Language of document : ECLI:EU:F:2012:144

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2012

Kawża F‑44/05 RENV

Guido Strack

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rinviju lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament — Tneħħija tal-immunità tal-aġenti ta’ istituzzjoni għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja — Ħatra f’pożizzjoni ta’ Kap ta’ diviżjoni — Ċaħda ta’ kandidatura — Rikors għal annullament — Interess ġuridiku tal-kandidat eskluż — Awtorità ta’ res judicata — Difett proċedurali — Ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti — Rikors għad-danni — Dannu morali mġarrab minħabba irregolarità”

Suġġett: Rinviju ta’ rikors, inizjalment ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Strack (T‑526/08 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tar-rinviju”), li tannulla parzjalment is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-25 ta’ Settembru 2008, Strack vs Il‑Kummissjoni (F‑44/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni”), li ddeċidiet dwar ir-rikors li permezz tiegħu G. Strack talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li ċaħdet il-kandidatura tiegħu għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-diviżjoni “Sejħiet għal offerti u kuntratti” (A 5/A 4) tal-imsemmi Uffiċċju (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni kontenzjuża”) u tad-deċiżjoni li s-Sur A jinħatar fil-pożizzjoni kontenzjuża, kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas ta’ danni bħala kumpens għad-dannu morali allegatament imġarrab.

Deċiżjoni: It-talba għat-tneħħija tal-immunità hija miċħuda bħala inammissibbli. It-talba għad-danni hija miċħuda bħala infondata. Id-deċiżjoni ta’ ħatra tas-Sur A u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent huma annullati. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-kawżi Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05, Il‑Kummissjoni vs Strack, T‑526/08 P, u Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05 RENV u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent f’dawn l-istess kawżi.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rappreżentanti tal-partijiet — Talba mhux imressqa minn qorti jew awtorità nazzjonali kompetenti — Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11 u 47; il-ħames paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 30)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Proċedura amministrattiva li għandha titwettaq qabel — Żvolġiment — Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Interess ġuridiku — Rikors għal annullament ippreżentat minn terz kontra l-ħatra ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal — Ammissibbiltà — Annullament li jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva — Assenza ta’ effett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali — Motiv ibbażat fuq irregolarità proċedurali — Motiv ineffettiv fl-assenza tal-possibbiltà li proċedura regolari setgħet twassal għal riżultat differenti

5.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni ta’ ħatra f’pożizzjoni vakanti — Annullament li jikkostitwixxi jew le sanzjoni eċċessiva — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Bilanċ tal-interessi — Possibbiltà ta’ kundanna ex officio tal-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ li ma tiġix annullata l-proċedura ta’ selezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

6.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Obbligu tal-amministrazzjoni li timla pożizzjoni vakanti — Assenza — Eċċezzjoni

7.      Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni ta’ ħatra — Aspettattivi leġittimi tal-uffiċjal maħtur fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni vvizzjata — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

8.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Kumpens adegwat għad-dannu morali — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Għal dak li jirrigwarda talba għat-tneħħija ta’ immunità ta’ rappreżentant ta’ parti skont l-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix espressament li talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rappreżentanti tal-partijiet tista’ tiġi ppreżentata minn waħda mill-partijiet. Issa, meta jitqies li l-immunità prevista fl-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura hija intiża sabiex tipproteġi lir-rappreżentanti tal-partijiet kontra l-possibbiltà ta’ prosekuzzjonijiet u meta jitqies ir-ratio legis ta’ din id-dispożizzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidhirlu li ma għandux obbligu li jiddeċiedi dwar talba għat-tneħħija tal-immunità ħlief jekk din it-talba tkun ippreżentata minn qorti jew awtorità nazzjonali kompetenti. Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jilqa’ talba għat-tneħħija tal-immunità ppreżentata minn parti, peress li din it-talba ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 30 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-bażi ġuridika tiegħu. Fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitqies ukoll li l-immunità tar-rappreżentanti tal-partijiet tirrifletti l-libertà ta’ espressjoni tal-avukati stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Għalkemm huwa minnu li l-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma hijiex proċedura kriminali, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 10 tal-imsemmija Konvenzjoni jipproteġi b’mod ġenerali l-libertà ta’ espressjoni tal-avukati u jikkontribwixxi għat-twettiq fil-prattika tad-dritt għal smigħ xieraq. Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Proċedura, l-Artikolu 47(1) u (2) tal-Karta, li jiggarantixxi d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti, inkluża l-possibbiltà li jingħata parir, difiża u rappreżentanza.

(ara l-punti 73 sa 76 u 79)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, punti 45 u 46

2.      It-tul tal-proċedura prekontenzjuża ma jistax ikun, bħala prinċipju, eċċessiv peress li skont id-diversi termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan ma jistax jaqbeż, meta l-proċedura tkun bdiet b’talba, erbatax-il xahar u għaxart ijiem, u, meta tkun bdiet b’ilment, għaxar xhur u għaxart ijiem.

(ara l-punt 90)

3.      Huma ammissibbli t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal imressqa minn terz fil-konfront ta’ dik id-deċiżjoni.

Ċertament, meta l-att li għandu jiġi annullat ikun jibbenefika lil uffiċjal jew membru tal-persunal, li huwa l-każ ta’ deċiżjoni ta’ ħatra, hija l-qorti li għandha tivverifika jekk l-annullament jikkostitwixxix sanzjoni eċċessiva tal-irregolarità mwettqa, iżda dan l-obbligu għall-qorti huwa mingħajr effett fuq l-interess ġuridiku ta’ terz fil-konfront tad-deċiżjoni, li jkun qiegħed jitlob l-annullament.

F’dan ir-rigward, minn naħa, l-eżami mill-qorti dwar jekk annullament huwiex sanzjoni eċċessiva tal-irregolarità mwettqa jista’ jsir biss wara l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, liema eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-gravità tad-difett ikkonstatat.

Min-naħa l-oħra, anki meta l-annullament ta’ deċiżjoni jkun jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva fir-rigward tad-difett ikkonstatat, rikorrent jista’ jikseb benefiċċju mit-talbiet għal annullament indirizzati kontra dik id-deċiżjoni, peress li l-fatt li l-annullament ta’ deċiżjoni vvizzjata b’irregolarità jkun jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva ma jeskludix li l-qorti tilqa’ t-talbiet iżda tirrinvija lill-amministrazzjoni l-inkarigu li ssib soluzzjoni ġusta għall-kawża, jew li tipproċedi ex ufficio sabiex tagħti kumpens lir-rikorrent għall-irregolarità mwettqa.

(ara l-punti 105 sa 108)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Jannar 1975, de Dapper vs Il‑Parlament, 29/74, punti 16; 5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, punti 13 u 14; 6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1992, Barbi vs Il‑Kummissjoni, T‑68/91, punt 36; 20 ta’ Lulju 2001, Brumter vs Il‑Kummissjoni, T‑351/99, punt 97; 14 ta’ Novembru 2006, Neirinck vs Il‑Kummissjoni, T‑494/04, punti 66 u 67

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 22 ta’ Ottubru 2008, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/07, punt 38; 5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il‑Kunsill, F‑53/08, punt 90; 29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑5/08, punt 18

4.      Sabiex difett proċedurali jkun jista’ jwassal għall-annullament ta’ att tal-amministrazzjoni, huwa neċessarju li, fin-nuqqas ta’ dak id-difett, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li r-rikorrent juri li l-att kien ser ikun neċessarjament differenti li kieku ma kienx ivvizzjat bid-difett proċedurali inkwistjoni, u huwa suffiċjenti li ma jkunx totalment eskluż li l-amministrazzjoni tista’ tadotta deċiżjoni differenti, sabiex l-eżistenza ta’ difett ta’ legalità esterna twassal għall-annullament tal-att ikkonċernat.

(ara l-punt 114)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, punt 48

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Settembru 2011, Nastvogel vs Il‑Kunsill, F‑4/10, punt 94

5.      Meta l-att li għandu jiġi annullat ikun jibbenefika lil uffiċjal ieħor li ma jkunx ir-rikorrent, bħal fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ ħatra f’pożizzjoni vakanti, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, qabelxejn, jekk l-annullament jikkostitwixxix sanzjoni eċċessiva tal-irregolarità mwettqa.

F’dan ir-rigward, il-konsegwenzi li tasal għalihom il-qorti mill-irregolarità tad-deċiżjonijiet adottati wara l-kompetizzjoni ta’ reklutaġġ ma humiex l-istess fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati wara l-kompetizzjoni sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva u tad-deċiżjonijiet adottati wara kompetizzjoni organizzata sabiex timtela pożizzjoni partikolari permezz ta’ ħatra. Effettivament, fil-każ ta’ kompetizzjoni li l-iskop tagħħa jkun li tiġi stabbilita lista ta’ riżerva, l-annullament tad-deċiżjonijiet individwali kollha li permezz tagħhom tniżżel l-isem ta’ kull kandidat magħżul fuq dik il-lista, jikkostitwixxi bħala prinċipju sanzjoni eċċessiva. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet adottati wara kompetizzjoni interna sabiex timtela pożizzjoni partikolari, il-qorti tal-Unjoni tipproċedi għal eżami każ b’każ, fejn tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-irregolarità mwettqa kif ukoll il-bilanċ tal-interessi.

Għal dak li jirrigwarda difett proċedurali fil-kuntest ta’ kompetizzjoni interna sabiex timtela pożizzjoni partikolari, il-qorti teżamina jekk dak id-difett affettwax biss l-eżami tal-kandidatura tar-rikorrent jew jekk ivvizzjax l-eżami tal-kandidaturi kollha. Fl-ewwel każ, id-difett proċedurali għandu jitqies bħala li ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ħatra tal-kandidat magħżul. Fit-tieni każ, il-qorti tipproċedi sabiex tibbilanċja l-interessi preżenti, li għandhom jiġu evalwati fil-mument meta jiġi ppreżentat ir-rikors.

Fuq din il-bażi, il-qorti tqis, qabelxejn, l-interess tar-rikorrent li jibbenefika minn proċedura ta’ selezzjoni li ma tkunx ivvizzjata u, sussegwentement, l-interess tal-uffiċjal maħtur malli tintemm il-proċedura ta’ selezzjoni vvizzjata u dak ta’ min seta’ bbaża ruħu in bona fede fuq il-legalità tad-deċiżjoni li tkun ħatritu. Finalment, il-qorti teżamina l-interess tas-servizz, jiġifieri, b’mod partikolari, ir-rispett tal-legalità, il-konsegwenzi baġitarji ta’ annullament tad-deċiżjoni illegali, id-diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tar-res judicata, il-ħsara eventwali għall-kontinwità tas-servizz u d-deterjorament tal-ambjent soċjali fi ħdan l-istituzzjoni.

(ara l-punti 116 sa 119)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Bouillez et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il-fuq, punti 82, 83, 85 u 87 sa 89, u l-ġurispudenza ċċitata

6.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata ssegwi proċedura ta’ selezzjoni, hija tista’ tiddeċiedi li tagħmel dan biss għal raġunijiet oġġettivi, suffiċjenti, u mhux magħrufa meta hija tiftaħ l-imsemmija proċedura.

(ara l-punt 122)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il‑Kummissjoni, F-113/07, punt 90

7.      Uffiċjal, maħtur fi tmiem tal-proċedura ta’ selezzjoni vvizzjata, ma jistax jibbaża ruħu fuq aspettattiva leġittima sabiex iżomm il-ħatra tiegħu, u dan anki jekk laħqu għaddew tmien snin minn meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ ħatra inkwistjoni, u dan għaliex din ġiet ikkontestata fit-termini ta’ rikors kontenzjuż. Fil-fatt, l-imsemmi uffiċjal ma jistax jinjora f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-ħatra tiegħu kienet ser tkun definittiva biss jekk ir-rikors tal-kandidat eskluż jiġi miċħud.

(ara l-punt 123)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Bouillez et vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il-fuq, punt 88

8.      L-annullament ta’ att ikkontestat tal-amministrazzjoni minn uffiċjal jidher li huwa, fih innifsu, rimedju adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dak l-uffiċjal seta’ sofra, ħlief jekk ma jkunx wera li sofra dannu morali separabbli mill-irregolarità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat għal kollox minn dak l-annullament. Dan huwa l-każ, fl-ewwel lok, meta fl-att annullat ikun hemm evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li tista’ tikkawżalu preġudizzju, fit-tieni lok, meta l-irregolarità mwettqa tkun ta’ gravità partikolari u, fit-tielet lok, meta l-annullament ikun nieqes minn kull effettività, u għalhekk ma jkunx jista’ jikkostitwixxi fih innifsu r-rimedju adegwat u suffiċjenti ta’ kull dannu morali kkawżat mill-att ikkontestat.

(ara l-punt 128)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 12 ta’ Mejju 2011, AQ vs Il‑Kummissjoni, F‑66/10, punti 105, 107 u 109