Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Mejju 2011 - L'Oréal vs UASI - United Global Media Group (MyBeauty)

(Kawża T-240/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: L'Oréal (Paris, Franza) (rappreżentanti: A. von Mühlendahl u S. Abel, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell: United Global Media Group, Inc. (El Segundo, U.S.A.)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-3 ta' Frar 2011 fil-Każ R 898/2010-1;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell; jew

sussidjarjament, tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell, fil-każ li tintervjeni quddiem il-Qorti Ġenerali, għall-ispejjeż tal-proċeduri, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva "MyBeautyTV", għal prodotti fil-klassijiet 3, 35,u 41 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 6406755

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Raġunijiet għall-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra fil-proċeduri bbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq l-Artikolu 8(4) tar-RTMK, billi ssostni li hija l-proprjetarja ta' numru ta' trade marks preċedenti li ma ġewx irreġistrati li kienu jixbhu lit-trade mark tar-rikorrenti.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni miċħuda. Fir-rigward tal-ispejjeż, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni osservat li l-parti li qed topponi, bħala l-parti li tilfet, normalment kellha tbati l-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni tar-rikorrenti, però, peress li din tal-aħħar ma ħatritx rappreżentant fis-sens tal-Artikolu 93 tar-RTMK, hija ma sostnietx tali spejjeż.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud u kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż tal-parti li qed topponi.

Motivi invokati: Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex tikser l-Artikolu 85(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009. Skont din id-dispożizzjoni, il-parti li titlef f'proċedimenti ta' oppożizzjoni għandha tbati l-ispejjeż sostnuti mill-parti li tirbaħ indispensabbli għall-finjiet tal-proċeduri. L-Artikolu 85(1) tar-RTMK ma jillimitax dan l-obbligu għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-mandat mogħti lil rappreżentant professjonali fis-sens tal-Artikolu 93(1) tar-RTMK. Ir-Regola 94 tar-RITMK wkoll ma tinkludix dispożizzjoni li tistabbilixxi li l-ispejjeż ta' rappreżentazzjoni professjonali biss jistgħu jiġu rkuprati. Pjuttost, ir-Regola 94 tar-RITMKsempliċiment tistabbilixxi "limitu" fuq l-ispejjeż rikuperabbli fil-każ li rappreżentant professjonali kien qed jaġixxi f'isem il-parti li tirbaħ. Sa fejn ir-Regola 94 tar-RITMK għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi kull rkupru ta' spejjeż f'każ bħal dan inkwistjoni, din ir-regola tkun f'kuntradizzjoni totali mal-Artikolu 85(1) tar-RTMK u għalhekk nulla jew inapplikabbli.

____________