Language of document : ECLI:EU:C:2016:209

Kawżi magħquda C‑186/14 P u C‑193/14 P

ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. et

vs

Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd

“Appell – Dumping – Regolament (KE) Nru 384/96 – Artikolu 3(5), (7) u (9) – Artikolu 6(1) – Regolament (KE) Nru 926/2009 – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2016

1.        Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

2.        Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

3.        Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Stabbiliment tar-rabta kawżali – Obbligi tal-istituzzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi mhux relatati mad-dumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(7))

4.        Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Impożizzjoni ta’ dazji antidumping – Kundizzjonijiet – Dannu – Theddid ta’ ħsara importanti – Prova – Teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 3(9) u 6(1))

1.        Fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

F’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix, madankollu, evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjoni. Dan l-istħarriġ ma jfixkilx is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu josserva jekk dawn l-elementi humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta mill-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 34, 35)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 38-48)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 54-56)

4.        Għalkemm huwa minnu li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 li, bħala prinċipju, l-informazzjoni ta’ wara perijodu tal-investigazzjoni ma hijiex meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jeskludi totalment tali teħid inkunsiderazzjoni.

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għalhekk jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, l-informazzjoni ta’ wara perijodu tal-investigazzjoni. Dan huwa possibbli iktar u iktar fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet li għandhom bħala għan mhux il-konstatazzjoni ta’ ħsara, iżda d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara li, min-natura tagħha, timplika analiżi prospettiva. Issa, l-eżistenza ta’ theddida ta’ ħsara, kif ukoll dik ta’ ħsara, għandha tiġi stabbilita mid-data tal-adozzjoni ta’ miżura antidumping. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 3(9) tar-Regolament bażiku li d-determinazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara importanti għandha tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjonijiet, tbassir jew possibbiltà remota u li l-bidla fiċ-ċirkustanzi li kieku toħloq sitwazzjoni fejn id-dumping jikkawża ħsara għandha tkun imbassra b’mod ċar u imminenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni ta’ wara l-perijodu tal-investigazzjoni tista’ tiġi użata sabiex tikkonferma jew tippreġudika l-previżjonijiet li jinsabu fir-Regolament provviżorju u tippermetti, fl-ewwel ipoteżi, l-istabbiliment ta’ dazju antidumping definittiv.

Tali rikors għal informazzjoni ta’ wara l-perijodu ta’ investigazzjoni ma jistax, madankollu, jaħrab mill-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni. Għalkemm dan l-istħarriġ għandu josserva s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, madankollu l-Qorti Ġenerali ma teċċedix il-limiti ta’ dan l-istħarriġ billi tivverifika li l-provi li fuqhom l-imsemmija istituzzjonijiet jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom jappoġġjaw il-konklużjonijiet li dawn tal-aħħar jiġbdu.

(ara l-punti 70-74)