Language of document : ECLI:EU:C:2022:710

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑22 ta’ Settembru 2022 (1)

Kawża C34/21

Hauptpersonalrat der Lehrer und Lehrer beim Hessischen Kultusministerium

bl-intervent ta’:

Minister des Hessischen Kultusministeriums als Dienststellenleiter

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni ta’ data personali — Regolament (UE) 2016/679 — Ipproċessar ta’ data fil-qasam tal-impjieg — Artikolu 88(1) — Regola iktar speċifika — Rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) — Sistema skolastika reġjonali — Tagħlim live permezz ta’ vidjokonferenza — Nuqqas ta’ kunsens espliċitu tal-għalliema”






1.        Fit-tilwima li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi deċiż, essenzjalment, jekk l-għalliema fis-servizz ta’ Ministeru tal-Land ta’ Hesse (il-Ġermanja) għandhomx jagħtu l-kunsens tagħhom għax-xandir tat-tagħlim tagħhom permezz ta’ vidjokonferenza jew jekk, fin-nuqqas ta’ kunsens tagħhom, l-ipproċessar tad-data personali tagħhom (2) jistax ikun ibbażat fuq għan leġittimu msemmi fir-Regolament (UE) 2016/679 (3).

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi għall-ewwel darba, sakemm mhux qiegħed niżbalja, dwar l-Artikolu 88 tal-GDPR. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew ta’ ftehim kollettiv, jistabbilixxu regoli iktar speċifiċi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-ħaddiema fil-qasam tal-impjieg.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni. GDPR

3.        Il-premessi li ġejjin huma fformulati kif ġej:

“[…]

(8)      Fejn dan ir-Regolament jipprevedi speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet għar-regoli tiegħu mil-liġijiet tal-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu, sa fejn ikun meħtieġ għall-koerenza u biex id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu komprensibbli għall-persuni li għalihom japplikaw, jinkorporaw elementi ta’ dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħhom.

[…]

(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-konformità ma’ obbligu legali, għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament. […]

[…]

(45)      Fejn l-ipproċessar jitwettaq f’konformità ma’ obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, l-ipproċessar għandu jkollu bażi fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Dan ir-Regolament ma jirrikjedix liġi speċifika għal kull ipproċessar individwali. Tista’ tkun biżżejjed liġi li sservi ta’ bażi għal diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa soġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali. Għandha tkun ukoll il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tiddetermina l-fini tal-ipproċessar. Barra minn hekk, dik il-liġi tista’ tispeċifika l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament li jirregola l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-kontrollur, it-tip ta’ data soġġetta għall-ipproċessar, is-suġġetti tad-data kkonċernati, l-entitajiet li lilhom tista’ tiġi żvelata d-data personali, il-limitazzjonijiet tal-fini, il-perijodu tal-ħażna u miżuri oħra li jiżguraw ipproċessar legali u ġust. […]

(155)      Il-liġi tal-Istat Membru jew ftehimiet kollettivi, inklużi ‘ftehimiet tax-xogħol’, jistgħu jipprevedu regoli speċifiċi dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tax-xogħol, b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet li taħthom id-data personali fil-kuntest tal-impjieg tista’ tkun ipproċessata fuq il-bażi tal-kunsens tal-impjegat, il-finijiet tar-reklutaġġ, it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol, inkluż it-twettiq tal-obbligi stabbiliti bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fil-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u għall-għanijiet tal-eżerċizzju u t-tgawdija, fuq bażi individwali jew kollettiva, ta’ drittijiet u benefiċċji relatati mal-impjieg, u għall-għan tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg.

[…]”.

4.        L-Artikolu 5 (“Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”) jipprovdi:

“1.      Id-data personali għandha:

a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

b)      tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi, u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

c)      tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

d)      tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

e)      tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista’ tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

f)      tiġi ipproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

2.      Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’)”.

5.        L-Artikolu 6 (“Legalità tal-ipproċessar”) tal-GDPR jipprovdi:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.      L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1, billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust, inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)      il-liġi tal-Unjoni, jew

b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar, is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali, il-limitazzjoni ta’ fini, il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.      Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn ta’:

a)      kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

b)      il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

c)      in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

d)      il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

e)      l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.”

6.        L-Artikolu 88 (‘Ipproċessar fil-kuntest tal-impjieġi’) jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu, bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi, jipprevedu regoli aktar speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ta’ impjegati fil-kuntest tal-impjiegi, b’mod partikolari għall-finijiet tar-reklutaġġ, it-twettiq tal-kuntratt tax-xogħol, inkluż it-twettiq tal-obbligi stipulati bil-liġi jew bi ftehimiet kollettiv, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fil-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-proprjetà ta’ min iħaddem jew il-klijenti, u għall-finijiet tal-eżerċizzju u t-tgawdija, fuq bażi individwali jew kollettiva, ta’ drittijiet u benefiċċji relatati mal-impjieg u għall-fini tat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg.

2.      Dawk ir-regoli għandhom jinkludu miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-dinjità tal-bniedem tas-suġġetti tad-data, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tal-ipproċessar, it-trasferiment ta’ data personali fi grupp ta’ impriżi, jew grupp ta’ intrapiżi involuti f’attività ekonomika konġunta u s-sistemi ta’ monitoraġġ fil-post tax-xogħol.

3.      Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1, sal‑25 ta’ Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom”.

B.      Iddritt nazzjonali

1.      Hessisches Datenschutz- und Informationsfreiheitsgesetz (4)

7.        L-Artikolu 23 jipprovdi:

“(1)      Id-data personali tal-ħaddiema tista’ tiġi pproċessata għall-finijiet tar-relazzjoni ta’ impjieg jekk dan ikun meħtieġ għad-deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew, wara l-istabbiliment tar-relazzjoni ta’ impjieg, għall-applikazzjoni, it-terminazzjoni jew il-likwidazzjoni tagħha, kif ukoll għall-applikazzjoni ta’ miżuri interni ta’ ppjanar, organizzazzjoni, soċjali jew tal-persunal. Dan japplika wkoll għall-eżerċizzju jew it-twettiq tad-drittijiet u l-obbligi tar-rappreżentanti tal-interessi tal-impjegati li jirriżultaw minn liġi jew ftehim kollettiv ġenerali, ftehim ta’ intrapriża jew ftehim kollettiv tas-servizz pubbliku (ftehim kollettiv).

[…]

(4)      L-ipproċessar ta’ data personali, inklużi kategoriji speċjali ta’ data personali tal-ħaddiema għall-finijiet tar-relazzjoni ta’ impjieg, għandu jkun permess b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv. F’dak il-kuntest, il-partijiet fin-negozjati għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 88(2) tal-[GDPR].

(5)      Il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jiżgura, b’mod partikolari, il-konformità mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-[GDPR].

[…]

(8)      Impjegati skont it-tifsira ta’ din il-liġi:

[…]

7.      l-uffiċjali suġġetti għall-Hessisches Beamtengesetz (5), il-maġistrati tal-Land, kif ukoll persuni li jwettqu s-servizz pubbliku.

[…]”.

2.      Hessiches Beamtengesetz

8.        L-Artikolu 86(4) jipprovdi:

“Min iħaddem jista’ jiġbor data personali mingħand l-applikanti, l-uffiċjali u l-ex uffiċjali biss sa fejn dan ikun neċessarju għall-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew għall-implimentazzjoni, it-terminazzjoni jew il-likwidazzjoni tagħha, kif ukoll għall-applikazzjoni ta’ miżuri organizzattivi, ta’ natura soċjali jew tal-persunal, b’mod partikolari għall-ippjanar u t-tqassim tal-persunal, jew jekk dispożizzjoni leġiżlattiva jew ftehim kollettiv tas-servizz pubbliku jippermetti dan […]”.

II.    Ilfatti, ilkawża u ddomanda preliminari

9.        Il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), li kienet inizjalment responsabbli għat-tressiq ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma pprovdiet deskrizzjoni dettaljata la tal-fatti tal-kawża, la tad-dispożizzjonijiet ikkontestati fiha (6) u lanqas tat-tibdil fiċ-ċirkustanzi tal-proċedura, iżda ffokat pjuttost fuq li tesponi d-dubji tagħha dwar l-aspetti legali.

10.      Din il-qorti tillimita ruħha li tikkonstata li l-partijiet “ma jaqblux dwar jekk l-introduzzjoni tat-tagħlim online permezz ta’ sistemi ta’ vidjokonferenza jeħtieġx, minbarra l-kunsens tal-ġenituri ta’ studenti minuri jew ta’ studenti adulti, dak tal-għalliem ikkonċernat jew jekk, għall-kuntrarju, l-ipproċessar tad-data li jsir f’dan il-każ jaqax taħt l-ewwel sentenza tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG […]”.

11.      B’mod partikolari, hija għandha dubji dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG tikkostitwixxix “regola iktar speċifika” fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 88(1) u (2) tal-GDPR. Din id-dispożizzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) tal-GDPR, peress li:

—      Din tirreferi biss għal “neċessità” bħala l-bażi legali għall-ipproċessar tad-data tal-impjegati jew tal-uffiċjali.

—      Kwalunkwe pproċessar tad-data tal-ħaddiema li jmur lil hinn minn dak li huwa sempliċement meħtieġ skont il-kuntratt ta’ impjieg għandu jitwettaq wara bbilanċjar tal-interessi li jmur lil hinn mis-sempliċi neċessità, li ma hijiex prevista mid-dritt nazzjonali.

12.      Il-qorti tar-rinviju tindika li hija ma taqbilx mal-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) dwar il-kompatibbiltà tal-ekwivalenti federali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG (7) mal-Artikolu 88 tal-GDPR.

13.      Il-qorti tar-rinviju tqis, għall-kuntrarju, li:

—      L-introduzzjoni tal-prinċipju ta’ “neċessità” fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwixxix twettiq konkret tar-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) tal-GDPR.

—      Ir-riferiment għal li l-kontrollur għandu jikkonforma, b’mod partikolari, mal-prinċipji tal-Artikolu 5 tal-GDPR lanqas ma tissodisfa dawk ir-rekwiżiti, peress li l-Artikolu 5 ma fih l-ebda protezzjoni speċifika għall-ħaddiema.

—      Għalkemm il-leġiżlatur, fil-bidu, ħa inkunsiderazzjoni l-Artikolu 88(2) tal-GDPR, billi jeżiġi l-osservanza tal-ftehimiet kollettivi, huwa la analizza u lanqas ma kkonforma ruħu mal-katalogu tar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 la fil-liġi nnifisha u lanqas fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-leġiżlazzjoni korrispondenti.

14.      F’dan il-kuntest, din il-qorti għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 88(1) tal-[GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun regola iktar speċifika li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ta’ impjegati fil-kuntest tal-impjiegi fis-sens tal-Artikolu 88(1) tal-imsemmi regolament, dispożizzjoni legali għandha tissodisfa r-rekwiżiti imposti fuq tali regoli mill-Artikolu 88(2) ta’ dan ir-regolament?

2)      Fil-każ li ma tkunx tidher li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) [tal-GDPR], regola nazzjonali tista’ xorta waħda tkun applikabbli?”

III. Proċeduri quddiem ilQorti talĠustizzja

15.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Jannar 2021.

16.      B’effett mill‑1 ta’ Diċembru 2021 (8), il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main), li quddiemha hija kompliet tittratta t-tilwima ta’ oriġini, ingħatat ġurisdizzjoni.

17.      Il-Gvern Ġermaniż, Awstrijak u dak Rumen kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha kemm huma, kif ukoll il-Kumitat tal-Għalliema, wieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti Ġenerali qabel is-seduta.

18.      Waqt is-seduta, li nżammet fit‑30 ta’ Ġunju 2022, dehru l-Kumitat tal-Għalliema, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Land ta’ Hesse, il-Gvern Ġermaniż  u l-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

A.      Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

19.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż oġġezzjona li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li, fl-evalwazzjoni dwar jekk l-ipproċessar ta’ data personali relatat max-xandir live tat-tagħlim permezz ta’ vidjokonferenza jaqax taħt l-Artikolu 23(1) tal-HDSIG, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-possibbiltà li tali pproċessar huwa awtorizzat abbażi tal-kunsens tal-għalliem.

20.      Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ikkwalifika parzjalment din l-oġġezzjoni, filwaqt li rrikonoxxa li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi (jiġifieri li r-rinviju jkun ammissibbli) jekk kienx ingħata l-kunsens mill-għalliema kkonċernati għall-ipproċessar.

21.      Fi kwalunkwe każ, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli elementi fattwali u legali neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (9).

22.      L-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi ma hija preżenti f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, fejn tipprevali l-preżunzjoni ta’ rilevanza tagħha (10). Il-premessa sottostanti hija li mhux l-għalliema kollha neċessarjament jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom, u għalhekk jibqa’ interess li jiġi ddeterminat jekk ir-regola li tkopri tali pproċessar mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni (11).

23.      Id-domanda preliminari titlob, preċiżament, li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni li hija l-bażi għall-ipproċessar ta’ data personali tal-għalliema, fin-nuqqas tal-kunsens tagħhom, tissodisfax jew le r-rekwiżiti tal-Artikolu 88(1) u (2) tal-GDPR. Ir-rabta suffiċjenti bejn it-tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li qegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom hija għalhekk inkontestabbli.

B.      Fuq ilmertu

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

24.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex dispożizzjoni leġiżlattiva tikkostitwixxi “regola iktar speċifika” fis-sens tal-Artikolu 88(1) tal-GDPR, din għandhiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2).

25.      Il-qari tal-Artikolu 88 tal-GDPR iwassal għall-konklużjoni li r-“regoli aktar speċifiċi” msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2.

26.      Skont l-Artikolu 88(2) tal-GDPR, “dawn ir-regoli” (jiġifieri r-regoli iktar speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1 u li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu) għandhom jinkludu “miżuri xierqa u speċifiċi” biex jiġu protetti d-dinjità, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema. Dawn ir-regoli għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lit-trasparenza tal-ipproċessar, it-trasferiment tad-data fi ħdan grupp ta’ negozju jew unjoni tan-negozju u lis-sistemi superviżorji fuq il-post tax-xogħol.

27.      Għalhekk hemm rabta ovvja bejn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 88 tal-GDPR: it-tieni wieħed jispeċifika, f’termini mandatorji (12), il-kontenut tar-regoli speċifiċi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw, fil-qasam tal-impjieg, skont l-ewwel paragrafu.

28.      Għaldaqstant, ir-risposta għal din id-domanda preliminari ma tippreżenta l-ebda diffikultà kbira: l-Artikolu 88 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva intiża sabiex tikkostitwixxi “regola iktar speċifika” fis-sens tal-paragrafu 1 tiegħu, “għandha tissodisfa r-rekwiżiti” — sabiex nuża l-kliem tal-qorti tar-rinviju — tal-paragrafu 2.

29.      Ma huwiex plawżibbli li, sabiex tasal għal dan il-konklużjoni, il-qorti tar-rinviju jkollha bżonn l-għajnuna tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, forsi s-sens vera tal-ewwel domanda jista’ jiġi eżaminat fid-dawl tat-tieni domanda. F’dan tal-aħħar, il-kwistjoni hija jekk regola nazzjonali li “ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2)” tal-GDPR (13) tistax tkompli tapplika.

30.      Minn din il-perspettiva (li hija dik tad-deċiżjoni tar-rinviju), id-dibattitu jestendi għal jekk id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-Istati Membri adottati skont l-Artikolu 88(1) tal-GDPR, iżda li ma jikkonformawx mal-Artikolu 88(2), jistgħux jaqgħu taħt regoli oħra tal-GDPR. B’mod partikolari, klawżoli ta’ ftuħ oħra ta’ dan ir-regolament, bħall-Artikolu 6(2) tiegħu.

31.      Is-sovrapożizzjoni taż-żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju hija tali li l-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni huma inklinati li jagħtuhom risposta konġunta, approċċ li naqbel miegħu u ser isegwi.

2.      LArtikolu 88 talGDPR u sservizz pubbliku tattagħlim

32.      Il-qorti tar-rinviju tassumi li, fir-rigward tar-regoli interni dwar il-protezzjoni tad-data, l-għalliema rrappreżentati fil-Kumitat tal-Għalliema u fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Land ta’ Hesse għandhom relazzjoni ta’ impjieg.

33.      Din il-preżunzjoni hija konformi mal-HDSIG, li, fir-regolamentazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tal-ħaddiema, tikklassifika bħala impjegati, fis-sens ta’ din il-liġi, l-uffiċjali suġġetti għall-HBG, inklużi l-għalliema.

34.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju fl-ebda mument ma ddubitat dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 88 tal-GDPR għall-impjegati tal-Land li jwettqu s-servizz pubbliku ta’ tagħlim.

35.      Il-partijiet u l-intervenjenti fil-kawża tar-rinviju, meta mistoqsija dwar din il-kwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kkontestawx din il-preżunzjoni. Kollha jaqblu li l-impjieg fis-servizz pubbliku tat-tagħlim ma jaqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 88 tal-GDPR.

36.      Jidhirli li dan l-approċċ huwa korrett u jista’ jintuża biex jiġi analizzat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 88 tal-GDPR, meta jirreferi għall-“protezzjoni tad-data tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol”.

37.      Fis-sens wiesa’, il-kategorija ta’ ħaddiema tinkludi, kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, l-għalliema li jservu l-Land u li l-interessi tagħhom huma rrappreżentati mill-Kumitat tal-Għalliema.

38.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-relazzjoni ta’ impjieg (14) u dwar il-kunċett ta’ ħaddiema, fir-rigward tal-moviment liberu tagħhom u n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-ex Artikolu 39(4) KE (li sar l-Artikolu 45(4) TFUE) għall-impjieg fis-servizz pubbliku, tista’, b’analoġija, tispira s-soluzzjoni li nipproponi.

39.      Skont din il-ġurisprudenza, li tenfasizza l-aspett funzjonali tal-kompitu mwettaq:

—      il-kunċett ta’ amministrazzjoni pubblika, għal dan il-għan, għandu jiġi interpretat u applikat b’mod uniformi fl-Unjoni kollha u għalhekk ma huwiex possibbli li jitħalla għad-diskrezzjoni assoluta tal-Istati Membri.

—      L-Artikolu 45(4) TFUE jirreferi għall-impjiegi li jinvolvu l-parteċipazzjoni, diretta jew indiretta, fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u fil-funzjonijiet maħsuba biex iħarsu l-interessi ġenerali tal-Istat u tal-korpi pubbliċi l-oħra (15).

40.      Peress li l-għalliema ma jipparteċipawx, bħala tali, fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens strett, iżda jipprovdu attività edukattiva (16) simili għal dik li huma jipprovdu lill-entitajiet jew impriżi privati oħra, huma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema” f’termini ġenerali u, konsegwentement, fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

41.      Inkella, kif enfasizza l-Gvern Awstrijak, dan ikun ifisser li jiġu ttrattati b’mod differenti sitwazzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti, bħal dawk li, mill-perspettiva materjali, jiddefinixxu l-pożizzjoni tal-għalliema fis-servizz pubbliku u fis-settur privat. Dan ikun iktar serju peress li, kif allegat il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ servizz pubbliku ma huwiex armonizzat fl-Unjoni, bil-konsegwenza li, fil-każ ta’ interpretazzjoni differenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 88 tal-GDPR ikun jiddependi mid-dritt nazzjonali.

3.      Klawżoli miftuħa filGDPR

42.      Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Fashion ID (17), bis-sostituzzjoni tad-Direttiva 95/46/KE (18) bil-GDPR, kien hemm, qabel kollox, bidla fundamentali fin-natura tal-istrument legali li jirregola l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

43.      Dan l-istrument ma għadux direttiva (jiġifieri regola li timponi obbligu ta’ riżultat, li tħalli l-għażla tal-forma u l-mezzi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali), iżda regolament. Dan tal-aħħar, li huwa vinkolanti fl-intier tiegħu u direttament applikabbli f’kull Stat Membru, bħala prinċipju u sakemm ma jkunx espressament awtorizzat, ma jippermettix li r-regoli nazzjonali jinkorporaw (jew jirreplikaw) il-kontenut tiegħu (19).

44.      Minkejja li l-GDPR mar lil hinn mill-armonizzazzjoni segwita mid-Direttiva 95/46 (20), il-kważi universalità tal-oqsma tal-attività tal-bniedem li fihom tiġi ġġenerata data personali, li l-ipproċessar tagħha għandu jiġi protett (21) iddeterminat li l-leġiżlatur jagħti s-setgħa lill-Istati Membri li:

—      jinkorporaw fid-dritt nazzjonali tagħhom ċerti elementi tal-GDPR, fejn il-GDPR jipprevedi li r-regoli tiegħu huma speċifikati jew ristretti mil-liġi tal-Istati Membri;

—      iżomm jew jadotta dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jispeċifikaw iktar l-applikazzjoni ta’ xi regoli tal-GDPR (22).

45.      Filwaqt li l-GDPR ifittex li jiżgura applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha u li jneħħi l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni (23), il-leġiżlatur Ewropew seta’ jirrikonoxxi, kif indika l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour, li r-realtà hija aktar kumplessa: minkejja n-natura trasversali tiegħu, il-GDPR ma setax jantiċipa r-ramifikazzjonijiet kollha possibbli tal-protezzjoni tad-data personali f’oqsma bħall-konsum, il-kompetizzjoni jew ix-xogħol (24).

46.      Huwa għalhekk spjegat li l-GDPR joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jistabbilixxu regoli nazzjonali addizzjonali li huma aktar stretti jew li jipprevedu xi deroga. L-Istati għandhom marġni ta’ diskrezzjoni dwar kif dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati (“klawżoli ta’ ftuħ”) (25).

47.      Il-proliferazzjoni relattiva ta’ dan it-tip ta’ klawżoli kienet ta’ detriment għall-armonizzazzjoni sħiħa tal-protezzjoni tad-data personali (26). Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni, li l-GDPR jobbliga lill-Istati Membri jilleġiżlaw f’xi oqsma, filwaqt li jagħtihom il-possibbiltà li jispeċifikaw ir-regoli tagħhom f’oħrajn, fisser “grad ta’ frammentazzjoni li huwa partikolarment dovut għall-użu estensiv ta’ klawżoli ta’ speċifikazzjoni fakultattivi” (27).

48.      Il-klawżola ta’ interess partikolari f’din il-kawża hija dik tal-Artikolu 88(1) tal-GDPR. Madankollu, għandha tiġi eżaminata fil-qosor ir-relazzjoni tagħha ma’ dik tal-Artikolu 6(1)(b) u (e) ta’ dan ir-regolament, li saret waqt is-seduta.

a)      Artikolu 6(2) talGDPR

49.      Skont il-Kapitolu II tal-GDPR, li jistabbilixxi l-“prinċipji” li huma l-bażi għall-ipproċessar ta’ data personali u b’hekk jiffurmaw l-istruttura ġenerali tas-sistema, l-Artikolu 6(1) jelenka l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar. B’mod partikolari, il-punt (a) ta’ dan l-aħħar paragrafu jirreferi għall-kunsens tas-suġġett tad-data u l-punt (b) li l-ipproċessar tagħha jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data jkun parti.

50.      Dawn il-kundizzjonijiet huma miżjuda ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR b’mod ġenerali (28) u speċifikati fl-Artikoli 7 sa 11 tal-GDPR fir-rigward tal-kunsens (l-Artikolu 7 u, fir-rigward tal-minuri, l-Artikolu 8), l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali (l-Artikolu 9) jew kundanni kriminali u reati (l-Artikolu 10) u l-ipproċessar li ma jeħtieġx identifikazzjoni (l-Artikolu 11).

51.      Ma’ dan is-sett ta’ prinċipji u regoli jistgħu jiżdiedu mad-“dispożizzjonijiet iktar speċifiċi” adottati (jew miżmuma) mill-Istati Membri biex, f’konformità mal-Artikolu 6(2) tal-GDPR, “jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli” tal-GDPR fir-rigward ta’ żewġ tipi ta’ pproċessar speċifiċi, fejn ikunu meħtieġa biex:

—      Konformità ma’ obbligu legali (l-Artikolu 6(1)(c)).

—      It-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali (l-Artikolu 6(1)(e)) (29).

52.      Dan l-“adattament”, iżżid id-dispożizzjoni, ser jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ “rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust”, inklużi “sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX”.

53.      Din l-aħħar espressjoni tad-dispożizzjoni ma għandhiex iċ-ċarezza mixtieqa, peress li ma huwiex faċli li jiġi dedott jekk biha jingħatax il-kunsens — ninsisti, għall-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 6(1)(c) u (e) — għar-regolamentazzjoni ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi differenti minn dawk diġà koperti mill-Kapitolu IX jew jekk dawn tal-aħħar humiex l-uniċi permessi mill-GDPR għal dawk iż-żewġ tipi ta’ pproċessar.

b)      Artikolu 88(1) talGDPR

54.      Fi kwalunkwe każ, nirrepeti, il-klawżola ta’ ftuħ li hija rilevanti hawnhekk, peress li tiffoka fuqha l-qorti tar-rinviju, hija dik tal-Artikolu 88(1) tal-GDPR. Infakkar li, skont il-kliem tagħha, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, permezz ta’ leġiżlazzjoni jew ftehim kollettiv, “regoli aktar speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali ta’ impjegati fil-kuntest tal-impjiegi”.

55.      L-ipproċessar ta’ tali data personali jista’ jitwettaq, b’mod partikolari, għall-finijiet ta’:

—      ir-reklutaġġ tal-persunal, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tal-impjieg (30), il-ġestjoni, l-ippjanar u l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ugwaljanza u d-diversità fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni tal-proprjetà ta’ min iħaddem jew tal-klijenti;

—      l-eżerċizzju u t-tgawdija, individwalment jew kollettivament, tad-drittijiet u l-benefiċċji relatati mal-impjieg; u

—      it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.

56.      L-awtorizzazzjoni għall-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet timplika ċertu effett “diżarmonizzanti”. Ir-regoli nazzjonali awtorizzati mill-Artikolu 88(1) tal-GDPR jistgħu jinvolvu, għal Stat Membru wieħed jew aktar, l-introduzzjoni ta’ differenzi fis-sistema ġenerali tal-GDPR li jmorru lil hinn mis-sempliċi funzjoni ta’ “adattament” permessa mill-Artikolu 6(2) tal-GDPR:

—      L-Artikolu 6(2) tal-GDPR jagħti s-setgħa lill-Istati Membri biex jadattaw l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-GDPR innifsu.

—      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 88(1) tal-GDPR jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli iktar speċifiċi dwar il-garanziji. Hija għalhekk attività ta’ ħolqien ta’ leġiżlazzjoni ta’ intensità ikbar, li ma hijiex il-każ meta tkun sempliċement kwistjoni ta’ adattament jew ta’ akkomodazzjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, li l-kontenut u l-portata tagħha għandhom jitqiesu bħala definittivi (31).

4.      Artikolu 23 HDSIG firrigward talGDPR

57.      F’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 88(3) tal-GDPR, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet legali adottati minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 88(1) tal-GDPR kienu jinkludu l-Artikolu 23 HDSIG.

58.      Fil-fehma tiegħi, li tikkoinċidi fuq dan il-punt ma’ dik tal-qorti tar-rinviju u dik tal-Kummissjoni, l-Artikolu 23 tal-HDSIG ma jissodisfax il-kundizzjoni li “jiġu stabbiliti regoli iktar speċifiċi” għall-protezzjoni tad-drittijiet inerenti fl-ipproċessar tad-data personali fil-qasam tal-impjieg, kif propost mill-Artikolu 88(1) tal-GDPR.

59.      Kemm l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG kif ukoll l-ewwel sentenza tal-Artikolu 86(4) tal-HBG jillimitaw ruħhom li jipprevedu li d-data personali tal-impjegati u tal-uffiċjali tista’ tiġi pproċessata għall-finijiet tar-relazzjoni ta’ impjieg, jekk dan ikun “neċessarju” għal wieħed minn dawn l-għanijiet:

—      għad-deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ tali relazzjoni jew, ladarba din tal-aħħar tkun ġiet stabbilita, għall-applikazzjoni, it-terminazzjoni jew il-likwidazzjoni tagħha; jew

—      għall-implimentazzjoni ta’ miżuri interni ta’ ppjanar u organizzazzjoni jew ta’ natura personali jew soċjali.

60.      Fil-verità, iż-żewġ regoli jagħmlu l-ipproċessar tad-data personali tal-ħaddiema suġġett għas-sempliċi fatt li jkun meħtieġ għal ċerti finijiet.

61.      Għalhekk, din ma hijiex dispożizzjoni differenti ħafna minn dik imsemmija fl-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR (“l-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk […] ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data”) (32).

62.      L-Artikolu 23 tal-HDSIG għalhekk itenni kundizzjoni diġà meħtieġa mill-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR għal-legalità ġenerali tal-ipproċessar. Għall-kuntrarju, ma jżid l-ebda regola speċifika li tipproteġi d-drittijiet involuti fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali fuq il-post tax-xogħol (33).

63.      L-istess riżultat jinkiseb kieku l-attività ta’ tagħlim inkwistjoni kellha taqa’ taħt l-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR (jiġifieri jekk l-ipproċessar inkwistjoni kienx neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi) (34).

64.      Fil-każ tal-punti (c) u (e), l-Artikolu 6(2) tal-GDPR jippermetti lill-Istati Membri, kif diġà indikajt, li jżommu jew jintroduċu “dispożizzjonijiet aktar speċifiċi […] billi jiddeterminaw b’mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar […]”.

65.      Jiena nenfasizza li l-Artikolu 23 tal-HDSIG ma jikkostitwixxix “dispożizzjoni iktar speċifika”, iżda sempliċement jippermetti l-ipproċessar tad-data tal-ħaddiema fejn meħtieġ. Ma jasalx biex jispeċifika l-kundizzjonijiet u t-termini ta’ tali proċessar possibbli.

66.      Il-Gvern Ġermaniż isostni, kuntrarjament għal din il-pożizzjoni, li huwa “impossibbli u mhux fattibbli” li tiġi riflessa fid-dettall il-varjetà ta’ pproċessar ta’ data fil-kuntest tax-xogħol. Fil-fehma tiegħu, dispożizzjoni leġiżlattiva li fuqha huwa bbażat l-ipproċessar li ma jeħtieġx bażi legali iktar speċifika, fejn xieraq, għandha tkun suffiċjenti (35).

67.      B’risposta għal dak li ntqal hawn fuq huwa biżżejjed li jingħad li, diffiċli kemm jista’ jkun diffiċli l-isforz, l-Artikolu 88(3) tal-GDPR huwa eżawrjenti billi jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-“dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont il-paragrafu 1” tal-istess artikolu. Fi kliem ieħor, mhux id-dispożizzjonijiet (bażiċi) li fuqhom huma bbażati regoli iktar speċifiċi, iżda preċiżament dawn tal-aħħar. In-notifika għandha ssir b’mod individwalizzat u espliċitu (36).

68.      Fil-qosor, dak li jagħmel l-Artikolu 23 tal-HDSIG huwa li jtenni l-awtorizzazzjoni li diġà tinsab fl-Artikolu 88(1) tal-GDPR jew, fi kliem ieħor, li jiftaħ il-bieb li jippermetti l-ħolqien (jew manutenzjoni) ulterjuri ta’ regoli iktar speċifiċi.

69.      Minbarra li ma jistabbilixxix per se “regoli iktar speċifiċi” fis-sens tal-Artikolu 88(1) tal-GDPR, l-Artikolu 23 HDSIG lanqas ma jinkludi “miżuri xierqa u speċifiċi biex jissalvagwardjaw id-dinjità tal-bniedem tas-suġġett tad-data, l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali”.

70.      Billi jħalli barra tali miżuri, l-Artikolu 23 HDSIG ma jikkonformax mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 88(2) tal-GDPR biex tiġi aċċettata l-leġiżlazzjoni differenzjata tal-Istati Membri fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali.

71.      Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija limitata għall-iskrutinju tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u mhux tal-ftehimiet kollettivi, mhux sejjer neżamina dawn tal-aħħar (37), iżda biss id-dispożizzjonijiet.

72.      Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur nazzjonali ma jistax jillimita ruħu, bħalma jagħmel l-Artikolu 23(5) HDSIG, li jipprovdi li l-kontrollur tad-data għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiżgura “l-osservanza tal-prinċipji tal-ipproċessar stabbiliti fl-Artikolu 5” tal-GDPR. Din il-parti hija żejda, peress li kwalunkwe pproċessar tad-data għandu jkun, bħala prinċipju u mill-inqas, f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-GDPR.

73.      Dak li jittratta l-Artikolu 88(2) tal-GDPR huwa l-istabbiliment ta’ miżuri li jiżguraw, fil-qasam tal-garanziji, id-debita korrispondenza mal-ispeċifiċità ta’ dawk adottati bi qbil mal-Artikolu 88(1) tal-GDPR. Huwa maħsub, fil-qosor, li l-partikolarità awtorizzata minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar tkun taqbel kif xieraq, mal-ispeċifiċità rilevanti tal-garanziji tagħha.

74.      Jekk jiġi aċċettat li l-Artikolu 23 tal-HDSIG fih regoli speċifiċi skont l-Artikolu 88(1) tal-GDPR, intenni, fir-rigward tal-garanziji meħtieġa mill-paragrafu 2 ta’ dan l-aħħar artikolu, dawk ġeneralment previsti fl-Artikolu 5 tal-GDPR. Fil-qosor, il-bilanċ meħtieġ bejn l-ispeċifiċità tar-regoli awtorizzati mill-paragrafu 1 u l-ispeċifiċità tal-miżuri ta’ “preservazzjoni” meħtieġa mill-Artikolu 88(2) tal-GDPR kien jinkiser.

75.      Fil-qosor, inqis li l-Artikolu 23 tal-HDSIG ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 88 tal-GDPR. Min-naħa waħda, minħabba li ma tistabbilixxix regoli iktar speċifiċi; min-naħa l-oħra, minħabba li sempliċement tirrepeti l-garanziji ġenerali tal-Artikolu 5 tal-GDPR.

5.      Lapplikabbiltà talArtikolu 23 talHDSIG, minkejja kollox?

76.      Wieħed għad irid jara jekk, minkejja dak li ntqal hawn fuq, l-Artikolu 23 tal-HDSIG jistax jiġi applikat fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Dan jidher li huwa, kif indikajt iktar ’il fuq, dak li fl-aħħar mill-aħħar huwa ta’ interess għall-qorti tar-rinviju.

77.      Il-kwistjoni hija dwar jekk ir-regoli adottati mill-Istati Membri skont il-klawżola ta’ ftuħ tal-Artikolu 88(1) tal-GDPR li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) tal-GDPR jistgħux jiġu applikati skont dispożizzjonijiet oħra tal-GDPR.

78.      Ir-risposta, li l-premessa tagħha hija li l-Artikolu 23 tal-HDSIG ma fih l-ebda “regola iktar speċifika” fis-sens tal-Artikolu 88 tal-GDPR (38), tista’ espressa f’sens doppju:

—      L-Artikolu 23 tal-HDSIG isir irrilevanti, jew superfluwu, sa fejn ma jinkludix, fih innifsu, dispożizzjonijiet speċifiċi li jiggarantixxu d-dritt tal-ħaddiema għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom fil-qasam tal-impjieg.

—      F’dan il-qasam (relazzjonijiet tax-xogħol) id-dispożizzjonijiet tas-sistema komuni tal-GDPR għandhom jiġu applikati direttament u prinċipalment.

79.      Kwistjoni differenti hija li, kif sostnew il-Gvern Awstrijak u dak Rumen, minbarra l-Kummissjoni, u kif ġie rrikonoxxut minn kulħadd waqt is-seduta, xejn ma jipprekludi lil Stat Membru milli japplika dispożizzjonijiet oħra tal-GDPR jew, abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament, regoli nazzjonali li jirregolaw l-ipproċessar tad-data tal-ħaddiema f’termini li jikkontribwixxu għall-“adattament tal-applikazzjoni” tal-GDPR.

V.      Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main), b’hekk:

“L-Artikolu 88(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Dispożizzjoni leġiżlattiva adottata minn Stat Membru tikkostitwixxi regola iktar speċifika sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-ħaddiema fil-qasam tal-impjieg biss, jekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 88(2) tar-Regolament 2016/679.

Jekk din id-dispożizzjoni leġiżlattiva ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 88(2) tar-Regolament 2016/679, hija għandha tapplika biss, jekk ikun il-każ, sa fejn hija tista’ taqa’ taħt dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament jew fir-regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tiegħu”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Huwa paċifiku li, permezz ta’ dan il-metodu ta’ xandir, hija inkluża data personali li tiġi pproċessata.


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1). Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “GDPR”.


4      Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni tal-Land ta’ Hesse tat‑3 ta’ Mejju 2018 (GVBl. I, p. 82). Iktar ’il quddiem l-‘HDSIG’.


5      Il-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku tal-Land ta’ Hesse tas‑27 ta’ Mejju 2013 (GVBl. p. 218. Iktar ’il quddiem, l-‘HBG’.


6      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer beim Hessischen Kultusministerium (Kumitat Prinċipali tal-Għalliema tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Land ta’ Hesse; iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Għalliema”) spjega li r-rikors tiegħu, ippreżentat fit‑2 ta’ Diċembru 2020, kien dirett kontra żewġ ftehimiet ta’ dak il-Ministeru li, rispettivament, kienu jinkludu l-indikazzjonijiet dwar “il-kundizzjonijiet organizzattivi u legali għall-bidu tas-sena skolastika 2020–2021” (tat‑23 ta’ Lulju 2020) u “għall-użu tal-midja diġitali fil-kuntest tal-ħajja skolastika” (tal‑20 ta’ Awwissu 2020). Huwa jżid li, permezz ta’ din l-aħħar miżura, il-Ministeru qies li ma kienx neċessarju l-kunsens tal-għalliema għax-xandir tal-lezzjonijiet tagħhom, permezz ta’ vidjokonferenza f’ħin reali, lill-istudenti eżentati milli jattendu fil-klassi, peress li l-kompetenzi attribwiti lill-amministrazzjoni tal-iskola kienu jinkludu dawk tal-organizzazzjoni tal-lezzjonijiet. L-ipproċessar tad-data neċessarja għal dan il-għan jista’, skont il-Ministeru, jaqa’ taħt l-Artikolu 23 tal-HDSIG.


7      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1) tal-Bundesdatenschutzgesetz (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tad-Data) tikkorrispondi għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG.


8      Fid‑29 ta’ Novembru 2021, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, minħabba l-emendi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali, il-ġurisdizzjoni għaddiet fuq il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Amministrattiva ta’ Frankfurt am Main). Din tal-aħħar, permezz ta’ ittra li waslet fir-reġistru fil‑21 ta’ Frar 2022, informat lill-Qorti tal-Ġustizzja bir-rinviju għal deċiżjoni preliminari l-ġdid tat-tilwima, li jimplika li hija assumiet it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala tagħha stess.


9      Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 50).


10      Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Skont il-qorti tar-rinviju, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-HDSIG u l-Artikolu 86(4) tal-HBG ma jikkostitwixxux bażi legali għall-ipproċessar ta’ data fis-sistemi ta’ vidjokonferenzi, din għandha tiġi stabbilita permezz ta’ “Dienstvereinbarung” (ftehim ta’ servizz) bejn il-partijiet fil-kawża (punt 25 tad-deċiżjoni tar-rinviju).


12      “Dawk ir-regoli għandhom jinkludu […]”.


13      Jiġifieri, regola nazzjonali li għandha bħala bażi legali tagħha l-Artikolu 88(1) tal-GDPR, peress li dawn ir-regoli biss huma indirizzati mill-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2.


14      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija ċ-ċirkustanza li persuna twettaq, għal ċertu żmien, lil persuna oħra u taħt l-istruzzjonijiet tagħha, servizzi li bħala korrispettiv tagħhom hija tirċievi remunerazzjoni” (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C‑405/01, EU:C:2003:515, punti 38 u 39), flimkien mad-dispożizzjoni korrispondenti tat-Trattat KE.


16      Ara, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ tagħlim u l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (147/86, EU:C:1988:150).


17      Konklużjonijiet mogħtija fid‑19 ta’ Diċembru 2018 (C‑40/17, EU:C:2018:1039, punt 47).


18      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


19      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fi stadju bikri, li l-għoti ta’ tali possibbiltà joħloq “nuqqas ta’ ftehim, kemm fir-rigward tan-natura legali tad-dispożizzjonijiet applikabbli kif ukoll fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom” (sentenza tas‑7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, EU:C:1973:13, punt 17) u jista’ jostakola l-effett dirett ta’ dan ir-regolament u jaħbi n-natura Komunitarja ta’ din ir-regola mill-individwi (sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 1973, Variola (34/73, EU:C:1973:101, punti 10 u 11).


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 96).


21      Infakkar li dan huwa dritt fundamentali ddikjarat fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


22      Dan huwa ddikjarat espressament fil-premessa 10 tal-GDPR.


23      Ara, għal kollox, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 52).


24      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Meta Platforms Ireland, C‑319/20, EU:C:2021:979, punt 51.


25      Sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 57): “dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament jiftħu l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu regoli nazzjonali supplimentari, iktar stretti jew derogatorji, li jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu implimentati (“klawżoli ta’ ftuħ”).


26      Ara, b’mod ġenerali, Oliver Zöll, Jürgen Taeger/Detlev Gabel (eds.), Kommentar DSGVO-BDSG, it-tielet edizzjoni., Fachmedien Recht und Wirtschaft, dfv Mediengruppe, Frankfurt am Main, 2019, Art. 88, marġinali 2.


27      “Il-protezzjoni tad-data bħala pilastru tal-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-approċċ tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali - sentejn ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data”, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, COM(2020) 264 final, p. 8. Il-klawżoli ta’ speċifikazzjoni fakultattivi mill-Istati Membri jammontaw għal 15, kif stabbilit fl-Anness tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni (SWD(2020) 115 final).


28      Il-legalità, il-lealtà u t-trasparenza; limitazzjoni tal-iskop; minimizzazzjoni; preċiżjoni; limitazzjoni tal-perijodu tal-ħażna; l-integrità u l-kunfidenzjalità; responsabbiltà proattiva.


29      Fil-fehma tiegħi, in-“neċessità” msemmija fid-dispożizzjoni tirrigwarda l-kundizzjonijiet inerenti għat-twettiq, f’kundizzjonijiet normali, tal-obbligi legali li tirreferi għalihom. Lil hinn minn din il-problema hemm in-“neċessità” li, f’ċirkustanzi straordinarji, tista’ tiġġustifika r-rikors għal-leġiżlazzjoni ta’ emerġenza jew ta’ eċċezzjoni.


30      Dan jinkludi “it-twettiq tal-obbligi stipulati bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi”.


31      Kif jirrileva l-Gvern Ġermaniż fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-oriġini tal-Artikolu 6(2) u (3) u tal-Artikolu 88 tal-GDPR turi li l-“awtonomija” ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fir-rigward tal-ewwel waħda tirrifletti l-intenzjoni espliċita li tiġi rregolata l-protezzjoni tad-data tal-impjegati bħala “każ partikolari”.


32      Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg bħal dik inkwistjoni fil-kawża.


33      Il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema ta’ tagħlim mill-bogħod fil-kuntest tal-pandemija wasslet lil-leġiżlatur ta’ Hesse jadotta l-Artikoli 83(a) u 83(b) tal-Hessiches Schulgesetz (il-Liġi dwar l-Iskejjel tal-Land ta’ Hesse), li jirrikjedu l-kunsens tal-għalliema fil-kuntest tal-applikazzjonijiet diġitali u tal-vidjokonferenzi. Dan ġie ċċarat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kultura waqt is-seduta, li permezz tagħha deher impliċitament li wieħed jammetti li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ sa issa ma kinitx tkopri b’mod adegwat dik is-sistema edukattiva. Tali emenda leġiżlattiva ma kinitx fis-seħħ fil-mument tat-talba għal deċiżjoni preliminari, u għalhekk la l-qorti tar-rinviju ma tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan, u lanqas ma hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-akkomodazzjoni tiegħu għall-GDPR.


34      Skont il-Gvern Ġermaniż, l-għalliema jwettqu kompitu ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR, għalkemm fit-tagħlim online hija involuta data oħra, bħal dik tal-istudenti, li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.


35      Il-punt 28 tal-ittra ta’ osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż. Matul is-seduta, dan il-gvern ma kellu l-ebda oġġezzjoni għall-klassifikazzjoni tad-dispożizzjoni legali inkwistjoni bħala “ġenerali”.


36      Filwaqt li d-dispożizzjonijiet speċifiċi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(2) tal-GDPR ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ notifika, dawk tal-Artikolu 88(1) tal-GDPR għandhom jiġu nnotifikati lill-Unjoni u lill-Istati Membri kollha permezz tal-Kummissjoni. Din id-duwalità tar-reġim hija spjegata mill-effett “diżarmonizzanti”, li rreferejt għalih iktar ’il fuq, inerenti għar-regoli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 88(1) tal-GDPR. L-impatt tagħhom huwa ikbar peress li jmorru lil hinn mis-sempliċi “adattament” għall-finijiet tal-“applikazzjoni tar-regoli” tal-GDPR skont l-Artikolu 6(2) tal-GDPR.


37      L-Artikolu 23(4) tal-HDSIG jippermetti l-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati skont id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv, filwaqt li l-partijiet fin-negozjati jkunu meħtieġa jikkonformaw mal-Artikolu 88(2) tal-GDPR. Il-leġiżlatur Ġermaniż għalhekk jipprevedi l-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 88(1) tal-GDPR fir-rigward tal-ftehimiet kollettivi. Huma jridu wkoll jikkonformaw, kif jirrikonoxxi l-HDSIG, mal-mandat tal-Artikolu 88(2) tal-GDPR fir-rigward tal-għoti ta’ miżuri ta’ garanzija xierqa u speċifiċi.


38      L-istess jista’ jingħad għall-Artikolu 79a tal-Betreebsverfassungsgesetz (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Impriżi, BGBl. I, p. 2518), fis-seħħ wara t-talba għal deċiżjoni preliminari, invokata mill-Gvern Ġermaniż fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja; dispożizzjoni li tirrikjedi biss li l-kumitati tax-xogħlijiet jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż il-GDPR innifsu.