Language of document : ECLI:EU:C:2018:899

Kawża C310/17

Levola Hengelo BV

vs

Smilde Foods BV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2 – Drittijiet ta’ riproduzzjoni – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Togħma ta’ prodott tal-ikel”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Novembru 2018

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Xogħol – Kunċett – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi – Klassifikazzjoni ta’ oġġett bħala xogħol – Kundizzjonijiet kumulattivi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2 sa 5)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Konvenzjoni ta’ Bern għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi – Natura vinkolanti għall-Unjoni – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Xogħol – Kunċett – Togħma ta’ prodott tal-ikel – Esklużjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti protezzjoni mid-drittijiet tal-awtur lil tali togħma – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33, 36, 37)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 38)

3.      Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li t-togħma ta’ prodott tal-ikel tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur taħt din id-direttiva u li leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod li hija tagħti protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil tali togħma.

Fil-fatt, minn naħa, l-awtoritajiet inkarigati li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi inerenti fid-drittijiet tal-awtur għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b’mod ċar u preċiż l-oġġetti protetti b’dan il-mod. L-istess jgħodd għall-individwi, b’mod partikolari operaturi ekonomiċi, li għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw b’mod ċar u preċiż l-oġġetti protetti għall-benefiċċju ta’ terzi, b’mod partikolari, tal-kompetituri. Min-naħa l-oħra, il-bżonn li jiġi eskluż kull element ta’ suġġettività, li jippreġudika ċ-ċertezza legali, fil-proċess ta’ identifikazzjoni tal-oġġett protett jimplika li dan tal-aħħar jista’ jkun is-suġġett ta’ espressjoni preċiża u oġġettiva. Issa, il-possibbiltà ta’ identifikazzjoni preċiża u oġġettiva ma teżistix fir-rigward tat-togħma ta’ prodott tal-ikel. Fil-fatt, b’mod differenti, pereżempju, minn xogħol letterarju, tal-pittura, ċinematografiku jew mużikali, li huwa espressjoni preċiża u oġġettiva, l-identifikazzjoni tat-togħma ta’ prodott tal-ikel hija bbażata essenzjalment fuq sensazzjonijiet u esperjenzi tat-togħma li huma suġġettivi u varjabbli għaliex huma jiddependu, b’mod partikolari, fuq fatturi marbuta mal-persuna li dduq il-prodott ikkonċernat, bħall-età tagħha, il-preferenzi tal-ikel tagħha u d-drawwiet ta’ konsum tagħha, kif ukoll fuq l-ambjent jew il-kuntest li fih persuna dduq dan il-prodott. Barra minn hekk, identifikazzjoni preċiża u oġġettiva tat-togħma ta’ prodott tal-ikel, li tippermetti li din tiġi distinta mit-togħma ta’ prodotti oħra tal-istess natura, ma hijiex possibbli b’mezzi tekniċi fl-istat attwali tal-iżvilupp xjentifiku.

(ara l-punti 41-43, 46, u d-dispożittiv)