Language of document : ECLI:EU:T:2018:619

Kawża T-288/15

Ahmed Abdelaziz Ezz et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu – Iffriżar ta’ fondi – Ammissibbiltà – Għanijiet – Kriterji ta’ inklużjoni tal-persuni kkonċernati – Tiġdid tal-inklużjoni tar-rikorrenti fuq il-lista tal-persuni kkonċernati – Bażi fattwali – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali – Proporzjonalità – Dritt għal smigħ xieraq – Preżunzjoni tal-innoċenza – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tas-27 ta’ Settembru 2018

1.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Riferiment, fir-rikors, għal att differenti mill-att iċċitat minħabba żball tal-pinna – Riferiment li ma jeskludix il-possibbiltà li jiġi identifikat is-suġġett tal-kawża

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76)

2.      Proċedura – Awtorità ta’ res judicata – Deċiżjonijiet tal-qorti tal-Unjoni dwar l-inklużjoni ta’ rikorrent fuq lista ta’ persuni milquta minn miżuri restrittivi – Portata

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Valuri – Osservanza tal-istat ta’ dritt – Stat ta’ dritt – Kunċett

(Artikolu 2 TUE)

4.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Natura ta’ dawn il-miżuri – Miżuri purament kawtelatorji – Assenza ta’ natura kriminali

(Artikoli 21 TUE u 29 TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK)

5.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu għall-Kunsill, li jevalwa n-neċessità li tinkiseb il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ provi addizzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali – Portata

(Artikoli 2 TUE, 3 TUE, l-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 21(1) u 21(2)(b) TUE u l-Artikolu TUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/172/PESK, (PESK) 2015/486, (PESK) 2016/411 u (PESK) 2017/496)

6.      Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali – Deċiżjoni li tikkonċerna l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu– Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Artikolu 29 TUE – Ammissibbiltà

(Artikoli 21 TUE, 23 TUE, 24 TUE u 29 TUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/172/PESK, Artikolu 1, (PESK) 2015/486, (PESK) 2016/411 u (PESK) 2017/496]

7.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Portata tal-istħarriġ – Stħarriġ ristrett għar-regoli ġenerali – Stħarriġ li jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u għall-verifika tal-provi għall-atti li japplikaw għal entitajiet speċifiċi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/172/PESK, (PESK) 2015/486, (PESK) 2016/411 u (PESK) 2017/496]

8.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Portata tal-istħarriġ – Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

Artikolu 263 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/172/PESK, (PESK) 2015/486, (PESK) 2016/411 u (PESK) 2017/496]

9.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi – Kunċett – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi – Interpretazzjoni wiesgħa

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, Artikolu 1(1))

10.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu – Deċiżjoni sussegwenti li jinżamm isem ir-rikorrent fil-lista ta’ persuni milquta minn dawn il-miżuri – Obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni meħuda – Obbligu li l-persuna kkonċernata tiġi permessa tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar il-motivi allegati kontriha – Portata

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/172/PESK, (PESK) 2015/486, (PESK) 2016/411 u (PESK) 2017/496]

11.    Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jaqblu mal-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati – Assenza – Obbligu li tingħata risposta għall-argumenti kollha tal-partijiet – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2) u 48)

1.      Ir-rekwiżit li skontu, skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jkun fih is-suġġett tal-kawża jimplika li din l-inklużjoni hija ċara u preċiża biżżejjed biex il-konvenut jkun jista’ jippreżenta r-risposta tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tiegħu.

Madankollu, meta l-kontenut tar-rikors jippermetti li jiġi identifikat l-att jew l-atti kkontestati, huwa possibbli li jiġu kkwalifikati mill-ġdid it-talbiet li jindikaw b’mod mhux preċiż jew b’mod żbaljat l-att jew l-atti kkontestati inkwistjoni. Dan japplika f’każ ta’ żball tal-pinna, fis-sitwazzjoni fejn rikorrent isemmi fir-rikors tiegħu n-numru ta’ att imma jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ att ieħor kif ukoll għat-titolu komplut ta’ dan l-att l-ieħor u jannetti kopja ta’ dan tal-aħħar mal-imsemmi rikors.

(ara l-punti 38-40)

2.      Il-legalità tal-inklużjoni inizjali jew tat-tiġdid ta’ din l-inklużjoni ta’ rikorrent fuq il-lista ta’ persuni milquta minn miżuri restrittivi, diġà kkontestati f’rikorsi preċedenti, ma tistax titqiegħed f’dubju billi jsiru lill-Qorti Ġenerali domandi li diġà ġew deċiżi minn qorti tal-Unjoni Ewropea, peress li tali kontestazzjoni tmur kontra l-awtorità relattiva ta’ res judicata, li ma tintrabatx biss mad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjonijiet, iżda wkoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju għalihom.

(ara l-punt 52)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 61)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 64)

5.      L-osservanza tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tad-dinjità umana għandhom jiggwidaw kull azzjoni tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1), tal-Artikolu 21(2)(b) u (3) TUE u tal-Artikolu 23 TUE.

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq u għall-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza għandu, b’mod partikolari fil-qasam kriminali, post eminenti f’soċjetà demokratika. Bl-istess mod, il-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-ġustizzja kif ukoll tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv jikkostitwixxu regoli essenzjali għar-rispett tal-istat tad-dritt, li huwa stess jifforma wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom tistrieħ l-Unjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE, mill-preamboli tat-Trattat UE u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq u għar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza huma intiżi, b’mod partikolari fil-qasam kriminali, biex jiggarantixxu li d-deċiżjoni li permezz tagħha tittieħed deċiżjoni definittiva dwar il-fondatezza tal-akkużi kontra l-persuna kkonċernata tkun affidabbli u biex jiġi evitat li din tkun ivvizzjata minn ċaħda tal-ġustizzja, jew saħansitra li tkun arbitrarja, fejn dan jikkostitwixxi ċ-ċaħda stess tal-istat tad-dritt.

Il-karatteristiċi tal-iskema tad-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu ma jiġġustifikawx eċċezzjoni għall-obbligu ġenerali tal-Kunsill, meta jadotta miżuri restrittivi, li jirrispetta d-drittijiet fundamentali li jifformaw parti sħiħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, liema eċċezzjoni għandha l-konsegwenza liteżentah minn kwalunkwe verifika tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali żgurata fl-Eġittu.

Konsegwentement, minn naħa, sa fejn id-Deċiżjoni 2011/172 taqa’ taħt il-kuntest ta’ politika ta’ appoġġ għall-awtoritajiet Eġizzjani bbażata, b’mod partikolari, fuq l-għanijiet ta’ konsolidazzjoni u ta’ appoġġ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, ma tistax tiġi eskluża għalkollox l-ipoteżi li din id-deċiżjoni hija manifestament mhux xierqa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet minħabba l-eżistenza ta’ ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet fundamentali.

Min-naħa l-oħra, għalkemm l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji attwali fl-Eġittu tikkostitwixxi, fil-prinċipju, bażi fattwali soda biżżejjed għall-inklużjoni tal-persuni fil-lista annessa għad-Deċiżjoni 2011/172 kif ukoll għat-tiġdid tagħha, dan ma huwiex il-każ meta jkun hemm lok, għall-Kunsill, li jippreżumi b’mod raġonevoli li d-deċiżjoni meħuda fi tmiem ta’ dawn il-proċeduri mhux ser tkun affidabbli, b’mod speċjali peress li ma huwiex il-kompitu tal-Kunsill, fil-prinċipju, li jevalwa l-eżattezza u r-rilevanza tal-elementi li huma bbażati fuqhom dawn il-proċeduri.

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ skema ta’ miżuri restrittivi bħal dik tad-Deċiżjoni 2011/172, ma jistax jiġi eskluż li l-Kunsill ikun marbut li jivverifika jekk il-proċeduri ġudizzjarji li huwa jibbaża ruħu fuqhom jistgħux jitqiesu bħala affidabbli fir-rigward tal-elementi prodotti mill-persuni inkwistjoni relatati ma’ ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ xieraq, bil-kundizzjoni li dan jirrigwarda elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti ta’ natura li tqanqal mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett ta’ dan id-dritt.

Konformement ma’ dawn il-prinċipji ġenerali, għalhekk huwa l-kompitu tal-Qorti Ġenerali li teżerċita stħarriġ, fil-prinċipju, komplet dwar jekk il-Kunsill issodisfax id-dmir tiegħu li jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità filwaqt li jiżgura li seta’ jikkunsidra bħala affidabbli l-proċeduri kriminali li jikkonċernaw lill-ewwel rikorrent. B’mod partikolari, dan l-istħarriġ jimplika li jiġi vverifikat jekk il-Kunsill qiesx, ġustament, li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu biżżejjed elementi biex jikkunsidra li dan kien il-każ f’dan il-każ, minkejja l-allegazzjonijiet kuntrarji tar-rikorrenti.

Barra minn hekk, minkejja n-natura prekawzjonarja tiegħu, l-iffriżar tal-assi stabbilit fil-kuntest tal-iskema tad-Deċiżjoni 2011/172 għandu fuq il-libertajiet u d-drittijiet tal-persuni kkonċernati effett negattiv sinjifikattiv b’tali mod li, sabiex jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn l-għanijiet ta’ dan l-iffriżar tal-assi u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet, huwa indispensabbli li l-Kunsill ikun jista’, jekk ikun il-każ, jevalwa b’mod xieraq, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, ir-riskju li joħloq tali ksur

(ara l-punti 58-63, 66-71, 213, 214)

6.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu, kif prorogat bid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, jista’ legalment jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 29 TUE.

Fil-fatt, l-istħarriġ tal-bażi legali ta’ att jippermetti li tiġi vverifikata l-kompetenza tal-awtur tal-att u li jiġi vverifikat jekk il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan l-att hijiex ivvizzjata b’irregolarità. Barra minn hekk, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li dan l-att isegwi għanijiet li huma relatati ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE sabiex jitqies bħala li jaqa’ taħt il-PESK. Barra minn hekk, fid-dawl tal-portata wiesgħa tal-miri u tal-għanijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), kif espressi fl-Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mal-PESK, b’mod partikolari l-Artikoli 23 u 24 TUE, il-kontestazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmi att fir-rigward tal-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 21 TUE ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi nuqqas ta’ bażi legali ta’ dan l-att

Abbażi ta’ dan, id-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496, li huma limitati għat-tiġdid tad-Deċiżjoni 2011/172 u jaqgħu fil-kuntest tal-istess politika intiża, bħalma tindika l-premessa 1 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, għall-appoġġ għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni politika u ekonomika tal-Eġittu, fl-osservanza tal-istat tad-dritt u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali jirrispondu għal dawn l-eżiġenzi.

F’dan ir-rigward, anki fl-ipoteżi li s-sitwazzjoni fl-Eġittu, li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/172 fir-rigward tagħha, żviluppat, inkluż f’sens kuntrarju għall-proċess ta’ demokratizzazzjoni li huwa intiż biex jappoġġja l-politika li din id-deċiżjoni taqa’ fil-kuntest tagħha, din iċ-ċirkustanza, fi kwalunkwe każ, ma tistax taffettwa l-kompetenza ta’ din l-istituzzjoni biex iġġedded din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 29 TFUE. Fil-fatt, minkejja din iċ-ċirkustanza, l-għanijiet intiżi mid-Deċiżjonijiet 2015/486, 2016/411 u 2017/496 u r-regoli li dawn iġeddu l-validità tagħhom xorta waħda jaqgħu taħt il-qasam tal-PESK

(ara l-punti 118, 122-124)

7.      B’mod ġenerali, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jadotta atti fil-kuntest tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, li tikkostitwixxi qasam li jimplika min-naħa tiegħu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih huwa msejjaħ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi

Barra minn hekk, il-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għad-definizzjoni tal-kriterji ġenerali li jiddelimitaw iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, fir-rigward tal-għanijiet li dawn il-miżuri huma bbażati fuqhom. Konsegwentement, marġni ta’ diskrezzjoni tal-istess portata għandu għalhekk jiġi rrikonoxxut lilu fir-rigward tat-tiġdid tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

F’dan ir-rigward, sa fejn l-iskema ta’ miżuri restrittivi stabbilita mid-Deċiżjoni 2011/172 għandha l-uniku skop li tiffaċilita l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Eġizzjani tal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li żżomm il-possibbiltà, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-miżapproprjazzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż li t-tiġdid ta’ din is-sistema jibqa’ rilevanti, inkluż fl-ipoteżi ta’ żviluppi politiċi u ġudizzjarji sfavorevoli fir-rigward tal-progress tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt jew tar-rispett tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk kien kompitu tal-Kunsill li jevalwa jekk, għall-estensjoni tal-inklużjoni inizjali tar-rikorrenti, li saret permezz ta’ din id-deċiżjoni, fuq il-lista tal-persuni milquta mid-deċiżjonijiet ikkontestati, fid-dawl tal-elementi għad-dispożizzjoni tiegħu, setax iqis b’mod raġonevoli li t-tkomplija tal-assistenza lill-awtoritajiet Eġizzjani fil-ġlieda kontra l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi kinitx għadha, inkluż f’tali kuntest, mezz xieraq li jiffavorixxi l-għanijiet ta’ stabbiltà politika u ta’ osservanza tal-istat tad-dritt fil-pajjiż.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, li għandhom portata individwali għall-persuni kkonċernati, il-Kunsill huwa suġġett għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jeżiġi, b’mod partikolari, li huwa jeżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-provi li ntbagħtu lilu, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet u tal-elementi possibbli li jiskaġunaw, prodotti minn dawn il-persuni.

Konsegwentement, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi stħarriġ, fil-prinċipju, komplet tal-legalità tar-raġunijiet li hija bbażata fuqhom id-deċiżjoni tal-inklużjoni tal-isem ta’ persuna fil-lista ta’ persuni li jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. B’mod partikolari, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tibbaża fuq bażi fattwali soda biżżejjed.

(ara l-punti 130, 155, 211, 212)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 205)

9.      Fil-kuntest tal-iskema ta’ miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu, il-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, kien jiġbor l-użu illegali kollu tar-riżorsi li jappartjenu għall-awtoritajiet pubbliċi jew li jitqiegħdu taħt il-kontroll tagħhom għal finijiet kuntrarji għal dawk previsti, b’mod partikolari għal finijiet privati u li minnhom jirriżulta dannu li jista’ jiġi evalwat finanzjarjament għall-imsemmija awtoritajiet pubbliċi.

F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet nazzjonali pproċedew għal kwalifika kriminali tal-fatti li ġie akkużat bihom ir-rikorrent li jikkorrispondu għall-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, il-fatt li l-kunċett ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172, għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma, indipendenti minn kull sistema nazzjonali ma jfissirx li dan il-kunċett jista’ possibbilment jeskludi aġir li ngħata tali kwalifika kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani. Għall-kuntrarju, dan il-kunċett huwa intiż, mill-inqas, għall-aġir li jista’ jingħata l-imsemmija kwalifika fid-dritt kriminali Eġizzjan.

(ara l-punti 253, 255, 266)

10.    B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinkludi persuna f’lista ta’ persuni u entitajiet li l-assi tagħhom huma ffriżati jew tad-deċiżjoni li ġġedded din l-inklużjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li din l-awtorità għandha għad-dispożizzjoni tagħha fir-rigward tagħha biex tibbaża din id-deċiżjoni, u dan sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli li tadixxi lill-qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, matul din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna tagħti b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward tal-motivi miżmuma f’dan il-każ. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonsisti fiż-żamma tal-isem tal-persuna kkonċernata f’tali lista, l-osservanza ta’ dan l-obbligu proċedurali doppju għandha, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal inklużjoni inizjali, tippreċedi l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Madankollu, dan l-obbligu proċedurali doppju huwa impost biss meta, fil-kuntest tat-tiġdid tal-inklużjoni tal-persuni kkonċernati, l-awtorità kompetenti tibbaża ruħha fuq elementi ġodda. Barra minn hekk, il-persuni kkonċernati għandhom, fi kwalunkwe każ, dritt stabbilit li jippreżentaw osservazzjonijiet, b’mod partikolari fil-każ tal-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawhom.

F’dan ir-rigward, id-dritt għal smigħ għandu bħala konsegwenza l-obbligu għall-awtorità kompetenti li timmotiva d-deċiżjoni tagħha billi tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti għaliex l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-persuna kkonċernata għandha tibqa’ s-suġġett ta’ miżuri restrittivi minkejja l-elementi li jiskaġunaw possibbli prodotti minn din il-persuna.

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi evalwata skont ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, b’mod partikolari, tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli legali li jirregolaw il-materja kkonċernata.

Fis-sitwazzjoni fejn il-motiv tal-inklużjoni tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji attwali, huwa l-kompitu tal-Kunsill li jivverifika, b’mod partikolari fil-każ tal-eżami mill-ġdid perijodiku ta’ din l-inklużjoni bl-għan tat-tiġdid possibbli tagħha, l-istadju li jinsabu fih dawn il-proċeduri ġudizzjarji u, jekk ikun il-każ, l-eżitu tagħhom.

Konsegwentement, sabiex jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti, huwa l-kompitu tal-Kunsill li jikkomunikalhom dawn l-elementi aġġornati, biex jippermettilhom, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward u biex jindikalhom, fil-kuntest tal-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, ir-raġunijiet għaliex kien għadu jqis li t-tiġdid tal-inklużjoni tagħhom kien iġġustifikat.

(ara l-punti 312-316)

11.    Għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuni kkonċernati jesprimu tabilħaqq l-opinjoni tagħhom, dawn l-imsemmija istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu obbligati jaqblu magħhom. In-natura utli tal-preżentata tal-opinjoni ta’ dawn il-persuni tirrikjedi biss li din l-opinjoni setgħet tiġi ppreżentata tempestivament sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tagħha u, bl-attenzjoni rikjesta kollha, jevalwaw ir-rilevanza tagħha għall-kontenut tal-att li jkun previst li jiġi adottat.

(ara l-punt 330)