritajiet u l-opponenti politiċi, li kkawżaw ċertu għadd ta’ telf ta’ ħajjiet.

140    Fir-rigward tal-kuntest ġudizzjarju, id-dokumenti inkwistjoni jissuġġerixxu li t-tensjonijiet politiċi msemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq issarrfu, b’mod partikolari, f’politika kriminali repressiva li timmira lill-opponenti politiċi u li tiżgura livell ta’ protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet fundamentali. Fihom jissemmew wkoll indħil jew tentattivi repetuti ta’ ndħil mis-setgħa eżekuttiva fil-prerogattivi tal-awtoritajiet ġudizzjarji, mill-inqas matul il-mandat ta’ M. Morsi. Bl-istess mod, dawn id-dokumenti jirriflettu l-kopertura medjatika intensa tal-proċeduri kriminali fil-konfront tal-mexxejja preċedenti u tal-qraba tagħhom, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw lil M. Moubarak u lill-ewwel rikorrent, u l-pressjonijiet tal-opinjoni pubblika li kienet tixtieq tara li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà ta’ dawn il-persuni u li kellha l-biża’ li dan il-proċess huwa kompromess min-nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja.

141    L-istess dokumenti fihom ukoll deskrizzjoni tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Eġizzjana matul il-perijodu kkunsidrat. B’hekk, dawn id-dokumenti jirreferu għal karatteristiċi ta’ din is-sistema li, skont l-awturi tagħhom, idgħajfu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali mill-awtoritajiet ġudizzjarji Eġizzjani li, fil-prinċipju, hija żgurata mill-kuntest legali li japplika għalihom. Fost dawn il-karatteristiċi jissemmew, b’mod partikolari, is-setgħat mogħtija lill-eżekuttiv għall-ħatra ta’ prosekuturi u għall-karriera tal-imħallfin kif ukoll funzjonamenti ħżiena relatati mal-mod ta’ reklutaġġ u mat-taħriġ tal-imħallfin, b’mod partikolari, fil-qasam tar-regoli internazzjonali relatati mad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk ma’ dawn il-karatteristiċi jiżdiedu l-kundizzjonijiet materjali tal-iżvolġiment tas-seduti fil-qasam kriminali deskritti fir-rapporti tas-Sur D. u tas-Sur M., fejn xi wħud minnhom jidhru, skont dawn ir-rapporti, li ma humiex speċifiċi għas-seduti deskritti, u li, skont l-awturi tagħhom, jindikaw li ma humiex żgurati l-garanziji kollha li jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq.

142    Barra minn hekk, mill-imsemmija dokumenti jirriżulta wkoll li, minn naħa, fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2012, it-Tribunal pénal fédéral suisse (il-Qorti Kriminali Federali Svizzera) ibbażat ruħha fuq elementi relatati mal-instabbiltà politika li kienet tipprevali fl-Eġittu fl‑2012 kif ukoll fuq l-elementi li jixhdu ndħil mill-eżekuttiv fil-kawżi ġudizzjarji, ikkonstatat fuq il-bażi ta’ diversi sorsi pubbliċi u li, min-naħa l-oħra, fis-sentenzi tagħha tat‑28 ta’ Awwissu 2012 u tat‑30 ta’ Settembru 2013, il-Qorti Kostituzzjonali tal-Liechtenstein qieset li l-elementi tar-rapport tal-IBAHRI tal‑2011 dwar is-sistema ġudizzjarja Eġizzjana kif ukoll li l-elementi tar-rapport tas-Sur M. kienu ta’ natura li tindika riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ewwel rikorrent fl-Eġittu.

143    Madankollu, anki fl-ipoteżi li ċ-ċirkustanzi kollha msemmija fid-dokumenti inkwistjoni jistgħu jitqiesu bħala stabbiliti, dawn ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jipproduċu l-prova li t-tiġdid, bid-Deċiżjoni 2015/486, tad-Deċiżjoni 2011/172 kien manifestament kuntrarju għall-għanijiet imsemmija fil-premessa 1 ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

144    Fl-ewwel lok, dawn iċ-ċirkustanzi ma jippermettux li jiġi konkluż li l-instabbiltà politika u istituzzjonali li kkaratterizzat il-kuntest politiku Eġizzjan bejn l-2011 u l-2014 kellha l-effett li tikkomprometti l-kapaċità kollha tas-sistema ġudizzjarja Eġizzjana biex tiggarantixxi l-osservanza tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali u li l-iffriżar tal-assi stabbilit mid-Deċiżjoni 2011/172 fil-kuntest ta’ politika intiża, b’mod partikolari, għall-osservanza ta’ dawn il-prinċipji tkun saret għalhekk manifestament mhux xierqa.

145    Ċertament, mid-dokumenti inkwistjoni jirriżulta li l-instabbiltà politika u istituzzjonali fl-Eġittu setgħet tkun fattur ta’ inċertezza, b’mod partikolari fl‑2012, fir-rigward tar-riskju ta’ ndħil mis-setgħa eżekuttiva fil-kawżi attwali sal-punt li jiġi ġġustifikat, mill-perspettiva ta’ qorti Ewropea, l-annullament tal-miżuri ta’ għajnuna legali.

146    Madankollu, din l-instabbiltà ma setgħetx tkun biżżejjed biex tiġġustifika li l-Kunsill itemm it-tiġdid tad-Deċiżjoni 2011/172, fid-dawl tal-elementi li barra minn hekk kellu għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data tad-Deċiżjoni 2015/486. Fil-fatt, qabel kollox, [kunfidenzjali]. Sussegwentement, l-ebda element prodott mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi ssuġġerit li l-proċeduri kriminali li l-persuni msemmija fid-Deċiżjoni 2011/172 kienu s-suġġett tagħhom fl-Eġittu nbidlu minn din l-instabbiltà. Fl-aħħar nett, il-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, stat aġġornat tal-proċeduri kriminali inkwistjoni (ara l-punti 87 u 88 iktar ’il fuq) li jikkonċernaw lill-persuni indikati fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172, li ma kienx jirrifletti tali bidla, bl-imsemmija proċeduri jkunu jidhru li kellhom segwitu normali, u saħansitra wasslu, f’ċerti każijiet, għall-għeluq tal-kawża fl-assenza ta’ provi, jew għall-annullament tal-kundanni imposti fuq dawn il-persuni mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana.

147    Barra minn hekk, ma tistax tinsilet konklużjoni differenti mill-ksur allegat tad-drittijiet fundamentali li allegatament twettqu fl-Eġittu matul il-perijodu kkunsidrat, fil-kuntest ta’ kunflitti bejn l-awtoritajiet u l-manifestanti, b’mod partikolari l-opponenti politiċi, u ta’ politika kriminali repressiva fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, mill-elementi prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li dan il-ksur, anki fl-ipoteżi li dan seħħ fil-verità, seta’ jinfluwenza l-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lil dawk preżunti responsabbli mill-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li d-Deċiżjoni 2011/172 ġiet adottata fir-rigward tagħhom. Fir-rigward tal-elementi relatati ma’ dawn il-proċeduri kriminali, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dawn jissuġġerixxu li l-iżvolġiment ta’ xi wħud minnhom seta’ ġarrab il-pressjoni tal-opinjoni pubblika, minn dan ma jistax jiġi dedott ir-riskju li dawn il-proċeduri kollha kienu sistematikament ivvizzjati minn ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

148    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jitqiegħdux f’dubju mill-elementi relatati mal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja li jirriżultaw, b’mod partikolari, mir-rapporti tal-IBAHRI, tas-Sur D. u tas-Sur M. Fil-fatt, ċertament, dawn ir-rapporti jirreferu għal lakuni fil-protezzjoni tal-indipendenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji mill-kuntest legali Eġizzjan u għal funzjonamenti ħżiena prattiċi li jistgħu jdgħajfu l-implementazzjoni korretta tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ din is-sistema. Madankollu, dawn ma jissuġġerixxux li dawn iċ-ċirkustanzi jikkompromettu, b’mod sistematiku, il-kapaċità tal-awtoritajiet ġudizzjarji Eġizzjani li jiggarantixxu l-osservanza tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali bħal dawk li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172.

149    Dawn il-kunsiderazzjonijiet lanqas jitqiegħdu f’dubju mis-sentenza tat-Tribunal pénal fédéral suisse (il-Qorti Kriminali Federali Svizzera) tat‑12 ta’ Diċembru 2012 u s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Liechtenstein tat‑28 ta’ Awwissu 2012 u tat‑30 ta’ Settembru 2013, invokati mir-rikorrenti. Fil-fatt, anki fl-ipoteżi fejn il-miżuri ġudizzjarji annullati minn dawn il-qrati jkunu paragunabbli għall-miżuri adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172, fi kwalunkwe każ, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li dawn kienu ttieħdu fir-rigward ta’ ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi differenti minn dawk li huma rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi osservat li, f’dawn is-sentenzi, il-qrati inkwistjoni ħadu deċiżjoni fir-rigward tal-fatti li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, rispettivament, fl‑2012 u fl‑2013 u mhux fir-rigward tal-fatti li seħħew wara. Min-naħa l-oħra, il-miżuri annullati ma kinux jikkostitwixxu sistema ta’ miżuri, iżda miżuri individwali, u biex jintemmu dawn il-miżuri ma kienx meħtieġ li jintwerew, bħal f’dan il-każ, riskji ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ġudizzjarju Eġizzjan.

150    Fl-aħħar nett, id-dokumenti komplementari dwar is-sitwazzjoni ġenerali tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali prodotti mir-rikorrenti fl‑2016 u fl‑2017 ma jiġġustifikawx analiżi differenti fir-rigward tad-Deċiżjoni 2016/411 u d-Deċiżjoni 2017/496.

151    Minn naħa, id-dikjarazzjonijiet magħmula f’isem l-Unjoni bejn l-2011 u l-2016, li r-rikorrenti jinvokaw fil-kuntest tal-ewwel nota ta’ adattament, ma jikkonċernawx il-proċeduri ġudizzjarji li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172. Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet tal-Unjoni jesprimu t-tħassib tagħhom dwar ksur tad-drittijiet fundamentali u ksur tal-istat tad-dritt imwettqa fl-Eġittu jew jitolbu lill-awtoritajiet Eġizzjani jżommu lura minn tali ksur, inkluż fil-kuntest ġudizzjarju, ma jipprekludix, waħdu, li l-Kunsill jagħti assistenza lil dawn l-istess awtoritajiet fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji speċifiċi. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tal-politika intiża, partikolarment, għall-osservanza tal-istat tad-dritt u għar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Eġittu, l-assistenza lill-awtoritajiet Eġizzjani fid-dawl tal-ġlieda kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi ma tmurx kontra l-espressjoni ta’ tħassib jew ta’ talbiet intiżi għall-osservanza ta’ dawn il-prinċipji minn dawn l-awtoritajiet stess, iżda tikkostitwixxi, għall-kuntrarju, suppliment.

152    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta’ Ġuristi, data ta’ Settembru 2016, bit-titolu “Egypt’s judiciary: A Tool of Repression, Lack of Effective Guarantee of Independence and Accountability”, minn ebda element tal-fajl ma jirriżulta li r-rikorrenti kienu kkomunikaw dan ir-rapport lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/496. Għalhekk il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni elementi li jinsabu f’dan ir-rapport biex jiddetermina jekk it-tiġdid tad-Deċiżjoni 2011/172 kienx konformi jew le mal-għanijiet tal-politika li taqa’ taħt il-kuntest tagħha. Barra minn hekk, ċertament, dawn l-elementi jikkoinċidu ma’ dawk li jinsabu fir-rapporti tal-IBAHRI fir-rigward tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Eġizzjana, inkluż għall-perijodu ta’ wara dak kopert minn dawn l-aħħar rapporti. Madankollu, dawn l-elementi ma jirrigwardawx il-proċeduri kriminali li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom u ma jissuġġerixxux li l-kapaċità tal-imsemmija sistema ġudizzjarja biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali hija sistematikament kompromessa fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri.

153    Fit-tieni lok, l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jurux li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li kellu biżżejjed elementi għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiddeċiedi b’mod raġonevoli li jkompli bil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Eġizzjani mnehdija fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172, mingħajr ma huwa meħtieġ li jwettaq verifiki komplementari.

154    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li, bit-twettiq b’mod impliċitu iżda neċessarju ta’ tali evalwazzjoni, il-Kunsill wiżen b’mod manifestament żbaljat id-diversi elementi rilevanti għat-tkomplija ta’ din il-kooperazzjoni, li kien jimplika b’mod partikolari t-teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-iskop ta’ din il-kooperazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-għanijiet tal-politika li din taqa’ taħtha, jiġifieri l-appoġġ għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni politika u ekonomika tal-Eġittu fl-osservanza tal-istat tad-dritt u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

155    F’dan ir-rigward, sa fejn l-iskema ta’ miżuri restrittivi stabbilita mid-Deċiżjoni 2011/172 għandha l-uniku skop li tiffaċilita l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Eġizzjani tal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li żżomm il-possibbiltà, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-miżapproprjazzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż li t-tiġdid ta’ din is-sistema jibqa’ rilevanti, inkluż fl-ipoteżi ta’ żviluppi politiċi u ġudizzjarji sfavorevoli fir-rigward tal-progress tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt jew tar-rispett tad-drittijiet fundamentali. B’hekk, huwa l-kompitu tal-Kunsill li jevalwa jekk, fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tiegħu, setax iqis b’mod raġonevoli li t-tkomplija tal-assistenza lill-awtoritajiet Eġizzjani fil-ġlieda kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi kinitx għadha, inkluż f’tali kuntest, mezz xieraq li jiffavorixxi l-għanijiet ta’ stabbiltà politika u ta’ osservanza tal-istat tad-dritt fil-pajjiż.

156    Issa, minn naħa, bħalma ġie kkonstatat fil-punti 144 sa 152 iktar ’il fuq, l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux, waħedhom, li jiġi konkluż li l-kapaċità tal-awtoritajiet ġudizzjarji Eġizzjani biex jiggarantixxu l-osservanza tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li d-Deċiżjoni 2011/172 hija bbażata fuqhom hija definittivament kompromessa mill-imsemmija żviluppi politiċi u ġudizzjarji.

157    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill seta’ jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ garanziji offruti mill-kuntest legali Eġizzjan. B’hekk, b’mod partikolari mir-rapporti tal-IBAHRI kien jirriżulta li, minn naħa, l-Eġittu huwa parti għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi kif ukoll għal strumenti tad-dritt internazzjonali reġjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li, min-naħa l-oħra, l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja hija ggarantita mill-kostituzzjoni Eġizzjana, fejn, barra minn hekk, kien sar progress f’dan il-qasam mill-kostituzzjoni l-ġdida adottata fi Frar 2014. Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet tal-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015 imsemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq, dwar ir-rimedji ġudizzjarji offruti mill-proċedura kriminali Eġizzjana lill-persuni imsemmija fid-Deċiżjoni 2011/172, kien jirriżulta li dawn il-proċeduri kienu jaqgħu taħt kuntest ġuridiku li joffri garanzija fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni kkonċernati. Barra minn hekk, bħalma ġie enfasizzat fil-punt 146 iktar ’il fuq, mill-istat aġġornat tal-proċeduri kriminali inkwistjoni pprovdut ukoll mill-awtoritajiet Eġizzjani bl-għan tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496 kien jirriżulta li ċerti persuni imsemmija fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 kienu kisbu l-annullament tal-kundanna tagħhom.

158    F’dan ir-rigward, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw l-inammissibbiltà tiegħu fil-kuntest ta’ dan il-motiv sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2015/486, peress li huwa stabbilit li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq il-kontenut tiegħu għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 88 iktar ’il fuq, il-kontenut ta’ dan il-memorandum ġie riprodott fil-memorandum tan-NCRAA tal‑5 ta’ Diċembru 2016, ikkomunikat lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/496. Barra minn hekk, fit-tweġiba bil-miktub, bid-data tal‑21 ta’ April 2017, għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill daħħal dawn il-memoranda fil-proċess tal-kawża. Ir-rikorrenti għalhekk setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet relatati mal-kontenut ta’ dan id-dokument, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tweġiba tagħhom bil-miktub, bid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2017, għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u matul is-seduta.

159    Fl-aħħar nett, bħalma ġie enfasizzat fil-punt 151 iktar ’il fuq, il-fatt li l-Kunsill jagħti assistenza lill-awtoritajiet Eġizzjani fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi ma jikkontradixxix l-espressjoni ta’ tħassib u ta’ talbiet min-naħa tal-awtoritajiet tal-Unjoni fir-rigward ta’ ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt imwettqa fl-Eġittu.

160    Għaldaqstant, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li kellu biżżejjed elementi għad-dispożizzjoni tiegħu dwar il-kuntest politiku u ġudizzjarju Eġizzjan biex ikompli bil-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Eġizzjani mnehdija fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172 u li l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma kinux jiġġustifikaw proċediment, qabel it-tiġdid ta’ din id-deċiżjoni, għal verifiki komplementari.

–       Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq ir-riskju li d-dritt għal smigħ xieraq tal-ewwel rikorrent ma jiġix irrispettat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li huwa s-suġġett tagħhom fl-Eġittu

161    Fir-rigward ta’ dan l-argument, għandu jiġi nnotat li, anki fl-ipoteżi fejn l-elementi prodotti mir-rikorrenti jindikaw riskju li l-awtoritajiet Eġizzjani ma jiggarantixxux lill-ewwel rikorrent ir-rispett tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, din iċ-ċirkustanza hija biss ta’ natura li taffettwa, jekk ikun il-każ, il-legalità tat-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172. Min-naħa l-oħra, din ma tistax taffettwa l-legalità tat-tiġdid tas-sistema ta’ ffriżar ta’ fondi prevista mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni.

162    Fil-fatt, il-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 jipprevedu, b’mod ġenerali u astratt, l-inklużjoni tal-persuni responsabbli mill-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani u tal-persuni assoċjati magħhom. Dawn il-kriterji ma jimplikawx l-eżistenza ta’ rabta bejn l-inklużjoni ta’ dawn il-persuni u l-proċeduri kriminali speċifiċi li l-ewwel rikorrent huwa s-suġġett tagħhom.

163    Barra minn hekk, ir-riskju ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq tal-ewwel rikorrent ma jistax jikkostitwixxi, waħdu, l-indizju ta’ ksur sistematiku ta’ dan id-dritt li jista’ jaffettwa d-drittijiet tal-persuni kollha indikati fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172.

164    Konsegwentement, sa fejn dan huwa insostenn ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, kif imġedded mid-Deċiżjoni 2015/486, dan l-argument huwa ineffettiv. Dan l-argument jista’ jkun rilevanti biss fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur, mid-deċiżjonijiet ikkontestati, tal-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali. Għalhekk għandu jsir l-eżami tiegħu f’dan il-kuntest.

165    Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx n-natura manifestament mhux xierqa tat-tiġdid, mid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Eġittu u, konsegwentement, l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, fir-risposta, fil-konfront tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li hija bbażata fuqha l-imsemmija parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ bażi legali tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011

166    Ir-rikorrenti jinvokaw in-nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament Nru 270/2011 li, fil-fehma tagħhom, la jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 215(3) TUE, minħabba nuqqas ta’ deċiżjoni valida, u lanqas fuq il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, fl-assenza ta’ rabta bejnhom u l-gvern ta’ pajjiż terz.

167    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi nnotat, minn naħa, li, bħalma jirriżulta mill-punti 118 sa 165 iktar ’il fuq, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, sa fejn hija intiża għall-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, kif imġedded mid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, għandha tiġi miċħuda u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest tar-rikorsi tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑256/11 u T‑279/13, li r-Regolament Nru 270/2011 kien legalment ibbażat fuq l-Artikolu 215(2) TFUE, fejn id-dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ kwalunkwe persuna, sakemm dawn kienu previsti minn deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-PESK (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 30 sa 33, u digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78, punt 49). B’hekk, din l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija infondata u, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħha, għandha tiġi miċħuda.

168    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda din il-parti u, għalhekk, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv kollu kemm hu.

c)      Fir-rigward tat-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kunsill tal-Artikolu 6 TUE, flimkien mal-Artikoli 2 u 3 TUE, u tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta

169    It-tieni motiv jinkludi żewġ partijiet.

170    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jaffermaw li, skont l-Artikolu 6 TUE, flimkien mal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(5) TUE, il-Kunsill għandu l-obbligu li jippromwovi d-drittijiet fundamentali. Dawn isostnu li l-Kunsill, minn naħa, naqas milli jiżgura li d-drittijiet fundamentali tagħhom kienu ġew rispettati u, min-naħa l-oħra, ibbaża ruħu fuq preżunzjoni inkontestabbli li l-awtoritajiet Eġizzjani josservaw tali rispett, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 105 u 106, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il-Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 139). Madankollu huma jqisu li d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u għall-preżunzjoni tal-innoċenza, stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, inkiser fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li huma s-suġġett tagħhom fl-Eġittu. Fit-tweġiba tagħhom fid-data tal‑4 ta’ Ottubru 2017 għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar l-effett, għal din il-kawża, tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), huma jsostnu li din is-sentenza tikkonferma l-pożizzjoni tagħhom.

171    Barra minn hekk, bħalma ġie indikat fil-punt 164 iktar ’il fuq, ma’ dan il-motiv jintrabat ukoll l-argument imqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-għanijiet tad-Deċiżjoni 2011/172 intiżi fil-premessa 1 tagħha jipprekludu t-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom, bit-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju, indikat mill-elementi li huma pproduċew lill-Kunsill, li l-awtoritajiet Eġizzjani ma humiex se jiggarantixxu lill-ewwel rikorrent ir-rispett tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq. Dan l-argument, li huwa bbażat fuq bażi distinta mill-argument tar-rikorrent insostenn tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jitqies bħala li jifforma t-tieni parti ta’ dan il-motiv.

172    Il-Kunsill jikkontesta l-portata li r-rikorrenti, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandhom l-għan li jagħtu għall-obbligu tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni l-allegazzjonijiet tagħhom relatati mal-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ewwel rikorrent fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li huwa s-suġġett tagħhom.

173    B’mod preliminari, għandu jiġi nnotat li d-dibattitu bejn il-partijiet, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ma jirrigwardax, bħal fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, il-kwistjoni jekk l-ommissjoni mill-Kunsill li jipproċedi għal verifiki dwar l-osservanza tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Eġittu affettwatx, kollha kemm hi, il-legalità tat-tiġdid tal-iskema ta’ miżuri restrittivi adottata fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172. Dan jirrigwarda l-kwistjoni jekk in-nuqqas ta’ rikonoxximent, allegatament mill-Kunsill, tal-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq tal-ewwel rikorrent fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li dan tal-aħħar huwa s-suġġett tagħhom affettwax il-legalità tal-miżuri individwali ta’ tiġdid tal-iffriżar tal-assi, minn naħa, tiegħu u, min-naħa l-oħra, tat-tieni sar-raba’ rikorrenti.

174    Barra minn hekk, dejjem b’mod preliminari, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti, mill-inqas fil-kuntest tar-rikors, ma jallegawx ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni tal-innoċenza tat-tieni sar-raba’ rikorrenti fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li huma s-suġġett tagħhom. Madankollu dawn tal-aħħar huma indikati fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 minħabba li huma s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji marbuta mal-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent. Għalhekk, minn dan għandu jiġi dedott li r-rikorrenti jqisu li l-invalidità tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent li tirriżulta mill-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu twassal għal dik tal-inklużjoni tat-tieni sar-raba’ rikorrenti.

175    Qabel kollox għandha tiġi eżaminata t-tieni parti.

1)      Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li t-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti tmur kontra l-għanijiet intiżi fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2011/172

176    Għandu jitfakkar li, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 68 iktar ’il fuq, l-iskop tad-Deċiżjoni 2011/172, jiġifieri li tiġi ffaċilitata l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Eġizzjani tal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li tinżamm il-possibbiltà għal dawn l-awtoritajiet li jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-miżapproprjazzjonijiet, ma għandu l-ebda rilevanza fir-rigward, b’mod partikolari, tal-għanijiet ta’ promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, intiżi fil-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni, li dan l-iffriżar tal-assi jikkontribwixxi għalihom, jekk l-imsemmija konstatazzjoni u l-imsemmi rkupru jkunu vvizzjati minn ċaħda tal-ġustizzja, jew saħansitra jkunu arbitrarji.

177    Fil-każ kuntrarju, tali ffriżar tal-assi, skont l-evidenza, la jkun jista’ jikkontribwixxi għall-ġlieda tal-awtoritajiet Eġizzjani kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u lanqas ikun jista’, a fortiori, jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika ta’ promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem tal-politika li d-Deċiżjoni 2011/172 taqa’ fil-kuntest tagħha u jkun għalhekk manifestament sproporzjonat fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet.

178    Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-elementi li huma ssottomettew lill-Kunsill kienu juru li dan tal-aħħar kellu jistenna li l-awtoritajiet Eġizzjani ma joffrux lill-ewwel rikorrent trattament xieraq, indipendenti u imparzjali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li huwa kien is-suġġett tagħhom. Konsegwentement, sabiex jintlaqa’ dan l-argument, huwa neċessarju li l-elementi pprovduti mir-rikorrenti jirreferu, b’mod manifest, għal ksur gravi biżżejjed tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent biex il-Kunsill jitwassal għall-konklużjoni li minn dan jirriżulta probabbilment dannu irriversibbli għal dan tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni u li t-tmiem tagħha probabbilment isarraf f’ċaħda tal-ġustizzja. Dawn l-elementi għalhekk kienu konklużivi biżżejjed biex jikkonvinċu lill-Kunsill, fid-dawl tal-eżami tagħhom biss, li ma setax iġedded iktar l-iffriżar tal-assi tar-rikorrenti, ħlief jekk jadotta deċiżjoni manifestament mhux xierqa fir-rigward tal-għanijiet tagħha.

179    F’dan ir-rigward, sa fejn din il-parti hija intiża għat-tiġdid tad-Deċiżjoni 2011/172 fl‑2015, hemm lok li jitfakkar li, qabel id-Deċiżjoni 2015/486, ir-rikorrenti pprovdew, b’mod partikolari, lill-Kunsill ir-rapporti tas-Sur D. u tas-Sur M., deskritti fil-punti 92 sa 98 iktar ’il fuq, li jittrattaw direttament il-kwistjoni tal-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent fil-kuntest tal-proċeduri kriminali speċifiċi. Hemm lok ukoll li jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-punti 99 u 103 iktar ’il fuq, il-Kunsill, f’din id-data, seta’ jkun jaf ukoll bil-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana li tiddeċiedi fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, fejn dawn il-motivi jistgħu jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-imsemmi ksur. Fl-aħħar nett, l-elementi relatati mas-sistema ġudizzjarja Eġizzjana, imsemmija fil-punti 140 sa 142 iktar ’il fuq, setgħu jikkostitwixxu elementi ta’ kuntest bl-għan li tiġi evalwata l-probabbiltà tar-riskju li l-eżitu tal-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent jiġi alterat minn tali ksur.

180    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rapporti tas-Sur D. u tas-Sur M. fihom ċertu għadd ta’ elementi li jissuġġerixxu li d-diversi komponenti tad-dritt għal smigħ xieraq ma ġewx osservati fl-istadji tal-proċedura kriminali osservati f’dawn ir-rapporti u jikkonkludu t-tnejn li huma li hemm riskju ta’ fraġilità ġuridika tad-deċiżjonijiet li jiddeċiedu dwar il-fondatezza tal-akkużi miġjuba fil-konfront tal-ewwel rikorrent.

181    Fl-ewwel lok, ir-rapporti inkwistjoni fihom ċertu għadd ta’ osservazzjonijiet li jissuġġerixxu li l-kundizzjonijiet li żvolġew fihom is-seduti li huma jiddeskrivu ma kinux adegwati għalkollox għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tal-akkużati, inkluż tal-ewwel rikorrent, minħabba, l-ewwel nett, id-diffikultà għall-avukati, u ferm iktar għall-ewwel rikorrent, li jsegwu l-iżvolġiment tas-seduta u jipparteċipaw fiha f’kundizzjonijiet normali, it-tieni nett, id-diffikultà tal-avukati tal-ewwel rikorrenti li jikkomunikaw miegħu u, it-tielet nett, il-limitazzjonijiet imposti mill-Qorti Kriminali għall-possibbiltà, għall-akkużati u r-rappreżentanti tagħhom, li jippreżentaw provi u li jipproduċu xhieda li jiskaġunaw kif ukoll li jikkontestaw b’mod utli l-elementi u x-xhieda prodotti mill-akkuża, u saħansitra, għall-akkużati stess, li jitkellmu.

182    Fit-tieni lok, ir-rapporti inkwistjoni, b’mod partikolari r-rapport tas-Sur D., jallegaw, essenzjalment, li l-ilmenti, min-naħa tal-ewwel rikorrent, li huwa s-suġġett ta’ nuqqas ta’ imparzjalità huma oġġettivament iġġustifikati. Minn naħa, skont ir-rapport tas-Sur D., it-terminu partikolarment qasir tal-investigazzjonijiet tal-prosekutur u l-assenza ta’ akkużi minn produtturi Eġizzjani oħra li bbenefikaw minn liċenzji tal-enerġija mingħajr ħlas jikkostitwixxu indizji ta’ preġudizzju sfavorevoli għal din il-persuna li jivvizzja l-imsemmija investigazzjonijiet. Bl-istess mod, l-awtur ta’ dan ir-rapport iqis li preġudizzju analogu min-naħa tal-qorti ssarraf, matul is-seduti, f’atitudni kkontrastata mill-Qorti Kriminali fir-rigward, minn naħa, tad-diversi interventi inkriminanti, u saħansitra aġir ostili pprovokat mix-xhieda li jiskaġunaw u, min-naħa l-oħra, minn interventi ta’ avukati tad-difiża u tal-akkużati. Min-naħa l-oħra, ir-rapport tas-Sur M. jiddeduċi nuqqas ta’ imparzjalità, min-naħa tal-Qorti Kriminali inkwistjoni, kemm fir-rigward tal-viċinanza spazjali tal-membri tal-kulleġġ ġudikanti mal-prosekutur kif ukoll tal-interventi tal-president tiegħu li jidhru li jesprimu rieda li tiffavorixxi l-akkuża.

183    Fit-tielet lok, mir-rapport tagħhom jirriżulta li s-Sur D. u s-Sur M. qiesu li l-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti għaż-żamma tar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent. Fir-rigward tas-Sur D., huwa jinvoka, minn naħa, ir-riċerka insuffiċjenti tal-provi fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tal-akkuża, immexxija, fil-fehma tiegħu, b’mod imħaffef u, min-naħa l-oħra, il-vantaġġ mogħti lill-akkuża mill-Qorti Kriminali minħabba ġestjoni tal-iżvolġiment tas-seduta li tħalli l-impressjoni, fil-fehma tiegħu, li l-Qorti Kriminali kienet tibża’ “tidher tikkritika attitudni ostili lejn iċ-ċittadini”. Fir-rigward tas-Sur M., huwa jqis li, minn naħa, il-miżuri ta’ iżolament fiżiku meħuda fir-rigward tal-akkużati matul is-seduta u, min-naħa l-oħra, il-kopertura medjatika tas-seduta, iġġudikata intrużiva, setgħu kisru l-osservanza ta’ dan il-prinċipju.

184    Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rapport tiegħu, is-Sur D. jesprimi dubji fir-rigward tal-indipendenza, f’ dan il-każ, tal-awtoritajiet ġudizzjarji fuq il-bażi tal-istess indizji li wassluh iqajjem dubju dwar l-imparzjalità tagħhom. Huwa jenfasizza, b’mod partikolari, l-effett probabbli, fil-fehma tiegħu, tal-biża’ tal-opinjoni pubblika dwar l-evalwazzjoni mill-qorti tal-ħtija tal-ewwel rikorrent.

185    Sussegwentement, minn żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali fil-Kawżi Nri 38 u 291 tal‑2011, din il-qorti nnotat l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, tat-talbiet tagħhom għal sospensjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fit-tliet proċeduri kriminali inkwistjoni (Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011), il-qorti tal-ewwel istanza ġiet ikkritikata, b’mod partikolari, li ma wrietx li l-ħtija tal-akkużati kienet tibbaża fuq provi preċiżi u, fil-Kawża Nru 291 tal‑2011, li ppreżumiet il-ħtija tal-ewwel rikorrent fir-rigward tal-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fiż-żewġ kawżi l-oħra, li kienu jikkostitwixxu prerekwiżit neċessarju għall-istabbiliment tal-ħtija tiegħu fil-fatti ta’ ħasil tal-flus li kienu jifformaw is-suġġett tal-kawża.

186    Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li r-rapporti tal-IBAHRI kienu jidentifikaw ċerti karatteristiċi u ċerti funzjonamenti ħżiena inerenti għas-sistema ġudizzjarja Eġizzjana ta’ natura li taffettwa l-indipendenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji (ara l-punti 140 u 141 iktar ’il fuq).

187    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jiġi nnotat li, irrispettivament mir-rilevanza tal-elementi li jinsabu fid-dokumenti inkwistjoni għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent, fi kwalunkwe każ, dawn ma kinux ta’ natura, waħedhom, li jwasslu lill-Kunsill għall-konklużjoni li l-affidabbiltà tal-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lil din il-persuna jkunu probabbilment affettwati b’mod irriversibbli, minn ksur gravi tal-imsemmija drittijiet u, konsegwentement, li tobbliga t-tmiem, b’mod definittiv, tal-inklużjoni tar-rikorrenti. Fil-fatt, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, l-ipoteżi li dawn il-proċeduri jistgħu jwasslu, għall-kuntrarju, għal deċiżjoni finali li ma tkunx ivvizzjata minn tali ksur ma kinitx mingħajr plawżibbiltà.

188    F’dan ir-rigward, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, mill-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Eġizzjani dwar l-istat tal-proċeduri kriminali li l-ewwel rikorrent kien is-suġġett tagħhom (ara l-punti 82, 83 u 87 iktar ’il fuq) kien jirriżulta li, wara l-annullament mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tas-sentenzi tal-ewwel istanza, il-kawżi kienu ntbagħtu mill-ġdid quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu u kienu segwew il-kors tagħhom. Ġie ppreċiżat, barra minn hekk, li, fil-Kawża Nru 107 tal‑2011, kienet intalbet perizja u li, fil-Kawża Nru 291 tal‑2011, il-proċedura kienet ġiet sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni definittiva fil-Kawżi Nri 38 u 107 tal‑2011.

189    Konsegwentement, abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kunsill seta’ jqis raġonevolment li l-qorti Eġizzjana li għandha ġurisdizzjoni tkun tista’ tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-mertu, fuq rinviju tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana, f’kundizzjonijiet ħielsa miċ-ċirkustanzi allegati fir-rapporti tas-Sur D. u s-Sur M. bħala li jkunu ta’ natura li tikser id-dritt tal-ewwel rikorrent għal smigħ xieraq u li, konsegwentement, dawn il-kundizzjonijiet jippermettu li jitneħħa r-riskju li dawn id-deċiżjonijiet ma jkunux affidabbli.

190    B’mod partikolari, din l-informazzjoni tissuġġerixxi li, fil-kawżi inkwistjoni, ċerti kunsiderazzjonijiet, li l-annullament deċiż mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana huwa bbażat fuqhom, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura tar-rinviju. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-perizja mitluba fil-kuntest tal-Kawża Nru 107 tal‑2011 għandha l-iskop li tislet il-konsegwenzi mill-konstatazzjoni ta’ din il-qorti li skontha l-intenzjoni kriminali tal-akkużati ma kinitx stabbilita. Bl-istess mod, is-sospensjoni tal-proċedura fil-Kawża Nru 291 tal‑2011 tidher li tissodisfa l-konstatazzjoni ta’ din l-istess qorti li, biex tkun tista’ tiddeċiedi dwar din il-kawża, il-qorti tal-ewwel istanza ppreżumiet il-ħtija tal-ewwel rikorrent fil-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li kienu jirrigwardawhom il-Kawżi Nri 38 u 107 tal‑2011.

191    Barra minn hekk, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, ir-rikorrenti ma pproduċewx elementi intiżi biex jissuġġerixxu li d-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent inkiser fil-kuntest tar-rinviju tal-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011 quddiem il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana.

192    Fi kwalunkwe każ, mill-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015 il-Kunsill seta’ jiddeduċi li l-ewwel rikorrent kellu l-possibbiltà li jippreżenta, quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana, rikors ġdid kontra d-deċiżjoni li tittieħed mill-qorti tal-ewwel istanza, li, skont il-każ, tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-mertu, f’każ li hija tilqa’ l-appell. Issa, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma kkontestawx l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni.

193    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, l-informazzjoni li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu ma kinitx tippermetti li jiġi preżunt li l-ewwel rikorrent ikun probabbilment ikkundannat fuq il-bażi ta’ ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza u li dan il-ksur probabbilment joħloq dannu irriversibbli għar-rikorrenti. Id-deċiżjoni li tiġġedded l-inklużjoni tar-rikorrenti fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 għalhekk ma kinitx manifestament mhux xierqa fir-rigward tal-għanijiet, minn naħa, tal-iffriżar tal-assi tagħhom u, min-naħa l-oħra, tal-politika ta’ appoġġ għall-awtoritajiet Eġizzjani fil-kuntest li l-imsemmi ffriżar jaqa’ taħtu.

194    L-elementi prodotti mir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411 u tad-Deċiżjoni 2017/496 ma kinux ta’ natura li tiġġustifika li, fl‑2016 u fl‑2017, il-Kunsill jimmodifika l-pożizzjoni tiegħu dwar jekk kienx hemm lok li tiġġedded l-inklużjoni tagħhom.

195    Minn naħa, fil-kuntest tal-ewwel nota ta’ adattament, ir-rikorrenti jinvokaw tliet elementi, jiġifieri, l-ewwel nett, parir legali tar-rappreżentanti legali Eġizzjani tagħhom, tal‑10 ta’ Marzu 2016, li minnhom jirriżulta li d-deċiżjoni tal-qorti Eġizzjana, tat‑23 ta’ Frar 2011, li tivvalida d-digriet ta’ ffriżar tal-fondi tagħhom stabbilit mill-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan fil‑21 ta’ Frar 2011 kienet ġiet adottata bi ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, it-tieni nett, it-tul taż-żmien totali akkumulat tal-pieni differenti ta’ priġunerija imposti fuq l-ewwel rikorrent, li jikkostitwixxu trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta u tal-Artikolu 3 tal-KEDB u, it-tielet nett, il-fatt li, fl-ittra tagħhom tat‑2 ta’ Frar 2016, l-awtoritajiet Eġizzjani jirreferu għal diversi investigazzjonijiet ġudizzjarji li l-ewwel rikorrent u r-rappreżentanti legali tiegħu fl-Eġittu ma kinux informati dwarhom, skont dokument tat‑28 ta’ Frar 2016 li joriġina minn dawn tal-aħħar.

196    Fir-rigward tal-ewwel element, jiġifieri parir legali tar-rappreżentanti legali Eġizzjani tar-rikorrenti, tal‑10 ta’ Marzu 2016, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti hemżuh mal-ittra bid-data tal‑14 ta’ Marzu 2016 mibgħuta minn kull wieħed minnhom lill-Kunsill.

197    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, qabel kollox, bħalma jirriżulta mill-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani bid-data tal‑14 ta’ Marzu 2016, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jivvalidaw id-digrieti ta’ ffriżar ta’ fondi stabbiliti mill-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan jistgħu jiġu kkontestati f’terminu ta’ tliet xhur. Din l-informazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. Madankollu, fil-parir legali tar-rappreżentanti legali tagħhom fl-Eġittu, li invokaw ir-rikorrenti, ma jissemmiex rikors kontra d-deċiżjoni tal-qorti Eġizzjana bid-data tat‑23 ta’ Frar 2011 jew tal-kontenut tas-sentenza eventwali li tiddeċiedi dwar tali rikors. Konsegwentement, anki fl-ipoteżi li l-allegazzjonijiet li jinsabu f’dan il-parir legali huma konklużivi biżżejjed, minnhom ma jirriżulta bl-ebda mod li l-protezzjoni ġudizzjarja prevista mid-dritt Eġizzjan fir-rigward tad-deċiżjonijiet bħal dik tat‑23 ta’ Frar 2011 ma kinitx effettiva.

198    Sussegwentement, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li d-digriet ta’ ffriżar ta’ fondi tal‑21 ta’ Frar 2011, ivvalidat b’deċiżjoni ġudizzjarja tat‑23 ta’ Frar 2011, huwa ġġustifikat mill-eżistenza ta’ proċedura kriminali attwali fil-Kawża Nru 38 tal‑2011 għal fatti kkwalifikati mill-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u min-neċessità li tiġi evitata, b’mod kawtelatorju, l-evażjoni ta’ fondi possibbilment miżapproprjati. Konsegwentement, indipendentement mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-kwalifika kriminali tal-imsemmija fatti, li ma tqajmitx fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-ksur allegat fil-parir legali tal‑10 ta’ Marzu 2016 ma jistax ikun ta’ natura, fi kwalunkwe każ, li jikkontesta l-bażi tal-imsemmi digriet u tal-applikazzjoni tiegħu għall-assi tar-rikorrenti kollha. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li, bħalma jirriżulta mill-istess ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani, ir-raba’ rikorrenti kisbet mill-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan, fuq talba tagħha, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tad-digriet ta’ ffriżar ta’ fondi tal‑21 ta’ Frar 2011 ta’ ċerti assi li kienu proprjetà tagħha qabel iż-żwieġ tagħha. Konsegwentement, jidher li d-deċiżjoni ta’ validazzjoni tad-digriet ta’ ffriżar ta’ fondi tat‑23 ta’ Frar 2011 ma tippreġudikax il-possibbiltà, b’mod partikolari, għat-tieni sar-raba’ rikorrenti, li jippreżentaw talbiet intiżi għall-esklużjoni ta’ xi wħud mill-beni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi digriet u li jaraw għalhekk l-effetti negattivi tiegħu fuq id-dritt għall-proprjetà tagħhom limitati għal dak li huwa neċessarju biex jissodisfa l-għanijiet ta’ dan id-digriet. Konsegwentement, il-Kunsill kellu d-dritt li jqis li dan id-digriet, li bbaża ruħu fuqu biex jipproċedi għall-inklużjoni ta’ dawn il-persuni, kien affidabbli, minkejja l-allegazzjonijiet li jinsabu fil-parir legali bid-data tal‑10 ta’ Marzu 2016.

199    Fl-aħħar nett, ma huwiex ikkontestat li, bħalma jirriżulta mill-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani bid-data tal‑14 ta’ Marzu 2016, kienu ġew adottati żewġ digrieti oħra ta’ ffriżar ta’ assi fil-konfront tar-rikorrenti kollha fir-rigward tal-Kawżi Nri 107 u 291 tal‑2011 u li dawn id-digrieti kienu għadhom fis-seħħ fid-data ta’ din l-ittra. Konsegwentement, anki fl-ipoteżi li l-allegazzjonijiet li jinsabu fil-parir legali tal‑10 ta’ Marzu 2016 jistgħu jikkontestaw il-possibbiltà, għall-Kunsill, li jibbaża ruħu fuq id-digriet tal‑21 ta’ Frar 2011 għall-inklużjoni tat-tieni sar-raba’ rikorrent, fi kwalunkwe każ, dawn ma setgħux jobbligawh itemm it-tiġdid ta’ din l-inklużjoni, peress li din setgħet tkun ibbażata, mill-inqas, fuq id-digrieti l-oħra msemmija iktar ’il fuq.

200    Fir-rigward tat-tieni element, jiġifieri t-tul taż-żmien totali tal-pieni ta’ priġunerija imposti fuq l-ewwel rikorrent, fl-ipoteżi li dan l-element huwa rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-ewwel rikorrent għal smigħ xieraq u għall-preżunzjoni tal-innoċenza, mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li dan kien ġie sottomess lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411. Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li s-sentenza tal-QEDB tad‑9 ta’ Lulju 2013, Vinter et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2013:0709JUD 006606909), iċċitata mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ma tippermettix li jiġi konkluż li l-kundanna għal tul taż-żmien ta’ priġunerija bħal dik li tirriżulta mill-kumulu tal-pieni imposti fuq l-ewwel rikorrent tikkostitwixxi, waħedha, indipendentement mill-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn il-pieni, ksur tal-projbizzjoni tat-trattamenti inumani u degradanti. Barra minn hekk, it-tul taż-żmien totali akkumulat ta’ 54 sena ta’ priġunerija, invokat mir-rikorrenti, ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-kundanni deċiżi mill-qorti tal-ewwel istanza fil-kuntest tal-proċeduri kriminali fil-Kawżi Nru 38, 107 u 291 tal‑2011. Madankollu dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew annullati mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana u ma hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt li, fil-kuntest tal-proċedura tar-rinviju, ser jiġu deċiżi mill-ġdid pieni ta’ priġunerija ta’ tul taż-żmien akkumulat analogu fil-konfront tal-ewwel rikorrent. Għalhekk il-ksur allegat, fi kwalunkwe każ, huwa purament ipotetiku.

201    Fir-rigward tat-tielet element, jiġifieri l-investigazzjonijiet ġudizzjarji li l-ewwel rikorrent u r-rappreżentanti legali tiegħu ma kinux ġew informati dwarhom, hemm lok li jiġi nnotat li dan l-element huwa relatat ma’ investigazzjonijiet fi tliet kawżi li jikkonċernaw, fil-Kawża Nru 376 tal‑2013, fatti ta’ ħasil tal-flus, fil-Kawża Nru 4 tal‑2011, fatti ta’ profitti illegali u, fil-Kawża Nru 274 tal‑2012 (li saret il-Kawża Nru 244 tal‑2015), għal darba oħra, fatti ta’ ħasil tal-flus. Issa, b’differenza mill-proċeduri kriminali fil-Kawżi Nru 38, 107 u 291 tal‑2011, ma hemm xejn fir-riferiment għal dawn il-kawżi fl-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani tat‑2 ta’ Jannar 2016 li jippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn dawn l-investigazzjonijiet u fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Konsegwentement, il-Kunsill, fi kwalunkwe każ, ma setax jibbaża ruħu fuq dawn l-investigazzjonijiet għall-inklużjoni tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑200/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:275, punti 48 u 73), b’tali mod li l-ksur allegatament imwettaq fil-kuntest ta’ dawn l-investigazzjonijiet ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikollu effett fuq it-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti.

202    Minn naħa, fit-tieni nota ta’ adattament, ir-rikorrenti jinvokaw, barra minn hekk, it-tqegħid f’detenzjoni provviżorja tal-ewwel rikorrent, fis‑7 ta’ Marzu 2017, li, fil-fehma tagħhom, tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kostituzzjoni Eġizzjana u l-Artikolu 143 tal-Liġi tal-Proċedura Kriminali Eġizzjana kif ukoll il-garanziji kontra d-detenzjoni arbitrarja stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-KEDB.

203    Skont l-elementi prodotti mir-rikorrenti, l-ewwel rikorrent inizjalment kien tqiegħed f’detenzjoni provviżorja fil-Kawża Nru 107 tal‑2011 għal tul taż-żmien ta’ 30 xahar sakemm din tasal fi tmiemha, permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Kriminali bid-data tal‑5 ta’ Awwissu 2013, bil-perijodu massimu ta’ 18‑il xahar previst għal dan il-għan mill-Artikolu 143 tal-Liġi tal-Proċedura Kriminali Eġizzjana jkun skada. Ir-rikorrenti jqisu li t-tqegħid f’detenzjoni provviżorja ta’ din il-persuna fi tmiem is-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2017 f’din l-istess kawża jmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet u ma jibbaża fuq l-ebda ġustifikazzjoni. Insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet, huma jipproduċu, b’mod partikolari, kopja tal-Artikolu 54 tal-kostituzzjoni Eġizzjana tat‑18 ta’ Jannar 2014 u tal-Artikolu 143 tal-Liġi tal-Proċedura Kriminali, tal-opinjoni ta’ ġuristi Eġizzjani dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-talba ta’ rilaxx immedjat tal-ewwel rikorrent imressqa mir-rappreżentanti legali tiegħu fl-Eġittu fit‑8 ta’ April 2017 kif ukoll il-ġurisprudenza tal-QEDB dwar l-Artikolu 5 tal-KEDB.

204    Madankollu, għandu jiġi nnotat li, fl-ittra tiegħu tas‑7 ta’ Marzu 2017 lill-Kunsill, l-ewwel rikorrent illimita ruħu li jafferma li t-tqegħid tiegħu f’detenzjoni provviżorja kien sar, skont ir-rappreżentanti legali tiegħu fl-Eġittu, bi ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u għalhekk kien diġà nżamm għal tul taż-żmien itwal minn tliet snin u li l-kundanni tiegħu kienu ġew annullati mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana. Min-naħa l-oħra, l-ewwel rikorrent ma esponiex, f’din l-ittra, l-elementi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali Eġizzjan u tal-garanziji kontra d-detenzjoni arbitrarja, inkluża l-kopja tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali Eġizzjan. Barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li l-ewwel rikorrent ipproduċa lill-Kunsill, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/496, elementi konkreti li jippermettu li jissostanzja l-affermazzjoni tiegħu li kien effettivament tqiegħed f’detenzjoni provviżorja fi tmiem is-seduta fid-data tas‑7 ta’ Marzu 2017.

205    Madankollu għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il-Kunsill, T‑577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    Konsegwentement, il-legalità tat-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fl‑2017 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li kienu pproduċew għall-ewwel darba fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament, intiżi fil-punti 202 u 203 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn l-elementi, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jiġu invokati utilment biex juru żball mill-Kunsill fl-evalwazzjoni tal-elementi miġjuba għall-għarfien tiegħu mir-rikorrenti qabel l-adozzjoni, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni 2017/496.

207    F’dawn il-kundizzjonijiet, anki fl-ipoteżi li t-tqegħid f’detenzjoni provviżorja tal-ewwel rikorrent ikun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u għall-preżunzjoni tal-innoċenza, l-informazzjoni prodotta lill-Kunsill fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/496 ma kinitx tippermetti, fi kwalunkwe każ, li jiġi konkluż, b’mod evidenti, dwar l-eżistenza jew anki dwar il-probabbiltà ta’ ksur gravi tad-drittijiet fundamentali tal-ewwel rikorrent b’tali mod li t-tiġdid tal-inklużjoni tiegħu jmur manifestament kontra l-għanijiet tad-Deċiżjoni 2011/172.

208    Fil-fatt, minn naħa, din l-informazzjoni ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata, b’mod konklużiv biżżejjed, ir-realtà tat-tqegħid f’detenzjoni provviżorja tal-ewwel rikorrent u tal-portata effettiva tagħha. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi li skonthom l-ewwel rikorrent kien inżamm fil-passat għal perijodu li jaqbeż it-tliet snin u li skonthom il-pieni ta’ priġunerija li ġew imposti fuqu kienu ġew annullati ma kinux, fihom infushom, ta’ natura li tiżvela n-natura illegali jew arbitrarja ta’ dan it-tqegħid f’detenzjoni provviżorja. Konsegwentement, din l-informazzjoni ma setgħetx tobbliga lill-Kunsill itemm l-inklużjoni tal-ewwel rikorrent.

209    Għalhekk it-tieni parti tat-tieni motiv tista’ biss tiġi miċħuda.

2)      Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jiżgura ruħu li d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti kienu ġew rispettati u applika preżunzjoni inkontestabbli għar-rispett, mill-awtoritajiet Eġizzjani, ta’ dawn id-drittijiet fundamentali

210    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-obbligi tal-Kunsill relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali, il-Kunsill ma setax, fil-preżenza tal-elementi li ġew prodotti lilu, japplika għad-detriment tagħhom preżunzjoni inkontestabbli tar-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent u jżomm lura, konsegwentement, milli jipproċedi għal verifiki. Fil-fehma tagħhom, bit-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lil din il-persuna mingħajr it-twettiq ta’ investigazzjonijiet, il-Kunsill ikkonferma l-ksur tad-drittijiet tagħha li seħħ fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri.

211    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, li għandhom portata individwali għall-persuni kkonċernati, il-Kunsill huwa suġġett għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jeżiġi, b’mod partikolari, li huwa jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-provi li ntbagħtu lilu, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet u tal-elementi possibbli li jiskaġunaw, prodotti minn dawn il-persuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 114, 115 u 119).

212    Konsegwentement, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi stħarriġ, fil-prinċipju, komplet tal-legalità tar-raġunijiet li hija bbażata fuqhom id-deċiżjoni tal-inklużjoni tal-isem ta’ persuna fil-lista ta’ persuni li jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. B’mod partikolari, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tibbaża fuq bażi fattwali soda biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    B’mod partikolari, bħalma kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 69 iktar ’il fuq, fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi tad-Deċiżjoni 2011/172, l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu fil-konfront tal-persuna kkonċernata ma tistax tikkostitwixxi bażi fattwali soda biżżejjed jekk ikun hemm lok li jiġi preżunt li d-deċiżjoni meħuda fi tmiem dawn il-proċeduri ma hijiex se tkun affidabbli, jiġifieri, b’mod partikolari, kontra r-rekwiżiti li joħorġu mid-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

214    Konformement mal-prinċipji ġenerali msemmija iktar ’il fuq, għalhekk huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li teżerċita stħarriġ, fil-prinċipju, komplet dwar jekk il-Kunsill issodisfax id-dmir tiegħu li jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità filwaqt li jiżgura li seta’ jikkunsidra bħala affidabbli l-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent. B’mod partikolari, dan l-istħarriġ jimplika li jiġi vverifikat jekk il-Kunsill qiesx, ġustament, li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu biżżejjed elementi biex jikkunsidra li dan kien il-każ f’dan il-każ, minkejja l-allegazzjonijiet kuntrarji tar-rikorrenti.

215    Ċertament, il-Kunsill ma jistax ikun marbut jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani informazzjoni supplimentari fl-assenza ta’ elementi konkreti ta’ natura li tissostanzja dawn l-allegazzjonijiet. Madankollu, huwa ma għandu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddetermina jekk l-elementi prodotti mir-rikorrenti kinux jeħtieġu li huwa jipproċedi għal dawn l-approċċi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 68 sa 73).

216    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 110 sa 112 iktar ’il fuq, fid-dawl tad-dokumenti għad-dispożizzjoni tal-Kunsill u tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dan tal-aħħar, li dan qies li l-elementi prodotti mir-rikorrenti, indipendentement mir-rilevanza tagħhom u l-kredibbiltà tagħhom, ma kinux iqajmu dubju dwar l-evalwazzjoni li seta’ jwettaq tar-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji Eġizzjani, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015, ikkonfermat mill-memorandum tan-NCRAA tal‑5 ta’ Diċembru 2016. Barra minn hekk [kunfidenzjali].

217    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-elementi prodotti mir-rikorrenti u l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kunsill fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kunsill ma setax ikun marbut jipproċedi għal verifiki komplementari.

218    Ċertament, bħalma turi d-deskrizzjoni tal-kontenut tal-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015 fil-punti 85 u 86, dan il-memorandum u dak tan-NCRAA tal‑5 ta’ Diċembru 2016, li għandu kontenut identiku, huma llimitati sabiex jesponu l-kuntest ġuridiku li jaqgħu fih il-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-persuni indikati fil-lista annessa għad-Deċiżjoni 2011/172 u li jipprovdu garanziji ġenerali fir-rigward tar-rispett mill-awtoritajiet ġudizzjarji Eġizzjani tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-preżunzjoni tal-innoċenza. Min-naħa l-oħra, dan ma fihx elementi ta’ tweġiba speċifiċi għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-ksur tal-imsemmija drittijiet fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li l-ewwel rikorrent kien is-suġġett tagħhom u għall-elementi insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mir-rapporti tas-Sur D. u tas-Sur M.

219    Madankollu, bħalma ġie nnotat fil-punt 188 iktar ’il fuq, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, il-Kunsill kellu ċertu għadd ta’ informazzjoni dwar l-istadji ulterjuri tal-proċeduri kriminali li kienu jirrigwardawhom l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali.

220    Fl-ewwel lok, il-Kunsill kien informat, mill-inqas sa mis-sena 2014, bl-annullament, mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana, tal-kundanni deċiżi fir-rigward tal-ewwel rikorrent fl-ewwel istanza. Il-Kunsill għalhekk seta’, ġustament, iqis li l-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent, li, skont, b’mod partikolari, ir-rapporti tas-Sur D. u tas-Sur M., kien ivvizzja l-proċedura li wasslet għall-imsemmija kundanni, ma setax iktar, anki jekk jiġi preżunt stabbilit, jibdel l-affidabbiltà tal-proċeduri kriminali inkwistjoni.

221    Il-kontenut tas-sentenzi inkwistjoni tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana, li, bħalma ġie nnotat fil-punt 103 iktar ’il fuq, il-Kunsill kien diġà seta’ jsir jaf dwarhom fil-kuntest tar-rikors tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑375/14 sa T‑378/14, kien jippermetti li tiġi kkonfermata din l-analiżi. Fil-fatt, mill-motivi ta’ dawn is-sentenzi jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza ma ġewx annullati minħabba irregolaritajiet tal-proċedura biss, iżda minħabba żbalji ta’ liġi li jaffettwaw ir-raġunament sottostanti għal dawn id-deċiżjonijiet kollha kemm huma u relatati, b’mod partikolari, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 185 iktar ’il fuq, ma’ insuffiċjenzi li jikkonċernaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-akkużati u mad-dimostrazzjoni tal-ħtija tagħhom. Konsegwentement, seta’ jiġi dedott li, fil-kuntest tar-rinviju tal-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, kien il-kompitu ta’ din tal-aħħar li teżamina kompletament mill-ġdid, fuq il-mertu, ir-responsabbiltà tal-akkużati u, jekk ikun il-każ, is-sanzjonijiet riżultanti.

222    Barra minn hekk il-Kunsill seta’ jiddeduċi leġittimament minn dawn is-sentenzi li l-protezzjoni ġudizzjarja żgurata mill-possibbiltà, fid-dritt kriminali Eġizzjan, li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana kienet effettiva fir-rigward tal-ewwel rikorrent u kienet tikkostitwixxi garanzija konkreta għall-protezzjoni tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u għall-preżunzjoni tal-innoċenza. Din l-analiżi setgħet tiġi kkonfermata mill-fatt li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali fil-Kawżi Nri 38 u 291 tal‑2011, is-sentenzi inkwistjoni ta’ din il-qorti kienu ordnaw li l-kawżi jiġu assenjati lil kulleġġ ġudikanti ieħor u li, fil-kuntest tal-proċedura kriminali fil-Kawża Nru 107 tal‑2011, il-kawża tiġi assenjata lil qorti oħra.

223    Fit-tieni lok, bħalma ġie nnotat fil-punt 190 iktar ’il fuq, mill-perizja mitluba fil-kuntest tal-Kawża Nru 107 tal‑2011 u tas-sospensjoni tal-proċedura fil-kuntest tal-Kawża Nru 291 tal‑2011, fl-istennija tal-għoti tad-deċiżjoni li tiddeċiedi b’mod definittiv fil-Kawżi Nri 38 u 107 tal‑2011, fatti mhux ikkontestati mir-rikorrenti, seta’ jiġi dedott li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana li wasslu għall-annullament tal-kundanni tal-ewwel rikorrent kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-ewwel istanza.

224    Fit-tielet lok, il-possibbiltà, imsemmija fil-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015, li jiġi ppreżentat, fil-kuntest tal-kawżi kriminali, tieni appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana li jwassal, f’każ li dan jintlaqa’, għal deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-mertu kienet tikkostitwixxi element, ċertament insuffiċjenti, fih innifsu, biex jitneħħa kull riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ewwel rikorrent, iżda li ma kienx inqas rilevanti f’ dan il-każ.

225    Fil-fatt, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 222 iktar ’il fuq, sa fejn il-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana kienu jesprimu l-eżistenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Kunsill seta’ jippreżumi raġonevolment li, f’każ li l-ewwel rikorrent jitwassal biex jippreżenta tieni appell mid-deċiżjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza li jiddeċiedu dwar ir-rinviju fil-proċeduri kriminali inkwistjoni, tali protezzjoni ġudizzjarja tingħatalu mill-ġdid.

226    Fir-raba’ u l-aħħar lok, mill-punt 191 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, ma kienu affermaw l-ebda element ta’ natura li tqanqal mistoqsijiet leġittimi dwar ir-riskju li d-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza tal-ewwel rikorrent inkiser mill-qorti tal-ewwel istanza wara r-rinviju tal-kawżi inkwistjoni mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana.

227    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-informazzjoni kollha li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu f’din id-data, il-Kunsill seta’, ġustament, iqis li kellu biżżejjed elementi li jippermettu li jiġi konkluż, minn naħa, li l-ksur allegat tad-drittijiet fundamentali tal-ewwel rikorrent, jekk jiġi preżunt stabbilit, lanqas ma seta’ jinfluwenza l-kors tal-proċeduri kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li kinux jeżistu motivi leġittimi għal tħassib li t-tmiem ta’ dawn il-proċeduri kriminali jista’ jinbidel minn tali ksur li jseħħ fi stadju ulterjuri. Konsegwentement, il-Kunsill seta’ jippreżumi raġonevolment, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, li l-imsemmija proċeduri kriminali kienu affidabbli mingħajr il-ħtieġa li jipproċedi, f’dan ir-rigward, għal verifiki komplementari mal-awtoritajiet Eġizzjani.

228    Fir-rigward tal-elementi prodotti mir-rikorrenti dwar l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2016/411 u 2017/496, mill-analiżi tagħhom, fil-punti 195 sa 208 iktar ’il fuq, għandu jiġi dedott li dawn ma kinux ta’ natura li tqiegħed din l-evalwazzjoni f’dubju.

229    Fil-fatt, minn naħa, mill-punti 197 sa 201 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-ksur tad-drittijiet fundamentali li huma allegaw bl-għan li jikkontestaw it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom fl‑2016 seta’ jinfluwenza l-affidabbiltà tal-proċeduri kriminali li l-Kunsill seta’ jibbaża fuqhom biex jipproċedi għal dan it-tiġdid.

230    Min-naħa l-oħra, mill-punti 204 sa 208 iktar ’il fuq jirriżulta li l-elementi prodotti mir-rikorrenti lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/496, li kienu ssostanzjati b’mod insuffiċjenti, ma kinux ta’ natura, waħedhom, li jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-riskju li d-drittijiet fundamentali tal-ewwel rikorrent kienu nkisru minħabba t-tqegħid tiegħu f’detenzjoni provviżorja allegat u li l-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi li huma pproduċew għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali bl-għan li juru l-eżistenza ta’ tali ksur. Huwa l-kompitu tal-Kunsill li jevalwa jekk, jekk ikun il-każ, dawn l-aħħar elementi jeħtiġux il-kisba mill-awtoritajiet Eġizzjani ta’ informazzjoni supplimentari bl-għan ta’ tiġdid ulterjuri possibbli tal-inklużjoni tar-rikorrenti.

231    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jitqiegħdu f’dubju mis-sentenza tat-Tribunal pénal fédéral suisse (il-Qorti Kriminali Federali Svizzera) tat‑12 ta’ Diċembru 2012 u s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Liechtenstein tat‑28 ta’ Awwissu 2012 u tat‑30 ta’ Settembru 2013, iċċitati mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, ċertament, bħalma ġie indikat fil-punti 101 u 102 iktar ’il fuq, dawn id-deċiżjonijiet annullaw miżuri ta’ għajnuna legali adottati fir-rigward tal-awtoritajiet Eġizzjani, mhux minħabba ksur tad-dritt għal smigħ xieraq tal-persuni kkonċernati, iżda minħabba r-riskju li l-persuni kkonċernati jġarrbu dannu minħabba tali ksur. Barra minn hekk, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-aħħar żewġ sentenzi msemmija iktar ’il fuq, dawn kienu relatati ma’ talba tal-awtoritajiet Eġizzjani bbażata fuq il-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent u l-qorti inkwistjoni ħadet deċiżjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-rapporti tal-IBAHRI u tas-Sur M., li wkoll intbagħtet lill-Kunsill. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, bħalma ġie nnotat fil-punt 149 iktar ’il fuq, anki bis-suppożizzjoni li l-miżuri ta’ għajnuna legali annullati minn dawn il-qrati jkunu paragunabbli għall-miżuri li jikkonċernaw lir-rikorrenti f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet meħuda mill-imsemmija qrati kienu jibbażaw fuq ċirkustanzi ta’ fatt differenti minn dawk li sar jaf dwarhom il-Kunsill. Fil-fatt, bħalma ġie kkonstatat fil-punti 218 sa 230 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-informazzjoni kollha li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kunsill seta’, ġustament, iqis li ma kinux jeżistu motivi leġittimi għal tħassib li t-tmiem tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lir-rikorrenti jista’ jinbidel minn ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u għall-preżunzjoni tal-innoċenza.

232    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fir-rigward tal-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, il-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni tal-elementi li ġew sottomessi lilu mir-rikorrenti relatati ma’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettqa fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernawhom fl-Eġittu meta qies li dawn ma ħtiġux verifiki komplementari. Huwa għalhekk bi żball li r-rikorrenti jaffermaw li l-Kunsill applika, għad-detriment tagħhom, preżunzjoni inkontestabbli tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet mill-awtoritajiet Eġizzjani u kiser l-obbligu tiegħu li jħares tali rispett, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet stabbiliti mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta. Għalhekk l-ewwel parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, dan il-motiv kollu kemm hu jistgħu biss jiġu miċħuda.

2.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ osservanza tal-kriterji ġenerali tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011

233    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li t-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom ma huwiex konformi mal-kriterji ġenerali tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011, minħabba, minn naħa, li l-Kunsill ma pproduċiex l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit jekk huma kinux ġew irrikonoxxuti bħala responsabbli mill-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani u, min-naħa l-oħra, li huwa ma weriex li l-motiv li huwa bbażat fuqu dan it-tiġdid, jiġifieri l-fatt li huma kienu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji mnehdija mill-awtoritajiet Eġizzjani għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), kien ibbażat fuq bażi fattwali suffiċjenti. Dan il-motiv jinkludi, essenzjalment, erba’ partijiet. Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-ewwel rikorrent ma huwiex is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fis-sens tal-UNCAC, billi l-fatti li ġie akkużat bihom ma jistgħux jingħataw tali kwalifika. Permezz tat-tieni parti, huma jsostnu li, bħalma juru s-sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana li annullaw il-kundanni kriminali tal-ewwel rikorrent, il-proċeduri mnehdija fil-konfront ta’ dan tal-aħħar ma huma bbażati fuq l-ebda prova. Permezz tat-tielet parti, huma jsostnu li l-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent jissodisfaw motivi politiċi. Permezz tar-raba’ parti, huma jaffermaw, essenzjalment, li l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tat-tieni sar-raba’ rikorrenti ma jikkostitwixxux bażi suffiċjenti għall-inklużjoni tagħhom.

234    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jikkontesta l-fatt li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jirriproduċu l-argumenti li kienu ġew espressament miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), u jiksru l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ adattament, huwa jafferma li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi miżmum fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172 għandha tingħata preferenza fil-konfront ta’ interpretazzjoni differenti mogħtija fil-kuntest ta’ sistema oħra ta’ miżuri restrittivi.

a)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

235    Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jirrigwardaw il-ksur tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 270/2011, dan il-motiv huwa ineffettiv. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet huma relatati biss mat-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172. Dawn il-kriterji għalhekk ma humiex applikabbli f’dan il-każ. B’hekk, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat fuq il-mertu biss sa fejn dan jirrigwarda l-ksur tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 u mġedda mid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496.

236    Fit-tieni lok, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq, minħabba n-natura u l-għan tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrenti, huwa l-kompitu tal-Kunsill, fid-dawl tal-inklużjoni tar-rikorrenti, li jivverifika li, minn naħa, il-provi li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu kienu jippermettu li jiġi stabbilit li dawn il-persuni kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja waħda jew iktar attwali marbuta ma’ fatti li jistgħu jaqgħu taħt il-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u li, min-naħa l-oħra, din jew dawn il-proċeduri kienu jippermettu li jiġu kkwalifikati konformement mal-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172.

237    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bħalma jinnota l-Kunsill, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidew dwar jekk huwa setax, ġustament, jibbaża ruħu fuq il-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lir-rikorrenti biex jipproċedi għall-inklużjoni inizjali tagħhom fir-rigward tal-kriterji stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172.

238    Fil-fatt, minn naħa, fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill seta’, ġustament, idaħħal l-isem tar-rikorrenti fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 minħabba s-sempliċi fatt li huma kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu b’konnessjoni, irrispettivament liema, mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, il-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jinkludu kemm persuni suġġetti għal proċeduri kriminali skont l-involviment tagħhom, ta’ gradi differenti, fil-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani kif ukoll persuni assoċjati, li huma s-suġġett ta’ proċeduri relatati ma’ dawn il-proċeduri, b’mod partikolari ta’ miżuri kawtelatorji maħsuba biex iżommu l-assi possibbilment miżapproprjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 67, 95 u 97). Barra minn hekk, meta ddeċidiet dwar l-appell minn din is-sentenza fil-Kawża C‑220/14 P, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punti 71 sa 73).

239    Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 132 sa 134 u 137 sa 140), qieset li l-provi prodotti mill-awtoritajiet Eġizzjani lill-Kunsill kienu jippermettu, minn naħa, li jitqies li l-fatti li ġie akkużat bihom ir-rikorrent minn dawn l-awtoritajiet ingħataw, min-naħa ta’ dawn tal-aħħar, kwalifika li kienet tikkorrispondi għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li jitqies li t-tieni sar-raba’ rikorrenti, li kienu fil-mira ta’ digriet ta’ ffriżar ta’ assi mill-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan, approvat minn qorti kriminali u relatat ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja marbuta ma’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, min-naħa tagħha, li dan ir-raġunament ma kienx ivvizzjat minn żball ta’ liġi (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punti 75 sa 84).

240    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-Kawża T‑279/13, il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet dwar rikors ippreżentat, b’mod partikolari, kontra t-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti mid-Deċiżjoni 2013/144, ċaħdet bħala manifestament infondat motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji li jinsabu, b’mod partikolari, fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, kif imġedda mid-Deċiżjoni 2013/144, minħabba li l-ilmenti stabbiliti insostenn ta’ dan il-motiv kienu diġà ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑256/11 (digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78, punti 54 sa 64).

241    Minn dan isegwi li, konformement mal-ġurisprudenza li tikkonċerna lill-awtorità relattiva ta’ res judicata, imfakkra fil-punt 52 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma għandhomx id-dritt, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li jqajmu dubju dwar il-legalità tal-inklużjoni inizjali tagħhom jew tat-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom mid-Deċiżjoni 2013/144 billi jissottomettu lill-Qorti Ġenerali kwistjonijiet li diġà ġew deċiżi mill-motivi tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 238 sa 240 iktar ’il fuq.

242    Barra minn hekk, l-ilmenti jew l-argumenti stabbiliti fil-kuntest tal-partijiet differenti li jifformaw dan il-motiv, li jibbażaw fuq l-istess punti ta’ fatt u ta’ liġi bħal dawk eżaminati mill-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-motivi msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjonijiet tagħhom, se jkunu jistgħu biss jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

243    Madankollu, bħalma ġie indikat fil-punt 53 iktar ’il fuq, huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika jekk ir-rikorrenti jipproduċux, f’dan il-kuntest, punti ġodda ta’ fatt u ta’ liġi li hija għadha ma eżaminatx u jekk dawn tal-aħħar humiex ta’ natura li jqajmu dubju dwar il-konformità tat-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom mal-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172.

244    Fit-tielet lok, għandu jiġi nnotat li, fil-prinċipju, fil-kuntest tat-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti, huwa l-kompitu tal-Kunsill biss li jivverifika li r-rikorrenti jkunu għadhom s-suġġett tal-istess proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, peress li, fil-mument tal-inklużjoni inizjali tagħhom, il-Kunsill seta’ jiżgura ruħu, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li r-responsabbiltà ta’ dawn il-persuni fil-fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi kienet, mill-inqas, ikkontestata fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri jew, sussidjarjament, li huma kienu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji relatati bħala persuni assoċjati, huwa ma jistax ikun marbut jipproċedi, ex officio, għal tali verifika għal kull tiġdid ta’ din l-inklużjoni. Tali obbligu jista’ jeżisti biss fil-preżenza ta’ elementi ġodda li jkunu intiżi li jpoġġu dubju dwar l-involviment ta’ dawn il-persuni jew il-kwalifika tal-imsemmija fatti.

245    F’dan ir-rigward, bħalma tfakkar fil-punt 66 iktar ’il fuq, ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill, fil-prinċipju, li jevalwa l-eżattezza u r-rilevanza tal-elementi li l-proċeduri ġudizzjarji Eġizzjani huma bbażati fuqhom, peress li din l-evalwazzjoni hija l-kompitu tal-awtoritajiet Eġizzjani. Il-Kunsill huwa marbut biss, fir-rigward b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, jitlob mingħand l-awtoritajiet Eġizzjani kjarifiki dwar l-imsemmija elementi jekk ikollu mistoqsijiet leġittimi dwar in-natura suffiċjenti tal-provi diġà prodotti minn dawn l-awtoritajiet.

246    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-partijiet differenti ta’ dan il-motiv.

b)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent

247    Insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jaffermaw li waħda biss mill-kawżi li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent, jiġifieri l-Kawża Nru 38 tal‑2011, hija relatata ma’ fatti kkwalifikati mill-awtoritajiet Eġizzjani bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-fatti li huma ġew akkużati bihom ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fis-sens tal-UNCAC, b’mod partikolari minħabba li huma marbuta mal-attivitajiet ta’ kumpannija privata, minn naħa, u minħabba li l-aġir li ġie akkużat bih ir-rikorrent ma twettaqx bħala uffiċjal pubbliku, min-naħa l-oħra. Fil-kuntest tal-ewwel nota ta’ adattament, huma jżidu li, fost il-kawżi li jikkonċernawhom imsemmija fl-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani tat‑2 ta’ Jannar 2016, erba’ biss minnhom huma relatati ma’ proċeduri ġudizzjarji. Barra minn hekk, huma jikkontestaw il-kwalifika ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tad-“dritt internazzjonali ġenerali”. Huma jsostnu wkoll li l-Kunsill għandu jibbaża ruħu fuq definizzjoni awtonoma ta’ dan il-kunċett, distinta mill-portata li ngħatat lilu mill-awtoritajiet Eġizzjani. Fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament, huma jaffermaw li l-konformità mad-definizzjoni, fid-dritt tal-Unjoni, tal-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ tliet kundizzjonijiet li jinkludu l-użu illegali ta’ fondi jew ta’ beni miżmuma minn entità pubblika jew imqiegħda taħt il-kontroll tagħha għal finijiet kuntrarji għall-iskop tagħhom, dannu mġarrab minn din l-entità li jista’ jiġi evalwat finanzjarjament u n-neċessità li l-miżapproprjazzjonijiet li huma s-suġġett tal-akkuża ppreġudikaw l-osservanza tal-istat tad-dritt fl-Eġittu. Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jiġu ssodisfatti f’dan il-każ fir-rigward tal-Kawża Nru 38 tal‑2011. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li l-Kawżi Nri 107, 291 u 639 tal‑2011 ma humiex relatati ma’ fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-fehma tagħhom, l-ewwel waħda minn dawn il-kawżi hija relatata biss mal-konklużjoni ta’ ftehim illegali għall-kisba ta’ liċenzji tal-enerġija, it-tieni waħda mal-akkużi ta’ ħasil tal-flus u t-tielet waħda ma’ akkużi dwar żbalji fil-kalkolu tal-pagament tat-taxxa dovuta mill-kumpannija El-Dekheila.

248    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi nnotat li d-dokumenti li kienu ntbagħtu inizjalment mill-awtoritajiet Eġizzjani lill-Kunsill, annessi għar-rikors, kienu jsemmu biss, fir-rigward tal-ewwel rikorrent, proċedura kriminali waħda li tikkonċernah fil-Kawża Nru 38 tal‑2011. Min-naħa l-oħra, bħalma ġie nnotat fil-punt 83 iktar ’il fuq, l-informazzjoni aġġornata prodotta mill-awtoritajiet Eġizzjani fl‑2014 u fl‑2015 kienet issemmi seba’ proċeduri kriminali (Kawżi Nri 38, 107, 291, 457, 541 tal‑2011 u Nri 156 u 376 tal‑2013). Fl-aħħar nett, bħalma ġie indikat fil-punt 88 iktar ’il fuq, l-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Eġizzjani qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411 u tad-Deċiżjoni 2017/496 kienet issemmi tliet proċeduri attwali oħra li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent fil-Kawżi Nri 4 u 5482 tal‑2011 kif ukoll Nru 244 tal‑2015.

249    Dejjem b’mod preliminari, għandu jiġi nnotat li, fil-korrispondenza tagħhom mal-Kunsill qabel it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom fl‑2015, fl‑2016 u fl‑2017, ir-rikorrenti invokaw, essenzjalment, l-ilmenti u l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors insostenn ta’ din il-parti tat-tielet motiv. Fl-ittra tiegħu tal‑24 ta’ Marzu 2015, tal‑21 ta’ Marzu 2016 u tat‑22 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill wieġeb lir-rikorrenti li l-ewwel rikorrent kien għadu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji għal fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u li kien il-kompitu tal-qrati Eġizzjani li jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ dawn il-proċeduri. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Kawża Nru 38 tal‑2011, il-Kunsill fl-ewwel waħda minn dawn l-ittri, osserva, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani seta’ jkopri aġir imwettaq minn uffiċjal pubbliku li jikkonsisti fi ksib ta’ vantaġġ minn attivi pubbliċi u f’dannu intenzjonat għalihom. Huwa nnota li l-proċeduri fil-konfront tal-ewwel rikorrent f’din il-kawża kienu bbażati fuq il-preżunzjoni li l-kumpannija El-Dekheila kellha tkun ikkwalifikata, fid-data tal-fatti, bħala impriża pubblika, peress li l-Istat Eġizzjan kellu sehem minoritarju sostanzjali u li, konsegwentement, l-attivi ta’ din il-kumpannija kellhom jitqiesu bħala attivi pubbliċi u li l-ewwel rikorrent, president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija fil-mument tal-fatti, kellu jitqies bħala uffiċjal pubbliku.

1)      Fir-rigward tal-argumenti u l-ilmenti stabbiliti insostenn tat-talbiet tar-rikors

250    Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li l-ilmenti u l-argumenti stabbiliti mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tar-rikors jikkonċernaw esklużivament il-Kawża Nru 38 tal‑2011, fejn ir-rikorrenti jaffermaw, mingħajr ma jissostanzjaw l-allegazzjoni tagħhom, li l-fatti msemmija f’din il-kawża biss setgħu jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Konformement mal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punt 244 iktar ’il fuq, dawn l-ilmenti u dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati biss fir-rigward tal-elementi sottomessi mill-awtoritajiet Eġizzjani wara l-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, sa fejn dawn l-ilmenti u dawn l-argumenti huma intiżi biex iqajmu dubju dwar din l-inklużjoni inizjali fiha nnifisha, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli konformement mal-punt 241 iktar ’il fuq.

251    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fid-dokument tat‑13 ta’ Frar 2014 mibgħut mill-awtoritajiet Eġizzjani, jissemma li l-Kawża Nru 38 tal‑2011 tikkonċerna fatti ta’ profitti illegali li l-ewwel rikorrent ġie akkużat li wettaq, fil-kwalità tiegħu ta’ president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-kumpannija El-Dekheila, billi kiseb sehem ta’ 67 % fil-kapital ta’ din il-kumpannija u billi mmodifika l-prezzijiet applikati mill-imsemmija kumpannija sabiex ibigħ il-prodotti metallurġiċi mmanifatturati mill-kumpannija tiegħu stess bħala prodotti mill-istess entità. Is-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tal‑14 ta’ Diċembru 2013, dwar appell mis-sentenza tal-ewwel istanza f’din il-kawża, tikkonferma, essenzjalment, din id-deskrizzjoni tal-fatti li ġie akkużat bihom l-ewwel rikorrent. Din is-sentenza tikkonferma wkoll li fil-konfront tal-ewwel rikorrent kien inżamm il-fatt li l-Istat Eġizzjan kellu sehem fil-kumpannija inkwistjoni, li din kienet suġġetta għal stħarriġ pubbliku u li, fil-kwalità tiegħu ta’ president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha, huwa kien meqjus bħala uffiċjal pubbliku. Barra minn hekk, din is-sentenza tindika li, minbarra dawn il-kapijiet ta’ akkuża, l-ewwel rikorrent huwa akkużat li kkawża, għall-istess kumpannija El-Dekheila, telf finanzjarju sinjifikattiv fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu stabbilit f’isem din tal-aħħar.

252    Għandu jiġu kkonstatat li dawn l-elementi ma jistgħux iwasslu biex titqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 137 sa 140 tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-informazzjoni prodotta mill-Kunsill kienet tippermetti li jitqies li l-ewwel rikorrent kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali għal fatti li ngħataw kwalifika li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

253    F’dan ir-rigward, fil-kuntest analogu tad-Deċiżjoni 2011/72, dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, kien jiġbor l-użu illegali kollu tar-riżorsi li jappartjenu għall-awtoritajiet pubbliċi jew li jitqiegħdu taħt il-kontroll tagħhom għal finijiet kuntrarji għal dawk previsti, b’mod partikolari għal finijiet privati u li minnhom jirriżulta dannu li jista’ jiġi evalwat finanzjarjament għall-imsemmija awtoritajiet pubbliċi (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill, T‑224/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:375, punt 89; tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 98, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill, T‑516/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:377, punt 69). Din l-interpretazzjoni tista’ tiġi ttrasposta f’dan il-każ, billi l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 huwa mfassal f’termini, essenzjalment, identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni 2011/172 u li jissodisfaw għanijiet simili.

254    F’dan il-każ, mill-elementi li kienu għad-dispożizzjoni tal-Kunsill jirriżulta li l-awtoritajiet Eġizzjani qiesu li l-ewwel rikorrent, li kien jeżerċita, fil-fehma tagħhom, funzjonijiet ta’ uffiċjal pubbliku, fil-kwalità tiegħu ta’ president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ kumpannija taħt stħarriġ pubbliku u li parti mill-kapital tagħha kienet, fil-mument tal-fatti, miżmuma mill-Istat Eġizzjan, kien uża dawn il-funzjonijiet biex iwettaq, għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-imsemmija kumpannija, profitti illegali, maħsuba, b’mod partikolari, biex ikunu ta’ benefiċċju għall-kumpanniji privati tiegħu stess. B’hekk, minkejja li l-awtoritajiet Eġizzjani ma kkwalifikawx kriminalment b’mod ċar dawn il-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani, il-kwalifika li dawn żammew tikkorrispondi għal dan il-kunċett, kif iddefinit mill-ġurisprudenza.

255    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li l-awtoritajiet Eġizzjani pproċedew għal kwalifika kriminali tal-fatti li ġie akkużat bihom ir-rikorrent fil-Kawża Nru 38 tal‑2011 li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, l-ilmenti tagħhom fil-kuntest ta’ din il-parti huma bbażati preċiżament fuq il-premessa li dawn l-awtoritajiet, bi żball, qiesu li dawn il-fatti kienu jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett u li l-Kunsill ma kellux japprova din il-pożizzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk il-proċedura ġudizzjarja f’din il-kawża kinitx tippermetti li jitqies li l-ewwel rikorrent kien jissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172.

256    Madankollu, bħalma ddeċidew il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill kellu d-dritt jipproċedi għall-inklużjoni tar-rikorrent minħabba s-sempliċi fatt li huwa kien is-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu b’konnessjoni, irrispettivament liema, mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, jiġifieri, bħalma qieset il-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala mhux ivvizzjata minn żball ta’ liġi, fatti li ngħataw, min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani, kwalifika li tikkorrispondi għal dan il-kunċett. Konsegwentement, sa fejn l-informazzjoni dwar il-Kawża Nru 38 tal‑2011 u aġġornata fl‑2014 u fl‑2015 ma kinitx tqajjem dubju dwar l-analiżi tal-pożizzjoni tal-awtoritajiet Eġizzjani magħmula mill-Kunsill u mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ din il-kawża, il-Kunsill seta’, għall-istess raġuni, jipproċedi għat-tiġdid ta’ din l-inklużjoni, filwaqt li jiġi mifhum li l-proċedura ġudizzjarja fl-imsemmija kawża kienet għadha għaddejja.

257    Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tal-premessa li huwa bbażat fuqha l-argument tar-rikorrenti, mill-prinċipji mfakkra fil-punti 66 u 245 iktar ’il fuq jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill li jiddeċiedi dwar l-eżattezza u r-rilevanza tal-kwalifika kriminali miżmuma mill-awtoritajiet Eġizzjani fir-rigward tal-fatti li għalihom huma jħarrku lill-ewwel rikorrent, peress li dan il-kompitu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Eġizzjani inkarigati mid-determinazzjoni tal-ħtija ta’ din il-persuna. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, fid-data tat-tiġdid tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent fl‑2015, il-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, fil-kawża inkwistjoni, kienet għadha ma ddeċidietx f’dan ir-rigward fil-kuntest tar-rinviju ta’ din il-kawża mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana li jsegwi l-annullament minn din tal-aħħar tal-ewwel sentenza.

258    Barra minn hekk, l-elementi invokati mir-rikorrenti biex iqajmu dubju dwar il-kwalifika kriminali miżmuma mill-awtoritajiet Eġizzjani ma kinux ta’ natura li jqanqlu, min-naħa tal-Kunsill, mistoqsijiet leġittimi u li jeħtieġu informazzjoni supplimentari.

259    F’dan ir-rigward, l-argument li l-kwalifika kriminali miżmuma mill-awtoritajiet Eġizzjani ma kinitx tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet tal-UNCAC ma jistax iqajjem dubju dwar il-possibbiltà, għall-Kunsill, li jibbaża fuq il-proċedura ġudizzjarja fil-Kawża Nru 38 tal‑2011. Fil-fatt, ir-riferiment għal din il-konvenzjoni fil-motivi tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent ifisser biss li huma l-awtoritajiet Eġizzjani li kellhom l-intenzjoni li jirreferu għaliha fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, ma huwiex fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni li l-Kunsill ipproċeda għall-iffriżar tal-assi tar-rikorrenti, iżda fil-kuntest ta’ politika ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet Eġizzjani deċiża skont is-setgħa awtonoma li tagħtih il-PESK u fir-rigward tal-għanijiet tagħha, stabbiliti fil-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2011/172. Konsegwentement, għalkemm, ċertament, ma jistax jiġi eskluż li l-kwistjoni tal-koerenza bejn il-kwalifika kriminali miżmuma mill-awtoritajiet Eġizzjani u d-dispożizzjonijiet tal-UNCAC għandhom jiġu eżaminati mill-qorti Eġizzjana li għandha ġurisdizzjoni, din il-kwistjoni, madankollu, ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, peress li huwa seta’ jivverifika li l-imsemmija kwalifika kriminali kienet tikkorrispondi għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172.

260    Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(a)(iii) tal-UNCAC, invokati mir-rikorrenti, jipprevedu li tista’ tiġi ddefinita bħala uffiċjal pubbliku “kull […] persuna ddefinita bħala ‘uffiċjal pubbliku’ fid-dritt intern ta’ Stat parti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, ir-rikorrenti jammettu huma stess li l-Artikolu 119(g) tal-Kodiċi Kriminali Eġizzjan, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti fl-anness tar-rikors, jipprevedi, għall-finijiet tal-kwalifika ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, li l-espressjoni “uffiċjal pubbliku” għandha tiġi interpretata fis-sens ta’ dan il-kodiċi bħala li tapplika għall-impjegati ta’ kull kumpannija li l-Istat Eġizzjan iżomm sehem fiha. Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi Kriminali Eġizzjan ma jirriżultax li l-kwistjoni jekk kumpannija għandhiex tiġi kkwalifikata bħala “impriża pubblika” jew “kumpannija pubblika” hija determinanti, peress li parti mill-fondi ta’ din il-kumpannija hija miżmuma mill-Istat. Konsegwentement, mill-elementi prodotti mir-rikorrenti stess jirriżulta li, bil-kunsiderazzjoni li l-ewwel rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ president tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-kumpannija El-Dekheila, kien uffiċjal pubbliku, l-awtoritajiet Eġizzjani applikaw il-Kodiċi Kriminali Eġizzjan u li tali applikazzjoni hija konformi mal-Artikolu 2(a)(iii) tal-UNCAC. Il-fatt allegat li din il-kwalifika ma kinitx koerenti ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt intern Eġizzjan, b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, huwa element li jrid jiġi evalwat biss mill-qorti Eġizzjana li għandha ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, huwa irrilevanti, bħalma jsostnu r-rikorrenti, li l-ewwel rikorrent ma setax jiġi kkwalifikat bħala uffiċjal pubbliku fir-rigward tal-kriterji stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 2(a)(i) u fl-Artikolu 2(a)(ii) tal-UNCAC. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 2 kollu kemm hu jirriżulta b’mod ċar li l-kriterji suċċessivament stabbiliti fil-punti i), ii) u iii) ta’ dan l-artikolu huma alternattivi u mhux kumulattivi.

261    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kunsill seta’, ġustament, jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja fil-Kawża Nru 38 tal‑2011 biex iqis li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu bażi fattwali suffiċjenti biex jipproċedi għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2015/486, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-proċeduri ġudizzjarji l-oħra li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent u li kien sar jaf bihom kinux ta’ natura li tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 49 u 100).

262    Barra minn hekk, bħalma ġie nnotat fil-punt 201 iktar ’il fuq, il-proċeduri ġudizzjarji attwali fil-Kawżi Nru 107 u 291 tal‑2011, li kienu n-numri tal-proċeduri ġudizzjarji li l-Kunsill kien ġie informat bihom qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486, għandhom konnessjoni wkoll mal-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, fl-ewwel waħda minn dawn il-kawżi, l-ewwel rikorrent ġie akkużat li ftiehem mal-Ministru għall-Kummerċ u għall-Industrija u l-president tal-Awtorità għall-Iżvilupp Industrijali bl-għan li jikseb, bi ksur tar-regoli applikabbli, liċenzji tal-enerġija għall-kumpanniji tal-grupp tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ bejgħ pubbliku ta’ tali liċenzji lis-settur tal-industrija tal-azzar u tal-ħadid. Għalhekk ir-rikorrent ġie akkużat, f’din il-kawża, li pparteċipa fl-għoti illegali, għall-vantaġġ tiegħu, ta’ riżorsi mqiegħda taħt il-kontroll tal-Istat mill-uffiċjali pubbliċi inkarigati mill-għoti ta’ dawn ir-riżorsi, b’riżultat ta’ telf finanzjarju għall-Istat ekwivalenti għall-ammont li l-kumpanniji tar-rikorrent kellhom iħallsu biex jibbenefikaw mill-imsemmija riżorsi. Il-kwalifika kriminali ta’ dawn il-fatti tikkorrispondi għalhekk għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, kif iddefinit fil-punt 253 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Kawża Nru 291 tal‑2011, din hija relatata ma’ attivitajiet ta’ ħasil tal-flus imwettqa fuq il-fondi li l-ewwel rikorrent, skont l-awtoritajiet Eġizzjani, ibbenefika illegalment minnhom fiċ-ċirkustanzi li huma s-suġġett tal-Kawżi Nru 38 u 107 tal‑2011. B’hekk, minkejja li hija relatata ma’ fatti li ma jikkorrispondux fihom infushom għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, il-Kawża Nru 291 tal‑2011 kienet tippreżenta, fid-dawl tal-informazzjoni prodotta mill-awtoritajiet Eġizzjani, konnessjoni diretta ma’ fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Għandu jiġi nnotat li, għalkemm ir-rikorrenti affermaw li l-ebda waħda mill-kawżi msemmija mill-awtoritajiet Eġizzjani minbarra l-Kawża Nru 38 tal‑2011 ma kienet relatata ma’ fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, dawn ma ppreżentaw l-ebda argument ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

263    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet motiv tista’ biss tiġi miċħuda, sa fejn din hija insostenn tat-talbiet għall-finijiet ta’ annullament tar-rikors.

2)      Fir-rigward tal-argumenti u l-ilmenti stabbiliti insostenn tat-talbiet tal-ewwel nota ta’ adattament

264    Fil-kuntest tal-ewwel nota ta’ adattament, ir-rikorrenti jkomplu jikkontestaw il-kwalifika bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fir-rigward tal-fatti fil-Kawża Nru 38 tal‑2011, billi jibbażaw ruħhom fuq elementi mħejjija mir-rappreżentanti legali tal-ewwel rikorrent fl-Eġittu u xhieda minn dan tal-aħħar. Madankollu, għar-raġunijiet spjegati fil-punt 257 iktar ’il fuq, dan l-argument u dawn l-elementi jistgħu biss jiġu miċħuda. Fil-fatt, huma ma għandhomx l-għan li jikkontestaw il-fatt li l-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan ikkwalifika kriminalment il-fatti li f’din il-kawża f’termini li jikkorrispondu għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda biss li jikkontestaw din il-kwalifika nnifisha u l-fondatezza tal-akkużi miġjuba kontra l-ewwel rikorrent f’dan il-kuntest. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jaffermaw, essenzjalment, li t-tranżazzjonijiet li huwa kien akkużat bihom twettqu regolarment u kellhom l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, għalkemm dawn l-elementi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti Eġizzjana li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tiegħu f’din il-kawża, dawn ma kinux ta’ natura li tqajjem dubju dwar in-natura suffiċjenti tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kunsill, li kienu jippermettulu jqis li l-kwalifika kriminali tal-imsemmija fatti, imwettqa fuq il-bażi tad-dritt kriminali Eġizzjan, kienet tikkorrispondi għall-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Eġizzjani fl-ittra tagħhom tat‑2 ta’ Jannar 2016 ma kinux differenti sostanzjalment, fir-rigward ta’ din il-kawża, mill-elementi li kienu diġà ssottomettew minn qabel lill-Kunsill u għalhekk ma kinux ta’ natura li tqajjem dubju dwar l-evalwazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

265    L-argumenti tar-rikorrenti intiżi biex juru li din l-evalwazzjoni ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-QEDB ma humiex konvinċenti.

266    Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa ssuġġerit mir-rikorrenti, il-fatt li l-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma, indipendenti minn kull sistema nazzjonali (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 84 u 96) ma jfissirx li dan il-kunċett jista’ possibbilment jeskludi aġir li ngħata tali kwalifika kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani. Għall-kuntrarju, konformement ma’ din l-istess ġurisprudenza, dan il-kunċett huwa intiż, mill-inqas, għall-aġir li jista’ jingħata l-imsemmija kwalifika fid-dritt kriminali Eġizzjan, (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 95). Madankollu, f’dan il-każ, bħalma ġie enfasizzat fil-punt 260 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jammettu li l-kwalifika miżmuma f’dan il-każ mill-awtoritajiet Eġizzjani hija konformi mal-Kodiċi Kriminali Eġizzjan.

267    Barra minn hekk, kwalunkwe interpretazzjoni twassal biex tqajjem dubju dwar ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, approvat mill-Qorti tal-Ġustizzja u ċċitat fil-punt 238 iktar ’il fuq, li skontu l-inklużjoni tar-rikorrenti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/172, minħabba s-sempliċi fatt li huma kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu b’konnessjoni, irrispettivament liema, mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, kienet konformi mal-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punti 71 sa 73, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punti 67, 95 u 97).

268    Fit-tieni lok, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-QEDB dwar il-kunċett ta’ organu pubbliku, iċċitata mir-rikorrenti, ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, minn naħa, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 260 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija El-Dekheila tistax tiġi kkwalifikata bħala impriża pubblika jew kumpannija pubblika ma hijiex determinanti għall-kwalifika ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fir-rigward tad-dritt kriminali Eġizzjan, peress li l-Istat iżomm sehem, minkejja li minoritarju, fl-imsemmija kumpannija. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza ċċitata tirrigwarda kwistjoni distinta għalkollox mill-kwistjoni tal-possibbiltà li l-aġir li ġie akkużat bih l-ewwel rikorrent fil-Kawża Nru 38 tal‑2011 jiġi kkwalifikat bħala miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fil-kuntest, anki dan, distint għalkollox mill-miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-iskop li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari. Fil-fatt, fil-kawżi li wasslu għal din il-ġurisprudenza, qamet il-kwistjoni jekk l-impriża rikorrenti kinitx tirriżulta mill-Istat Iranjan, fis-sens li kienet tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew li tamministra servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Bank Mellat vs Il-Kunsill, T‑496/10, EU:T:2013:39, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, f’dawn il-kawżi, il-kwalifika ta’ riżultati mill-Istat Iranjan tal-kumpanniji inkwistjoni mill-awtorità li adottat miżuri restrittivi fir-rigward tagħha ma kinitx ibbażata, bħal f’dan il-każ, fuq proċeduri ġudizzjarji nazzjonali bbażati fuq tali kwalifika.

269    Fit-tielet lok, ir-referenzi tar-rikorrenti għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill (T‑340/14, EU:T:2016:496), ma humiex rilevanti. Fil-fatt, bħalma juru dawn ir-referenzi, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu bbażati biss fuq ittra tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina, li kien fiha biss affermazzjoni ġenerali u ġenerika li torbot l-isem tar-rikorrenti, fost dawk ta’ uffiċjali għolja preċedenti oħra, ma’ investigazzjoni li, essenzjalment, kienet intiża biex tiġi vverifikata l-eżistenza nnifisha ta’ fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u ma kien fiha l-ebda informazzjoni supplimentari. B’hekk il-Kunsill ma kellux informazzjoni dwar il-fatti jew l-aġir li ġie akkużat bihom b’mod speċifiku r-rikorrent mill-awtoritajiet Ukraini (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill, T‑340/14, EU:T:2016:496, punti 40 u 41).

270    Issa, dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li, minn naħa, l-ewwel rikorrent huwa s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji attwali u mhux ta’ sempliċi investigazzjoni preliminari. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni prodotta mill-awtoritajiet Eġizzjani fl‑2014, fl‑2015 u fl‑2016 ma kinitx limitata għal sempliċi affermazzjoni ġenerali relatata ma’ fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda kien fiha deskrizzjoni preċiża u konkreta ta’ fatti li kien ġie akkużat bihom, mill-inqas fil-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011, li jippermettu li tiġi mifhuma n-natura eżatta tar-reati kriminali f’dawn il-kawżi u l-grad ta’ involviment li ġie attribwit lilu kif ukoll l-iżvilupp tal-proċeduri ġudizzjarji f’dawn il-kawżi. Il-kuntest fattwali ta’ din il-kawża għalhekk, fi kwalunkwe każ, ma huwiex paragunabbli għal dak tal-Kawża T‑340/14, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/172 humiex paragunabbli għal miżuri bħal dawk eżaminati f’din il-kawża.

271    Bis-suppożizzjoni li r-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill (T‑340/14, EU:T:2016:496), biex isostnu li huwa l-kompitu tal-Kunsill li jivverifika l-allegazzjonijiet tal-awtoritajiet Eġizzjani dwar il-fatti fil-proċeduri ġudizzjarji relatati mal-ewwel rikorrent, mill-punti 256, 257 u 264 iktar ’il fuq jirriżulta li tali raġunament ma jistax jiġi aċċettat.

272    L-argument tar-rikorrenti li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill ma hijiex konformi mad-“dritt internazzjonali ġenerali” ma huwiex iktar konvinċenti. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jiġi nnotat li r-rikorrenti jirreferu għall-kunċett ta’ “organu tal-Istat”, kif ġie ddefinit fil-kummentarju tal-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-riżoluzzjoni tal‑2001 dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal fatt internazzjonalment illegali u f’deċiżjonijiet arbitrarji internazzjonali li jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà ta’ Stati fil-kuntest ta’ kawżi bejn kumpanniji privati. B’hekk, dawn ir-riferimenti, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 268 iktar ’il fuq, ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

273    Fir-rigward tal-fatt allegat mir-rikorrenti li erba’ biss mill-kawżi msemmija fl-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani tat‑2 ta’ Jannar 2016 kienu jikkonċernaw proċeduri ġudizzjarji attwali, dan ma huwiex rilevanti, peress li, għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punti 261 u 262 iktar ’il fuq, il-Kunsill seta’ jkompli jibbaża ruħu fuq il-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011 biex iqis li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411, kienu jeżistu proċeduri ġudizzjarji attwali marbuta ma’ fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent.

274    L-argumenti u l-ilmenti stabbiliti insostenn tat-talbiet tal-ewwel nota ta’ adattament għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

3)      Fir-rigward tal-argumenti u l-ilmenti stabbiliti insostenn tat-talbiet tat-tieni nota ta’ adattament

275    Fit-tieni nota ta’ adattament, ir-rikorrenti jirriproduċu fil-parti l-kbira l-argument tar-rikors u tal-ewwel nota ta’ adattament. B’mod partikolari, huma jibqgħu jqajmu dubju dwar l-eżattezza u r-rilevanza tal-fatti li jibbażaw ruħhom fuqhom l-akkużi fil-konfront tal-ewwel rikorrent fil-kuntest tal-Kawża Nru 38 tal‑2011, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mill-Istat. Madankollu, għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fil-punti 251 sa 262 u 264 sa 273 iktar ’il fuq, dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud. Fir-rigward tal-ilmenti u l-argumenti l-ġodda, għandu jiġi nnotat dan li jmiss.

276    Fl-ewwel lok, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa l-kompitu tal-Kunsill li jivverifika jekk il-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi inkwistjoni jistgħux, fir-rigward tal-ammont tagħhom jew tat-tip ta’ fondi miżapproprjati jew fil-kuntest li fih seħħew, jippreġudikaw l-istat tad-dritt fl-Eġittu, tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli f’dan il-każ.

277    Fil-fatt, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jirriżulta mill-punti 238 sa 240 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidew dwar liema kienu r-rekwiżiti li kellhom jissodisfaw il-punti ta’ fatt li l-Kunsill kien ibbaża fuqhom bl-għan li jipproċedi għall-inklużjoni tar-rikorrenti biex ikunu konformi mal-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma qisux li, fost dawn ir-rekwiżiti, kien hemm in-neċessità li l-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jkunu jistgħu jippreġudikaw l-istat tad-dritt fl-Eġittu.

278    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, id-Deċiżjoni 2011/172 toħroġ bis-sħiħ mill-PESK u tissodisfa l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE (ara l-punt 122 iktar ’il fuq). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-indikazzjoni li tinsab fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2011/172, li l-persuni intiżi fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni “qed iċaħħdu lill-poplu Eġizzjan mill-benefiċċji ta’ żvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jimminaw l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż”, ma tikkostitwixxix kundizzjoni supplimentari li għandha tiġi osservata mal-inklużjoni ta’ persuna ġdida fil-lista annessa għal din id-deċiżjoni. Din tirrigwarda biss spjegazzjoni tal-għan finali segwit minn din id-deċiżjoni (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 143). Dan ir-raġunament, essenzjalment, ġie vvalidat mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punti 44 sa 46 u 70).

279    Għalhekk minn dawn il-kunsiderazzjonijiet għandu jiġi dedott li, billi jikkontribwixxi għall-ġlieda tal-awtoritajiet Eġizzjani kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, l-iffriżar tal-assi tal-persuni responsabbli minn miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jew tal-persuni assoċjati intiżi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 huwa preżunt koerenti mal-għanijiet ġenerali tal-politika ta’ appoġġ tal-Kunsill lill-Eġittu, imsemmija fil-premessa 1 ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-osservanza tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Konsegwentement, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni ma jeżiġix, għall-inklużjoni ta’ persuna fil-lista annessa għal din id-deċiżjoni, li l-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fil-proċeduri ġudizzjarji li jiġġustifikaw din l-inklużjoni jippreżentaw speċifiċità, fir-rigward tal-ammont jew tan-natura ta’ fondi miżapproprjati jew anki fil-kuntest ta’ dawn il-fatti, li tippermetti li dawn jitqiesu bħala li jippreġudikaw l-istat tad-dritt fl-Eġittu.

280    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jistgħux, f’dan ir-rigward, jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali relatata mal-miżuri restrittivi stabbiliti fil-kuntest tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, sa fejn l-interpretazzjoni tal-kriterji ġenerali li jippermettu li jiġi ddeterminat iċ-ċirku ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ dawn il-miżuri saret mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kuntest ġuridiku speċifiku ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li huwa distint minn dak tad-Deċiżjoni 2011/172.

281    B’mod partikolari, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-premessa 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal‑5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26), li kienu dwarha l-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill (T‑340/14, EU:T:2016:496), u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill (T‑348/14, EU:T:2016:508), iċċitati mir-rikorrenti, tindika:

“[I]l-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

282    Il-konsolidazzjoni u l-appoġġ tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina jikkostitwixxu għalhekk l-iskop tal-iffriżar tal-assi tal-persuni identifikati b’mod partikolari bħala li huma responsabbli mill-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali setgħet tqis li l-kriterju ta’ iskrizzjoni stabbilit mid-Deċiżjoni 2014/119 kellu jiġi interpretat fis-sens li ma kienx jinkludi, b’mod astratt, kull att ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda kien jirrigwarda pjuttost fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li, fid-dawl tal-ammont jew tat-tip ta’ fondi jew ta’ assi miżapproprjati jew fil-kuntest li fih seħħew, kienu jistgħu minn tal-inqas jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-Ukraina, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju, tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, u, fl-aħħar lok, jippreġudikaw l-osservanza tal-istat tad-dritt f’dan il-pajjiż (sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, Klyuyev vs Il-Kunsill, T‑340/14, EU:T:2016:496, punt 91, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑348/14, EU:T:2016:508, punt 102).

283    Min-naħa l-oħra, bħalma ġie indikat fil-punt 279 iktar ’il fuq, l-iskop tad-Deċiżjoni 2011/172 huwa l-assistenza lill-awtoritajiet Eġizzjani fil-ġlieda tagħhom kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, l-osservanza tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu biss wieħed mill-għanijiet ġenerali tal-politika ta’ appoġġ kollha kemm hi tal-Kunsill għall-Eġittu, fil-kuntest li tidħol fih, b’mod partikolari, l-imsemmija deċiżjoni. Il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi msemmija fil-punti 281 u 282 iktar ’il quddiem għalhekk ma jistgħux jiġu ttrasposti għal dan il-każ.

284    Fit-tieni lok, huwa bi żball li r-rikorrenti jirreferu għall-kriterji intiżi biex jiddeterminaw jekk persuna ġuridika hijiex marbuta jew jekk hijiex ikkontrollata minn persuna jew entità oħra, li huma stabbiliti fil-punti 62 u 63 tad-dokument tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Ġunju 2015, bit-titolu “L-Aħjar Prattiki tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi”. Fil-fatt, bħalma juri, b’mod partikolari, il-punt 66 ta’ dan id-dokument, dawn il-kriterji huma intiżi biss biex jiddeterminaw, bl-għan li jiġi evitat ir-riskju li persuna jew entità tevita l-iffriżar li l-assi tagħha jkunu s-suġġett tiegħu, jekk l-assi ta’ persuna ġuridika oħra jinżammux jew jiġux ikkontrollati mill-ewwel persuna jew entità u jekk għandux iseħħ jew le l-iffriżar ta’ dawn l-aħħar assi. Dawn il-kriterji għalhekk ma japplikaw bl-ebda mod biex jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill għandux iqis li l-proċeduri ġudizzjarji attwali fl-Eġittu, li jibbaża ruħu fuqhom biex iġedded l-inklużjoni tal-persuni fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172, huma relatati ma’ miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi.

285    Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi prodotti għall-ewwel darba fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament intiża biex tikkontesta l-kwalifika ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fir-rigward tal-fatti li jirrigwardawhom il-proċeduri ġudizzjarji fil-Kawżi Nri 107 u 291 tal‑2011 ma jistgħux jinżammu. Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kawżi, ġie kkonstatat fil-punt 262 iktar ’il fuq li l-fatti fil-proċedura ġudizzjarja kienu jikkorrispondu għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu ir-rikorrenti, id-deskrizzjoni ta’ dawn il-fatti li saret mill-awtoritajiet Eġizzjani fid-dokumenti rreġistrati mill-Kunsill fis‑6 ta’ Jannar 2017, li ma hijiex sostanzjalment differenti minn dik li tinsab fid-dokumenti għad-dispożizzjoni tal-Kunsill fl‑2015 u fl‑2016, ma tqajjimx dubju dwar din l-analiżi. Fir-rigward tal-Kawża Nru 291 tal‑2011, ġie kkonstatat ukoll fil-punt 262 iktar ’il fuq li, għalkemm tirrigwarda fatti ta’ ħasil tal-flus, din il-kawża kellha konnessjoni ma’ fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, sa fejn il-ħasil tal-flus imputat lill-ewwel rikorrent kien relatat mal-fondi miżapproprjati li huwa bbenefika minnhom fil-Kawżi Nri 38 u 107 tal‑2011. Id-deskrizzjoni tal-Kawża Nru 291 tal‑2011 fid-dokumenti msemmija iktar ’il fuq ma fihomx element ġdid ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-konnessjoni bejn din il-kawża u l-fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li huma s-suġġett ta’ kawżi oħra msemmija iktar ’il fuq.

286    Minn dak li ntqal jirriżulta li għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti u l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament insostenn tal-ewwel parti tat-tielet motiv u, għaldaqstant, din il-parti kollha kemm hi.

c)      Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ bażi materjali tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent, kif stabbilita mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana

287    Insostenn tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana “ċaħdet” il-proċeduri mnehdija fil-konfront tal-ewwel rikorrent fid-deċiżjonijiet tagħha tal‑20 ta’ Diċembru 2012, tat‑12 ta’ Mejju 2013 u tal‑14 ta’ Diċembru 2013. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2013, din il-qorti qieset li, fil-Kawża Nru 38 tal‑2011, l-ebda prova ma kienet tippermetti li r-rikorrent jiġi implikat skont kwalifiki kriminali miżmuma u li l-qorti tal-ewwel istanza żbaljat meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi u l-argumenti mressqa mill-konvenut. Għalhekk għandu jiġi dedott li din il-proċedura hija bbażata fuq allegazzjonijiet fraġli u infondati u li l-Kunsill ma jistax jibqa’ jibbaża ruħu biss fuq id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Eġizzjani, iżda għandu jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu stess. Barra minn hekk, ir-rikorrenti affermaw li, fl-istess deċiżjoni, din il-qorti kkonstatat l-assenza ta’ dannu mġarrab mill-Istat Eġizzjan.

288    Fl-ewwel lok, sa fejn, skont l-ewwel parti, ir-rikorrenti jaffermaw li l-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana ċaħdet l-akkużi miġjuba fil-konfront tal-ewwel rikorrent fil-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fis-sentenzi li huma jibbażaw ruħhom fuqhom, din il-qorti ma ddeċidietx fuq il-mertu, iżda annullat biss il-kundanni deċiżi mill-qorti tal-ewwel istanza u bagħtet lura l-kawżi lil din tal-aħħar sabiex tiddeċiedi mill-ġdid. Barra minn hekk, jidher li, wara l-imsemmija sentenzi, il-proċeduri f’dawn il-kawżi segwew il-kors tagħhom fl-istennija ta’ deċiżjoni ġdida tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu. Għaldaqstant, il-Kunsill seta’, ġustament, iqis li d-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti fil-kawżi inkwistjoni ma temmewx il-proċeduri ġudizzjarji korrispondenti u li, konsegwentement, huwa seta’ jkompli biex jipproċedi għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent fuq il-bażi tal-imsemmija proċeduri.

289    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti jaffermaw, fil-kuntest ta’ din il-parti, li l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Diċembru 2013 iqajmu dubju dwar il-bażi tal-akkużi fil-Kawża Nru 38 tal‑2011, hemm lok li jiġi nnotat li r-rikorrenti ma jsostnux li dan huwa l-każ fir-rigward tal-Kawżi Nri 107 u 291 tal‑2011. Madankollu, bħalma ġie kkonstatat diġà fil-punti 262 u 285 iktar ’il fuq, il-Kunsill seta’ jibbaża ruħu wkoll fuq il-proċeduri ġudizzjarji f’dawn iż-żewġ l-aħħar kawżi biex jipproċedi għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent.

290    Fir-rigward tal-Kawża Nru 38 tal‑2011, mill-kontenut tas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tal‑14 ta’ Diċembru 2013 jirriżulta li din il-qorti wettqet stħarriġ ġudizzjarju tas-sentenza tal-ewwel istanza biss fir-rigward tal-osservanza tar-regoli ġudizzjarji applikabbli u mhux fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-fatti. Hija għalhekk la ddeċidiet dwar il-karattru magħruf tal-fatti li huma bbażati fuqhom il-proċeduri f’din il-kawża, u lanqas fuq in-natura u l-portata tar-responsabbiltà tal-akkużati, li, konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu wara li tintbagħat lura l-imsemmija kawża. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Eġizzjani pprovduti fil-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015 u l-memorandum tan-NCRAA tal‑5 ta’ Diċembru 2016, li jindikaw li, fil-kuntest tal-ewwel appell mid-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza f’kawża kriminali, il-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana teżamina biss il-kwistjonijiet ta’ liġi.

291    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Diċembru 2013 li jirreferu għalihom ir-rikorrenti għalhekk ma jikkostitwixxux, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni tagħhom, evalwazzjoni relatata mal-fondatezza tal-akkużi miġjuba fil-konfront tal-ewwel rikorrent u man-natura suffiċjenti tal-provi li jibbażaw ruħhom fuqhom dawn l-akkużi, iżda evalwazzjoni relatata mal-konformità ġuridika tar-raġunament tal-qorti tal-ewwel istanza li tiddeċiedi dwar dawn l-akkużi u dawn il-provi.

292    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi nnotat li, fil-parti tas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tal‑14 ta’ Diċembru 2013 li r-rikorrenti jirreferu għaliha b’mod speċifiku fir-rikors, din il-qorti, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu, ma qisitx li l-ebda prova ma kienet tippermetti li r-rikorrent jiġi implikat fuq il-bażi ta’ akkużi ppreżentati fil-konfront tiegħu u lanqas li l-qorti tal-ewwel istanza, żbaljatament, kienet irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi u l-argumenti mressqa mill-konvenut. Fil-fatt, il-parti inkwistjoni ta’ din is-sentenza tikkonċerna l-eżami, minn din il-qorti, tal-appell tal-Avukat Ġenerali mid-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza, li permezz tagħha din tal-aħħar assolviet ċerti akkużi kemm minn parti tal-oneri, kif ukoll mit-totalità ta’ dawn tal-aħħar. Din il-parti tal-imsemmija sentenza għalhekk ma tikkonċernax l-eżami tal-appell tal-ewwel rikorrent fil-konfront tal-kundanni deċiżi fir-rigward tiegħu mis-sentenza tal-ewwel istanza u għalhekk ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jirreferu għaliha insostenn ta’ din il-parti tat-tielet motiv.

293    Fir-rigward tal-parti tas-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tal‑14 ta’ Diċembru 2013 li hija ċċitata mir-rikorrenti fit-tieni nota ta’ adattament insostenn tal-argument tagħhom mislut mill-assenza ta’ dannu mġarrab mill-Istat Eġizzjan fil-kuntest tal-Kawża Nru 38 tal‑2011, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-qorti llimitat ruħha li tinnota, minn naħa, kontradizzjoni fir-raġunament tal-qorti tal-ewwel istanza, marbut mal-fatt li din tal-aħħar kienet akkużat lill-ewwel rikorrent kemm li fittex li jieħu l-kontroll tal-kumpannija El-Dekheila kif ukoll li fittex li jeqridha u, min-naħa l-oħra, in-natura mhux sostanzjata tal-istima tad-dannu mġarrab mill-Istat u tal-kundanni pekunjarji imposti fuq l-akkużati. B’hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet jimplikaw biss li l-qorti tal-ewwel istanza għandha tiżgura, fil-kuntest tal-proċedura tar-rinviju, il-koerenza tar-raġunament tagħha bl-għan li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-Istat u, jekk ikun il-każ, li l-evalwazzjoni tal-imsemmi dannu tkun sostanzjata biżżejjed. Min-naħa l-oħra, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettu bl-ebda mod li jiġi eskluż li hija tikkonstata l-eżistenza ta’ tali dannu.

294    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-motivazzjonijiet politiċi sottostanti għall-proċeduri kriminali li l-ewwel rikorrent huwa s-suġġett tagħhom

295    Insostenn tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jissuġġerixxu li l-proċeduri fir-rigward tal-ewwel rikorrent ma tnehdewx in bona fide, u dan, fil-fehma tagħhom, jista’ jiġi dedott mill-assenza ta’ kwalunkwe prova li tissostanzja l-allegazzjonijiet ippreżentati mill-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tal‑20 ta’ Diċembru 2012, tat‑12 ta’ Mejju 2013 u tal‑14 ta’ Diċembru 2013 kif ukoll mill-elementi relatati mal-ksur tad-drittijiet fundamentali prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motiv. Huma jqisu, f’dan ir-rigward, li l-Kunsill ma indikax, fl-ittra tiegħu tal‑24 ta’ Marzu 2015, fuq liema bażi kien qiegħed jibbaża ruħu biex jiċħad l-allegazzjoni tagħhom li l-proċeduri mnehdija jibbażaw fuq motivi politiċi.

296    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni relatata mal-assenza ta’ provi li jibbażaw ruħhom fuqhom il-proċeduri ġudizzjarji kontra l-ewwel rikorrent, huwa biżżejjed li jitfakkar li, bħalma jirriżulta mill-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-argument tar-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv fil-punti 250 sa 285 iktar ’il fuq, la huwa l-kompitu tal-Kunsill u lanqas tal-Qorti Ġenerali li jiddeċiedu dwar in-natura suffiċjenti tal-provi miġbura mill-akkuża kontra l-ewwel rikorrent fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni, u li dan jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti Eġizzjana li tiddeċiedi fuq il-mertu. Barra minn hekk, mid-dokumenti prodotti lill-Kunsill mill-awtoritajiet Eġizzjani jirriżulta li l-proċeduri ġudizzjarji, mill-inqas fil-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011, kienu bbażati fuq ċertu għadd ta’ punti ta’ fatt preċiżi miġbura mill-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan bl-għan li jistabbilixxi r-responsabbiltà, b’mod partikolari, tal-ewwel rikorrent fir-reati kriminali identifikati fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Għalhekk, bla ħsara għall-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn l-elementi li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti Eġizzjana li għandha ġurisdizzjoni, ma jistax jiġi affermat li l-imsemmija proċeduri ġudizzjarji ma huma bbażati fuq l-ebda prova.

297    Fit-tieni lok, mill-kontenut tas-sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tal‑20 ta’ Diċembru 2012, tat‑12 ta’ Mejju 2013 u tal‑14 ta’ Diċembru 2013 ma jirriżultax li l-proċeduri kriminali ma tnehdewx in bona fide. Ċertament, bħalma ġie nnotat fil-punti 185 u 221 iktar ’il fuq, fl-imsemmija sentenzi, din il-qorti nnotat insuffiċjenzi min-naħa tal-qorti tal-ewwel istanza fl-eżami tal-provi li ġew prodotti lilha fir-rigward tal-ħtija, b’mod partikolari, tal-ewwel rikorrent fil-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011. Madankollu, billi għamlet dan, din il-qorti ma ħarġitx kritika fir-rigward tal-proċeduri mnehdija fil-konfront ta’ din il-persuna ta’ natura li tqajjem dubju dwar l-intenzjonijiet sottostanti għal dawn il-proċeduri, iżda biss fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza ta’ dawn il-proċeduri mill-qorti tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, minn dawn is-sentenzi seta’ jiġi dedott biss li huwa l-kompitu tal-qorti tal-ewwel istanza li teżamina mill-ġdid, fuq il-mertu, ir-responsabbiltà tal-akkużati, iżda mhux li hija għandha neċessarjament tiċħad l-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.

298    Fit-tielet u l-aħħar lok, anki fl-ipoteżi fejn l-elementi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv bl-għan li jissostanzjaw l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fl-Eġittu, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent, kienu ta’ natura li tqanqal mistoqsijiet leġittimi dwar tali ksur, fi kwalunkwe każ minn dan ma setax jiġi dedott awtomatikament li l-imsemmija proċeduri kienu jissodisfaw motivi purament politiċi. Barra minn hekk, minkejja li ċerti dokumenti prodotti mir-rikorrenti f’dan il-kuntest, b’mod partikolari r-rapporti tal-IBAHRI u tas-Sur D. fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura fil-Kawża Nru 107 tal‑2011, jindikaw espressament riskju ta’ strumentalizzazzjoni politika tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-persuni li jappartjenu għaċ-ċrieki ta’ mexxejja taħt il-mandat tal-president preċedenti tar-Repubblika, M. Moubarak, dawn id-dokumenti ma fihomx elementi biżżejjed preċiżi u konkordanti ta’ natura li tissostanzja tali riskju fir-rigward tal-ewwel rikorrent. Barra minn hekk, bħalma ġie enfasizzat fil-punti 221 sa 226 iktar ’il fuq, il-Kunsill seta’ jqis leġittimament, fir-rigward tas-sentenzi tal-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana u tal-istadji ulterjuri tal-proċedura, li l-ewwel rikorrent seta’ jibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti kontra r-riskju li l-proċeduri kriminali li jikkonċernawh iwasslu għal deċiżjoni li tirrigwarda ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Tista’ ssir l-istess konstatazzjoni fir-rigward tar-riskju li din id-deċiżjoni tinbidel mill-motivi politiċi allegati li kienu sottostanti għat-tnehdija tal-imsemmija proċeduri kriminali.

299    Konsegwentement, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kunsill seta’, ġustament, iqis li l-proċeduri ġudizzjarji li kien ibbażat fuqhom it-tiġdid tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent ma setgħux jinbidlu minn kunsiderazzjonijiet politiċi. Għalhekk it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

e)      Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura insuffiċjenti tal-elementi relatati mas-sitwazzjoni individwali tat-tieni sar-raba’ rikorrenti

300    Fir-rikors, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jsostnu li l-assenza ta’ konformità tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent mal-kriterji ġenerali ddefiniti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 tneħħi wkoll il-validità tal-inklużjoni tat-tieni sar-raba’ rikorrenti, peress li din hija bbażata biss fuq digriet ta’ ffriżar ta’ fondi maħruġ fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali fil-konfront tar-raġel tagħhom. Fir-replika, huma jaffermaw li l-imsemmi digriet ma jistax iservi ta’ bażi għat-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom minħabba li ma ntemmet l-ebda proċedura fil-konfront tal-ewwel rikorrent u li ma nfetħet l-ebda proċedura fil-konfront tat-tieni sar-raba’ rikorrenti. Madankollu, tali digriet għandu, min-natura tiegħu, natura anċillari meta mqabbel mal-proċedura ta’ rkupru ta’ fondi inkwistjoni. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li t-tielet u r-raba’ rikorrenti lanqas ma huma s-suġġett tad-digriet ta’ ffriżar ta’ assi fir-rigward tal-assi personali tagħhom. Fil-kuntest tal-ewwel nota ta’ adattament, huma jsostnu li l-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani tat‑2 ta’ Jannar 2016 ma ssemmix lit-tieni sar-raba’ rikorrenti u li huma ma setgħux jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ittra tal-imsemmija awtoritajiet bid-data tas‑7 ta’ Marzu 2016. Barra minn hekk, huma jaffermaw li ż-żwieġ tat-tieni rikorrenti mal-ewwel rikorrent ilu li tħassar minn Diċembru 2013 u li l-Kunsill kien ġie informat b’dan fid‑29 ta’ Jannar 2016. Fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament, huma jaffermaw li t-tieni sar-raba’ rikorrenti ma kinux destinatarji, qabel it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom mid-Deċiżjoni 2017/496, tal-informazzjoni li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqha biex jipproċedi għal dan it-tiġdid. Barra minn hekk, l-informazzjoni prodotta mill-awtoritajiet Eġizzjani ma tirreferix għat-tieni sar-raba’ rikorrenti. Id-digriet ta’ ffriżar ta’ assi adottat fil-Kawża Nru 38 tal‑2011 biss jista’ jservi ta’ bażi għat-tiġdid tal-inklużjoni ta’ dawn il-persuni, peress li d-digrieti l-oħra ta’ ffriżar ta’ assi huma marbuta ma’ proċeduri kriminali li ma jirrigwardawx kawżi ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, l-ebda informazzjoni prodotta mill-awtoritajiet Eġizzjani ma tindika li t-tieni sar-raba’ rikorrenti jkunu għadhom suġġetti għal deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ assi. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li l-modifika tal-portata tal-iffriżar tal-assi tat-tielet u r-raba’ rikorrenti tikkonferma li huma ma jistgħux jitqiesu bħala responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

301    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, bħalma ġie nnotat fil-punti 238 u 239 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, b’approvazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, qieset li l-Kunsill seta’ jibbaża l-inklużjoni tat-tieni sar-raba’ rikorrenti fuq l-eżistenza ta’ digriet ta’ ffriżar ta’ assi marbut mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li l-ewwel rikorrent kien is-suġġett tagħhom, billi l-kriterji tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 ma jinkludix biss lill-persuni suġġetti għal proċeduri kriminali għal tali fatti, iżda wkoll lill-persuni assoċjati magħhom li jkunu s-suġġett, b’mod partikolari, ta’ miżuri kawtelatorji maħsuba biex jinżammu l-assi possibbilment miżapproprjati.

302    F’dawn il-kundizzjonijiet, sa fejn l-argument tar-rikorrenti spjegat fil-punt 300 iktar ’il fuq huwa intiż li jikkontesta l-inklużjoni inizjali tat-tieni sar-raba’ rikorrenti, minħabba, b’mod partikolari, li d-digriet tal‑2011 ma jikkostitwixxix bażi soda u li dawn il-persuni qatt ma kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali, dan imur kontra l-awtorità ta’ res judicata li tintrabat mal-motivi tas-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015 Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93). Dan huwa għalhekk inammissibbli.

303    Sa fejn dan huwa intiż biex jikkontesta t-tiġdid ta’ din l-inklużjoni, l-argument tar-rikorrenti espost fil-punt 300 iktar ’il fuq huwa, parzjalment, manifestament infondat. Fil-fatt, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, approvati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punti 238 u 239 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw, qabel kollox, il-fatt li l-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent ma ntemmewx, billi l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidew li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja attwali. Sussegwentement, huma ma jistgħux jibqgħu jinvokaw il-fatt li ma nfetħet l-ebda proċedura ġudizzjarja fil-konfront tat-tieni sar-raba’ rikorrenti, billi l-Kunsill għandu d-dritt, skont il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, jipproċedi għall-inklużjoni tagħhom minħabba li huma s-suġġett ta’ proċedura marbuta mal-proċeduri kriminali għal fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, bħala persuni assoċjati fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, peress li tali proċedura marbuta tikkostitwixxi fiha nnifisha, f’dan il-każ, proċedura ġudizzjarja. Bl-istess mod, l-argument li jinsab fit-tieni nota ta’ adattament, li l-esklużjoni tal-assi personali tat-tielet u r-raba’ rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-digriet ta’ ffriżar ta’ assi adottat fir-rigward tagħhom juri li huma ma humiex responsabbli minn miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, huwa bbażat fuq il-premessa manifestament żbaljata li l-assi ta’ dawn il-persuni ġew iffriżati minħabba li huma stess kienu ssuspettati mill-awtoritajiet Eġizzjani li wettqu fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

304    Fl-aħħar nett, l-unika kwistjoni ġdida li jqajmu l-argumenti mressqa insostenn ta’ din il-parti tat-tielet motiv tikkonsisti f’jekk, wara l-inklużjoni inizjali tat-tieni sar-raba’ rikorrenti, sarux modifiki relatati mas-sitwazzjoni tal-ewwel rikorrent jew mas-sitwazzjoni individwali tagħhom stess li jostakolaw it-tiġdid tal-inklużjoni inizjali tagħhom fuq il-bażi, b’mod partikolari, tad-digriet ta’ ffriżar ta’ assi li serva ta’ bażi għal din l-inklużjoni inizjali.

305    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-assenza tal-fondatezza tat-tiġdid tal-inklużjoni tal-ewwel rikorrent, stabbilit fir-rikors, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-ewwel tliet partijiet ta’ dan il-motiv, intiżi biex jikkontestaw din il-fondatezza, ġew miċħuda fil-punti 250 sa 299 iktar ’il fuq, mill-inqas fir-rigward tal-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011. Il-validità tat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni sar-raba’ rikorrenti għalhekk ma tistax tiġi kkontestata fuq din il-bażi.

306    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti relatati mal-limitazzjoni tal-portata tal-iffriżar tal-assi tat-tielet u r-raba’ rikorrenti, imressqa għall-ewwel darba fir-replika, dawn l-argumenti, bis-suppożizzjoni li huma ammissibbli, ma humiex rilevanti. Fil-fatt, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom biex jaffermaw li dan l-iffriżar ma għadux jikkonċerna l-assi personali ta’ dawn il-persuni, iżda huma ma jsostnux li dan intemm b’mod definittiv, inkluż fir-rigward tal-assi miżmuma b’mod konġunt mal-ewwel rikorrent. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, huma jindikaw, minn naħa, fir-rigward tat-tielet rikorrenti, li l-iffriżar tal-assi tagħha ma għadux japplika, b’deċiżjoni ġudizzjarja, għall-beni u l-assi li wirtet mingħand missierha qabel il-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-raba’ rikorrenti, li l-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan temm l-iffriżar tal-assi miżmuma minnha qabel iż-żwieġ tagħha mal-ewwel rikorrent. Konsegwentement, minn dawn l-elementi għandu jiġi dedott li l-parti tal-assi tat-tielet u r-raba’ rikorrenti li ma hijiex ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji msemmija iktar ’il fuq għadhom is-suġġett tal-iffriżar ta’ assi stabbilit fl‑2011 mill-Prosekutur Ġenerali Eġizzjan fil-konfront tar-rikorrenti kollha, u dawn tal-aħħar ma jikkontestawx dan. Għalhekk dawn l-argumenti jistgħu biss jiġu miċħuda.

307    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel nota ta’ adattament u relatati mal-informazzjoni dwar it-tieni sar-raba’ rikorrenti li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li, permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Marzu 2016, l-awtoritajiet Eġizzjani indikaw lill-Kunsill li dawn il-persuni għadhom kollha s-suġġett ta’ tliet digrieti ta’ ffriżar ta’ assi fil-kuntest tal-erba’ proċeduri kriminali fil-konfront tal-ewwel rikorrent fil-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011 u li t-tieni u t-tielet rikorrenti kienu wkoll is-suġġett ta’ ffriżar tal-assi fil-Kawża Nru 4 tal‑2011. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li dawn il-persuni ma jissemmewx fl-ittra tal-istess awtoritajiet tat‑2 ta’ Jannar 2016 ma għandux effett. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti ma setgħux jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tas‑7 ta’ Marzu 2016 ma huwiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv u ma jistax jiġi eżaminat fil-kuntest tar-raba’ motiv, ibbażat, b’mod partikolari, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li t-tieni rikorrenti ddivorzjat mill-ewwel rikorrent, dan ma jistax jinfluwenza t-tiġdid tal-inklużjoni ta’ din il-persuna, sa fejn, bħalma kkonfermat l-ittra tas‑7 ta’ Marzu 2016, din xorta waħda għadha s-suġġett ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ assi fil-kuntest ta’ ċerti proċeduri kriminali li jikkonċernaw lir-raġel li kellha. Issa, l-imsemmi tiġdid ma jibbażax fuq il-motiv ibbażat fuq in-natura tal-konnessjonijiet tagħha ma’ dan tal-aħħar, iżda fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li hija s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji marbuta ma’ proċeduri li jirrigwardaw fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jsostnux li, minħabba dan id-divorzju, it-tieni rikorrenti ma kien għad kellha l-ebda relazzjoni, b’mod partikolari ta’ natura patrimonjali, mal-ewwel rikorrent. Huwa għalhekk li l-fatt li l-Kunsill kompla jinkludi lil din il-persuna fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172, mal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411, bħala mart l-ewwel rikorrent ma jistax jaffettwa l-legalità tat-tiġdid tal-inklużjoni tagħha. Għalhekk dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

308    Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament, qabel kollox għandu jiġi nnotat li, għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fil-punt 307 iktar ’il fuq, il-fatt li l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2017 kienet indirizzata b’mod speċifiku lit-tieni sar-raba’ rikorrenti biss wara t-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom ma għandux effett. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jammettu li, sa fejn l-imsemmija ittra ġiet indirizzata lir-rappreżentanti legali tal-ewwel rikorrent li jirrappreżentaw ukoll lit-tieni sar-raba’ rikorrenti, dawn tal-aħħar setgħu jivverifikaw, qabel it-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom, l-elementi li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Sussegwentement, huwa bi żball li r-rikorrenti jaffermaw li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu biss fuq id-digriet ta’ ffriżar ta’ assi adottat fil-Kawża Nru 38 tal‑2011. Fil-fatt, bħalma ġie kkonstatat fil-punti 262 u 285 iktar ’il fuq, il-Kawżi Nri 107 u 291 tal‑2011 jirrigwardaw ukoll fatti ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, b’tali mod li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu wkoll fuq id-digrieti ta’ ffriżar ta’ assi adottati fil-konfront tar-rikorrenti kollha fir-rigward ta’ dawn il-kawżi. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-informazzjoni mibgħuta mill-Kunsill li tikkonċerna l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/496 ma turix li t-tieni sar-raba’ rikorrenti għadhom suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li, fost din l-informazzjoni, il-Kunsill bagħat kopja tad-digrieti differenti adottati fl‑2011 fil-konfront tar-rikorrenti kollha. Madankollu, dawn tal-aħħar isostnu biss li l-portata ta’ dawn id-digrieti ġiet immodifikata ulterjorment, bħalma ġie indikat fl-ewwel nota ta’ adattament, iżda huma ma jipproduċu l-ebda element konkret ta’ natura li tissuġġerixxi li dawn id-digrieti ma għadhomx fis-seħħ fil-konfront tat-tieni sar-raba’ rikorrenti. Għalhekk dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

309    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raba’ parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

3.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

310    Ir-raba’ motiv jinkludi, essenzjalment, ħames partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill qatt ma kkomunikalhom provi kredibbli u konkreti li jippermettu li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħhom. Permezz tat-tieni parti, huma jsostnu li l-Kunsill ma pproduċa l-ebda prova li huwa kien wettaq eżami bir-reqqa u imparzjali tal-fondatezza tar-raġunijiet tat-tiġdid tal-inklużjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-osservazzjonijiet tagħhom. Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti jaffermaw li l-Kunsill naqas milli jipproduċi l-elementi kollha li huwa bbaża ruħu fuqhom biex jipproċedi għat-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom. Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti jaffermaw li, fl-ipoteżi fejn il-Kunsill kien ikkomunikalhom id-dokumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, hemm lok li jitqies li huwa llimita ruħu li jirriproduċi d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Eġizzjani mingħajr ma jipproċedi għal verifiki. Permezz tal-ħames parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill ma tax segwitu għat-talbiet tagħhom għal smigħ, minkejja n-natura neċessarja ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-osservazzjonijiet tagħhom.

311    Il-Kunsill jafferma li, fis-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), l-ilmenti tar-rikorrenti relatati mal-ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża u tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva diġà ġew miċħuda fir-rigward tal-inklużjoni inizjali tagħhom. Fir-rigward tat-tiġdid ta’ din l-inklużjoni, dawn l-ilmenti kienu ġew miċħuda wkoll fid-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78). Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-ewwel nota ta’ adattament, huwa jikkontesta l-fatt li kiser l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-elementi għad-dispożizzjoni tiegħu u li jippermetti lir-rikorrenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411. Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tieni nota ta’ adattament, il-Kunsill iżid li l-fatt li huwa ma aċċettax jew ma ħax inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ma jfissirx li ma eżaminahomx. Huwa jafferma wkoll li huwa ma kienx marbut jinnotifika separatament lit-tieni sar-raba’ rikorrenti bl-informazzjoni kkomunikata lir-rappreżentanti legali tal-ewwel rikorrent, li kienet relatata biss mas-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett huwa jafferma, essenzjalment, li l-inklużjoni tat-tieni rikorrenti bħala mart l-ewwel rikorrent ma għandhiex effett.

312    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw, skont il-kompetenzi li huma mogħtija lilhom skont it-TFUE, stħarriġ, fil-prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti sħiħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li jinkludi b’mod partikolari r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 326, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 97 u 98).

313    B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinkludi persuna f’lista ta’ persuni u entitajiet li l-assi tagħhom huma ffriżati jew tad-deċiżjoni li ġġedded din l-inklużjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li din l-awtorità għandha għad-dispożizzjoni tagħha fir-rigward tagħha biex tibbaża din id-deċiżjoni, u dan sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli li tadixxi lill-qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, matul din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna tagħti b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward tal-motivi miżmuma f’dan il-każ. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonsisti fiż-żamma tal-isem tal-persuna kkonċernata f’tali lista, l-osservanza ta’ dan l-obbligu proċedurali doppju għandha, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal inklużjoni inizjali, tippreċedi l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 sa 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, dan l-obbligu proċedurali doppju huwa impost biss meta, fil-kuntest tat-tiġdid tal-inklużjoni tal-persuni kkonċernati, l-awtorità kompetenti tibbaża ruħha fuq elementi ġodda. Barra minn hekk, il-persuni kkonċernati għandhom, fi kwalunkwe każ, dritt stabbilit li jippreżentaw osservazzjonijiet, b’mod partikolari fil-każ tal-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

314    Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ għandu bħala konsegwenza l-obbligu għall-awtorità kompetenti li timmotiva d-deċiżjoni tagħha billi tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti għaliex l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-persuna kkonċernata għandha tibqa’ s-suġġett ta’ miżuri restrittivi minkejja l-elementi li jiskaġunaw possibbli prodotti minn din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 88, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 114 u 116).

315    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102).

316    F’dan il-każ, bħalma ġie kkonstatat fil-punti 81 sa 88 iktar ’il fuq, bl-għan tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kunsill ma bbażax biss fuq l-informazzjoni li diġà kellu għad-dispożizzjoni tiegħu mal-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti fl‑2011, iżda wkoll fuq aġġornament ta’ din l-informazzjoni fl‑2014, fl‑2015, fl‑2016 u fl‑2017 dwar, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-proċeduri ġudizzjarji li r-rikorrenti kienu s-suġġett tagħhom. Fil-fatt, sa fejn il-motiv tal-inklużjoni tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji attwali, huwa l-kompitu tal-Kunsill li jivverifika, b’mod partikolari fil-każ tal-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ din l-inklużjoni bl-għan tat-tiġdid possibbli tagħha, l-istadju li jinsabu fih dawn il-proċeduri ġudizzjarji u, jekk ikun il-każ, l-eżitu tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 46 u 52). Konsegwentement, sabiex jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti, kien il-kompitu tal-Kunsill li jikkomunikalhom dawn l-elementi aġġornati, biex jippermettilhom, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward u biex jindikalhom, fil-kuntest tal-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, ir-raġunijiet għaliex kien għadu jqis li t-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom kien iġġustifikat.

317    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, bħalma ppreċiżaw ir-rikorrenti fir-replika, huma ma għandhomx l-għan, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li jinvokaw il-ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża u tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-inklużjoni inizjali tagħhom, ilment li, bħalma jammettu, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet dwaru. Għall-kuntrarju, l-għan tagħhom huwa li jinvokaw il-ksur analogu li allegatament wettaq il-Kunsill fil-kuntest tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Konsegwentement, il-fatt li l-Qorti Ġenerali diġà eżaminat l-eżistenza ta’ tali ksur fil-kuntest tal-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti u tat-tiġdid ta’ din l-inklużjoni fl‑2013 ma jistax, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, jiġi opponut mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

318    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-partijiet differenti ta’ dan il-motiv. Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tielet parti ta’ dan il-motiv, li t-tnejn huma intiżi, essenzjalment, biex jinvokaw ksur, mill-Kunsill, tal-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-elementi li kellu l-għan li jibbaża d-deċiżjonijiet ikkontestati fuqhom.

a)      Fuq l-ewwel u t-tielet partijiet, ibbażati, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-elementi li jservu ta’ bażi fattwali għad-deċiżjonijiet ikkontestati

319    Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li, sa fejn l-ewwel parti tirrigwarda l-assenza ta’ indizji serji jew ta’ provi kredibbli ta’ natura li tissostanzja t-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti, din għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, din tirrigwarda kwistjoni marbuta mal-fondatezza ta’ dan it-tiġdid, diġà ttrattata, barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet motiv u, konsegwentement, distinta mill-kwistjoni jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti nkisrux (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 134).

320    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kkomunikax, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-elementi kollha li kienu ntbagħtulu mill-awtoritajiet Eġizzjani u li kien ibbaża ruħu fuqhom biex iqis li t-tiġdid tar-rikorrenti kien għadu ġġustifikat.

321    Fl-ewwel lok, [kunfidenzjali]. Bħalma ppreċiżaw dawn tal-aħħar fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali bid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2016, kien biss wara, fid-dawl tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet 2016/411 u 2017/496, li dokumenti b’kontenut analogu ġew ikkomunikati lilhom mill-Kunsill. Barra minn hekk, fl-ittra tiegħu tal‑24 ta’ Marzu 2015 lir-rikorrenti, li fiha jiġġustifika t-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti għas-sena 2015, il-Kunsill ma jagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal dan id-dokument. [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, bħalma ġie nnotat fil-punti 157, 192, 224 u 290 iktar ’il fuq, dan id-dokument kien jipprovdi indikazzjonijiet utli għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju kif ukoll, b’mod ġenerali, għall-evalwazzjoni tal-kuntest ġuridiku li jaqgħu taħtu l-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lir-rikorrenti. [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, il-fatt li, qabel id-Deċiżjoni 2016/411 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/491, il-Kunsill ikkomunikalhom dokumenti ta’ kontenut analogu jmur kontra din il-pożizzjoni.

322    Fit-tieni lok, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 307 iktar ’il fuq, il-Kunsill ikkomunika l-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani tas‑7 ta’ Marzu 2016 biss wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411. Issa, din l-ittra kien fiha informazzjoni speċifika li tikkonċerna ż-żamma tad-digrieti ta’ ffriżar ta’ assi fil-konfront tar-rikorrenti kollha, ta’ natura li twieġeb għall-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti li jikkonċernaw il-fatt li t-tieni sar-raba’ rikorrenti ma kienu msemmija bl-ebda mod fl-ittra tal-istess awtoritajiet tat‑2 ta’ Jannar 2016, li kienet intbagħtitilhom. Din l-ittra tas‑7 ta’ Marzu 2016 kienet tikkostitwixxi għalhekk, skont l-evidenza, element li l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuqu għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-persuni msemmija iktar ’il fuq, li jikkonferma, barra minn hekk, l-ittra tiegħu tal‑21 ta’ Marzu 2016 lir-rikorrenti, li fiha jwieġeb għall-oġġezzjonijiet tagħhom billi jirreferi għall-ewwel ittra u billi din jehmiżha mat-tieni waħda.

323    Fit-tielet lok, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 308 iktar ’il fuq, l-ittra tal-Kunsill tas‑27 ta’ Jannar 2017, li kien fiha informazzjoni li tikkonċerna b’mod speċifiku s-sitwazzjoni individwali tat-tieni sar-raba’ rikorrenti ġiet innotifikata lir-rappreżentanti legali tar-rikorrenti intiża biss għall-ewwel rikorrent. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, sa fejn id-destinatarji ta’ din l-ittra kienu jirrappreżentaw ukoll lit-tieni sar-raba’ rikorrenti quddiem il-Kunsill, huma setgħu, f’isem il-klijenti tagħhom, ikunu jafu bl-informazzjoni li tikkonċernahom b’mod speċifiku u jippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Konsegwentement, ma jistax jitqies li l-Kunsill kiser l-obbligi tiegħu fil-konfront tat-tieni sar-raba’ rikorrenti billi nnotifika l-ittra tas‑27 ta’ Jannar 2017 lir-rappreżentanti legali tar-rikorrenti kollha, biss bħala rappreżentanti tal-ewwel rikorrent.

324    Min-naħa l-oħra, mill-punti 321 u 322 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/486 u tad-Deċiżjoni 2016/411, il-Kunsill kiser l-obbligi tiegħu billi ma kkomunikax, fi żmien xieraq, ċerta informazzjoni li kien ibbaża ruħu fuqha biex jipproċedi għal tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn id-deċiżjonijiet u, konsegwentement, billi ma ppermettilhomx jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward qabel l-imsemmi tiġdid.

325    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex l-eżistenza ta’ irregolarità marbuta mad-drittijiet tad-difiża tkun tista’ twassal għall-annullament tal-att kontenzjuż, huwa neċessarju li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti, li b’hekk jiġu affettwati konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-persuna li tressaq it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il-Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

326    Minn naħa, fir-rigward tal-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015, fil-punt 158 iktar ’il fuq ġie nnotat li r-rikorrenti setgħu jippreżentaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, osservazzjonijiet dwar dan id-dokument fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, [kunfidenzjali] fit-tweġiba bil-miktub tagħhom, bid-data tal‑1 ta’ Ġunju 2017 [kunfidenzjali]. Għalhekk id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġie rispettat. Barra minn hekk, minn dawn l-osservazzjonijiet ma jirriżultax li r-rikorrenti, għalkemm setgħu jkunu jafu b’dan id-dokument qabel id-Deċiżjoni 2015/486, setgħu jqajmu dubju dwar il-kontenut tiegħu jew ir-rilevanza tiegħu bl-għan tat-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom. Konsegwentement, huma ma jistabbilixxux li, kieku dan kien il-każ, il-proċedura seta’ jkollha eżitu differenti.

327    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani tas‑7 ta’ Marzu 2016, huwa stabbilit li r-rikorrenti setgħu jkunu jafu b’din l-ittra permezz tal-ittra tal-Kunsill bid-data tal‑21 ta’ Marzu 2016 u li huma ma jikkontestawx il-fatt li huma saru jafu b’dan f’terminu suffiċjenti biex jippermettilhom jippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-ewwel nota ta’ adattament tagħhom. Madankollu, bħalma juri l-eżami ta’ dawn l-osservazzjonijiet fil-punt 307 iktar ’il fuq, dawn ma setgħux jimmodifikaw l-eżitu tal-proċedura, kieku setgħu jiġu ppreżentati qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/411.

328    Konsegwentement, il-ksur ikkonstatat fil-punti 321, 322 u 324 iktar ’il fuq ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk l-ewwel u t-tielet parti ta’ dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ prova li l-Kunsill wettaq eżami bir-reqqa u imparzjali tal-fondatezza tar-raġunijiet tat-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti

329    Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jaffermaw li l-Kunsill ma pproduċa l-ebda prova li tippermetti li jiġi vverifikat li huwa ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw qabel kull wieħed mit-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom, filwaqt li bbażaw ruħhom fuq il-premessa li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet kellu jwasslu biex jikkonkludi dwar l-assenza ta’ fondatezza tal-motivi ta’ dan it-tiġdid suċċessiv.

330    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuni kkonċernati jesprimu tabilħaqq l-opinjoni tagħhom, dawn l-imsemmija istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu obbligati jaqblu magħhom. In-natura utli tal-preżentata tal-opinjoni ta’ dawn il-persuni tirrikjedi biss li din l-opinjoni setgħet tiġi ppreżentata tempestivament sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tagħha u, bl-attenzjoni rikjesta kollha, jevalwaw ir-rilevanza tagħha għall-kontenut tal-att li jkun previst li jiġi adottat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il-Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

331    F’dan il-każ, is-sempliċi fatt li l-Kunsill ma kkonkludiex dwar l-assenza ta’ fondatezza tat-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti, u lanqas ma qies utli li jipproċedi għal verifiki fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ma jistax, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxi, waħdu, ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li dawn setgħu jippreżentaw, fi żmien xieraq, l-imsemmija osservazzjonijiet.

332    Bis-suppożizzjoni li, permezz ta’ din il-parti, ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jitfakkar li, fl-ittri tiegħu tal‑24 ta’ Marzu 2015, tal‑21 ta’ Marzu 2016 u tat‑22 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill identifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti għaliex huwa qies neċessarju li jġedded l-inklużjoni tar-rikorrenti. F’dawn l-ittri, huwa wieġeb ukoll għal ċerti osservazzjonijiet tar-rikorrenti. Il-fatt li huwa ma ttrattax il-mistoqsijiet kollha magħmula mir-rikorrenti fin-numru kbir ta’ ittri tagħhom ma jfissirx li huwa ma ħadhomx inkunsiderazzjoni, iżda biss li ma qishomx determinanti għat-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom.

333    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li d-deċiżjonijiet ikkontestati, li jġeddu l-inklużjoni tar-rikorrenti rispettivament għar-raba’, il-ħames u s-sitt darba, ittieħdu f’kuntest magħruf minnhom. Minn naħa, il-motiv tal-inklużjoni tagħhom ma żviluppax sa mill-inklużjoni inizjali tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidew dwar kwistjonijiet importanti dwar il-legalità tal-imsemmija motivi. Min-naħa l-oħra, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li, sa mill-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti, il-Kunsill żgura li jipprovdi lir-rikorrenti, jekk mhux qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet suċċessivi tiegħu, mill-inqas immedjatament wara l-adozzjoni, id-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Eġizzjani li huwa kien jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuqhom, b’tali mod li r-rikorrenti setgħu jieħdu deċiżjoni, fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, dwar in-neċessità li jippreżentaw rikors u setgħu jikkontestaw b’mod utli l-validità. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali setgħet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, tiddetermina, fir-rigward ta’ dawn l-elementi kollha, ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li huma bbażati fuqhom id-deċiżjonijiet ikkontestati u teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha dwar dawn id-deċiżjonijiet.

334    Għalhekk it-tieni parti tista’ biss tiġi miċħuda.

c)      Fuq ir-raba’ parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Kunsill illimita ruħu li jirriproduċi d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Eġizzjani mingħajr ma jipproċedi għal verifiki

335    Fir-rigward ta’ din il-parti, għandu jiġi nnotat li din titqajjem biss b’mod sussidjarju, f’każ fejn il-Kunsill ikun bagħat lir-rikorrenti d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tiegħu. Madankollu, fil-punt 321 iktar ’il fuq ġie kkonstatat li dan ma kienx il-każ, peress li l-Kunsill ma kkomunikalhomx il-memorandum tal-PGO tad‑9 ta’ Frar 2015. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Kunsill afda fid-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Eġizzjani mingħajr ma pproċeda għal verifiki ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Il-Kunsill vs Bank Mellat, C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punti 89 u 90). Għalhekk din il-parti tista’ biss tiġi miċħuda.

d)      Fuq il-ħames parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ tweġiba tal-Kunsill għat-talbiet għal smigħ tar-rikorrenti

336    Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jaffermaw li huma talbu smigħ “ta’ urġenza” fl-ittra tagħhom tat‑23 ta’ Diċembru 2014, tat‑12 ta’ Jannar 2015, tat‑3 ta’ Frar 2015, tat‑2 ta’ Marzu 2015 u tad‑29 ta’ Jannar 2016 u li dan is-smigħ kien neċessarju, fil-fehma tagħhom, biex jiġu evitati “żbalji manifesti” mwettqa mill-Kunsill.

337    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 313 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill kellu, f’dan il-każ, marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddetermina jekk kienx xieraq li jilqa’ t-talbiet għal smigħ tar-rikorrenti. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ sempliċi tiġdid tad-deċiżjoni inizjali, id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti jimplika biss li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jaffermaw b’mod utli l-perspettiva tagħhom billi jippreżentaw, fi kwalunkwe ħin u b’mod partikolari fil-każ tal-eżami mill-ġdid tal-inklużjoni tagħhom, osservazzjonijiet li huwa l-kompitu tal-Kunsill li jeżaminahom b’mod imparzjali u bir-reqqa. Sa fejn ir-rikorrenti setgħu, fi żmien xieraq, jissottomettu lill-Kunsill ċertu għadd ta’ dokumenti ta’ natura li tikkostitwixxi elementi li jiskaġunaw u jindikaw il-konklużjonijiet li huma kienu jisiltu minn dawn id-dokumenti, huma ma jistabbilixxux li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, kien neċessarju smigħ. Fil-fatt, il-Kunsill kellu terminu suffiċjenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati biex jitlob lir-rikorrenti, kieku qies dan neċessarju, jippreżentaw spjegazzjonijiet jew dettalji supplimentari bil-miktub dwar l-imsemmija elementi li jiskaġunaw jew, jekk ikun il-każ, jipproċedi għal verifiki mingħand l-awtoritajiet Eġizzjani. Barra minn hekk, bħalma tfakkar fil-punt 330 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma kienx marbut jaderixxi mal-perspettiva spjegata mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom. Konsegwentement, iċ-ċirkustanza allegata li kien neċessarju smigħ biex jiġi evitat li l-Kunsill iwettaq żbalji “manifesti” ta’ evalwazzjoni ma tistax tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ żamma ta’ tali smigħ. Barra minn hekk, mill-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel, it-tieni u t-tielet motiv, fil-punti 114 sa 308 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma pproduċew l-ebda element li jagħmel neċessarja ż-żamma ta’ smigħ.

338    Għalhekk għandha tiġi miċħuda l-ħames parti tar-raba’ motiv u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud dan il-motiv kollu kemm hu.

4.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ir-restrizzjoni inġustifikata u sproporzjonata tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti u fuq dannu għar-reputazzjoni tagħhom

339    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jirreferu għall-argumenti stabbiliti fil-punti 102 sa 110 tar-rikors fil-Kawża T‑279/13. Fil-fehma tagħhom, dawn l-argumenti huma kkonfermati mill-fatt li huma ilhom milquta minn iffriżar ta’ assi għal iktar minn erba’ snin. Madankollu, minħabba dan, il-Kunsill kellu terminu kunsiderevoli biex jivverifika mingħand l-awtoritajiet Eġizzjani l-ammont ta’ fondi allegatament miżapproprjati u, minkejja dan, naqas milli jagħmel dan. Fl-ewwel nota ta’ adattament, qabel kollox, ir-rikorrenti jaffermaw li l-kundizzjoni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li dispożizzjoni tkun kapaċi tilħaq l-għanijiet leġittimi li hija tfittex ma hijiex osservata minħabba li ż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti la tkun rilevanti, u lanqas xierqa biex jintlaħaq l-għan ta’ appoġġ għall-istat tad-dritt fl-Eġittu previst fid-Deċiżjoni 2011/172. Huma jirreferu għall-argument tagħhom imressaq f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-ewwel motiv. Sussegwentement, huma jsostnu li l-inklużjoni tagħhom ma hijiex neċessarja minħabba li l-għanijiet tagħha jistgħu jintlaħqu minn deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, u dan b’mod inqas vinkolanti. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li ma ġiex allegat mill-awtoritajiet Eġizzjani, fil-proċeduri ġudizzjarji li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom, li huma ttrasferixxew fondi li oriġinaw minn miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani fl-Unjoni. Barra minn hekk, huma jenfasizzaw li l-argumenti tagħhom huma msaħħa mit-tul taż-żmien sinjifikattiv, jiġifieri sitt snin, li għadda sa mill-inklużjoni inizjali tagħhom.

340    Il-Kunsill jikkontesta dan l-argument billi jafferma, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet dwar l-osservanza, permezz tal-miżuri kontenzjużi, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

341    Fl-ewwel lok, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punti 70 sa 74 tad-digriet tal‑15 ta’ Frar 2016, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑279/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:78), il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn ta’ motiv analogu għal dan il-motiv fil-kuntest tal-kawża li wasslet għal dan id-digriet. Għaldaqstant, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk huwiex ammissibbli li r-rikorrenti jirreferu għal nota annessa għar-rikors mingħajr ma jirriproduċu l-kontenut tagħha, ir-referenzi tagħhom fil-punti 102 sa 110 tar-rikors fil-kawża msemmija iktar ’il fuq jistgħu biss jiġu miċħuda.

342    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assenza ta’ verifika, mill-Kunsill, tal-ammont ta’ fondi miżapproprjati, minkejja ż-żmien disponibbli sa mill-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-proċeduri ġudizzjarji mibdija fl-Eġittu, il-Kunsill la seta’ jagħraf in-natura u lanqas jindika huwa stess il-quantum tal-miżapproprjazzjonijiet possibbli ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani mwettqa mill-ewwel rikorrenti (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 208). Madankollu, f’dan il-każ, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li l-ebda waħda mill-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent ma wasslet, f’dan l-istadju, għal deċiżjoni ġudizzjarja definittiva. B’mod partikolari, fir-rigward tal-proċeduri fil-Kawżi Nri 38, 107 u 291 tal‑2011, jidher li, b’segwitu għall-annullament mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana tad-deċiżjonijiet tal-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu u għar-rinviju ta’ dawn il-kawżi sabiex tittieħed deċiżjoni mill-ġdid, dawn il-proċeduri għadhom pendenti. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

343    Fit-tielet lok, mill-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel parti tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv, imwettaq fil-punti 118 sa 165 u 176 sa 208 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar in-neċessità, fir-rigward tal-għanijiet tal-politika li d-Deċiżjoni 2011/172 taqa’ fil-kuntest tagħha, li tinżamm l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni b’mod ġenerali u li tiġġedded l-inklużjoni tar-rikorrenti b’mod partikolari. Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati la huma rilevanti, u lanqas xierqa biex jintlaħaq l-għan ta’ appoġġ għall-istat tad-dritt li huwa intiż mill-Kunsill jista’ biss jiġi miċħud.

344    Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), il-Qorti Ġenerali qieset li l-miżuri li kien ħa l-Kunsill, b’mod partikolari, dwar il-bażi tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 kienu xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, dawn il-miżuri jikkontribwixxu, b’mod effikaċi, sabiex jiffaċilitaw il-konstatazzjoni ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa għad-detriment tal-awtoritajiet Eġizzjani u jippermettu li jkun iktar faċli, għal dawn l-istess awtoritajiet, li jiksbu l-ħlas lura tal-prodott ta’ tali miżapproprjazzjonijiet (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 206). Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistax ikollhom id-dritt li jqajmu dubju dwar dawn il-kunsiderazzjonijiet billi jaffermaw li l-ittra tal-awtoritajiet Eġizzjani tal‑24 ta’ Frar 2011 kienet indirizzata lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u li, konsegwentement, deċiżjoni amministrattiva u politika tal-Kunsill la kienet neċessarja, u lanqas xierqa biex jipproċedi għall-iffriżar tal-assi tagħhom. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

345    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet Eġizzjani ma allegawx, fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw lir-rikorrenti, trasferiment ta’ fondi li oriġinaw minn miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi Eġizzjani lejn l-Unjoni, diġà tfakkar fil-punt 238 iktar ’il fuq li, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), il-Qorti Ġenerali, b’approvazzjoni fuq appell mill-Qorti tal-Ġustizzja, iddeċidiet li l-Kunsill seta’, ġustament, jipproċedi għall-inklużjoni tar-rikorrenti fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172 minħabba s-sempliċi fatt li huma kienu s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Eġittu li jkollha konnessjoni, irrispettivament liema, mal-investigazzjonijiet li jirrigwardaw miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Dan l-argument huwa għalhekk parzjalment inammissibbli, sa fejn dan huwa intiż biex iqajjem dubju dwar l-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti u parzjalment manifestament infondat, sa fejn huwa intiż li jqajjem dubju dwar it-tiġdid ta’ din l-inklużjoni.

346    Fis-sitt u l-aħħar lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt għall-proprjetà tal-persuni li kienu kkonċernati minn miżura restrittiva bħall-iffriżar tal-assi tar-rikorrenti ma kinux jirriżultaw biss mill-portata ġenerali tal-miżura inkwistjoni, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, mit-tul effettiv tal-applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, it-tul tal-perijodu li matulu tiġi applikata miżura bħall-miżura kontenzjuża jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li l-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-proporzjonalità tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill, T‑516/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:377, punt 172).

347    Madankollu, f’dan il-każ, is-sempliċi fatt li l-iffriżar tal-assi tar-rikorrenti fl-Unjoni ġie mġedded mill-ġdid permezz tad-Deċiżjoni 2017/496, wara li kien inżamm għal perijodu ta’ sitt snin konsekuttivi, ma jistax, waħdu, joħloq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, minn naħa, bħalma ġie nnotat diġà fil-punt 135 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-għan tad-Deċiżjoni 2011/172, il-miżuri restrittivi stabbiliti f’dan il-kuntest, fil-prinċipju, għandhom jinżammu sat-tmiem tal-proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu biex jinżamm l-effett utli tagħhom. Madankollu ma huwiex ikkontestat il-fatt li, fid-data tat-tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fl‑2017, il-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent kienu għadhom pendenti. Barra minn hekk, bħalma ġie nnotat fil-punt 308 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ppreżentaw l-ebda element li jista’ jissuġġerixxi li d-digrieti ta’ ffriżar ta’ assi adottati fil-konfront tagħhom kollha ma għadhomx fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jinvokawx, insostenn ta’ dan l-argument, it-tul eċċessiv tal-imsemmija proċeduri. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn il-proċeduri, li jirrigwardaw fatti kumplessi, għaddew minn ċertu għadd ta’ żviluppi u, b’mod partikolari, li d-deċiżjonijiet mogħtija fl-ewwel istanza ġew annullati mill-Qorti tal-Kassazzjoni Eġizzjana u ġew mibgħuta lura sabiex tittieħed deċiżjoni mill-ġdid. L-annessi tal-proċess għalhekk ma jurux in-natura manifestament eċċessiv tat-tul ta’ dawn il-proċeduri. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

348    Għalhekk, għar-raġunijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

349    Għaldaqstant, peress li l-ebda wieħed mill-motivi ta’ dan ir-rikors ma jista’ jirnexxi, mingħajr il-ħtieġa li tiġi ordnata l-miżura istruttorja mitluba mir-rikorrenti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

IV.    Fuq l-ispejjeż

350    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

351    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfu l-kawża, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ahmed Abdelaziz Ezz u Abla Mohammed Fawzi Ali Ahmed Salama, Khadiga Ahmed Ahmed Kamel Yassin u Shahinaz Abdel Azizabdel Wahab Al Naggar huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Gratsias

Labucka

Dittrich

Ulloa Rubio

 

      Xuereb

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2018.

Firem


Werrej




* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Data kunfidenzjali mħollija barra.


2      Paragrafu 124 tal-vademecum.