Language of document : ECLI:EU:T:2018:448

Kawża T475/14

Prysmian SpA u Prysmian Cavi e Sistemi Srl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Illegalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Terminu raġonevoli – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ responsabbiltà personali – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Prova suffiċjenti tal-ksur – Tul tal-ksur – Multi – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018

1.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Poter ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Portata u limiti – Twettiq ta’ kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuters matul spezzjoni – Tfittxijiet fil-kontenut ta’ kopja-immaġni li saru fil-bini tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(1), (2)(b) u (c) u (4))

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Poter ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Delimitazzjoni tal-portata ġeografika u temporali tal-ispezzjoni – Assenza tad-data ta’ tmiem l-ispezzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(2) u (4))

3.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligi tal-Kummissjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur minħabba tul eċċessiv tal-proedura – Kundizzjoni – Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati – Evalwazzjoni fir-rigward tal-proċedura kollha – Assenza

(Artikolu 101 TFUE, Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003)

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Obbligi tal-Kummissjoni – Obbligu għall-Kummissjoni li tikkontribwixxi, bil-mezzi tagħha stess, għad-determinazzjoni ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi rilevanti

(Artikolu 101 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

5.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Riferiment ġenerali għal dokumenti oħra annessi mar-rikors – Inammissibbiltà

[Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76(d)]

6.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Ksur – Imputazzjoni – Ksur imwettaq minn entità li ma waqfitx teżisti u li tkompla minn entità oħra li kienet is-suċċessur tagħha fl-attività ekonomika fis-suq ikkonċernat – Imputazzjoni tal-ksur kollu lil din l-entità l-oħra – Ammissibbiltà – Eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Data rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni

(Artikolu 101(1) TFUE))

7.      Kompetizzjoni – Multi – Evalwazzjoni b’riferiment għall-aġir individwali tal-impriża – Rilevanza tal-assenza ta’ sanzjoni kontra operatur ekonomiku ieħor – Assenza – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għandu jiġi rrikonċiljat ma’ dak tal-prinċipju ta’ legalità

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

8.      Kompetizzjoni – Multi – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas – Obbligu tal-Kummissjoni li tiddetermina l-ishma tal-kodebituri in solidum – Assenza

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

9.      Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Għan antikompetittiv – Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 101(1) TFUE)

10.    Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Prova tal-bidu tal-ksur

(Artikolu 101(1) TFUE)

11.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 22)

12.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Parti mis-suq akkumulata tal-partijiet kollha kkonċernati – Portata ġeografika tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 22)

13.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Portata – Impossibbiltà għal impriża li teżiġi l-applikazzjoni nondiskriminatorja ta’trattament illegali mogħti lil impriżi oħra kkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

1.      It-twettiq ta’ kopja-immaġni tal-hard disk ta’ kompjuters ta’ impriża li tkun is-suġġett ta’ spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jaqa’ taħt il-poteri tal-Kummissjoni previsti fl-Artikolu 20(2)(b) u (c) tal-istess regolament, peress li dan huwa parti mill-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tat-teknoloġija tal-investigazzjoni diġitali legali, li l-għan tagħha huwa t-tfittxija ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni fil-hard disk ta’ kompjuter permezz ta’ softwer speċifiku.

Għal dan il-għan, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha mill-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha neċessarji tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet tal-impriżi. Fir-rigward tal-poteri li għandha l-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjoni, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom, awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw il-poter li jeżaminaw il-kotba kif ukoll kull dokument ieħor professjonali, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, u li jieħdu jew jiksbu taħt kwalunkwe forma li tkun, kopja jew estratt ta’ dawn il-kotba jew dokumenti.

Sa fejn kopja tad-data maħżuna fuq mezz ta’ data diġitali tal-impriża spezzjonata titwettaq matul spezzjoni sabiex tippermetti t-tfittxija, fil-bini tal-Kummissjoni, tad-dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni, it-twettiq ta’ tali kopja jaqa’ taħt il-poteri mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 20(2)(b) u (c) tar-Regolament Nru 1/2003.

Fil-fatt, l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix li l-kontroll tal-kotba u tad-dokumenti professjonali tal-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni isir biss fil-bini tagħhom jekk l-imsemmija spezzjoni ma setgħetx titlesta fil-perijodu ta’ żmien previst oriġinarjament. Huwa jobbliga biss lill-Kummissjoni tosserva, meta jsir l-kontroll tad-dokumenti fil-bini tagħha, l-istess garanziji fir-rigward tal-impriżi spezzjonati bħal dawk imposti fuqha waqt kontroll fuq il-post.

(ara l-punti 47, 48, 50, 53, 58)

2.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tillimita l-kamp ta’ poteri mogħtija lill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni mill-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni billi tiddetermina, b’mod partikolari, il-portata ġeografika u temporali ta’ din id-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

Fir-rigward tal-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-fatt li din tindika li l-ispezzjoni tista’ ssir fil-“bini kollu” tal-impriża spezzjonata, ma jeskludix il-possibbiltà li l-Kummissjoni tissokta bl-ispezzjoni fil-bini tagħha stess.

Fir-rigward tal-portata temporali tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, l-assenza ta’ data tat-tmiem tal-ispezzjoni f’din id-deċiżjoni ma tfissirx li l-ispezzjoni tista’ tiġi estiża b’perijodu ta’ żmien illimitat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija marbuta bl-osservanza ta’ terminu raġonevoli, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 61-65)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 80-102)

4.      Fil-kuntest ta’ proċedura intiża li timponi multa fuq impriżi għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li teżamina l-provi mressqa mill-impriżi, iżda għandha, b’amministrazzjoni tajba, twettaq l-irwol tagħha, bil-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti.

(ara l-punt 110)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 112)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 127-138)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 144-147)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 151-158)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 178, 228)

10.    Għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza u t-tul ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE billi tipproduċi provi preċiżi u konkordanti, kull prova li hija tipprovdi ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit.

Peress li l-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huma intiżi li jkopru, minn perspettiva suġġettiva, forom ta’ kollużjoni tal-istess natura li jistgħu jiġu distinti minn xulxin biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom, huwa biżżejjed, barra minn hekk, li l-prova tal-elementi li jikkostitwixxu wieħed jew l-ieħor minn dawn il-forom ta’ ksur imsemmija f’din id-dispożizzjoni tkun ġiet stabbilita sabiex, fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar tapplika.

Il-Kummissjoni, għaldaqstant, ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE beda fil-laqgħa li ppermetta lill-kumpanniji kkonċernati, li kellhom ir-rieda komuni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tat-tqassim tas-swieq, jeliminaw jew, minn tal-inqas, inaqqsu b’mod sostanzjali l-inċertezza dwar l-aġir mistenni minnhom fis-suq.

(ara l-punti 195-197, 212, 215)

11.    Skont il-kliem stess tal-paragrafu 22 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, il-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq, jew in-nuqqas tiegħu, bħala fattur aggravanti jew attenwanti waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Huwa suffiċjenti li l-livell tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni jkun iġġustifikat minn elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-gravità skont din l-aħħar dispożizzjoni, bħan-natura stess tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati u l-portata ġeografika tiegħu.

(ara l-punt 230)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 234, 235)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 245-257)