Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Mejju 2011 - L-Awstrija vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-251/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentant: C. Pesendorfer, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 1363 finali, tat-8 ta' Marzu 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C 24/2009 mogħtija mil-Awstrija skont il-Liġi dwar l-elettriku ekoloġiku (Ökostromgesetz) lill-impriżi li jikkonsmaw kwantitajiet kbar ta' enerġija [Għajnuna C 24/09 (ex N 446/08)];

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE - Ineżistenza ta' għajnuna mill-Istat

Skont ir-rikorrenti, il-limitazzjoni tan-nefqa ppjanata għall-kumpanniji li jikkonsmaw kwantitajiet kbar ta' enerġija fl-Artikolu 22(c) tal-Liġi Awstrijaka fuq l-elettriku ekoloġiku (Ökostromgesetz), BGBl. I Nru 114/2008 (iktar 'il quddiem l-"ÖSG") ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat minħabba n-nuqqas ta' użu ta' "riżorsi tal-Istat".

It-tieni motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE - Nuqqas ta' natura selettiva

Skont ir-rikorrenti, tonqos in-natura selettiva kemm de jure kif ukoll de facto. Anki jekk jitqies li l-Artikolu 22(c) tal-ÖSG jikkawża devjazzjoni mis-sistema ta' referenza, din id-devjazzjoni tidher iġġustifikata mil-loġika u mill-istruttura interna tas-sistema ta' għajnuna għall-elettriku ekoloġiku.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE - Abbuż ta' poter

Skont ir-rikorrenti jekk, xorta waħda, il-miżura proposta hija kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, din taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali: li, fi kwalunkwe każ, għandha tiġi stabbilita skont l-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida; barra minn hekk għandha ssir analoġija bejn l-avviż ta' ħlas ta' kumpens tal-Artikolu 22(c) ÖSG u r-regoli għall-eżami tat-tnaqqis tat-taxxi fuq l-enerġija rregolati taħt id-dritt Komunitarju, għalhekk, il-ħlas ta' kumpens kellu jkun awtorizzat fuq il-bażi ta' din l-analoġija. Huwa wkoll konċepibbli li flimkien ma' applikazzjoni analoga tal-Linji Gwida, ikun hemm analoġija mal-Artikolu 25 tar-regolament ta' eżenzjoni ġenerali għal kategoriji.

Ir-raba' motiv: trattament mhux ugwali mill-Kummissjoni Ewropea għal kwistjonijiet li għandhom l-istess ċirkustanzi fattwali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni

Skont ir-rikorrenti, tqum il-kwistjoni għalfejn huma ttrattati b'mod manifestament differenti sitwazzjonijiet simili mill-perspettiva tal-kompetizzjoni - f'dan il-każ issir referenza għall-possibbiltà li jitqabblu l-ÖSG u l-liġi Ġermaniża dwar l-enerġiji rinovabbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-effetti ekonomiċi tagħhom u fil-qasam tall-kompetizzjoni -, li jidher li huwa inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali.

____________