Language of document : ECLI:EU:C:2024:354

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑25 ta’ April 2024 (1)

Kawża C21/23

ND

vs

DR

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Rimedji ġudizzjarji – Delimitazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji– Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali – Kunċetti ta’ ‘data relatata mas-saħħa’ u ta’ ‘data dwar is-saħħa’)”






I.      Daħla

1.        Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 (2) (iktar ’il quddiem, il-“GDPR”) fir-rigward, minn naħa, tas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita minn dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, tal-kategorija ta’ data partikolarment sensittiva li hija d-“data dwar is-saħħa”.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari saret fil-kuntest ta’ azzjoni għal inibizzjoni, ibbażata fuq il-projbizzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali u mressqa minn impriża bl-għan li twaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni fuq l-internet, minn wieħed mill-kompetituri tagħha, ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal riċetta . L-att ta’ kompetizzjoni żleali allegat huwa kkostitwit, skont din l-impriża, min-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-GDPR fir-rigward tal-ipproċessar ta’ “data  dwar is-saħħa”.

3.        Ser nibda l-analiżi tiegħi billi neżamina t-tieni domanda preliminari, li ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-limiti tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa” li jiddetermina l-applikazzjoni jew le ta’ sistema msaħħa ta’ protezzjoni.

4.        Fil-fatt, fil-każ li d-data inkwistjoni f’din il-kawża ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala “data dwar is-saħħa”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR, isegwi li l-allegat att ta’ kompetizzjoni żleali ma jkunx sar. Għalhekk ma jkunx utli li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, li tirrigwarda l-punt dwar jekk is-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mill-GDPR tippermettix l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ rikors ibbażat fuq ksur tar-regoli dwar il-projbizzjoni ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali li permezz tagħhom ir-rikorrent jinvoka ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-GDPR.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 95/46/KE

5.        Id-Direttiva 95/46/KE (3) tipprevedi, fl-Artikolu 8(1) tagħha:

“Stati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika, u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali.”

2.      IlGDPR

6.        Il-premessi 9, 10, 13, 35, 51 u 142 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:

“(9)      L-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva [95/46] jibqgħu sodi, iżda din ma waqqfitx il-frammentazzjoni fl-implimentazzjoni fil-protezzjoni tad-data fl-Unjoni kollha, in-nuqqas ta’ ċertezza legali jew perċezzjoni pubblika mifruxa li hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-attività online. Id-differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Istati Membri jistgħu jimpedixxu l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni kollha. Dawk id-differenzi jistgħu jkunu ta’ xkiel għat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni, jgħawwġu l-kompetizzjoni u jxekklu lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Tali differenza fil-livelli ta’ protezzjoni hija dovuta għall-eżistenza ta’ differenzi fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva [95/46].

(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. […]

[…]

(13)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju, u biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta’ drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri differenti. […]

[…]

(35)      Id-data personali dwar is-saħħa għandha tinkludi d-data kollha dwar l-istat tas-saħħa ta’ suġġett tad-data li tiżvela informazzjoni relatata mal-istat tas-saħħa fiżika jew mentali tas-suġġett tad-data fil-passat, fil-preżent jew fil-ġejjieni. Din tinkludi informazzjoni miġbura dwar il-persuna fiżika matul ir-reġistrazzjoni u għal, jew il-forniment ta’, servizzi tal-kura tas-saħħa kif imsemmi fid-[Direttiva 2011/24/UE (4)] lil dik il-persuna fiżika; numru, simbolu jew element partikolari assenjat lill-persuna fiżika għall-identifikazzjoni unika tal-persuna fiżika għall-finijiet ta’ saħħa; informazzjoni miġbura mill-ittestjar jew l-eżami ta’ parti mill-ġisem jew sustanza tal-ġisem, inkluża dik minn data ġenetika u kampjuni bijoloġiċi; u kwalunkwe informazzjoni dwar, pereżempju marda, diżabbiltà, riskju ta’ mard, storja medika, kura klinika jew l-istat fiżjoloġiku jew bijomediku tas-suġġett tad-data indipendentement mis-sors tiegħu, bħal pereżempju mingħand tabib jew professjonista tas-saħħa ieħor, sptar, apparat mediku, jew test dijanjostiku in vitro.

[…]

(51)      Data personali, li min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. […] Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, għajr jekk l-ipproċessar ikun permess f’każijiet speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’kont meħud li l-liġi tal-Istati Membri tista’ tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data sabiex tadatta l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament għal konformità ma’ obbligu legali jew għall-prestazzjoni ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Minbarra r-rekwiżiti speċifiċi għal dan l-ipproċessar, il-prinċipji ġenerali u regoli oħra ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għal ipproċessar legali. Id-derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-ipproċessar ta’ tali kategoriji speċjali ta’ data personali għandhom jiġu previsti b’mod espliċitu, fost oħrajn fejn is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew tagħha jew fir-rigward ta’ ħtiġijiet speċifiċi b’mod partikolari fejn l-ipproċessar isir waqt attivitajiet leġittimi minn ċerti assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jippermettu l-eżerċizzju ta’ libertajiet fundamentali.

[…]

(142)      Fejn is-suġġett tad-data jqis li jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament, hu għandu jkollu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li jkunu kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, ikollhom objettivi statutorji li jkunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali biex iressqu ilment f’ismu quddiem awtorità superviżorja, jeżerċitaw id-dritt għal rimedju ġudizzjarju f’isem suġġetti tad-data jew jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens f’isem suġġetti tad-data jekk dan tal-aħħar ikun previst fil-liġi tal-Istat Membru. Stat Membru jista’ jipprovdi li tali korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni jkollhom id-dritt li jressqu ilment f’dak l-Istat Membru, indipendentement mill-mandat ta’ suġġett tad-data, u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn ikollhom raġunijiet biex iqisu li kien hemm ksur tad-drittijiet tas-suġġett tad-data bħala riżultat tal-ipproċessar ta’ data personali li jikser dan ir-Regolament. Dak il-korp, dik l-organizzazzjoni jew dik l-assoċjazzjoni ma jistgħux jingħataw is-setgħa li jitolbu kumpens f’isem is-suġġett tad-data b’mod indipendenti mill-mandat tas-suġġetti tad-data.”

7.        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

2.      Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.

3.      Il-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni għandu jkun la ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.”

8.        L-Artikolu 4 tal-istess regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1) “data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

[…]

(15) “data dwar is-saħħa” tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħitha;

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”:

“1.      L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

[…]

(h)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħaddiem għax-xogħol, dijanjosi medika, il-forniment ta’ kura tas-saħħa jew soċjali jew it-trattament jew il-ġestjoni ta’ sistemi u servizzi tal-kura tas-saħħa u soċjali abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta’ Stat Membru jew skont kuntratt ma’ professjonista fil-kura medika u soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3;

[…]”

10.      L-Artikoli 77 sa 84 jinsabu fil-Kapitolu VIII tal-GDPR, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”.

11.      L-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja” , jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.”

12.      L-Artikolu 78 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.”

13.      L-Artikolu 79 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.”

14.      L-Artikolu 80 tal-GDPR, intitolat “Rappreżentanza ta’ suġġetti tad-data”, jipprovdi:

“1.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni, li jkunu mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu kkostitwiti kif meħtieġ skont il-liġi ta’ Stat Membru, li l-objettivi statutorji tagħhom ikunu fl-interess pubbliku u li jkunu attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f’ismu, biex jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 77, 78 u 79 f’ismu u biex jeżerċitaw id-dritt li jirċievu kumpens imsemmi fl-Artikolu 78 f’ismu fejn previst mil-liġi tal-Istat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, indipendentement minn mandat ta’ suġġett tad-data, jkollhom id-dritt li jressqu, f’dak l-Istat Membru, ilment quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 77 u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 78 u 79 jekk huma jqisu li jkunu nkisru d-drittijiet ta’ suġġett tad-data taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar.”

15.      L-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.”

16.      L-Artikolu 84 tal-imsemmi regolament, intitolat “Pieni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

B.      Iddritt Ġermaniż

1.      IlLiġi Kontra lKompetizzjoni Żleali

17.      L-Artikolu 3 tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004 (5), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali”), intitolat “Projbizzjoni ta’ aġir kummerċjali żleali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l-]prattiki kummerċjali żleali huma illegali”.

18.      L-Artikolu 3a ta’ din il-liġi, intitolat “Ksur tad-dritt”, huwa fformulat kif ġej:

“Kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi tiegħu, iwettaq aġir żleali, peress li dan il-ksur jista’ jaffettwa sostanzjalment l-interessi tal-konsumaturi, tal-atturi l-oħra tas-suq u tal-kompetituri.”

19.      L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi, intitolat “Eliminazzjoni u ommissjoni”, jipprovdi:

“(1)      Kull prattika kummerċjali illeċita skont l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7 tista’ twassal għal mandat ta’ inibizzjoni u, f’każ ta’ riskju ta’ reċidiva, għal ordni ta’ inibizzjoni jew projbizzjoni. […]

[…]

(3)      Il-mandati imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintalbu:

1.      minn kwalunkwe kompetitur li jikkummerċjalizza jew jitlob oġġetti jew servizzi b’mod mhux negliġibbli u mhux okkażjonali,

[…]”

2.      IlLiġi dwar ilProdotti Mediċinali

20.      Iċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti mediċinali hija rregolata mill-Arzneimittelgesetz (il-Liġi dwar il-Prodotti Mediċinali) tal‑24 ta’ Awwissu 1976, fil-verżjoni ppubblikata fit‑12 ta’ Diċembru 2005 (6), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 8c tal-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2022 (7). Din il-liġi tiddistingwi bejn prodotti mediċinali mibjugħa fl-ispiżeriji, imsemmija fl-Artikoli 43 (intitolat “Obbligu ta’ tqassim fl-ispiżeriji”) sa 47, u dawk mibjugħa b’riċetta, imsemmija fl-Artikolu 48 (intitolat “Obbligu ta’ riċetta”).

III. Ilfatti filkawża prinċipali, ilproċedura u ddomandi preliminari

21.      ND u DR joperaw spiżerija kull wieħed. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ND, huwa barra minn hekk detentur ta’ awtorizzazzjoni għall-bejgħ bil-korrispondenza u jikkummerċjalizza wkoll il-prodotti tiegħu, inklużi prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat għall-ispiżeriji, permezz ta’ Amazon Marketplace (iktar ’il quddiem “Amazon”), pjattaforma tal-kummerċ elettroniku li permezz tagħha l-bejjiegħa jistgħu joffru għall-bejgħ prodotti direttament lill-konsumaturi.

22.      Il-konvenut fil-kawża prinċipali, DR, ippreżenta azzjoni għal inibizzjoni intiża sabiex ND jiġi pprojbit milli jikkummerċjalizza fuq il-pjattaforma tal-bejgħ online Amazon prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat għall-ispiżeriji. Skont DR, tali kummerċjalizzazzjoni tikkostitwixxi att kummerċjali żleali sa fejn dan iwassal sabiex ND jikser dispożizzjoni legali, fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, jiġifieri, b’mod partikolari, l-Artikolu 9 tal-GDPR, dwar il-kisba tal-kunsens minn qabel u espliċitu tal-klijent għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu dwar is-saħħa.

23.      Il-Landgericht Dessau-Roßlau (il-Qorti Reġjonali ta’ Dessau-Roßlau, il-Ġermanja) laqgħet din l-azzjoni. L-Oberlandesgericht Naumburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Naumburg, il-Ġermanja) sussegwentement ċaħdet l-appell ippreżentat minn ND, fejn iddeċidiet li l-kummerċjalizzazzjoni minn dan tal-aħħar fuq Amazon ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat għall-ispiżeriji tmur kontra l-Liġi Kontra il-Kompetizzjoni Żleali tal-pajjiż. Fil-fatt, skont din il-qorti, din il-kummerċjalizzazzjoni tikkostitwixxi pproċessar ta’ data dwar is-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR, li għalih il-klijenti ma tawx il-kunsens espliċitu tagħhom. Issa, id-dispożizzjonijiet tal-GDPR għandhom jitqiesu li huma regoli dwar l-aġir fis-suq fis-sens tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, b’tali mod li, bħala kompetitur, DR għandu d-dritt li jinvoka talba għal inibizzjoni bbażata fuq id-dritt nazzjonali tall-kompetizzjoni billi jinvoka ksur minn ND tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

24.      ND ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li permezz tiegħu huwa sostna t-talbiet tiegħu għaċ-ċaħda tal-azzjoni għal inibizzjoni.

25.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżitu tal-appell għal reviżjoni jiddependi mill-interpretazzjoni kemm tal-Kapitolu VIII tal-GDPR kif ukoll tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46.

26.      Fil-fatt, minn naħa, din il-qorti tenfasizza li jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, bħala kompetitur, għandux il-locus standi rikjest sabiex jaġixxi, permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qrati ċivili, fir-rigward ta’ ksur tal-GDPR, kontra l-awtur ta’ dak il-ksur, abbażi tal-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din hija kwistjoni kontroversjali li r-risposta għaliha tista’ tkun li r-regoli li hemm fil-GDPR intiżi sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tiegħu huma eżawrjenti, b’tali mod li l-locus standi tal-kompetituri sabiex jaġixxu skont id-dritt tal-kompetizzjoni huwa eskluż. Madankollu, jista’ jiġi sostnut ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-GDPR intiżi għall-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt ma humiex eżawrjenti, u li għalhekk il-kompetituri għandhom il-kwalità meħtieġa sabiex japplikaw, permezz ta’ rikors, id-drittijiet ta’ inibizzjoni, billi jinvokaw il-ksur ta’ dan ir-regolament.

27.      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssostni li għandu jiġi ddeterminat jekk id-data li l-klijenti jridu jdaħħlu, waqt it-tqegħid tal-ordni online ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat għall-ispiżjara iżda li ma humiex suġġetti għal riċetta medika, tikkostitwixxix data dwar is-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR u, preċedentement, tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46, sa fejn id-dritt għal inibizzjoni jeżisti biss jekk l-aġir ta’ ND kien illegali kemm fil-mument tal-adozzjoni tiegħu kif ukoll fil-mument tas-seduta ta’ reviżjoni.

28.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII ta[l-GDPR] jipprekludu regoli nazzjonali li, flimkien mas-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet ta’ kontroll inkarigati li jissorveljaw u li jinforzaw dan ir-regolament u mal-possibbiltajiet ta’ rimedji ġudizzjarji tal-persuni kkonċernati, jagħtu lill-kompetituri s-setgħa sabiex jaġixxu, permezz ta’ rikors quddiem il-qrati ċivili, minħabba ksur tal-imsemmi regolament, kontra l-awtur ta’ dan, abbażi tal-projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti?

2)      Id-data li l-klijenti ta’ spiżjar li jaġixxi bħala bejjiegħ fuq pjattaforma ta’ bejgħ online jdaħħlu fuq din il-pjattaforma, meta ssir l-ordni ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa effettivament irriżervat għall-ispiżeriji, iżda li ma humiex suġġetti għal riċetta medika (data bħall-isem tal-klijent, l-indirizz tal-kunsinna u informazzjoni neċessarja għall-individwalizzazzjoni tal-prodott mediċinali li l-bejgħ tiegħu huwa rriżervat għall-ispiżeriji u li ġie ordnat), tikkostitwixxi data dwar is-saħħa fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta[l-GDPR] u data dwar is-saħħa fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [95/46]?”

29.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2023. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet kienu rrappreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2024.

IV.    Analiżi

30.      F’din il-kawża, DR isostni li ND kiser l-Artikolu 9 tal-GDPR billi pproċessa d-data tal-klijenti li ordnaw online prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal riċetta mingħajr ma kkonforma ruħu mar-rekwiżiti li jimponu l-ġbir tal-kunsens espliċitu tal-klijenti għall-ipproċessar ta’ din id-data.

31.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli nazzjonali li jirrikonoxxu lill-impriżi d-dritt li jinvokaw, abbażi tal-projbizzjoni ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali, ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-GDPR allegatament imwettqa mill-kompetituri tagħhom. Fit-tieni domanda preliminari tagħha, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 9 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li d-data inkwistjoni tikkostitwixxi data dwar is-saħħa u għalhekk taqax taħt il-kategoriji speċjali ta’ data msemmija f’din id-dispożizzjoni (8).

32.      Qabelxejn, kif diġà enfasizzajt, nirrileva li, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel waħda, sa fejn ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun suffiċjenti sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża pendenti quddiemha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa opportun li nibda l-analiżi tiegħi tad-domandi preliminari b’din it-tieni domanda.

A.      Fuq ittieni domanda preliminari

33.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-data tal-klijenti ta’ spiżjar trażmessa waqt l-ordni fuq pjattaforma ta’ bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat għall-ispiżeriji iżda li ma humiex suġġetti għal riċetti tikkostitwixxix “data dwar is-saħħa”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR.

34.      Qabelxejn għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa” li jinsab fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR huwa ddefinit fl-Artikolu 4(15) ta’ dan ir-regolament. Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari tippreżumi għalhekk interpretazzjoni konġunta ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

1.      Fuq linterpretazzjoni talkunċett ta’ “data dwar issaħħa” fiddawl talġurisprudenza eżistenti

35.       Skont l-Artikolu 4(15) tal-GDPR, “data dwar is-saħħa” hija data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna.

36.      Din id-definizzjoni hija sostnuta wkoll mill-premessa 35 tal-GDPR. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk enfasizzat fil-ġurisprudenza tagħha li “[din il-premessa tipprovdi li d]-data personali dwar is-saħħa għandha tinkludi d-data kollha dwar l-istat tas-saħħa ta’ suġġett tad-data li tiżvela informazzjoni relatata mal-istat tas-saħħa fiżika jew mentali tas-suġġett tad-data fil-passat, fil-preżent jew fil-ġejjieni” (9).

37.      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(15) tal-GDPR, ippreċiżat mill-premessa 35 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-element determinanti sabiex jiġi stabbilit li ċerta data personali tikkostitwixxi data dwar is-saħħa huwa l-fatt li jkun possibbli, mid-data inkwistjoni, li jinsiltu konklużjonijiet rigward l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata. Fi kliem ieħor, id-“data dwar is-saħħa” ma hijiex limitata għad-data medika jew direttament relatata ma’ problemi tas-saħħa, iżda tinkludi wkoll kwalunkwe data li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet rigward l-istat tas-saħħa tas-suġġett tad-data, kemm jekk dan ikun stat patoloġiku kif ukoll jekk ikun stat fiżjoloġiku.

38.      Dan huwa kkonfermat fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 9 tal-GDPR. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk enfasizzat, fil-ġurisprudenza tagħha, li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiġi żgurata protezzjoni ikbar kontra pproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data li tkun suġġetta għall-ipproċessar, jista’ jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-premessa 51 tal-GDPR, indħil partikolarment serju fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (10).

39.      Is-sensittività partikolari tad-data dwar is-saħħa hija fil-fatt spjegata mill-fatt li din tirrigwarda informazzjoni li taqa’ fl-aspett l-iktar intimu tal-persuni u tista’ tesponi l-vulnerabilità tagħhom. Din is-sensittività partikolari u, konsegwentement, il-bżonn partikolari ta’ protezzjoni tagħhom huma barra minn hekk irrikonoxxuti mhux biss fid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tenfasizza li “[l]-osservanza tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni dwar is-saħħa tikkostitwixxi prinċipju essenzjali tas-sistema ġuridika tal-Partijiet Kontraenti kollha għall-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950] [traduzzjoni mhux uffiċjali] (11)”.

40.      Għalhekk, fid-dawl ta’ dan l-għan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa lill-kunċett ta’ “kategoriji speċjali ta’ data personali” li taħtu taqa’ d-data dwar is-saħħa, b’tali mod li din ma tirrigwardax biss id-data intrinsikament sensittiva, iżda wkoll data li tiżvela indirettament, wara proċess intellettwali ta’ deduzzjoni jew ta’ kontroverifika, informazzjoni ta’ din in-natura (12).

41.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit fl-Artikoli 68 et seq. tal-GDPR jadotta wkoll tali tifsira tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa”, filwaqt li jenfasizza li ma hijiex biss in-natura intrinsika tal-informazzjoni li tiddetermina l-klassifikazzjoni tagħha bħala “data dwar is-saħħa”, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi relatati mal-ġbir u l-ipproċessar tagħha, u jagħti eżempji differenti ta’ dan. Skont dan il-bord, għalhekk, “data dwar is-saħħa” hija informazzjoni li tinsab fi fajl mediku, informazzjoni li tiżvela l-istat tas-saħħa minħabba l-kontroreferenza tagħha ma’ data oħra, jew saħansitra data li ssir data dwar is-saħħa minħabba l-użu tagħha f’kuntest speċifiku, bħall-informazzjoni relatata ma’ vjaġġ u pproċessata minn professjonist tas-saħħa biex tiġi stabbilita dijanjożi (13). Min-naħa l-oħra, id-“data  dwar is-saħħa” ma tinkludix data miġbura minn applikazzjoni biex jitkejjel l-għadd ta’ passi li jagħmel is-suġġett tad-data, meta din l-applikazzjoni ma tkunx tista’ torbot din id-data ma’ data oħra ta’ din il-persuna u sa fejn id-data miġbura ma tiġix ipproċessata f’kuntest mediku (14).

42.      Għalhekk, mill-Artikolu 4(15) u mill-Artikolu 9 tal-GDPR, kif interpretati fil-ġurisprudenza, jirriżulta b’mod ċar li għandha titqies bħala “data dwar is-saħħa”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-data li tista’ tagħmilha possibbli li jinsiltu konklużjonijiet rigward l-istat tas-saħħa tas-suġġett tad-data.

43.      Għalhekk nirrileva li, prima facie, ma jistax jiġi miċħud li t-tqegħid ta’ ordni online ta’ prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal riċetta tippreżumi l-ipproċessar ta’ data li minnha wieħed jista’ jiddeduċi ċerta informazzjoni dwar is-saħħa jew, tal-inqas, li tagħti ċerti indikazzjonijiet dwarha sa fejn din l-ordni timplika rabta bejn ix-xiri ta’ prodott mediċinali, prodott li jikkonċerna s-saħħa strettament, u l-identità tax-xerrej tiegħu. Madankollu, fil-fehma tiegħi u għar-raġunijiet li ser nesponi issa, mill-informazzjoni trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din ir-rabta hija dgħajfa wisq u l-indikazzjonijiet li jistgħu jiġu dedotti minnha huma wisq impreċiżi jew ipotetiċi sabiex id-data inkwistjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “data dwar is-saħħa”, fis-sens tal-Artikolu 4(15) u tal-Artikolu 9 tal-GDPR.

2.      Fuq irrekwiżit ta’ ċertu livell ta’ ċertezza firrigward talkonklużjonijiet li jistgħu jinsiltu dwar listat tassaħħa ta’ suġġett taddata

44.      Jeħtieġ li nagħmel xi preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa” b’mod partikolari u ta’ dak ta’ “kategorija speċjali ta’ data” b’mod ġenerali.

45.      Minn naħa, jidhirli li, abbażi ta’ dawn l-elementi ta’ interpretazzjoni, prodott ordnat online jista’ jitqies li jista’ jiżvela informazzjoni ġenerali dwar l-istat tas-saħħa ta’ persuna iżda wkoll, kif jirriżulta mill-Artikolu 9 tal-GDPR, l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew ukoll l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna. Fil-fehma tiegħi, ċerta informazzjoni dwar dawn l-elementi differenti fir-rigward tal-persuna kkonċernata tista’ tiġi dedotta mill-oġġetti ordnati online.

46.      Diversi eżempji jippermettuli nissostanzja l-argument tiegħi. L-ordni ta’ ktieb ta’ personalità politika tista’ potenzjalment tindika l-qbil mal-ideat li din il-persuna tippromwovi, l-ordni ta’ lbies tista’ tindika t-twemmin reliġjuż ta’ individwu, jew anki l-ordni ta’ materjal erotiku tista’ tindika l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna. Sakemm parti kbira mill-ipproċessar tad-data relatata mal-kummerċ online ma tiġix suġġetta għas-sistema prevista fl-Artikolu 9(2) tal-GDPR, jidhirli għalhekk li huwa neċessarju li tiġi rfinata iktar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa” fis-sens li l-konklużjonijiet li jistgħu jinsiltu mid-data relatata ma’ ordni ma għandhomx ikunu biss konklużjonijiet potenzjali. Fi kliem ieħor, fil-fehma tiegħi, l-informazzjoni żvelata mid-data inkwistjoni dwar l-istat tas-saħħa tas-suġġett tad-data ma tistax tkun sempliċi suppożizzjonijiet, iżda għandu jkollha ċertu livell ta’ ċertezza.

47.      Min-naħa l-oħra, jiena tal-fehma li, minbarra l-każijiet fejn id-data hija intrinsikament “data  dwar is-saħħa”, il-punt dwar jekk data tistax tiġi kklassifikata b’dan il-mod jiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. B’mod iktar preċiż, il-konklużjonijiet li jistgħu jinsiltu minn din id-data jidhirli li jiddependu mill-kuntest li fih tinġabar u mill-ipproċessar li jsir minnha. Kif enfasizzat mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit fl-Artikoli 68 et seq. tal-GDPR, id-data prima facie li ma tkunx ġejja mill-qasam mediku, bħall-informazzjoni relatata ma’ vjaġġ, tista’ madankollu titqies bħala “data dwar is-saħħa” meta tiġi analizzata f’kuntest mediku u flimkien ma’ informazzjoni oħra, sabiex tiġi stabbilita, fl-eżempju ċċitat, il-kontaminazzjoni potenzjali minn batterja jew virus preżenti f’reġjun partikolari.

48.      B’mod partikolari, nenfasizza li l-identità tal-kontrollur tad-data hija element partikolarment rilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, peress li d-data hija pproċessata minn korp fil-qasam tas-saħħa, jidhirli li dan jista’ jikkostitwixxi indizju li din id-data hija effettivament “data dwar is-saħħa”. Min-naħa l-oħra, din l-istess data tista’ tiġi kklassifikata b’mod differenti minħabba l-fatt li ma hijiex ipproċessata minn stabbiliment fil-qasam tas-saħħa u ma tistax tkun marbuta ma’ data oħra tas-suġġett tad-data. Fi kliem ieħor, l-istess data tista’ tiżvela iktar informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa ta’ persuna meta tiġi pproċessata minn istituzzjoni fil-qasam tas-saħħa li għandha l-kompetenzi sabiex tinterpretaha jew data oħra dwar il-persuna milli meta tiġi pproċessata minn korp li ma jagħmilx parti minn dan is-settur.

49.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq eżami kemm tas-sustanza tad-data inkwistjoni kif ukoll taċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-ipproċessar tagħha, sabiex tiddetermina jekk minn dan tistax tiġi dedotta, b’ċertu livell ta’ ċertezza, informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa tal-persuna kkonċernata.

50.      Fid-dawl tal-elementi li hemm fid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, jidhirli madankollu li huwa possibbli li jsiru preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidawha fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (15).

3.      Fuq lelementi rilevanti għalleżami millqorti tarrinviju talpossibbiltà li tiġi dedotta informazzjoni dwar listat tassaħħa tassuġġett taddata

51.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ordni, nenfasizza li l-prodotti mediċinali inkwistjoni, jiġifieri prodotti mediċinali li ma humiex suġġetti għal riċetta, bħala prinċipju ma jirrigwardawx it-trattament ta’ stat partikolari, iżda jistgħu jintużaw b’mod iktar ġenerali sabiex jittrattaw kundizzjonijiet ta’ kuljum li jista’ jkollu kulħadd u li ma humiex sintomatiċi ta’ patoloġija jew ta’ stat ta’ saħħa preċiż. Barra minn hekk, dawn il-prodotti mediċinali spiss ukoll jinxtraw bħala miżura preventiva, sabiex ikunu disponibbli fil-każ ta’ bżonn jew qabel, pereżempju, vjaġġ lil hinn mir-residenza abitwali. Bħala eżempju, ordni tal-paracetamol ma tippermetti li ssir ebda deduzzjoni fir-rigward tal-istat preċiż ta’ persuna, peress li din il-molekula hija indikata fit-trattament ta’ uġigħ varju u ta’ stati ta’ deni u spiss tkun fost il-prodotti mediċinali li n-nies iżommu fid-dar tagħhom, lil hinn minn kull neċessità partikolari.

52.      Fit-tieni lok, kif jirrileva ND, il-fatt li persuna tordna online prodott mediċinali li ma huwiex suġġett għal riċetta ma jimplikax neċessarjament li din il-persuna, li d-data tagħha tiġi pproċessata, ser tkun l-utent, u mhux persuna oħra li tgħix fid-dar tagħha jew hija parti miċ-ċirku tagħha. Fil-fatt, huwa frekwenti li ordni fuq sit tal-bejgħ online ssir minn persuna li jkollha kont fuq dan is-sit f’isem u għan-nom ta’ persuna li ma jkollhiex kont. Fin-nuqqas ta’ riċetta li tindika b’isimha l-persuna li għaliha huwa intiż il-prodott mediċinali u li permezz tagħha hemm lok li jiġi preżunt li l-utent tal-prodott mediċinali u x-xerrej huma l-istess persuna, ma jistax jiġi dedott mill-ordni ta’ prodott liberament aċċessibbli online li dan il-prodott huwa maħsub biex jintuża mix-xerrej, u x-xerrej biss. Minn dan jirriżulta li ebda konklużjoni dwar l-istat tas-saħħa tal-persuna li d-data tagħha tiġi pproċessata ma tista’ tinsilet b’mod raġonevoli minn din id-data, b’tali mod li tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “data dwar is-saħħa”.

53.      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, fit-tielet lok, u suġġett għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, persuna tista’ tagħmel ordni bl-internet mingħajr ma tkun meħtieġa tipprovdi informazzjoni preċiża dwar l-identità tagħha, b’mod partikolari meta l-kunsinna tal-prodott ma ssirx fl-indirizz tal-persuna kkonċernata iżda permezz ta’ punt tal-kunsinna, u meta ebda data oħra tal-identità ċivili ma tkun meħtieġa għall-finijiet tal-fatturazzjoni.

54.      Għalhekk jiena tal-fehma li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li d-data tal-klijenti ta’ spiżjar trażmessa waqt it-tqegħid ta’ ordni fuq pjattaforma tal-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat għall-ispiżeriji iżda li ma humiex suġġetti għal riċetta ma tikkostitwixxix “data dwar is-saħħa”, fis-sens tal-Artikolu 4(15) u tal-Artikolu 9 tal-GDPR, sa fejn jistgħu jinsiltu biss konklużjonijiet ipotetiċi jew impreċiżi dwar l-istat tas-saħħa tal-persuna li tagħmel l-ordni online, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

55.      Mill-bqija, għandi nispeċifika wkoll li, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “data dwar is-saħħa” bħala li jinkludi d-data trażmessa waqt t-tqegħid ta’ ordni fuq pjattaforma tal-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat għall-ispiżeriji iżda li ma humiex suġġetti għal riċetta tista’, paradossalment, twassal sabiex tiġi żvelata iktar informazzjoni sensittiva minħabba s-sistema ta’ protezzjoni msaħħa prevista fl-Artikolu 9(2) tal-GDPR. Fil-fatt, it-talba għal kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ data li diġà hija identifikata bħala sensittiva tista’ fl-aħħar mill-aħħar tinkoraġġixxi lix-xerrej jiżvela l-identità tal-utent finali tal-prodott. F’din is-sitwazzjoni, ikunu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet iktar ċerti dwar l-istat tas-saħħa ta’ din il-persuna.

B.      Fuq lewwel domanda preliminari

56.      Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għat-tieni domanda preliminari, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari. Għall-finijiet ta’ kompletezza u fid-dawl tal-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, madankollu ser nanalizza din id-domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli nazzjonali li jirrikonoxxu lill-impriżi d-dritt li jinvokaw, abbażi tal-projbizzjoni ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali, ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-regolament allegatament imwettqa mill-kompetituri tagħhom.

57.      Il-partijiet taw risposti dijametrikament opposti għal din il-domanda. Minn naħa, skont il-Kummissjoni u ND, is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR, interpretata fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, għandha titqies bħala sistema eżawrjenti, li teskludi kull possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu rimedji ġudizzjarji alternattivi fid-dritt nazzjonali.

58.      Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Ġermaniż, is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR għandha titqies bħala sett minimu ta’ rimedji ġudizzjarji li jistgħu jiġu ssupplimentati mill-Istati Membri. In-natura mhux eżawrjenti ta’ tali sistema hija ġġustifikata mill-fatt li l-GDPR għandu wkoll l-għan li jipproteġi l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u li jipprekludi d-distorsjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tad-data u li l-possibbiltà li kompetitur jinvoka l-ksur minn kompetitur ieħor tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-regolament issaħħaħ in-natura operattiva ta’ dan tal-aħħar.

59.      Il-partijiet għalhekk iffokaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-punt dwar jekk is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mill-GDPR kellhiex titqies bħala sistema ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti, li tikkundizzjona, fil-fehma tagħhom, il-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom rimedji ġudizzjarji alternattivi għal dawk stabbiliti minn dan ir-regolament.

60.      Madankollu, għalkemm id-determinazzjoni tan-natura eżawrjenti jew le tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji hija element rilevanti sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda preliminari, jidhirli, għar-raġunijiet li ser nesponi, li tali analiżi teħtieġ qabelxejn li tiġi eżaminata l-kwistjoni sottostanti tal-identifikazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija mir-regoli, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, tal-GDPR. Fil-fatt, fl-ipoteżi li l-impriżi responsabbli għall-ipproċessar tad-data kellhom jitqiesu bħala detenturi ta’ drittijiet mogħtija mill-GDPR, jiena tal-fehma li dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi mid-dritt nazzjonali l-istabbiliment ta’ rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu invokati dawn id-drittijiet. Għalhekk ser nibda l-analiżi tiegħi b’dan il-punt, qabel ma nirrispondi għad-domanda dwar jekk is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mill-GDPR għandhiex titqies bħala sistema eżawrjenti fis-sens li teskludi l-possibbiltà offruta fid-dritt nazzjonali lil impriża li tressaq azzjoni għal inibizzjoni, imressqa abbażi tal-projbizzjoni ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali, kontra kompetitur billi tinvoka l-ksur minnu tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

1.      Identifikazzjoni taddetenturi taddrittijiet mogħtija millGDPR

61.      Qabelxejn ser nippreċiża n-neċessità ta’ tali identifikazzjoni, imbagħad ser nipproċedi biha, u fl-aħħar ser nesponi l-konsegwenza tal-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data bħala l-uniċi benefiċjarji tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari.

a)      Fuq ilħtieġa li jiġu ddeterminati ddetenturi taddrittijiet protetti millGDPR

62.      In-neċessità, sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, li qabelxejn jiġu identifikati d-detenturi tad-drittijiet protetti mill-GDPR qabel ma tiġi ttrattata l-kwistjoni tan-natura eżawrjenti tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji li dan ir-regolament jistabbilixxi hija spjegata, fil-fehma tiegħi, minn żewġ modi.

1)      L-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu rikorsi intiżi li jinvokaw dritt abbażi tad-dritt tal-Unjoni

63.      Nirrileva li huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li d-dritt tal-Unjoni, hekk kif joħloq obbligi għall-individwi, huwa intiż ukoll sabiex joħloq drittijiet li huma parti mill-patrimonju ġuridiku tagħhom (16), filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza f’dan ir-rigward li dawn id-drittijiet jitnisslu b’mod partikolari minħabba obbligi imposti kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (17). Fil-fatt, kull obbligu impost fuq persuna fiżika jew ġuridika għandu, bħala regola ġenerali, effett korrelattiv li jagħti dritt lil persuna oħra.

64.      Barra minn hekk, huwa paċifiku li kull dritt mogħti lil individwu mid-dritt tal-Unjoni jinvolvi wkoll l-eżistenza ta’ rikors intiż preċiżament sabiex jinforza dan id-dritt, filwaqt li huwa mifhum li, fl-assenza ta’ regoli speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni għal dan l-għan, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet inkwistjoni fil-kuntest ta’ azzjoni taħt id-dritt intern (18). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jipproteġu d-drittijiet li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jagħtu lill-individwi (19).

65.      Kieku, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, il-GDPR kellu jiġi interpretat bħala li jipproteġi, lil hinn mis-suġġetti tad-data, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq u, għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, l-impriżi, dan ir-regolament ikollu jitqies li joħloq drittijiet li jidħlu fil-patrimonju ġuridiku ta’ dawn tal-aħħar (20).

66.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti tad-dritt tal-Unjoni għal dan l-għan, ir-rispett tad-drittijiet li l-impriżi jiksbu mill-GDPR għandu jkun jista’ jiġi żgurat skont ir-rimedji ġudizzjarji previsti mill-Istati Membri.

67.      Minn dan jirriżulta li, mingħajr il-ħtieġa li tiġi ttrattata n-natura eżawrjenti jew le tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mill-GDPR, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat mhux bħala li ma jipprekludix li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu l-possibbiltà għal kompetitur li jressaq azzjoni kontra impriża oħra billi jinvoka ksur tal-imsemmi regolament, iżda pjuttost fis-sens li jeżiġi li r-rispett tad-dispożizzjonijiet tiegħu jkun jista’ jiġi żgurat fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa minn impriża kontra kompetitur li jinvoka l-ksur tagħhom minn dan tal-aħħar (21).

68.      Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari hija għalhekk, fil-fehma tiegħi, suġġetta għall-identifikazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR.

2)      Id-dimensjoni doppja tal-kompletezza ta’ sistema ta’ rimedji ġudizzjarji

69.      Il-kunċett innifsu ta’ “eżawrjenza ta’ sistema ta’ rimedji ġudizzjarji” jista’ jkopri żewġ dimensjonijiet distinti, billi jippreżupponi analiżi differenti u jeħtieġ l-identifikazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet li r-rispett tagħhom huwa żgurat minn tali sistema.

70.      L-ewwel dimensjoni tirrigwarda n-natura eżawrjenti tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji fir-rigward ta’ kwalunkwe rimedju ieħor intiż għall-protezzjoni tal-istess dritt. Fi kliem ieħor, hija kwistjoni tal-eżawrjenza tar-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt tal-Unjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-regoli tagħha jagħtu lill-individwi. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-ġurisprudenza tagħha, dwar l-effett tan-natura eżawrjenti tar-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt tal-Unjoni għall-protezzjoni ta’ dritt li huwa previst huwa stess mid-dritt tal-Unjoni. Bħala eżempju, hija b’mod konsistenti ddeċidiet li sistema ta’ responsabbiltà armonizzata b’mod eżawrjenti mid-dritt tal-Unjoni tista’, madankollu, teżisti b’mod konġunt ma’ sistema ta’ responsabbiltà alternattiva prevista mid-dritt nazzjonali bbażata fuq l-istess fatti u l-istess bażi, sakemm din is-sistema alternattiva ma tippreġudikax is-sistema armonizzata u ma timminax l-għanijiet u l-effett utli tagħha (22). Is-sempliċi natura eżawrjenti ta’ sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mid-dritt tal-Unjoni għalhekk ma hijiex biżżejjed biex teskludi l-possibbiltà li Stat Membru jipprevedi fid-dritt nazzjonali rimedju ġudizzjarju alternattiv ibbażat fuq l-istess dritt, dment li jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

71.      It-tieni dimensjoni tal-kunċett ta’ “eżawrjenza ta’ sistema ta’ rimedji ġudizzjarji” prevista mid-dritt tal-Unjoni hija iktar wiesgħa u tirrigwarda l-eżawrjenza fir-rigward ta’ kull rimedju ġudizzjarji ieħor eżerċitat minn persuni li ma humiex direttament detenturi ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, iżda li madankollu jinvokawhom fil-kuntest ta’ rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali. Tali kunċett ta’ eżawrjenza ta’ sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mid-dritt tal-Unjoni għalhekk jitlob analiżi differenti (23).

72.      Għalhekk, sabiex issir analiżi rilevanti tan-natura eżawrjenti possibbli tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji prevista mill-GDPR, huwa importanti wkoll li jiġu ddeterminati minn qabel id-detenturi tad-drittijiet mogħtija minn dan ir-regolament, u huwa dan li ser nagħmel fil-punti li ġejjin.

b)      Fuq lidentifikazzjoni taddetenturi taddrittijiet protetti millGDPR

73.      Il-kamp personali tal-protezzjoni mogħtija mill-GDPR għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi ddeterminat fid-dawl kemm tal-għanijiet kif ukoll tal-kontenut ta’ dan ir-regolament.

74.      Fir-rigward, qabelxejn, tal-għanijiet tal-GDPR, il-Gvern Ġermaniż isostni f’dan ir-rigward li dan ir-regolament għandu l-għan, minbarra li jfittex li jiżgura livell għoli u koerenti ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi, li jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali.

75.      Ċertament, il-premessa 9 tal-GDPR issemmi l-fatt li d-differenzi fil-protezzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tal-ipproċessar tagħha jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-fehma tiegħi, tali preċiżazzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tagħmel il-garanzija tal-kompetizzjoni libera u mhux distorta għan tal-GDPR. Il-fatt li d-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-regoli imposti fuq l-impriżi jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jidhirli li huwa sempliċi konstatazzjoni, li ma hijiex speċifika għall-GDPR. Peress li d-dispożizzjonijiet sostantivi jirregolaw l-azzjoni tal-impriżi fis-suq b’mod iktar strett fi Stat Membru milli fl-ieħor, minn dan neċessarjament jirriżulta ċertu vantaġġ kompetittiv għall-impriżi attivi f’dan tal-aħħar meta mqabbla ma’ dawn stabbiliti fl-ewwel wieħed, ħaġa li kwalunkwe test ta’ armonizzazzjoni jista’ jtaffi.

76.      Tali interpretazzjoni jidhirli li hija kkonfermata mir-riferiment, fil-premessa 9 tal-GDPR, għan-neċessità li jiġi ggarantit “[i]l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni kollha”, li potenzjalment huwa mhedded minħabba d-differenza bejn il-kuntesti legali nazzjonali.

77.      Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-premessa 9 tal-GDPR ma tirrigwardax il-kompetizzjoni eżistenti bejn kull impriża iżda qabel kollox il-kompetizzjoni bejn l-impriżi ta’ żewġ Stati Membri differenti kkawżata minn kuntesti legali differenti. Fi kliem ieħor, din tirrigwarda essenzjalment li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali fl-Istati Membri differenti billi l-impriżi jiġu suġġetti għal standards armonizzati, anki jekk dawn l-istandards jikkontribwixxu inċidentalment sabiex ebda impriża ma tibbenefika minn vantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ impriżi oħra fi ħdan l-istess Stat Membru.

78.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-GDPR ma għandux l-għan li jiżgura l-kompetizzjoni libera u mhux distorta fi ħdan is-suq intern.

79.      Sussegwentement, nirrileva li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet sostantivi tal-GDPR ma hija intiża li tiżgura l-kompetizzjoni ħielsa u mhux distorta bejn l-impriżi u li tagħmilhom id-destinatarji tal-protezzjoni li dan ir-regolament jistabbilixxi. Għall-kuntrarju, dawn huma essenzjalment intiżi sabiex jimponu obbligi fuq l-impriżi li huma kontrolluri tad-data. Għalkemm huwa minnu, kif semmejt, li kull obbligu impost fuq persuna fiżika jew ġuridika neċessarjament għandu bħala effett korrelattiv l-għoti ta’ dritt lil persuna oħra, madankollu l-uniċi benefiċjarji tad-drittijiet inkwistjoni ma humiex l-impriżi iżda l-persuni li d-data tagħhom tiġi pproċessata minnhom. It-titolu tal-GDPR huwa f’dan ir-rigward evokattiv, peress li dan jirreferi biss għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi.

80.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Kapitolu VIII tal-GDPR, nenfasizza, kif diġà rrilevajt, li dawn jiftħu biss rikors għall-persuni kkonċernati u għall-entitajiet inkarigati li jirrappreżentawhom. Din il-limitazzjoni tal-persuni li jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-GDPR, jippreżentaw rikors legali billi jinvokaw ksur tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom jidhirli li tindika b’mod ċar li huma l-uniċi destinatarji ta’ din il-protezzjoni. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, ikun inkoerenti li l-GDPR isir ukoll strument ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-kompetituri mingħajr ma dan ir-regolament jipprevedi ebda rimedju ġudizzjarju sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra l-ksur ta’ dawn id-drittijiet, minkejja li tali rimedji ġudizzjarji huma espressament previsti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

81.      Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-impriżi ma humiex destinatarji tal-protezzjoni prevista mill-GDPR, peress li dan ir-regolament jagħti drittijiet biss lis-suġġetti tad-data.

c)      Fuq leffett talinterpretazzjoni talGDPR bħala regolament li jipproteġi lissuġġetti taddata biss

82.      L-interpretazzjoni tal-GDPR li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jagħtu drittijiet mhux lill-impriżi iżda biss lis-suġġetti tad-data twassalni għal diversi konklużjonijiet.

83.      Fl-ewwel lok, kif semmejt, din l-interpretazzjoni teskludi, fil-fehma tiegħi, li jitqies li l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR għandha tkun tista’ tiġi żgurata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn impriża kontra kompetitur li tinvoka l-ksur tagħhom minn dan tal-aħħar.

84.      Fit-tieni lok, sa fejn iċ-ċirku ta’ benefiċjarji tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR huwa limitat biss għas-suġġetti tad-data, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu, fid-dritt nazzjonali, rimedji ġudizzjarji addizzjonali għad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet bil-kundizzjoni li dawn ir-rimedji ġudizzjarji ma jippreġudikawx is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji armonizzata u ma jippreġudikawx l-għanijiet tagħha (24), ma jidhirlix li tista’ tiġi trasposta direttament għas-sitwazzjoni inkwistjoni. Madankollu, il-ġurisprudenza kkonċernata tista’, kif ser nuri, isservi bħala bażi għall-analiżi ta’ din is-sitwazzjoni.

85.      Fil-fatt, skont din it-tifsira tal-kunċett ta’ “eżawrjenza ta’ sistema ta’ rimedji ġudizzjarji”, għandu jiġi ddeterminat jekk is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita mill-GDPR għandhiex tinftiehem bħala sistema eżawrjenti fis-sens li tipprekludi li jiġu segwiti rimedji ġudizzjarji oħra minbarra dawk previsti minn dan ir-regolament, fid-dritt nazzjonali, għall-benefiċċju tas-suġġetti tad-data.

86.      Issa, fil-kawża prinċipali hemm inkwistjoni rikors ippreżentat minn impriża li ma hijiex fost id-detenturi tad-drittijiet mogħtija mill-GDPR.

87.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li l-GDPR ma jagħti ebda dritt lill-impriżi u lill-kompetituri tagħhom, hija rilevanti biss il-kwistjoni dwar jekk is-sistema tar-rimedji ġudizzjarji implimentata mill-GDPR għandhiex tinftiehem bħala sistema eżawrjenti fis-sens li dan ir-regolament jeskludi wkoll li impriżi jinvokaw ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt nazzjonali, li ser nindirizzaha issa.

2.      Ilpossibbiltà ta’ rikors ġudizzjarju fondat fuq iddritt nazzjonali ppreżentat minn persuni li ma humiex detenturi taddrittijiet mogħtija millGDPR

88.      Il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet dwar is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mill-GDPR tipprekludux li l-impriżi jinvokaw ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fil-kuntest ta’ rikors previst mid-dritt nazzjonali jidhirli li titlob risposta f’żewġ stadji.

89.      Fil-fatt, ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li tiġi eżaminata, minn naħa, il-possibbiltà li l-impriżi jinvokaw id-dispożizzjonijiet tal-GDPR filwaqt li ma jkunux detenturi tad-drittijiet mogħtija minnhom u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet għall-interazzjoni ta’ tali rimedji ġudizzjarji mas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji prevista minn dan ir-regolament.

90.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-invokabbiltà, mill-impriżi, tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, nirrileva li din hija biss inċidentali, fil-kuntest tar-rikorsi fondati fuq id-dritt nazzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod iktar preċiż, l-impriża tippreżenta rikors abbażi tad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali. In-natura żleali tal-att inkwistjoni tirriżulta għalhekk minn ksur tal-GDPR. Fi kliem ieħor, ir-rikors ma huwiex fondat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, iżda jieħu inkunsiderazzjoni tali ksur b’mod inċidentali (25).

91.      Issa, tali teħid inkunsiderazzjoni inċidentali diġà ġie aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kuntest ċertament differenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), li “[n-]nuqqas ta’ konformità [mal-GDPR] ta’ pproċessar ta’ data, imwettaq minn impriża f’pożizzjoni dominanti […] jista’ jikkostitwixxi abbuż minn din il-pożizzjoni” (26) u li huwa, b’mod ġenerali, neċessarju li jiġu inklużi “[r-]regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali mill-kuntest ġuridiku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni waqt l-eżami ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti” (27). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li jseħħ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR.

92.      Għalkemm din il-konstatazzjoni ma saritx fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi iżda fil-kuntest tal-eżami ta’ prattika antikompetittiva minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, ma nara ebda raġuni sabiex tiġi limitata għal din l-ipoteżi biss il-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni inċidentali tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR.

93.      Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jirrigwarda d-dritt tal-kompetizzjoni, jekk jiġi aċċettat tali teħid inkunsiderazzjoni fil-qasam tal-infurzar pubbliku, jidhirli li huwa neċessarju li dan ikun possibbli wkoll fir-rigward tal-infurzar privat u, għalhekk, fir-rigward ta’ tilwim bejn individwi li ma humiex prinċipalment fondati fuq il-ksur ta’ dritt mogħti mill-GDPR, sakemm ma jiġix aċċettat li l-individwi ma jistgħux jiksbu kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li madankollu ġie kkonstatat minn awtorità tal-kompetizzjoni.

94.      Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali Richard de la Tour, il-protezzjoni tad-data personali jista’ jkollha “riperkussjonijiet […] f’oqsma oħra relattivi, b’mod partikolari, għad-dritt industrijali, għad-dritt tal-kompetizzjoni jew anki għad-dritt tal-konsum” (28). Din l-influwenza tal-GDPR f’oqsma oħra tidher li twassal għall-aċċettazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fil-kuntest ta’ rikors prinċipalment fondat fuq dispożizzjonijiet li ma jinsabux fih.

95.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni tal-interazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali li timplika t-teħid inkunsiderazzjoni inċidentali tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR mas-sistema ta’ rimedji stabbilita minn dan ir-regolament, jiena tal-fehma li tali rimedji ġudizzjarji għandhom jiġu aċċettati biss bil-kundizzjoni li dawn ma jippreġudikawx is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tal-imsemmi regolament jew il-kisba tal-għanijiet tiegħu.

96.      Dawn il-kundizzjonijiet ġew żviluppati fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-eżawrjenza ta’ sistema ta’ rimedji ġudizzjarji armonizzata fir-rigward ta’ rikorsi nazzjonali bbażati fuq l-istess dritt (29). Għalhekk jidhirli li dawn għandhom a fortiori jiġu ssodisfatti meta jkunu inkwistjoni regoli nazzjonali li jirrikonoxxu lill-impriżi d-dritt li jippreżentaw rikors mhux fuq il-bażi tal-istess dritt iżda fondat fuq id-dritt nazzjonali, billi madankollu jinvokaw ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-GDPR allegatament imwettqa minn impriża oħra.

97.      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

98.      Fir-rigward, qabelxejn, tal-punt dwar jekk azzjoni għal inibizzjoni mressqa minn impriża kontra kompetitur li tinvoka l-ksur minnu tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR tikkawżax preġudizzju għas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji prevista mill-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament, jiena tal-fehma li dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, dawn ir-rimedji ġudizzjarji jippermettu lis-suġġetti tad-data, jew lill-korpi, lill-organizzazzjonijiet jew lill-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ awtorizzati minnhom, iressqu lment quddiem awtorità ta’ kontroll (Artikolu 77), jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni ta’ awtorità ta’ kontroll (Artikolu 78), iressqu rikors kontra kontrollur jew proċessur (Artikolu 79) jew jiksbu kumpens mill-kontrollur jew mill-proċessur għad-dannu li jirriżulta minn ksur tar-regolament (Artikolu 82).

99.      Fi kliem ieħor, kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, il-Kapitolu VIII tal-GDPR “jirregola […] ir-rimedji ġudizzjarji li jippermettu li jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġett tad-data meta d-data personali li tikkonċernah kienet is-suġġett ta’ pproċessar allegatament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament”, peress li l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tista’ “tintalab jew direttament mis-suġġett tad-data, jew minn entità awtorizzata, fil-preżenza jew fl-assenza ta’ mandat għal dan il-għan” (30).

100. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors li impriża tista’ tippreżenta kontra kompetitur billi tinvoka ksur tal-GDPR minn dan tal-aħħar ċertament huwa fl-aħħar mill-aħħar ibbażat fuq il-ksur tal-istess dispożizzjoni, iżda ma jsegwix l-istess għan u ma jopponix l-istess partijiet. Fi kliem ieħor, tali rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt nazzjonali ma huwiex maħsub sabiex jiżgura r-rispett tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

101. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li r-rimedji disponibbli għas-suġġetti tad-data mis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita mill-GDPR huma ppreżervati u jistgħu, anki fl-ipoteżi li jiġi ppreżentat rikors minn impriża kontra kompetitur, dejjem jiġu eżerċitati.

102. F’dan ir-rigward, għandi nippreċiża wkoll li ma narax sa liema punt, kif issostni l-Kummissjoni, tali rimedji jistgħu jikkompromettu s-sistema pubblika tal-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt stabbilit mill-GDPR, sa fejn dan ir-regolament diġà jipprevedi espressament, flimkien ma’ tali sistema pubblika, il-possibbiltà li suġġett tad-data jinvoka d-drittijiet li huwa jislet mill-GDPR fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.

103. Fir-rigward, sussegwentement, tal-għanijiet imfittxija mill-GDPR, mill-premessa 10 tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż, b’mod partikolari, li jiżgura kemm livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi kif ukoll applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

104. Il-kisba ta’ ebda wieħed minn dawn l-għanijiet ma jidhirli li hija mhedda mill-possibbiltà offruta lil impriża li tressaq azzjoni għal inibizzjoni, fondata fuq il-projbizzjoni ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali, kontra kompetitur billi tinvoka l-ksur minnu tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR. Minn naħa, il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom jidhirli li jinkiseb, jew saħansitra jissaħħaħ, mill-possibbiltà estiża għal impriża li tinvoka ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-GDPR minn kompetitur. Min-naħa l-oħra, l-invokabbiltà iktar wiesgħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minn persuni oħra għajr is-suġġetti tad-data biss, ma tippreġudikax il-kisba tal-għan ta’ protezzjoni koerenti u omoġenja fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, minkejja li l-Istati Membri ma jipprevedux tali possibbiltà, minn dan ma tirriżultax madankollu frammentazzjoni tal-implimentazzjoni tal-protezzjoni tad-data fl-Unjoni, peress li d-dispożizzjonijiet sostantivi tal-GDPR huma imposti bl-istess mod fuq l-impriżi kollha u l-osservanza tagħhom hija żgurata mir-rimedji ġudizzjarji previsti minn dan ir-regolament.

105. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-effett utli tal-GDPR, mhux talli ma huwiex ikkontestat mill-possibbiltà offruta lil impriża li tressaq azzjoni għal inibizzjoni kontra kompetitur billi tinvoka ksur tal-GDPR, iżda talli jidhirli, kif semmejt, li huwa msaħħaħ mill-fatt li l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tista’ tiġi żgurata ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji distinti minn dawk previsti mis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji stabbilita minn dan ir-regolament.

106. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li azzjoni għal inibizzjoni mressqa minn impriża kontra kompetitur billi tinvoka l-ksur minnu tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR tista’ tikkoeżisti mar-rimedji ġudizzjarji stabbiliti fil-Kapitolu VIII tal-GDPR sa fejn din ma tikkawżalhomx preġudizzju u ma tippreġudikax l-għanijiet u l-effett utli ta’ dan ir-regolament.

107. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VIII tal-GDPR ma jipprekludux regoli nazzjonali li jirrikonoxxu lill-impriżi d-dritt li jinvokaw, abbażi tal-projbizzjoni ta’ atti ta’ kompetizzjoni żleali, ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-regolament allegatament imwettqa mill-kompetituri tagħhom.

V.      Konklużjoni

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

L-Artikolu 4(15) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

id-data tal-klijenti ta’ spiżjar trażmessa waqt it-tqegħid ta’ ordni fuq pjattaforma tal-bejgħ online ta’ prodotti mediċinali li l-bejgħ tagħhom huwa rriżervat għall-ispiżeriji iżda li ma humiex suġġetti għal riċetta ma tikkostitwixxix “data dwar is-saħħa”.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU 2011, L 88, p. 45).


5      BGBl. 2004 I, p. 1414.


6      BGBl. 2005 I, p. 3394.


7      BGBl. 2022 I, p. 2793.


8      Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “data dwar saħħa”, skont it-tifsira l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46. Madankollu, jiena tal-fehma li ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu li għandhom portata simili għall-finijiet tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Ara, dwar dan il-punt, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 58). Għalhekk fl-analiżi tiegħi ser nirreferi biss għall-Artikolu 9(1) tal-GDPR, peress li dan japplika wkoll għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46.


9      Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 124).


10      Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 126).


11      Qorti EDB, 25 ta’ Frar 1997, Z vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:1997:0225JUD002200993, punt 95). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tenfasizza barra minn hekk li l-protezzjoni ikbar tad-data dwar is-saħħa hija “kruċjali mhux biss għall-protezzjoni tal-ħajja privata tal-morda iżda wkoll sabiex tinżamm il-fiduċja tagħhom fil-qasam mediku u fis-servizzi tas-saħħa b’mod ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


12      Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 123).


13      Linji Gwida 03/2020 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID‑19, p. 5.


14      Ara Bygrave, L.A., u Tosoni, L., “Article 4(15)”, The EU General Data Protection Regulation (GDPR), a Commentary, Kuner, C., Bygrave, L.A., u Docksey, C., (ed.), Oxford University Press, 2020, p. 222.


15      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” (C‑262/20, EU:C:2022:117, punt 71).


16      Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 31), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 19).


17      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 19).


18      Ara, fuq dan il-punt, Van Gerven, W., “Of Rights, Remedies and Procedures”, Common Market Law Review, Vol. 37, Nru 3, 2000, p. 501 sa 536.


19      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 25).


20      Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 31), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 19).


21      Soluzzjoni simili diġà ġiet adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward b’mod partikolari tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 tat‑18 ta’ Mejju 1972 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex (ĠU 1972, L 118, p. 1). Din kienet ibbażata esklużivament fuq il-fatt li dan it-test kien intiż ukoll sabiex jiżgura l-kummerċ ġust u t-trasparenza tas-swieq b’mod li azzjoni ċivili mressqa minn impriża kontra kompetitur bl-għan li ġġiegħlu jirrispetta l-obbligi previsti minn dan ir-regolament issaħħaħ in-natura operattiva tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fi kliem ieħor, ir-Regolament Nru 1035/72 kien interpretat bħala li jimponi fuq l-impriżi l-obbligu li josservaw ir-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-suq, sabiex dawn jibbenefikaw minn relazzjonijiet kummerċjali abbażi ta’ kompetizzjoni leali, u b’hekk jagħmilhom il-benefiċjarji tad-drittijiet li jirriżultaw mill-obbligi li huma imposti fuqhom ukoll. Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola (C‑253/00, EU:C:2002:497, punti 29 u 31).


22      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Dutrueux (C‑495/10, EU:C:2011:869, punti 29 u 30), u tas‑16 ta’ Marzu 2023, Beobank (C‑351/21, EU:C:2023:215, punt 38).


23      Din id-dimensjoni doppja tal-eżawrjenza ta’ sistema ta’ rimedji ġudizzjarji dipendenti fuq l-identifikazzjoni tad-detenturi ta’ dritt ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jidhirli li hija riflessa, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM (C‑337/20, EU:C:2021:671). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5) ta’ sistema ta’ responsabbiltà nazzjonali li tippermetti li l-garanti ta’ utent ta’ servizzi ta’ ħlas jinvoka, minħabba nuqqas tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn din id-direttiva, ir-responsabbiltà ċivili ta’ tali fornitur skont sistema ta’ responsabbiltà kuntrattwali tad-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet l-analiżi tagħha bil-konstatazzjoni li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi drittijiet mhux fir-rigward ta’ garanti, iżda biss fir-rigward tal-fornituri ta’ servizz ta’ ħlas u tal-utenti ta’ tali servizzi, qabel ma analizzat jekk is-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita minn din l-istess direttiva tipprekludix sistema alternattiva bbażata fuq id-dritt nazzjonali.


24      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Dutrueux (C‑495/10, EU:C:2011:869, punti 29 u 30), u tas‑16 ta’ Marzu 2023, Beobank (C‑351/21, EU:C:2023:215, punt 38).


25      F’dan ir-rigward, nenfasizza li, fl-ipoteżi li l-ksur ta’ dispożizzjoni tal-GDPR jista’ jitqies bħala prattika kummerċjali żleali, fis-sens tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p 86), din id-direttiva għandha, fil-fehma tiegħi, tapplika fid-dispożizzjonijiet kollha tagħha, inkluża l-ħtieġa li l-Istati Membri jipprevedu, skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, dispożizzjonijiet li jippermettu lill-kompetituri jistitwixxu azzjoni legali kontra tali prattiki kummerċjali żleali.


26      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 43).


27      Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et(Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 51).


28      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2021:979, punt 51).


29      Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Dutrueux (C‑495/10, EU:C:2011:869, punti 29 u 30), u tas‑16 ta’ Marzu 2023, Beobank (C‑351/21, EU:C:2023:215, punt 38). Ara, wkoll, il-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2022:322, punt 53).