Language of document : ECLI:EU:T:2005:219

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla Estiża)

tal-15 ta’ Ġunju 2005

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriżi żgħar agrikoli – Għajnuna li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni – Linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà – Deċiżjoni kundizzjonali – Termini ta’ żmien applikabbli għall-proċedura ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat – Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi – Motivazzjoni – Intervent – Talbiet, motivi u argumenti tal-parti intervenjenti”

Fil-kawża T-171/02

Regione autonoma della Sardegna, irrappreżentata minn G. Aiello u G. Albenzio, avvocati dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn

Confederazione italiana agricoltori della Sardegna,

Federazione regionale coltivatori diretti della Sardegna,

Federazione regionale degli agricoltori della Sardegna,

stabbiliti f'Cagliari (l-Italja), irrappreżentati minn F. Ciulli u G. Dore, avocats,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/229/KE, tat-13 ta’ Novembru 2001, dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Reġjun ta’ Sardenja (l-Italja) qiegħda tippjana li timplementa għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà fis-settur ta' l-uċuħ tar-raba' protetti (ĠU 2002, L 77, p. 29), [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn M. H. Legal, President, V. Tiili, A. W. H. Meij, M. Vilaras u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-Imħallef Relatur ta' l-1 ta’ Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 ll-fatti li wasslu għall-kawża

1        B’ittra tat-12 ta’ Jannar 1998, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-proġett ta’ skema ta’ għajnuna previst mid-Deċiżjoni Nru 48/7 tal-Giunta regionale della Sardegna (Gvern reġjonali ta’ Sardenja), tat-2 ta’ Diċembru 1997, li tapprova “pjan reġjonali ta’ ristrutturar ta' l-impriżi fis-settur ta’ l-uċuħ tar-raba' protetti” (iktar ‘il quddiem l-“proġett”). Il-Kummissjoni rċeviet din in-notifika fil-15 ta’ Jannar ta’ wara.

2        Dan il-proġett kien jipprovdi, fl-ewwel lok, għal skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar.

3        L-entitajiet eliġibbli taħt din l-iskema kienu l-impriżi agrikoli żgħar (SAE) Sardi li jinsabu f’diffikultà. Gћall-finijiet ta' dan il-proġett, il-kriterji ta’ ‘diffikultà’ kienu jikkonsistu, għas-SAE in kwistjoni, f’“telf medju operattiv ta’ almenu 25 % tal-qligħ nett matul l-aħħar tliet snin ta’ kummerċ”, minn naħa, u f'“dejn ta’ iktar minn 30% tal-kapital operattiv, meta mqabbel mad-djun dovut fil-31 ta’ Diċembru 1996”, min-naħa l-oħra. Skond l-awtoritajiet Taljani, madwar 500 SAE kienu jissodisfaw dawn il-kriterji.

4        Sabiex jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna, l-impriżi eliġibbli kellhom jissodisfaw numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom is-“sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar li jindika l-possibbiltajiet ta’ rimunerazzjoni tal-fatturi kollha ta' produzzjoni taħt kundizzjonijiet operattivi normali kif ukoll il-kisba ta’ qligħ mill-operat" u l-“likwidazzjoni ta’ parti mill-attivitajiet, mill-istrutturi u mill-beni ta’ l-operat, jekk dan [kien ikun] meħtieġ għall-kisba ta' l-ekwilibriju ekonomiku u finanzjarju ta' l-impriża”.

5        Is-settur in kwistjoni kien dak ta' l-uċuħ tar-raba' protetti. Il-prodotti in kwistjoni kienu jikkonsistu f’diversi speċji ta’ ħxejjex, ta' frott, ta' faqqiegħ, ta' pjanti u ta' fjuri kkultivati f’serer.

6        L-għajnuniet proġettati kienu, fl-ewwel lok, miżuri ta’ ristrutturar tad-djun ta’ l-impriżi eliġibbli. Dawn il-miżuri kellhom jiġu adottati mill-istabbilimenti bankarji kredituri ta’ l-impriża in kwistjoni (rinunzja għall-imgħaxijiet u għall-imgħaxijiet moratorji relatati mad-djun li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1996; rinunzja ta’ l-imgħaxijiet moratorji relatati mad-djun li jiskadi bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u t-tmiem ta' kuntratt ta’ skedar mill-ġdid), jew mill-awtoritajiet reġjonali (assunzjoni parzjali ta' l-ammont tad-dejn prinċipali kkostitwit mid-djun li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1996; sussidju fl-imgħaxijiet relatati mad-djun li jiskadi jew li jitnissel wara l-31 ta' Diċembru 1996). Il-parti mill-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri li għaliha huma inkarigati l-awtoritajiet reġjonali kienet tammonta għal 75 % tat-total tad-dejn ikkostitwit mid-djun li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 1996, netta mill-imgħaxijiet moratorji dovuti lill-istabbilimenti bankarji kredituri. It-tul ta’ żmien massimu tagħhom kien iffissat għal ħmistax-il sena.

7        Fit-tieni lok, kienet prevista kontribuzzjoni li mhijiex pagabbli lura għal diversi miżuri ta’ investiment fl-għodda tal-produzzjoni (stallazzjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni, ventilazzjoni, arja kundizzjonata, insulazzjoni, drenaġġ u tisqija, u konformità man-normi jew sostituzzjoni ta’ tagħmir li għadda żmienu). Dawn il-miżuri ta’ investiment ġew deskritti bħala "indispensabbli" għall-istrutturar. Il-parti mill-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri li għaliha huma inkarigati l-awtoritajiet reġjonali kienet tammonta għal 75 % tat-total ta’ l-ispejjeż eliġibbli. It-tul ta’ żmien tagħhom kien deskritt bħala dak “meħtieġ għat-twettiq tagħhom”.

8        Fit-tielet lok, kienu previsti miżuri ta’ għajnuna teknika, ta’ taħriġ professjonali u ta’ konsulenza mill-Ente regionale di sviluppo e assistenza tecnica in agricoltura (Uffiċċju reġjonali ta’ żvilupp u ta' assistenza teknika fil-qasam agrikolu). Dawn il-miżuri kienu ppreżentati bħala “servizz normali” li “ma jinvolvix spejjeż addizzjonali” sabiex jitqiegħed fis-seħħ. It-tul ta’ żmien tagħhom kien deskritt bħala “illimitat”.

9        L-ammont totali tar-riżorsi pubbliċi allokati għall-finanzjament ta’ l-iskema ta’ għajnuna għar-ristrutturar kien jammonta għal 60 biljun lira Taljana (ITL), jiġifieri madwar 30 miljun EUR. L-ammont massimu ta’ l-għajnuna li setgħet tiġi allokata lil kull impriża eliġibbli għall-għajnuna kien limitat għal 600 miljun ITL, jew madwar EUR 300 000.

10      Fit-tieni lok, il-proġett kien jirreferi għall-intenzjoni ddikjarata mir-Repubblika Taljana li tipprovdi, għas-SAE f’diffikultà finanzjarja temporanja u serja, għajnuna ta’ salvataġġ “li tista’ tingħata fil-forma ta’ garanzija jew fil-forma ta’ self b’rati normali ta’ ammont minimu jew, f'kull każ, ikkalkulat[i] b’tali mod li tinżamm għaddejja l-attività ta' l-operat sal-fażi tar-ristrutturar ”.

11      B’ittra tal-1 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni skond l-Artikolu 88(2), KE lir-Repubblika Taljana. L-awtoritajiet Taljani rċevew din l-ittra fl-4 ta’ Frar ta’ wara.

12      B’ittra ta’ l-14 ta’ Settembru 2001, l-awtoritajiet Taljani talbu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni fi żmien xahrejn skond l-Artikolu 7(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88 KE] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1). Il-Kummissjoni rċeviet din l-ittra fis-17 ta’ Settembru ta’ wara.

13      Fit-13 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/229/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Reġjun ta’ Sardenja (l-Italja) qiegħda tippjana li timplementa għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà fis-settur ta’ uċuħ tar-raba' protetti (ĠU L 77, p. 29), li ġiet ippubblikata fl-20 ta’ Marzu 2002 [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

14      Fl-Artikolu 1 tagħha, id-Deċiżjoni tiddikjara li l-proġett huwa inkompatibbli mas-suq komuni u ma jistax jiġi implementat.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      B'applikazzjoni ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Ġunju 2002, ir-Regione autonoma della Sardegna ressqet dan ir-rikors.

16      Inizjalment, il-każ kien allokat għall-Ewwel Awla estiża, imbagħad, wara li l-Imħallef Relatur ġie assenjat għar-Raba’ Awla minħabba l-bidla fil-kompożizzjoni ta’ l-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza mill-1 ta’ Ottubru 2003, il-każ ġie allokat għar-Raba’ Awla estiża.

17      B'applikazzjoni ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Awissu 2002, il-Confederazione italiana agricoltori della Sardegna, il-Federazione regionale coltivatori diretti della Sardegna u l-Federazione regionale degli agricoltori della Sardegna talbu li jitħallew jintervjenu fil-kawża in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Din it-talba għal intervent ġiet innotifikata lill-partijiet. Huma ma ppreżentawx osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit.

18      B’digriet tad-9 ta’ Diċembru 2002, il-President ta’ l-Ewwel Awla estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ t-talba għal intervent. Il-partijiet intervenjenti ppreżentaw nota ta’ intervent fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Frar 2003.

19      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta ta’ l-1 ta’ Lulju 2004. F'din l-okkażjoni, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-kap ta' talbiet tagħha intiż għar-rifjut tar-rikors bħala inammissibbli minħabba li kien tardiv. Nota ta' dan ittieħdet fil-proċess verbali.

20      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

21      Il-partijiet intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        Prinċipalment, tannulla d-Deċiżjoni;

–        sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni “inkwantu hija ma tipprovdix li l-għajnuna hija legali fil-limitu ta’ EUR 100 000 għal kull impriża";

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna, minn naħa, llir-rikorrenti tbati l-ispejjeż u, min-naħa l-oħra, lill-partijiet intervenjenti jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u l-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati ma’ l-intervent tagħhom.

 Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament totali tad-Deċiżjoni

23      In sostenn tat-talba tagħha għall-annullament totali tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tinvoka essenzjalment tmien motivi rigward, rispettivament:

–        il-ksur ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 4.1, tal-Komunikazzjoni 97/C-283/02 tal-Kummissjoni, tad-19 ta' Settembru 1997, li tistabbilixxi linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' l-impriżi li jinsabu f’diffikultà (ĠU C 283, p. 2, iktar ‘il quddiem il-“linji gwida");

–        il-ksur ta’ l-Artikolu 88 KE;

–        it-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva;

–        il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi;

–        il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE;

–        nuqqas ta’ diliġenza;

–        il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(c), KE u tal-linji gwida;

–        il-ksur ta’ l-Artikolu 7(4), tar-Regolament Nru 659/1999.

24      Barra minn hekk, il-partijiet intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex “tiċħad skond kif jidhrilha li hu xieraq, sussidjarjament, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet illegali skond l-Artikolu 241 KE ”, u jinvokaw essenzjalment erba’ motivi rigward, rispettivament:

–        il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq;

–        il-ksur ta’ l-Artikolu 87(2)(b), KE;

–        il-ksur ta’ l-Artikolu 158 KE u tad-dikjarazzjoni Nru 30 dwar reġjuni insulari, annessa ma’ l-att finali tat-Trattat ta’Amsterdam;

–        il-ksur tad-Direttiva 72/159/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ April 1972, dwar l-immodernizzar ta’ impriżi agrikoli (ĠU L 96, p. 1), u tad-Direttiva 75/268/KEE tal-Kunsill, tat-28 ta’ April 1975, dwar l-agrikoltura fil-muntanji u f’ċerti żoni żvantaġġjati (ĠU L 128, p. 1).

25      Dawn iż-żewġ gruppi ta’ motivi għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

1.     Fuq il-motivi komuni għar-rikorrenti u għall-partijiet intervenjenti

a)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 4.1 tal-linji gwida


 L-argumenti tal-partijiet

26      Skond ir-rikorrenti, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, il-Kummissjoni ma osservatx it-terminu normali ta’ xahrejn li hija imponiet fuqha nnifisha fl-ewwel subparagrafu tal-punt 4.1 tal-linji gwida għall-amministrazzjoni tajba tal-proċedura ta’ kontroll tal-proġetti ta’ skemi ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME).

27      Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

28      L-ewwel subparagrafu tal-punt 4.1 tal-linji gwida jindika, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni għandha “tawtorizza” il-proġetti ta’ skemi ta’ għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar ta’ SME jew ta' SAE u li “għandha tagħmel dan f’terminu normali ta’ xahrejn li jibda jiddekorri minn meta tirċievi informazzjoni sħiħa, ħlief jekk l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni tikkwalifika għall-proċedura mħaffa ta’ awtorizzazzjoni, f’liema każ il-Kummissjoni għandha għoxrin jum ta’ xogħol”.

29      Dawn it-termini għandhom jiġu interpretati fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet proċedurali stabbiliti fit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat. Ir-regoli indikattivi li l-Kummissjoni tista’ tadotta biex tispeċifika l-prattika li hija jkollha l-intenzjoni li ssegwi f’dan il-qasam ma jistgħux jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 22, u tat-13 ta’ Ġunju 2002, L-Olanda vs il-Kummissjoni, C-382/99, Ġabra p. I‑5163, punt 24).

30      Għall-finijiet tal-kontroll ta’ skemi ta’ għajnuna ġodda li l-Istati Membri jkunu qed jippjanaw li jistabbilixxu, l-Artikolu 88 KE jiddistingwi bejn fażi ta’ eżami preliminari u proċedura ta’ eżaminazzjoni formali.

31      Il-fażi preliminari ta’ eżami, li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 88(3), KE, għandha biss l-iskop li tagħti lill-Kummissjoni żmien biżżejjed għal riflessjoni u investigazzjoni biex tkun tista’ tifforma opinjoni preliminari dwar jekk il-proġetti nnotifikati lilha jikkostitwixxux skemi ta’ għajnuna, jekk humiex kumpatibbli mas-suq komuni, jew inkella jekk id-dubji eżistenti f’dan r-rigward jitolbux eżami dettaljat (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra p. 1471, punt 3, u tat- 3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs il-Kummissjoni, C-204/97, Ġabra p. I‑3175, punt 34). Fid-dawl ta' l-interessi ta’ l-Istat Membru in kwistjoni li jingħata risposta fl-iqsar żmien, il-proċedura hija, bħala regola, ta’ natura urġenti, u fuq din il-bażi, hija suġġetta għal terminu perentorju ta’ xahrejn li jibda jiddekorri minn meta l-Kummissjoni tirċievi notifika sħiħa (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Lorenz, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 4, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-334/99, Ġabra p. I‑1139, punti 49 u 50).

32      Fir-rigward tal-proċedura formali ta’ eżami, li għaliha ssir referenza fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2), KE, din hija indispensabbli meta l-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tistabbilixxi, wara l-fażi ta’ eżami preliminari, li proġett ma jikkostitwixxix skema ta’ għajnuna jew li, minkejja li jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna, huwa kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, l-għan tal-proċedura huwa li, minn naħa waħda, tippermetti li l-Kummissjoni tieħu konjizzjoni sħiħa tal-fatti kollha tal-kawża billi tisma’, kif għandha d-dmir li tagħmel, is-sottomissjonijiet kollha meħtieġa qabel ma tasal għad-deċiżjoni finali tagħha, u min-naħa l-oħra, li tipproteġi d-drittijiet ta’ terzi li potenzjalment jista’ jkollhom interess billi tagħtihom l-opportunità li jesprimu ruħhom (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451 punt 13; ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17, u Il-Portugall vs il-Kummissjoni, punt 31 supra, punt 33).

33      Minn dan jirriżulta li proġett ta’ skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ SME jista’ jiġi awtorizzat mill-Kummissjoni fit-terminu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt 4.1 tal-linji gwida biss jekk, ma’ l-iskadenza tat-terminu “normali ta’ xahrejn", jiġifieri t-terminu impost fuqha għall-eżami preliminari tagħha, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżuri previsti ma jikkostitwixxux skemi ta’ għajnuna, jew li jikkostitwixxu skemi ta’ għajnuna li, mingħajr ebda dubju, huma kumpatibbli mas-suq komuni. Jekk, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tasal għal din il-konklużjoni, hija għandha tibda l-proċedura formali ta’ eżami.

34      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mid-deskrizzjoni tat-terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol li tinsab fil-Komunikazzjoni 92/C-213/03 tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Lulju 1992, dwar proċedura mħaffa ta’ awtorizzazzjoni għall-iskemi ta’ għajnuna għall-[SME] u għall-modifiki ta’ skemi eżistenti (ĠU C 213, p. 10), li għaliha jirreferu l-linji ta’ gwida. Fil-fatt, mill-kliem tat-tieni u l-aħħar paragrafi ta’ l-imsemmija Komunikazzjoni jirriżulta li, anki fil-każ fejn proġett ta’ skema ta’ għajnuna jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li għalihom ikun suġġett il-benefiċċju tat-terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol, huwa biss “bħala regola" li l-Kummissjoni timpenja ruħha li ma tqajjimx oġġezzjonijiet wara li jkun skada dan it-terminu, u b’hekk iżżomm id-diskrezzjoni kollha li “tiddeċiedi”, jiġifieri li meta jkun xieraq, tiddeċiedi li tiftaħ proċedura formali ta’ eżami u, mat-tmiem ta’ din il-proċedura, tadotta deċiżjoni finali pożittiva, kundizzjonali jew negattiva.

35      Peress li l-ewwel subparagrafu tal-punt 4.1 tal-linji gwida jirreferi biss għall-perijodu applikabbli għall-fażi ta’ eżami preliminari li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 88 KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, din il-motiv - li huwa intiż bħala motiv awtonomu - għandu jiġi miċħud, u għandu jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

b)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 88 KE


 L-argumenti tal-partijiet

36      Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għamlet it-talbiet tagħha għal informazzjoni addizzjonali f’fażijiet separati minflok ma ġabrithom flimkien u, għal din ir-raġuni, injorat l-iskop tal-fażi ta’ eżami preliminari li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 88(3), KE, li hija ta’ natura urġenti, b’mod partikolari meta proġett jirrigwarda, bħal f’dan il-każ, impriżi li jinsabu f’diffikultà.

37      Skond il-partijiet intervenjenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami li għaliha ssir referenza fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2), KE wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn impost fuqha għal dan l-iskop u, għaldaqstant, fil-konfront ta’ skema ta’ għajnuna li, minħabba dan il-fatt, saret eżistenti.

38      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39      L-argumenti tar-rikorrenti, li jirrigwardaw l-iżilupp tal-fażi ta’ eżami preliminari, u dawk tal-partijiet intervenjenti, li jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi li fihom ittieħdet id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ eżami, għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru. 659/1999. Fil-fatt dan seħħ fis-16 ta’ April 1999, meta l-proċedura formali ta’ eżami kienet diġà pendenti.

40      Fl-ewwel lok, u kif ġie mfakkar fil-kuntest ta’ l-eżami tal-motiv preċedenti, il-fażi ta’ eżami preliminari għandha ssir f’terminu perentorju ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-data meta l-Kummissjoni tirċievi notifika kompleta. Biex in-notifika tkun kompleta, huwa biżżejjed li hija tinkludi, fil-forma inizzjali tagħha jew wara r-risposti mogħtija mill-Istat Membru in kwistjoni għad-domandi tal-Kummissjoni, l-informazzjoni meħtieġa biex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-proġett innotifikat lilha (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs il-Kummissjoni, C-99/98, Ġabra p. I‑1101, punt 56).

41      Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax twaqqaf it-terminu ta’ xahrejn milli jiskorri billi titlob informazzjoni li ma tkunx meħtieġa biex tifforma opinjoni preliminari (is-sentenza L-Awstrija vs il-Kummissjoni, punt 40 supra, punti 61 à 65), hija min-naħa l-oħra għandha d-dritt, skond l-Artikolu 88(3), KE, li tidħol fi djalogu ma’ l-Istat Membru in kwistjoni bil-għan li tippermettilu jipprovdi l-informazzjoni li tkun nieqsa min-notifika (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Heineken Brouwerijen, 91/83 u 127/83, Ġabra p. 3435, punti 17 u 18; ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs il-Kummissjoni, C-301/87, Ġabra p. I‑307, punti 27 u 28, u tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I‑8855, punt 44; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs il-Kummissjoni, T-73/98, Ġabra p. II‑867, punt 99).

42      F’dan il-każ, wara li rċeviet n-notifika inizjali mill-awtoritajiet Taljani fil-15 ta’ Jannar 1998, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kellhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista’ tifforma opinjoni preliminari. B’faks tad-9 ta’ Marzu 1998, hija talbet lir-Repubblika Taljana biex tibgħatilha l-ewwel ġabra ta’ informazzjoni addizzjonali, fi żmien erba’ ġimgħat. L-uffiċjali tagħha ltaqgħu wkoll mar-rappreżentanti tar-rikorrenti fl-4 ta’ Ġunju 1998. B’faks tad-19 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Taljani biex jikkonfermawlha bil-miktub l-informazzjoni mogħtija matul din il-laqgħa u biex jibgħatulha l-informazzjoni mitluba fid-9 ta’ Marzu 1998, fi żmien erba’ ġimgħat. Ir-rikorrenti wieġbet għal dawn id-domandi b’ittra tas-27 ta’ Awwissu 1998, mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Settembru ta’ wara u li din ta' l-aħħar irċeviet fil-15 ta’ l-istess xhar. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li xorta kien għad m’għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa. B’faks tad-19 ta’ Ottubru 1998, hija talbet lir-Repubblika Taljana biex tibgħatilha ġabra oħra ta’ informazzjoni addizzjonali, fi żmien erba’ ġimgħat. Ir-rikorrenti wieġbet għal din id-domanda b’ittra tat-12 ta’ Novembru 1998, li ntbagħtet mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Novembru 1998, u li din ta' l-aħħar irċeviet fid-19 ta’ l-istess xahar.

43      B'dan il-mod, għadda perijodu ta’ iktar minn għaxar xhur bejn id-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet in-notifika inizjali u d-data li fiha n-notifika saret sħiħa.

44      Madankollu, eżami tal-korrispondenza li ntbagħtet f’din l-okkażjoni juri li, qabel kollox, in-notifika inizjali, li tikkonsisti f’ħames paġni, kienet tagħti biss deskrizzjoni inkompleta u impreċiża tal-proġett ta’ skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ippjanat mir-Repubblika Taljana u, b’mod partikolari, tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tagħha, tal-miżuri li għandhom jiġu inklużi fil-pjan ta’ ristrutturar li għandu jiġi ppreżentat minn kull impriża biex tibbenefika mill-iskema u ta' l-għajnuna individwali li setgħet tiġi mogħtija lilhom. Barra minn hekk, hija kienet tipprovdi, f’termini ġenerali, l-għoti ta’ għajnuna ta’ salvataġġ. L-awtoritajiet Taljani sussegwentement irrinunzjaw għal din l-għajnuna, iżda infurmaw lill-Kummissjoni biss b’ittra mibgħuta fl-10 ta’ Settembru 1998.

45      Sussegwentement, b’ittri tad-19 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Ottubru 1998, huwa minnu li l-Kummissjoni għamlet domandi ġodda jew kumplimentari, iżda tenniet ukoll domandi li kienu saru fid-9 ta’ Marzu 1998, li kienu ġew imwieġba biss b’ittra mibgħuta fl-10 ta’ Settembru 1998. B’mod partikolari, f'din l-okkażjoni hija tenniet it-talba tagħha li tintbagħtilha d-dokumentazzjoni ta’ natura ekonomika li kienet nieqsa min-notifika, u li hija kienet indikat li hija meħtieġa waqt il-laqgħa ta’ l-4 ta’ Ġunju 1998. Ir-rikorrenti nfisha affermat li kien bil-għan li “jiġu kkjarifikati l-portata u l-effetti” tal-proġett li “l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani involvew ruħhom fi skambju estensiv ta’ korrispondenza” matul il-fażi ta’ eżami preliminari.

46      Fl-aħħar nett, il-proġett kien ta’ importanza ċerta, billi kellu l-għan li jsolvi d-diffikultajiet ta’ madwar 500 impriża, jiġifieri madwar kwart ta’ l-SAE li joperaw fis-settur tal-kultivazzjoni fis-serrer f’Sardinja, u kien ta’ ċerta kumplessità, billi kien jipprovdi li tiġi stabbilita skema ta’ għajnuna li tinkludi diversi miżuri finanzjarji li għalihom kellhom jagħmlu tajjeb, skond il-każ, l-awtoritajiet reġjonali jew l-istituzzjonijiet bankarji kredituri ta’ l-impriżi in kwistjoni, kif ukoll diversi miżuri ta’ investiment favur dawn ta’ l-aħħar.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament fittxet, permezz tad-domandi suċċessivi tagħha, li tikseb mill-awtoritajiet Taljani l-informazzjoni meħtieġa biex tifforma opinjoni preliminari. Meta Stat Membru jkun ippreżenta notifika inkompleta u impreċiża u sussegwentement ikun tardiv fl-għoti ta’ l-informazzjoni supplementari u kjarifiki ġustament mitluba mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet reġjonali ta’ dan l-Istat Membru ma jistgħux jibbażaw l-argument tagħhom fuq id-dewmien li b'hekk jirriżulta.

48      Fit-tieni lok, it-trasformazzjoni minn skema ta’ għajnuna ġdida għal skema ta’ għajnuna eżistenti hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet, li huma meħtieġa u suffiċjenti; l-ewwel waħda hija li l-Kummissjoni ma tkunx bdiet proċedura formali ta’ eżami f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri minn meta tasal notifika kompleta, u t-tieni waħda hija li l-Istat Membru in kwistjoni jinnotifika minn qabel l-implementazzjoni tal-proġett tiegħu lill-Kummissjoni (is-sentenzi Lorenz, punt 31 supra, punti 4 u 6, u L-Awstrija vs il-Kummissjoni, punt 40 supra, punt 84).

49      F’dan il-każ, biżżejjed jiġi kkonstatat li ebda notifika minn qabel ta' l-implementazzjoni ma ngħatat lill-Kummissjoni mir-Repubblika Taljana, b'tali mod li waħda miż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa għat-trasformazzjoni tal-proġett fi skema ta’ għajnuna eżistenti kienet nieqsa, li għaldaqstant din baqgħet skema ta’ għajnuna ġdida u li, konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, Agrana Zucker und Stärke vs il-Kummissjoni, T-187/99, Ġabra p. II‑1587, punt 39).

50      Il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud fit-totalità tagħha.

c)     Fuq il-motiv ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva


 L-argumenti tal-partijiet

51      Filwaqt li qieset li t-tul tal-proċedura amministrattiva kien eċċessiv, ir-rikorrenti, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, issostni li ma ġewx osservati terminu ta’ żmien raġonevoli u r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali.

52      Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

53      L-osservanza ta’ żmien raġonevoli fit-tmexxija ta’ proċedura amministrattiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs il-Kummissjoni, T-190/00, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 136). Barra minn hekk, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli ttawwal b’mod indefinit l-eżerċizzju tal-poteri tagħha, ifisser li l-Qorti għandha teżamina jekk l-iżvilupp tal-proċedura amministrattiva jindikax l-eżistenza ta’ azzjoni eċċessivament tardiva min-naħa ta’ din l-istituzzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punti 140 u 141, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs il-Kummissjoni, T-109/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 145 sa 147).

54      F’dan il-każ, l-iżvilupp tal-fażi ta’ eżami preliminari, deskritt fil-punt 42 hawn fuq, jindika li għadda perijodu ta’ iktar minn tnax-il xahar bejn id-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet in-notifika inizjali, fil-15 ta’ Jannar 1998, u d-data li fiha r-Repubblika Taljana rċeviet l-ittra li permezz tagħha ġiet innotifikata bid-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, fl- 4 ta’ Frar 1999.

55      Madankollu, dan id-dewmien kien dovut, għal iktar minn tmien xhur, għaż-żmien li għadda bejn id-data li fiha ntbagħtet l-ewwel talba għal informazzjoni addizzjonali lir-Repubblika Taljana, fid-9 ta’ Marzu 1998, u d-data li fiha l-Kummissjoni rċeviet l-aħħar informazzjoni mitluba, fid-19 ta’ Novembru 1998. Ir-rikorrenti affermat fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub li l-korrispondenza skambjata fl-intervall ippermettiet li jiġu ċċarati l-kontenut u l-portata tal-proġett. Hija ammettiet ukoll waqt is-seduta li l-fatt dam daqstant kien dovut, sostanzjalment, għall-fatt li r-risposti tagħha għad-domandi tal-Kummissjoni kienu tardivi u inkompleti. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi u taċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti 44 sa 46 hawn fuq, ma jistax jitqies li t-tul ta’ żmien tal-fażi ta’ eżami preliminari ma kienx raġonevoli, u lanqas li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod eċċessivament tardiv.

56      Rigward il-proċedura formali ta’ eżami, din hija suġġetta, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 659/1999, fis-16 ta’ April 1999, għat-terminu indikattiv ta’ 18-il xahar, li jista’ jiġi estiż bi ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru in kwistjoni, skond l-Artikolu 7(6) ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament japplika għal kull proċedura amministrattiva pendenti quddiem il-Kummissjoni mad-dħul tiegħu fis-seħħ, ħlief għal dawk id-dispożizzjonijiet tiegħu li għalihom japplikaw regoli ta’ dħul fis-seħħ partikolari (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ April 2003, Département du Loiret vs il-Kummissjoni, T-369/00, Ġabra p. II‑1789, punti 50 u 51). Għaldaqstant din id-dispożizzjoni hija applikabbli f’dan il-każ.

57      Peress li t-terminu ta’ 18-il xahar stabbilit fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru. 659/1999 huwa biss indikattiv, għandu jiġi eżaminat jekk l-iżvilupp tal-proċedura formali ta’ eżami jindikax li l-Kummissjoni naqset milli tosserva terminu ta’ żmien raġonevoli jew jekk aġixxietx b’mod eċċessivament tardiv. Il-kronoloġija tal-proċedura hija dik segwenti:

–        l-4 ta’ Frar 1999: ir-Repubblika Taljana tirċievi l-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Frar 1999, fejn ġiet innotifikata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura formali ta’ eżami u ġiet mistiedna tippreżenta osservazzjonijiet fi żmien xahar;

–        il-15 ta’ Ġunju 1999: il-Kummissjoni tirċievi l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana;

–        it-3 ta’ Lulju 1999: publikazzjoni tal-Komunikazzjoni 1999/C-187/02 tal-Kummissjoni, li tinkludi stedina għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet (ĠU C 187, p. 2);

–        is-7 ta’ Diċembru 1999: il-Kummissjoni tibgħat, u r-Repubblika Taljana tirċievi, talba għal informazzjoni kumplimentari, li kellha tinbagħat fi żmien erba’ ġimgħat;

–        l-4 ta’ Lulju 2000: il-Kummissjoni tirċievi talba għall-“estensjoni tat-terminu ta’ għeluq tal-proċedura” mibgħuta mir-Repubblika Taljana fuq talba tar-rikorrenti;

–        il-11 ta’ Lulju 2000: il-Kummissjoni tikkonċedi estensjoni ta’ xahrejn biex tintbagħat l-informazzjoni mitluba fis-7 ta’ Diċembru 1999;

–        id-9 ta’ Frar 2001: il-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni mitluba fis-7 ta’ Diċembru 1999;

–        is-17 ta’ Settembru 2001: il-Kummissjoni tirċievi talba għal adozzjoni ta’ deċiżjoni finali fi żmien xahrejn, skond l-Artikolu 7(7), tar-Regolament Nru 659/1999, mibgħuta mir-Repubblika Taljana fuq talba tar-rikorrenti;

–        il-15 ta’ Novembru 2001: notifika tad-Deċiżjoni lir-Repubblika Taljana.

58      Din il-kronoloġija tindika li perijodu ta’ 17-il xahar, li huwa inqas mit-terminu indikattiv ta’ 18-il xahar previst fl-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, għadda bejn il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami u t-talba għal estensjoni ta’ dan it-terminu, u li b’kollox għaddew 33-il xahar u nofs sa meta ngħalqet il-proċedura.

59      Dan huwa dovut prinċipalment għan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ xahar impost fuq ir-Repubblika Taljana biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha (dan it-terminu nqabeż bi tliet xhur u nofs), tat-terminu ta’ erba’ ġimgħat impost biex tinbagħat l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni (dan it-terminu nqabeż b’sitt xhur u nofs sat-talba għal estensjoni) u ta' l-estensjoni ta’ xahrejn mogħtija biex tinġabar u tintbgħat din l-informazzjoni (terminu maqbuż bi kważi ħames xhur). Waqt li huwa minnu li kien fl-interess tar-Repubblika Taljana li tirrispetta dawn it-termini, għalkemm ma kinitx marbuta li tagħmel dan, hija madankollu responsabbli għad-dewmien ikkawżat mill-aġir tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-305/89, Ġabra p. I‑1603, punt 30, u s-sentenza Regione Siciliana vs il-Kummissjoni, punt 53 iktar 'il fuq, punt 138).

60      Barra minn hekk, għalkemm il-perijodu ta’ sitt xhur li għadda bejn id-data tar-riċeviment ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika Taljana (il-15 ta’ Ġunju 1999) u d-data li fiha ntbagħtet talba għal iktar informazzjoni mill-Kummissjoni (is-7 ta’ Diċembru 1999) u l-perijodu ta’ disa’ xhur li għadda bejn ir-riċeviment ta’ din l-informazzjoni (id-9 ta’ Frar 2001) u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni (it-13 ta’ Novembru 2001) jidhru sostanzjali, huma mhumiex eċċessivi fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi deskritti fil-punti 46 u 59 iktar 'il fuq u d-diversi dubji li esprimiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura formali ta’ eżami dwar il-kompatibbiltà tal-proġett mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li tawwlet eċċessivament il-proċedura.

61      Dan il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

d)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi


 L-argumenti tal-partijiet

62      Ir-rikorrenti ssostni li hija kellha aspettattiva leġittima li l-proġett kien kompatibbli mas-suq komuni minħabba l-fatt, minn naħa, li kienet saret korrispondenza sostanzjali bejn ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, iż-żmien eċċezzjonalment twil ta’ din il-proċedura. Il-partijiet intervenjenti jsostnu, min-naħa tagħhom, li din l- aspettattiva leġittima nħolqot mis-silenzju tal-Kummissjoni matul seba’ xhur mid-data meta rċeviet l-aħħar informazzjoni mitluba mir-Repubblika Taljana waqt il-proċedura formali ta’ eżami.

63      Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

64      Aspettattiva leġittima dwar il-legalità ta’ skema ta’ għajnuna ma tistax, bħala regola ġenerali, u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tiġi invokata għajr jekk din l-għajnuna tkun ingħatat b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑5/89, Ġabra p. I‑3437, punti 14 u 16).

65      Biex skema ta’ għajnuna titqies li tkun ingħatat b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE, jeħtieġ li din il-proċedura, li hija ta’ natura sospensiva, tkun ingħalqet. Konsegwentement, meta l-proċedura formali ta’ eżami tkun infetħet b’mod konformi ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2), KE, jeħtieġ li din tkun ingħalqet sussegwentement permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7(1) u (3), tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant, huwa biss meta din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni u jkun skada t-terminu biex jinġab rikors kontra din id-deċiżjoni li tista’ bħala regola ġenerali tiġi invokata aspettattiva leġittima dwar ir-regolarità ta’ l-għajnuna in kwistjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs il-Kummissjoni, T-126/99, Ġabra p. II‑2427, punt 42).

66      F’dan il-każ, jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti, li m’hijiex operatur ekonomiku, iżda l-awtorità reġjonali responsabbli għall-proġett ta’ skema ta’ għajnuna, hija intitolata li tinvoka aspettattiva leġittima, għandu jiġi kkonstatat li l-proġett qatt ma kien is-suġġett ta' deċiżjoni pożittiva u li ebda wieħed mill-argumenti fattwali invokati mill-partijiet ma jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li setgħet tippermetti lir-rikorrenti li jippretendu, saħansitra qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni kkunsidrat jew kienet ser tikkunsidra dan il-proġett bħala kompatibbli mas-suq komuni.

67      Fl-ewwel lok, il-korrispondenza li ntbagħtet matul il-proċedura amministrattiva baqgħet fil-limiti tad-djalogu li ppermetta lill- Kummissjoni tikseb min-naħa tar-Repubblika Taljana l-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ tifforma opinjoni preliminari (ara l-punti 41 sa 47 u 55 hawn fuq), u mbagħad l-informazzjoni addizzjonali mitluba dwar l-effetti tal-proġett fuq is-suq (ara l-punt 59 hawn fuq). Barra minn hekk, il-qari ta’ din il-korrispondenza juri li, fl-ittri tagħha, li ntbagħtu mir-Repubblika Taljana lir-rikorrenti, il-Kummissjoni dejjem kienet attenta li tesprimi dubji serji dwar ċerti aspetti tal-proġett u li tirriżerva l-evalwazzjoni definittiva tagħha, kif hija fakkret korrettament waqt is-seduta, u dan, mingħajr ma ġiet ikkontestata.

68      Fit-tieni lok, il-proċedura amministrattiva ma ħaditx żmien irraġonevolment twil, kif jirriżulta mill-eżami tal-motiv preċedenti. Għaldaqstant, iż-żmien li ħadet, iktar u iktar, mhuwiex eċċezzjonali.

69      Fit-tielet lok, jekk huwa minnu li, wara li rċeviet l-aħħar informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni baqgħet silenzjuża għal seba’ xhur, sa meta r-Repubblika Taljana talbitha biex tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn, bis-saħħa ta' l-Artikolu 7(7) tar-Regolament Nru 659/1999, dan is-silenzju ma setax jiġi interpretat bħala approvazzjoni taċita min-naħa ta’ din l-istituzzjoni minħabba l-obbligu li din dejjem għandha li tagħlaq il-proċedura formali ta’ eżami permezz ta’ deċiżjoni finali, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(1) ta’ l-istess Regolament.

70      Il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

e)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE


 L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti u l-partijiet intervenjenti jsostnu li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi ksur ta’ l-Artikolu 253 KE inkwantu hija ma tagħtix raġunijiet biżżejjed fir-rigward tad-deskrizzjoni tas-settur ekonomiku in kwistjoni u fir-rigward ta' l-eżami ta’ l-effetti tal-proġett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni.

72      Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

73      Il-motivazzjoni ta' att għandha tkun adattata għan-natura ta’ dan l-att u għandha turi b’mod ċar ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu, b’tali mod li tippermetti lil-partijiet interessati li jifhmu l-bażi tiegħu u lill-Qorti biex teżamina l-merti tiegħu, mingħajr madankollu ma jkun meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi kollha ta' dritt u ta' fatt rilevanti, billi l-kwistjoni ta’ konformità ma’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl kemm tal-kontenut ta' l-att kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tiegħu (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Marzu 1957, Geitling/Haute Autorité, 2/56, Ġabra p. 9, 37, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs il-Kummissjoni, C-42/01, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 66).

74      F’każ ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat, dIn għandha l-konsgwenza, b'mod partikolari li, jekk jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fihom tingħata l-iskema ta’ għajnuna li hija tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija marbuta li, almenu, issemmi dawn iċ-ċirkustanzi fir-raġunijiet li tagħti għal din id-deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 24, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 71).

75      F’dan il-każ, d-Deċiżjoni tafferma, fil-premessa 41, li l-iskema ta’ għajnuna prevista tiffavorixxi l-produzzjoni ta’ frott, ħxejjex u pjanti. Meta jinqraw fil-kuntest tal-premessa 8, li telenka diversi speċji ta’ ħxejjex, pjanti u fjuri kkultivati fis-serrer mill-SAE Sardi li għalihom kien intiż il-proġett, dawn l-indikazzjonijiet jiddeskrivu suffiċjentement is-settur ekonomiku in kwistjoni.

76      Imbagħad, id-Deċiżjoni tesponi fil-premessa 41, ċifri li juri li l-Italja hija l-produttur ewlieni ta’ ħxejjex fl-Unjoni Ewropea u li Sardinja tikkostitwixxi żona importanti ta’ produzzjoni fi ħdan l-Italja. B'hekk hija tindika ċ-ċirkustanzi li għalihom il-proġett huwa tali li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

77      Bl-istess mod, id-Deċiżjoni tindika fil-premessa 43 li l-iskemi ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ l-impriżi li jinsabu f’diffikultà jitfgħu l-piż ta’ l-adattazzjoni strutturali ta’ dawn l-impriżi fuq impriżi iktar effiċjenti u li huma jinkoraġġixxu kompetizzjoni għas-sussidji. Id-Deċiżjoni tirreferi wkoll għall-punt 1.1 u għall-punt 2.3 tal-linji gwida, li jindirizzaw ukoll din il-kwistjoni. B'hekk, hija tindika ċ-ċirkustanzi li għalihom il-proġett huwa ta’ tali li jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni.

78      Fl-aħħar nett, il-premessi 51 u 54 tad-Deċiżjoni, li jittrattaw l-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tal-proġett fir-rigward tal-kundizzjoni, prevista fil-punt 3.2.2(ii) tal-linji gwida, ta’ prevenzjoni tat-tfixkil mhux iġġustifikat għall-kompetizzjoni, jikkompletaw din il-motivazzjoni billi jistabbilixxu b’mod iktar partikolari r-riskju li l-proġett ser ikollu l-effett li jżid b’mod sinjifikanti l-produzzjoni u li jaffettwa l-prezzijiet fis-settur in kwistjoni.

79      Għaldaqstant ma jirriżultax li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni ma indikatx liema kien is-settur in kwistjoni u liema kienu jew setgħu jkunu l-effetti tal-proġett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni.

80      Il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

f)     Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni


 L-argumenti tal-partijiet

81      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tallega li l-Kummissjoni llimitat ruħha li teżamina, b'mod astratt, l-effetti possibbli tal-proġett. Analiżi konkreta kienet twassal għall-konklużjoni li, fid-dawl ta' l-importanza ekonomika limitata tas-settur tal-kultivazzjoni fis-serrer f’Sardinja, id-daqs modest ta’ l-impriżi eliġibbli u l-ammont żgħir ta’ għajnuna prevista, il-proġett ma kienx jaffettwa l-kummerċ u ma kienx ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni.

82      Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

83      Għalkemm il-motiv huwa bbażat formalment fuq in-nuqqas ta’ diliġenza, meta jiġu eżaminati l-merti tiegħu jirriżulta li huwa jikkonċerna s-sustanza tad-Deċiżjoni u mhux iċ-ċirkustanzi li fihom hija ġiet adottata. Ir-rikorrenti, barra minn hekk, ikkonfermat waqt is-seduta li hija kienet qed tikkontesta n-“nuqqas ta’ diliġenza u ta' ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-proġett", li jikkostitwixxi "difett fil-mertu" fis-sens li, kieku l-Kummissjoni “ikkunsidrat is-sitwazzjoni reali”, “hija kienet tara li kien impossibbli, f'kull każ, li l-proġett ifixkel il-kompetizzjoni ħielsa”.

84      Safejn ir-rikorrenti tikkontesta espliċitament il-premessi 41 u 43 tad-Deċiżjoni, li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-proġett, il-motiv għandu jiġi analizzat bħala wieħed ibbażat fuq żball ta' dritt fis-sens li l-Artikolu 87(1) KE, kien jobbliga lill-Kummissjoni li hija tistabbilixxi l-effetti reali tal-proġett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni, jew żball ta' evalwazzjoni fis-sens li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE dwar il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni mhumiex sodisfatti f’dan il-każ.

85      Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tistabbilixxi l-impatt reali u effettiv ta’ proġett ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna, iżda għandha biss teżamina jekk dan il-proġett jistax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-298/00 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 49, u L-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, punt 74 supra, punt 44). F’dan il-każ għaldaqstant, hija ma wettqietx żball ta' dritt meta eżaminat l-effetti tal-proġett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni bil-mod indikat fil-kuntest tal-motiv preċedenti.

86      Barra minn hekk, la l-ammont relattivament baxx ta’ l-għajnuna prevista u lanqas id-daqs modest ta’ l-impriżi eliġibbli ma jeskludu minnhom infushom li proġett ta’ skema ta’ għajnuna jkollu mnejn jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punti 11 u 12; tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I‑959, punt 43, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, punt 74 supra, punt 53). L-istess jgħodd għall-importanza limitata tas-settur ekonomiku in kwistjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 82, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, punt 74 iktar 'il fuq, punt 60).

87      Fil-fatt, elementi oħra, bħall-grad partikolari ta’ espożizzjoni għall-kompetizzjoni tas-settur ekonomiku li fih joperaw l-impriżi eliġibbli, jistgħu ukoll jiġu kkunsidrati (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punt 24, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, punt 74 iktar 'il fuq, punt 54). Is-settur agrikolu, u b’mod partikolari dak tal-frott u ħxejjex, huwa espost għal kompetizzjoni intensa. B’mod partikolari, l-istruttura tiegħu, li hija kkaratterizzata mill-preżenza ta’ għadd kbir ta’ operaturi ta’ daqs modest, hija tali li l-implementazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna miftuħa għall-biċċa l-kbira minnhom, bħal f’dan il-każ, tista' taffettwa l-kompetizzjoni minkejja li l-għajnuniet individwali mogħtija taħt din l-iskema huma ta’ ammont żgħir (is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, punt 74 supra, punt 57). Għaldaqstant, l-argumenti invokati mir-rikorrenti u mill-partijiet intervenjenti ma jippermettux, minnhom infushom, li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evalwazzjoni żbaljata f’dan ir-rigward.

88      Minn din il-perspettiva, il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

89      Safejn r-rikorrenti tindika li hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-proġett fir-rigward ta’ l-Artikolu 87(3)(c) KE, il-motiv għandu jiġi interpretat bħala wieħed ibbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fis-sens li l-proġett ma kienx ibiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ daqstant li jmur kontra l-interess komuni. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tissupponi wkoll, fil-fatt, il-kunsiderazzjoni ta' l-impatt ta’ miżura Statali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs il-Kummissjoni, C-169/95, Ġabra p. I‑135, punt 20), kif ifakkru wkoll il-linji gwida fit-tieni subparagrafu tal-punt 2.4, u fil-punt 3.2.2(ii) tagħhom.

90      Minn din il-perspettiva, il-motiv jingħaqad mal-motiv li ġej, u ser jiġu eżaminati flimkien.

g)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(c), KE u tal-linji gwida


 L-argumenti tal-partijiet

91      Skond ir-rikorrenti, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, l-eżami tal-kompatibbiltà tal-proġett mas-suq komuni, li sar fid-dawl ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ), KE, fir-rigward ta' l-iskemi ta’ għajnuna intiżi sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, u tal-linji gwida, huwa vvizzjat bi żbalji ta' dritt u bi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni.

92      Il-partijiet intervenjenti jsostnu, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kisret il-punti 3.2.3, 3.2.4 u 3.2.5 tal-linji gwida.

93      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

94      Il-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 87(3), KE, setgħa wiesa' ta' diskrezzjoni (is-sentenzi Philip Morris vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar 'il fuq, punt 17, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, punt 74 iktar 'il fuq, punt 83).

95      Madanakollu, hija tista’ tadotta, sabiex teżerċita din id-diskrezzjoni, regoli ta' gwida permezz ta’ atti bħal-linji gwida applikabbli f’dan il-każ, sakemm dawn ir-regoli ma jiddevjawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Meta l-Kummissjoni tadotta att ta’ dan it-tip, dan ikun vinkolanti għaliha (is-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar 'il fuq, punt 22; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et. vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 36, u s-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar 'il fuq, punt 24).

96      Għaldaqstant hija l-Qorti li għandha tivverifika li l-Kummissjoni osservat ir-regoli li hija adottat (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs il-Kummissjoni, T-35/99, Ġabra p. II‑261, punt 77).

97      Madankollu, ladarba s-setgħa wiesa' ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, li hija speċifikata, fejn xieraq, permezz ta’ regoli indikattivi adottati minnha, tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju, il-qorti teżerċita kontroll ristrett fuq dawn. Dan huwa limitat għall-verifika ta' l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni u ta’ abbuż ta' poter (is-sentenza Philip Morris vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar 'il fuq, punt 24; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I‑723, punt 11; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T-110/97, Ġabra p. II‑2881, punt 46).

98      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti u l-partijiet intervenjenti jikkontestaw, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni ġenerali tal-proġett (premessa 45 tad-Deċiżjoni), fit-tieni lok, l-evalwazzjoni tad-definizzjoni ta’ l-impriża li tinsab f’diffikultà adottata mill-proġett fir-rigward ta' l-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1(1), tal-linji gwida (premessa 46 tad-Deċiżjoni), fit-tielet lok, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-proġett fir-rigward tar-regoli speċjali stabbiliti mill-punti 3.2.3, 3.2.4 u 3.2.5 tal-linji gwida u, fir-raba’ lok, l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tar-regoli ġenerali stabbiliti fil-punt 3.2.2 tal-linji gwida (premessi 48 sa 58 tad-Deċiżjoni).

–       Fuq l-evalwazzjoni ġenerali tal-proġett

99      Skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża d-Deċiżjoni fuq il-fatt li l-implementazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna għar-ristrutturar innotifikata mir-Repubblika Taljana kellha mnejn, minħabba n-natura awtomatika tal-miżuri previsti mill-proġett, tagħti lok għall-għoti ta’ għajnuniet individwali lil SAEs li ma jinsabux f’diffikultà u li b’hekk ma jkunux eliġibbli.

100    Dan l-argument jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni tistax tadotta motiv tali in sostenn ta' deċiżjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ proġett ta’ skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà u, fit-tieni lok, li jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni setgħetx, f’dan il-każ, tadotta tali motiv in sostenn tad-Deċiżjoni.

101    Il-Kummissjoni tista’, skond l-Artikolu 87(3) KE, u mat-tmiem tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, tiddikjara, permezz ta’ deċiżjoni pożittiva jew kundizzjonali, li proġett ta’ skema ta’ għajnuna huwa kompatibbli mas-suq komuni. F'tali każ, l-Istat Membru in kwistjoni huwa eżentat milli jinnotifika l-għajnuniet individwali mogħtija taħt din l-iskema, suġġett għal kundizzjonijiet u obbligi imposti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, jekk applikabbli. Din ta’ l-aħħar għandha setgħa wiesa' ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-47/91, Ġabra p. I‑4635, punt 21, u tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni, C-321/99 P, Ġabra p. I‑4287, punt 72).

102    Meta tevalwa l-klassifikazzjoni u l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ proġett bħal dan, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tillimita l-eżami tagħha għall-karatteristiċi ġenerali tiegħu, kif jirriżultaw min-notifika kompleta, mingħajr ma tkun marbuta li teżamina kull każ partikolari li fih huwa japplika (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 18; tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 48; L-Italja u Sardegna Lines vs il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 51; tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 67, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs il-Kummissjoni, C-278/00, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 24).

103    Il-possibbiltà mogħtija lill-Istat Membru kkonċernat li jinnotifika proġett ta’ skema ta’ għajnuna u, ladarba l-Kummissjoni tkun approvatu wara li tkun eżaminat il-karatteristiċi ġenerali tiegħu, li jiġi eżentat milli jinnotifika l-għajnuniet individwali mogħtija bis-saħħa tiegħu, suġġett għal kundizzjonijiet u obbligi imposti f’dan ir-rigward, fejn xieraq, ma tistax tippermetti, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-għoti ta’ għajnuniet individwali li kienu jiġu ddikjarati inkompatibbli kieku kellhom jiġu nnotifikati individwalment, mingħajr ma tiġi miċħuda l-portata tal-prinċipju ta’ inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna stabbilit mill-Artikolu 87 KE. B’mod partikolari, hija ma tistax twassal għall-għoti ta’ għajnuniet individwali li, filwaqt li jkunu konformi ma’ wieħed mill-għanijiet stabbiliti mill-Artikolu 87(3)(a) sa (d), KE, ma jkunux madankollu neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan (is-sentenzi Philip Morris vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar 'il fuq, punt 17; Agrana Zucker und Stärke vs il-Kummissjoni, punt 49 iktar 'il fuq, punt 74, u Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar 'il, punt 34).

104    Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-proġetti ta’ skemi ta’ għajnuna sottomessi għall-eżami tagħha huma mfassla b’tali mod li jiggarantixxu li l-għajnuniet individwali li għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu riżervati għall-impriżi li effettivament huma eliġibbli għalihom.

105    Meta jirriżulta li dan m’huwiex il-każ, hija l-Kummissjoni li, fil-kuntest tas-setgħa wiesa' ta' diskrezzjoni tagħha, għandha tieħu dan in kunsiderazzjoni u tevalwa, safejn tkun tippermetti l-informazzjoni li jkollha fid-dispożizzjoni tagħha, jekk huwiex xieraq li tiġi adottata deċiżjoni kundizzjonali jew deċiżjoni negattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar 'il fuq, punt 87, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat- 22 ta’ Novembru 2001, Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il-Kummissjoni, T‑9/98, Ġabra p. II‑3367, punt 116).

106    F’dan il-każ, il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra li dan ma kienx il-każ hija marbuta ma' dik dwar jekk id-definizzjoni ta’ impriża li tinsab f’diffikultà adottata mill-proġett, kif tirriżulta mill-premessa 46 tad-Deċiżjoni, hijiex adattata. Għaldaqstant dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

–       Fuq l-evalwazzjoni tad-definizzjoni ta’ l-impriża li tinsab f’diffikultà adottata mill-proġett fid-dawl ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1 tal-linji gwida

107    Ir-rikorrenti u l-partijiet intervenjenti jsostnu li l-premessa 46 tad-Deċiżjoni, li tirrigwarda l-evalwazzjoni tad-definizzjoni ta’ l-impriża li tinsab f’diffikultà adottata mill-proġett, hija vvizzjata bi żball ta' dritt jew, almenu, bi żball manifest fl-evalwazzjoni. Il-Kummissjoni wettqet żball ta' dritt billi ddevjat mil-linji gwida, li fl-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1 ma jeħtiġux li din id-definizzjoni tkun ibbażata fuq kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit li l-qagħda ta’ l-impriżi li jitolbu li jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna għar-ristrutturar sejra regolarment għall-agħar. Hija wettqet, almenu, żball manifest fl-evalwazzjoni meta ma kkonkludietx li l-kriterji adottati mill-proġett huma suffiċjenti biex jiġi stabbilit li l-impriżi kkonċernati kienu jinsabu f’sitwazzjoni ekonomika li tiġġustifika l-għoti ta’ skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar, minkejja t-titjib eventwali f’din is-sitwazzjoni mat-tmiem tal-perijodu ta’ riferiment.

108    L-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1 tal-linji gwida jispeċifika li l-Kummissjoni tqis bħala impriża li tinsab f’diffikultà dik l-impriża li ma tkunx kapaċi tirkupra bir-riżorsi tagħha stess jew permezz ta’ fondi miksuba mingħand l-azzjonisti tagħha jew b’self. Hija tippreżenta diversi fatturi li jindikaw it-tendenzi li jippermettu li jiġi stmat kemm is-sitwazzjoni ta’ din l-impriża tkun sejra għall-agħar, flimkien ma’ diversi indikaturi speċifiċi li jippermettu li tiġi stmata l-gravità partikolari ta’ din is-sitwazzjoni f’ċerti każijiet.

109    Mill-kliem ta' dan il-punt jirriżulta biċ-ċar li l-Kummissjoni ma ddevjatx mil-linji gwida peress li hija fakkret, qabel l-evalwazzjoni tad-definizzjoni adottata f’dan il-każ, l-importanza li hija normalment tagħti lill-indikaturi li juru li d-diffikultajiet li jkunu qed jiffaċċjaw l-impriżi intiżi li jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ikunu sejrin għall-agħar. L-argument ibbażat fuq żball ta' dritt fuq dan il-punt, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

110    Imbagħad, jirriżulta mill-premessa 46 tad-Deċiżjoni li, in sostenn ta’ l-evalwazzjoni tagħha li d-definizzjoni ta’ l-impriża li tinsab f’diffikultà adottata f’dan il-każ mill-awtoritajiet Taljani wasslitha biex tiddubita mill-kompatibbiltà tal-proġett mas-suq komuni, il-Kummissjoni osservat, essenzjalment, li l-kriterji adottati kienu irrelevanti u inaffidabbli minħabba li kienu bbażati fuq medja.

111    Il-kliem ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1 tal-linji gwida jindika li l-importanza mogħtija mill-Kummissjoni lill-indikaturi ta' tendenza ma tiċħadx neċessarjament ir-rilevanza ta' tipi oħra ta’ indikaturi, bħal ma huma indikaturi bbażati fuq medja bħal dawk adottati fil-proġett. Madankollu, f'kull każ, dawn l-indikaturi jistgħu jkunu rilevanti biss jekk jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' diffikultajiet ġenwini u ppruvati li ltaqgħu magħhom l-impriżi eliġibbli. Fin-nuqqas ta' dan, l-għajnuniet ma jistgħux fil-fatt jitqiesu bħala neċessarji għal dawn l-impriżi u sabiex jintlaħaq l-għan ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

112    F’dan il-każ, ma jistax jitqies bħala manifestament żbaljat il-fatt li l-kriterji adottati ġew ikkunsidrati li ma jippermettux li jiġi ggarantit li l-aċċess għall-iskema ta’ għajnuna kien ser ikun limitat għal impriżi li jinsabu f’diffikultà fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 2.1 tal-linji gwida. L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-partijiet intervenjenti f’dan ir-rigward, fil-fatt, ma huma bbażati fuq ebda element li jista' jwassal għall-konklużjoni ta’ l-eżistenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni fuq dan il-punt. 

–       Fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fil il-punti 3.2.3, 3.2.4 u 3.2.5 tal-linji gwida

113    Ir-regoli li jinsabu fil-punti 3.2.3, 3.2.4 u 3.2.5 tal-linji gwida, li l-partijiet intervenjenti jallegaw li ma ġewx applikati mill-Kummissjoni, jikkostitwixxu “dispożizzjonijiet speċjali”, li għalihom huma suġġetti l-“kundizzjonijiet ġenerali” elenkati fil-punt 3.2.2 ta’ l-imsemmija linji gwida, kif jindika din ta’ l-aħħar fl-ewwel subparagrafu tiegħu.

114    Fl-ewwel lok, il-partijiet intervenjenti jsostnu li, peress li l-Kummissjoni kkonstatat li ma kienx hemm kapaċità żejda fis-settur u baqgħet lura milli teżiġi tnaqqis ta' kapaċità (premessa 53 tad-Deċiżjoni), hija kellha tikkonkludi li l-proġett kien konformi mal-punt 3.2.3 tal-linji gwida u, konsegwentement, kompatibbli mas-suq komuni.

115    It-tieni subparagrafu tal-punt 2.4 tal-linji gwida jindika, b’mod partikolari, li, meta l-impriżi involuti fi proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturar ikunu jinsabu f’żona assistita, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-fatturi ta’ natura reġjonali msemmija mill-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE, kif indikat fil-punt 3.2.3 ta’ l-istess linji gwida. Dan il-punt, intitolat “Kundizzjonijiet partikolari applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna għar-ristrutturar f’reġjuni megħjuna [assistiti]”, jindika b’mod partikolari li, meta proġett ta’ skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà jkun jirrigwarda reġjun assistit jew żvantaġġjat, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkunsidra dan il-fatt, u għal dan l-għan, tawtorizza, minkejja l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kapaċità żejda strutturali fis-settur in kwistjoni, li tapplika b’mod inqas strett ir-regola ta’ tnaqqis ta' kapaċità stabbilita mil-linji gwida, jekk dan ikun iġġustifikat mill-ħtiġijiet ta’ l-iżvilupp reġjonali.

116    Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma jirriżulta li, meta jidher li ma hemmx kapaċità żejda fis-settur ikkonċernat minn proġett ġdid ta’ għajnuna, u meta l-Kummissjoni konsegwentement tibqa' lura milli teżiġi li l-impriżi eliġibbli jnaqqsu l-kapaċità tagħhom, dan il-proġett għandu, għal din is-sempliċi raġuni, jitqies li huwa kompatibbli mas-suq komuni.

117    Min-naħa l-oħra jibqa' neċessarju li dan il-proġett josserva l-prinċipju stabbilit fil-punt 3.2.1 tal-linji gwida, li jispeċifika li proġett ġdid ta’ għajnuna għar-ristrutturar ma jistax jiġi approvat ħlief fil-każijiet fejn jista’ jiġi ppruvat li dan huwa fl-interess tal-Komunità, u għaldaqstant, li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ritorn għal stat ta’ vijabbiltà, ta' prevenzjoni ta’ tfixkil mhux iġġustifikat għall-kompetizzjoni u ta' proporzjonalità elenkati fil-punt 3.2.2 tal-linji ta’ gwida. Għalkemm il-Kummissjoni tista’ tkun “inqas stretta” f’dan ir-rigward, hija ma tistax tkun “għal kollox permissiva”, skond it-termini tal-punt 3.2.3 tal-linji gwida (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T-152/99, Ġabra p. II‑3049, punt 114).

118    F’dan il-każ, il-konstatazzjoni li ma jidhirx li s-settur Sard tal-kultivazzjoni fis-serrer ibati minn kapaċità żejda ma kienx iġiegħel lill-Kummissjoni li tikkonkludi li l-proġett huwa kompatibbli. L-argument ibbażat fuq żball ta' dritt f’dan ir-rigward, għaldaqstant, m’huwiex fondat.

119    Fit-tieni lok, il-partijiet intervenjenti jqisu li, ladarba l-impriżi kollha eliġibbli taħt il-proġett kienu SAEs, il-Kummissjoni kellha tapplika l-punt 3.2.4 tal-linji gwida.

120    Il-punt 1.2 tal-linji gwida jindika li l-għajnuniet għar-ristrutturar jistgħu jkunu ġġustifikati f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari “għaliex hemm lok li jiġi kkunsidrat ir-rwol benefiku tas-settur ta’ l-[SME] mill-perspettiva ekonomika ġenerali kif ukoll il-ħtiġijiet partikolari ta’ dawn l-impriżi u dawk ta’ l-[IAŻ] ”. Il-punt 3.2.4 ta’ l-istess linji gwida, intitolat “Għajnuniet għar-ristrutturar ta’ l-[SME] ”, jindika b’mod partikolari li, “fir-rigward ta’ l-[SME], il-Kummissjoni mhux ser teżiġi li l-għajnuna għar-ristrutturar tissodisfa kundizzjonijiet daqstant stretti daqs dawk li huma applikabbli għall-impriżi l-kbar, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis ta' kapaċità u l-obbligi ta’ irrappurtar”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

121    Dawn il-punti jwasslu għall-konklużjoni li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tapplika b’mod inqas strett ir-regoli stabbiliti mill-punt 3.2.2 tal-linji gwida meta hija teżamina l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ SME jew SAE li jinsabu f’diffikultà, bħalma huwa l-proġett in kwistjoni f’dan il-każ. Ir-regoli in kwistjoni, għalkemm inqas stretti, għaldaqstant jibqgħu applikabbli.

122    Għaldaqstant, huwa fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-mertu tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-proġett ma josservax dawn ir-regoli, li għandu jiġi stabbilit jekk fil-fatt dawn ir-regoli ġewx applikati b’mod inqas strett, fid-dawl tar-rwol ekonomiku pożittiv ta’ l-SAE u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom (ara l-punt 141 iktar ‘il quddiem).

123    Fit-tielet lok, il-partijiet intervenjenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta li tevalwa l-kompatibbiltà tal-proġett fid-dawl tal-punt 3.2.5 tal-linji gwida fuq il-bażi, li skond il-partijiet intervenjenti hija irrelevanti, li l-awtoritajiet Taljani ma talbux li huwa jiġi applikat.

124    Is-subparagrafu introduttiv tal-punt 3.2.5 tal-linji gwida, intitolat “Dispożizzjonijiet applikabbli unikament għall-iskemi ta’ għajnuna għar-ristrutturar fis-settur agrikolu", jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ operaturi tas-settur agrikolu, il-Kummissjoni għandha tapplika, fuq talba ta’ l-Istat Membru in kwistjoni u minflok id-dispożizzjonijiet ġenerali previsti mil-[linji gwida] rigward it-tnaqqis tal-kapaċità, id-dispożizzjonijiet li ġejjin […]” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

125    F’dan il-każ, id-Deċiżjoni, li l-eżattezza tagħha fuq dan il-punt m’hijiex ikkontestata, tgħid fil-premessi 33 u 52 tagħha li l-awtoritajiet Taljani f’ebda mument ma talbu lill-Kummissjoni, li kienet ġibdet l-attenzjoni tagħhom dwar din il-possibbiltà, biex tapplika r-regoli stabbiliti fil-punt 3.2.5 tal-linji gwida. Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhux biss setgħet, iżda kienet obbligata, li tapplika biss ir-regoli li jinsabu fil-punt 3.2.2 tal-linji gwida. L-argument ibbażat fuq żball ta' dritt fuq dan il-punt, għaldaqstant, mhuwiex fondat.

–       Dwar l-evalwazzjoni tal-proġett fir-rigward tar-regoli li jinsabu fil- punt 3.2.2 tal-linji gwida

126    Biex ikun jista’ jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3)(ċ), KE, proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriża li tinsab f’diffikultà għandu jiġi abbinat ma’ pjan ta’ ristrutturar li jkollu l-għan li jnaqqas jew jagħti orjentament ġdid lill-attivitajiet tagħha (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs il-Kummissjoni, C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 67; tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 45, u s-sentenza Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, punt 41 iktar 'il fuq, punt 70).

127    Il-punt 3.2.2 tal-linji gwida, li jistabbilixxi dan ir-rekwiżit, jistabbilixxi l-obbligu, b’mod partikolari, li l-pjan ta’ ristrutturar josserva tliet kundizzjonijiet materjali. Huwa essenzjali, fl-ewwel lok, li l-proġett iwassal biex l-impriża benefiċjarja tirritorna għal stat ta’ vijabbiltà fi żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ ipoteżi realistiċi [punt 3.2.2(i)], fit-tieni lok, li jipprevjeni li tiġi mfixkla l-kompetizzjoni [punt 3.2.2(ii)] u, fit-tielet lok, li jkun proporzjonat ma’ l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-ristrutturar [punt 3.2.2(iii)].

128    Billi dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, huwa biżżejjed li waħda minnhom ma tkunx sodisfatta biex proġett ta’ għajnuna għar-ristrutturar jiġi ddikjarat inkompatibbli mill-Kummissjoni (is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar 'il fuq, punti 49 u 50; Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar 'il fuq, punti 100 u 101, u HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar 'il fuq, punt 79).

129    Barra minn hekk, huwa l-Istat Membru in kwistjoni li, sabiex jaqdi d-dmir tiegħu li jikkoopera mal-Kummissjoni, għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha li tippermetti lil din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga mitluba huma sodisfatti (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-364/90, Ġabra p. I‑2097, punt 20, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, punt 74 iktar 'il fuq, punt 81 sa 85).

130    Fl-aħħar nett, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ għajnuna ta’ l-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti fil-kuntest ta’ l-informazzjoni li din l-istituzzjoni kellha jew seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument tad-deċiżjoni (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-277/00, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 39).

131    F’dan il-każ, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw proġett ta’ skema ta’ għajnuna intiż sabiex jippermetti r-ristrutturar ta’ madwar 500 SAE. Dan il-proġett kellu jiggarantixxi li l-pjanijiet individwali ta’ ristrutturar ippreżentati mill-SAE li japplikaw biex jibbenefikaw minnu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.2.2 tal-linji gwida. Il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 48 sa 58 tad-Deċiżjoni, li dan ma kienx il-każ.

132    Ir-rikorrenti u l-partijiet intervenjenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-evalwazzjoni tal-proġett fir-rigward tal-punt 3.2.2(i), tal-linji gwida hija vvizzjata bi żbalji manifesti fl-evalwazzjoni.

133    Il-kliem tal-punt 3.2.2(i) tal-linji gwida, intitolat “Ritorn għal stat ta’ vijabilità", jindika li din il-kundizzjoni hija bbażata fuq żewġ rekwiżiti. Minn naħa, ir-ritorn għal stat ta’ vijabilità għandu jiġi bbażat prinċipalment fuq fatturi interni u, għaldaqstant, jista' ikun ibbażat fuq fatturi esterni biss inċidentalment, u l-kundizzjoni li dawn ikunu jidhru realistiċi. Min-naħa l-oħra, għandu jkun jidher li dan jista’ jitwettaq fi żmien raġonevoli u jrid jidher li ser ikun sostenibbli.

134    Fir-rigward ta' l-ewwel rekwiżit, il-Kummissjoni osservat, fil-premessi 49 u 50 tad-Deċiżjoni, li r-ritorn għal stat ta’ vijabbilità huwa bbażat b’mod partikolari fuq żewġ fatturi esterni: l-ewwel nett, fuq l-ipoteżi li d-dħul kellu jiżdied minħabba kampanji ta’ promozzjoni li kienu preżunti li ser joħolqu swieq ġodda, u t-tieni nett, fuq l-ipoteżi li d-dħul ma kellux jonqos minħabba li ż-żieda fil-produzzjoni ma kellhiex taffettwa l-prezzijiet. Hija kkonkludiet li l-ewwel ipoteżi ma kinitx tidher li ġiet ippruvata u li t-tieni waħda ma setgħatx tiġi vverifikata, u minbarra dan, ma kinitx realistika.

135    Skond id-dikjarazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet Taljani u tar-rikorrenti, il-proġett kien ibbażat “essenzjalment fuq miżuri interni” li kellhom jimmanifestaw ruħhom f’żieda fil-produzzjoni ta’ l-impriżi benefiċjarji ta’ kważi 40 % fil-volum u f’żieda tad-dħul tagħhom ta’ iktar minn 50 %, u “f'miżura sinjifikanti” fuq fattur estern li jikkonsisti f’“żieda fid-domanda għal prodotti lokali”.

136    Id-Deċiżjoni, li tirrigwarda dan il-fattur estern fil-premessi 49 u 50, tista’ tagħti l-impressjoni, prima facie, li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-fatturi interni. Madanakollu, jirriżulta minn qari iktar dettaljat tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni, b’mod impliċitu iżda neċessarju, irrikonoxxiet l-importanza u r-rilevanza ta’ dawn il-fatturi. Fil-fatt, huwa biss għar-raġuni li l-Kummissjoni ammettiet li dawn il-fatturi jistgħu jirriżultaw f’żieda ta' l-offerta b'madwar 40% li l-Kummissjoni eżaminat jekk din iż-żieda setgħetx, jekk ma jkunx hemm domanda suffiċjenti, twassal għal waqgħa fil-prezzijiet u tostakola r-ritorn għal stat ta’ vijabbilità li suppost kellha tikseb. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni talbet li tingħata informazzjoni ta' natura ekonomika dwar l-eżistenza ta’ swieq u l-effett ta’ żieda fil-produzzjoni fuq il-prezzijiet, kif ikkonfermat, wara kollox, waqt is-seduta mingħajr ma ġiet ikkontestata.

137    Madankollu, l-awtoritajiet Taljani f’ebda mument ma taw informazzjoni preċiża rigward is-swieq u, b’mod partikolari, rigward il-kampanji ta’ promozzjoni li huma hellhom il-ħsieb li jorganizzaw, kif kienu indikaw lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni ma setgħetx, ovvjament, tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq sempliċi allegazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, punt 74 iktar 'il fuq, punt 84).

138    Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti ammettiet li dawn il-kampanji ta’ promozzjoni kienu biss “ipoteżi”.

139    Bl-istess mod, l-awtoritajiet Taljani qatt ma pprovdew informazzjoni konklużiva dwar l-effetti fuq il-prezzijiet taż-żieda fil-produzzjoni li huma kienu ddeskrivew lill-Kummissjoni. Essenzjalment, huma pprovdew, b’ittra li ġġib id-data tas-26 ta’ Jannar 2001, l-istudju ta' suq mitlub mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ġunju 1998, fid-19 ta’ Ottubru 1998 u fis-7 ta’ Diċembru 1999. Dan l-istudju, li jistabbilixxi b’mod partikolari tendenza ta' żieda relattiva fil-prezz tal-bejgħ tat-tadam imsejjaħ “tal-mejda” u tal-bżar aħmar fil-provinċja ta’ Kaljari bejn l-1995 u l-1997, jagħti ħjiel dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-prezz ta' dawn iż-żewġ prodotti, jekk il-kundizzjonijiet jibqgħu l-istess. Min-naħa l-oħra, seta' jiġi meqjus, mingħajr żball manifest, li hija ma tipprovdix provi dwar l-iżvilupp tal-prezz ta’ dawn il-prodotti, u tal-prodotti l-oħra kkonċernati, fil-provinċa ta’ Kaljari u fil-bqija ta’ Sardinja, fid-dawl taż-żieda ta’ iktar minn 40 % tal-produzzjoni mistennija, f’dan ir-reġjun, wara l-implementazzjoni tal-proġett.

140    Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma kkontestatx in-natura mhux sodisfaċenti ta’ dan l-istudju u llimitat ruħha li tispjega li elementi oħra kellhom jiġu kkunsidrati, bħall-objettivi tal-proġett ta’ inkuraġġiment, ta' razzjonalizzazzjoni u ta' speċjalizzazzjoni ta’ l-SAE.

141    Madankollu dan l-argument ma jistax jintlaqa'. Huwa biss jekk ikollha informazzjoni preċiża u konklużiva li l-Kummissjoni tista’ twettaq l-obbligu tagħha, taħt il-punt 3.2.4 tal-linji gwida, li tapplika b’mod flessibbli l-kundizzjoni ta’ ritorn għal stat ta’ vijabbilità stipulata fil-punt 3.2.2(i), ta’ l-istess linji gwida fir-rigward ta’ proġett li jikkonċerna SME jew SAE.

142    Għaldaqstant jidher li, fl-ewwel lok, ir-Repubblika Taljana naqset milli tibgħat l-informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-proġett kien adattat biex jerġa’ jġib lill-SAE eliġibbli għal stat ta’ vijabbilità fuq il-bażi ta’ ipoteżi realistiċi, minkejja d-diversi talbiet li sarulha minn din l-istituzzjoni, u fit-tieni lok, li din ta’ l-aħħar kellha, minħabba dan il-fatt, tasal għall-konklużjoni, mingħajr ma twettaq żball manifest fl-evalwazzjoni fuq dan il-punt, li l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha ma kinitx tippermetti li jitneħħew id-dubji li hija kellha f’dan ir-rigward.

143    Peress li ma jistax jitqies li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-elementi fid-dispożizzjoni tagħha ma kinux jippermettulha li tikkonkludi li l-proġett kien josserva din il-kundizzjoni ta’ ritorn għal stat ta’ vijabbilità, u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.2.2 tal-linji gwida huma kumulattivi (ara l-punti 127 u 128 hawn fuq), il-motiv għandu jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti relatati ma’ l-evalwazzjoni tal-proġett fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra elenkati fl-istess punt (is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, punt 126 iktar 'il fuq, punt 50; Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar 'il fuq, punt 101, u HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar 'il fuq, punt 108).

h)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(4), tar-Regolament Nru 659/1999


 L-argumenti tal-partijiet

144    Skond ir-rikorrenti, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, il-Kummissjoni żbaljatament ħadet deċiżjoni taħt l-Artikolu 7(5), tar-Regolament Nru 659/1999 minflok ma ħadet deċiżjoni kundizzjonali taħt l-Artikolu 7(4), ta’ l-istess Regolament.

145    Il-Kummissjoni tiċħad dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

146    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura formali ta’ eżami”, b’mod partikolari jipprovdi:

“ 1. Mingħajr preġudizzju [ta’ l-irtirar tan-notifika mill-Istat Membru kkonċernat], il-proċedura formali ta’ eżami tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni skond il-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

4. Il-Kummissjoni tista' tagħti deċiżjoni pożittiva suġġetta għal kundizzjonijiet li jippermettulha li tirrikonoxxi l-kompatibbiltà mas-suq komuni u suġġetta għal obbligi li jippermettulha li tikkontrolla l-osservanza tad-deċiżjoni tagħha (iktar ‘il quddiem imsejħa ‘deċiżjoni kondizzjonali’).

5. Meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-għajnuna nnotifikata hija inkompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li din l-għajnuna ma tistax tiġi implementata (iktar ‘il quddiem imsejħa ‘deċiżjoni negattiva’).

6. Id-deċiżjonijiet skond il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 għandhom jittieħdu hekk kif ikunu tneħħew id-dubji msemmija fl-Artikolu 4(4). Il-Kummissjoni għandha kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni fi żmien tmintax-il xahar mid-data tal-ftuħ tal-proċedura. Dan it-terminu jista’ jiġi estiż bi qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru in kwistjoni.

7. Ma’ l-iskadenza tat-terminu msemmi fil-paragrafu 6, u jekk l-Istat Membru in kwistjoni jressaq tali talba, il-Kummissjoni għandha tadotta, fi żmien xahrejn, deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li hija jkollha. Jekk ikun il-każ, hija għandha tieħu deċiżjoni negattiva, meta l-informazzjoni pprovduta ma tippermettix li tiġi stabbilita l-kompatibbiltà.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

147    L-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għall-każ preżenti twassal li jiġi mfakkar li, fl-14 ta’ Settembru 2001, ir-Repubblika Taljana talbet lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7(7), tar-Regolament Nru 659/1999 u li, fit-13 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni, fejn hija kkonstatat, essenzjalment, li l-informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana ma kinitx tippermettilha li telimina d-dubji kollha li hija kellha dwar il-kompatibbiltà tal-proġett mas-suq komuni.

148    Isegwi minn eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ), KE u tal-linji gwida li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li wasslet għall-konklużjoni li l-proġett ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ ritorn għal stat ta’ vijabbilità stipulata fil-punt 3.2.2(i), tal-linji gwida (premessi 49 u 50 tad-Deċiżjoni), ma setgħetx titqies li hija manifestament żbaljata (ara l-punti 132 sa 142 hawn fuq).

149    Peress li l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 3.2.2 tal-linji gwida huma kumulattivi (ara l-punti 127, 128 u 143 hawn fuq) u peress li l-informazzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana ma tippermettix li tiġi stabbilita l-kompatibbiltà tal-proġett mas-suq komuni, il-Kummissjoni kellha dritt tadotta deċiżjoni negattiva, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(7), tar-Regolament Nru 659/1999.

150    Il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

2.     Fuq il-motivi l-oħra tal-partijiet intervenjenti

151    Ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 40(4) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-konklużjoni tat-talba għal intervent għandu jkollha biss l-iskop li tilqa’ t-talba ta’ waħda mill-partijiet. L-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li n-nota ta’ intervent tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-talbiet tal-parti intervenjenti li jsostnu jew jiċħdu, għal kollox jew in parti, il-konklużjonijiet ta’ waħda mill-partijiet, kif ukoll il-motivi u l-argumenti invokati mill-parti intervenjenti.

152    Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-parti intervenjenti d-dritt li tissottometti b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, sakemm dawn isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux mingħajr ebda konnessjoni mal-kwistjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-kawża bejn ir-rikorrenti u l-parti konvenuta, b’mod li jbiddlu s-suġġett tal-kawża (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs Haute Autorité, 30/59, Ġabra p. 3, 37; tas-17 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-155/91, Ġabra p. I‑939, punt 24, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-501/00, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 131 sa 157; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-125/96 u T-152/96, Ġabra p. II‑3427, punt 183).

153    Għaldaqstant hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-motivi invokati minn parti intervenjenti, għandha tivverifika li dawn ikunu relatati mas-suġġett tal-kawża kif definiti mill-partijiet prinċipali.

154    Rigward kawża mressqa minn awtorità reġjonali u li tirrigwarda l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ settur ekonomiku ppjanata minn din l-awtorità, ma jistax jiġi kkontestat li l-impriżi eliġibbli biex jibbenefikaw minn din l-iskema u r-rappreżentanti tagħhom għandhom locus standi biex isostnu l-argumentazzjoni ta’ l-awtorità rikorrenti, b’mod partikolari dwar id-diffikultajiet li l-għajnuniet huma intiżi li jsolvu u l-effetti li dawn jista’ jkollhom. Għaldaqstant, il-konnessjoni tal-motivi tagħhom mas-suġġett tal-kawża m’għandhiex tiġi evalwata b’mod restrittiv.

155    Madankollu, meta jidher li rikors li l-ammissibbiltà tiegħu hija kontenzjuża għandu f'kull każ jiġi miċħud fuq il-merti, il-Qorti għandha d-diskrezzjoni, fl-interessi ta’ l-ekonomija tal-proċedimenti, li tiddeċiedi mal-ewwel dwar il-merti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C-23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 52, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C-233/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 26). Bl-istess mod, meta jkun jidher li motiv, li l-konnessjoni tiegħu mal-merti tal-kawża hija dubbjuża għandu f'kull każ jiġi miċħud bħala inammissibbli għal raġuni oħra jew għaliex mhuwiex fondat, il-qorti tista' tiċħad dan il-motiv mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-punt jekk il-parti intervenjenti marritx lil hinn mir-rwol tagħha ta’ sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill- partijiet prinċipali (ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-118/99, Ġabra p. I‑747, punti 64 u 65).

156    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet invokati f’dan il-każ mill-partijiet intervenjenti.

a)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ smigħ xieraq

 L-argumenti tal-partijiet

157    Essenzjalment, skond il-partijiet intervenjenti, il-Kummissjoni kisret id-dritt ta’ smigħ xieraq, li hija waħda mill-garanziji proċedurali previsti mill-Atikolu 88(2) KE. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkonstatat mid-Deċiżjoni jekk Stati membri oħra ppreżentawx, inkwantu partijiet interessati, osservazzjonijiet dwar il-kompatibbiltà tal-proġett mas-suq komuni. Jekk dan jirriżulta li jkun il-każ, għandu jiġi osservat li r-Repubblika Taljana ma ngħatatx l-opportunità li tagħti risposta għalihom.

158    Il-Kummissjoni, li ma weġbitx għal dan il-motiv fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, sostniet waqt is-seduta li, b’mod ġenerali, l-motivi invokati mill-partijiet intervenjenti kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom inammissibbli minħabba li ma kinux jikkorrispondu ma’ dawk tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

159    Isegwi minn qari tad-Deċiżjoni, li l-eżattezza tagħha fuq dan il-punt m’hijiex ikkontestata mill-partijiet intervenjenti, li l-motiv, li barra minn hekk huwa ppreżentat fuq bażi spekulattiva, fil-fatt mhuwiex fondat. Effettivament din tiddikjara fil-premessa 4 li l-Kummissjoni, matul il-proċedura formali ta’ eżami, ma rċeviet ebda osservazzjoni mingħand il-partijiet interessati.

160    Il-kunċett ta’ partijiet interessati, skond id-definizzjoni tiegħu mogħtija l-Artikolu 1(h), tar-Regolament Nru 659/1999, jinkludi b’mod partikolari kull Stat Membru, ħlief għal dak li jkun qed jippjana li jagħti jew li jkun ta skema ta’ għajnuna ġdida u li, fuq din il-bażi, jissejjaħ l-Istat Membru kkonċernat.

161    Għaldaqstant jirriżulta mid-Deċiżjoni li ebda Stat Membru, fil-kwalità tiegħu bħala parti interessata, ma ppreżenta osservazzjonijiet dwar il-kompatibbiltà tal-proġett mas-suq komuni, li l-Kummissjoni setgħat tikkomunika lir-Repubblika Taljana.

162    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv għandu jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-konnessjoni tiegħu mas-suġġett tal-kawża kif ukoll dwar il-possibbiltà li għandhom il-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna biex jinvokaw ksur tad-dritt ta’ smigħ xieraq mogħti lill-Istat Membru in kwistjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2), KE.

b)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(2)(b), KE

 L-argumenti tal-partijiet

163    Il-partijiet intervenjenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(2)(b) KE dwar l-għajnuniet intiżi biex jirrimedjaw danni kkważati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra, peress li rrifjutat li tapplikah.

164    Il-Kummissjoni ma weġbitx għal dan il-motiv fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha, iżda sostniet waqt is-seduta li, b’mod ġenerali, il-motivi invokati mill-partijiet intervenjenti kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom inammissibbli minħabba li ma kinux jikkorrispondu ma’ dawk tar-rikorrenti. Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti sostniet li dawn il-motivi bl-ebda mod ma kienu jbiddlu s-suġġett tal-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

165    Il-motiv huwa manifestament infondat. Fil-fatt, l-Artikolu 87(2)(b) KE jidderoga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà ta’ l-għajnuniet mas-suq komuni u għandu, bħala tali, jiġi interpretat b’mod strett, b’mod li din id-dispożizzjoni tkun applikabbli biss f’każ ta’ danni kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra (is-sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 102 iktar 'il fuq, punt 81). Barra minn hekk, kif intqal aktar ‘il fuq, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li din l-istituzzjoni kellha jew seta’ kellha fil-mument meta hija ħadet din id-deċiżjoni.

166    F’Fdan il-każ, jirriżulta mill-eżami tal-korrispondenza skambjata matul il-proċedura amministrattiva li l-awtoritajiet Taljani qatt ma indikaw, u wisq inqas urew, lill-Kummissjoni li l-proġett kien qed jistabbilixxi għajnuniet intiżi sabiex jirrimedjaw id-danni msemmija fl-Artikolu 87(2)(b), KE. Għall-kuntrarju, huma dejjem ippreżentaw il-proġett bħala wieħed intiż li jistabbilixxi skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà. Bħala tali, dan kellu jiġi analizzat fid-dawl tal-linji gwida, li jeskludu espliċitament, fl-ewwel subparagrafu tal-punt 2.4(1), l-għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 87(2)(b) KE mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

167    Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkonfermat waqt is-seduta li minkejja li l-avvenimenti li hija ddeskriviet bħala diżastrużi kienu, fost fatturi oħra bħall-insularità ta’ Sardinja, il-kawża tad-diffikultajiet ta’ l-SAE Sardi, il-proġett kellu l-iskop li “jmur lil hinn minn sempliċi kumpens” għal dawn l-avvenimenti biss.

168    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata minħabba li, fil-premessa 44 tad-Deċiżjoni, hija ddeċidiet li l-proġett ma kienx jipproponi l-għoti ta’ għajnuniet taħt l-Artikolu 87(2)(b), KE u, konsegwentement, li ċaħdet l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 129 iktar 'il fuq, punt 20; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-113/00, Ġabra p. I‑7601, punti 68 u 69, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar 'il fuq, punt 40).

169    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv għandu jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-konnessjoni tagħha mas-suġġett tal-kawża.

c)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 158 KE u tad- Dikjarazzjoni Nru 30, dwar reġjuni insulari, annessa ma’ l-att finali tat-Trattat ta’ Amsterdam

 L-argumenti tal-partijiet

170    Il-partijiet intervenjenti jilmentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 158 KE u d-Dikjarazzjoni Nru 30 peress li ma kkunsidratx, fid-Deċiżjoni, il-fatt li l-proġett kien intiż li jissodisfa l-objettivi ta’ dawn it-testi. Huma jsemmu, b’mod partikolari, deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni kkunsidrat id-dewmien fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali marbut ma’ l-insularità.

171    Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli għaliex ma ġiex imqajjem mir-rikorrenti u, f'kull każ, bħala infondat. Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti sostniet waqt is-seduta li dan il-motiv b’ebda mod ma kien ibiddel is-suġġett tal-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

172    Il-motiv, għalkemm distint minn dawk mqajjma mir-rikorrenti, huwa ammissibbli. Fil-fatt, ir-rikorrenti qajmet motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ), KE u tal-linji gwida. Meta l-Kummissjoni tevalwa proġett ta’ għajnuna ġdida għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà f’reġjun assistit jew żvantaġġjat, il-Kummissjoni tikkunsidra l-Artikolu 158 KE bil-mod deskritt fil-punt 1.3(2) u l-punt 3.2.3 tal-linji gwida. B’hekk, jekk il-Kummissjoni, kif qed isostnu l-partijiet intervenjenti, bl-ebda mod ma ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li l-proġett kien intiż sabiex jissodisfa l-objettivi ta’ l-Artikolu 158 KE, hija kisret l-Artikolu 87(3)(ċ), KE u l-linji gwida.

173    Rigward il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 158 KE jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tal-Komunità kollha, din ta' l-aħħar għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha intiżi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdanha, u fit-tieni subparagrafu tiegħu, li, b'mod partikolari, il-Komunità għandu jkollha l-iskop li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma żvantaġġjati, inklużi ż-żoni rurali.

174    Meta l-Kummissjoni teżamina jekk proġett ta’ skema ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà jistax jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq komuni skond id-deroga prevista mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE, hija impenjat ruħha, kif diġà intqal iktar ‘il fuq, fil-punt 3.2.3 tal-linji gwida, li tikkunsidra l-objettivi ta’ l-Artikolu 158 KE u l-effetti reġjonali ta’ proġett ta’ għajnuna ġdida għal settur partikolari.

175    Madankollu, is-sempliċi fatt li proġett ta’ għajnuna ġdida jkun intiż sabiex jissodisfa l-objettivi ta’ dispożizzjoni tat-Trattat apparti mid-deroga ta’ l-Artikolu 87(3) KE invokata mill-Istat Membru in kwistjoni ma jimplikax, minnu nnifsu, li dan il-proġett jissodisfa l-kundizzjonijiet għal applikazzjoni ta’ din id-deroga (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il-Kummissjoni, 47/69, Ġabra p. 487, punt 13, u tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, punt 47).

176    Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.2.2 tal-linji gwida jibqgħu applikabbli, għalkemm b’mod inqas strett, u l-eżami tal-motivi preċedenti wera li l-Kummissjoni, li hija marbuta li tiddeċiedi fi żmien xahrejn fid-dawl ta’ l-informazzjoni li hija jkollha, setgħet tqis li r-Repubblika Taljana ma kinitx ipprovdiet provi konvinċenti li jippermettu li jiġi vverifikat li l-proġett kien jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u, fid-dawl tad-dubji eżistenti f’dan ir-rigward, setgħet tagħlaq l-eżami tagħha permezz ta’ deċiżjoni finali negattiva.

177    Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-fatt li, f’ċerti deċiżjonijiet adottati preċedentement fl-ambitu tal-kontroll ta’ l-għajnuna milll-Istat, il-Kummissjoni kkunsidrat fatturi relatati ma’ l-insularità, b'mod li barra minn hekk mhuwiex ippreċiżat mill-partijiet intervenjenti. Fil-fatt, huwa biss fil-kuntest ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ), KE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li skema ta’ għajnuna ġdida ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għal applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux fid-dawl tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, fl-ipoteżi li din tkun ġiet stabbilita (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et. vs Il-Kummissjoni, C-57/00 P u C-61/00 P, Ġabra p. I‑9975, punti 52 u 53).

178    Rigward l-invokazzjoni tad-Dikjarazzjoni Nru 30, din hija irrelevanti. Fil-fatt, id-Deċiżjoni hija att ta’ portata individwali li l-adozzjoni tagħha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiggarantixxi l-osservanza ta’ l-Artikolu 87 KE u l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 88 KE, u mhux taħt l-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva Komunitarja li tinvolvi l-adozzjoni ta’ “miżuri speċifiċi”, “meta dan ikun iġġustifikat, favur reġjuni [insulari], sabiex jiġu integrati aħjar fis-suq intern taħt kundizzjonijiet ġusti”, imsemmija minn din id-Dikjarazzjoni. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

179    Il-motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

d)     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-Direttivi 72/159 u 75/268

 L-argumenti tal-partijiet

180    L-partijiet intervenjenti jakkużaw lill-Kummissjoni li m’għamlitx riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 72/159 u 75/268 fid-Deċiżjoni. L-ewwel Direttiva fosthom kienet tippermetti li jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni għajnuniet finanzjarji u għajnuniet għall-investiment bħal dawk in kwistjoni, u, t-tieni waħda tippermetti li jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni fiż-żoni agrikoli l-aktar żvantaġġjati. Dawn huma kkompletati bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 797/85, tat-12 ta’ Marzu 1985, dwar titjib ta’ l-effiċjenza ta’ l-istrutturi agrikoli (ĠU L 93, p. 1), li, fl-Artikolu 18 tiegħu, jagħti kompetenza sħiħa lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri speċifiċi reġjonali, li fosthom jistgħu jinkludi l-miżuri previsti mill-proġett. Dawn id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien jippermettu lill-Kummissjoni li ma tapplikax il-linji gwida u li ma topponix ruħha għall-implementazzjoni tal-proġett.

181    Il-Kummissjoni twieġeb li l-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, f'kull każ, bħala irrilevanti. Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti sostniet waqt is-seduta li dan il-motiv ma jbiddel bl-ebda mod is-suġġett tal-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

182    Id-Deċiżjoni ġiet adottata fit-13 ta’ Novembru 2001 mat-tmiem ta’ fażi ta’ eżami preliminari li bdiet fi-15 ta’ Jannar 1998 u ta’ proċedura formali ta’ eżami li nfetħet b’Deċiżjoni li r-Repubblika Taljana rċeviet fl-4 ta’ Frar 1999.

183    Id-Direttiva 75/268 ġiet abrogata bl-Artikolu 31(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 950/97, tat-12 ta’ Marzu 1985, dwar titjib ta' l-effiċjenza ta’ l-istrutturi agrikoli (ĠU L 142, p. 1), li daħal fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fit-2 ta’ Ġunju 1997. Bl-istess mod, ir-Regolament (KEE) Nru 797/85 ġie abrogat bl-Artikolu 40(1), tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2328/91, tal-15 ta’ Lulju 1991, dwar titjib ta’ l-effiċjenza ta’ l-istrutturi agrikoli (ĠU L 218, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fis-6 ta’ Awwissu 1991. Għaldaqstant, il-partijiet intervenjenti ma jistgħux jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq dawn il-miżuri, b’mod partikolari peress li fl-ebda mument ma invokaw l-atti li ssostitwewhom.

184     Rigward id-Direttiva 72/159, il-partijiet intervenjenti jsostnu biss li l-Artikoli 8 u 14 “ma jipprekludux il-kompatibbiltà [tal-proġett] u jippermettu li ma jiġux applikati l-linji gwida", iżda ma jispjegawx, u wisq inqas juru, kif il-Kummissjoni kellha, jew almenu kif setgħet, tiddeċiedi b’mod differenti minn kif għamlet. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet imsemmija ma jirrigwardawx il-proġetti ġodda ta’ skemi ta’ għajnuna għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà nnotifikati lill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ eżami skond l-Artikolu 87(3)(ċ), KE, bħalma huwa l-proġett li huwa s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 72/159 jirrigwarda “skema[i] selettiva[i] ta’ inkuraġġiment għall-iżvilupp ta’ impriżi agrikoli li l-Istati Membri jistabbilixxu” bil-għan li “jgħinu l-attivitajiet u l-iżvilupp tagħhom taħt kundizzjonijiet razzjonali”, taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikoli 1 sa 10 ta’ l-istess Direttiva. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva jirrigwarda “għajnuniet għall-investimenti” ipprojbiti jew, b’eċċezzjoni, awtorizzati “kemm-il darba dawn jingħataw b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet previsti […] fl-Artikoli [87 KE sa 89 KE]".

185     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv għandu jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-konnessjoni tiegħu mas-suġġett tal-kawża.

e)     Fuq it-talba li l-Qorti tal-Prim’Istanza “tiċħad skond kif jidhrilha li hu xieraq, inċidentalment, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet illegali skond l-Artikolu 241 KE"

186    L-argumenti favur din it-talba, li tista’ titqies bħala motiv in sostenn tat-talbiet tar-rikors (id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Schiocchet vs il-Kummissjoni, C-289/99 P, Ġabra p. I‑10279, punt 25), għandhom isiru mill-awturi tat-talba, skond l-Artikolu 116(4)(b) tar-Regoli tal-Proċedura. Dikjarazzjoni astratta, li m’hijiex spjegata b'indikazzjonijiet li huma ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-partijiet li jwieġbu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex teżerċita l-kontroll tagħha, ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs Haute Autorité, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 561, 588, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20).

187    F’dan il-każ, il-partijiet intervenjenti mhux qed jeċċepixxu, lanqas b'mod sommarju, l-illegalità ta’ xi att Komunitarju. B’mod partikolari, minkejja li jsostnu li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 659/1999 huma inkompatibbli mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, huma jagħmlu dan mingħajr ma jispeċifikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti u, barra minn hekk, mingħajr ma jikkontestaw il-legalità b’mod espliċitu.

188    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi ta’ preżentazzjoni stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, u għaldaqstant għandu jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-konnessjoni tiegħu mas-suġġett tal-kawża.

189    Peress li l-motivi invokati in sostenn tat-talbiet għall-annullament totali tad-Deċiżjoni kollha ġew miċħuda, dawn għandhom jiġu miċħuda wkoll.


B –  Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni, inkwantu din ma tipprovdix li l-għajnuna hija legali sa l-ammont ta’ EUR 100 000

1.     L-argumenti tal-partijiet

190    In sostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni, il-partijiet intervenjenti jinvokaw motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tar-regola de minimis.

191    Il-Kummissjoni tqis li dawn it-talbiet ma jsostnux dawk tar-rikorrenti inkwantu dawn ta’ l-aħħar huma intiżi għall-annullament totali u mhux parzjali tad-Deċiżjoni, u b’hekk għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli; li l-motiv li jsostnihom mhuwiex relatat mas-suġġett tal-kawża inkwantu huwa m'għandux x'jaqsam mal-motivi li tqajjem ir-rikorrenti, u għaldaqstant huwa wkoll għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli; li dan il-motiv huwa f'kull każ irrelevanti inkwantu r-regola de minimis ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

192    Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti sostniet waqt is-seduta li t-talbiet sussidjarji ta' l-intervenjenti kienu inklużi fit-talbiet rispettivi tagħha u li l-motiv invokat in sostenn ta’ dawn it-talbiet sussidjarji bl-ebda mod ma kien ibiddel is-suġġett tal-kawża.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

193    Jirriżulta mir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 40(4), ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 116(4), tar-Regoli tal-Proċedura li għalkemm parti intervenjenti ma tistax tippreżenta talbiet li jeċċedu dawk li hija tintervjeni in sostenn tagħhom (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2000, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-184/97, Ġabra p. II‑3145, punt 39), hija tista’, min-naħa l-oħra, issostni pazjalment biss dawn it-talbiet.

194    F’dan il-każ, ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-Deċiżjoni safejn hija tiddikjara, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-proġett huwa inkompatibbli mas-suq komuni. Filwaqt li jitolbu sussidjarjament l-annullament tad-Deċiżjoni safejn hija ma tillimitax din id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà għall-għajnuniet li jammontaw għal 100 000 EUR jew ta' ammont ikbar, il-partijiet intervenjenti ma jżidux talbiet ġodda ma’ dawk tar-rikorrenti. Fil-fatt, it-talbiet sussidjarji tagħhom isostnu parzjalment dwar tar-rikorrenti, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 116(4), tar-Regoli tal-Proċedura, u għaldaqstant huma ammissibbli.

195    Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat iktar ‘il fuq, ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 116(4), tar-Regoli tal-Proċedura jagħtu lill-parti intervenjenti d-dritt li tippreżenta b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, sakemm dawn isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux tali li ma jkunu bl-ebda mod relatati mal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-kawża bejn ir-rikorrenti u l-parti konvenuta, b'tali mod li jinbidel is-suġġett tal-kawża.

196    F’dan il-każ, ir-rikorrenti invokat motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-proġett kien jipprovdi għal għajnuniet ta’ ammont żgħir, li ma kinux jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1), KE u ma kinux ibiddlu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ daqstant li jmorru kontra l-interess komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ), KE (ara l-punti 81 sa 90 hawn fuq). Il-partijiet intervenjenti, min-naħa tagħhom, jinvokaw il-ksur tar-regola de minimis.

197    Ir-regola de minimis tapplika għall-kundizzjoni ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri prevista mill-Artikolu 87(1), KE, u tispeċifika l-mod kif il-Kummissjoni għandha teżamina din il-kundizzjoni, billi tistabbilixxi bħala prinċipju li skema ta’ għajnuna ta’ ammont żgħir m’għandhiex impatt sinjifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (is-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, punt 29 iktar 'il fuq, punti 3 u 25).

198    Għaldaqstant il-motiv tal-partijiet intervenjenti huwa marbut mas-suġġett tal-kawża, u għalhekk huwa ammissibbli.

199    Rigward il-mertu, ir-regola de minimis ma tapplikax għall-għajnuniet mogħtija lil impriżi attivi fis-settur ta’ l-agrikoltura, kif jindikaw ukoll il-linji gwida fil-punt 2.3(2) u l-punt 3.2.5(ċ)(i) tagħhom. F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-iskop tal-proġett kien li jagħti għajnuniet lil impriżi bħal dawn. Għaldaqstant, l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ din ir-regola hija irrilevanti (is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 168 iktar 'il fuq, punt 35, u Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punti 102 iktar 'il fuq, punt 74).

200    Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud, flimkien mat-talbiet għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni.

201    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

202    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-Artikolu 87(4), tar-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi li parti intervenjenti, minbarra Stat Membru jew istituzzjoni, tista’ tiġi ordnata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

203    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni ta' l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni minħabba l-intervent. Hemm lok ukoll li l-partijiet intervenjenti jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u, kif mitlub mill-Kummissjoni, l-ispejjeż sostnuti minn din ta’ l-aħħar minħabba l-intervent tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeciedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      La Regione autonoma della Sardegna għandha tbati l-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta' dawk imsemmija fil-punt 3 iktar 'il quddiem.

3)      La Confederazione italiana agricoltori della Sardegna, la Federazione regionale coltivatori diretti della Sardegna u la Federazione regionale degli agricoltori della Sardegna għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni minħabba l-intervent tagħhom.

Legal

Tiili

Meij

Vilaras

 

       Forwood

Mogħtija f’seduta pubblika fil-Lussemburgu fil-15 ta’ Ġunju 2005.

Reġistratur

 

      President

H. Jung

 

       H. Legal