Language of document : ECLI:EU:T:2018:448

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Lulju 2018 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Illegalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Terminu raġonevoli – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ responsabbiltà personali – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Prova suffiċjenti tal-ksur – Tul tal-ksur – Multi – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T-475/14,

Prysmian SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja),

Prysmian Cavi e Sistemi Srl, stabbilita f’Milano,

irrappreżentati minn C. Tesauro, F. Russo, L. Armati u C. Toniolo, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

The Goldman Sachs Group, Inc., stabbilita f’New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn W. Deselaers, J. Koponen u A. Mangiaracina, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn C. Giolito, L. Malferrari, P. Rossi u H. van Vliet, sussegwentement minn Giolito, Rossi u van Vliet, bħala aġenti, assistiti minn S. Kingston, barrister,

konvenut/a,

sostnuta minn

Pirelli & C. SpA, stabbilita f’Milano, irrappreżentata minn M. Siragusa, G. Rizza, P. Ferrari, F. Moretti u A. Fava, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39610 - Kejbils tal-Elettriku), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Ir-rikorrenti u settur ikkonċernat

1        Ir-rikorrenti, Prysmian SpA u Prysmian Cavi e Sistemi Srl (iktar ’il quddiem “PrysmianCS”), huma żewġ kumpanniji Taljani li flimkien jikkostitwixxu l-grupp Prysmian. It-tieni waħda, miżmuma 100 % minn tal-ewwel, hija operatur globali fis-settur tal-kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art. Bejn it-18 ta’ Frar 1999 u t-28 ta’ Lulju 2005, PrysmianCS kienet miżmuma minn Pirelli & C. SpA (iktar ’il quddiem “Pirelli”), li qabel kienet Pirelli SpA. Inizjalment, hija kienet tagħmel parti mill-attivitajiet ta’ Pirelli Cavi e Sistemi SpA (iktar ’il quddiem “PirelliCS”) u mbagħad, wara s-separazzjoni tal-fużjoni ta’ din tal-aħħar, hija bdiet topera b’mod awtonomu u saret Pirelli Cavi e Sistemi Energia SpA (iktar ’il quddiem “PirelliCSE”). F’Lulju 2005, din l-aħħar kumpannija nbiegħet lil sussidjarja ta’ The Goldman Sachs Group, Inc. (iktar ’il quddiem “Goldman Sachs”), u saret, inizjalment, Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl (iktar ’il quddiem “PrysmianCSE”) u, finalment, PrysmianCS.

2        Il-kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art jintużaw, rispettivament, għat-trasport u d-distribuzzjoni tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art. Dawn huma kklassifikati fi tliet kategoriji: vultaġġ baxx, vultaġġ medju kif ukoll vultaġġ għoli u għoli ħafna. Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli u għoli ħafna huma, fil-maġġoranza tal-każijiet, mibjugħa fil-kuntest ta’ proġetti. Dawn il-proġetti jikkonsistu f’kombinazzjoni ta’ kejbil tal-elettriku u ta’ tagħmir, ta’ faċilitajiet u ta’ servizzi addizzjonali meħtieġa. Il-kejbils elettriċi b’vultaġġ għoli u għoli ħafna huma mibjugħa globalment lil operaturi kbar ta’ netwerks nazzjonali u lil impriżi tal-elettriku oħra, prinċipalment fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi.

 Il-proċedura amministrattiva

3        Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2008, il-kumpannija Svediża ABB AB ipprovdiet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej serje ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti relatati ma’ prattiki kummerċjali restrittivi fis-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar. Dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn id-dokumenti ġew prodotti fil-kuntest ta’ talba għall-immunità fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Klemenza”).

4        Mit-28 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar 2009, wara d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ Prysmian u ta’ PrysmianCSE kif ukoll ta’ kumpanniji oħra Ewropej ikkonċernati, jiġifieri Nexans SA u Nexans France SAS.

5        Fit-2 ta’ Frar 2009, il-kumpanniji Ġappuniżi Sumitomo Electric Industries Ltd, Hitachi Cable Ltd u J-Power Systems Corp. ippreżentaw talba konġunta għall-immunità tal-multa konformement mal-punt 14 tal-Avviż dwar il-Klemenza jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tagħha, skont il-paragrafu 27 ta’ dan l-Avviż. Sussegwentement, huma ttrażmettew lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet orali oħra u dokumenti oħra.

6        Matul l-ispezzjoni, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u mal-paragrafu 12 tal-Avviż dwar il-Klemenza, lil impriżi tas-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar.

7        Fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni fetħet proċedura u adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet kontra l-entitajiet legali li ġejjin: Nexans France, Nexans, Pirelli, Goldman Sachs., Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable, J-Power Systems, Furukawa Electric Co. Ltd, Fujikura Ltd, Viscas Corp., SWCC Showa Holdings Co. Ltd, Mitsubishi Cable Industries Ltd, Exsym Corp., ABB, ABB Ltd, Brugg Kabel AG, Kabelwerke Brugg AG Holding, nkt cables GmbH, NKT Holding A/S, Silec Cable, SAS, Grupo General Cable Sistemas, SA, Safran SA, General Cable Corp., LS Cable & System Ltd, Taihan Electric Wire Co. Ltd u r-rikorrenti.

8        Mill-11 sat-18 ta’ Ġunju 2012, id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ Furukawa Electric, ipparteċipaw f’seduta amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

9        Permezz tas-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T-135/09, EU:T:2012:596), u tal-14 ta’ Novembru 2012, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni (T-140/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:597), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni indirizzati, minn naħa, lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, lil Prysmian u lil PrysmianCSE, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw kejbils tal-elettriku għajr il-kejbils tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli taħt l-ilma u taħt l-art kif ukoll il-materjal assoċjat ma’ dawn il-kejbils l-oħra, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Fl-24 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw appell kontra l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi. Permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C-37/13 P, EU:C:2014:2030), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell.

10      Fit-2 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2014) 2139 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [ŻEE] (Każ AT.39610 - Kejbils tal-Elettriku) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

 Il-ksur inkwistjoni

11      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li diversi impriżi pparteċipaw, matul perijodi differenti, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE fis-settur tal-“kejbils tal-elettriku taħt l-art u/jew taħt il-baħar b’vultaġġ għoli (ħafna)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Essenzjalment, il-Kummissjoni kkonstatat li, b’effett minn Frar 1999 u sa tmiem Jannar 2009, il-produtturi ewlenin Ewropej, Ġappuniżi u mill-Korea t’Isfel ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art ħadu sehem f’laqgħat bilaterali u multilaterali u stabbilixxew kuntatti sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni għal proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli (ħafna) f’territorji speċifiċi, billi qassmu s-swieq u l-klijenti u b’hekk ħolqu distorsjoni tal-proċess kompetittiv normali (premessi 10 sa 13 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kellu żewġ konfigurazzjonijiet ewlenin li jikkostitwixxu sett kompost. B’mod iktar preċiż, fl-opinjoni tagħha, l-akkordju kien kompost minn żewġ partijiet:

–        il-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, li kienet tiġbor l-impriżi Ewropej, li normalment jissejħu “membri R”, l-impriżi Ġappuniżi, iddenominati bħala “membri A” u, fl-aħħar nett, l-impriżi Sud Koreani, iddenominati bħala “membri K”. L-imsemmija konfigurazzjoni kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan tal-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti bejn produtturi Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani. Din l-attribuzzjoni kienet issir skont ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”, li abbażi tiegħu l-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani kienu naqsu milli jikkompetu għal proġetti li jseħħu fit-“territorju nazzjonali” tal-produtturi Ewropej, filwaqt li dawn tal-aħħar kienu impenjaw ruħhom li jibqgħu barra mis-swieq fil-Ġappun u tal-Korea t’Isfel. Ma’ dan kien hemm ukoll l-attribuzzjoni ta’ proġetti fit-“territorji ta’ esportazzjoni”, jiġifieri fil-kumplament tad-dinja ħlief b’mod partikolari fl-Istati Uniti, li, għal ċertu perijodu, kienet tosserva “kwota 60/40”, li jfisser li 60 % tal-proġetti kienu rriżervati għall-produtturi Ewropej u l-kumplament ta’ 40 % għall-produtturi Ażjatiċi;

–        il-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, li kienet tinvolvi l-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti mill-produtturi Ewropej, għal proġetti li kellhom jitwettqu fit-“territorju nazzjonali” Ewropew jew proġetti attribwiti lil produtturi Ewropej (ara l-punt 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-premessi 73 u 74 ta’ din id-deċiżjoni).

13      Il-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu stabbilixxew obbligi ta’ komunikazzjoni tad-data sabiex ikun hemm monitoraġġ tal-ftehimiet ta’ tqassim (premessi 94 sa 106 u 111 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      B’kunsiderazzjoni għar-rwol tad-diversi parteċipanti fl-akkordju fl-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kklassifikathom fi tliet gruppi. Qabelxejn, hija ddefinixxiet l-qalba tal-akkordju, komposta, minn naħa, mill-impriżi Ewropej Nexans France, l-impriżi sussidjarji ta’ Pirelli li sussegwentement ipparteċipaw fl-akkordju, u PrysmianCSE; u, min-naħa l-oħra, l-impriżi Ġappuniżi: Furukawa Electric u Fujikura, Viscas l-impriża komuni tagħhom Viscas, kif ukoll Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable u l-impriża komuni tagħhom J-Power Systems (premessi 545 sa 561 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija identifikat grupp ta’ impriżi li ma kinux jagħmlu parti mill-qalba iżda li ma setgħux, madankollu, jitqiesu bħala atturi marġinali tal-akkordju u kklassifikathom f’dan il-grupp ABB, Exsym, Brugg Kabel u l-entità kkostitwita minn Sagem SA, Safran u Silec Cable (premessi 562 sa 575 tal-imsemmija deċiżjoni). Fl-aħħar nett, hija qieset li Mitsubishi Cable Industries, SWCC Showa Holdings. Ltd, LS Cable, Taihan Electric Wire u nkt cables kienu atturi marġinali tal-akkordju (premessi 576 sa 594 ta’ din id-deċiżjoni).

 Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

15      Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti ġiet ikkonstatata minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju ta’ PrysmianCS mit-18 ta’ Frar 1999 sat-28 ta’ Jannar 2009, kif ukoll minħaba influwenza determinanti min-naħa ta’ Prysmian fuq l-aġir ta’ PrysmianCS mid-29 ta’ Lulju 2005 sat-28 ta’ Jannar 2009 (premessi 782 sa 785 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-multi imposti

16      L-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi, minn naħa, multa ta’ EUR 37 303 000 fuq PrysmianCS “flimkien u in solidum” ma’ Prysmian u Goldman Sachs u, min-naħa l-oħra, multa ta’ ammont ta’ EUR 67 310 000 fuq PrysmianCS “flimkien u in solidum” ma’ Pirelli.

17      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, u l-metodoloġija esposta fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi imposti b’applikazzjoni [tal-imsemmi artikolu] (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006”).

18      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multi, wara li ddeterminat il-valur tal-bejgħ xieraq, konformement mal-paragrafu 18 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006 (premessi 963 sa 994 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon ta’ dan il-valur tal-bejgħ li jirrifletti l-gravità tal-ksur, konformement mal-paragrafi 22 u 23 tal-imsemmija linji gwida. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-ksur, min-natura tiegħu, kien jikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, li kien jiġġustifika rata ta’ gravità ta’ 15 %. Bl-istess mod, hija applikat żieda ta’ 2 % tal-koeffiċjent tal-gravità għad-destinatarji kollha minħabba parti mis-suq akkumulat kif ukoll minħabba l-portata ġeografika kważi globali tal-akkordju, li kienet tkopri b’mod partikolari t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Barra minn hekk, hija qieset, b’mod partikolari, li l-aġir tal-impriżi Ewropej kien iktar dannuż għall-kompetizzjoni minn dak tal-impriżi l-oħra, sa fejn, minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fil-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju, l-impriżi Ewropej kienu qasmu bejniethom il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku fil-kuntest tal-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-gravità tal-ksur għal 19 % għall-kumpanniji Ewropej u għal 17 % għall-impriżi l-oħra (premessi 997 sa 1010 tal-imsemmija deċiżjoni).

19      Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fir-rigward ta’ PrysmianCS, koeffiċjent ta’ 9.91 għall-perijodu bejn it-18 ta’ Frar 1999 u t-28 ta’ Jannar 2009, u fir-rigward Prysmian, koeffiċjent ta’ 3.5 għall-perijodu bejn id-29 ta’ Lulju 2005 u t-28 ta’ Jannar 2009. Għal PrysmianCS, mal-ammont bażiku tal-multa, hija inkludiet ammont addizzjonali (id-dritt tad-dħul) li jikkorrispondi għal 19 % tal-valur tal-bejgħ. Dan l-ammont hekk iddeterminat kien jammonta għal EUR 104 613 000 (premessi 1011 sa 1016 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni ma kkonstatatx ċirkustanzi aggravanti li jistgħu jaffettwaw l-ammont bażiku tal-multa stabbilit fil-konfront ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju, bl-eċċezzjoni ta’ ABB. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, hija ddeċidiet li, fl-ammont tal-multi, jiġi rifless l-irwol tal-impriżi differenti fl-implimentazzjoni tal-akkordju. Għaldaqstant, hija naqqset b’10 % l-ammont bażiku tal-multa li għandu jiġi impost għal atturi marġinali tal-akkordju u b’ 5 % l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li l-involviment tagħhom fl-akkordju kien medju. Barra minn hekk, hija tat lil Mitsubishi Cable Industries u lil SWCC Showa Holdings, għall-perijodu qabel il-ħolqien ta’ Exsym, u lil LS Cable & System u lil Taihan Electric Wire, tnaqqis addizzjonali ta’ 1 % talli ma kellhomx għarfien dwar ċerti aspetti tal-ksur uniku u kontinwat u għan-nuqqas ta’ responsabbiltà tagħhom relatata ma’ dawn l-aspetti. Min-naħa l-oħra, ebda tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ma ngħata lil impriżi li jappartjenu mal-qalba tal-akkordju, inklużi r-rikorrenti (premessi 1017 sa 1020 u 1033 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, tat-tnaqqis addizzjonali ta’ 3 % mill-ammont tal-multa imposta fuq Mitsubishi Cable Industries minħabba l-kooperazzjoni effettiva tagħha barra mill-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (premessa 1041 tal-imsemmija deċiżjoni).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ottubru 2014 u fl-4 ta’ Novembru 2014, Pirelli u Goldman Sachs talbu rispettivament li jintervjenu f’din il-kawża, l-ewwel kumpannija insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u t-tieni kumpannija insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

23      Permezz ta’ żewġ digrieti tal-25 ta’ Ġunju 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali (kompożizzjoni preċedenti) awtorizza l-intervent ta’ Pirelli u ta’ Goldman Sachs f’din il-kawża.

24      Pirelli u Goldman Sachs ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fl-24 ta’ Settembru 2015. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent ta’ Pirelli u ta’ Goldman Sachs b’noti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2015. Fit-30 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet fuq in-noti ta’ intervent ta’ Pirelli u ta’ Goldman Sachs.

25      Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Settembru 2016, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-Kummissjoni fl-10 u fit-23 ta’ Diċembru 2014 fir-rigward tal-intervenjenti. Min-naħa l-oħra, huwa ċaħad it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti kontra Pirelli u kontra Goldman Sachs fis-7 ta’ Jannar 2015 fir-rigward ta’ Pirelli u fit-8 ta’ Diċembru 2015 fir-rigward ta’ Goldman Sachs rispettivament, sa fejn dawn ġew ikkontestati minn dawn il-kumpanniji tal-aħħar.

26      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) għamlet mistoqsijiet lill-partijiet għal tweġiba bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu previst.

27      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla (kompożizzjoni ġdida), u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

28      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokumenti. Il-Kummissjoni pproduċiet ċerti dokumenti mitluba u talbet l-adozzjoni ta’ miżura istruttorja sabiex tipproduċi d-dokumenti oħra li l-produzzjoni tagħhom kienet mitluba mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri traskrizzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet orali pprovduti minn ABB fil-kuntest tat-talba tagħha għall-immunità flimkien ma’ J-Power Systems fil-kuntest tat-talba tagħha għall-immunità konġunta ma’ Sumitomo Electric Industries u Hitachi Cable. B’digrieti tad-9 ta’ Frar u tat-2 ta’ Marzu 2017, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali adotta miżura istruttorja intiża sabiex il-Kummissjoni tipproduċi t-traskrizzjonijiet inkwistjoni. Il-Kummissjoni kkonformat ma’ din il-miżura istruttorja fl-20 ta’ Frar u fid-9 ta’ Marzu 2017.

29      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2017.

30      Ir-rikorrenti, sostnuti minn Goldman Sachs, jitolbu li l-Qorti Ġenerali:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tikkonċernahom;

–        sussidjarjament,

–        tannulla l-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ PrysmianCS fil-ksur imsemmi hawn fuq matul il-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Frar 1999 u s-27 ta’ Novembru 2001;

–        tannulla l-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kkontestata, li jistabbilixxi l-ammont tal-multi imposti, “flimkien u in solidum”, minn naħa, fuq Goldman Sachs u fuqhom stess u, min-naħa l-oħra, fuq PrysmianCS u fuq Pirelli;

–        tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqhom;

–        tannulla l-Annessi I u II sa fejn jikkonċernaw lil R.;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Pirelli, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Fil-kuntest tar-rikors, ir-rikorrenti jifformulaw kemm talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom.

 Fuq it-talbiet għal annullament

33      Insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni; it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fil-proċeduri tal-kompetizzjoni; it-tielet nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba; ir-raba’ nett, fuq imputazzjoni żbaljata ta’ responsabbiltà kontra PrysmianCS għall-perijodu li jippreċedi s-27 ta’ Novembru 2001; il-ħames nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tiddetermina l-ishma tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom; is-sitt nett, fuq l-insuffiċjenza ta’ provi tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE; is-seba’ nett, fuq id-determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur; it-tmien nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tal-istess regolament, tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006 u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kalkolu tal-multi imposti; u d-disa’ nett, fuq żball ta’ fatt bl-inklużjoni ta’ R fil-lista ta’ persuni rilevanti għad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni

34      Ir-rikorrenti jsostnu li l-miżuri adottati mill-Kummissjoni waqt l-ispezzjoni għal għarrieda li kellhom ikunu suġġetti għaliha mit-28 sat-30 ta’ Jannar 2009, konformement mad-deċiżjoni tagħha tad-9 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ spezzjoni”) huma illegali, speċjalment minħabba ċerti kopji-immaġni tal-hard disks ta’ ċerti laptops ta’ tliet impjegati. Essenzjalment, huma jqisu li l-informazzjoni miksuba mill-imsemmija kopji-immaġni ma kellhomx jiġu ammessi fil-proċedura amministrattiva u lanqas meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

35      Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li, billi għamlet kopji tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-kompjuters tal-impjegati ta’ Prysmian, mingħajr ma kellha għarfien tan-natura jew tar-rilevanza tagħhom, il-Kummissjoni, minn naħa, marret lil hinn mis-setgħat li hija għandha bis-saħħa tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, hija kisret it-termini tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, meta estendiet il-portata ġeografika u temporali tagħha. Skont ir-rikorrenti, l-imsemmi regolament jeżiġi li kull miżura meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ispezzjoni titteħed in situ, fuq il-post indikat fl-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-bini tar-rikorrenti f’Milano (l-Italja), u mhux fil-bini tal-Kummissjoni. Huma jżidu li dan l-aġir tal-Kummissjoni ma setax ikun iġġustifikat bid-dispożizzjonijiet inklużi fin-nota ta’ spjegazzjoni li jkunu rċevew dwar l-ispezzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament.

36      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-proroga tal-ispezzjoni b’xahar ostakolat il-possibbiltà għalihom li titwettaq evalwazzjoni serja li tiġi ppreżentata talba għal immunità, peress li, matul dan il-perijodu, ma kienx possibbli li jiġi evalwat liema valur miżjud sinjifikattiv kien possibbli li jingħata lill-provi diġà miġbura mill-Kummissjoni.

37      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

38      Qabel ma tingħata tweġiba għall-argumenti tal-partijiet, għandu jsir riferiment għal darba oħra għall-iżvolġiment tal-ispezzjoni mwettqa fil-bini tar-rikorrenti mill-aġenti tal-Kummissjoni.

–       Fuq l-iżvolġiment tal-ispezzjoni

39      Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni (T-140/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:597), li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti waqt is-seduta, fit-28 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li tiggarantixxi l-Kompetizzjoni u s-Suq, l-Italja), marru fil-bini tar-rikorrenti f’Milano sabiex iwettqu spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Huma nnotifikaw lill-impriża bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni li tirrigwarda lil “Prysmian […], kif ukoll l-impriżi direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, [bl-inklużjoni ta’ PrysmianCS]”, u bin-nota ta’ spjegazzjoni dwar l-ispezzjonijiet.

40      Sussegwentement, fil-preżenza tar-rappreżentanti u tal-avukati tar-rikorrenti, l-ispetturi ċċekkjaw il-kompjuters ta’ ħames impjegati. It-tieni jum tal-ispezzjoni, jiġifieri d-29 ta’ Jannar 2009, huma informaw lir-rikorrenti li l-ispezzjoni kienet ser tieħu iktar mit-tliet ijiem previsti oriġinarjament. Ir-rikorrenti ddikjaraw li kienu lesti li jagħtu aċċess għall-bini matul tmiem il-ġimgħa, u li jitwaħħlu siġilli sabiex l-ispezzjoni tissokta l-ġimgħa ta’ wara. Madankollu, it-tielet jum tal-ispezzjoni, jiġifieri t-30 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi ddeċidew li jieħdu kopja-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters ta’ tlieta minn ħames impjegati inizjalment previsti, sabiex jeżaminaw l-informazzjoni inkluża fihom fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju).

41      Ir-rikorrenti osservaw li l-metodu ta’ kontroll previst mill-ispetturi kienet illegali. Minn naħa, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-verifika tista’ ssir “[fil-bini] tal-impriżi”. Min-naħa l-oħra, il-kisba ta’ kopja-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters inkwistjoni tmur kontra l-“prinċipju ta’ rilevanza” li għandu jikkaratterizza l-attivitajiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni, li bis-saħħa tiegħu l-materjal ikkonfiskat matul spezzjoni għandu jkun rilevanti għas-suġġett tal-ispezzjoni.

42      L-ispetturi informaw lir-rikorrenti li kull oġġezzjoni għall-proċedura ta’ kontroll prevista titqies bħala “nuqqas ta’ kollaborazzjoni”. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssuġġettaw ruħhom għal din il-proċedura, iżda fasslu dikjarazzjoni, iffirmata mill-ispetturi, li tirriżerva d-dritt tagħhom li jikkontestaw il-legalità tal-ispezzjoni.

43      L-ispetturi għamlu tliet kopji-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters inkwistjoni. Il-kopji-imaġni tal-hard disks taż-żewġ kompjuters ġew issejvjati fuq mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ data. Il-kopja-immaġni tal-hard disk tat-tielet kompjuter ġiet issejvjata fuq hard disk ta’ kompjuter tal-Kummissjoni. Il-mezz ta’ reġistrazzjoni ta’ data msemmi iktar ’il fuq u dan il-hard disk tal-aħħar tqiegħdu f’inviloppijiet issiġillati li l-ispetturi ħadu lura Brussell. L-ispetturi stiednu rappreżentanti tar-rikorrenti sabiex jiġu l-uffiċċji tal-Kummissjoni f’terminu ta’ xahrejn sabiex l-informazzjoni kkopjata tkun tista’ tiġi eżaminata fil-preżenza tagħhom.

44      Fis-26 ta’ Frar 2009, l-inviloppijiet issiġillati msemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq infetħu fil-preżenza tal-avukati tar-rikorrenti fl-uffiċċji tal-Kummissjoni. L-ispetturi eżaminaw il-kopji-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters inkwistjoni f’dawn l-inviloppijiet u stampaw fuq karta id-dokumenti li huma qiesu li huma rilevanti għall-investigazzjoni. It-tieni kopja fuq karta u lista ta’ dawn id-dokumenti ngħataw lill-avukati tar-rikorrenti. Dan il-proċess tkompla fis-27 ta’ Frar 2009 u ntemm fit-2 ta’ Marzu 2009. L-uffiċċju li fih dan seħħ ġew issiġġillati fl-aħħar ta’ kull jum ta’ xogħol, fil-preżenza tal-avukati tar-rikorrenti, u nfetħu l-għada, dejjem fil-preżenza tagħhom. Fi tmiem dan il-proċess, il-Kummissjoni ħassret il-kopji-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters inkwistjoni li hija kienet wettqet, fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-rikorrenti.

–       Fuq l-allegata assenza ta’ bażi legali

45      Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni, essenzjalment, għamlet kopja-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters ta’ ċerti impjegati ta’ Prysmian bil-għan tal-użu sussegwenti tagħhom għall-finijiet tal-ispezzjoni fil-bini tal-Kummissjoni, mingħajr ma vverifikat minn qabel ir-rilevanza tad-dokumenti inklużi fihom għas-suġġett tal-ispezzjoni. Skont ir-rikorrenti, din il-prassi teċċedi l-poteri mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003.

46      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1/2003, “[g]ħal għan li jiġu applikati l-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha ikollha s-setgħa prevista mill-[imsemmi regolament]”.

47      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha mill-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha neċessarji tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet tal-impriżi.

48      Fir-rigward tal-poteri li għandha l-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjoni, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa:

[…]

b)      li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

ċ)      li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti minn dawn il-kotba jew rekords;

d)      li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perijodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

[…]”

49      F’dan il-każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-prassi li tinkiseb kopja-immaġni ta’ hard disk ta’ kompjuter jew kopja tad-data maħżuna fuq mezz ta’ data diġitali tintuża fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-teknoloġija tal-investigazzjoni diġitali legali (iktar ’il quddiem il-“FIT”), użata mill-aġenti tal-Kummissjoni matul spezzjonijiet. Fil-fatt, kif spjegat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, l-użu ta’ din it-teknoloġija timplika riċerka f’hard disk ta’ kompjuter jew f’kull mezz ieħor ta’ data diġitali bl-użu ta’ softwer speċifiku ta’ informazzjoni rilevanti fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni permezz tal-użu ta’ kliem prinċipali. Din ir-riċerka teħtieġ stadju preċedenti msejjaħ “indiċjar”, li matul tiegħu s-softwer iqiegħed f’katalgu l-ittri kollha u kliem li jidher fuq il-hard disk ta’ kompjuter jew ta’ kwalunkwe mezz ieħor ta’ data diġitali suġġett għall-ispezzjoni. It-tul tal-indiċjar jiddependi mid-daqs tal-mezz diġitali inkwistjoni, iżda ġeneralment jieħu żmien kunsiderevoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġenti tal-Kummissjoni normalment jagħmlu kopja tad-data li tinsab fuq il-mezz tad-data diġitali tal-impriża li tkun is-suġġett tal-ispezzjoni sabiex isir l-indiċjar tad-data li tinsab maħżuna hemmhekk. Fil-każ ta’ hard disk ta’ kompjuter, din il-kopja tista’ tieħu l-forma ta’ kopja-immaġni. Din il-kopja-immaġni tippermetti li tinkiseb kopja eżatta tal-hard disk suġġett għall-ispezzjoni, li jinkludi d-data kollha ppreżentata fuq dan il-hard disk fil-mument preċiż li titwettaq il-kopja, inkluż il-fajls apparentement imħassra.

50      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sa fejn, minn naħa, kif ġie spjegat fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-kopja tad-data maħżuna fuq mezz ta’ data diġitali tal-impriża li hija s-suġġett ta’ spezzjoni titwettaq bl-għan li jsir l-indiċjar u sa fejn, min-naħa l-oħra, dan l-indiċjar huwa intiż sabiex jippermetti li ssir riċerka, sussegwentement, tad-dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni, it-twettiq ta’ tali kopja taqa’ fl-ambitu tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 20(2), (b) u (c), tar-Regolament Nru 1/2003.

51      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-Artikolu 20(2)(b) u (c), tar-Regolament Nru 1/2003 ma jirriżultax li l-poter tal-Kummissjoni li tieħu jew li tikseb kopji jew estratti mill-kotba u mid-dokumenti professjonali ta’ impriża spezzjonata huwa limitat għall-kotba u għad-dokumenti professjonali li hija tkun diġà kkontrollat.

52      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li tali interpretazzjoni tista’ tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 20(2)(b) tal-imsemmi regolament, sa fejn, f’ċerti ċirkustanzi, il-kontroll ta’ kotba u ta’ dokumenti professjonali tal-impriża spezzjonata, jista’ jitlob it-twettiq minn qabel ta’ kopji tal-imsemmija kotba jew dokumenti professjonali jew jiġi ssemplifikat, bħal fil-każ ineżami, minn dan it-twettiq.

53      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, peress li t-twettiq tal-kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J u ta’ kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fuq l-imsemmi kompjuter u fuq il-kompjuter ta’ R kien jaqa’ fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-FIT mill-aġenti tal-Kummissjoni, li l-għan tiegħu kienet ir-riċerka ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni, it-twettiq ta’ tali kopji jaqa’ taħt il-poteri previsti fl-Artikolu 20(2)(b) u (c), tar-Regolament Nru 1/2003.

54      It-tieni nett, sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi interpretat fis-sens li huma jallegaw li l-aġenti tal-Kummissjoni inkludew fil-fajl istruttorju kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fuq il-kompjuter ta’ R u fuq il-kompjuter ta’ J, kif ukoll kopja-immaġni tal-hard disk ta’ dan l-aħħar kompjuter, mingħajr ma vverifikaw minn qabel li d-dokumenti li jinsabu fl-imsemmija kopji kienu rilevanti fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni, l-imsemmi argument ma jistax jintlaqa’.

55      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 44 iktar ’il fuq, huwa biss wara li kkonstatat, waqt il-kontroll tad-dokumenti inklużi fil-kopji-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters inkwistjoni, fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell u fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-rikorrenti, li wħud minn dawn id-dokumenti kienu rilevanti, prima facie, fid-dawl tas-suġġett tal-ispezzjoni, li l-Kummissjoni finalment inkludiet fil-fajl tal-investigazzjoni verżjoni stampata tad-dokumenti inkwistjoni.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-aġenti tal-Kummissjoni ma inkludewx direttament fil-fajl tal-investigazzjoni d-dokumenti li jinsabu f’kopji ta’ ġabriet ta’ posta elettronika misjuba fuq il-kompjuter ta’ R. u fuq il-kompjuter ta’ J., kif ukoll immaġni tal-hard disk tal-kompjuter tiegħu, mingħajr ma l-ewwel ivverifikaw ir-rilevanza tagħhom fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni.

57      It-tielet nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw, ir-rikorrenti ppreċiżaw, wara li saritilhom mistoqsija dwar dan is-suġġett mill-Qorti Ġenerali, li huma ma kinux qegħdin jikkontestaw il-fatt, fih innifsu, li matul l-ispezzjonijiet, saru kopji-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters inkwistjoni fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-FIT, iżda l-fatt li dawn il-kopji-immaġni ttieħdu fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell sabiex sussegwentement jinvestigaw elementi rilevanti għall-investigazzjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, ma jistabbilixxix, kif jallegaw ir-rikorrenti, li l-kontroll tal-kotba u tad-dokumenti professjonali tal-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni isir biss fil-bini tagħhom jekk, bħal f’dan il-każ, l-imsemmija spezzjoni ma setgħetx titlesta fil-perijodu ta’ żmien previst oriġinarjament. Huwa jobbliga biss lill-Kummissjoni tosserva, meta jsir l-kontroll tad-dokumenti fil-bini tagħha, l-istess garanziji fir-rigward tal-impriżi spezzjonati bħal dawk imposti fuqha waqt kontroll fuq il-post.

59      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma jakkużawx lill-Kummissjoni talli, waqt il-kontroll tal-kopji-immaġni tal-hard disk tal-kompjuters inkwistjoni, hija aġixxiet b’mod differenti minn kif kienet taġixxi li kieku l-kontroll seħħ fil-bini tar-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti li tirriżulta mill-punti 43 u 44 iktar ’il fuq, li l-imsemmija kopji-immaġni ġew ittrasportati lejn Brussell f’inviloppijiet issiġillati, li l-Kummissjoni tat kopja ta’ din id-data lir-rikorrenti, li l-ftuħ tal-inviloppijiet li kien fihom l-imsemmija kopji u l-eżami tagħhom twettqu fid-data miftiehma mar-rikorrenti u fil-preżenza tar-rappreżentanti tagħhom, li l-bini tal-Kummissjoni fejn ikun sar dan l-eżami kien debitament protett b’siġill, li d-dokumenti estratti minn din l-informazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi fil-fajl tal-investigazzjoni ġew stampati u elenkati, li kopja tagħhom ingħatat lir-rikorrenti u li, fi tmiem l-eżami, il-kopji-immaġni inkwistjoni ġew definittivament imħassra.

60      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li, matul l-ispezzjoni, il-Kummissjoni ma aġixxietx lil hinn mill-poteri mogħtija lilha mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-allegat ksur tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

61      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, billi wettqu r-riċerka ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni f’kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J., kif ukoll f’kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fl-imsemmi kompjuter u fil-kompjuter ta’ R, fil-bini tal-Kummissjoni, l-aġenti tal-Kummissjoni kisru l-portata tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tillimita l-kamp ta’ poteri mogħtija lill-aġenti tal-Kummissjoni mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C-583/13 P, EU:C:2015:404, punt 60).

62      Fil-każ ineżami, fir-rigward, minn naħa, tal-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jiġi kkonstatat li fit-tieni paragrafu 2 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, kien indikat dan li ġej:

“L-ispezzjoni tista’ seħħ fil-bini kollu ta’ [Prysmian] jew tal-impriżi taħt il-kontroll tagħha, u b’mod partikolari, fl-uffiċċji li jinsabu fl-indirizz li ġej: Viale Scarca 222, 20126 Milano, l-Italja”.

63      Għalhekk, mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta li, minkejja li l-ispezzjoni “setgħet” isseħħ fil-“bini kollu” tal-grupp Prysmian u, b’mod partikolari, fl-uffiċċji tagħhom li jinsabu fi Clichy, hija ma kellhiex, kif jallegaw ir-rikorrenti, isseħħ esklużivament fil-bini tagħhom. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma eskludietx il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tissokta bl-ispezzjoni fi Brussell.

64      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-portata temporali tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kien jistabbilixxi d-data minn meta setgħet isseħħ l-ispezzjoni, iżda ma kienx jippreċiża d-data li fiha kellha tintemm.

65      Ċertament, in-nuqqas ta’ data tat-tmiem tal-ispezzjoni ma jfissirx madankollu li din tal-aħħar setgħet tiġi estiża b’perijodu ta’ żmien illimitat, peress li l-Kummissjoni hija, f’dan ir-rigward, marbuta bl-osservanza ta’ terminu raġonevoli, konformement mal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

66      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti ma jsostnux li l-perijodu ta’ xahar li ddekorra bejn l-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċċji tar-rikorrenti, minn naħa, u l-kontinwazzjoni ta’ din l-ispezzjoni fi Brussell, min-naħa l-oħra, kien irraġonevoli.

67      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tipprekludix li l-aġenti tal-Kummissjoni jissoktaw, fil-bini tagħha fi Brussell, bir-riċerka ta’ elementi rilevanti għall-istħarriġ dwar il-kopji-immaġni ta’ hard disks tal-kompjuters ta’ ċerti impjegati ta’ Prysmian.

68      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni lanqas kisret il-portata tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni bl-adozzjoni tal-miżuri kkontestati matul l-iżvolġiment tal-ispezzjoni. Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-impossibbiltà li jippreżenta talba għal immunità

69      Ir-rikorrenti jsostnu li l-estensjoni tal-ispezzjoni bejn it-28 ta’ Jannar 2009 u s-26 ta’ Frar 2009, data li fiha nfetħu l-inviloppijiet issiġillati li jinkludu l-kopji-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters ta’ ċerti impjegati ta’ Prysmian, ċaħħdithom mill-possibbiltà li jwettqu evalwazzjoni tar-riskju għall-finijiet ta’ preżentazzjoni ta’ talba għal immunità. B’mod partikolari, huma jsostnu li, sa fejn huma ma kellhomx iktar informazzjoni li żżid il-valur tal-provi diġà miġbura mill-Kummissjoni, huma tqiegħdu f’pożizzjoni żvantaġġata meta mqabbla ma’ impriżi oħra fl-applikazzjoni tal-programm ta’ klemenza.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 10 tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza, l-immunità tal-multa ma tistax tingħata “jekk, fiż-żmien tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi, il-Kummissjoni diġà kellha evidenza biżżejjed biex tadotta deċiżjoni biex twettaq spezzjoni f’konnessjoni mal-kartell allegat jew diġà kienet wettqet ispezzjoni bħal din”.

71      Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni (T-140/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:597), li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha provi suffiċjenti, fir-rigward ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art b’vultaġġ għoli, sabiex tordna l-ispezzjoni li twettqet fil-bini ta’ Nexans. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma setgħux jibbenefikaw minn immunità minn multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza.

72      Ċertament, skont il-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza, l-impriżi li jiżvelaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju li allegatament jaffettwa l-Unjoni Ewropea, iżda li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti sabiex jibbenefikaw madankollu minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li, fil-każ ta’ nuqqas, kienet tiġi imposta fuqhom. Skont il-paragrafu 24 tal-imsemmi avviż, sabiex tkun tista’ tikkwalifika għal tali tnaqqis, impriża għandha tipprovdi lill-Kummissjoni provi tal-ksur allegat li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

73      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li t-twettiq ta’ kopji-immaġni ta’ hard disks tal-kompjuters ta’ ċerti impjegati ta’ Prysmian ma ċaħħadx lir-rikorrenti mill-informazzjoni f’dawn il-hard disks, li baqgħu fil-pussess tagħhom fl-istess stat oriġinali. Dawn kienu għaldaqstant perfettament kapaċi li jiddeterminaw liema informazzjoni ma kinitx tinsab f’dawn il-kopji diġitali u li, fid-dawl tas-suġġett tal-ispezzjoni, setgħu jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

74      Barra minn hekk, anki jekk, kif essenzjalment isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni diġà kellha hard disks ta’ kompjuters li kien fihom informazzjoni li setgħet tiġi ppreżentata fit-talba għall-immunità parzjali tagħhom, għandu jitfakkar, għal darba oħra, li l-fatt li l-Kummissjoni għamlet kopji ta’ ittri elettroniċi kollha ta’ ċerti impjegati ta’ Nexans France u l-kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J ma kinitx tfisser li hija kienet spezzjonathom u li hija diġà kellha aċċess għall-informazzjoni inkluża fihom. Fil-fatt, tali spezzjoni ssoktat biss wara li l-kopji inkwistjoni ġew estratti mill-inviloppijiet issiġillati fi Brussell. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kien għad kellhom l-possibbiltà li jeżaminaw il-kontenut tal-imsemmija hard disks u jinformaw lill-Kummissjoni dwar id-dokumenti jew dwar il-provi inklużi f’dawn il-hard disks u li setgħu jkollhom valur miżjud meta mqabbla ma’ provi oħra diġà miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni.

75      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eskludietx il-possibbiltà tagħhom li ssir evalwazzjoni dwar it-tressiq ta’ talba għal immunità parzjali.

76      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-kopji tad-data elettronika inkwistjoni ma nkisbux illegalment u li, konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tuża din id-data sabiex legalment issotni l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

77      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli

78      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn it-tul totali tal-proċedura, jiġifieri 62 xahar, kif ukoll dak ta’ kull waħda mill-istadji li jikkomponuha, eċċeda ampjament dak li jista’ jitqies bħala raġonevoli. Huma jsostnu b’mod partikolari li huma ma kinux f’pożizzjoni li jippreparaw id-difiża tagħhom, peress li, matul il-perijodu li ppreċeda n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, is-suġġett preċiż tal-investigazzjoni ma kienx ċar. Huma jsostnu wkoll li l-perkors tas-snin dgħajjef il-memorja tal-fatti allegati mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, huma jqisu li l-Kummissjoni kellha, konformement mal-ġurisprudenza, tapplika tnaqqis tal-ammont tal-multa, b’mod ekwu, sabiex tikkumpensa t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

79      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza tiegħu (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, C-452/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:829, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ġie kkonfermat mill-ġdid fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni” (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T-214/06, Ġabra, EU:T:2012:275, punt 284 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Il-kwistjoni dwar jekk iż-żmien għal kull fażi tal-proċedura huwiex raġonevoli għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest tiegħu, tal-mod kif jaġixxu l-partijiet matul il-proċedura, tal-interess li għandhom id-diversi impriżi kkonċernati u tal-livell ta’ kumplessità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, EU:T:1999:80, punt 126).

83      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva tista’ tagħti lok għall-eżami ta’ żewġ perijodi suċċessivi, li kull wieħed isegwi loġika interna partikolari għalih. L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża ta’ ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar l-iżvolġiment tal-proċedura. Min-naħa tiegħu, it-tieni perijodu jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan il-perijodu għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar il-ksur allegat (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, EU:C:2006:592, punt 38).

84      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C-113/04 P, EU:C:2006:593, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Għandu jiġi ppreċiżat madankollu li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, in-nuqqas li jiġi osservat it-terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss fil-każijiet ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Għajr dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tas-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, EU:C:2006:592, punt 42).

86      Fl-aħħar nett, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju li n-natura fundamentali tiegħu ġiet enfasizzata diversi drabi permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu importanza kbira fi proċeduri bħal dik ineżami, għandu jiġi evitat li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu kompromessi b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat minħabba t-tul eċċessiv tal-fażi istruttorja u li dan it-tul ikun jista’ jostakola l-istabbiliment ta’ provi intiżi li jinnegaw l-eżistenza ta’ aġir ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati. Għal din ir-raġuni, l-eżami tal-eventwali ostakolu għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma għandux ikun limitat għall-istess fażi li fiha dawn id-drittijiet jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom, jiġifieri t-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva. L-evalwazzjoni tas-sors ta’ kwalunkwe indeboliment tal-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża għandha testendi għal din il-proċedura kollha billi jsir riferiment għat-tul kollu tagħha (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, EU:C:2006:592, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri dik li testendi min-notifika lill-intervenjenti tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni f’Jannar 2009 sar-riċezzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet f’Ġunju 2011, kien iddekorra perijodu ta’ 29 xahar. It-tieni fażi tal-proċedura amministrattiva, li estendiet mir-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’April 2014, tkopri, min-naħa tagħha, perijodu ta’ 33 xahar.

88      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li t-tul tal-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva u dak tat-tieni fażi tal-imsemmija proċedura ma humiex eċċessivi fid-dawl tal-passi li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu sabiex tikkompleta l-investigazzjoni u tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

89      Fil-fatt, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-investigazzjoni kienet tirrigwarda akkordju ta’ portata globali, b’għadd kbir ta’ parteċipanti, li dam madwar għaxar snin u li matul tiegħu l-Kummissjoni kienet obbligata taġġorna kwantitajiet kunsiderevoli ta’ provi inklużi fil-fajl, inklużi l-provi kollha miġbura matul l-ispezzjonijiet u rċevuti mingħand l-applikanti għall-klemenza. Barra minn hekk, matul din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet lill-parteċipanti tas-settur ikkonċernat talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 u skont il-paragrafu 12 tal-Avviż dwar il-Klemenza.

90      Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-volum ta’ provi wassal lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni ta’ 287 paġna fil-verżjoni Ingliża, li l-Anness 1 tagħha jinkludi r-referenzi kompluti għall-provi kollha miġbura matul il-fażi istruttorja u li d-daqs u l-portata tal-akkordju, kif ukoll id-diffikultajiet lingwistiċi, huma wkoll notevoli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata kellha 26 destinatarju minn firxa wiesgħa ta’ pajjiżi u li parti kbira minnhom kienet ipparteċipat fl-akkordju f’diversi forom ġuridiċi u ġew ristrutturati matul u wara l-perijodu tal-akkordju. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-imsemmija deċiżjoni, imfassla bl-Ingliż, kellha tkun is-suġġett ta’ traduzzjoni sħiħa bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bit-Taljan.

91      Fl-aħħar nett, mill-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 3 sa 10 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni adottat sensiela ta’ passi li jiġġustifikaw it-tul ta’ kull fażi tal-imsemmija proċedura u li l-adegwatezza għall-iskop tal-investigazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti speċifikament, minekjja li sarulhom domandi rigward dan is-suġġett waqt is-seduta.

92      Għaldaqstant, it-tul ta’ żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva kien raġonevoli sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa l-provi u l-argumenti mqajma mill-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni.

93      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax issostni validament li t-tul tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni kien eċċessiv u li din tal-aħħar kisret il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

94      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġu kkonstatati n-natura possibbilment eċċessiva tat-tul globali tal-proċedura amministrattiva u l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, tali konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 84 sa 86 iktar ’il fuq, sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

95      Hemm lok li jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ir-rikorrenti, kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom peress li huma ma setgħux jidentifikaw b’eżattezza s-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni sakemm irċevew id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-fatt li l-ispezzjonijiet jitwettqu fil-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma jkunx għad għandha informazzjoni preċiża sabiex tkun tista’ tagħmel evalwazzjoni ġuridika speċifika u għandha, l-ewwel nett, tivverifika l-fondatezza tas-suspetti tagħha kif il-portata tal-fatt li seħħew, peress li l-għan tal-ispezzjoni huwa preċiżament li jinġabru l-provi dwar il-ksur issuspettat (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, C-37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni indirizzata lir-rikorrenti f’Jannar 2009 kienet tipprovdi li l-ispezzjoni tal-Kummissjoni kienet tikkonċerna prassijiet antikompetittivi partikolari bħat-tqassim tas-swieq jew l-iskambju ta’ informazzjoni fis-settur tal-kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar. Minkejja l-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni, fir-rigward ta’ kejbils tal-elettriku għajr kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art b’vultaġġ għoli, u kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, din il-formulazzjoni ppermettiet li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni s-suġġett tal-investigazzjoni, li jiġi identifikat liema kien il-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE li setgħu jiġu akkużati bih ir-rikorrenti u li jiġu magħrufa s-swieq li fihom seħħ l-imsemmi ksur.

98      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet għal informazzjoni indirizzati lir-rikorrenti kienu jippreċiżaw it-tipi ta’ laqgħat, id-dati, kif ukoll il-postijiet li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti setgħu jiddeduċu minn dawn it-talbiet liema kienu l-avvenimenti u l-laqgħat li dwarhom kien hemm is-suspetti tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma ma jistgħux validament isostnu li ma kinux informati, mill-bidu tal-investigazzjoni, bis-suġġett tagħha kif ukoll bl-ilmenti possibbli tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, huma kienu f’pożizzjoni li jippreparaw id-difiża tagħhom b’effett minn dan il-mument u jiġbru d-dokumenti inkriminanti fil-pussess tagħhom kif ukoll jinterrogaw l-impjegati involuti.

99      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-kontenut u l-kuntest tan-noti miktubin bl-idejn użati mill-Kummissjoni bħala provi tal-laqgħat antikompetittivi ma setgħux jiġu kkostitwiti mill-ġdid minħabba li l-memorja tal-parteċipanti fl-imsemmija laqgħat kienet iddgħajfet.

100    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minkejja li iktar ma avveniment ikun seħħ ’il bogħod fil-passat, iktar diffiċli li tinżamm memorja tiegħu, liema sitwazzjoni trendi d-difiża iktar diffiċli, ir-rikorrenti naqsu milli jindikaw id-diffikultajiet speċifiċi li huma kellhom.

101    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, skont l-obbligu ġenerali ta’ prudenza li hija suġġetta għalih kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, ir-rikorrenti għandhom jiżguraw il-konservazzjoni tajba, fil-kotba u l-arkivji tagħhom, tal-elementi li jistgħu jipprovdu rendikont tal-attivitajiet tagħhom, bil-għan, b’mod partikolari, li jkollhom il-provi neċessarji fil-każ ta’ azzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T-240/07, EU:T:2011:284, punt 301 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti fir-rikors tagħhom, huma rċevew talbiet għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, huma kellhom, a fortiori, jaġixxu b’diliġenza ikbar u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jippreżervaw il-provi li huma setgħu raġonevolment ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

102    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li kien hemm natura eċċessiva tat-terminu raġonevoli f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li din in-natura eċċessiva effettivament ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

103    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

104    Fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv li tgħid li “il-Kummissjoni ma applikatx tnaqqis ekwu tal-ammont tal-multi [li kienu] imposti, fid-dawl tat-tul tal-proċedura amministrattiva”, u “kumpens ġust” mitluba minnhom konsegwentement, din għandha titqies li hija mqajma insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għat-tnaqqis tal-imsemmi ammont, li ser jiġu eżaminati fil-punt 271 iktar ’il quddiem.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

105    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq allegazzjonijiet orali vagi, impreċiżi u arbitrarji fit-talbiet għal klemenza. Barra minn hekk, huma jallegaw li l-Kummissjoni naqset milli ssostni dawn id-dikjarazzjonijiet bi provi diretti u tinterpretahom b’kawtela u prudenza, kif teżiġi l-ġurisprudenza. Minħabba dan, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

106    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza, peress li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma sarux minn xhieda diretti tal-fatti allegati, iżda minn avukati esterni. Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tieni applikant għal klemenza, huma josservaw li dawk id-dikjarazjonijiet saru minn avukat li kellu kunflitt ta’ interess.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

108    Skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta, intitolat “Id-Dritt għal amministrazzjoni tajba”, “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”.

109    Barra minn hekk, l-Artikolu 48(1) tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprevedi li “[k]ull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi”.

110    Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ proċedura intiża li timponi multa fuq impriżi għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li teżamina l-provi mressqa mill-impriżi, iżda għandha, b’amministrazzjoni tajba, twettaq l-irwol tagħha, bil-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 501).

111    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kredibbiltà u l-eżattezza tal-provi użati mill-Kummissjoni sabiex timputa ksur, fil-konfront tagħhom, tal-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-argument tagħhom dwar il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u l-assenza ta’ provi suffiċjenti sabiex tiġi kkonstata l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur uniku u kontinwu tal-imsemmi artikolu, ser jiġi eżaminat b’mod konġunt mal-argumenti simili mressqa fil-kuntest tas-sitt motiv (ara l-punti 168 sa 186 iktar ’il quddiem).

112    It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura vaga u impreċiza tad-dikjarazzjonijiet orali tal-applikanti għal klemenza, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, filwaqt li t-test tar-rikors jista’ jkun sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, minn referenzi għal siltiet minn dokumenti annessi, referenza globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma tistax tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ elementi essenzjali tal-argumentazzjoni legali li għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjon, T-201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jikkonfutaw in-natura eżawrjenti tal-proċedura ta’ spezzjoni sabiex jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mill-Kummissjoni.

114    Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-kummissjoni, li, minbarra l-informazzjoni miksuba permezz ta’ dikjarazzjonijiet dwar il-klemenza, il-proċedura ta’ spezzjoni tat lok għal spezzjonijiet għal għarrieda fil-bini ta’ Nexans, ta’ Nexans France u tar-rikorrenti, għal diversi talbiet għal informazzjoni u għal ittri ta’ espożizzjoni tal-fatti indirizzati lil kul waħda mid-destinatarji kif ukoll l-argumentazzjoni bil-miktub u orali min-naħa tal-partijiet, li jammontaw għal fajl kompost, fil-parti l-kbira, minn posta elettronika, noti, karti ta’ pożizzjoni, eċċ. Dawn il-provi, li huma msemmija fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Deskrizzjoni tal-fatti”, li jinkludi 398 premessa u 784 nota ta’ qiegħ il-paġna, u provi oħra li huma annessi fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni.

115    Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti tar-rikorrenti fformulati b’mod ġeneriku u mingħajr provi, li jipprovdu, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha integralment fuq id-dikjarazzjonijiet orali kollha miġbura fuq il-bażi tal-programm ta’ klemenza mingħajr investigazzjoni awtonoma u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba waqt l-eżami tal-provi miġbura fil-proċedura ta’ investigazzjoni.

116    Fir-rigward tal-allegat kunflitt ta’ interess li, skont ir-rikorrenti, għandu wieħed mill-avukati li għamel dikjarazzjonijiet fil-kuntest ta’ talba konġunta għal immunità ppreżentata fit-2 ta’ Frar 2009 minn Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable u J-Power Systems, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali argument ma huwiex sostnut minn provi konkreti, b’mod li għandu jiġi miċħud.

117    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

118    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lil PrysmianCS ta’ responsabbiltà għall-perijodu li jippreċedi s-27 ta’ Novembru 2001

119    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ikkonstatat ir-responsabbiltà ta’ PrysmianCS f’perijodu li matul tiegħu din tal-aħħar lanqas ma kienet teżisti, jiġifieri matul il-perijodu li jippreċedi s-27 ta’ Novembru 2001. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali

120    Ir-rikorrenti jikkritikaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 730 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li PirelliCSE, li sussegwentement saret PrysmianCSE u wara PrysmianCS, kienet tikkostitwixxi s-“suċċessur legali u ekonomiku” ta’ PirelliCS u għalhekk kellha tkun responsabbli għall-aġir antikompetittiv ta’ din l-aħħar kumpannija qabel is-27 ta’ Novembru 2001.

121    B’mod partikolari, ir -rikorrenti josservaw, fir -rigward tal-konstatazzjoni dwar is-suċċessjoni legali, li, fis-27 ta’ Novembru 2001, l-attiv prinċipali relatat man-negozju tal-enerġija ta’ PirelliCS ġie ttrasferit lil PirelliCSE fil-kuntest tas-separazzjoni tal-fużjoni parjzli tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji. Madankollu, PirelliCSE la kienet assumiet id-drittijiet u lanqas l-obbligi ta’ PirelliCS, b’tali mod li hija ma tistax titqies bħala s-suċċessur legali tagħha. Kuntrarjament, sa fejn PirelliCS ġiet assorbita minn Pirelli fit-30 ta’ Diċembru 2002, hija din l-aħħar kumpannija li saret is-suċċessur legali ta’ PirelliCS u li, għalhekk, għandha tinżamm responsabbli għall-ksur allegat għall-perijodu sas-27 ta’ Novembru 2001.

122    Fir-rigward tal-konstatazzjoni dwar is-suċċessjoni ekonomika, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li PirelliCSE kienet is-suċċessur ta’ PirelliCS. F’dan ir-rigward, huma jirrilevaw li l-prinċipju tal-kontinwità ekonomika jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, li japplika f’kundizzjonijiet stretti meta l-imsemmi prinċipju ma jiggarantixxix l-effikaċja u l-effett dissważiv tar-regoli tal-kompetizzjoni. Huma jżidu li, skont il-ġurisprudenza, it-teorija tas-suċċessjoni ekonomika hija applikabbli biss meta r-rabtiet strutturali li jorbtu lil min jittrasferixxi u lill-benefiċjarju tat-trasferiment ta’ attiv ikunu jeżistu fid-data li fiha l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha. Skont ir-rikorrenti, f’dan il-każ, l-entitajiet ġuridiċi li kienu jifformaw l-impriża inkarigata mill-operat tas-settur ta’ attività tal-kejbils elettriċi sas-27 ta’ Novembru 2001, jiġifieri PirelliCS u Pirelli, issa jifformaw entità waħda, li fil-konfront tagħha għandha tiġi imputata r-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur qabel tali data.

123    Il-Kummissjoni u Pirelli jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

124    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 5.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessa 729 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li PrysmianCS kienet responsabbli għall-ksur uniku u kontinwat imwettaq minn fergħa li topera l-attivitajiet ta’ kejbils tal-elettriku, għat-tul kollu tal-ksur, jiġifieri mit-18 ta’ Frar 1999 sat-28 ta’ Jannar 2009.

125    B’mod iktar partikolari, skont il-premessa 730 tad-deċiżjoni kkontestata, l-attivitajiet ta’ kejbils tal-elettriku tal-grupp Pirelli inizjalment kienu żgurati minn PirelliCS, imbagħad, mill-1 ta’ Lulju 2001, minn PirelliCSE Italia SpA u, fl-aħħar nett, mis-27 ta’ Novembru 2001, minn PirelliCSE. Barra minn hekk, skont il-premessi 739 sa 741 tal-imsemmija deċiżjoni, wara l-akkwist ta’ PirelliCSE minn sussidjarja ta’ Goldman Sachs fit-28 ta’ Lulju 2005, PirelliCSE saret PrysmianCSE u, sussegwentement, PrysmianCS.

126    F’dan il-kuntest, PirelliCSE u, konsegwentement, PrysmianCS tqiesu mill-Kummissjoni, bħala “suċċessur[i] ekonomiċi u legali” ta’ PirelliCS, li huma responsabbli għall-ksur għall-perijodu li jippreċedi s-27 ta’ Novembru 2001, fatt li huwa kkontestat mir-rikorrenti. Għandu jiġi nnotat ukoll li, kif osservaw il-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, fit-30 ta’ Diċembru 2002, PirelliCS ġiet assorbita minn Pirelli SpA, li min-naħa tagħha, kienet iffużjonat ma’ f’Pirelli fl-4 ta’ Awwissu 2003. Skont ir-rikorrenti, hija għaldaqstant Pirelli, bħala suċċessur legali ta’ PirelliCS, u mhux PirelliCSE, li għandha tinżamm bħala l-unika responsabbli għall-aġir illegat allegat għall-perijodu qabel is-27 ta’ Novembru 2001.

127    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet tal-impriżi, u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha. Skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal dan il-ksur (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta entità li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil legali jew organizzattiv, dan it-tibdil ma għandux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà tal-aġir li jmur kontra l-imsemmija regoli tal-entità preċedenti jekk, mil-lat ekonomiku, iż-żewġ entitajiet ikunu identiċi. Fil-fatt, kieku l-impriżi setgħu jevitaw sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identità tagħhom tinbidel wara ristrutturazzjonijiet, trasferimenti jew tibdiliet legali jew organizzattivi oħra, l-għan li jiġi soppress l-aġir kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi evitat li dan jerġa’ jseħħ permezz ta’ sanzjonijiet deterrenti jiġi kompromess (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoniv vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur għadha teżisti ma jipprekludix, fih innifsu, l-impożizzjoni ta’ multa fuq l-entità li fir-rigward tagħha jkunu ġew ittrasferiti l-attivitajiet. B’mod partikolari, tali implimentazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, essenzjalment applikaw l-istess struzzjonijiet kummerċjali (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    F’dan il-każ, kif ġie spjegat fil-punt 125 iktar ’il fuq, l-attività ta’ kejbils tal-elettriku fi ħdan il-grupp Pirelli kienet żgurata minn entità li pparteċipat direttament fil-ksur inkwistjoni u li kienet is-suġġett ta’ diversi ristrutturazzjonijiet interni u ta’ trasferimenti bejn it-18 ta’ Frar 1999 u t-28 ta’ Lulju 2005. Madankollu, dawn huma tranżazzjonijiet li ma jipprekludux lill-Kummissjoni milli tikkonkludi b’mod partikolari li PirelliCSE saret is-suċċessur ekonomiku ta’ PirelliCS b’effett mis-27 ta’ Novembru 2001 u li, għal din ir-raġuni, l-ewwel mill-imsemmija kumpanniji kellha titqies responsabbli għall-parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni għall-perijodu sa din l-aħħar data.

131    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, kif irrapportat fid-deċiżjoni kkontestata, li bejn it-18 ta’ Frar 1999 u l-1 ta’ Lulju 2001, l-entità li topera l-attività ta’ kejbils tal-elettriku fi ħdan il-grupp Pirelli u li tipparteċipa direttament fil-ksur inkwistjoni ġiet integrata l-ewwel fi ħdan PirelliCS fil-forma ta’ diviżjoni speċifika. Sussegwentement, fl-1 ta’ Lulju 2001, PirelliCS ittrasferixxiet parti mill-attivitajiet operattivi fis-settur tal-kejbils tal-elettriku lis-sussidjarja tagħha, PirelliCSE Italia. It-trasferiment kien jikkonċerna l-attiv Taljan u l-faċilitajiet ta’ manifattura ta’ kejbils tal-elettriku. Barra minn hekk, fis-27 ta’ Novembru 2001, PirelliCS ittrasferixxiet il-parti li kien fadal tal-attivitajiet tagħha ta’ kejbils tal-elettriku, kif ukoll is-sehem tagħha f’PirelliCSE Italia, inkluż l-entità parteċipanti fil-ksur inkwistjoni, PirelliCSE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm ir-rikorrenti sostnew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li l-attiv kollu ta’ PirelliCS ma ġiex ittrasferit lil PirelliCSE, tali allegazzjoni hija kontradetta mill-punt 37 tar-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, tal-24 ta’ Ottubru 2011, annessa mar-rikors. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, wara li saritilha mistoqsija dwar dan waqt is-seduta, li l-attiv mhux trażmess lil PirelliCSE kien, f’dan il-każ, biss ta’ natura marġinali u mhux produttiva. Fl-aħħar nett, minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, b’effett mis-27 ta’ Novembru 2001, PirelliCSE saret l-unika impriża li kellha kontroll sħiħ tal-attivitajiet ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar fi ħdan l-imsemmi grupp.

132    Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jiġi nnotat li, fil-mument meta seħħ l-ewwel trasferiment ta’ attiv bejn PirelliCS u PirelliCSE Italia, kien hemm rabtiet mill-qrib bejn dawn iż-żewġ entitajiet fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 129 iktar ’il fuq, sa fejn PirelliCSE Italia kienet il-kumpannija sussidjarja miżmuma integralment minn PirelliCS u sa fejn, kif jirriżulta mill-premessa 730 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tnejn kienu jappartjenu mall-grupp Pirelli. Barra minn hekk, hemm lok li jitqies li, meta sar it-tieni trasferiment ta’ attiv, PirelliCS u PirelliCSE, fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib ekonomiċi u organizzattivi bejniethom, applikaw essenzjalment l-istess struzzjonijiet kummerċjali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-imsemmija żewġ entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna ġuridika, jiġifieri Pirelli SpA, li saret sussegwentement Pirelli, u, min-naħa l-oħra li, fil-premessi 737 u 738 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li, matul il-perijodu mit-18 ta’ Frar 1999 sat-28 ta’ Lulju 2005, Pirelli eżerċitat influwenza determinanti fuq id-diviżjoni operattiva ta’ kejbils elettriċi involuta fl-akkordju inkwistjoni, fatt li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti.

133    Minn dan isegwi li, abbażi tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ġustament qieset li r-responsabbiltà għall-aġir illegali ta’ PirelliCS sas-27 ta’ Novembru 2001 ġiet ittrasferita lil PirelliCSE.

134    Il-konklużjoni preċedenti ma tistax tiġi kkontestata validament mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

135    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li r-rabtiet mill-qrib bejn il-kumpannija li tittrasferixxi u l-kumpannija destinatarja għandhom jeżistu fid-data li fiha l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni li tikkonstata t-twettiq tal-ksur. Għalkemm huwa neċessarju li jeżistu f’din id-data, bejn il-kumpannija li tittrasferixxi u l-kumpannija destinatarja, rabtiet strutturali li jippermettu li jitqies, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, li ż-żewġ entitajiet jiffurmaw impriża waħda, madankollu ma huwiex meħtieġ, fir-rigward tal-għan persegwit mill-prinċipju tal-kontinwità ekonomika, li dawn ir-rabtiet ikomplu jeżistu matul il-perijodu ta’ ksur kollu li jifdal jew sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tissanzjona l-ksur (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 51).

136    It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li PrysmianCS ma għandhiex tinżamm responsabbli għal perijodu li matul tiegħu hija lanqas biss kienet teżisti ma jistax jintlaqa’. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika ta’ impriża ġdida, bħal fil-każ ineżami, li lilha ġie ttrasferit l-attiv u li sussegwentement tiġi trażmessa lil terz indipendenti, ma tistax tiġi eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 53).

137    It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fid-dawl tal-fatt li PirelliCS baqgħet teżisti sal-fużjoni ma’ Pirelli SpA fit-30 ta’ Diċembru 2002, Pirelli għandha tinżamm responsabbli għall-parti tal-ksur sat-trasferiment komplet tal-attivitajiet tagħha fis-settur tal-kejbils tal-elettriku lil PirelliCSE, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu entità ekonomika waħda, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur għadha teżisti ma jipprekludix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferixxiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 54).

138    Ir-raba’ nett, il-fatt li Pirelli kienet għadha kumpannija vijabbli meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġġustifika, kif isostnu r-rikorrenti, l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni diretta fl-akkordju inkwistjoni, b’mod partikolari sas-27 ta’ Novembru 2001. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-vijabbiltà ekonomika tal-kumpannija omm preċedenti tal-impriża kkonċernata fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kriterju li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 128 u 129 iktar ’il fuq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-kontinwità ekonomika. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-responsabbiltà ta’ Pirelli bħala kumpannija omm sat-28 ta’ Lulju 2005 ġiet irrikonoxxuta fl-imsemmija deċiżjoni, sa fejn, skont l-Artikolu 2(g) ta’ din id-deċiżjoni, hija responsabbli “flimkien u in solidum” għall-ħlas ta’ parti mill-multa.

139    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta kkonstatat ir-responsabbiltà ta’ PirelliCSE għall-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-ksur għall-perijodu li jippreċedi s-27 ta’ Novembru 2001.

140    Fir-rigward tal-kumplament, anki jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset lil PirelliCSE bħala s-suċċessur legali ta’ PirelliCS, din il-konstatazzjoni hija irrilevanti għall-finijiet tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà ta’ PirelliCSE għall-parteċipazzjoni diretta fil-ksur qabel is-27 ta’ Novembru 2001, peress li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kkonstatat, ġustament, li PirelliCSE kienet is-suċċessur ekonomiku ta’ PirelliCS u għalhekk, kienet responsabbli għal tali perijodu.

141    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ motivazzjoni

142    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li, essenzjalment, PrysmianCS hija l-unika entità li nżammet responsabbli bħala s-suċċessur ta’ impriża oħra. Fil-fehma tagħhom, Nexans France u Silec Cable evitaw l-imputazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà minkejja li s-sitwazzjoni tagħhom kienet simili.

143    Il-Kummissjoni u Pirelli jikkonfutaw l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

144    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġu li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod sakemm dan it-trattament ma jiġix iġġustifikat b’mod oġġettiv (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni, T-372/10, EU:T:2012:325, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Jannar 2016, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni, T-409/12, EU:T:2016:17, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fakkret li, meta impriża, bl-aġir tagħha, tkun kisret l-Artikolu 101 TFUE, hija ma tistax tevita li tkun issanzjonata minħabba li operatur ekonomiku ieħor ma ġiex issanzjonat. Fil-fatt, impriża li ġiet imposta multa fuqha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ma tistax titlob l-annullament ta’ din il-multa jew it-tnaqqis tal-ammont tagħha, minħabba li parteċipant ieħor fl-istess akkordju ma ġiex issanzjonat għal parti mill-parteċipazzjoni tiegħu, jew għall-parteċipazzjoni sħiħa tiegħu, fl-imsemmi akkordju [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, C-155/14 P, EU:C:2016:446, punti 58 u 59, u tad-9 ta’ Marzu 2017, Samsung SDI u Samsung SDI (Malaysia) vs Il-Kummissjoni, C-615/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:190, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata].

146    L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità, u għaldaqstant persuna ma tistax tinvoka, għall-benefiċċju tagħha, illegalità mwettqa favur terz. Fil-fatt, illegalità possibbli li titwettaq fir-rigward ta’ impriża oħra, li ma hijiex parti f’din il-proċedura, ma tistax twassal lill-qorti tal-Unjoni tikkonstata diskriminazzjoni u, għaldaqstant, illegalità fir-rigward tar-rikorrenti. Tali argument ikun ekwivalenti għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “trattament ugwali fl-illegalità” u għall-impożizzjoni fuq il-Kummissjoni, f’dan il-każ, tal-obbligu li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-provi li hija għandha sabiex tippenalizza l-impriża li wettqet ksur sanzjonabbli, sempliċement minħabba li impriża oħra li tista’ possibbilment issib ruħha f’sitwazzjoni simili tkun illegalment evitat li tiġi ssanzjonata. Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, meta impriża, bl-aġir tagħha stess, tkun kisret l-Artikolu 101(1) TFUE, hija ma tistax tevita kwalunkwe sanzjoni abbażi tal-fatt li operaturi ekonomiċi oħra ma ġewx imposti multa, meta, bħal fil-każ ineżami, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar ma hijiex is-suġġett ta’ proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T-120/04, EU:T:2006:350, punt 77).

147    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 139 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqet ebda ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta kkonstat fir-rigward ta’ PirelliCSE u, konsegwentement, ta’ PrysmianCS, ir-responsabbiltà għall-parteċipazzjoni fil-ksur għall-perijodu sas-27 ta’ Novembru 2001. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tikkonstata l-illegalità possibbli tar-responsabbiltà ta’ Nexans France u ta’ Silec Cable, fis-sens allegat mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 145 u 146 iktar ’il fuq, tqis li tali illegalità possibbli, li ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors, ma tista’ f’ebda każ twassal sabiex tiġi kkonstatata diskriminazzjoni u, għalhekk, illegalità fir-rigward tar-rikorrenti.

148    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda, kif ukoll l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tiddetermina l-ishma tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom

149    Ir-rikorrenti, kif ukoll Goldman Sachs, isostnu li l-Kummissjoni kellha tiddetermina l-ishma tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom. Fil-fehma tagħhom, tali determinazzjoni ma għandhiex tkun indispensabbli meta l-kumpanniji jappartjenu għall-istess grupp fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament, meta l-unità ekonomika magħmula minn dawn il-kumpanniji ma tkunx għadha teżisti, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħmel din id-determinazzjoni fl-imsemmija deċiżjoni.

150    Il-Kummissjoni u Pirelli jikkontestaw dawn l-argumenti.

151    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa, sa fejn huwa biss manifestazzjoni ta’ effett ipso iure tal-kunċett ta’ impriża, jikkonċerna biss lill-impriża u mhux lill-kumpanniji li jikkomponuha (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Filwaqt li mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tikkundanna diversi kumpanniji għal ħlas ta’ multa in solidum, sa fejn huma kienu jagħmlu parti mill-istess impriża, la t-test ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas l-għan ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum ma jippermettu li jitqies li din is-setgħa ta’ sanzjoni testendi, lil hinn mid-determinazzjoni tar-relazzjoni esterna ta’ responsabbiltà in solidum, għas-setgħa li jiġi stabbilit is-sehem tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Kuntrarjament, il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum huwa intiż li jikkostitwixxi strument ġuridiku supplimentari, li l-Kummissjoni għandha sabiex issaħħaħ l-effettività tal-azzjoni tagħha fil-qasam tal-irkupru tal-multi imposti għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li dan il-mekkaniżmu jnaqqas ir-riskju ta’ insolvenza għall-Kummissjoni bħala kreditur tad-dejn irrappreżentat minn dawn il-multi, li jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali persegwit mid-dritt tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Fir-relazzjoni interna eżistenti bejn kodebituri in solidum, id-determinazzjoni tas-sehem tagħhom ma ssegwix dan l-għan doppju. Din hija, fil-fatt, kwistjoni kontenzjuża li tiġi ttrattata fi stadju ulterjuri, u l-Kummissjoni ma għandhiex iktar interess fil-kwistjoni fil-każ li l-multa kollha tkun ġiet imħallsa lilha minn wieħed jew iktar minn dawn il-kodebituri (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C-625/13 P, EU:C:2017:52, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Fil-każ ineżami, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 151 sa 154 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tiddetermina s-sehem tar-rikorrenti u tal-intervenjenti fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom. Fil-fatt, sa fejn, kif jirriżulta mill-eżami mwettaq fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li, matul il-perijodu kollu tal-ksur, ir-rikorrenti u l-intervenjenti kienu jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, liema fatt ma humiex ikkontestat mir-rikorrenti, hija setgħet tillimita ruħha li tiddetermina l-ammont tal-multa li dawn il-kumpanniji kienu responsabbli in solidum li jħallsu.

156    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-intervenjenti ma kinux għadhom jikkostitwixxu flimkien magħha entità waħda ma jistax jikkonfuta l-konklużjoni li saret fil-punt 155 iktar ’il fuq.

157    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-aċċettazzjoni tal-argument inkwistjoni tmur kontra s-sempliċi kunċett ta’ responsabbiltà in solidum. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jimplika, mid-definizzjoni tiegħu stess, li l-Kummissjoni tista’ tindirizza ruħha lejn il-kumpannija omm jew lejn il-kumpannija sussidjarja mingħajr ma tipprevedi responsabbiltà fis-sens allegat mir-rikorrenti. Fil-fatt, kif iddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, ma teżistix “prijorità” fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa, mill-Kummissjoni, fuq waħda jew l-oħra minn dawn il-kumpanniji (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Dow Chemical et vs Il-Kummissjoni, C-499/11 P, EU:C:2013:482, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitqies li l-aċċettazzjoni ta’ tali argument jista’ jdgħajjef l-għan tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 iktar ’il fuq, huwa li jiġi kkostitwit strument legali supplimentari għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex jissaħħu kemm l-effiċjenza tal-irkupru tal-multi imposti kif ukoll l-għan ta’ dissważjoni li huwa ġeneralment persegwit mid-dritt tal-kompetizzjoni.

159    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jitqies, li l-Kummissjoni ma kisritx il-provvedimenti tal-Atikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 meta ma ddeterminatx is-sehem tar-rikorrenti u tal-intervenjenti fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom.

160    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ provi tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE

161    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement skont id-dritt l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE u, konsegwentement, il-parteċipazzjoni tagħhom fih. Fil-fehma tagħhom, l-eżistenza tal-ftehim fit-“territorju nazzjonali” ma hijiex sostnuta bi provi suffiċjenti u, konsegwentement, lanqas dik tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” kif deskritta mill-Kummissjoni.

162    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jqisu li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-ftehim fit-“territorju nazzjonali” huma bbażati fuq raġunament tawtoloġiku li ma jagħtihomx il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma pproduċietx prova diretta tal-eżistenza tal-imsemmi prinċipju. Barra minn hekk, huma jikkritikaw il-fatt li n-nuqqas ta’ diskussjonijiet dwar il-proġetti Ewropej ġie interpretat bħala sinjal tal-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv u li t-tentattivi ta’ kumpanniji Ġappuniżi u Sud Koreani li “jidħlu” fiż-ŻEE ma jiġux interpretati bħala sinjal ta’ kompetizzjoni, iżda bħala ksur ta’ dan il-prinċipju.

163    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li waqt il-proċedura amministrattiva huma ppreżentaw diversi spjegazzjonijiet alternattivi ta’ avvenimenti evokati fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll spjegazzjonijiet tal-fatt li produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani kienu dissważi milli jeżerċitaw kompetizzjoni fiż-ŻEE.

164    Minn naħa, ir-rikorrenti josservaw li laqgħat trilaterali “A/R/K” fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-esportazzjoni seħħew bejn l-1998 u l-2005 wara s-Super Tension Cables Export Agreement (il-Ftehim dwar l-esportazzjoni ta’ kejbils b’vultaġġ għoli ħafna; iktar ’il quddiem is-“STEA”) u Sub-marine Cable Export Association (l-Assoċjazzjoni għall-esportazzjoni ta’ kejbils, iktar ’il quddiem is-“SMEA”) dwar proġetti implimentati jew li għandhom jiġu implimentati barra miż-ŻEE, mingħajr madankollu ma jaslu għal kwalunkwe ftehim.

165    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jallegaw li kien hemm diversi ostakoli li kienu jipprekludu lil kumpanniji Ġappuniżi u Sud Koreani milli jeżerċitaw attività fiż-ŻEE u lill-kumpanniji Ewropew milli joperaw fil-Ġappun u fil-Korea t’Isfel. B’mod partikolari, l-aspetti tekniċi kienu jvarjaw sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor, kien hemm differenzi kulturali u lingwistiċi, ċerti operaturi tan-netwerk kienu jirrifjutaw li jaħdmu ma’ fornituri li ma kellhomx aġent lokali li kien preżenti fiżikament fil-pajjiż inkwistjoni, u l-ispejjeż tat-trasport. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li, minn meta bdiet l-investigazzjoni, diversi partijiet Ġappuniżi u Sud Koreani kienu ħadu passi sabiex “jidħlu” fiż-ŻEE, ma jikkompromettix dawn l-argumenti.

166    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”, hija lanqas ma tista’ tallega fil-konfront tagħhom l-eżistenza ta’ akkordju dwar l-attribuzzjoni ta’ proġetti fuq livell Ewropew.

167    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

168    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jtennu mill-ġdid l-argumenti intiżi li juru li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq applikazzjonijiet għal klemenza għall-finijiet tal-konstatazzjonijiet tagħha, li jirrifletti approċċ investigattiv dgħajjef. Madankollu, kif jirriżulta mill-eżami mwettaq fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jiġi kkonstatat, min-naħa l-oħra, li l-affermazzjoni li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet orali kollha miġbura fuq il-bażi tal-programm ta’ klemenza, mingħajr ma wettqet investigazzjoni indipendenti, ma hijiex sostnuta mill-elementi fid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mill-kontenut tal-punt 3 ta’ din id-deċiżjoni, li fih, kif jirriżulta mill-punt 114 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tesponi l-varjetà ta’ provi li rrikorriet għalihom sabiex issostni l-konklużjonijiet tagħha dwar l-akkordju inkwistjoni.

169    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-Kummissjoni ma rnexxiliex tipprova l-eżistenza tal-ftehim fit-“territorju nazzjonali”, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 12 iktar ’il fuq, kif ukoll mill-premessi 76 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, skont l-imsemmi ftehim, il-produtturi Sud Koreani u Ġappuniżi ftiehmu li ma jikkompetux ma’ produtturi Ewropej fit-“territorju nazzjonali” Ewropew, kif iddefinit mill-parteċipanti tal-akkordju, bil-korrispettiv tal-impenn min-naħa tal-produtturi Ewropej li ma jikkompetux magħhom f’“territorji nazzjonali” b’mod partikolari fil-Ġappun u fil-Korea t’Isfel. Skont il-Kummissjoni, dan il-ftehim kien marbut mal-ftehim dwar it-“territorji ta’ esportazzjoni”, li kien jikkonsisti fl-attribuzzjoni bejn il-produtturi Ewropej, minn naħa, u l-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani, min-naħa l-oħra, ta’ proġetti li jinsabu barra mit-“territorju nazzjonali” skont “kwota ta’ 60/40”. F’dan ir-rigward, mill-premessi 79 u 247 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Greċja ma kinitx tagħmel parti, għal ħafna żmien, mit-“territorju nazzjonali” Ewropew fis-sens tal-ftehim inkwistjoni, u li l-proġetti li jinsabu fil-Greċja kienu inklużi fl-allokazzjoni tat-“territorji ta’ esportazzjoni”.

170    F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ ftehim fit-“territorju nazzjonali” kif ukoll ta’ “konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” ma tistax tiġi validament ikkontestata bl-argumenti mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

171    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-ftehim fit-“territorju nazzjonali”, huwa deskritt fil-premessi 76 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, u huwa sostnut minn provi li ma humiex ikkontestati b’mod speċifiku mir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-eżistenza tal-ftehim hija sostnuta bil-provi elenkati fil-punt 3 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Deskrizzjoni tal-fatti”, li għal darba oħra, ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti permezz ta’ provi speċifiċi. Barra minn hekk, fil-premessi 107 sa 115 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor, mingħajr ma r-rikorrenti jippruvaw jistabbilixxu l-kuntrarju, il-provi dwar l-eżistenza tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”.

172    Barra minn hekk, fil-premessa 493 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor il-provi kollha miġbura matul l-investigazzjoni, inklużi dawk dwar il-ftehim fit-“territorju nazzjonali” u l-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, li ma humiex ikkontestati b’argumenti speċifiċi mir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jinsabu fil-premessa 234 tal-imsemmija deċiżjoni, mingħajr provi ta’ sostenn. B’mod partikolari, minn eżami tal-elementi msemmija fil-premessa 493 ta’ din id-deċiżjoni, jirriżulta li:

–        l-ewwel nett, il-parteċipanti fl-akkordju ssieħbu impliċitament jew espliċitament fi ftehim jew fi prattika miftiehma li permezz tagħhom it- “territorju nazzjonali” Ewropew kien protett mill-kompetizzjoni tal-fornituri ta’ kejbils tal-elettriku Ġappuniżi u Sud Koreani, u viċi versa (premessa 493(a) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tieni nett, il-“membri R” tal-akkordju pparteċipaw fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, li kienet tqassam it-territorji u l-klijenti fi ħdan iż-ŻEE (premessa 493(b) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tielet nett, diversi parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, ftiehmu fuq prezzijiet li kellhom jiġu offruti għal kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art, inkluż proġetti fiż-ŻEE (premessa 493(d) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ir-raba’ nett, diversi parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, kienu involuti fis-sottomissjoni tal-offerti ta’ kopertura sabiex tiġi żgurata l-attribuzzjoni miftiehma ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art, inkuż għal proġetti fiż-ŻEE (premessa 493(e) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-ħames nett, diversi parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, kienu involuti fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva u strateġika, bħall-kapaċità disponibbli tagħhom jew l-interess tagħhom f’sejħiet għall-offerti speċifiċi, inkluż għal proġetti fiż-ŻEE (premessa 493(f) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-sitt nett, ċerti parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, kienu involuti fi prattiċi intiżi li jsaħħu l-akkordju, inkluż rifjut kollettiv li jiġu pprovduti aċċessorji jew assistenza teknika lil ċerti kompetituri (premessa 493(g) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        is-seba’ nett, diversi parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, kienu jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ attribuzzjoni u ta’ ffissar tal-prezzijiet bi skambju ta’ karti ta’ pożizzjoni, informazzjoni dwar is-suq u l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni, inkluż għal proġetti fiż-ŻEE (premessa 493(h) tad-deċiżjoni kkontestata).

173    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, minbarra l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ftehim fit-“territorju nazzjonali” u l-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, il-premessa 493 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi wkoll għall-provi kollha marbuta mar-regola dwar it-“territorji ta’ esportazzjoni”, li fihom kienu wkoll involuti r-rikorrenti.

174    Konsegwentement, il-provi migbura mill-Kummissjoni, li l-produzzjoni tagħhom intalbet mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni u ta’ istruzzjoni waqt il-proċedura bil-miktub fil-kawża preżenti (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), jikkonfermaw l-eżistenza tal-ftehim fit-“territorju nazzjonali” u tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, kif ukoll il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-imsemmi akkordju, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jipproduċu provi speċifiċi li jistgħu jikkonfutaw il-fatt li kien hemm korkondanza tar-ridiet li jiġi implimentat ftehim li jikkonċerna liż-ŻEE.

175    Fit-tieni lok, kif tosserva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma kkonfutawx il-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata, iżda llimitaw ruħhom li jiċċitaw estratti iżolati mill-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari, mill-premessi 78, 501 u 626 tagħha, sabiex tiġi kkontestata l-kredibbiltà tal-konstatazzjonijiet fir-rigward tal-eżistenza tal-ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-provi estensivi li jikkorroboraw il-provi inkriminanti kkomunikati mill-applikanti għal klemenza, id-dikjarazzjonijiet orali u r-risposta għat-talbiet għal informazzjoni, flimkien mad-dokumenti li nġabru matul l-ispezzjonijiet, li juru l-imsemmija eżistenza.

176    B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 626 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal diversi premessi oħra ta’ din id-deċiżjoni li jinkludu provi tal-eżistenza tal-ftehim fit-“territorju nazzjonali”, jiġifieri l-premessi 306, 329, 353, 355, 357, 358, 380, 384, 386, 393, 428 u 437 ta’ din id-deċiżjoni, li ma humiex ikkontestati fid-dettall mir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-premessi 80 sa 86 tal-istess deċiżjoni jsemmu li tali ftehim kien japplika għal proġetti Ewropej li huma s-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn l-operaturi Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani. Barra minn hekk, kif tindika l-Kummissjoni, dawn il-provi jikkontradixxu l-estratt tad-dikjarazzjoni orali ta’ J-Power Systems iċċitat mir-rikorrenti sabiex isostnu l-allegazzjoni tagħhom li tgħid li l-kuntratti li kienu jeżistu bejn il-produtturi tal-kejbils tal-elettriku dwar it-“territorji ta’ esportazzjoni” ġew interrotti fi tmiem is-sena 2004. Dawn il-provi huma b’mod simili suffiċjenti sabiex tiġi kontradetta l-ispjegazzjoni mogħtija mir-rikorrenti li l-laqgħat li fihom l-imsemmija produtturi ddeċidew li jikkoperaw fis-suq kienu jikkonċernaw biss proġetti barra miż-ŻEE.

177    Fit-tielet lok, fil-premessi 502 sa 509 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi l-elementi intiżi li jipprovaw li l-ftehim fit-“territorju nazzjonali” u l-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” ġew implimentati. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti jiċċitaw frammentazzjonijiet mill-imsemmija elementi, iżda jonqsu milli jikkontestaw, b’mod partikolari, l-istruzzjonijiet mogħtija lil produtturi Ażjatiċi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-imsemmi ftehim. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, u kif jirriżulta mill-premessi msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw il-provi li jirrigwardaw il-fatt li l-partijiet kienu konxji min-natura illegali tal-attivitajiet tagħhom u ħadu numru ta’ prekawzjonijiet organizzattivi u tekniċi sabiex ma jiżvelawx ruħhom.

178    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tanalizza l-effetti tal-akkordju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali obbligu ma huwiex impost fil-każ ta’ ksur permezz tal-għan, bħal fil-każ tat-tqassim ta’ suq ikkonstatat bid-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T 655/11, EU:T:2015:383, punt 420 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi l-provi, li ma humiex ikkontestati b’mod speċifiku mir-rikorrenti, intiżi li juru li l-akkordju ġie implimentat, u jippreżenta, b’mod partikolari, eżempji, inkluż fil-premessi 113 u 114 tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, għandu jingħad li, anki jekk, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, ċerti proġetti attribwiti bejn il-partijiet fl-akkordju, irrapportati b’mod partikolari fil-premessi 192, 234(a) u 151 ta’ din id-deċiżjoni, ma jkunux ġew implimentati, mill-ġurisprudenza, iċċitata fil-premessa 645 tal-istess deċiżjoni, jirriżulta li l-implimentazzjoni, anki jekk parzjali, ta’ ftehim li l-għan tiegħu huwa antikompetittiv hija biżżejjed biex tiġi eskluża l-possibbiltà li tinsilet il-konklużjoni taż nuqqas ta’ impatt tal-imsemmi ftehim fuq is-suq (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, EU:T:2005:367, punt 148). Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, tali proġetti ma jistgħux jikkonfutaw il-provi l-oħra kollha ċċitati mill-Kummissjoni.

179    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, għal raġunijiet tekniċi, kummerċjali u storiċi, il-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani ma kellhomx raġuni għalfejn jikkompetu għal “proġetti Ewropej”. Fil-fehma tagħhom, dawn ir-raġunijiet jikkostitwixxu spjegazzjoni plawżibbli tal-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata.

180    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, akkordju li huwa intiż li jipproteġi produtturi Ewropej fit-territorju tal-Unjoni minn kompetezzjoni reali jew potenzjali li toriġina minn produtturi barranin oħra jista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni, sakemm ma jkunx hemm ostakoli insurmontabbli fid-dħul fis-suq Ewropew li jeskludu kwalunkwe kompetizzjoni potenzjali min-naħa ta’ produtturi barranin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T-519/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:263, punt 230).

181    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani ma kinux, minn tal-inqas, kompetituri potenzjali tal-produtturi Ewropej fi ħdan iż-ŻEE.

182    Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata, l-adeżjoni mal-ftehim kienet ikkonfermata regolarment mill-parteċipanti u l-“membri A” u “R” tal-akkordju informaw lil xulxin dwar stediniet għall-offerti minn “territorji” tal-parti l-oħra. It-tieni nett, skont il-premessa 663 tal-imsemmija deċiżjoni, il-klijenti Ewropej kienu jistiednu b’mod regolari il-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani sabiex jippreżentaw offerti għall-proġetti tagħhom. Barra minn hekk, f’din l-aħħar premessa, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi 231 u 279 ta’ din id-deċiżjoni, fejn jissemmew ċertu numru ta’ provi, li minnhom jirriżulta li żewġ produtturi Ġappuniżi kienu ġew ikkuntattjati rigward proġetti li kellhom jitwettqu fi ħdan ż-ŻEE, b’mod partikolari fi Spanja, fir-Renju Unit, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Italja. It-tielet nett, il-fatt li, kif jirriżulta mill-premessi 664 u 666 tal-istess deċiżjoni, klijenti differenti jista’ jkollhom rekwiżiti tekniċi differenti, kif isostnu r-rikorrenti, japplika għall-fornituri kollha potenzjali, sew jekk Ewropej, Ġappuniżi jew Sud Koreani. Ir-raba’ nett, kif intqal fil-premessa 666 tad-deċiżjoni inkwistjoni, wara l-ftuħ tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, diversi partijiet Ġappuniżi u Sud Koreani ħadu passi sabiex jipparteċipaw fi proġetti li kellhom jitwettqu fi ħdan iż-ŻEE. Il-ħames nett, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-2001 u fl-2005, impriża Sud Koreana pparteċipat, skont il-premessa 661 tal-istess deċiżjoni, fi proġetti li kellhom jitwettqu fiż-ŻEE u li jikkonsistu fil-bejgħ ta’ sistemi ta’ kejbils tal-elettriku. Tali parteċipazzjoni tikkonferma li l-imsemmija impriża kienet minn tal-inqas kompetitur potenzjali tal-produtturi Ewropej fiż-ŻEE u li ma kienx hemm ostakoli għall-aċċess insurmontabbli għad-dħul fis-suq Ewropew.

183    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-parteċipazzjoni tal-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani fiż-ŻEE la kienet impossibbli teknikament u lanqas ekonomikament mhux vijabbli.

184    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma rnexxielhomx jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dawn ipparteċipaw fi ftehim antikompetittiv li kien jipprevedi, b’mod partikolari, il-ftehim fit-“territorju nazzjonali”.

185    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

186    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

187    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma pprovatx suffiċjentement skont il-liġi d-data tal-bidu tal-ftehim antikompetittiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu mill-1999 sal-2000 li, fil-fehma tagħhom, kien hemm sempliċement “fażi stretta tan-negozjar”. Huma jsostnu b’mod partikolari li xejn ma jipprova li l-ksur beda waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich (l-Isvizzera) u li ebda prova ma tistabbilixxi li ġie konkluż ftehim matul il-laqgħat l-oħra li attendiet għalihom Pirelli bejn l-1999 u l-2000.

188    Fir-rigward, minn naħa, il-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-unika prova dokumentali li tinsab fil-fajl tal-Kummissjoni hija nota interna meħuda min Y., impjegat ta’ Sumitomo Electric Industries, ippreżentata fil-kuntest ta’ talba konġunta għal immunità, li ġiet interpretata bħala minuti tal-imsemmija laqgħa, filwaqt li l-awtur ma jissemmiex u n-nota ma tqassmitx lil persuni oħra preżenti matul din il-laqgħa. Fil-fehma tagħhom, din hija prova ta’ valur probatorju dgħajjef, li ma hija kkorroborata b’ebda dikjarazzjonijiet orali minn J-Power Systems jew minn firxa ikbar ta’ provi. Bl-istess mod, huma josservaw li l-Kummissjoni stess tindika fil-premessa 497 tad-deċiżjoni kkontestata li, waqt il-laqgħa inkwistjoni, id-diskussjonijiet ma wasslux għal ftehim fir-rigward tad-determinazzjoni tat-“territorji nazzjonali” u l-allokazzjonijiet ta’ kwoti għal proġetti li jinsabu barra minn dawn it-territorji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax issostni li, minn dik id-data, kien jeżisti akkordju jew li l-parteċipanti eliminaw jew naqqsu b’mod sostanzjali l-inċertezza dwar l-aġir tagħhom fis-suq. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, l-analiżi tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni turi li l-punt ta’ tluq ta’ akkordju qatt ma kien ibbażat fuq provi tant limitati.

189    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-provi l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix, minn tal-inqas għall-perijodu sa tmiem is-sena 2000, il-fatt li l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ftiehmu sabiex jimplimentaw “konfigurazzjoni A/R tal-akkordju” jew jistabbilixxu “konfigurazzjoni Ewropea” tal-imsemmi tal-akkordju. Il-provi inkwistjoni hawnhekk huma, b’mod partikolari, dwar il-laqgħat tal-24 ta’ Mejju 1999 f’Kwala Lumpur (il-Malasja), tat-3 u tal-4 ta’ Ġunju 1999 f’Tokjo (il-Ġappun), tas-26 ta’ Lulju 1999 f’Londra (ir-Renju Unit), tad-19 ta’ Ottubru 1999 f’Kwala Lumpur, tal-1 u tat-2 ta’ Marzu 2000 f’Tokjo, tal-11 ta’ Mejju 2000 f’Pariġi (Franza), tax-xahar ta’ Lulju f’Milano jew f’Londra u tad-29 ta’ Novembru 2000 f’Kwala Lumpur.

190    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

191    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1) TFUE jipprojbixxi l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, b’mod partikolari dawk li jikkonsistu fit-tqassim tas-swieq jew tas-sorsi ta’ provvista.

192    Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari. Ftehim fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jista’ jitqies bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk il-fatturi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-186/06, EU:T:2011:276, punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li jiġi evalwat jekk l-impriżi qiesux ruħhom marbuta legalment, fattwalment jew moralment li jadottaw l-aġir miftiehem bejniethom (sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, EU:T:1998:101, punt 65, u tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T-54/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:255, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim stricto sensu, tissostitwixxi xjentement kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-186/06, EU:T:2011:276, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    Għalhekk, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li jista’ jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jadotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. L-iżvelar ta’ informazzjoni lill-kompetituri bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-186/06, EU:T:2011:276, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    Il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huma intiżi li jkopru, minn perspettiva suġġettiva, forom ta’ kollużjoni tal-istess natura li jistgħu jiġu distinti minn xulxin biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom. Huwa suffiċjenti, għaldaqstant, li l-prova tal-elementi li jikkostitwixxu wieħed jew l-ieħor minn dawn il-forom ta’ ksur imsemmija f’din id-dispożizzjoni tkun ġiet stabbilita sabiex, fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar tapplika (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C-455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 53).

196    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju, iżda wkoll it-tul tiegħu (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, C-65/02 P u C-73/02 P, EU:C:2005:454, punt 31).

197    Għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata li tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, kull prova li hija tagħti ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit. Għaldaqstant, l-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ksur tal-imsemmija dispożizzjoni minn impriża għandhom jiġu evalwati mhux b’mod iżolat iżda fl-intier tagħhom (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, T-562/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1078, punti 152 u 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services/Commission, C-634/13 P, EU:C:2015:614, punt 26).

199    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod partikolari fil-premessi 138 u 506 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju li hemm riferiment għalih fl-imsemmija deċiżjoni kien beda fit-18 ta’ Frar 1999, meta r-rappreżentanti ta’ erba’ fornituri Ġappuniżi ta’ kejbils tal-elettriku, jiġifieri Furukawa Electric, Fujikura, Sumitomo Electric Industries u Hitachi Cable, u r-rappreżentanti ta’ żewġ fornituri Ewropej ta’ kejbils tal-elettriku, fosthom Pirelli, iltaqgħu f’lukanda f’Zurich. Anki jekk ir-rikorrenti ma pparteċipawx bħala tali f’din il-laqgħa, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ motiv, huma responsabbli għall-parteċipazzjoni f’din il-laqgħa bħala suċċessuri ta’ Pirelli.

200    Il-Kummissjoni tibbaża l-konstatazzjoni fil-punt 199 iktar ’il fuq, fuq diversi fatti li jistgħu jitqassru kif ġej.

201    L-ewwel nett, il-Kummissjoni osservat li l-akkordju msemmi fid-deċiżjoni kkontestata kien joriġina minn żewġ skemi ta’ esportazzjoni li jirriżultaw mis-STEA u mis-SMEA, konklużi bejn il-fornituri ewlenin Ewropej tal-kejbils tal-elettriku fis-snin 1970, International Cable Development Corporation (il-Kumpannija Internazzjonali għall-Iżvilupp ta’ Kejbils). Skont il-premessa 64 tal-imsemmija deċiżjoni, is-STEA kienet tipprovdi l-qafas inizjali għas-sottomissjoni u l-attribuzzjoni ta’ kuntratti u ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli barra minn “territorji nazzjonali” ta’ kumpanniji li kkonkludew l-imsemmija ftehimiet. Il-Kummissjoni tindika f’din l-istess premessa, mingħajr ma dan huwa kontradett mir-rikorrenti, li l-investigazzjoni kienet irrivelat li, flimkien ma’ dawn il-ftehimiet, kien hemm ftehim bil-miktub bejn il-produtturi Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani minn tliet gruppi ta’ produtturi li kienu impenjaw ruħhom li ma jikkompetux ma’ xulxin fit-“territorji nazzjonali” rispettivi tagħhom. F’reġjuni oħra, l-għan tal-produtturi kien it-tqassim ta’ proġetti bejniethom, bil-produtturi Ewropej jiksbu sehem mis-suq ta’ madwar 60 % tal-proġetti u l-produtturi Ġappuniżi sehem ta’ madwar 40 % tal-proġetti. Kull grupp kien assenjat president u segretarju (jew koordinatur) sabiex tiġi organizzata d-distribuzzjoni. Il-membri tal-ftehim inkwistjoni u tal-imsemmi ftehim mhux miktub li rċevew talbiet mingħand klijenti fir-rigward ta’ kwalunkwe proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar kienu obbligati jirrapportaw dawn it-talbiet lis-segretarju Ġappuniż jew Ewropew jekk it-tip u t-tul tal-kejbils tal-elettriku kienu konformi ma’ ċerti kriterji. Is-segretarji jew il-koordinaturi sussegwentement kienu jiddiskutu u jiftiehmu lil liema grupp ta’ produtturi kellu jiġi attribwit il-proġett.

202    Huwa paċifiku li l-akkordju li hemm riferiment għalih fid-deċiżjoni kkontestata jirriproduċi l-iskema deskritta fil-punt 201 iktar ’il fuq.

203    Sussegwentement, is-STEA u s-SMEA, inkluż il-ftehim mhux miktub li kien jakkumpanjahom, ġew xolti, skont il-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, fi tmiem is-sena 1997. Il-Kummissjoni pproduċiet provi, li ma humiex ikkontestati bi provi speċifiċi mir-rikorrenti, li minnhom jirriżulta, minn naħa, li l-kumpanniji li kkonkludew dawn il-ftehimiet kienu konxji min-natura illegali tagħhom u, min-naħa l-oħra, li huma kienu pprevedew organizzazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-ftehimiet fil-futur. Hija pproduċiet ukoll provi, fil-premessi 119, 121 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-punti 3 sa 15 tal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, li jikkonfermaw li l-imsemmija kumpanniji komplew jiltaqgħu u jiddiskutu l-implikazzjonijiet tax-xoljiment tal-imsemmija ftehimiet u l-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim ġdid. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li pparteċipaw fi ħdax-il laqgħa ma’ fornituri Ġappuniżi oħra organizzati matul is-sena 1998 u f’laqgħa organizzata f’Ottubru 1998 f’Kwala Lumpur, li fiha pparteċipaw, b’mod partikolari, Pirelli, Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable, Furukawa Electric, Fujikura u kumpannija Ewropea oħra.

204    Għandu jiġi nnotat li, matul waħda mil-laqgħat imsemmija fil-punt 203 iktar ’il fuq, saret diskussjoni, li ġie irrapportata mill-Kummissjoni fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata u li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, dwar proġett ta’ kejbils tal-elettriku f’Singapor, attribwit inizjalment lil kumpanniji Ewropej qabel ix-xoljiment tas-STEA u tas-SMEA u li fir-rigward tiegħu Furukawa Electric ġiet ikkritikata talli ssottomettiet offerta bi prezz baxx. Fil-kuntest ta’ din il-kritika, ġie osservat ukoll aġir simili jista’ jxekkel il-“pjan futur li huwa s-suġġett ta’ diskussjoni bejn [il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej]”.

205    Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat sett ta’ sitt laqgħat regolari organizzati fl-1999 bejn ir-rappreżentanti, b’mod partikolari, ta’ Pirelli, ta’ Fujikura, ta’ Furukawa Electric, ta’ Hitachi Cable u ta’ Sumitomo Electric Industries. Dawn il-laqgħat ġew segwiti b’laqgħat oħra ta’ fornituri Ġappuniżi u Ewropej u b’diversi laqgħat bilaterali organizzati fl-2000. Minn dawn in-noti kontemporanji ta’ dawn il-laqgħat, iċċitati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fil-premessi 137, 141, 143, 144 u 154 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li huma kellhom kontenut antikompetittiv peress li kienu jikkonċernaw l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ ftehim dwar it-tqassim fis-swieq li jirriproduċi l-istruttura ta’ STEA u ta’ SMEA. Il-parteċipanti f’dawn il-laqgħat kienu jiddiskutu r-regoli ta’ tqassim tas-swieq, id-definizzjoni tat-“territorji nazzjonali” rispettivi, il-kwoti għall-kondiviżjoni ta’ proġetti lokalizzati f’”territorji ta’ esportazzjoni”, il-vultaġġ tal-kejbils tal-elettriku koperti mill-ftehim, il-ħatra ta’ koordinaturi reġjonali u ta’ kumpanniji ġodda li għandhom jiġu involuti fid-diskussjonijiet sabiex jiġi żgurat l-iktar funzjonament effikaċi tal-ftehim il-ġdid.

206    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat, fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, li fit-talba konġunta tagħhom għal immunità, J-Power Systems, Sumitomo Electric Industries, u Hitachi Cable kkonfermaw li, fil-perijodu inizjali tal-akkordju, minn tal-inqas Sumitomo Electric Industries u Hitachi Cable kienu osservaw il-ftehim dwar it-“territorju nazzjonali” billi żguraw li ċerti proġetti fit- “territorju nazzjonali” Ewropew ma kellhomx jiġu offruti lilhom, iżda lil kumpanniji Ewropej.

207    Huwa f’dan il-kuntest li, skont id-deċiżjoni kkontestata, inżammet il-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich, li matul tagħha Y., impjegat ta’ Sumitomo Electric Industries, ħa noti li huma rriprodotti mill-Kummissjoni fil-premessa 137 tal-imsemmija deċiżjoni. Minn dawn in-noti, li jesponu mingħajr ambigwità d-data u l-post tal-imsemmija laqgħa, u li n-natura kontemporanja tagħhom għalhekk ma tistax tiġi kkonfutata mir-rikorrenti, jirriżulta li din il-laqgħa kkonċernat kundizzjonijiet li jirregolaw l-akkordju dwr proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar, jiġifieri l-kwoti li għandhom jiġu attribwiti lil gruppi Ewropej u Ġappuniżi, l-attribuzzjoni ta’ “territorji nazzjonali” skont il-lokalizzazzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjonijiet tal-impriżi kif ukoll il-monitoraġġ u s-sorveljanza ta’ kwoti fit-“territorji ta’ esportazzjoni” permezz ta’ karti ta’ pożizzjoni. Il-parteċipanti ddiskutew ukoll l-integrazzjoni ta’ ABB u tal-impriżi Ġappuniżi SWCC Showa Holdings u Mitsubishi Cable Industries fil-ftehim, indirizzaw il-kwistjoni tal-multa imposta lil ABB għall-parteċipazzjoni fl-akkordju għal pajpijiet preiżolati u wrew li kellhom għalhekk għarfien ċar ta’ ċerti riskji f’dan ir-rigward.

208    Fir-rigward tal-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 497 tad-deċiżjoni kkontestata, li ċerti aspetti li kienu ġew diskussi f’din il-laqgħa ma wasslu għal ebda ftehim. Fil-fatt, mit-traskrizzjoni tad-dikjarazzjoni orali ta’ J-Power Systems u min-nota miktuba fl-imsemmija laqgħa jirriżulta li l-partijiet ma kinux ftiehmu dwar kwota li kellha tapplika (“kwota 60/40” jew “kwota 70/30”) għat-“territorji ta’ esportazzjoni” u ma ddeċidewx definittivament jekk it-“territorji nazzjonali” kellhomx ikopru lill-Isvezja (sede tal-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ ABB), lill-Korea t’Isfel u lit-Tajwan. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li din il-laqgħa kienet tindika l-bidu tal-ksur. F’dan ir-rigward, fil-premessa 506 tal-imsemmija deċiżjoni, hija indikat kif ġej:

“Fid-dawl […] tal-aġir qabel il-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999, meta l-partijiet kienu qegħdin inkontestabbilment jippjanaw tnaqqis skont il-ftehimiet preċedenti tagħhom u […] tal-aġir wara li kienu allokaw apertament proġetti fit-territorji ta’ esportazzjoni, osservaw it-territorji nazzjonali rispettivi tagħhom u kkunsidraw li jistiednu kumpanniji oħra sabiex jaderixxu mal-‘pjan’ […], huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 tipprova l-eżistenza ta’ rieda komuni, dak iż-żmien, li jingħataw kuntratti u klijenti u li jkun hemm distorsjoni tal-proċess normali ta’ kompetizzjoni fil-kuntest ta’ proġetti li jikkonċernaw kemm kejbils [taħt l-art] kif ukoll [taħt il-baħar]. Minn tal-inqas b’effett minn din id-data, kien hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju stess ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fost il-parteċipanti. Għaldaqstant, il-partijiet kkonkludew ftehim jew applikaw prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) [TFUE] anki jekk ċerti modalitajiet tal-akkordju kienu għadhom qegħdin jiġu diskussi dak iż-żmien.”

209    Il-Qorti Ġenerali tqis, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 192 sa 198 iktar ’il fuq, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-portata tal-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich, esposta fil-premessa 506 tad-deċiżjoni kkontestata, hija nieqsa minn żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni.

210    Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni stabbilixxiet, suffiċjentement skont il-liġi, u billi ħadet inkunsiderazzjoni, ġustament, il-kuntest tat-terminazzjoni tas-STEA u tasSMEA, li pparteċipat fihom Pirelli, li, b’effett mis-sena 1998, il-membri ta’ dawn il-ftehimiet, jiġifieri l-fornituri prinċipali Ewropej u Ġappuniżi ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u taħt l-art, issoktaw bin-negozjati intiżi li jiġi stabbilit ftehim ġdid u li, maż-żmien, huma rnexxielhom jimplimentaw dan il-ftehim ġdid. In-nota bil-miktub tal-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich, l-ewwel nota li tippreżenta b’mod komplet il-bażi ta’ dan il-ftehim il-ġdid, tikkonferma li, fil-mument li din in-nota ġiet adottata, l-impriżi preżenti għal din il-laqgħa qablu dwar il-prinċipju stess ta’ tqassim tas-swieq, kemm fir-rigward tat-“territorji ta’ esportazzjoni” kif ukoll tat-“territorji nazzjonali”. L-eżistenza ta’ dan il-prinċipju, kif ukoll il-fatt li l-kumpanniji li kkonkludew is-SMEA u s-STEA ikkonformaw ma’ dan, hija kkorroborata mid-diskussjoni li tinvolvi lir-rikorrenti, riprodotta fil-punt 204 iktar ’il fuq.

211    F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni stadji preparatorji għall-ħolqien tal-akkordju stricto sensu, sabiex tikkonstata s-sitwazzjoni ekonomika li ppreċediet l-akkordju u li spjegat il-ħolqien tal-akkordju, jew sabiex tistabbilixxi u tevalwa r-rwol rispettiv li kellhom il-membri tal-akkordju fl-ippjanar, fil-ħolqien u fl-implimentazzjoni tiegħu (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il-Kummissjoni, T-439/07, EU:T:2012:320, punt 60).

212    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat, kif tagħmel ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kwistjoni deċiżiva għall-evalwazzjoni tal-portata tal-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich ma hijiex dik li jiġi magħruf jekk, f’din id-data, is-sitt kumpanniji li pparteċipaw fl-imsemmija laqgħa kinux definittivament ftiehmu fuq l-elementi kollha tal-ftehim, iżda dik li jiġi magħruf jekk id-diskussjonijiet li saru waqt din il-laqgħa ppermettews lil dawn is-sitt kumpanniji, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom, li jeliminaw, jew minn tal-inqas, inaqqsu sostanzjalment l-inċertezza dwar l-aspettattiva tal-aġir tagħhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T-53/03, EU:T:2008:254, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

213    Għaldaqstant, la l-użu tal-kundizzjonal jew tal-futur fin-noti meħuda minn Y., u lanqas il-fatt li dan tal-aħħar kien iddikjara li ebda ftehim ma kien ġie konkluż anki wara l-laqgħa organizzata f’Ottubru 1999 f’Kwala Lumpur, ma huma biżżejjed sabiex jitqies li, fid-data tat-18 ta’ Frar 1999, il-kumpanniji li pparteċipaw fil-laqgħa ta’ Zurich ma kinux għadhom wettqu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti jikkonfutaw il-valur probatorju tan-noti ta’ Y. abbażi tal-fatt li kien hemm inkwistjoni dokument intern ta’ J-Power Systems, mhux ikkorroborat, fil-fehma tagħhom, b’noti oħra ta’ parteċipanti oħra fil-laqgħa, għandu jitfakkar, skont il-ġurisprudenza, li n-natura interna ta’ dokument ma tistax tipprekludi lill-Kummissjoni milli tinvokah bħala prova inkriminanti li tikkorrobora provi oħra, speċjalment fil-kuntest ta’ firxa ikbar ta’ provi konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, EU:T:2004:221, punt 231). F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, sabiex tasal għall-konklużjoni tagħha, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha esklużivament fuq in-noti ta’ Y., iżda wkoll, kif jirriżulta mill-punti 201 sa 206 iktar ’il fuq, fuq il-kuntest ġenerali bbażat fuq provi oħra li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-imġiba tal-partijiet qabel u wara din il-laqgħa. Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-valur probatorju tan-noti inkwistjoni ma jiddgħajjifx bil-fatt li dawn ġew interpretati diversi snin wara mill-awtur tagħhom abbażi, fil-fehma tagħhom, ta’ “rikollezzjonijiet remoti”. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li tali interpretazzjoni temporalment remota ma tistax tikkomprometti l-valur probatorju ta’ dawn in-noti bħala provi dokumentali kontemporanji.

214    Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-elementi differenti relatati mal-kuntest tal-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich, inkluż l-iskambji li kien hemm sussegwentement bejn l-impriżi kkonċernati, jikkonfermaw li, matul il-perijodu inizjali tal-akkordju, il-fornituri ewlenin Ewropej u Ġappuniżi ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art, inkluż Pirelli, kienu marbutin b’rieda komuni li jaqsmu s-swieq skont l-iskema tas-STEA u tas-SMEA u li, barra minn hekk, huma implimentaw dan it-tqassim tas-suq. Dan jinkludi, b’mod partikolari, il-proġetti msemmija fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienu ġew attribwiti lill-impriżi Ewropej, konformement mal-ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”.

215    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni qieset, ġustament, li fit-18 ta’ Frar 1999, il-fornituri prinċipali Ġappuniżi u Ewropej ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art b’vultaġġ għoli u għoli ħafna, inkluż ir-rikorrenti, kellhom intenzjoni komuni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tat-tqassim tas-swieq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma żbaljatx meta kkonstatat li l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, allegat fil-konfront tar-rikorrenti, kien beda f’din id-data.

216    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li n-natura antikompetittiva tal-laqgħat li nżammu matul is-sena 2000 ma kinitx sostnuta biżżejjed, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-bidu tal-ksur huwa ddeterminat mil-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 f’Zurich, dawn l-argumenti huma ineffettivi.

217    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006 u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kalkolu tal-multi imposti

218    Permezz tat-tmien motiv tagħhom, i-rrikorrenti jsostnu, minn naħa, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll id-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ dħul, kienet sproporzjonata. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, billi applikat proporzjon tal-valur ta’ bejgħ iktar għoli għall-impriżi Ewropej milli għall-impriżi Ġappuniżi, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

219    Qabel jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi fuq l-impriżi li jkunu wettqu, intenzjonalment jew b’negliġenza, ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE, multi li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat fid-dawl b’mod partikolari tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu.

220    Konformement mal-paragrafi 19 sa 22 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006, wieħed miż-żewġ fatturi li fuqhom huwa bbażat l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-livell tal-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq ikkombinat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur, u l-implimentazzjoni tal-ksur.

221    Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tiggwida l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, T-352/09, EU:T:2012:673, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Dole Food u Dole Germany vs Il-Kummissjoni, T-588/08, EU:T:2013:130, punt 662 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, waqt l-istħarriġ tal-ammont tal-multa, il-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq din il-marġni ta’ diskrezzjoni, la fir-rigward tal-għażla tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006 u lanqas fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, bħala bażi għar-rinunzja tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ fil-fond legali u fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-272/09 P, EU:C:2011:810, punt 102). Bl-istess mod, kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija tkun marbuta tosserva l-prinċipji ġenerali tal-liġi, fosthom il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif interpretati mill-qrati tal-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, T-352/09, EU:T:2012:673, punt 44).

222    Fil-każ ineżami, hemm lok li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, fil-premessi 997 sa 1010 tagħha, il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multa u tad-determinazzjoni tal-gravità, il-ksur, min-natura tiegħu, kien jikkostitwixxi wieħed mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, liema aspett jiġġustifika, fil-fehma tagħha, l-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ 15 %. Bl-istess mod, hija applikat żieda ta’ 2 % tal-koeffiċjent tal-gravità għad-destinatarji kollha minħabba parti mis-suq akkumulat kif ukoll minħabba l-portata ġeografika kważi globali tal-akkordju, li kienet tkopri b’mod partikolari t-territorju kollu taż-ŻEE. Barra minn hekk, hija qieset, b’mod partikolari, li l-aġir tal-impriżi Ewropej, inkluż tar-rikorrenti, kien iktar dannuż għall-kompetizzjoni minn dak tal-impriżi l-oħra, sa fejn, minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fil-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, il-kumpanniji Ewropej kienu qasmu bejniethom il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku fil-kuntest tal-“konfigurazzjoni Ewropea” tal-imsemmi akkordju. Għal din ir-raġuni, hija stabbilixxiet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-gravità tal-ksur għal perċentwali ta’ 19 % għall-impriżi Ewropej u għal perċentwali ta’ 17 % għall-impriżi l-oħra.

223    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati iż-żewġ partijiet tal-motiv invokati mir-rikorrenti.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

224    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni, essenzjalment, ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-ksur fl-istadju tal-iffissar tal-multa. B’mod partikolari, huma jqisu, qabelxejn, li l-ammont bażiku tal-multa kellu jiġi aġġustat fid-dawl b’mod partikolari tal-portata limitata tal-ksur, jew saħansitra tan-nuqqas ta’ effetti reali tal-ksur fiż-ŻEE. Sussegwentement, huma jsostnu li l-ksur ma affettwax il-maġġoranza ta’ bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku li hemm riferiment għalihom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li l-allegat ftehim antikompetittiv ma setax ikollu effett fuq il-klijenti finali, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet li ġew iffatturati lilhom. Barra minn hekk, huma jqisu li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni t-tneħħija progressiva tal-akkordju b’effett mill-2004. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li ċ-ċirkustanzi fattwali esterni għall-akkordju, bħall-kost tal-materja prima, dgħajfu l-effetti tiegħu.

225    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

226    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-portata limitata tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza tal-ftehim fit-“territorju nazzjonali”, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-konklużjoni stabbilita fil-punt 184 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma rnexxielhomx jikkonfutaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li huma pparteċipaw fi ftehim antikompetittiv li kien jipprevedi, b’mod partikolari, il-ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li l-akkordju ma kellux portata limitat fis-sens allegat mir-rikorrenti.

227    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 1001 tad-deċiżjoni kkontestata, li rata ta’ 15 % kienet iġġustifikata f’din il-kawża minħabba n-natura nnifisha tal-ksur li pparteċipaw fih ir-rikorrenti, jiġifieri t-tqassim tas-swieq li jirrigwardaw il-kejbils tal-elettriku taħt l-art. Fil-fatt, tali ksur huwa fost ir-restrizzjonijiet l-iktar dannużi għall-kompetizzjoni fis-sens tal-punt 23 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006, u rata ta’ 15 % tikkorrispondi għall-inqas rata fl-iskala tas-sanzjonijiet prevista għal tali ksur skont dawn il-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Laufen Austria vs Il-Kummissjoni, C-637/13 P, EU:C:2017:51, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

228    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li l-akkordju ma kellu ebda effett fuq is-suq, għandu jitfakkar li, peress li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata huwa ksur minħabba l-għan, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tistabbilixxi l-effetti tiegħu (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C-226/11, EU:C:2012:795, punt 35 u l-ġurisprudenza stabbilita). Barra minn hekk, kif diġà tfakkar fil-punt 178 iktar ’il fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-implimentazzjoni, anki jekk parzjali, ta’ ftehim li l-għan tiegħu huwa antikompetittiv hija biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li tinsilet il-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ impatt tal-imsemmi ftehim fuq is-suq (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, EU:T:2005:367, punt 148).

229    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu, madankollu, li ftehim antikompetittiv li ma ġiex implimentat bis-sħiħ u li, f’kull każ, ma għandu ebda effett fuq il-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi, għandu jitqies bħala inqas gravi minn ftehim li għandu jiġi implimentat bis-sħiħ u li jikkawża ħsara lill-konsumaturi billi jgħolli l-prezzijiet.

230    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tal-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-kriterju tal-impatt konkret fuq is-suq, b’mod partikolari, fuq il-prezzijiet mħallsa mill-klijenti finali, li, meta jkun jista’ jitkejjel, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-iffissar tal-multa, skont il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3). Skont il-kliem stess tal-paragrafu 22 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, applikabbli għall-fatti tal-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq, jew in-nuqqas tiegħu, bħala fattur aggravanti jew attenwanti waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Huwa suffiċjenti, bħal fil-paragrafu 222 aktar ’il fuq, li l-livell tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni jkun iġġustifikat minn elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-gravità skont din l-aħħar dispożizzjoni, bħan-natura stess tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati u l-portata ġeografika tiegħu. Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti, permezz tal-argumenti tagħhom intiżi li juru li, għal raġunijiet indipendenti mill-kontroll tal-membri tal-akkordju, dan ma setax iħalli l-effetti tiegħu jew ir-riżultati mistennija, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

231    Sa fejn l-argumentazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi interpretata fis-sens li huma jqisu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-implimentazzjoni tal-ksur, din ma tistax tintlaqa’.

232    Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-premessa 1009 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, b’mod ġenerali, l-akkordju ġie implimentat u l-adeżjoni tal-partijiet tiegħu kienet ikkontrollata permezz tal-iskambju ta’ karti ta’ pożizzjoni u tal-obbligu ta’ rrapportar, ma hija vvizzjata b’ebda żball, kif ġie indikat fil-punt 178 iktar ’il fuq. Mill-osservazzjonijiet kollha intiżi li juru l-eżistenza tal-ksur, esposti b’mod partikolari fil-punti 3.3 u 3.4 tad-deċiżjoni kkontestata, u li ma humiex ikkontestati bi provi mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jirriżulta li, wara perijodu inizjali ta’ tfassil ta’ regoli ta’ ftehim ġdid dwar il-kondiviżjoni tat-territorji bejn l-impriżi manifatturi ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar, dawn l-impriżi kienu b’mod ġenerali u fir-rigward tal-parti l-kbira tal-perijodu kkonċernat, segwew l-istruzzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmi ftehim dwar l-irtirar reċiproku mit-“territorju nazzjonali”, dwar it-“territorji ta’ esportazzjoni” u dwar l-attribuzzjoni ta’ proġetti fil-kuntest tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”.

233    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-attenwazzjoni sinjifikanti tal-akkordju b’effett mill-2004 waqt id-determinazzjoni tal-grad ta’ gravità. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li tiġi rrilevata n-natura unika u kontinwa tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni, li ma huwiex ikkontestat b’mod speċifiku mir-rikorrenti, u l-fatt li l-provi miġbura mill-Kummissjoni ma jirreferu għal ebda interruzzjoni tal-akkordju matul il-perijodu sal-2009.

234    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti josservaw li mill-premessi 998 sa 1010 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni żiedet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 2 % għall-impriżi kollha, minn naħa, minħabba d-dimensjoni tas-suq akkumulat tal-impriżi kollha u, min-naħa l-oħra, minħabba l-portata ġeografika tal-ksur. Huma jsostnu li l-imsemmija żieda, sa fejn hija bbażata fuq id-dimensjoni tal-parti mis-suq akkumulata, hija infondata, peress li għadd ta’ parteċipanti kienu nbidlu matul il-ksur u li, b’mod partikolari, ċerti impriżi bdew jipparteċipaw fil-ksur ferm wara t-18 ta’ Frar 1999 u temmew il-parteċipazzjoni tagħhom qabel id-data finali tat-28 ta’ Jannar 2009.

235    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti, l-impriżi kollha involuti fl-akkordju ma pparteċipawx fih matul il-perijodu kkonċernat, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, matul il-parti l-kbira tal-eżistenza tiegħu, l-akkordju kien jiġbor l-ikbar produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli u għoli ħafna. Barra minn hekk, matul perijodu ta’ bejn tmiem is-sena 2001 u s-sena 2006, l-akkordju ssaħħaħ permezz tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri Ewropej iżgħar bħal Brugg Kabel, nkt cables, Safran u Silec Cable, u, għall-perijodu minn tmiem is-sena 2002 sa nofs is-sena 2005, permezz tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri mill-Korea t’Isfel. Min-naħa l-oħra, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, in-numru tal-parteċipanti fis-suq ikkonċernat li ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huwa limitat ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat, wara stħarriġ fil-fond, li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, li d-destinatarji tad-deċiżjoni kienu jikkostitwixxu kważi l-produtturi kollha ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli u għoli ħafna. Il-Kummissjoni setgħet ukoll ġustament tikkunsidra li dan l-element, l-istess bħall-portata ġeografika kważi globali tal-akkordju, li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, kien jiggrava l-ksur u, konsegwentement, jżid il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ bi 2 %, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ elementi.

236    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha teskludi l-kost tal-materja prima fid-determinazzjoni tal-gravità. Essenzjalment, huma josservaw li, sabiex tinstab l-aħjar referenza tal-vantaġġ ekonomiku miksub minn kull parteċipant fil-ksur u, għaldaqstant, il-piż relattiv ta’ kull impriża fl-akkordju, il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 introduċew il-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” marbut mat-tipi ta’ aġir inkwistjoni. Huma jqisu għalhekk li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-valur meħud inkunsiderazzjoni jirrifletti fedelment il-vantaġġi miksuba mill-parteċipanti fl-akkordju, b’mod partikolari f’termini ta’ profitti.

237    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 976 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali diġà ċaħdet argument simili mressaq fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2014, Reagens vs Il-Kummissjoni (T-30/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:253, punt 233). Fil-fatt, mill-imsemmija sentenza jirriżulta, kif ukoll mill-ġurisprudenza ċċitata, ma hemm ebda raġuni valida li għaliha d-dħul mill-bejgħ f’suq determinat għandu jeskludi ċerti spejjeż ta’ produzzjoni, peress li fis-setturi industrijali kollha hemm spejjeż inerenti fil-prodott finali li l-manifattur ma jistax jikkontrolla, iżda li xorta jikkostitwixxu element essenzjali tal-attività globali tiegħu, u li, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu esklużi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jiġi ffissat l-ammont bażiku tal-multa.

238    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-272/09 P, EU:C:2011:810, punt 53), li l-fatt li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ gross f’ċerti każijiet, iżda jittieħed inkunsiderazzjoni f’każijiet oħra, jeżiġi li jiġi ddeterminat livell, f’forma ta’ relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ nett u d-dħul mill-bejgħ gross, li huwa diffiċli li jiġi applikat u li jagħti lok għal kawżi interminabbli u insolubbli, inkluż allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni. Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti kontra tali kunsiderazzjoni, inkluż il-fatt li l-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 jieħdu inkunsiderazzjoni l-“valur tal-bejgħ” tal-impriżi kkonċernati u mhux id-“dħul mill-bejgħ”, kif jagħmlu l-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-1998, ma jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ kriterju ġurisprudenzjali differenti f’dan il-każ.

239    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa fis-sens allegat mir-rikorrenti.

240    Għaldaqstant, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

241    Ir-rikorrenti jsostnu li d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn l-impriżi Ewropej u Ġappuniżi fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

242    Ir-rikorrenti jfakkru li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ applikat mill-Kummissjoni lill-impriżi Ewropej kien ta’ 2 % ogħla minn dak applikat għal impriżi oħra. Sabiex timmotiva din id-distinzjoni, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 999 tad-deċiżjoni kkontestata li, minbarra l-mekkaniżmi ta’ attribuzzjoni tal-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, li “ċerti proġetti taż-ŻEE [kienu] s-suġġett ta’ tqassim addizzjonali bejn il-produtturi Ewropej b’konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”. Madankollu, huma jenfasizzaw li, skont il-Kummissjoni, “tali azzjonijiet tal-akkordju, li kienu twettqu esklużivament mill-produtturi Ewropej, [kienu] intensifikaw id-dannu għall-kompetizzjoni diġà kkawżat minn ftehim ta’ tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej, Ġappuniżi u [Sud Koreani] u, għaldaqstant, il-grad ta’ gravità tal-ksur” u li “[i]d-distorsjoni addizzjonali kkawżata mill-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kienet [tiġġustifika] żieda tal-grad ta’ gravità ta’ 2 % għall-impriżi li [kienu] ipparteċipaw f’dan l-aspett tal-akkordju”.

243    Ir-rikorrenti jikkontestaw din id-distinzjoni, minn naħa, billi jsostnu li l-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” ma ġietx implimentata esklużivament minn kumpanniji Ewropej. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-impriżi Ġappuniżi u Sud Koreani pparteċipaw fl-akkordju fuq l-istess livell bħall-impriżi Ewropej. Min-naħa l-oħra, huma jqisu li l-Kummissjoni la wriet kif l-imsemmija konfigurazzjoni kienet “intensifikat id-dannu għall-kompetizzjoni diġà kkawżat”, u lanqas liema kienet id-“distorsjoni addizzjonali” kkawżata minn din il-konfigurazzjoni.

244    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

245    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod sakemm dan it-trattament ma jiġix iġġustifikat b’mod oġġettiv (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni, T-372/10, EU:T:2012:325, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Jannar 2016, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni, T-409/12, EU:T:2016:17, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

246    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-aġir tal-impriżi Ewropej meta mqabbel mal-aġir tal-impriżi Ażjatiċi, b’mod partikolari, l-impriżi Ġappuniżi, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kklassifikat il-ksur previst mid-deċiżjoni kkontestata bħala ksur uniku u kontinwu li jikkonsisti f’żewġ konfigurazzjonijiet, jiġifieri l-“konfigurazzjoni A/R” tal-akkordju u l-“konfigurazzjoni Ewropea” tal-imsemmi akkordju. L-ewwel waħda minn dawn il-konfigurazzjonijiet kienet tinkludi, minn naħa, ftehim fit-“territorju nazzjonali” li abbażi tiegħu l-impriżi Ġappuniżi u Sud Koreani impenjaw ruħhom sabiex jitilqu mit-“territorju nazzjonali” Ewropew, irriżervat għall-“membri R” ta’ dan l-akkordju, bi skambju ta’ impenn reċiproku ta’ dawn tal-aħħar li jitilqu mit-“territorju nazzjonali’ Ġappuniż u Sud Korean u, min-naħa l-oħra, il-kondiviżjoni ta’ proġetti fil-biċċa l-kbira fil-bqija tad-dinja, imsejħa “territorji ta’ esportazzjoni”. It-tieni waħda minn dawn il-konfigurazzjonijiet, kif jirriżulta mill-punt 12 iktar ’il fuq, kellha l-għan li tikkondividi bejn l-impriżi Ewropej il-proġetti fit-“territorju nazzjonali” Ewropew u l-proġetti attribwiti min-naħa Ewropea fit-“territorji ta’ esportazzjoni”.

247    Ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li ż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-akkordju kienu jifformaw parti minn ksur wieħed huma esposti fil-premessi 527 sa 619 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-eżistenza tal-istess għan uniku li jgħaqqad l-imsemmija konfigurazzjonijiet tal-akkordju, fil-premessa 534 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

“Il-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju (kif ukoll l-attribuzzjoni bejn l-impriżi Ażjatiċi) kienet suġġetta għall-ftehim globali u kienet tagħtih effett. Fil-fatt, f’dawn il-laqgħat Ewropej R, il-koordinatur Ewropew kien jirreferi lura d-diskussjonijiet li kienu seħħew waqt laqgħat A/R […]. Għal dan il-għan, il-partijiet ħafna drabi kienu jorganizzaw laqgħat R ftit wara l-laqgħat A/R […]. Barra minn hekk, waqt il-laqgħat R, il-partijiet kienu jesprimu l-interess tagħhom għal proġetti fit-territorji ta’ esportazzjoni, liema proġetti kellhom jiġu diskussi waqt laqgħat A/R. Bl-istess mod, il-partijiet parteċipanti fil-laqgħat A/R kienu informati bid-diskussjonijiet prinċipali fl-[imsemmija konfigurazzjoni]. Għalhekk, il-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kienet parti integrali mill-pjan globali.”

248    Il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tal-parti l-kbira tal-impriżi Ġappuniżi u Sud Koreani għall-parteċipazzjoni sħiħa fl-akkordju, inkluż fil-“konfigurazzjoni Ewropea” tiegħu. B’mod partikolari, hija rrikonoxxiet, għat-totalità tal-imsemmi akkordju, ir-responsabbiltà tal-impriżi Ġappuniżi li kienu rraggruppati fil-qalba tal-akkordju, jiġifieri Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable u l-impriża komuni tagħhom J-Power Systems, kif ukoll Furukawa Electric Viscas u l-impriża komuni tagħhom Viscas.

249    Madankollu, fil-premessa 537 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju mid-diversi impriżi. Hija qieset, fil-fatt, dan li ġej:

“Il-qalba tal-parteċipanti fl-akkordju (Nexans, Pirelli/Prysmian, Furukawa [Electric], Fujikura u Viscas, Sumitomo [Electric Industries], [Hitachi] [cable] u [J-Power Systems]) kienet l-istess għall-kejbils [tal-elettriku taħt l-art] u [taħt il-baħar] u kienet tapplika kemm il-[ftehim fit-]territorju nazzjonali u l-ftehim ta’ attribuzzjoni ta’ proġetti fit-territorji ta’ esportazzjoni. Filwaqt li għal raġunijiet oġġettivi l-impriżi Ġappuniżi u [Sud Koreani] ma kinux involuti fil-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju, Nexans u Pirelli/Prysmian kienu attivi fit-tnejn.”

250    Huwa abbażi ta’ din il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 999 tad-deċiżjoni kkontestata, li hemm riferiment għaliha fl-argumenti tar-rikorrenti, li l-ksur imwettaq mill-impriżi Ewropej kellu jitqies bħala iktar gravi minn dak imwettaq mill-impriżi Ġappuniżi u li għalhekk, minħabba l-involviment tagħhom fil-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-impriżi Ewropej, meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, kellu jiżdied bi 2 %.

251    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li, il-fatt li, kif jallegaw ir-rikorrenti, il-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi kienet simili għal dik tal-impriżi Ewropej fir-rigward tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, anki jekk jiġi preżunt li kienet teżisti, ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li t-tqassim ta’ proġetti fi ħdan iż-ŻEE kien fattur addizzjonali li kien jistħoqqlu li jiġi ppenalizzat b’perċentwali addizzjonali skont il-gravità tal-ksur.

252    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, li fil-kuntest tiegħu l-kumpanniji Ewropej u Ażjatiċi qablu li ma jippenetrawx fit-“territorji nazzjonali” tagħhom, il-produtturi Ewropej, inklużi r-rikorrenti, qasmu bejniethom il-proġetti differenti ta’ kejbils tal-elettriku attribwiti lill-membri R tal-imsemmi akkordju. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, tali tqassim ikkonċerna kemm l-attribuzzjoni ta’ proġetti f’“territorji ta’ esportazzjoni”, li saret fil-kuntest tal-imsemmija konfigurazzjoni, kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ proġetti tal-membri R konformement mal-ftehim fit-“territorju nazzjonali”, jiġifieri proġetti li it-“territorju nazzjonali” ta’ produtturi Ewropej. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, minkejja li t-tqassim ta’ proġetti fi ħdan din il-konfigurazzjoni u t-tqassim tal-proġetti fi ħdan il-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kienu marbuta mill-qrib, kif tispjega l-Kummissjoni fil-premessa 534 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-aħħar konfigurazzjoni kienet, f’dan il-każ, impenn addizzjonali għat-tqassim tal-proġetti, li kien imur lil hinn mir-regoli ta’ attribuzzjoni eżistenti fil-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”.

253    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma hemm ebda dubju li l-kondiviżjoni ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli fi ħdan il-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” saħħet id-dannu għall-kompetizzjoni kkawżat fiż-ŻEE mill-“konfigurazzjoni A/R” tal-imsemmi akkordju.

254    Kien għaldaqstant iġġustifikat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-komportament ta’ produtturi involuti fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, b’mod partikolari produtturi Ewropej addizzjonali, tirrifletti d-dannu kkawżat lill-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE.

255    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-impriżi Ġappuniżi ma kinux ipparteċipaw fl-istess livell bħall-impriżi Ewropej fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, huwa irrilevanti fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rikorrenti.

256    Fil-fatt, tali argument, jekk jitqies li huwa fondat, huwa ta’ natura li jiġġustifika ż-żieda perċentwali tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa imposta fuq l-impriżi Ġappuniżi.

257    Min-naħa l-oħra, dan il-fatt huwa irrilevanti fir-rigward tal-perċentwali tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-aġir tagħhom, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax iservi ta’ bażi għall-applikazzjoni nondiskriminatorja ta’ trattament illegali (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, EU:T:2002:209, punt 479).

258    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda u li, għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-allegat żball bl-inklużjoni ta’ R fil-lista ta’ persuni kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata

259    Ir-rikorrenti jirrilevaw li, fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Ismijiet u perkorsi professjonali ta’ persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni”, il-Kummissjoni inkludiet, b’mod żbaljat, l-isem ta’ R., li huwa attwalment membru tal-bord maniġerjali ta’ Prysmian u Direttur tal-Istrateġija fi ħdan il-grupp Prysmian. B’mod partikolari, huma jsostni li kull riferiment għal R bħala individwu li għandu rabta mal-ksur huwa żbaljat u infondat u, konsegwentement, għandu jitneħħa mill-annessi tal-imsemmija deċiżjoni.

260    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

261    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li, fil-premessa 759 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li R. kien wieħed mill-membri tal-bord maniġerjali ta’ Prysmian, maħtur minn Goldman Sachs. Min-naħa l-oħra, fl-Annessi I u II tad-deċiżjoni kkontestata, isem R. jidher elenkat bħala persuna kkonċernata minn din id-deċiżjoni.

262    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jirriżulta minn ebda waħda mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas mill-annessi tal-imsemmija deċiżjoni li l-Kummissjoni tattribwixxi lil R. ad personam parteċipazzjoni fl-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma qisitx f’din id-deċiżjoni li R. kien personalment implikat fl-imsemmi akkordju, iżda semmiet biss il-kwalità tiegħu ta’ impjegat ta’ waħda mir-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta inkludiet, b’mod partikolari fl-Anness II tal-istess deċiżjoni, l-isem ta’ R.

263    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-investigazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ma għandhomx, fil-prinċipju, l-għan li jiġi stabbilit li ċerti persuni fiżiċi pparteċipaw f’akkordju, iżda li jiġi stabbilit li l-impriżi għamlu dan, bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet li huma r-rikorrneti, b’mod partikolari, li kisru l-imsemmija dispożizzjoni billi pparteċipaw f’akkordju uniku u kontinwu u fi prattiċi miftiehma fis-settur tal-kejbils tal-elettriku. Ma hemmx riferiment għal R fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata bħala wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, EI du Pont de Nemours et vs Il-Kummissjoni, T-76/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:46, punt 159).

264    Minn dan isegwi li dan il-motiv, sa fejn huwa intiż li jikkontesta l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ R fl-akkordju, għandu jiġi miċħud.

265    Għaldaqstant, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud.

266    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxielhomx jipprovaw l-eżistenza ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-Kummissjoni li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernahom.

267    Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament ippreżentati mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

268    Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni waqt il-kalkolu tal-imsemmija ammonti. Bl-istess mod, huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali “temenda l-multa b’mod ekwu” minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

269    Qabel ma jiġu eżaminati d-diversi talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija marbuta tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li jipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-389/10 P, EU:C:2011:816, punti 130 u 131).

 Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-imsemmi ammont

270    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba tar-rikorrenti għal tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-imsemmi ammont, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet għal annullament ġew miċħuda, u, min-naħa l-oħra, li f’dan il-każ, ma hemmx elementi ta’ natura li jiġġustifikaw tnaqqis ta’ dawn l-ammonti. Minn dan isegwi li din it-talba għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

271    Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba tar-rikorrenti intiża għat-tnaqqis b’mod ekwu tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom, minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, huwa biżżejjed li jitfakkar li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli mill-Kummissjoni jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda minnha fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, peress li hija twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata, tali ksur tal-imsemmi prinċipju, jekk jiġi stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta (ara sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017,Villeroy et Boch vs Il-Kummissjoni, C-644/13 P, EU:C:2017:59, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

272    Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 93 iktar ’il fuq, tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva ma setax jiġi kkonstatat f’dan il-każ. Isegwi li din it-talba ma tistax tintlaqa’ u, għalhekk, hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti lir-rikorrenti fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

273    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

274    Peress li r-rikorrenti tilfu t-talbiet u l-motivi kollha tagħhom, u l-Kummissjoni għamlet talba f’dan is-sens, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż kollha.

275    Skont l-Artiklu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, hemm lok li jiġi deċiż li Goldman Sachs u Pirelli għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Prysmian SpA u Prysmian Cavi e Sistemi Srl għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      The Goldman Sachs Group, Inc. u Pirelli & C. SpA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


CollinsKanchevaBarents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2018.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Ir-rikorrenti u settur ikkonċernat

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-ksur inkwistjoni

Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

Il-multi imposti

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-talbiet għal annullament

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni

– Fuq l-iżvolġiment tal-ispezzjoni

– Fuq l-allegata assenza ta’ bażi legali

– Fuq l-allegat ksur tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

– Fuq l-impossibbiltà li jippreżenta talba għal immunità

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata lil PrysmianCS ta’ responsabbiltà għall-perijodu li jippreċedi s-27 ta’ Novembru 2001

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali

– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Kummissjoni naqset milli tiddetermina l-ishma tal-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjoni interna tagħhom

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ provi tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq id-determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006 u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kalkolu tal-multi imposti

– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

– Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-allegat żball bl-inklużjoni ta’ R fil-lista ta’ persuni kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata

Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti minħabba żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-imsemmi ammont

Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.