Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Settembru 2008 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-349/06, T-371/06, T-14/07, T-15/07 u Kawża T-332/07)1

("ERDF - Tnaqqis ta' għajnuna finanzjarja - Modifiki tal-pjanijiet ta' finanzjament mingħajr il-kunsens tal-Kummissjoni - Kunċett ta' modifika sostanzjali - Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 - Rikors għal annullament")

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma u, fil-Kawżi T-349/06, T-371/06, T-14/07 u T-15/07, anke C. Schulze-Bahr, aġenti, assistiti minn C. von Donat, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Wilms u L. Flynn, aġenti)

Suġġett

Talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet C (2006) 4193 finali u C (2006) 4194 finali, tal-25 ta' Settembru 2006, C (2006) 5163 finali u C (2006) 5164 finali, tat-3 ta' Novembru 2006, u C (2007) 2619 finali, tal-25 ta' Ġunju 2007, li jnaqqsu l-għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) mogħtija favur il-programm Objettiv 2 1997-1999 Nordrhein-Westfalen, il-programm operazzjonali Resider - Nordrhein-Westfalen 1994-1999, il-programmi operazzjonali tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen fil-qafas tal-inizjattivi konġunti SME (impriżi żgħar u ta' daqs medju) u Rechar II, u l-programm operazzjonali għall-għajnuna strutturali Komunitarja fir-reġjuni tal-Objettiv 2 tal-Land tan-Nordrhein-Westfalen għall-perijodu mill-1994 sal-1996, rispettivament.

Dispożittiv

1)    Il-kawża T 332/07 hija magħquda mal-kawżi T 349/06, T 371/06, T 14/07 u T 15/07 għall-finijiet tas-sentenza.

2)    Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 20, 27.1.2007.