Language of document : ECLI:EU:T:2016:722

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-envelops standard fuq katalogu u envelops speċjali stampati – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ u tqassim tal-klijentela – Proċedura għar-riżolviment – Multi – Ammont bażiku – Aġġustament eċċezzjonali – Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali – Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑95/15,

Printeos, SA, stabbilita f’Alcalá de Henares (Spanja),

Tompla Sobre Exprés, SL, stabbilita f’Alcalá de Henares,

Tompla Scandinavia AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja),

Tompla Franza SARL, stabbilita fi Fleury-Mérogis (Franza),

Tompla Druckerzeugnisse Vertriebs GmbH, stabbilita f’Leonberg (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn H. Brokelmann u P. Martínez-Lage Sobredo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras, F. Jimeno Fernández u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9295 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2014, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39780 – Envelops), u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn M. Prek, President tal-Awla, I. Labucka, J. Schwarcz, V. Tomljenović u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bid-Deċiżjoni tagħha C(2014) 9295 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2014, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39780 – Envelops) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li, b’mod partikolari, ir-rikorrenti Printeos SA, Tompla Sobre Exprés SL, Tompla Scandinavia AB, Tompla France SARL u Tompla Druckerzeugnisse Vertriebs GmbH, kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw, matul il-perijodu bejn it-8 ta’ Ottubru 2003 u t-22 ta’ April 2008, f’akkordju konkluż u implementat fis-suq Ewropew tal-envelops standard fuq katalogu u ta’ envelops speċjali stampati, inkluż fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Isvezja, fir-Renju Unit u fin-Norveġja. Dan l-akkordju kien intiż għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ, għat-tqassim tal-klijenti u għall-iskambju tal-informazzjoni kummerċjali sensittiva. Minbarra r-rikorrenti, l-akkordju kien jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-grupp Bong (iktar ’il quddiem “Bong”), tal-grupp GPV France SAS and Heritage Envelopes Ltd (iktar ’il quddiem “GPV”), tal-grupp Holdham SA (iktar ’il quddiem “Hamelin”) u tal-grupp Mayer-Kuvert (iktar ’il quddiem “Mayer-Kuvert”), li wkoll kienu destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

2        Id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fil-qafas ta’ proċedura għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), u tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment”).

3        Fir-rigward tal-ksur ikkonstatat (l-Artikolu 1(5) tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, flimkien u in solidum, multa fl-ammont ta’ EUR 4 729 000 [Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni kkontestata].

4        Il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet infetħet mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, fuq il-bażi ta’ informazzjoni u dokumenti li bagħtilha informatur. Fl-14 ta’ Settembru 2010, hija għamlet spezzjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 81) għand ir-rikorrenti u għand kumpanniji oħra involuti fl-akkordju fid-Danimarka, fi Spanja, fi Franza u fl-Isvezja. Fl-1 ta’ Ottubru 2010 u fil-31 ta’ Jannar 2011, saru spezzjonijiet oħra fil-Ġermanja (premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fit-22 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ressqu talba għall-klemenza quddiem il-Kummissjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni”) (premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll talba analoga mal-Comisión Nacional de la Competencia, li wara ngħatat l-isem ġdid Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (Awtorità tal-Kompetizzjoni, Spanja, iktar ’il quddiem is-“CNC”).

6        Fil-15 ta’ Marzu 2011, is-CNC bdiet proċedura biex tinvestiga jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tar-regoli tal-kompetizzjoni Spanjoli analogi mwettaq, b’mod partikolari, minn Tompla Sobre Exprés, inklużi s-sussidjarji Spanjoli tagħha, imma fir-rigward biss tas-suq tal-envelops tal-karti fi Spanja [Każ S/0316/10, Sobres de papel (envelops tal-karti)]. Din il-proċedura wasslet għall-adozzjoni, mis-CNC, fil-25 ta’ Marzu 2013, ta’ deċiżjoni li imponiet fuq dawk il-kumpanniji multa totali fl-ammont ta’ EUR 10 141 530 minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq Spanjol, matul perijodu mill-1977 sal-2010, f’akkordji li kellhom bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-sejħiet għal offerti mnedija mill-amministrazzjoni Spanjola u li jirrigwardaw il-provvista ta’ envelops stampati minn qabel għall-elezzjonijiet u r-referenda fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, id-distribuzzjoni tal-provvista ta’ envelops stampati minn qabel ta’ użu kummerċjali għal klijenti kbar, l-iffissar tal-prezzijiet ta’ envelops mhux stampati u l-limitazzjoni tat-teknoloġiji.

7        Billi l-partijiet kollha kkonċernati esprimew l-interess tagħhom li jieħdu sehem fid-diskussjonijiet ta’ riżolviment, il-Kummissjoni, fl-10 ta’ Diċembru 2013, bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 773/2004, li fil-qafas tagħha hija żammet laqgħat bilaterali ma’ kull waħda mill-partijiet (premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Matul laqgħa tal-21 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ppreżentat lir-rikorrenti ħarsa ġenerali tal-akkordju, inkluża l-analiżi tagħha tal-provi li hija kellha.

9        Ir-rikorrenti kkomunikaw dokument informali, fl-24 ta’ Frar 2014, imsejjaħ “non paper” fejn talbu li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, l-ewwel nett, il-multa imposta mis-CNC, għar-raġuni li dik il-multa kienet diġà ekwivalenti fiha nnifisha għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħhom fl-2012, it-tieni nett, tal-fatt li huma kienu jiffurmaw grupp “monoprodott” (jiġifieri ddedikat għall-produzzjoni ta’ prodott wieħed biss) u, it-tielet nett, il-paragrafu 37 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), li jippermetti li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni, tkun tista’ ma tapplikax il-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-ammont tal-multi jew tal-limiti stabbiliti fil-paragrafu 21 tal-istess linji gwida.

10      Minflok it-tieni laqgħa, bi qbil mar-rikorrenti, il-Kummissjoni, permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Ġunju 2014, ippreżentat ħarsa ġenerali tal-parametri essenzjali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, bħall-valur tal-bejgħ magħmul mir-rikorrenti fl-2007, jiġifieri EUR 143 316 000, u d-dħul mill-bejgħ tagħhom fl-2013, jiġifieri EUR [kunfidenzjali1(1), kemm damet il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, eċċ. Ir-rikorrenti rrispondew b’posta elettronika tat-18 ta’ Ġunju 2014 fejn ikkonfermaw il-valur tal-bejgħ u d-dħul mill-bejgħ li qieset il-Kummissjoni u fejn iddikjaraw li ma kellhomx osservazzjonijiet sostanzjali f’dan ir-rigward.

11      Waqt laqgħa fl-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-metodi u bil-parametri tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, jiġifieri, l-ewwel nett bil-proporzjon (15 %) tal-valur tal-bejgħ (EUR 143 316 000 fl-2007) użat għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, it-tieni nett, bit-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti (erba’ snin u sitt xhur), it-tielet nett, bl-ammont addizzjonali ta’ 15 %, ir-raba’ nett, bl-assenza ta’ ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti, il-ħames nett, bin-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur, is-sitt nett, bil-multa massima awtorizzata ta’ EUR [kunfidenzjali] (10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti fl-2013), is-seba’ nett, bi tnaqqis eċċezzjonali tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, inkluż il-fatt li l-ammonti bażiċi tal-partijiet kollha fl-akkordju jaqbżu l-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, it-tmien nett, bi tnaqqis supplimentari mmotivat min-natura “monoprodott” tal-grupp tar-rikorrenti, id-disa’ nett, bl-impossibbiltà li jingħata tnaqqis minħabba l-eżistenza tal-multa imposta mis-CNC, billi l-akkordju li sabet din tal-aħħar kien separat minn dak ikkonstatat mill-Kummissjoni u kellu jiġi ssanzjonat indipendentement u skont ir-regoli applikabbli, differenti minn dawk applikati mill-Kummissjoni, l-għaxar nett, bi tnaqqis previst ta’ 50 % skont il-paragrafi 24 u 25 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni, il-ħdax nett, bi tnaqqis previst ta’ 10 % skont il-paragrafu 32 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment u, fl-aħħar nett, bl-iskala li tkopri l-ammont tal-multa, minn EUR 4 610 000 sa EUR 4 848 000, li l-ammont massimu tagħha għandu jiġi aċċettat mir-rikorrenti fil-proposta tagħhom ta’ riżolviment.

12      Fis-7 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw il-proposta tagħhom ta’ riżolviment u aċċettaw il-valur tal-bejgħ u d-dħul mill-bejgħ li użat il-Kummissjoni kif ukoll l-ammont massimu tal-multa ta’ EUR 4 848 000.

13      Il-Kummissjoni adottat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-18 ta’ Novembru 2014.

14      Fl-20 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti kkonfermaw, skont il-paragrafu 26 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tikkorrispondi mal-kontenut tal-proposta ta’ riżolviment tagħhom u li huma jibqgħu impenjati li jsegwu l-proċedura għar-riżolviment.

15      Fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-kalkolu tal-multi imposti, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati kif inhu miġbur fil-qosor fit-tabella li ġejja (premessi 71 sa 84 tad-deċiżjoni kkontestata):

Impriża

Valur tal-bejgħ EUR

Koeffiċjent ta’ gravità %

Tul

Ammont addizzjonali

%

Ammont bażiku EUR

Bong

140 000 000

15

4.5

15

115 500 000

[…] GPV

125 086 629

15

4.5

15

103 196 000

Hamelin

185 521 000

15 %

4.416

15 %

150 717 000

Mayer-Kuvert

70 023 181

15

4.5

15

57 769 000

Printeos […]

143 316 000

15

4.5

15

118 235 000


16      Barra minn hekk, fil-premessi 85 sa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm lok li jiġu aġġustati l-ammonti bażiċi bis-saħħa tal-paragrafi 28 u 29 tal-linji gwida, bl-eċċezzjoni tal-każ Mayer-Kuvert fejn kellu jiġi applikat tnaqqis ta’ 10 % minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-ksur.

17      Taħt it-titolu “Aġġustament tal-ammonti bażiċi”, il-Kummissjoni kkonstatat li, peress li l-bejgħ mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati kien sar f’suq wieħed biss, fejn huma kienu pparteċipaw f’akkordju għal diversi snin, fil-prattika, l-ammonti kollha tal-multi setgħu jilħqu l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali u li l-applikazzjoni ta’ dak il-limitu massimu tkun ir-regola iktar milli l-eċċezzjoni (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fejn ġie osservat li approċċ bħal dak jista’ jagħti lok għal dubji fid-dawl tal-prinċipju li jgħid li penalità għandu jkollha konnessjoni immedjata mal-ksur kif ukoll mal-awtur tiegħu, sa fejn tista’ twassal, f’ċerti kundizzjonijiet, għal sitwazzjoni fejn kull differenzazzjoni skont il-gravità tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti ma tkunx tista’ taffettwa iktar l-ammont ta’ multa (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 75). Wara li ttieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li jkun xieraq li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha u li tapplika l-paragrafu 37 tal-linji gwida li jippermettilha ma tapplikax il-metodoloġija tal-linji gwida (premessi 89 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Il-premessi 91 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata fihom il-kliem li ġej:

“(91) F’dan il-każ, l-ammont bażiku huwa aġġustat b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-prodott ikkartellizzat meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ totali, kif ukoll mad-differenzi bejn il-partijiet skont il-parteċipazzjoni individwali tagħhom fil-ksur. Inġenerali, il-multi jkunu stabbiliti f’livell li huwa proporzjonat mal-ksur u li jipproduċi effett dissważiv suffiċjenti.

(92) Għaldaqstant, tnaqqis se jiġi applikat għall-multi kkalkolati għall-partijiet kollha. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, fid-dawl tal-fatt li l-partijiet kollha kienu attivi, fi grad differenti, imma importanti, fil-bejgħ tal-envelops standard fuq katalogu u tal-envelops speċjali stampati, huwa propost li jsir tnaqqis ta’ [kunfidenzjali] % tal-multa li trid tiġi imposta għall-ksur imwettaq minn GVP, ta’ [kunfidenzjali] % għal Tompla, ta’ [kunfidenzjali] % għal Bong u Mayer-Kuvert, kif ukoll ta’ [kunfidenzjali] % għal Hamelin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      Ir-riżultat ta’ dan l-aġġustament tal-ammonti bażiċi jista’ jinġabar fil-qosor kif se jingħad (ara wkoll it-tabella esposta fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata):

Impriża

Ammont bażiku qabel l-aġġustament EUR

Tnaqqis

%

Ammont bażiku wara l-aġġustament EUR

Bong

115 500 500

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

GPV

103 196 000

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

Hamelin

150 717 000

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

Mayer-Kuvert

57 769 000

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

Printeos

118 235 000

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]


20      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonċediet lir-rikorrenti tnaqqis supplimentari tal-ammont tal-multa ta’ 50 % skont il-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni u ta’ 10 % bis-saħħa tal-paragrafu 32 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment (premessi 99, 102 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-legalità tiegħu ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Bis-saħħa tar-regoli rilevanti korrispondenti, Hamelin u Mayer-Kuvert ingħataw kull waħda, tnaqqis tal-ammont tal-multi tagħhom ta’, rispettivament, 25 % u 10 % (kooperazzjoni) u ta’ 10 % (riżolviment) (premessi 100 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fl-aħħar nett, mill-premessi 104 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Kapaċità kontributtiva”, jirriżulta li, wara talbiet sostnuti minn evidenza mressqa minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali] bis-saħħa tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multi tagħhom għal EUR [kunfidenzjali] u EUR [kunfidenzjali], rispettivament. Ir-rikorrenti la ressqu talba analoga mal-Kummissjoni u lanqas ma kisbu tnaqqis skont dak il-paragrafu.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

23      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

24      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet dwar it-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-pubbliku ta’ ċerti figuri li ssemmew fir-rapport għas-seduta. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

25      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2016.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, fl-ewwel lok, tiffissa l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom f’livell ta’ mill-inqas 55 % inqas mil-limitu massimu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jew, fin-nuqqas, f’perċentwali li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa biex jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ tiegħu meta mqabbel mal-ammonti tal-multi imposti fuq Bong u Hamelin, u, fit-tieni lok, barra minn hekk tnaqqas dan l-ammont b’mill-inqas 33 %, jew, fin-nuqqas ta’ dan, f’perċentwali kkunsidrata xierqa mill-Qorti Ġenerali sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-multa imposta mis-CNC fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 2013;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara t-tielet motiv inammissibbli;

–        f’kull każ, tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu għaliex infondat;

–        f’kull każ, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-għan tar-rikors u ġabra fil-qosor tal-motivi

28      Ir-rikorrenti jsostnu li la jridu jikkontestaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, la l-fatti li jikkostitwixxu dak il-ksur u lanqas il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom. Huma jillimitaw ruħhom li jitolbu l-annullament tal-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponilhom multa, li tagħha huma jikkontestaw l-ammont kif ġie ddeterminat qabel it-tnaqqis magħmul skont il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kooperazzjoni u dwar ir-Riżolviment.

29      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-aġġustament tal-ammont bażiku tal-multi skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, u tal-perċentwali konkreta ta’ tnaqqis applikat għal kull impriża, kif ukoll, fir-replika, li għamlet użu ħażin ta’ poter.

30      Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq għad-detriment tagħhom fil-kuntest tal-aġġustament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multi bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida.

31      Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-multa li kienet imponitilhom is-CNC.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-aġġustament tal-ammont bażiku tal-multi bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida u tal-perċentwali konkreta ta’ tnaqqis applikat għal kull impriża, kif ukoll użu ħażin ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

32      Skont ir-rikorrenti, fil-premessi 88 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, ma humiex ippreċiżati, suffiċjentement skont il-liġi, il-motivi konkreti li wasslu lill-Kummissjoni tiddeċiedi li taġġusta, eċċezzjonalment, bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati u li tapplikalhom, f’dan il-kuntest, rati ta’ tnaqqis differenti, jiġifieri 85 %, 88 %, 90 % u 98 %, rispettivament. B’mod partikolari, ma huwiex possibbli li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kkonċediet tnaqqis ta’ [kunfidenzjali] % lil Hamelin. Din il-motivazzjoni insuffiċjenti hija iktar u iktar gravi u, bil-maqlub, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa daqstant ikbar peress li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma applikatx il-metodoloġija ġenerali prevista għad-determinazzjoni tal-multi skont il-linji gwida. Fir-replika, ir-rikorrenti jippreċiżaw, essenzjalment, li kien għall-ewwel darba fir-risposta li l-Kummissjoni spjegat il-motivi veri għal dan l-aġġustament tal-ammonti bażiċi tal-multi. Madankollu, din l-ispjegazzjoni tardiva ma tistax tirrimedja l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, imma turi li, meta l-Kummissjoni għamlet dan l-aġġustament hija wettqet ukoll użu ħażin ta’ poter. Għalhekk, fil-punti 28, 64 u 65 tar-risposta, il-Kummissjoni sostniet li, minkejja li Hamelin ma kinitx “impriża monoprodott, l-ammont bażiku li jikkonċernaha kellu jiġi aġġustat ukoll, skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, u skont l-istess metodu għal raġunijiet ta’ ekwità, sabiex tiġi riflessa l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ fir-rigward tal-multi imposti fuq id-diversi impriżi wara l-aġġustamenti indikati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, ir-raġunament li jgħid li l-ammont tal-multa imposta fuq Hamelin kien tnaqqas, fil-verità, għal raġunijiet ta’ ekwità u mhux mill-fatt tan-natura tiegħu “monoprodott” ma jirriżultax mill-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata.

33      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

34      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, u partikolarment tad-determinazzjoni tal-ammonti bażiċi fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li din il-kawża kellha ċirkustanzi eċċezzjonali li jirriżultaw min-natura “monoprodott” tal-impriżi kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta’ Hamelin, kif ġie eżaminat fil-premessi 88 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont il-Kummissjoni, peress li l-ammont bażiku kien jaqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali, kien jeżisti “r-riskju li l-multa kienet imposta esklużivament fuq il-bażi ta’ dak id-dħul mill-bejgħ totali u la kien jirrifletti l-gravità u t-tul tal-ksur, u lanqas il-partikolaritajiet tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fi kliem ieħor, skont dak li jingħad fil-premessa 89 tal-imsemmija deċiżjoni, minħabba l-volum ta’ dħul mill-bejgħ totali, l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ gravità u tal-fattur multiplikatur ma kienet tippreżenta “l-ebda utilità prattika għall-kalkolu tal-multa”. Il-Kummissjoni qieset il-fatt li, f’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma setax iwassal għal tnaqqis tal-ammont finali tal-multa. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ ċirkustanza attenwanti favur Mayer-Kuvert minħabba l-parteċipazzjoni mnaqqsa tagħha fil-ksur (ara l-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata) ma kellha ebda effett fuq l-ammont finali tal-multa peress li t-tnaqqis ġie applikat qabel l-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 %. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tippreċiża li, qabel l-aġġustament tal-ammonti bażiċi, ir-rata ta’ qbiż kienet tkun ta’ 38.98 % għal Bong, ta’ 441.83 % għal GPV, ta’ 30.04 % għal Hamelin, ta’ 36.71 % għal Mayer-Kuvert u ta’ 97.13 % għar-rikorrenti.

35      Għalhekk, il-Kummissjoni applikat għal kull impriża t-tnaqqis meħtieġ sabiex l-ammont bażiku tal-multa jkun inqas mil-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali fl-2013. Għal dan l-iskop, l-ammont bażiku kien tnaqqas proporzjonalment skont in-natura “monoprodott” tal-imsemmija impriżi. Fir-rigward ta’ Hamelin, il-Kummissjoni kienet qieset li, “anki jekk ma hijiex impriża monoprodott, l-ammont bażiku li jirrigwardaha għandu jiġi aġġustat ukoll, skont il-paragrafu 37 tal-linji gwida, u skont l-istess metodu għal raġunijiet ta’ ekwità, sabiex tiġi riflessa l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u jerġa’ jiġi stabbilit l-bilanċ fir-rigward tal-multi imposti fuq id-diversi impriżi wara l-aġġustamenti indikati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni ma applikatx it-tnaqqis b’mod lineari, imma, dejjem b’osservanza tal-limitu massimu ta’ 10 %, hija żgurat li l-multa li tirriżulta tkun biżżejjed dissważiva fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur. Skont il-metodu deskritt fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, hija għalhekk applikat it-tnaqqis li ġej għall-ammonti bażiċi: [kunfidenzjali] % għal Bong, [kunfidenzjali] % għal GPV, [kunfidenzjali] % (“ekwità”) għal Hamelin, [kunfidenzjali] % għal Mayer-Kuvert u [kunfidenzjali] % għar-rikorrenti.

36      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tillimita ruħha li teżamina l-kwistjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti biss u mhux fir-rigward tal-impriżi l-oħra kkonċernati li ma ppreżentawx rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u li fil-konfront tagħhom, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tkun saret definittiva. Għalhekk, f’dan il-każ ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw in-natura allegatament insuffiċjenti tal-motivazzjoni dwar it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq impriżi oħra destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, din il-motivazzjoni hija suffiċjenti sa fejn ippermettiet li r-rikorrenti jkunu jafu r-raġunijiet tal-aġġustament tal-ammont tal-multa li tirrigwardahom – raġunijiet li kienu diġà jafu qabel, għaliex huma talbu dak it-tnaqqis – u sa fejn ippermettiet li l-Qorti Ġenerali tagħmel l-istħariġ ġudizzjarju tagħha.

37      Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-aħħar ta’ proċedura għar-riżolviment li fil-kuntest tagħha l-partijiet ġew informati, matul id-diskussjonijiet bilaterali, bl-elementi kollha rilevanti inklużi l-fatti allegati, il-klassifikazzjoni tagħhom, il-gravità u t-tul tal-ksur ilmentat, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà u stima tal-iskala tal-ammonti probabbli tal-multi, il-motivazzjoni tagħha setgħet tkun iktar fil-qosor minn dawk ta’ deċiżjonijiet oħra adottati bis-saħħa tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003. Għalhekk, f’dan il-każ, id-diskussjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppermettew li dawn tal-aħħar ikunu jafu kull wieħed minn dawn l-elementi u l-metodu previst għall-kalkolu tal-ammont tal-multi biex jiddeċiedu volontarjament jekk jippreżentawx jew le proposta ta’ riżolviment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti għalkollox.

38      Fil-fatt, it-test tad-deċiżjoni kkontestata diġà jispjega fid-dettall il-fatturi li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-gravità u t-tul tal-ksur kif ukoll għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Għalhekk, fil-premessi 72 sa 84 ta’ dik id-deċiżjoni hemm espost il-metodu użat għall-kalkolu ta’ dan l-ammont bażiku li r-rikorrenti mhux qed ipoġġu fid-dubju. Dan it-test fih ukoll preċiżazzjonijiet oħra, bħall-volum ta’ bejgħ tal-impriżi kkonċernati, li ttieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi (ara t-tabella Nru 1 fil-premessa 75), il-fatturi multiplikaturi differenti skont it-tul tal-ksur, (ara t-tabella Nru 2 fil-premessa 81) u d-diversi ammonti bażiċi tal-multi, qabel u wara l-aġġustament tagħhom (ara t-tabelli Nri 3 u 4 li hemm fil-premessi 84 u 93). Skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżit tal-motivazzjoni ġie għalhekk issodisfatt fir-rigward tal-fatturi li jippermettu li titkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur.

39      Barra minn hekk, matul il-laqgħa tal-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti deskrizzjoni ddettaljata tal-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multa prevista fir-rigward tagħhom, inkluż il-valur tal-bejgħ użat għall-kalkolu tal-ammont bażiku, it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, l-ammont supplimentari miżjud għall-finijiet ta’ dissważjoni (fattur multiplikatur), l-assenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, it-tnaqqis li sar skont il-Komunikazzjonijiet dwar ir-Riżolviment u dwar il-Kooperazzjoni kif ukoll dak magħmul bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida. Ir-rikorrenti fehmu perfettament dawn l-ispjegazzjonijiet u aċċettaw espressament, fil-proposta ta’ riżolviment tagħhom, l-ammont massimu tal-multa li setgħet tiġi imposta fuqhom skont l-iskala proposta.

40      Fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont bażiku magħmul bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tispjega, suffiċjentement skont il-liġi, fil-premessi 88 sa 92 tagħha, ir-raġunijiet għaliex qieset neċessarju aġġustament tal-ammonti bażiċi. Iċ-ċirkustanzi partikolari li wasslu għall-aġġustament fir-rigward tar-rikorrenti diġà kienu ġew eżaminati fil-laqgħa tal-24 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri qabel ma ppreżentaw il-proposta ta’ riżolviment tagħhom, qabel ma ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Matul dik il-laqgħa, il-Kummissjoni spjegat li l-ammonti bażiċi kkalkulati għall-impriżi kollha kienu jaqbżu l-limitu massimu ta’ 10 %, u dan għar-raġuni ta’ kombinazzjoni ta’ diversi fatturi, bħall-valur li kien jirrappreżenta l-perċentwali tal-volum ta’ bejgħ kkonċernat mill-ksur, il-perijodu twil tal-akkordju u r-raġuni “monoprodott” tal-impriżi (ikkalkolata bħala l-proporzjon bejn il-volum tal-bejgħ totali ta’ envelops u l-volum totali tal-bejgħ tal-impriża kkonċernata). Fl-aħħar nett, għalkemm huwa veru li, matul il-laqgħa tal-24 ta’ Ottubru 2014, kien hemm ċerta konfużjoni dwar l-effett fuq l-ammont finali tal-multa tat-tnaqqis ibbażat fuq ir-raġuni “monoprodott”, din il-konfużjoni kienet għebet matul din l-istess laqgħa, li warajha r-rikorrenti ppreżentaw l-imsemmija proposta ta’ riżolviment.

41      Il-Kummissjoni żżid tgħid li kienu r-rikorrenti stess li kienu talbuha, fin-“non paper” tal-24 ta’ Frar 2014 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), li tagħmel tnaqqis fl-ammont tal-multa bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida. Ir-rikorrenti kienu spjegaw li, minabba n-natura “monoprodott” tal-grupp tagħhom, il-limitazzjoni tat-tul tal-ksur ma kellux ikollha effett fuq l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-bejgħ ta’ envelops kien jirrappreżenta iktar minn 90 % tal-volum tal-bejgħ totali tagħhom, l-applikazzjoni ta’ ammont supplimentari ta’ iktar minn 10 % għall-finijiet ta’ dissważjoni kellu jirriżulta diġà f’ammont ta’ multa li jaqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni analoga li tidher fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi, f’dan il-każ, li ma kinitx meħtieġa motivazzjoni iktar iddettaljata.

42      Fir-rigward tar-rati speċifiċi ta’ tnaqqis attribwiti għal kull impriża kkonċernata, il-Kummissjoni tfakkar fil-premessi 91 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata, li spjegaw il-fatturi li hija ħadet inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ dawn ir-rati, ikkompletati mill-premessa 87 ta’ dik id-deċiżjoni, fejn ġie espost li Mayer-Kuvert kellha rwol differenti u kienet ipparteċipat fil-ksur fuq livell imnaqqas. It-tabelli Nri 3 u 4 li jidhru fil-premessi 84 u 93 tad-deċiżjoni kkontestata, għalhekk jispjegaw l-ammonti bażiċi għal kull impriża, qabel jew wara l-aġġustament tagħhom, u sempliċi kalkolu aritmetiku jippermetti li jitnaqqas l-ammont preċiż tal-aġġustament applikat għal kull multa. Għar-rikorrenti, ir-rata ta’ aġġustament implementata minħabba n-natura “monoprodott” tagħhom, li huma stess kienu talbu l-applikazzjoni tagħha, kienet ta’ [kunfidenzjali] %. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma kkunsidratx bħala li kien meħtieġ li jiġi pprovdut kalkolu matematiku jew li jiġu ppreċiżati l-fatturi kollha li wasslu għall-iffissar ta’ ammont preċiż tal-multa. Fil-kontroreplika, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lill-Hamelin “għal raġunijiet ta’ ekwità”, il-Kummissjoni tippreċiża li dan it-tnaqqis kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kif dan huwa indikat fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

43      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-premessi 88 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn ma jippreċiżawx, suffiċjentement skont il-liġi, il-motivi li wasslu sabiex il-Kummissjoni taġġusta, eċċezzjonalment, bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati u li tapplikalhom f’dan il-kuntest, rati ta’ tnaqqis differenti, billi tagħti, b’mod partikolari, tnaqqis ta’ [kunfidenzjali] % lil Hamelin. Dan l-approċċ juri wkoll użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, kien fil-mori tal-kawża li l-Kummissjoni sostniet għall-ewwel darba li Hamelin ma kinitx tikkostitwixxi impriża “monoprodott” u li l-aġġustament tal-ammont bażiku li jikkonċernaha, bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, kien iġġustifikat, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ekwità, fatt li ma jirriżultax mill-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata.

44      Kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, billi din tal-aħħar tikkonċerna l-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. F’din il-perspettiva l-motivazzjoni rikjesta għandha tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali, l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet għalhekk huwa, minbarra li jippermetti li jsir stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 146 sa 148 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 114 u 115 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata, EU:C:2013:796, punti 89 u 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Barra minn dan, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150; tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116, u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, li għadha ma ġietx ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 91).

46      Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-motivazzjoni, bħala prinċipju, għandha għalhekk tiġi kkomunikata lill-parti interessata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. L-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata saret taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74).

47      Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikolu 263 TFUE, minn naħa, u mal-Artikolu 261 TFUE u mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punti 52 sa 67), kif imfakkra fil-paragrafu 41 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Riżolviment, dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis għall-obbligu tal-Kummissjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li timmotiva d-deċiżjoni li timponi multi li hija tadotta wara l-għeluq ta’ proċedura għar-riżolviment, li fil-kuntest tagħha hemm l-assunzjoni li l-impriża kkonċernata taċċetta biss l-ammont massimu tal-multa proposta. Fil-fatt, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-dritt primarju u sekondarju li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza partikolari tad-dmir tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha meta timponi multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li tispjega x’piż tat u l-evalwazzjoni li għamlet tad-diversi elementi li ħadet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, kif ukoll tad-dmir tal-qorti li tivverifika ex officio l-preżenza ta’ tali motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 61).

48      Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tapplikax il-metodoloġija ġenerali esposta fil-linji gwida, li permezz tagħhom hija llimitat lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha dwar l-iffissar tal-ammont tal-multi, billi tibbaża ruħha, kif għamlet f’dak il-każ, fuq il-paragrafu 37 ta’ dawn il-linji gwida, dawn ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni huma dejjem iktar importanti. F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li rrikonoxxiet li l-linji gwida jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita u li l-Kummissjoni tista’ ma tapplikahiex, f’każ partikolari, biss jekk tagħti raġunijiet li huma kompatibbli, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, C‑70/12 P, li għadha ma ġietx ippubblikata, EU:C:2013:351, punt 53, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-motivazzjoni għandha tkun saħansitra iktar speċifika peress li l-paragrafu 37 tal-linji gwida jagħmel biss riferiment vag għall-“partikolaritajiet ta’ każ partikolari” u għalhekk iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Kummissjoni biex tagħmel, bħal f’din il-kawża, aġġustament eċċezzjonali tal-ammonti bażiċi tal-multi tal-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, f’tali każ, l-osservanza mill-Kummissjoni tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, fosthom l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha importanza saħansitra iktar fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

49      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata li tispjega b’mod suffiċjentement ċar u preċiż il-mod li bih hija kellha l-intenzjoni li tuża s-setgħa diskrezzjonali tagħha, inklużi d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni f’dan is-sens. B’mod partikolari, fid-dawl tal-obbligu tagħha li tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-ammonti tal-multi li r-rikorrenti jilmentaw li hija kisret għad-detriment tagħhom (kif jinvokaw fit-tieni motiv tagħhom), dan id-dmir ta’ motivazzjoni jinkludi t-totalità tal-elementi rilevanti meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-impriżi kkonċernati, li l-ammonti bażiċi tal-multi tagħhom ikunu ġew aġġustati, ikunux f’sitwazzjonijiet paragunabbli jew le, jekk dawk l-imsemmija sitwazzjonijiet ġewx ittrattati b’mod ugwali jew inugwali u jekk eventwali trattament ugwali jew inugwali ta’ dawk is-sitwazzjonijiet kienx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 51 u 62 u l-ġurispridenza ċċitata).

50      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni osservatx id-dmir tagħha ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jitfakkru d-diversi stadji tal-operazzjonijiet ta’ kalkolu li hija għamlet sabiex tiddetermina u taġġusta, bis-saħħa tal-paragrafu 37 tal-linji gwida, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati. Il-motivi esposti fuq dan is-suġġett fid-deċiżjoni kkontestata jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

Image not found


51      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, minn naħa, fil-premessi 88 u 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat, essenzjalment, li l-maġġoranza tal-impriżi kkonċernati kienu għamlu l-bejgħ tagħhom f’suq wieħed biss, b’mod li, fil-prattika, il-multi kollha setgħu jilħqu l-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-applikazzjoni tal-imsemmi limitu massimu kienet ir-regola iktar milli l-eċċezzjoni u kull differenzazzjoni skont il-gravità tal-ksur jew taċ-ċirkustanzi attenwanti ma kinitx iktar ta’ natura li taffettwa l-ammont tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 75). Min-naħa l-oħra, fil-premessi 90 sa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat l-applikazzjoni tal-paragrafu 37 tal-linji gwida kif ukoll l-aġġustament tal-ammonti bażiċi favur il-“partijiet kollha” billi għamlet riferiment, b’mod partikolari, għall-“valur tal-bejgħ tal-prodott ikkartellizzat meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ totali, kif ukoll mad-differenzi bejn il-partijiet skont il-parteċipazzjoni individwali tagħhom fil-ksur” u għall-fatt li “l-partijiet kollha kienu attivi, fi grad differenti, imma importanti, fil-bejgħ tal-envelops” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet li tagħmel, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami li “l-partijiet kienu kollha attivi, fi grad differenti, imma importanti, fil-bejgħ tal-envelops standard fuq katalogu u ta’ envelops speċjali stampati, […] tnaqqis ta’ [kunfidenzjali] % [tal-ammont] tal-multa li trid tiġi imposta għall-ksur imwettaq minn GVP, ta’ [kunfidenzjali] % [għar-rikorrenti], ta’ [kunfidenzjali] % għal Bong u Mayer-Kuvert, kif ukoll ta’ [kunfidenzjali] % għal Hamelin” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

52      Fl-ewwel lok, kif jallegaw ir-rikorrenti, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, u partikolarment fil-premessa 92 tagħha, il-Kummissjoni ma ssemmix ir-raġunijiet għaliex hija applikat dawn ir-rati ta’ tnaqqis differenti għall-impriżi kkonċernati. B’mod partikolari, il-varjazzjoni tal-imsemmija rati ta’ tnaqqis ma tistax tiġi spjegata biss għar-raġuni li l-Kummissjoni riedet tnaqqas l-ammonti bażiċi kollha, diġà f’dan l-istadju intermedju tal-operazzjoni ta’ kalkolu tal-multi, għal perċentwali taħt il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ kull waħda mill-imsemmija impriżi, skont l-ispirtu tal-punt 75 tas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni (T‑211/08, EU:T:2011:289). Fil-fatt, kif isostnu r-rikorrenti ġustament fil-kuntest tat-tieni motiv, dawn l-ammonti bażiċi aġġustati jippreżentaw diskrepanzi differenti ċari, f’termini ta’ perċentwali, meta mqabbla mal-imsemmi limitu massimu ta’ 10 %, jiġifieri, b’mod partikolari, 4.5 % u 4.7 % fil-każ, rispettivament, ta’ Hamelin u ta’ Bong, u 9.7 % fil-każ tar-rikorrenti.

53      Il-Kummissjoni lanqas ma hija fondata li tallega li r-rikorrenti kienu ġew informati, suffiċjentement skont il-liġi, bl-approċċ li kienet beħsiebha tadotta matul il-proċedura amministrattiva jew kienu konsapevoli tal-kuntest tiegħu, affermazzjoni li ma hijiex sostnuta fil-proċess. B’risposta għal domanda orali tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet in-natura sommarja u konċiża tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward u essenzjalment illimitat ruħha li ssostni li, fil-qafas ta’ proċedura għar-riżolviment, id-dmir tagħha ta’ motivazzjoni kien inqas, għaliex il-partijiet kienu jafu l-fajl inklużi l-elementi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, u kienu liberament daħlu f’diskussjonijiet bilaterali sabiex jiġi konkluż riżolviment. Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rati ta’ tnaqqis differenti msemmija fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali fakkret lill-partijiet fid-dmir tagħha li teżamina, jekk ikun il-każ, ex officio in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, fatt li ġie nnotat fil-proċess verbali tas-seduta.

54      Fit-tieni lok, il-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata tonqos b’mod manifest milli tippreċiża li kien biss fil-mori tal-kawża, b’mod tardiv u li ma jistax jirregolarizza eventwali insuffiċjenza jew assenza ta’ motivazzjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq), li l-Kummissjoni spjegat, billi żiedet motivazzjoni sostanzjali, jiġifieri li, b’differenza għall-impriżi l-oħra kkonċernati, Hamelin ma kinitx teżerċita attività ekonomika “monoprodott” u l-aġġustament tal-ammont bażiku li jikkonċernaha kien madankollu ġġustifikat għal raġunijiet ta’ ekwità u ta’ stabbiliment mill-ġdid ta’ bilanċ fost id-diversi multi (ara l-punti 34 u 35 iktar ’il fuq). Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet supplimentari, kuntrarjament għall-impressjoni li tista’ tagħti l-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element deċiżiv ta’ evalwazzjoni li ħadet inkunsiderazzjoni l-Kummissjoni biex taġġusta l-ammonti bażiċi ma kienx il-fatt li kienu jeżistu “differenzi bejn il-partijiet skont il-parteċipazzjoni tagħhom individwali fil-ksur”, li, fil-każ ta’ Hamelin, kien biss xi ftit inqas b’tul ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ta’ 4.416 snin kontra l-4.5 snin fil-każ tal-impriżi l-oħra kkonċernati. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li donnhom fehmu r-rikorrenti, din il-premessa lanqas ma tista’ tinftiehem bħala li tirreferi għal parteċipazzjoni iżgħar fil-ksur ta’ Mayer-Kuvert biss, peress li din kienet diġà tat lok għal tnaqqis ta’ 10 % minħabba ċirkustanza attenwanti skont il-paragrafu 29 tal-linji gwida (premessi 85 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri qabel l-aġġustamenti kkontestati tal-ammonti bażiċi esposti fil-premessi 88 et seq tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Minn dan jirriżulta li, fuq il-bażi ta’ din il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, la r-rikorrenti ma kienu f’pożizzjoni li jikkontestaw b’mod utli l-fondatezza tal-approċċ li segwiet il-Kummissjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienet kapaċi teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tal-osservanza ta’ dak il-prinċipju (ara t-tieni motiv). Għal iktar preċiżjoni, fid-dawl tal-premessi 91 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex possibbli li wieħed jifhem jew jevalwa jekk Hamelin u l-impriżi l-oħra kkonċernati kinux f’sitwazzjonijiet paragunabbli jew distinti u jekk il-Kummissjoni tathomx trattament ugwali jew differenti. Fuq din il-bażi, huwa inqas u inqas possibbli li jiġi vverifikat jekk eventwali trattament ugwali ta’ sitwazzjonijiet differenti tal-impriżi kkonċernati, taħt il-paragrafu 37 tal-linji gwida, essenzjalment immotivat min-natura “monoprodott” tal-attività kummerċjali tagħhom u, parzjalment, minn kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità, jew eventwali trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, partikolarment l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tnaqqis differenti, kinux oġġettivament iġġustifikati. Għal kuntrarju, il-motivazzjoni konċiża esposta fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata kienet ta’ natura li toħloq l-impressjoni żbaljata li r-raġuni prinċipali tal-aġġustament orizzontali tal-ammonti bażiċi favur l-impriżi kkonċernati kienet fil-fatt li dawn kienu kollha f’sitwazzjonijiet tal-inqas paragunabbli, marbutin man-natura “monoprodott” tal-attività kummerċjali tagħhom. Madankollu, dan ma kienx il-każ ta’ Hamelin, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-mori tal-kawża.

56      Fid-dawl tal-fatt li l-punt 84 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien fih informazzjoni saħansitra iktar vaga dwar il-metodu previst għall-aġġustament tal-ammonti bażiċi u għall-ġustifikazzjonijiet sottostanti tagħhom, il-Kummissjoni lanqas ma hija ġġustifikata li tissottometti li r-rikorrenti kienu rċevew biżżejjed informazzjoni f’dan ir-rigward matul il-proċedura amminsitrattiva jew li kellhom biżżejjed għarfien tal-kuntest rilevanti. Fi kwalunkwe każ, l-ebda element ieħor tal-proċess ma jista’ jistabbilixxi li madankollu dak kien il-każ u l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li ssostni l-fatt li hija kienet ikkommunikat dawn l-elementi lir-rikorrenti, b’mod partikolari, matul il-laqgħa tal-24 ta’ Ottubru 2014.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm għalhekk lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija vviżjata b’motivazzjoni insuffiċjenti u l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ sa fejn dan huwa msejjes fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

58      Għaldaqstant, l-Artikolu 2(1)(e) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ilment ta’ użu ħażin ta’ poter u fuq it-tieni u t-tielet motivi, kif ukoll dwar l-ammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap tat-talbiet, invokat sussidjarjament.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9295 finali, tal-10 ta’ Diċembru 2014, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39780 – Envelops) huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Prek

Labucka

Schwarcz

Tomljenović

 

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


11 Data kunfidenzjali mneħħija.