Language of document : ECLI:EU:T:2006:361

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

23 ta' Novembru 2006 (*)

"Għajnuna mill-Istat − Għajnuna favur il-grupp Belġjan Beaulieu − Rinunzja għal kreditu"

Fil-kawża T-217/02,

Ter Lembeek International NV, stabbilita f'Wielsbeke (il-Belġju), irrappreżentata minn J.-P. Vande Maele, F. Wijckmans u F. Tuytschaever, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u H. van Vliet, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament ta' l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/825/KE, ta' l-24 ta’ April 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Belġju favur il-grupp Beaulieu (Ter Lembeek International) (ĠU L 296, p. 60),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn M. Vilaras, President, M. E. Martins Ribeiro, F. Dehousse, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Leġiżlazzjoni Komunitarja

1        L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi:

"Bla ħsara ta' kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni."

2        Skond l-Artikolu 88 KE:

"1.      Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma' l-Istati Membri s-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta' l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq komuni.

2.      Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

Jekk l-Istat interessat ma joqgħodx għal din id-deċiżjoni fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni jew kull Stat ieħor interessat ikun jista' jissottometti l-materja direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 226 u 227.

Fuq talba ta’ kull Stat Membru, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, b’vot unanimu, li miżura ta’ għajnuna mogħtija jew li trid tingħata minn dak l-Istat għandha tkun ikkonsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87 jew tar-regolamenti previsti fl-Artikolu 89, jekk din id-deċiżjoni tkun ġustifikata b’ċirkustanzi eċċezzjonali. Jekk il-Kummissjoni diġà tkun bdiet il-proċedura preskritta fl-ewwel sub-paragrafu ta’ dan il-paragrafu, rigward l-għajnuna in kwistjoni, it-talba magħmula lill-Kunsill mill-Istat interessat għandha ġġib is-sospensjoni ta’ dik il-proċedura sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-pożizzjoni tiegħu.

Madankollu, jekk il-Kunsill ma jkunx għarraf il-pożizzjoni tiegħu f’egħluq tliet xhur minn dik it-talba, għandha tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni.

3.      Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura jkollha deċiżjoni finali."

3        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), intitolat "Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tingħalaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali" jipprovdi:

"1.       Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-proċedura ta' investigazzjoni formali għandha tingħalaq permezz ta' deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta' dan l-Artikolu.

2.      Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, il-miżura notifikata ma tikkostitwix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta' deċiżjoni.

3.      Fejn il-Kummissjoni ssib li, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru konċernat, id-dubji dwar il-kompatibilità tal-miżura notifikata mas-suq komuni jkunu tneħħew, għandha tiddeċiedi li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni posittiva"). Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni fit-Trattat kienet applikata.

4.      Il-Kummissjoni tista' tehmeż ma' deċiżjoni posittiva kundizzjonijiet li suġġett għalihom l-għajnuna tista' tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni u tista' tpoġġi obbligi sabiex jawtorizzaw konformità mad-deċiżjoni li għandha tkun osservata (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni kundizzjonali").

5.      Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m'hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m'għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni negattiva").

6.      Deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 għandhom jittieħdu malli jkunu tneħħew id-dubji msemmija fl-Artikolu 4(4). Il-Kummissjoni għandha tipprova kemm jista' jkun tadotta deċiżjoni f'perijodu ta' 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura. Dan il-limitu ta' żmien jista' jkun estiż bi ftehim komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

7.      La darba jkun skada l-limitu msemmija fil-paragrafu 6, u jekk l-Istat Membru kkonċernat jitlob dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn, tieħu deċiżjoni abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli lilha. Jekk xieraq, fejn l-informazzjoni provvduta m'hijiex biżżejjed sabiex titwaqqaf kompatibilità, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni negattiva."

4        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat "Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni" jipprovdi:

"1.      L-eżami ta' għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f'deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta' deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta' deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma' inġunzjoni ta' informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli.

2.      F'każijiet ta' għajnuna possibilment illegali u mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 11(2), il-Kummisjoni m'għandhiex tkun marbuta mal-limitu ta' żmien imqiegħed fl-Artikoli 4(5), 7(6) u 7(7).

3.      L-Artikolu 9 għandu jgħodd mutatis mutandis."

5        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, li jirrigwarda l-irkupru ta' għajnuna, jispeċifika:

"1.      Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa "deċiżjoni ta' rkupru"). Il-Kummissjoni m'għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta' l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.      L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta' rkupru għandha tinkludi l-imgħax f'rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu [242] tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta' proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità."

 Leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Id-Digriet Irjali tas-7 ta' Mejju 1985 dwar il-ħruġ ta' azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot minn kumpanniji b’responsabbiltà limitata li jaqgħu taħt is-setturi nazzjonali (Moniteur belge tal-11 ta' Mejju 1985, p. 6873, iktar 'il quddiem id-"Digriet Irjali ta' l-1985"), jiddisponi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

"Il-kumpanniji b'responsabbiltà limitata li jaqgħu [taħt ċerti setturi] jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet definiti f'dan id-digriet, joħorġu azzjonijiet rappreżentattivi tal-kapital tagħhom u li m'għandhomx dritt tal-vot, iktar 'il quddiem imsejħa l-'azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot'".

7        L-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali ta' l-1985 jipprovdi, b'mod partikolari, li l-Kumpannija nazzjonali għar-ristrutturazzjoni tas-setturi nazzjonali (iktar 'il quddiem is-"SNRSN") tista' tissottoskrivi għal tali azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot.

8        L-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali ta' l-1985 jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet previsti f'dan id-Digriet, ir-regoli għall-ħruġ ta' azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta' tali ħruġ kif ukoll id-drittijiet marbuta ma' dawn l-azzjonijiet għandhom jiffurmaw is-suġġett ta' ftehim, konkluż bejn il-kumpannija li toħroġ dawn l-azzjonijiet u l-persuni ġuridiċi previsti fl-Artikolu 2 li jissottoskrivu għal dawn l-azzjonijiet, u għandhom jiġu rreġistrati fl-Istatut tal-kumpannija li toħroġ dawn l-azzjonijiet. Barra minn hekk, il-ftehim għandu jispeċifika taħt liema kundizzjonijiet l-azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot jistgħu jinxtraw lura mill-kumpannija li toħroġhom jew jinxtraw minn terzi. Il-prezz ma jistax ikun inqas minn 80% tal-prezz tal-ħruġ.

Il-ftehim previst fl-ewwel paragrafu għandu jiġi approvat minn qabel mill-Ministru tal-Finanzi, mill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u mill-Ministru tal-Baġit."

9        L-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali ta' l-1985 jispeċifika:

"Il-ħruġ ta' azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin :

1)      l-azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot huma u jibqgħu nominali;

2)      dawn ma jistgħux jippreżentaw iktar minn 49% tal-kapital sottoskritt;

3)      fil-każ ta' tqassim ta' profitti, dawn jagħtu dritt, minkejja kull dispożizzjoni kuntrarja ta' l-Istatuti […], għal dividend privileġġat ta' 2% tal-prezz tal-ħruġ tagħhom effettivament liberat;

4)      minkejja kull dispożizzjoni kuntrarja ta' l-Istatuti, dawn huma privileġġati fir-rigward tal-ħlas lura tal-kontribuzzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dritt li jista' jingħatalhom mill-Istatuti fid-distribuzzjoni ta' dak li jifdal wara l-istralċ.

[…]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-grupp Verlipack u l-grupp Beaulieu

10      Sad-dikjarazzjoni ta' falliment tiegħu li seħħet fit-18 ta' Jannar 1999, il-grupp Verlipack kien l-akbar produttur Belġjan ta' reċipjenti vojta tal-ħġieġ b'sehem fis-suq ta' 20% fil-Belġju u ta' 2% fl-Unjoni Ewropea. Huwa kien jimpjega 735 persuna fil-fabbriki tiegħu ta' Ghlin, ta' Jumet u ta' Mol (il-Belġju).

11      Il-grupp Beaulieu, li huwa l-isem tal-kumpannija holding Belġjana ta' kumpanniji attivi fis-suq tat-tapiti u tal-fibri sintetiċi, huwa t-tieni fabbrikant tat-tapiti fid-dinja u, l-ewwel fabbrikant Ewropew bil-bosta. Il-grupp huwa mmexxi mill-kumpannija holding Ter Lembeek International NV.

 Perijodu ta' qabel id-dħul tal-grupp Beaulieu fit-tiżmim ta' azzjonijiet tal-grupp Verlipack: ftehim tat-30 ta' April 1985 bejn il-grupp De Backer (Adsum) u s-SNRSN

12      Fl-1985, Verlipack falla, u l-assi tiegħu, li huma stmati li jammontaw għas-somma ta' 410 miljun franki Belġjani (BEF), ġew akkwistati minn SA Adsum, kumpannija tal-grupp De Backer, li m'għandha l-ebda rabta mar-rikorrenti.

13      Bis-saħħa ta' ftehim tat-30 ta' April 1985 Adsum inkorporat dawn l-assi fi tliet kumpanniji ġodda, in-NV Verlipack Mol, is-SA Verlipack Jumet u s-SA Verlipack Ghlin, li fil-kapital tagħhom daħlet ukoll is-SNRSN fl-ammont ta'
620 020 000 BEF. Bħala korrispettiv għall-kontribuzzjoni tagħha fil-kapital soċjali, is-SNRSN irċeviet azzjonijiet imsejħa "tal-kategorija B" mingħajr dritt tal-vot u b'valur nominali ta' 10000 BEF kull waħda u, bħala korrispettiv għal kontribuzzjoni barra mill-kapital soċjali, hija rċeviet ishma mill-profitti msejħa "tal-kategorija I" u "tal-kategorija II". Fl-1985, is-SNRSN kellha sehem ta' 49% fil-kapital tal-grupp li jikkorrispondi unikament għall-azzjonijiet tal-kategorija B [Artikolu 3(1)(a) tal-ftehim tat-30 ta' April 1985]. Dan is-sehem kellu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

14      Skond liġi speċjali tal-15 ta' Jannar 1989, ir-Reġjun tal-Vallonja akkwista t-titoli mingħajr dritt tal-vot ta' l-impjanti ta' Ghlin u ta' Jumet, li jinsabu ġewwa t-territorju lingwistiku tiegħu, u tar-Reġjun Fjamming akkwista dawk ta' l-impjant ta' Mol.

15      Il-ftehim tat-30 ta' April 1985 kien jipprovdi, fl-Artikolu 10 tiegħu:

"Huwa importanti għal Adsum li twassal lill-kumpanniji biex jiftiehmu mas-[SNRSN] li kull sena, u għall-ewwel darba ħames snin wara l-konklużjoni ta' dan il-ftehim, jagħmlu offerta għax-xiri ta' mill-inqas 10% ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u 10% mill-ishma mill-profitti tal-kategorija I, safejn jippermettu l-profitti magħmula u r-riżervi disponibbli tal-kumpanniji.

Il-prezz tax-xiri għandu jkun ugwali għall-valur nominali ta' dawn l-azzjonijiet u għandu jkun ta' 10 000 BEF għal kull sehem mill-profitti tal-kategorija I.

Fin-nuqqas ta' tali ftehim bejn il-kumpanniji u s-[SNRSN], Adsum f'kull każ għandha teżegwixxi l-obbligi previsti f'dan l-Artikolu."

16      Dan il-ftehim kien jipprovdi wkoll, fl-Artikolu 11 tiegħu:

"Adsum tobbliga ruħha li tagħti lil kull waħda mill-kumpanniji għażla ta' xiri fir-rigward ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u l-ishma mill-profitti tal-kategorija I. Għal dan il-għan, hija tobbliga ruħha li tikkonkludi ma' kull waħda minnhom ftehim li jirriproduċi l-kontenut ta' l-Anness 1 ta' dan il-ftehim." 

17      It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 14 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985 kien jispeċifika:

"Safejn trasferiment minn Adsum ta' l-azzjonijiet li hija għandha fil-kumpanniji ġġib magħha bidla fil-kontroll u/jew fid-direzzjoni tal-kumpanniji, dan it-trasferiment jeħtieġ il-kunsens tas-[SNRSN]."

18      L-Artikolu 16 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985 kien jipprovdi:

"L-Istatut tal-kumpanniji [Verlipack] huwa emendat sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-klawżoli ta' dan il-ftehim." 

19      Ir-rikorrenti tispeċifika li, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, ma kinitx involuta fl-elaborazzjoni tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, għaliex dak iż-żmien hija ma kinitx azzjonista tal-kumpanniji Verlipack, bil-kontra ta' dak li jingħad fil-punt 7 tad-Deċiżjoni 2002/825/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Belġju favur il-grupp Beaulieu (Ter Lembeek International) (ĠU L 296, p. 60, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Id-dħul tal-grupp Beaulieu fit-tiżmim ta' azzjonijiet tal-grupp Verlipack u l-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987 għall-ftehim tat-30 ta' April 1985

20      Matul il-perijodu 1985‑1987, Adsum ittrasferiet l-ishma tagħha (51 %) fit-tliet kumpanniji Verlipack lil kumpannija sussidjarja oħra tagħha, Imcour NV, li aderiet għall-ftehim tat-30 ta' April 1985 u li ġiet stralċjata fil-25 ta' Ġunju 1987 għall-finijiet tal-qasma tagħha fi tliet kumpanniji, jiġifieri Imcour Holding NV, Imcour Lease NV u Patrimcour NV. L-azzjonijiet fil-kumpanniji Verlipack Jumet, Verlipack Ghlin u Verlipack Mol daħlu fl-assi ta' Imcour Holding.

21      Meta saret il-qasma ta' Imcour fl-1987, il-grupp Beaulieu xtara l-azzjonijiet ta' Imcour Holding mingħand il-grupp De Backer bil-prezz ta' 425 miljun BEF u b'hekk sar il-proprjetarju indirett tal-kumpanniji Verlipack Jumet, Verlipack Ghlin u Verlipack Mol.

22      Barra minn hekk, bi ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987 għall-ftehim tat-30 ta' April 1985 u skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 14 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, is-SNRSN approvat it-trasferiment (indirett) tat-tliet kumpanniji Verlipack lill-grupp Beaulieu, bil-kundizzjoni li Imcour Holding u s-Sur De Clerck jaderixxu għall-ftehim tat-30 ta' April 1985. Barra minn hekk, is-SNRSN talbet li l-grupp Beaulieu jobbliga ruħu wkoll li jżomm it-tliet kumpanniji Verlipack joperaw għal sentejn oħra. Dan il-ftehim addizzjonali ġie ffirmat mill-partijiet kollha kkonċernati, jiġifieri Adsum, is-SNRSN, Imcour Holding, is-Sur De Clerck u s-Sur De Backer.

23      Skond l-Artikolu 3 tal-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987:

"Mill-1 ta' Ottubru 1987, is-sottofirmati Imcour NV u R. De Clerck jobbligaw ruħhom irrevokabbilment li jieħdu fuqhom u jirrispettaw l-integralità tad-drittijiet u l-obbligi kollha eżistenti kif definiti fil-Konvenzjoni tat-30 ta' april 1985 u l-Anness tagħha, li tagħha Adsum NV u s-Sur De Backer, kienu partijiet f'din id-data."

24      L-Artikolu 4 ta' dan il-ftehim addizzjonali kien jipprovdi:

"Fid-dawl ta' l-Artikoli 1 u 3, hemm lok li, mill-1 ta' Ottubru 1987, fil-ftehim tat-30 ta' April 1985 u fl-anness tiegħu jinqara ‘Imcour NV’ minflok ‘Adsum NV’ u ‘Is-Sur R. De Clerck’ minflok ‘Is-Sur W. De Backer’ [...]"

25      L-Artikolu 5 ta' l-imsemmi ftehim addizzjonali kien jispeċifika:

Id-dritt ta' l-għażla ta' xiri jibqa' jissussisti skond il-modalitajiet previsti fl-anness tal-ftehim tat-30 ta' April 1985 f'dak li jirrigwarda s-SA Verlipack Ghlin, Mol u Jumet." 

 Obbligu ta' xiri ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti tas-SNRSN mit-tliet kumpanniji Verlipack li jinsab fil-ftehim tat-30 ta' April 1985

26      Peress li fl-1 ta' Mejju 1990 skada l-perijodu ta' ħames snin previst fl-Artikolu 10 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, daħal fis-seħħ l-obbligu ta' xiri annwali ta' 10% ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I. Skond ir-rikorrenti, u mingħajr ma din ġiet kontradetta mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, l-awtoritajiet pubbliċi Belġjani talbu lit-tliet kumpanniji Verlipack jeżegwixxu l-obbligu tax-xiri ta' l-azzjonijiet tagħhom tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tagħhom tal-kategorija I. Minħabba l-inkapaċità finanzjarja tagħhom, il-grupp Beaulieu kellu jwettaq dan l-obbligu skond skeda preċiża ħafna. Bejn April 1991 u April 1994, il-grupp Beaulieu, f'ħames skadenzi (April 1991, Mejju 1991, April 1992, April 1993 u April 1994), ħallas 213 100 000 BEF lill-azzjonist pubbliku.

27      Wara dan ix-xiri, is-SNRSN (li saret, għar-Reġjun tal-Vallonja, il-kumpannija ta' ġestjoni ta' l-ishma tar-Reġjun tal-Vallonja f'kumpanniji kummerċjali, iktar 'il quddiem is-"Sowagep") kienet għadha żżomm, fis-SA Verlipack Ghlin, 5 087 azzjoni tal-kategorija B mingħajr dritt tal-vot u 3 937 sehem mill-profitti fil-kategorija I, jiġifieri total ta' 9 024 titolu li kellhom jinxtraw fuq perijodu ta' ħames snin għal prezz nominali ta' 10 000 BEF kull wieħed previst fil-ftehim tat-30 ta' April 1985, jiġifieri prezz totali ta' 90 240 000 BEF u, fis-SA Verlipack Jumet, 2 923 azzjoni tal-kategorija B mingħajr dritt tal-vot u 2 267 sehem mill-profitti tal-kategorija I, jiġifieri total ta' 5 190 titolu li kellhom jinxtraw fuq perijodu ta' ħames snin bil-prezz nominali ta' 10 000 BEF kull wieħed previst fil-ftehim tat-30 ta' April 1985, jiġifieri prezz totali ta' 51 900 000 BEF. Il-prezz ta' dawn l-14 214 azzjoni u sehem mill-profitti kollha għalhekk kienu jammontaw għas-somma ta' 142 140 000 BEF.

28      Wara diversi żidiet fil-kapital li saru mill-azzjonist privat (Imcour Holding, li saret SA Imcopack Wallonie, li kellha f'idejha l-impjanti ta' Ghlin u ta' Jumet, u NV Imcopack Vlaanderen, li kellha f'idejha l-impjant ta' Mol), is-sehem tal-finanzjament pubbliku fil-grupp Verlipack tnaqqas progressivament sal-punt li, fit-tmiem ta' dan it-tnaqqis progressiv, l-awtoritajiet pubbliċi ma kellhomx iktar minn 20,7% tal-kapital ta' l-imsemmi grupp.

 Għajnuna ta' l-1992 lill-grupp Verlipack

29      Fl-1992, il-grupp Verlipack ibbenefika mill-għoti ta' żewġ għajnuniet għall-investiment ta' ammont globali ta' 502 122 500 BEF skond skema bi skop reġjonali. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta' l-għoti ta' self azzjonarju konvertibbli f'500 miljun BEF mill-kumpannija reġjonali ta' investiment (kostitwita bil-Liġi tat-2 ta' April 1962) kienet is-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-25 ta' Novembru 1992 li ma qajmitx oġġezzjonijiet (ĠU 1993, C 83, p. 3), self li madankollu ma ġiex rilaxxat.

30      Skond l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Belġjan mogħtija matul il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni 2001/856/KE, ta' l-4 ta' Ottubru 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat lil Verlipack − Belġju (ĠU 2001, L 320, p. 28), il-grupp Verlipack kellu problemi dovuti għall-kwalità tal-ġestjoni tiegħu, u b'mod partikolari tal-produzzjoni tiegħu, b'mod li l-grupp Beaulieu ma setax jassumi waħdu r-responsabbiltà u l-ġestjoni tal-programm ta' investiment tiegħu ta' 5 500 miljun BEF, u dan jispjega għaliex ir-Reġjun tal-Vallonja ma ħallasx l-għajnuna awtorizzata.

 Id-dħul tal-grupp Heye-Glas fit-tiżmim ta' azzjonijiet tal-grupp Verlipack

31      Fl-1996, it-telf tat-tliet kumpanniji Verlipack kompla jakkumula, u dan ma ppermettilhomx jonoraw l-iskadenzi ta' ħlas lura ta' self bankarju ta' l-aħħar tas-sena 1996. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-grupp Beaulieu ddeċieda li jirristruttura t-tiżmim ta' l-azzjonijiet u li jinnegozja mal-grupp Ġermaniż Heye-Glas (iktar 'il quddiem "Heye"), wieħed mill-ewwel fabbrikanti Ġermaniżi tal-ħġieġ.

32      Fl-1 ta' Settembru 1996, il-grupp Verlipack u Heye ffirmaw ftehim ta' kooperazzjoni teknika, li fil-11 ta' April 1997, ġie estiż għall-assistenza maniġerjali u finanzjarja, u b'hekk Heye ġie involut direttament fil-ġestjoni u fid-direzzjoni tal-grupp Verlipack.

 Il-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996

33      Bil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 konkluż bejn ir-rikorrenti u s-Sowagep, l-azzjonijiet u l-ishma mill-profitti miżmuma mis-Sowagep fil-kumpanniji Verlipack Ghlin u Verlipack Jumet inxtraw mill-grupp Beaulieu. Fil-fatt, skond dan il-ftehim, ir-rikorrenti akkwistat mingħand is-Sowagep l-ishma li ġejjin: 5 087 azzjoni tal-kategorija B mingħajr dritt tal-vot u 3 937 sehem mill-profitti tal-kategorija I tal-kumpannija Verlipack Ghlin bħala korrispettiv għall-ħlas tas-somma ta' 72 192 000 BEF kif ukoll 2 923 azzjoni tal-kategorija B mingħajr dritt tal-vot u 2 267 sehem mill-profitti tal-kategorija I tal-kumpannija Verlipack Jumet bħala korrispettiv għall-ħlas tas-somma ta' 41 520 000 BEF, jiġifieri total ta' 14 214 azzjoni u sehem mill-profitti li jirrappreżentaw is-somma ta' 113 712 000 BEF pagabbli lis-Sowagep "fil-31 ta' Diċembru 2001, netti, mingħajr interessi".

 Kostituzzjoni ta' Verlipack Holding I u ta' Verlipack Holding II

34      Fl-24 ta' Jannar 1997, il-grupp Beaulieu u Heye kkostitwew kumpannija holding prinċipali, Verlipack Holding I. Il-kapital soċjali ta' Verlipack Holding I kien ta' 1 030 500 000 BEF, kostitwit minn 515 500 000 BEF ikkontribwiti minn Heye, u l-parti l-oħra kienet komposta mill-utli tat-tliet impjanti ta' tħaddim ikkontribwiti mill-grupp Beaulieu u stmati fl-ammont ta' 515 miljun BEF. Fil-11 ta' April 1997 ġiet kostitwita t-tieni kumpannija holding, imsejħa Verlipack Holding II, b'kapital ta' 1 230 500 000 BEF (Verlipack Holding I kellha 100 000 azzjoni għas-somma ta' 1 030 500 000 BEF u s-Sowagep kellha 19 408 azzjoni li jirrappreżentaw is-somma ta' 200 miljun BEF). Il-korpi ta' ġestjoni tal-grupp industrijali l-ġdid kollu kienu kkonċentrati fil-livell ta' Verlipack Holding II li fih Heye kellu l-maġġoranza, filwaqt li d-direzzjoni tad-diversi servizzi kienu l-istess għall-grupp kollu.

 Sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Verlipack fl-1997

35      Ir-riżultati mħabbra minn Heye u Verlipack marru lura b'mod sinjifikattiv fl-1997. Fit-30 ta' Novembru 1997, is-sitwazzjoni konsolidata proviżorja u "mhux ivverifikata" kienet turi telf nett għal din l-istess sena ta' 828 592 044 BEF.

 Ftehim ta' rilanċ (Heads of Agreement) tal-5 ta' Ġunju 1998

36      Fil-5 ta' Ġunju 1998, ġie konkluż ftehim ta' rilanċ (Heads of Agreement) mill-imsieħba (banek, il-grupp Beaulieu, Heye u Sowagep) minħabba d-degradazzjoni tas-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Verlipack. Dan il-ftehim kien jipprovdi, f'dak li jirrigwarda Haye, kontribuzzjoni ta' kapital ta' 200 miljun BEF u, f'dak li jirrigwarda r-Reġjun tal-Vallonja, minn naħa, il-konverżjoni f'kapital ta' self azzjonarju ta' 150 miljun BEF mogħti lil Verlipack Holding II mill-imsemmi Reġjun fl-1997 u, min-naħa l-oħra, żieda fil-kapital ta' Verlipack Holding II ta' 100 miljun BEF li għaliha r-Reġjun tal-Vallonja kellu jsib investitur privat. Skond l-awtoritajiet Belġjani (ittra tal-11 ta' Jannar 2001, irreġistrata fil-15 ta' Jannar 2001) fir-rigward tat-tfittxija ta' investitur ġdid, u sabiex il-pjan ta' rilanċ ikun jista' jiġi implementat immedjatament, il-grupp Beaulieu ppropona li jwettaq dan l-obbligu huwa stess "bil-kundizzjoni li dan l-intervent ikun biss wieħed temporanju u li huwa jiġi rrimborsat mill-investitur il-ġdid li kellha tfittex is-Sowagep". Huma żiedu li l-grupp Beaulieu, li fir-rigward tiegħu l-"Heads of Agreement" kienu jipprevedu r-rinunzja għal kreditu ta' 600 miljun BEF, kellu kull interess li l-pjan ta' rilanċ jagħti r-riżultati mistennija.

37      Skond il-minuti tal-laqgħa ġenerali straordinarja ta' l-azzjonisti ta' Verlipack Holding II tas-26 ta' Ġunju 1998, ġie deċiż li jkun hemm żieda fil-kapital b’kontribuzzjoni ta' 200 miljun BEF ta' Heye għall-19 408 azzjoni ġdida u b’kontribuzzjoni ta' 100 miljun BEF ta' Worldwide Investors Luxembourg (iktar 'il quddiem "Worldwide Investors") għal 9 704 azzjoni ġdida. Worldwide Investors, li nstabet mill-grupp Beaulieu, wettqet, skond il-Gvern Belġjan, żieda fil-kapital għan-nom ta' l-imsemmi grupp.

 Il-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 għall-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996

38      Billi l-pjan ta' rilanċ il-ġdid ma kisibx ir-riżultati mistennija u r-Reġjun tal-Vallonja għalhekk ma setax isib investitur ġdid privat, fl-20 ta' Novembru 1998 dan ta' l-aħħar u l-grupp Beaulieu ddeċidew li jemendaw it-termini tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 permezz ta' ftehim addizzjonali (iktar 'il quddiem il-"ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998") li jipprovdi li l-ħlas ta’ l-azzjonijiet akkwistati minn Beaulieu bit-twettiq tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 fil-kumpanniji Verlipack Ghlin u Verlipack Jumet għall-ammont ta' 113 712 000 BEF "jista' jsir jew permezz ta' trasferiment bankarju fil-kont tar-[Reġjun tal-Vallonja] jew permezz ta' datio in solutum ta' 9 704 azzjoni ta' SA Verlipack Holding II", l-aktar tard fil-31 ta' Diċembru 2001.

39      Fil-21 ta' Diċembru 1998, Worldwide Investors ittrasferiet lill-grupp Beaulieu 9 704 azzjoni tal-kumpannija Verlipack Holding II. Bħala korrispettiv, il-grupp Beaulieu ttrasferixxa 9 704 azzjoni tal-kumpannija Verlipack Holding I lil Worldwide Investors. Sussegwentement, il-grupp Beaulieu ttrasferixxa lir-Reġjun tal-Vallonja, bejn il-21 u l-31 ta' Diċembru 1998, 9 704 azzjoni ta' Verlipack Holding II "bi bdil għar-rinunzja għall-kreditu tar-Reġjun fuq il-grupp Beaulieu".

40      Dan l-aħħar trasferiment, li kien is-suġġett tal-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, seħħ ftit ġimgħat qabel ma l-grupp Verlipack talab dikjarazzjoni ta' falliment, fil-forma ta' datio in solutum għas-saldu tad-dejn tal-grupp Beaulieu favur ir-Reġjun tal-Vallonja li kien jirriżulta mill-akkwist min-naħa ta' dan il-grupp f'Diċembru 1996 ta' l-azzjonijiet Verlipack miżmuma mir-Reġjun tal-Vallonja, li kienu stmati fl-ammont ta' 113 712 000 BEF u li r-rimbors tagħhom, mingħajr interessi, kellu jibda biss mill-31 ta' Diċembru 2001.

41      Fit-8 ta' Jannar 1999, Verlipack talab arranġament mal-kredituri approvat mill-qorti għall-fabbriki ta' l-impjanti ta' Jumet u ta' Ghlin u ħabbar il-waqfien ta' l-attivitajiet fil-fabbrika ta' l-impjant ta' Mol. Fil-11 ta' Jannar 1999, il-Qorti tal-Kummerċ ta' Turnhout (il-Belġju) iddikjarat il-falliment ta' l-impjant Verlipack ta' Mol u, fit-18 ta' Jannar 1999, il-Qorti tal-Kummerċ ta' Mons (il-Belġju) iddikjarat il-falliment tas-sitt kumpanniji tal-grupp li jimmanifattura l-ħġieġ Verlipack (l-impjanti ta' Jumet u ta' Ghlin, Verlipack Belġju, Verlipack Engineering, Verlimo u Imcour Lease).

42      Billi Verlipack Holding II ikkonstatat li la kellha aktar likwidità u lanqas assi biżżejjed sabiex tagħmel tajjeb għad-djun tagħha, fil-11 ta' Frar 1999 hija għamlet dikjarazzjoni ta' falliment quddiem il-Qorti tal-Kummerċ ta' Mons u speċifikat li l-waqfien mill-ħlas kien imur lura għax-xahar ta' Ġunju 1998. Quddiem din il-qorti interveniet is-Sowagep sabiex tesponi li hija ma riditx tkompli tfittex li tirkupra l-kreditu tagħha, ħaġa li kellha bħala effett li ngħata kreditu lid-debitur tagħha. Konsegwentement, il-Qorti tal-Kummerċ ta' Mons ikkonstatat, b'sentenza tal-31 ta' Mejju 1999, li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-falliment min-naħa ta' Verlipack Holding II, minkejja li, minħabba li spiċċa l-għan soċjali tagħha, il-kumpannija kienet destinata sempliċement biex tiġi stralċjata.

 Id-Deċiżjoni 2001/856 u l-proċedura formali ta' l-eżami li wasslet għad-Deċiżjoni kkontestata

43      Bid-Deċiżjoni 2001/856, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta' l-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta' ċerta għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Belġju lill-grupp Verlipack. B'din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni rrevokat id-deċiżjoni tagħha tas-16 ta' Settembru 1998, li biha hija kienet iddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni fir-rigward ta' parti mill-imsemmija għajnuna (ĠU 1999, C 29, p. 13), minħabba li din kienet ibbażata fuq informazzjoni ineżatta, iddikjarat parti minn din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u talbet l-irkupru tagħha.

44      Ir-Renju tal-Belġju ressaq rikors għal annullament kontra din id-deċizjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ċaħditu b'sentenza tat-3 ta' Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑457/00, Ġabra p. I‑6931).

45      Waqt l-eżami ta' l-għajnuna li wassal għad-Deċiżjoni 2001/856, il-Kummissjoni ġiet informata b'miżuri oħra li setgħu jikkostitwixxu għajnuna favur il-grupp Verlipack jew il-grupp Beaulieu.

46      Fil-kuntest tar-risposta tiegħu għall-ftuħ tal-proċedura formali ta' l-eżami li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2001/856, ir-Renju tal-Belġju, b'ittra tat-28 ta' Settembru 1999, kien indika lill-Kummissjoni li d-datio in solutum li saret f'Diċembru 1998 għas-saldu tad-djun tal-grupp Beaulieu lejn ir-Reġjun tal-Vallonja setgħetx tiġi kkunsidrata bħala "żieda ġdida fil-kapital ta' Verlipack, iffinanzjata mill-grupp Beaulieu, li ġiet irrimborsata permezz ta' l-estinzjoni tad-dejn tiegħu lejn ir-Reġjun tal-Vallonja".

47      B'ittra tal-5 ta' Lulju 2000 mibgħuta lir-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni, b'mod partikolari, indikat li kellha dubji dwar eventwali għajnuna mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja lill-grupp Beaulieu minħabba li dan il-grupp kiseb kundizzjonijiet ta' ħlas meta akkwista l-ishma ta' l-impjanti ta' Jumet u ta' Ghlin f'Diċembru 1996 li ma kinux ikunu aċċettabbli għal istituzzjoni finanzjarja privata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni staqsiet lilha nfisha jekk id-datio in solutum li saret ftit ġimgħat qabel ma Verlipack talbet dikjarazzjoni ta' falliment kinitx tikkostwixxi għajnuna favur il-grupp Beaulieu.

48      F'dawn ċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni talbet lir-Renju tal-Belġju li jgħaddilha informazzjoni fuq l-aspetti li ġejjin: "attivitajiet ta' Worldwide Investors, attivitajiet ta' tiftix ta' investitur privat min-naħa tas-Sowagep, l-użu ta' 100 miljun BEF sottoskritti minn Worldwide Investors f'Ġunju 1998, spjegazzjoni dwar id-differenza fil-valur ta' 14 214 azzjoni akkwistati mill-grupp Beaulieu fl-1996, spjegazzjoni dwar il-fatt li l-grupp Ġermaniż Heye ma kienx jaf b'dawn it-tranżazzjonijiet li kienu jinvolvu l-intervent ta' l-awtoritajiet tal-Vallonja, spjegazzjoni dwar it-terminu ta' erba' snin mingħajr interessi mogħti mir-Reġjun tal-Vallonja lill-grupp Beaulieu għall-ħlas ta' 14 214 azzjoni kif ukoll dwar iċ-ċirkustanzi li, ftit ġimgħat qabel ma Verlipack talbet dikjarazzjoni ta' falliment u għalhekk b'għarfien sħiħ tat-telf li kienet qed tagħmel Verlipack, wasslu lir-Reġjun tal-Vallonja li jaċċetta r-rimbors [antiċipat] ta' dan id-dejn". Fl-istess ittra, il-Kummissjoni tistaqsi dwar min kien il-benefiċjarju reali taż-żieda fil-kapital ta' Verlipack, sottoskritt f'Ġunju 1998 minn Worldwide Investors.

49      Fin-nuqqas ta' risposta ta' l-awtoritajiet Belġjani għal din l-ittra tal-5 ta' Lulju 2000, il-Kummissjoni bagħtet nota ta' tfakkir fid-29 ta' Settembru 2000. Peress li r-Renju tal-Belġju ma ppreżentax l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni, b'ittra tad-19 ta' Jannar 2001, ordnatlu formalment, skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdilha d-dokumenti, informazzjoni u data kollha neċessarja sabiex hija tkun tista' teżamina l-kompatibbiltà tal-miżuri konċessi favur Verlipack jew favur il-grupp Beaulieu fid-dawl ta' l-Artikolu 87 KE.

50      Madankollu, qabel din in-notifika, ir-Renju tal-Belġju, b'ittra tal-11 ta' Jannar 2001, irreġistrata fil-15 ta' Jannar ta' wara, irrisponda l-ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2000 billi indika li, minkejja r-riżultati ħżiena ta' Verlipack matul is-sena 1997, ġie osservat tnaqqis fit-telf minn Marzu 1998, bis-saħħa ta' żieda sinjifikattiva fil-produttività. L-awtoritajiet Belġjani indikaw ukoll li, bil-ftehim (Heads of Agreement) tal-5 ta' Ġunju 1998, l-imsieħba privati u pubbliċi kienu ddeċidew li jaddottaw pjan ta' rilanċ ġdid. Dawn l-istess awtoritajiet speċifikaw li r-risposta tagħhom għat-talba tal-Kummissjoni kienet neċessarjament inkompleta minħabba n-nuqqas ta' kollaborazzjoni tal-grupp Beaulieu.

51      Fid-dawl ta' l-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet, fis-6 ta' Ġunju 2001, li r-rinunzja għal kreditu msemmija hawn fuq kienet tinvolvi trasferiment ta' riżorsi pubbliċi imputabbli lill-Istat Belġjan li kien jikkostitwixxi prima facie għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87 KE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li kienu jeżistu dubji fuq il-kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 87 KE u ma' l-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ta' l-għajnuna li minnha kienu bbenefikaw il-grupp Verlipack jew il-grupp Beaulieu, b'mod li hija fetħet il-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE fil-konfront ta' din l-għajnuna, li biha r-Renju tal-Belġju ġie informat b'ittra tat-8 ta' Ġunju 2001, u stiednet lill-persuni kkonċernati jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom (ĠU 2001, C 313, p. 2).

52      Il-collectif de défense des travailleurs licenciés de Verlipack à Jumet et à Ghlin, b'ittra tat-3 ta' Diċembru 2001, ir-Renju Unit, b'ittra tas-7 ta' Diċembru 2001, u r-Renju tal-Belġju, b'ittra li waslet għand il-Kummissjoni fis-16 ta' Jannar 2002, għamlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

53      B'ittra tat-23 ta' Lulju 2001, il-konsulent legali tar-rikorrenti ġie informat bid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjoni min-naħa tar-rikorrenti.

54      B'ittra li waslet għand il-Kummissjoni fis-26 ta' Lulju 2001, ir-Renju tal-Belġju rrisponda lill-Kummissjoni billi rrepeta l-osservazzjonijiet li kien għamel wara l-inġunzjoni li huwa kien irċieva.

55      Fl-24 ta' April 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Id-deċiżjoni kkontestata

56      Il-Kummissjoni enfasizzat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, "indipendentement mill-komplessità ta' l-arranġamenti ġuridiċi u finanzjarji li serva ta' bażi għall-intervent, f'Ġunju 1998, tal-kumpannija Lussemburġiża ta' ishma finanzjarji Worldwide Investors, […] il-grupp Beaulieu [kien] ħallas għas-saldu, f'Diċembru 1998, dejn ta' 113 712 000 BEF lejn ir-Reġjun tal-Vallonja permezz ta' datio in solutum ta' 9 704 azzjoni ta' Verlipack Holding II, li l-valur nominali tagħhom kien ta' 100 miljun BEF, iżda li l-valur reali tagħhom kellu jkun kunsiderevolment inferjuri, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta' l-assi ta' din il-kumpannija ".

57      Fir-rigward tal-prezz li bih ir-rikorrenti, permezz tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, xtrat l-azzjonijiet miżmuma mir-Reġjun tal-Vallonja fil-kumpanniji Verlipack, il-Kummissjoni kkunsidrat, b'mod partikolari li, fil-każ ta' tali xiri, l-obbligu li jiġi ffissat prezz ekwivalenti għal 80% tal-prezz tal-ħruġ kien obbligu stabbilit mil-liġi Belġjana li kien impost, mingħajr distinzjoni, fuq kull min kien jixtieq jixtri dan it-tip ta' azzjonijiet privileġġati.

58      Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li "id-dejn ta' 113 712 000 BEF tal-grupp Beaulieu lejn ir-Reġjun tal-Vallonja kien dejn ċert li r-rimbors tiegħu bl-ebda mod ma kien marbut mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp Verlipack".

59      Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li, billi aċċetta, għas-saldu ta' dejn ċert ta' 113 712 000 BEF, azzjonijiet tal-kumpannija Verlipack Holding II, li ma kellhom ebda valur, ir-Reġjun tal-Vallonja kien irrinunzja fil-konfront tal-grupp Beaulieu għal kreditu ta' dan l-ammont.

60      Ir-Renju tal-Belġju madankollu allega li l-grupp Beaulieu ma kien ħa l-ebda vantaġġ ekonomiku minn din l-operazzjoni, minħabba li, b'din ir-rinunzja għal kreditu, huwa ta lill-grupp Beaulieu kumpens għall-"kontribuzzjoni ta' kapital li saret f'Ġunju 1998".

61      Il-Kummissjoni madankollu enfasizzat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-"Heads of Agreement" tal-5 ta' Ġunju 1998 kienu jipprevedu biss li l-awtoritajiet tal-Vallonja jobbligaw ruħhom li jippreżentaw investitur u mhux li jikkontribwixxu 100 miljun BEF lill-kapital ta' Verlipack Holding II.

62      Barra minn hekk il-Kummissjoni kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma kienx wera, fl-ewwel lok, l-eżistenza ta' ftehim li jgħid li l-grupp Beaulieu ħa fuqu l-obbligu li kien ħa r-Reġjun tal-Vallonja li jsib investitur li jikkontribwixxi 100 miljun BEF u, it-tieni nett, ma kienx wera l-eżistenza ta' ftehim ieħor separat u li jmur lil hinn mill-ewwel wieħed, li skondu r-Reġjun tal-Vallonja ggarantixxa lill-grupp Beaulieu r-rimbors tas-somma ta' 100 miljun BEF li kellu jikkontribwixxi investitur privat.

63      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-uniku element li dwaru ma kien hemm ebda dubju kien il-fatt li r-Reġjun tal-Vallonja kien irrinunzja, fl-20 ta' Novembru 1998, għal kreditu ċert ta' 113 712 000 BEF fuq il-grupp Beaulieu bi bdil għal 9 704 azzjoni f'kumpannija, Verlipack Holding II, li s-sitwazzjoni tagħha kienet marret lura sal-punt li f'Ġunju 1998 ġie meħtieġ pjan ieħor ta' finanzjament mill-ġdid li fil-kuntest tiegħu ma kienx possibbli li jinstab investitur privat li jaċċetta li jikkontribwixxi 100 miljun BEF lill-kapital soċjali. Il-Kummissjoni rrilevat li l-kapital ta' din il-kumpannija kien ġie stmat li jiswa 1 BEF fil-11 ta' Frar 1999.

64      Fir-rigward ta' l-eventwali kompattibbiltà ta' l-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, minkejja li l-ebda motif ta' kompattibiltà ma ġie invokat mir-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni xorta waħda eżaminat dan il-punt u kkonkludiet, essenzjalment, li l-għajnuna mogħtija lill-grupp Beaulieu ma kienet xejn ħlief għajnuna għall-funzjonament li ħelset lill-grupp Beaulieu mill-ispejjeż li huwa kien ikollu jbati waħdu fiċ-ċirkustanzi normali tat-tmexxija kurrenti tiegħu jew ta' l-attivitajiet tiegħu. Hija rrilevat li għajnuna bħal din kienet inkompatibbli mar-regoli Komunitarji peress li l-impjanti ta' produzzjoni tal-grupp Beaulieu ma kienux jinsabu f'waħda mir-reġjuni previsti fl-Artikolu 87(3)(a) KE.

65      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, b'referenza għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/99, ikkunsidrat li, "[s]abiex terġa' tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ekonomiċi li l-impriża kien ikollha tiffaċċja li kieku l-għajnuna inkompatibbli ma ngħatatilhiex, l-awtoritajiet Belġjani [għandhom …] jirkupraw din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju".

66      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

"L-għajnuna mill-Istat implementata mill-Belġju favur il-grupp Beaulieu (Ter Lembeek International) fil-forma ta' rinunzja għal kreditu fl-ammont ta' 113 712 000 BEF hija inkompatibbli mas-suq komuni."

67      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

"1.      Il-Belġju għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u diġa tqiegħdet illegalment għad-dispożizzjoni tiegħu.

2.      L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, safejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta' din id-deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata tinkludi l-interessi mid-data li fiha din tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sad-data meta tiġi rkuprata. L-interessi huma kkalkulati abbażi tar-rata ta' referenza użata għall-kalkolu tas-sussidju ekwivalenti fil-kuntest ta' l-għajnuna reġjonali."

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

68      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-22 ta' Lulju 2002, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

69      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli u fondat;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta' din l-istanza.

70      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew tiċħdu;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

71      Billi l-kompożizzjoni ta' l-awli tal-Qorti tal-Prim'Istanza nbidlet mis-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla. Għalhekk din il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla Estiża.

72      Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tieħu miżuri istruttorji preliminari. Madankollu, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, hija talbet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti kif ukoll l-inventarju tad-dokumenti fil-pussess tagħha fil-kuntest tal-procedura li tat lok għal din il-kawża. Il-Kummissjoni kkonformat ruħha ma' din it-talba fit-terminu stabbilit.

73      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu waqt is-seduta li saret fil-21 ta' Frar 2006.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

74      Il-Kummissjoni tenfasizza, preliminarjament, li r-rikorrenti la qatt għamlet osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura formali ta' eżami li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata u lanqas fil-kuntest ta' dik li wasslet għad-deċiżjoni 2001/856, minkejja li din ta' l-aħħar kienet diġa ħabbret investigazzjoni dwar l-għajnuna in kwistjoni.

75      Il-Kummissjoni ssostni li l-motivi kollha mqajma mir-rikorrenti huma inammissibbli minħabba li huma bbażati fuq allegazzjonijiet fattwali li hija qatt ma sostniet fil-kuntest tal-proċedura formali ta' eżami u li parti kbira mid-dokumenti annessi mar-rikors ma kinux, ħlief fejn indikat espressament mod ieħor, magħrufa mill-Kummissjoni fil-mument meta hija ħadet id-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet fattwali relattivi għall-ewwel motiv, dan huwa l-każ, l-ewwel nett, ta' l-allegazzjoni li r-rikorrenti kienet "kostretta" mir-Reġjun tal-Vallonja li tikkonkludi l-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, b'mod li r-rinunzja de facto għal dan il-kreditu permezz tal-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-istess jista' jingħad għall-allegazzjoni li r-rikorrenti mhijiex benefiċjarja ta' l-għajnuna minħabba li hija żammet l-azzjonijiet biss għal perijodu ta' żmien limitat. It-tieni nett, il-Kummissjoni tallega li l-argument tar-rikorrenti li bih hija tikkontesta l-interpretazzjoni li saret tad-Digriet Irjali ta' l-1985 hija inammissibbli, peress li ma ġiex invokat fil-kuntest tal-proċedura formali ta' l-eżami. It-tielet nett, ir-rikorrenti, ma tistax tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda l-fatt li l-għajnuna in kwistjoni tista' taffettwa l-kummerċ, b'mod partikolari fis-suq tat-tessili, u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi dawn l-elementi ġew esposti fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta' l-eżami. Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibiltà tiegħu minħabba li huwa bbażat fuq it-teżi żbaljata li l-għajnuna serviet sabiex tikkumpensa l-allegat telf marbut ma' xiri ta' azzjonijiet allegatament forzat. Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Kummissjoni titlob li jiġi dikjarat inammissibbli wkoll peress li dan jammonta għall-affermazzjoni li l-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 ma pprokura l-ebda vantaġġ lir-rikorrenti, għaliex ikkostitwixxa biss mod ta' kumpens għax-xiri forzat ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti fl-1996.

76      Fir-rigward tad-dokumenti annessi mar-rikors, il-Kummissjoni tispeċifika li, b'eċċezzjoni ta' l-istatut ta' l-impriża u tal-mandat mogħti lill-avukati, u kif jirriżulta mill-ittra tagħha ta' l-20 ta' Diċembru 2002, hija ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha ħdax-il anness mehmuża mar-rikors, jiġifieri l-annessi 4, 4 bis, 5, 7, 8, 9, 10, 13, 18, 20 bis u 21. Minn dan isegwi li, safejn il-motivi u l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq l-imsemmija annessi, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

77      Barra minn hekk, bil-kontra ta' dak li tallega r-rikorrenti, ċerti dokumenti li ma kinux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma ta' importanza għall-argumenti tar-rikorrenti. Dan jgħodd ukoll għall-annessi relattivi għall-ftehim tad-29 ta' Settembru 1987 konkluż bejn is-Sur De Backer u s-Sur De Clerck (punt 11 tar-rikors), għall-kontribuzzjoni tal-grupp Beaulieu lil Verlipack (punti 17 u 18 tar-rikors), għax-xiri annwali mill-grupp Beaulieu (punt 20 tar-rikors) kif ukoll għall-ftehim tas-26 ta' Diċembru 1996 konkluż bejn, minn naħa, Imcopack Vlaanderen NV u Imcopack Wallonie u, min-naħa l-oħra, Heye (punt 30 tar-rikors). Skond il-Kummissjoni, huwa għalhekk żbaljat li jiġi affermat li dawn id-dokumenti jikkonċernaw biss aspetti sekondarji ta' l-istorja ta' din il-kawża.

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi li hija invokat huma ammissibbli peress li huma bbażati esklużivament fuq dokumenti li l-Kummissjoni kienet taf bihom fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li, għalkemm il-Kummissjoni ma tesponix, f'din id-deċiżjoni, it-totalità tal-fatti rilevanti essenzjali għal analiżi korretta ta' din il-kawża fid-dawl tad-dritt ta' l-għajnuna mill-Istat, hija għandha għarfien approfondit tal-fatti relatati ma' l-inkartament in kwistjoni li abbażi tiegħu ttieħdet id-deċiżjoni 2001/856 u saħansitra tippreżenta dokumenti li mhumiex fil-pussess tar-rikorrenti, bħall-Anness IV tar-risposta.

79      Ir-rikorrenti tispeċifika li, b'ittra tas-6 ta' Diċembru u b'ittra elettronika tal-11 ta' Diċembru 2002, hija talbet inventarju tad-dokumenti fil-pussess tal-Kummissjoni meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll dettalji dwar l-allegazzjonijiet fattwali li ma kinux ġew ippreżentati waqt il-fażi prekontenzjuża. B'ittra ta' l-20 ta' Diċembru 2002, fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet fattwali, il-Kummissjoni rrispondietha li hija ma kellhiex l-obbligu li tagħmel ix-xogħol ta' l-avukati tar-rikorrenti u, fir-rigward tad-dokumenti, hija llimitat ruħha li ssemmi vagament, fost id-dokumenti inventorjati mir-rikorrenti, dawk li ma kinux fil-pussess tagħha, mingħajr ma pprovditilha inventarju. Issa hija l-Kummissjoni li għandha turi li hija ma kellhiex dawn id-data fil-pussess tagħha, għaliex billi tipprovdi, fl-ittra tagħha ta' l-20 ta' Diċembru 2002 li biha hija rrifjutat li tikxef l-inkartament tagħha, risposta inkompleta għad-domanda tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tqiegħed kemm lir-rikorrenti kif ukoll lill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-impossibbiltà li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tad-data fattwali li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, hija setgħetx tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

80      Fir-rigward tad-dokumenti li l-Kummissjoni tiddikjara espressament li ma kinux fil-pussess tagħha fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li, b'eċċezzjoni ta' dawk li jillimitaw ruħhom li juru u li jirrendu oġġettiv ċertu numru ta' aspetti aċċessorji marbuta ma' l-istorja ta' din il-kawża (bħar-rendikont tal-laqgħa ġenerali ta' Imcour jew is-self mogħti diversi drabi mill-grupp Beaulieu lill-grupp Verlipack), id-dokumenti kollha li hija ressqet kienu fil-pussess tal-Kummissjoni meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, b'mod li hija ma tistax tibbaża ruħha fuq l-inammissibbiltà tal-motivi invokati mir-rikorrenti.

81      F'dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet fattwali li l-Kummissjoni tiddikjara li ma kinitx taf bihom fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tikkonstata li, b'eċċezzjoni ta' l-allegazzjoni li s-Sowagep kienet wegħdet, f'Diċembru 1997, kontribuzzjoni ġdida ta' kapital ta' 100 miljun BEF lil Verlipack, li wara kollox m'għandha l-ebda inċidenza f'din il-kawża, waħda biss minn dawn l-allegazzjonijiet fattwali hija kkontestata mill-Kummissjoni bħala waħda li ma kinitx taf biha, jiġifieri l-allegazzjoni li x-xiri ta' azzjonijiet u ta' ishma mill-profitti permezz tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 ma kienx volontarju. Ir-rikorrenti tallega li, minkejja l-kunsiderazzjonijiet ta' natura ekonomika li diġa juru n-natura forzata ta' dan ix-xiri, dan il-kostrinġiment għax-xiri ta' l-azzjonijiet jirriżulta espressament min-nota tar-Reġjun tal-Vallonja tal-25 ta' Mejju 1998 mibgħuta lill-Kummissjoni u li għalhekk kienet fil-pussess tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

82      Fir-rigward tad-determinazzjoni, minn naħa, jekk il-benefiċjarju ta' għajnuna jistax jibbaża ruħu fuq fatti u dokumenti li ma nġibux għall-konjizzjoni tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, jekk motivi bbażati fuq tali fatti u dokumenti humiex ammissibbli, hemm lok li jitfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta' rikors għal annullament imressaq skond l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta' att Komunitarju għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta' informazzjoni eżistenti fid-data meta l-att ġie adottat. B'mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati unikament skond l-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta għamlet dawn il-kunsiderazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7; ta' l-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16; tas-26 ta' Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑241/94, Ġabra p. I‑4551, punt 33, u tal-11 ta' Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 86; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Ġunju 1998, British Airways et u British Midland Airways vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punt 81; tal-15 ta' Settmebru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II‑3437, punt 88; tas-6 ta' Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T‑110/97, Ġabra p. II‑2881, punt 47; Salomon vs Il-Kummissjoni, T‑123/97, Ġabra p. II‑2925, punt 48, u tal-11 ta' Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra p. II‑1579, punt 67).

83      F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ħaditx in kunsiderazzjoni eventwali elementi ta’ fatt li setgħu ġew ippreżentati lilha waqt il-proċedura amministrattiva, iżda li ma ġewx ippreżentati, billi l-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li teżamina ex officio u bis-suppożizzjonijiet liema huma l-elementi li setgħu jiġu ppreżentati lilha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 60, u tal-11 ta' Settembru 2003, il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 82 iktar 'il fuq, punt 87; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 49).

84      Minn dan il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li ma jistax ikun ammissibbli għal rikorrent, meta jkun ipparteċipa fil-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, li jibbaża ruħu fuq argumenti fattwali mhux magħrufa mill-Kummissjoni u li huwa ma jkunx indikahom lilha matul il-proċedura formali ta' l-eżami. Min-naħa l-oħra, xejn ma jżomm lill-persuna kkonċernata milli tiżviluppa kontra d-deċiżjoni finali motiv ġuridiku li ma jkunx tqajjem fl-istadju tal-proċedura amministrattiva (ara sentenza Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, punt 82 iktar 'il fuq, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Din il-ġurisprudenza tista', bla ħsara għal każijiet eċċezzjonali għall-aħħar, tiġi estiża għall-ipoteżi, bħal f'dan il-każ, li fiha impriża ma pparteċipatx għall-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, punt 82 iktar 'il fuq, punt 69).

86      Fil-fatt, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma għamlitx użu mid-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċedura formali ta' eżami għalkemm, kif jirriżulta mill-ittra tal-11 ta' Jannar 2001 mibgħuta lill-Kummissjoni mir-Renju tal-Belġju, u rreġistrata fil-15 ta' Jannar 2001, l-awtoritajiet tal-Vallonja kienu speċifikament stednuha sabiex tikkollabora b'mod attiv fil-preparazzjoni tar-risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Belġju fil-5 ta' Lulju 2000. Barra minn hekk, minkejja t-talbiet ripetuti u fin-nuqqas ta' kwalunkwe risposta għat-talba tal-Kummissjoni, il-konsulent legali tar-Renju tal-Belġju kien talab lir-rikorrenti, b'ittra tat-28 ta' Settembru 2000, li tipprovdilu informazzjoni sabiex ikun jista' jirrispondi lill-Kummissjoni b'mod utli. L-aħħar żewġ paragrafi ta' din l-ittra jaqraw kif ġej:

"Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, il-klijenta tiegħi tiġbed l-attenzjoni tagħkom għar-riskju li, fid-deċiżjoni tagħha li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea probabbilment tordna lill-awtoritajiet Belġjani li jirkupraw mingħand il-klijenta tagħkom is-somma ta' BEF 113 712 000 flimkien ma' l-interessi.

Minkejja li skada t-terminu, huwa madankollu mixtieq ħafna li l-klijenta tagħkom tikkollabora b'mod urġenti fil-preparazzjoni ta' l-inkartament billi tipprovdi l-elementi kollha li huma mitluba minnha, ħaġa li forsi tista' tippermetti lir-Reġjun tal-Vallonja li jkun jista' jerġa' jressaq l-opinjoni tiegħu quddiem il-Kummissjoni Ewropea qabel ma din tieħu deċiżjoni."

87      Barra minn hekk, fl-ittra tal-11 ta' Jannar 2001 imsemmija hawn fuq, l-awtoritajiet tal-Vallonja informaw lill-Kummissjoni bil-fatt li l-konsulent legali tagħhom kien insista mal-konsulent legali tal-grupp Beaulieu fuq l-importanza tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni u fuq ir-riskji inerenti f'tali proċedura għal dan il-grupp, u dan mingħajr l-ebda suċċess, u li r-risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tkun inkompleta sakemm ma jkunux kisbu l-kollaborazzjoni tal-grupp Beaulieu.

88      Barra minn hekk, b'ittra tat-23 ta' Lulju 2002, il-konsulent legali tar-rikorrenti ġie informat bid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2001 li tagħha rċieva kopja.

89      Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet imsemmija b'isimha fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami – b'mod partikolari fit-titolu II.2 li jirrigwarda speċifikament il-grupp Beaulieu, li, kif speċifikat fil-punt 20, huwa mmexxi mir-rikorrenti – u li din id-deċiżjoni kienet tqajjem, b'mod partikolari fil-punti 29 sa 43 u 70 sa 75 tagħha kif ukoll fin-nota f'qiegħ il-paġna Nru 4, dubji fir-rigward tal-fatt li r-Reġjun tal-Vallonja kien irrinunzja, fl-20 ta' Novembru 1998, għal kreditu ċert fl-ammont ta' 113 712 000 BEF fuq il-grupp Beaulieu bi bdil għal 9 704 azzjoni f'Verlipack Holding II li s-sitwazzjoni tagħha tant kienet marret lura li l-assi tagħha ġew stmati li jiswew 1 BEF fil-11 ta' Frar 1999.

90      Issa, minkejja li r-rikorrenti kienet taf perfettament bil-ftuħ ta' proċedura formali ta' eżami li kienet tikkonċerna b'mod partikolari r-rinunzja għal kreditu in kwistjoni u bil-bżonn u bl-importanza għaliha li tipprovdi ċerta informazzjoni, minħabba d-dubji diġà fformulati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta' din ir-rinunzja għal kreditu mad-dritt Komunitarju, ir-rikorrenti ddeċidiet li ma tipparteċipax fil-proċedura formali ta' eżami, u barra minn hekk ma kinitx allegat li d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami ma kinitx motivata biżżejjed sabiex hija tkun tista' teżerċita d-drittijiet tagħha utilment (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar 'il fuq, punt 46).

91      Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li, minn naħa, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fuq elementi ta' informazzjoni li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom fil-mument meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata. Dan kollu huwa aktar u aktar minnu fir-rigward, b'mod partikolari, ta' argumenti fattwali mressqa mir-rikorrenti li huma, skondha, essenzjali għal analiżi korretta ta' din il-kawża fid-dawl tad-dritt ta' l-għajnuna mill-Istat.

92      Min-naħa l-oħra, il-benefiċjarju ta' għajnuna ma jistax jinvoka, taħt piena ta' inammissibbiltà, motiv sostnut biss minn elementi ta' informazzjoni li ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni fil-mument meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, peress li l-legalità ta' deċiżjoni fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta' informazzjoni li l-Kummissjoni seta' jkollha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni.

93      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-motivi mqajma mir-rikorrenti in sostenn tar-rikors tagħha huma bbażati fuq elementi ta' informazzjoni li l-Kummissjoni kienet taf bihom fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

94      Fil-kuntest ta' l-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega, l-ewwel nett, li, fl-akkwist, bis-saħħa tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, ta' 14 214 azzjoni tal-kategorija B u ta' ishma mill-profitti tal-kategorija I fil-kapital ta' Verlipack permezz tal-ħlas tas-somma ta' 113 712 000 BEF, hija kienet kostretta mill-awtoritajiet tal-Vallonja li tagħmel dan l-akkwist. Skond ir-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li hija kienet hekk kostretta tikkostitwixxi fatt li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet relattivi, minn naħa, għall-eżistenza ta' għajnuna li tiffavorixxi ċerti impriżi u, min-naħa l-oħra, fil-każ affermattiv, għall-fatt li r-rikorrenti kienet l-impriża benefiċjarja, ġewx sodisfatti, li mhuwiex il-każ f'din il-kawża.

95      In sostenn ta' l-argument tagħha dwar il-kostrinġiment, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq in-nota tal-25 ta' Mejju 1998 mibgħuta mir-Reġjun tal-Vallonja lill-Kummissjoni, li fiha hemm indikat li "billi r-Reġjun tal-Vallonja tilef il-fiduċja fil-grupp Beaulieu, huwa impona bħala kundizzjoni għall-approvazzjoni ta' l-operazzjoni tal-kostituzzjoni taż-żewġ kumpanniji holding ix-xiri ta' l-azzjonijiet tiegħu fl-impjanti ta' tħaddim ta' Verlipack Ghlin u ta' Verlipack Jumet".

96      Fir-rigward ta' l-inammissibbiltà ta' l-argument tal-kostrinġiment, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-proċess u mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta fuq dan il-punt, minn naħa, il-Kummissjoni ma tikkontestax li kienet taf bin-nota tal-25 ta' Mejju 1998 fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-partijiet fil-kawża ma jaqblux biss fuq il-portata ta' din in-nota u fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-użu tal-verb "impona" kontenut fiha, iżda mhux fuq l-element ta' fatt li kkostitwixxa x-xiri, mir-rikorrenti, ta' l-azzjonijiet miżmuma mir-Reġjun tal-Vallonja. L-argument tar-rikorrenti dwar il-kostrinġiment għalhekk ifittex, fir-realtà, li jikkritika lill-Kummissjoni li għamlet żball fl-evalwazzjoni tal-kontenut ta' din in-nota, b'mod li dan l-argument għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

97      It-tieni nett, f'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li bih hija tikkontesta l-fatt li l-istima għolja żżejjed tal-prezz ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni ffissat fil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 kien iġġustifikat bid-Digriet Irjali ta' l-1985, għandu jiġi kkonstatat ukoll li tali element ta' informazzjoni kien magħruf mill-Kummissjoni fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif jirriżulta, b'mod partikolari, mill-punti 62 sa 64 u min-nota f'qiegħ il-paġna Nru 21 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami. Barra minnhekk, fl-ittra tal-11 ta' Jannar 2001 mibgħuta lill-Kummissjoni, irreġistrata fil-15 ta' Jannar 2001, l-awtoritajiet tal-Vallonja kitbu:

"Għandu jiġi mfakkar li l-prezz globali ta' 113 712 000 BEF għall-azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot u għall-ishma mill-profitti miżmuma mir-Reġjun tal-Vallonja f'Verlipack Ghlin u f'Verlipack Jumet dak iż-żmien kienu jirrapreżentaw 80% tal-valur ta' dawn l-azzjonijiet u ishma mill-profitti abbażi tal-prezz tal-ħruġ tagħhom.

Fil-fatt, id-Digriet Irjali tas-7 ta' Mejju 1985 (Artikolu 3) dwar il-ħruġ ta' azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot mill-kumpanniji b'responsabbiltà limitata li jaqgħu taħt is-setturi nazzjonali jimponi li 'il-prezz ma jistax ikun inqas minn 80% tal-prezz tal-ħruġ' fil-każ ta' bejgħ mill-ġdid ta' l-azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot lill-kumpannija li toħroġhom jew lil terzi.

Issa, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp Verlipack li dak iż-żmien kienet qed tiġi kompletament ristrutturata, dan il-prezz bla dubju ma jikkorispondix għall-valur reali ta' l-azzjonijiet u ishma mill-profitti, iżda ġie ffissat sabiex tiġi rrispettata l-leġiżlazzjoni Belġjana ċċitatata iktar 'il fuq, ħaġa li l-grupp Beaulieu aċċetta.

[…]

Għalhekk, il-partijiet iffissaw terminu ta' erba' snin għar-rimbors mingħajr interessi tad-dejn tal-grupp Beaulieu sabiex jikkumpensa xi ftit għall-prezz għoli żżejjed li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni (aġġornata fil-jum tal-ħlas), meta pparagunat mal-valur ekonomiku ta' l-oġġett."

98      Barra minn hekk, din l-istess informazzjoni ġiet riprodotta, sostanzjalment, fil-punt 2 ta' l-ittra tar-Renju tal-Belġju tas-26 ta' Lulju 2001 mibgħuta lill-Kummissjoni.

99      F'kull każ, l-argument ibbażat fuq id-Digriet Irjali ta' l-1985 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala element li ma jistax jitressaq għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, peress li l-kwistjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-imsemmi digriet.

100    It-tielet nett, fir-rigward ta' l-inammissibbiltà ta' l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata hija fil-qosor u żbaljata fir-rigward ta' l-analiżi taż-żewġ kundizzjonijiet relattivi għad-dannu għall-kompetizzjoni u għall-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tinvoka l-ebda element ta' informazzjoni li ma kienx għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, imma tillimita ruħha li tikkritika l-analiżi kontenuta fil-punti 70 sa 72 tad-deċiżjoni kkontestata li hija bbażata fuq il-pożizzjoni tal-grupp Beaulieu fis-suq tat-tessili meta hija kienet kkonċernata bħala azzjonista tal-kumpanniji tal-grupp Verlipack u mhux bħala produttriċi tat-tessili.

101    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-ilment ta' inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni kontra l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

102    F'dak li jikkonċerna t-tieni motiv li bih ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità billi ordnat l-irkupru ta' l-għajnuna meta x-xiri allegatament forzat ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma tal-profitti in kwistjoni ma kienu pprokurawlha l-ebda benefiċċju, dan huwa bbażat fuq l-istess elementi ta' informazzjoni bħal dawk invokati fil-kuntest ta' l-ewwel motiv u li l-Kummissjoni kienet taf bihom fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-ilment ta' inammissibbiltà mqajjem kontra dan il-motiv għalhekk għandu wkoll jiġi miċħud.

103    Fir-rigward tat-tielet motiv li bih ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali, dan iqiegħed in kwistjoni l-metodu ta' kalkolu tal-valur ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I, il-mument tal-kalkolu tal-valur tagħhom kif ukoll id-determinazzjoni tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna billi huwa bbażat fuq il-fatt li l-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 ikkostitwixxa biss forma ta' kumpens għax-xiri forzat ta' l-imsemmija azzjonijiet u ishma mill-profitti fl-1996. Ir-rikorrenti tagħmel dan billi tibbaża ruħha mill-ġdid fuq elementi ta' informazzjoni li kienu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-ilment ta' inammissibbiltà mqajjem kontra dan il-motiv għalhekk ma jistax jiġi milqugħ.

104    Fir-rigward tad-dokumenti li r-rikorrenti invokat in sostenn tat-talba tagħha u li huma msemmija fil-punt 76 ta' din is-sentenza, li wħud minnhom, skondha, sempliċement jiċċaraw ċerti aspetti aċċessorji ta' din il-kawża, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li dawn iridu jiġu esklużi, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 82 sa 84 iktar 'il fuq. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-proċess u mill-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza f'dan ir-rigward waqt il-proċedura orali, l-ebda motiv jew argument invokat mir-rikorrenti m'huwa bbażat fuq dawn id-dokumenti li l-Kummissjoni tafferma li ma kinux fil-pussess tagħha fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, la fl-inkartament li wassal għad-deċiżjoni kkontestata u lanqas f'xi inkartament anness.

105    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-Anness 18 tar-rikors li jgħid li s-Sowagep kienet wegħdet, f'Diċembru 1997, kontribuzzjoni ġdida ta' kapital ta' 100 miljun BEF lil Verlipack, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti stess tallega li dan m'għandu l-ebda inċidenza fuq din il-kawża.

106    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta, minn naħa, li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dokumenti msemmija f'punt 76 ta' din is-sentenza, li għalhekk huma esklużi, u, min-naħa l-oħra, li l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

107    In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi bbażati rispettivament fuq il-ksur, fl-ewwel każ, ta' l-Artikolu 87(1) KE u ta' l-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 659/1999, fit-tieni każ, tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, fit-tielet każ, tal-prinċipju ta' trattament ugwali u fir-raba' każ, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 87(1) KE u tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 7 u 13, meħudin flimkien, tar-Regolament Nru 659/1999

108    Ir-rikorrenti taqsam l-ewwel motiv invokat fi tliet partijiet relattivi, l-ewwel nett, għall-eżistenza ta' għajnuna li tiffavorixxi ċerti impriżi, it-tieni nett, għall-fatt li, jekk ingħata vantaġġ, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-impriża ffavorita fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE u, fl-aħħar nett, għad-dannu għall-kompetizzjoni u għall-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju.

 Fuq l-ewwel parti, dwar l-eżistenza ta' għajnuna li tiffavorixxi ċerti impriżi

–       L-argumenti tal-partijiet

109    Ir-rikorrenti tikkunsidra, fl-ewwel lok, li r-raġunament li hemm fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li r-rikorrenti kellha dejn ċert u eżiġibbli ta' l-ammont ta' 113 712 000 BEF li hija rrimborsat bit-trasferiment ta' 9 704 azzjoni li hija kellha fil-kumpannija Verlipack Holding II, li l-valur tagħhom kien inferjuri jekk mhux saħansitra null, huwa sempliċistiku. Fil-fatt, tali raġunament huwa kompletament ibbażat fuq teħid in kunsiderazzjoni in abstracto tal-kreditu ta' 113 712 000 BEF u xejn ma jieħu in kunsiderazzjoni l-fatti jew r-realtà ekonomika. Id-deċiżjoni kkontestata tittratta l-imsemmi dejn daqs li kieku kien obbligu ta' rimbors ta' fondi li effettivament tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti mill-awtoritajiet pubbliċi, li mhuwiex il-każ.

110    Fil-fatt, ir-rikorrenti tindika li, bil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, hija ġiet kostretta tixtri azzjonijiet mingħand ir-Reġjun tal-Vallonja u żammithom biss għal żmien qasir ferm, jiġifieri mit-18 ta' Diċembru 1996 sal-11 ta' April 1997, data li fiha Heye ħa l-kontroll ta' Verlipack Holding II. Mill-bidu kien ċar li d-destinatarja vera kienet il-kumpannija Verlipack Holding I, li l-kontroll tagħha kellu jgħaddi għand Heye. Dawn l-azzjonijiet għalhekk ma kellhom ebda valur ekonomiku għar-rikorrenti. Barra minn hekk, mhumiex biss kunsiderazzjonijiet ta' natura ekonomika li kien imisshom ġiegħlu lill-Kummissjoni tinduna li l-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 ma kienx tranżazzjoni konkluża volontarjament mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni kienet informata kompletament u bil-miktub matul il-proċedura formali ta' eżami bil-fatt li dan il-ftehim kien ġie impost fuq ir-rikorrenti. Fil-fatt, jirriżulta min-nota tal-25 ta' Mejju 1998 mibgħuta lill-Kummissjoni mir-Reġjun tal-Vallonja li dan ta' l-aħħar kien tilef kull fiduċja fir-rikorrenti u xtaq jagħmel parti mill-grupp ikkontrollat minn Heye. Ir-Reġjun tal-Vallonja għalhekk talab lill-grupp Beaulieu li jerġa' jixtri mingħandu l-ishma kollha tiegħu qabel ma jkun jista' jdaħħal soċju ġdid fit-tiżmim ta' azzjonijiet tal-grupp Verlipack. B'mod parallel, Heye ma xtaqx jassoċja ruħu fi grupp li fih kellhom sehem l-awtoritajiet pubbliċi.

111    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li x-xiri forzat ta' l-azzjonijiet ta' Verlipack Jumet u ta' Verlipack Ghlin ma jistax jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE.

112    Fir-rigward, l-ewwel nett, ta' l-istima oġġettiva ta' l-azzjonijiet kkonċernati, ma jistax jiġi kkontestat li l-valur veru ta' l-azzjonijiet żġur ma kienx ta' 113 712 000 BEF. Barra minn hekk, ir-Reġjun tal-Vallonja rrikonoxxa, fl-ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fil-11 ta' Jannar 2001, irreġistrata fil-15 ta' Jannar 2001, il-prezz disproporzjonat u mingħajr ebda rabta mal-valur ekonomiku ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti, ibbażat fuq id-Digriet Irjali ta' l-1985 meta, li kieku persuna professjonali wettqet stima, hija kienet tikkonkludi li l-azzjonijiet mixtrija ma kellhom ebda valur. Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-ittra tar-Renju tal-Belġju tas-26 ta' Lulju 2001 mibgħuta lill-Kummissjoni, li tgħid li s-sitwazzjoni finanzjarja tat-tliet kumpanniji Verlipack kienet preokkupanti u l-prezz tal-bejgħ ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti, iffissat abbażi tad-Digriet Irjali ta' l-1985, ma kienx jikkorrispondi aktar għall-valur reali tagħhom. L-ebda operatur normali ma kien ikun irid jagħmel tali xiri b'dawn il-kundizzjonijiet, b'mod li dan ix-xiri ma jistax ikun ikkwalifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi in kwistjoni, bħala akkwist volontarju. Barra minn hekk, fid-data tax-xiri, Heye ma assuma l-ebda obbligu fir-rigward ta' l-eventwali dħul tiegħu fil-kapital tal-grupp Verlipack, liema obbligu ttieħed biss permezz tal-ftehim tas-26 ta' Diċembru 1996 bejn, minn naħa, Imcopack Vlaanderen u Imcopack Wallonie u, min-naħa l-oħra, Heye.

113    Ix-xiri ta' l-azzjonijiet kellu wkoll bħala konsegwenza li r-Reġjun tal-Vallonja rtira kompletament minn Verlipack Jumet u minn Verlipack Ghlin, ħaġa li kkostitwiet żvantaġġ addizzjonali sinjifikattiv.

114    Il-fatt li dak iż-żmien l-azzjonijiet diġà ma kellhom ebda valur reali, jekk mhux saħansitra valur negattiv, huwa kkonfermat, minn naħa, bid-Deċiżjoni 2001/856, li l-punt 104 tagħha jsemmi li "[i]r-riżultati miksuba mill-impjanti ta' Ghlin u ta' Jumet kienu juru telf mill-operat sinjifikattiv kif ukoll fatturat għas-sena 1996 li kien inqas ferm minn dak tas-snin preċedenti", u li l-punt 107 tagħha jispeċifika li "il-Kummissjoni tinnota li s-sitwazzjoni finanzjarja ta' Verlipack, qabel id-dħul ta' Heye, ma setgħetx turi vijabbiltà" u li l-punt 115 tagħha jikkonkludi li "r-riżultati ta' l-operat [ta' Verlipack] qabel id-dħul ta' Heye juru mingħajr ebda dubju d-diffikultajiet ta' dan il-grupp". Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni stess kienet taf bis-sitwazzjoni diżastruża li fiha kienet tinsab Verlipack fl-aħħar tas-sena 1996. Fil-punti 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat, rispettivament, li "[i]ż-żewġ kumpanniji li jinsabu fil-Vallonja rreġistraw telf dak iż-żmien", jiġifieri fl-1995 u fl-1996, u li "[i]l-grupp Verlipack ma kienx f'pożizzjoni li jonora l-iskadenzi ta' rimbors tas-self bankarju ta' l-aħħar ta' l-1996". Ir-raġunament li tiżviluppa l-Kummissjoni sabiex tiċħad kull valur lid-9 704 azzjoni ta' Verlipack Holding II għandu japplika wkoll għall-azzjonijiet in kwistjoni.

115    Dan in-nuqqas ta' vijabbiltà tal-grupp Verlipack fl-1996 qabel miegħu wkoll l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu qabel is-sentenza tat-3 ta' Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar 'il fuq (Ġabra p. I‑6934).

116    Jekk il-Kummissjoni żżomm il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-valur ta' l-azzjonijiet ta' l-1996, ir-rikorrenti tinsisti li hija tipproduċi rapport ta' evalwazzjoni li jista' jsostni l-pożizzjoni tagħha u li hija tindika safejn ittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Verlipack u l-fatt li l-azzjonijiet ma kellhom l-ebda dritt tal-vot u li, wara l-konverżjoni tagħhom f'azzjonijiet li għandhom id-dritt tal-vot, huma kienu jippreżentaw perċentwali minima tal-kapital ta' Verlipack.

117    Barra minn hekk, żewġ argumenti jsostnu din l-analiżi li skondha l-ammont ta' 113 712 000 BEF ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-livell tal-vantaġġ mogħti: fl-ewwel lok, fid-dritt ċivili, dan il-kreditu spiċċa. Bil-fatt li ġie eżegwit il-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, l-effetti ta' dan il-kreditu spiċċaw skond id-dritt ta' l-obbligazzjonijiet; fit-tieni lok, l-ammont ta' 113 712 000 BEF ġie impost fuq ir-rikorrenti mir-Reġjun tal-Vallonja, skond id-Digriet Irjali ta' l-1985.

118    F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li, sabiex tiġġustifika l-prezz ekonomikament abużiv previst fil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, ir-Reġjun tal-Vallonja invoka obbligu ġuridiku f'dan il-qasam, b'mod li l-prezz impost mil-liġi jew mill-kuntratt ġie ppreżentat bħala wieħed mhux negozjabbli u impost.

119    Ir-rikorrenti tixtieq tippreċiża, l-ewwel nett, li d-Digriet Irjali ta' l-1985, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu, bl-ebda mod ma jistabbilixxi obbligu ta' xiri lura, imma jirrigwarda dritt ta' xiri lura, it-tieni nett, li huwa jipprovdi li l-ftehim ta' sottoskrizzjoni għandu jistabbilixxi dritt ta' xiri lura u jirregola l-modalitajiet ta' dan il-ftehim, li, f'dan il-każ, jinsabu fl-Artikolu 11 u fl-Anness 1 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, u, fl-aħħar nett, li huwa jagħti lill-impriża li fiha jinvesti l-Istat id-dritt li tixtri lura t-titoli lil dan ta' l-aħħar billi jiffissa prezz li ma jistax ikun inqas minn 80% tal-prezz tal-ħruġ tagħhom. Din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-Istat jista' jagħti, barra mill-ftehim ta' sottoskrizzjoni, għażla ta' xiri billi jiffissa prezz inqas minn 80% tal-prezz tal-ħruġ. Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax is-sitwazzjonijiet li fihom ikun l-Istat stess li jitlob li joħroġ mill-kapital jew iqiegħed impriża privata taħt pressjoni sabiex tieħu mill-ġdid is-sehem tagħha. Kull interpretazzjoni oħra tkun tfisser li l-Istat ikun maqbud bħala azzjonist u ma jkun jista' qatt ibigħ is-sehem tiegħu. L-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali għalhekk bl-ebda mod ma jipprekludi l-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 u l-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, li, ovvjament, mhumiex ibbażati fuq id-dritt ta' xiri lura li jinsab fil-ftehim tat-30 ta' April 1985.

120    Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li meta r-rikorrenti kkonkludiet il-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, hija kisret l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali ta' l-1985 huwa żbaljat, għaliex ir-Reġjun tal-Vallonja ma kienx legalment obbligat jiffissa l-prezz tat-trasferiment ta' l-azzjonijiet f'ammont ta' 80 % tal-valur nominali tagħhom.

121    Lanqas l-argument li l-prezz ta' 113 712 000 BEF għal azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I ġie impost mill-ftehim tat-30 ta' April 1985 ma jista' jiġi milqugħ.

122    Fil-fatt, l-ebda dispożizzjoni tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, b'mod partikolari l-Artikoli 10 u 11, m'hija applikabbli għal din il-kawża. L-Artikolu 10 ta' dan il-ftehim fil-fatt jistabbilixxi kundizzjoni li hija impossibbli li tiġi rrealizzata fil-kuntest tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, għaliex l-obbligu ta' xiri lura previst minn din id-dispożizjoni kien japplika biss "safejn jippermettu l-profitti magħmula u r-riżervi disponibbli tal-kumpanniji". Barra minn hekk, ir-rikorrenti, li m'għandhiex tiġi ekwiparata mas-Sur De Clerck, ma tafx b'xi dokument li minnu jirriżulta li hija kienet assumiet dan l-obbligu speċifiku u dan l-Artikolu 10 mhuwiex dispożizzjoni imposta bid-Digriet Irjali ta' l-1985. Fir-rigward ta' l-Artikolu 11 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, filwaqt li huwa jirrispetta d-Digriet Irjali ta' l-1985, huwa rrilevanti f'din il-kawża. Fil-fatt, kemm dan l-Artikolu kif ukoll il-ftehim li jistabbilixxi għażla, anness ma' l-Anness 1 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, jirrikonoxxu biss dritt ta' għażla għall-kumpanniji Verlipack u mhux obbligu ta' xiri lura, filwaqt li għandu jiġi mfakkar li dan id-dritt huwa mogħti lil dawn ta' l-aħħar u mhux lir-rikorrenti.

123    Fl-aħħar nett, erba' xhur wara l-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, ir-Reġjun tal-Vallonja nnegozja ma' Heye obbligu ta' xiri anologu li fil-kuntest tiegħu huwa rrinuzja għall-prezz eżoberanti bbażat fuq obbligu ġenerali, billi, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-ftehim ta' għażla, saret referenza għall-valur nett ta' l-assi u għalhekk għall-valur reali ta' l-azzjonijiet in kwistjoni bħala kriterju għad-determinazzjoni tal-prezz u mhux għall-prezz tal-ħruġ.

124    Il-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 huwa kkunsidrat mill-Kummissjoni, b'mod żbaljat, bħala ftehim totalment awtonomu, ħaġa li hija illoġika fid-dawl tat-termini tiegħu (it-titolu tiegħu, il-premessi tiegħu u d-dispożizzjonijiet tiegħu juru n-nuqqas ta' awtonomija ta' l-imsemmi ftehim addizzjonali, li, għall-kuntrarju, jagħmel parti mill-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996), għalhekk kulma tagħmel huwa li tadatta l-prezz tat-tranżazzjoni billi taġġusta s-sistema tal-ħlas għal dik li kienet diġà giet konċessa lil Heye, billi r-rikorrenti ngħatatilha l-fakultà li tħallas lir-Reġjun tal-Vallonja għall-azzjonijiet akkwistati b'mod obbligatorju permezz ta' trasferiment ta' numru ta' azzjonijiet ta' valur ekonomiku reali ekwivalenti.

125    It-tieni nett, f'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni konkreta ta' l-aspett "vantaġġ", ir-rikorrenti tirrileva, fl-ewwel lok, li l-azzjonijiet meħuda lura ma tawha l-ebda kontroll addizzjonali, peress li dawn ma kellhomx id-dritt tal-vot sakemm kienu miżmuma mir-Reġjun tal-Vallonja (u għalhekk fi kwalunkwe każ ma setgħux jintużaw minnu sabiex jindaħal fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-kumpanniji Verlipack), fit-tieni lok, li hija ma akkwistat l-ebda dividend jew vantaġġ finanzjarju ieħor miż-żamma ta' l-azzjonijiet ikkonċernati u, fl-aħħar lok, li hija ma setgħetx tikkonverti l-azzjonijiet kkonċernati fi flus, billi, fil-kuntest tad-dħul ta' Heye, hija kellha tikkontribwixxi l-azzjonijiet ikkonċernati flimkien mas-sehem tagħha ta' kontroll f'Verlipack Holding I.

126    Il-Kummissjoni għalhekk kellha teżamina l-kuntest fattwali b'mod sħiħ, ma tanalizzax il-fatti b'mod iżolat u titlaq mir-realtà ekonomika mingħajr ma tillimita l-analiżi tagħha għall-aspetti ġuridiċi formali, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur ta' azzjonijiet fis-sentenza ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni (C‑329/93, C‑62/95 u C‑63/95, Ġabra p. I‑5151, punt 36). Skond ir-rikorrenti, l-approċċ tal-Kummissjoni huwa restrittiv, peress li huwa llimitat, b'esklużjoni ta' kull fattur ieħor, għall-valur nominali ta' l-azzjonijiet li r-rikorrenti kienet sfurzata takkwista.

127    Ir-rikorrenti turi n-natura żbaljat ta' l-analiżi tal-Kummissjoni billi tesponi li, kieku, minflok ma r-Reġjun tal-Vallonja biegħlha azzjonijiet u minflok ma pprovda li r-rimbors iseħħ ulterjorment jew bi ħlas f'kontanti, jew b'datio in solutum, dan ir-Reġjun mill-bidu taha l-azzjonijiet gratwitament mingħajr ebda ħlas jew korrispettiv, kien jittieħed biss in kunsiderazzjoni, sabiex jiġi kkunsidrat jekk kienx hemm vantaġġ u kemm kien sinjifikattiv, il-valur ta' l-azzjonijiet irċevuti gratwitament. Huwa għalhekk li r-rikorrenti tqis li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' din il-kawża, jiġifieri x-xiri forzat u l-prezz iffissat artifiċjalment, u li, billi s-sitwazzjoni prevalenti f'dan il-każ u dik esposta iktar 'il fuq huma simili ħafna, huma jridu jkunu s-suġġett ta' l-istess analiżi fid-dawl tad-dritt ta' l-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, ir-rikorrenti żżomm ċerti azzjonijiet u l-fatt li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'mod gratwitu jseħħ direttament jew permezz ta' rinunzja għall-obbligu ta' ħlas għandu jkun immaterjali. Il-Kummissjoni għalhekk kien imissha, minflok ma tibbaża ruħha fuq kreditu in abstracto, twessa' l-analiżi tagħha għall-valur reali ta' l-assi li ġew trasferiti lir-rikorrenti. Din l-analiżi biss tippermetti li jiġi kkunsidrat jekk, fir-realtà ekonomika, hemmx vantaġġ.

128    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

129    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija kienet kostretta mir-Reġjun tal-Vallonja li takkwista, bil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, 14 214 azzjoni tal-kategorija B u ishma mill-profitti tal-kategorija I għall-ammont ta' 113 712 000 BEF, argument li huwa bbażat fuq in-nota tal-25 ta' Mejju 1998 li fiha l-awtoritajiet Belġjani indikaw lill-Kummissjoni li "billi r-Reġjun tal-Vallonja tilef il-fiduċja fil-grupp Beaulieu, huwa impona bħala kundizzjoni għall-approvazzjoni ta' l-operazzjoni tal-kostituzzjoni taż-żewġ kumpanniji holding ix-xiri ta' l-azzjonijiet tiegħu fl-impjanti ta' tħaddim ta' Verlipack Ghlin u ta' Verlipack Jumet".

130    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li x-xiri ta' azzjonijiet li kien is-suġġett tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 ma ġiex ikkwalifikat mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata.

131    B'dan ikkonstatat, għandu jiġi rilevat, li, skond l-Artikolu 3 tal-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987, "[m]ill-1 ta' Ottubru 1987, is-sottofirmati Imcour NV u s-Sur R. De Clerck jobbligaw ruħhom irrevokabbilment li jieħdu fuqhom u jeżegwixxu d-drittijiet u l-obbligi kollha, kif definiti fil-ftehim tat-30 ta' April 1985 u fl-Anness tiegħu, li sa dik id-data kienu d-drittijiet u l-obbligi ta' Adsum NV u tas-Sur De Backer".

132    Fost dawn l-obbligi kien hemm dak imsemmi fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 10 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985 li kien jipprovdi li Adsum tobbliga ruħha sabiex, mill-ħames sena wara l-firma ta' l-imsemmi ftehim, it-tliet kumpanniji Verlipack kull sena jixtru 10 % ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B (xiri bil-valur nominali tagħhom) u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I (xiri bi prezz ta' 10 000 BEF kull wieħed) miżmuma mill-SNRSN, safejn jippermettu l-profitti magħmula u r-riżervi disponibbli ta' l-imsemmija kumpanniji. Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 10 ta' l-imsemmi ftehim, fin-nuqqas ta' tali ftehim, Adsum f'kull każ jeżegwixxi l-obbligi previsti fl-imsemmi Artikolu.

133    Barra minn hekk, il-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987 kien jispeċifika li kienet seħħet bidla fil-livell tal-kontroll tad-direzzjoni tal-kumpanniji Verlipack u li l-Ministri ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u tal-Finanzi kienu taw il-kunsens tagħhom fis-17 ta' Novembru 1987, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 14 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985.

134    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 16 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985 kien jipprovdi li l-istatuti tal-kumpanniji jiġu emendati sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-klawżoli li jinsabu f'dan l-istess ftehim.

135    Jirriżulta minn dawn l-elementi li kien b'għarfien sħiħ tal-fatti li r-rikorrenti aċċettat li tieħu fuqha mhux biss id-drittijiet, imma wkoll l-obbligi definiti fil-ftehim tat-30 ta' April 1985 li kienu d-drittijiet u l-obbligi ta' Adsum u tas-Sur De Backer fil-konfront ta' Verlipack u ta' l-Istat Belġjan u li kellhom, skond l-Artikolu 16 ta' dan il-ftehim, jifformaw parti integrali mill-istatuti tal-kumpanniji Verlipack. B'mod partikolari, Imcour Holding, li ssuċċedietha r-rikorrenti, obbligat ruħha rrevokabilment, skond l-Artikolu 3 tal-ftehim sussegwenti tat-18 ta' Novembru 1987, li tirrispetta l-obbligi kif ukoll il-kundizzjonijiet ta' xiri ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I miżmuma mis-SNRSN fil-kapital ta' Verlipack.

136    Ir-rikorrenti għalhekk ma tistax teskludi l-applikabbiltà ta' tali obbligu ta' xiri billi tinvoka l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta' profitti magħmula u r-riżervi disponibbli tal-kumpanniji Verlipack imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 10 tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, billi, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 10 ta' dan il-ftehim, ir-rikorrenti kellha, f'kull każ, tipproċedi hija stess, fin-nuqqas ta' akkwist mill-kumpanniji Verlipack, għax-xiri ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I miżmuma mis-SNRSN.

137    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, permezz tax-xiri antiċipat ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I li kien is-suġġett tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, ir-rikorrenti bbenefikat minn diversi vantaġġi.

138    L-ewwel nett, ir-rikorrenti akkwistat immedjatament il-proprjetà tat-totalità ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I li kienu għadhom miżmuma mill-awtoritajiet tal-Vallonja, li hija kellha f'kull każ tixtri f'porzjonijiet annwali skond il-ftehim addizjonali tat-18 ta' Novembru 1987, ħaġa li b'hekk ppermettitilha twettaq ir-ristrutturazzjoni ta' Verlipack billi tassoċja magħha lil Heye u tissimplifika l-istruttura tal-grupp billi titrasferixxi l-azzjonijiet kollha lil Verlipack Holding I.

139    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-proċess (ara, b'mod partikolari, il-punti 11 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-punt 23 tar-rikors u l-paragrafi 6 u 7 ta' l-ittra tar-Renju tal-Belġju tas-26 ta' Lulju 2002 mibgħuta lill-Kummissjoni), fl-1996, is-sitwazzjoni tal-kumpanniji tal-grupp Verlipack tant kienet inkwetanti li d-dħul ta' speċjalista fil-qasam tal-ħġieġ kien jidher indispensabbli sabiex jippermetti l-irpiljar ekonomiku tal-grupp. Barra minn hekk, dan l-ispeċjalista, f'dan il-każ Heye, ma xtaqx jidħol fil-kapital ta' grupp li fih kellhom sehem l-awtoritajiet pubbliċi, li, f'għajnejn Hey, "seta' jippreżenta riskju ta' qlib tal-maġġoranza f'każ ta' allejanza bejn ir-Reġjun tal-Vallonja u l-grupp Beaulieu".

140    Din il-konstatazzjoni li tidher fin-nota tal-25 ta' Mejju 1998 ma ġietx, barra minn hekk, ikkontestata mir-rikorrenti li tafferma, fil-punt 22 tar-rikors tagħha, li "[i]l-grupp Beaulieu għandu n-netta sensazzjoni li l-azzjonist pubbliku m'għadux aktar lest li jsostni attivament lit-tliet kumpanniji Verlipack u li, mingħajr miżuri radikali, dawn mexjin dritt għall-falliment. Għalhekk Beaulieu timpenja ruħha sabiex tmexxi operazzjoni ta' salvataġġ u tfittex għal dan il-għan soċji strateġiċi li għandhom esperjenza rikonoxxuta fis-suq tal-ħġieġ. Huwa f'dan il-kuntest li jidħlu n-nogozjati ma' […] Heye […], wieħed mill-fabbrikanti ewlenin tal-ħġieġ fil-Ġermanja".

141    Barra minn hekk, jirriżulta mill-ittra tar-Renju tal-Belġju tas-26 ta' Lulju 2001 mibgħuta lill-Kummissjoni li "Beaulieu u Heye kif ukoll ir-Reġjun tal-Vallonja daħlu f'negozjati sabiex jorganizzaw it-trasferiment tal-grupp Verlipack lil Heye u jwaqqfu struttura finanzjarja ġdida li daħlet fis-seħħ f'April 1997" u li "[k]ien wara ftehim bejn Beaulieu u Heye li ġie miftiehem li l-azzjonijiet u l-ishma mill-profitti miżmuma mir-Reġjun tal-Vallonja f'Verlipack Ghlin u f'Verlipack Jumet kellhom jinxtraw minn Beaulieu qabel kull intervent ġdid tar-Reġjun tal-Vallonja".

142    Barra minn hekk, ir-Reġjun tal-vallonja pparteċipa b'mod attiv fir-ristrutturazzjoni tal-grupp Verlipack intiża biex twaqqaf it-telf li kien qiegħed jheddu. Kif jirriżulta minn punti 18 sa 22 tad-Deċiżjoni 2001/856, huwa ta lil Heye, fl-1997, żewġ somom b'self li jammontaw għal 250 miljun BEF kull waħda, li ffinanzjaw il-kontribuzzjoni ta' kapital ta' Heye lil Verlipack għall-finijiet ta' din ir-ristrutturazzjoni (ara wkoll, f'dan ir-rigward, is-sentenza tat-3 ta' Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar 'il fuq, punti 22 sa 24).

143    It-tieni nett, huwa f'dan il-kuntest tan-negozjati u tal-ftehim li sar bejn Beaulieu u Heye msemmija aktar 'il fuq li hemm lok, barra minn hekk, li jiġu rrilevati wkoll il-vantaġġi miksuba mir-rikorrenti f'dak li jikkonċerna l-prezz ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I li hija akkwistat kif ukoll il-modalitajiet tagħhom ta' ħlas.

144    Għalhekk, fl-ewwel lok, filwaqt li, skond il-ftehim tat-30 ta' April 1985, li hija aderiet għalih permezz tal-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987, ir-rikorrenti kellha tħallas il-prezz miftiehem ftit ftit skond id-data ta' l-iskadenzi, ir-rikorrenti, bil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, ibbenefikat mill-possibbiltà li ttawwal it-terminu għall-ħlas tal-prezz ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni sal-31 ta' Diċembru 2001, u dan mingħajr interessi, minkejja l-fatt li kienet akkwistat immedjatament it-totalità ta' dawn l-azzjonijiet u ishma mill-profitti u b'hekk setgħet tiffaċilita r-ristritturazzjoni ta' Verlipack.

145    Fit-tieni lok, kuntrarjament għall-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-prezz ma kienx negozjabbli u li għalhekk hija kellha tħallas is-somma ta' 142 140 000 BEF, li tikkorrispondi għal 100% tal-valur nominali ta' l-azzjonijiet u ishma mill-profitti in kwistjoni, ir-rikorrenti bbenefikat minn tnaqqis li jammonta għal 28 428 000 BEF, billi l-prezz imħallas kien jikkorrispondi għal 80 % tal-prezz tal-ħruġ skond l-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali ta' 1985, minkejja l-kisba ta' dritt ta' proprjetà immedjat u ta' dritt li tħallas is-somma ta' 113 712 000 BEF biss fil-31 ta' Diċembru 2001, u dan mingħajr interessi.

146    Fl-aħħar nett, din l-analiżi toħroġ ukoll mill-ittra tar-Renju tal-Belġju tas-26 ta' Lulju 2001 mibgħuta lill-Kummissjoni, li tgħid li "il-grupp Beaulieu aċċetta x-xiri ta' dawn l-azzjonijiet u ta' dawn l-ishma mill-profitti bi bdil għal kundizzjonijiet ta' ħlas favorevoli, jiġifieri terminu ta' erba' snin għar-rimbors mingħajr interessi sabiex tkun tista' tiġi ffaċilitata r-ristrutturazzjoni prevista taħt id-direzzjoni ta' Heye f'kollaborazzjoni mar-Reġjun tal-Vallonja".

147    Fil-fatt, l-aħħar paragrafu meħud min-nota tal-25 ta' Mejju 1998 invokat mir-rikorrenti in sostenn ta' l-argument tagħha bbażat fuq in-nuqqas minn kull marġni ta' negozju fix-xiri ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni permezz tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 għandu jinqara fid-dawl tal-kuntest kollu ta' l-imsemmi xiri espost hawn fuq, b'mod partikolari fid-dawl ta' l-eżistenza rikonoxxuta ta' negozjati bejn Heye u r-rikorrenti li wasslu għall-ftehim u għall-aċċettazzjoni minn din ta' l-aħħar tax-xiri in kwistjoni flimkien mal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, u għalhekk m'għandux jiftiehem bħala li juri l-eżerċizzju ta' kostrinġiment mir-Reġjun tal-Vallonja fil-konfront tar-rikorrenti.

148    Barra minn hekk, il-paragrafi sussegwenti ta' l-imsemmija nota tal-25 ta' Mejju 1998 jikkonfermaw din l-analiżi billi fihom issir referenza għall-bżonn, sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' Verlipack, li jiġi ttrasferit il-kontroll tal-grupp lil Heye sabiex ikun jista' jiġi ggarantit li l-investitur il-ġdid ikollu l-maġġoranza f'din il-kumpannija holding, li kienet pjuttost il-volontà espressa mir-rikorrenti li tassoċċja lil Heye fl-operazzjoni ta' rpiljar ekonomiku tal-grupp Verlipack.

149    Għalhekk minn dan isegwi li, fid-dawl ta' l-obbligu ta' xiri ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I assunt mir-rikorrenti fil-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987 kif ukoll fid-dawl tal-ftehim li sar bejn il-grupp Beaulieu u Heye li ppreċeda l-imsemmi xiri u tal-vantaġġi li rriżultaw minnu, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li hija kienet ġiet kostretta mill-awtoritajiet tal-Vallonja li tipproċedi b'dan il-mod għandu jiġi miċħud.

150    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-prezz ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni, li ma kellhom l-ebda valur, jekk mhux saħansitra valur negattiv, kien ingħata stima għolja żżejjed fil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 u li l-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 kellu bħala għan li jadatta prezz hemm iffissat sabiex jiġi jaqbel ma' dak imħallas erba' xhur wara minn Verlipack Holding I jew, skond ir-rikorrenti, minn Heye fil-ftehim tad-9 ta' April 1997 fil-kuntest ta' obbligu ta' xiri analogu għal azzjonijiet li l-prezz tagħhom ġie ffissat skond il-valur reali tagħhom u mhux skond il-valur nominali tagħhom.

151    L-ewwel nett, fir-rigward ta' l-istima għolja żżejjed tal-prezz iffissat fil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti, minn naħa, aċċettat, billi aderiet, permezz tal-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987, għall-ftehim tat-30 ta' April 1985, li tixtri l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I ta' Verlipack miżmuma mis-SNRSN skond l-iskeda u l-prezz stabbilit fih u, min-naħa l-oħra, kienet taf bil-fatt li, skond id-Digriet Irjali ta' l-1985, diġà msemmi speċifikament fl-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 4(f) tal-ftehim tat-30 ta' April 1985, il-prezz ta' l-azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot ma setax ikun inqas minn 80 % tal-prezz tal-ħruġ tagħom.

152    Barra minn hekk, jirriżulta mit-termini ta' l-ittra tal-11 ta' Jannar 2001, irreġistrata fil-15 ta' Jannar 2001, u li huma riprodotti fil-punt 97 ta' din is-sentenza, li l-awtoritajiet tal-Vallonja kitbu lill-Kummissjoni li l-prezz ta' 113 712 000 BEF kien jirrapreżenta, skond id-Digriet Irjali ta' l-1985, 80% tal-valur ta' dawn l-azzjonijiet u ishma mill-profitti in kwistjoni abbażi tal-prezz tal-ħruġ tagħhom.

153    Jirriżulta wkoll mill-ittra tar-Renju tal-Belġju tas-26 ta' Lulju 2001 mibgħuta lill-Kummissjoni li, b'risposta għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni li "l-obbligu li jiġi ffissat prezz ekwivalenti għal 80% tal-prezz tal-ħruġ huwa obbligu ffissat mil-liġi li huwa impost, mingħajr distinzjoni, fuq dawk kollha li jixtiequ jixtru dan it-tip ta' azzjonijiet privileġġati", l-awtoritajiet Belġjani indikaw li huma diġà ħadu in kunsiderazzjoni l-fatt li d-Digriet Irjali ta' l-1985 ma kienx jimponi l-kundizzjonijiet li taħthom kellu jsir il-ħlas u li l-kundizzjonijiet speċifiċi miftiehma kienu ġġustifikati mill-ispiża addizzjonali li tirriżulta għall-grupp Beaulieu mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana.

154    Għalhekk, minkejja li, kif jirriżulta mill-punti 77 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw il-fatt li l-azzjonijiet u l-ishma mill-profitti in kwistjoni kienu tħallsu bi prezz li ma kienx jikkorrispondi, skondhom, għar-realtà ekonomika, huma madankollu ġġustifikaw dan il-prezz fid-dawl tad-Digriet Irjali ta' l-1985 applikabbli għal kull operazzjoni ta' akkwist tat-tip bħal dik in kwistjoni f'din il-kawża u enfasizzaw, fl-ittri tal-11 ta' Jannar u tas-26 ta' Lulju 2001 imsemmija fil-punti 152 u 153 ta' din is-sentenza, li kienu rrimedjaw għal din l-ispiża addizzjonali billi taw kundizzjonijiet ta' rimbors vantaġġjużi, jiġifieri l-ħlas mir-rikorrenti erba' snin wara t-trasferiment tal-proprjetà, mingħajr interessi, kif ukoll l-aċċettazzjoni ta' dan il-prezz mill-grupp Beaulieu.

155    Barra minn hekk, jidher mill-punti 10 u 13 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami li l-ammont ta' l-assi kien superjuri għal dak tad-djun, billi l-assi, li kienu jikkonsistu fit-tliet impjanti ta' tħaddim (Ghlin, Jumet u Mol), kienu ġew stmati fis-somma ta' 515 miljun BEF u d-djun iktar minn 362.8 miljun BEF.

156    Għandu jiġi kkonstatat, fl-aħħar nett, li ma jirriżultax mill-proċess li r-rikorrenti kkontestat, fil-kuntest ta' kwalunkwe proċedura ġudizzjarja nazzjonali, l-obbligu tagħha li tħallas l-ammont tal-prezz ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni msemmi fil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 li hija, barra minn hekk, kienet aċċettat jew l-applikabbiltà tad-Digriet Irjali ta' l-1985.

157    It-tieni nett, fir-rigward ta' l-għan tal-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan jipprovdi bħala kawżi ta' estinzjoni tad-dejn jew il-ħlas ta' trasferiment tas-somma ta' 113 712 000 BEF, jew it-trasferiment ta' 9 704 azzjoni tal-kapital tal-kumpannija Verlipack Holding II.

158    Għalhekk, billi jistabbilixxi li l-kreditu seta' jiġi estint mhux biss bit-trasferiment tas-somma ta' 113 712 000 BEF, imma wkoll bit-trasferiment ta' 9 704 azzjoni ta' l-ebda valur, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 ma setax kien maħsub sabiex jadatta l-prezz miftiehem fil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 għal dak iffissat fil-ftehim tad-9 ta' April 1997, peress li, skond it-termini tiegħu stess, huwa llimita ruħu li jżid il-possibbiltà ta' estinzjoni tad-dejn bit-trasferiment ta' azzjonijiet ta' l-ebda valur.

159    Barra minn hekk, li kieku kien hemm l-intenzjoni li jseħħ adattament tal-prezz, huwa raġjonevoli li jiġi preżunt, minn naħa, li kien jiġi previst ukoll tnaqqis tal-prezz pagabbli permezz ta' trasferiment u, min-naħa l-oħra, li tali ftehim addizzjonali ma kienx jiġi adottat fl-20 ta' Novembru 1998, jiġifieri ċirka għoxrin xahar wara l-firma tal-ftehim tad-9 ta' April 1997 bejn ir-Reġjun tal-Vallonja u Verlipack Holding I (miżmuma minn Heye), data li fiha, barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 75 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kumpannija Verlipack Holding II kienet fi stat ta' insolvenza. Fil-fatt, b'sentenza tal-31 ta' Mejju 1999, it-tribunal de commerce de Mons ikkonstata li l-insolvenza ta' Verlipack Holding II kien imur lura għal Ġunju 1998.

160    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li fl-1996 l-azzjonijiet ma kellhom l-ebda valur reali, jew mhux saħansitra valur negattiv, u li l-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 kellu l-għan li jadatta l-prezz iffissat fil-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996 għal dak iffissat fil-ftehim tad-9 ta' April 1997 ma jistax jiġi milqugħ.

161    Jirriżulta li minn dak li ntqal qabel li l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar il-fatt li, jekk ingħata vantaġġ, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-impriża ffavorita fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE

–       L-argumenti tal-partijiet

162    In sostenn ta' din il-parti, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq id-Deċiżjoni 2001/856, b'mod partikolari l-punti 109 u 110 tagħha, li fihom il-Kummissjoni tindika li l-benefiċjarju ta' għajnuna, li eventwalment irid iroddha lura, mhux bilfors ikun l-impriża li rċeviet direttament il-fondi ta' l-awtoritajiet pubbliċi, imma dik li effettivament gawdiet minnhom. Skond il-punt 110 tad-Deċiżjoni 2001/856, dan ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddistingwi bejn, minn naħa, l-impriżi li servew biss bħala mezz għat-tranżitu tal-fondi u, min-naħa l-oħra, dawk li kisbu vantaġġ li jista' jikkwalifikahom bħala benefiċjarji. Issa, r-rikorrenti ssostni mill-ġdid li hija żammet biss għall-perijodu limitat l-azzjonijiet li hija ġiet kostretta takkwista u li hija ma kellhiex l-intenzjoni li żżommhom. Kif jirriżulta min-nota tar-Reġjun tal-Vallonja tal-25 ta' Mejju 1998 mibgħuta lill-Kummissjoni, ix-xiri forzat ta' dawn l-azzjonijiet għandu jinftiehem fid-dawl tal-fatt li Heye kellu jieħu l-kontroll tal-grupp Verlipack, li hija r-raġuni għaliex l-azzjonijiet in kwistjoni tqiegħdu fil-kumpannija Verlipack Holding I u spiċċaw indirettament f'idejn Heye.

163    Ir-rikorrenti għalhekk tikkunsidra li hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ġiet iffavorita fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE.

164    Minn dan isegwi li, safejn id-deċiżjoni kkontestata tikkunsidra lir-rikorrenti bħala l-benefiċjarja ta' għajnuna mill-Istat, din id-deċiżjoni tmur kontra kemm l-Artikolu 87(1) KE kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament Nru 659/1999, meħudin flimkien.

165    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

166    Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li safejn l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-allegat kostrinġiment eżerċitat fil-konfront tagħha meta sar ix-xiri, permezz tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, ta' l-14 214 azzjoni tal-kategorija B u ishma mill-profitti tal-kategorija I, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 129 sa 149 ta' din is-sentenza.

167    Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li l-argument tar-rikorrenti m'għandux jinftiehem fid-dawl ta' l-imsemmi xiri forzat, huwa xorta waħda ma jistax jiġi milqugħ.

168    Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 131 sa 149 ta' din is-sentenza, ir-rikorrenti, bis-saħħa ta' obbligu li assuma Adsum fil-kuntest tal-ftehim tat-30 ta' April 1985 li għalih ir-rikorrenti aderiet permezz tal-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987 u li ġie riprodott fil-kuntest tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, aċċettat li tixtri l-azzjonijiet tal-kategorija B u l-ishma mill-profitti tal-kategorija I li kienu miżmuma mir-Reġjun tal-Vallonja fil-kapital ta' SA Verlipack Jumet u ta' SA Verlipack Ghlin bil-ħlas tas-somma ta' 113 712 000 BEF.

169    B'hekk, ir-Reġjun tal-Vallonja, li għalhekk kellha kreditu ċert u likwidu tas-somma ta' 113 712 000 BEF kontra r-rikorrenti, bilfors irrinunzjat, fl-20 ta' Novembru 1998, għal dan il-kreditu bi bdil għal azzjonijiet fil-kapital ta' kumpannija li f'dik id-data ma kellhom l-ebda valur, ħaġa li r-rikorrenti ma tikkontestax. Issa, din ta' l-aħħar ma pprovatx li, wara din ir-rinunzja għal kreditu, f'Novembru 1998, hija kienet ittrasferit din is-somma fil-kapital ta' Verlipack Holding II jew f'dak ta' kumpannija oħra li għalhekk hija l-benefiċjarja tagħha, b'mod li din is-somma baqgħet fil-proprjetà tar-rikorrenti.

170    Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minn trasferiment ta' riżorsi pubbliċi favur tagħha.

171    Minn dan isegwi li t-tieni parti ta' dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, dwar id-dannu għall-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju

–       L-argumenti tal-partijiet

172    Ir-rikorrenti tirrileva li, fil-punti 70 sa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet analiżi fil-qosor ħafna fir-rigward taz-żewġ kundizzjonijiet relattivi għad-dannu għall-kompetizzjoni u għall-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju, peress li hija tikkuntenta ruħha li tafferma li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti peress li l-grupp Beaulieu huwa operatur prinċipali fis-suq tat-tessilli u jesporta parti kbira mill-prodotti tiegħu.

173    Dan jammonta għall-affermazzjoni li, għal operaturi bħall-grupp Beaulieu, il-Kummissjoni hija eżentata mill-obbligu li turi li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti. Issa, skond ir-rikorrenti, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti hija kkonċernata bħala azzjonista tal-kumpanniji Verlipack u mhux bħala produttriċi tat-tessili u l-fatt li ġiet kostretta takkwista azzjonijiet tal-grupp li jipproduċi r-reċipjenti tal-ħġieġ u tqiegħdhom f'kumpannija holding ikkontrollata minn operatur ieħor f'dan is-suq ftit għandu x'jaqsam ma' l-attività tat-tessili tal-grupp Beaulieu. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tallega li, peress li l-għajnuna tirrigwarda suq differenti minn dak li fih isseħħ id-distorsjoni ta' kompetizzjoni, id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta, fir-rigward taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE, hija tirreferixxi biss għall-pożizzjoni tal-grupp Beaulieu fis-suq tat-tessili. Fit-tieni lok, il-fatt li tneħħew fondi mill-assi tagħha sabiex tqiegħdu f'Verlipack waqqaf u mhux sostna l-attività tagħha fil-qasam tat-tessili, u dan aktar u aktar meta t-telf li rriżulta minn dan l-investiment huwa kunsiderevoli.

174    Billi titlob ir-rimbors tas-somma msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tirrimedjax id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, anzi tagħmel bil-maqlub, u tippenalizza l-grupp Beaulieu meta s-settur pubbliku stess irrikonoxxa li l-prezz imħallas mir-rikorrenti bħala korrispettiv għall-azzjonijiet kien sproporzjonat u r-Reġjun tal-Vallonja kkoreġa l-korrispettiv permezz tal-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998. Barra minn hekk, kien biss matul perijodu temporanju li r-rikorrenti żammet l-azzjonijiet fi ħdan Verlipack Holding I mingħajr ma ħadet l-ebda vantaġġ finanzjarju jew ekonomiku. Anki li kieku kellu jitqies li r-rikorrenti rċeviet dawn l-azzjonijiet gratwitament, din ta' l-aħħar tikkunsidra li din id-donazzjoni ma seta' jkollha l-ebda influwenza fuq il-kompetizzjoni fis-suq tat-tessili.

175    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

176    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, b'din il-parti, ir-rikorrenti tikkontesta, minn naħa, l-analiżi li saret mill-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni f'dan il-każ tal-kundizzjonijiet relattivi għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u għall-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 87(1) KE u, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni allegatament qasira wisq li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, motivazzjoni li hija wkoll is-suġġett tar-raba' motiv u li għalhekk ser tiġi eżaminta fil-kuntest ta' dan ta' l-aħħar.

177    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna intiża sabiex teħles impriża minn spejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta' kuljum jew ta' l-attivitajiet normali tagħha bħala regola toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675, punti 48 u 77, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta' April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 43).

178    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, meta awtorità pubblika tiffavorixxi impriża li topera f'settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa billi tagħtiha vantaġġ, teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni jew riskju ta' tali distrosjoni (sentenza Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, punt 177 iktar 'il fuq, punt 46).

179    F'dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel u tat-tieni partijiet ta' dan il-motiv, ir-Reġjun tal-Vallonja rrinunzja għal kreditu tas-somma ta' 113 712 000 BEF li huwa kellu kontra r-rikorrenti, li teżerċita l-attività tagħha f'settur, jiġifieri dak tat-tessili, li huwa totalment miftuħ għall-kompetizzjoni.

180    Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna in kwistjoni toħloq jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

181    F'dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li meta għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriżi oħra li jikkompetu magħha fil-kummerċ intrakomunitarju, dawn ta' l-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala affettwati mill-għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 11, u tas-17 ta' Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 47; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, punt 177 iktar 'il fuq, punt 50; tal-11 ta' Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T‑152/99, Ġabra p. II‑3049, punt 220, u Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar 'il fuq, punt 57).

182    F'dan il-każ il-Kummissjoni, fil-punt 70 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkompilat tabella, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, li minnha jirriżulta li, fil-qasam tat-tapiti u ta' materjal ieħor tat-tessili biex jiksi l-art, jeżistu kummerċ sinjifikattiv bejn il-Belġju u l-bqija tad-dinja; fl-1998 il-Belġju esporta b'2 009 560 000,84 EUR u importa b'211 659 000,19 EUR.

183    Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata, u b'mod partikolari min-nota f'qiegħ il-paġna Nru 17, li r-rikorrenti hija l-fabbrikant Ewropew ewlieni tat-tapiti, u tesporta 98% tal-prodotti tagħha. Minbarra dan, il-Kummissjoni indikat li, matul is-snin 1997, 1998 u 1999, il-bejgħ tar-rikorrenti ammonta għas-somom ta' 4 379 764 000 BEF, 5 182 220 000 BEF u 4 821 857 000 BEF, rispettivament.

184    Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 87(1) KE, f'dan il-każ ma ġewx sodisfatti, peress li l-għajnuna in kwistjoni tirrigwarda suq differenti minn dak li fih seħħet id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, skond id-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura relattiva għall-għajnuna mill-Istat in kwistjoni kienet tikkonċerna l-grupp Beaulieu li, kif jirriżulta mill-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa mmexxi mir-rikorrenti. L-għajnuna mogħtija fis-somma ta' 113 712 000 BEF, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 169 ta' din is-sentenza, ma ġietx ittrasferita fil-kapital ta' Verlipack Holding II jew f'dak ta' kumpannija oħra fis-settur tal-ħġieġ, baqgħet fil-proprjetà tal-grupp Beaulieu. Għalhekk din l-għajnuna ma ġietx neċessarjament trasferita fis-settur ta' attività li fih huwa attiv il-grupp Beaulieu, jiġifieri dak tat-tessili. L-għajnuna li bbenefikat minnha r-rikorrenti għalhekk irriżultat f'vantaġġ kompetittiv fuq is-suq tat-tessili.

185    Minn dan isegwi li t-tielet parti ma tistax tiġi milqugħa u li hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999

 L-argumenti tal-partijiet

186    Ir-rikorrenti jfakkru li, skond il-ġurisprudenza, l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji m'għandhomx jeċċedu l-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-22 ta' Novembru 2001, Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il-Kummissjoni, T‑9/98, Ġabra p. II‑3367) u li dan il-prinċipju huwa mniżżel fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 li jipprovdi li l-Kummissjoni m'għandhiex teħtieġ l-irkupru ta' l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

187    Issa r-rikorrenti tikkunsidra li pprovat li x-xiri forzat ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni fil-kumpanniji Verlipack ma pprokurawlha l-ebda vantaġġ finanzjarju jew ta' xi xorta oħra fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE, b'mod li jmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità li jiġi impost fuqha l-irkupru ta' għajnuna ineżistenti.

188    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li ngħatatilha għajnuna mill-Istat li tiffavoriha, mhuwiex possibbli li jiġi kkwantifikat l-allegat vantaġġ mogħti bil-mod tas-soltu. Fil-fatt, fil-parti l-kbira tal-każijiet, huwa preżunt li l-ammont ta' l-għajnuna għat-tħaddim li minnha tibbenefika impriża essenzjalment jikkorrispondi għall-ostakolu għall-kompetizzjoni fis-settur ta' attività tagħha. Issa, f'dan il-każ, minn naħa, mhemmx trasferiment dirett ta' assi likwidi mis-settur pubbliku għas-settur privat, u min-naħa l-oħra, il-vantaġġ ma jinsabx fis-settur ta' attività tradizzjonali tagħha. Għalhekk huwa żbaljat li tiġi ddeterminata l-portata tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-tessili esklużivament skond il-valur nominali ta' l-azzjonijiet akkwistati mir-rikorrenti fi grupp li jipproduċi l-kontenituri tal-ħġieġ. Skond ir-rikorrenti, jirriżulta mill-fatti kollha tal-kawża li l-valur nominali ta' l-azzjonijiet ma jistax jikkorrispondi għall-portata ta' l-allegata distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-tessili mhux biss għaliex tali valur huwa eċċessivament għoli u ma jikkorispondi bl-ebda mod mal-valur reali tagħhom, imma wkoll għaliex, anki jekk jitqies li x-xiri forzat ta' l-azzjonijiet pprokuralha vantaġġ, dan ma jistax ikollu bħala konsegwenza li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-tessili, peress li l-akkwist gratwitu ta' azzjonijiet fis-suq tal-ħġieġ ma jimplikax awtomatikament vantaġġ operazzjonali f'dan is-suq tat-tessili.

189    Jirriżulta minn dawn l-elementi li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-irkupru tal-valur nominali ta' l-azzjonijiet akkwistati mir-rikorrenti huwa neċessarju sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tmur kontra r-realtà ekonomika, b'mod li, bil-fatt li titlob dan l-irkupru, il-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità kif ukoll l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999.

190    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

191    Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-prinċipju ta' proporzjonalità billi talbet l-irkupru ta' l-għajnuna minkejja li x-xiri forzat ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I, bis-saħħa tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, ma taha l-ebda vantaġġ finanzjarju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, safejn dan il-ksur jistrieħ fuq l-argument dwar allegat kostrinġiment eżerċitat kontra r-rikorrenti fl-imsemmi xiri, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 129 sa 149 ta' din is-sentenza.

192    Anki jekk jitqies li l-argument tar-rikorrenti ma jistrieħx fuq tali kostrinġiment, imma biss fuq ix-xiri nnifsu ta' l-azzjonijiet li sar minnha, dan għandu wkoll jiġi miċħud.

193    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari mill-punti 91 u 92 tagħha, l-għajnuna mill-Istat kienet tikkonsisti mill-fatt li r-Reġjun tal-Vallonja rrinunzja, fl-20 ta' Novembru 1998, għal kreditu ċert li jammonta għal 113 712 000 BEF fuq il-grupp Beaulieu bi bdil għat-trasferiment ta' 9 704 azzjoni fil-kapital tal-kumpannija Verlipack Holding II li, fid-data tat-trasferiment tagħhom, f'Diċembru 1998, ma kellhom ebda valur, billi l-assi ta' din il-kumpannija kienu ġew stmati li jiswew 1 BEF fil-11 ta' Frar 1999.

194    Għalhekk ir-rikorrenti titlaq minn premessa żbaljata meta tallega, b'mod partikolari, li l-portata tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kienet ġiet iddeterminata b'mod żbaljat skond il-valur nominali ta' l-azzjonijiet akkwistati fl-1996, peress li mhijiex din l-operazzjoni li ġiet ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, imma r-rinunzja, fl-20 ta' Novembru 1998, mir-Reġjun tal-Vallonja għal kreditu ċert u likwidu ta' ammont ta' 113 712 000 BEF li hija kellha kontra r-rikorrenti u li din qatt ma kkontestat quddiem il-qrati nazzjonali.

195    Issa, bil-fatt li rrinunzja għal tali kreditu favur impriza privata, ir-Renju tal-Belġju ta għajnuna li tammonta għal 113 712 000 BEF mis-settur pubbliku lis-settur privat.

196    Għalhekk il-kobor tad-distorsjoni kellha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-fatt li r-Reġjun tal-Vallonja kellu kreditu ċert u likwidu ta' l-ammont ta' 113 712 000 BEF kontra r-rikorrenti li huwa ddeċieda li ma tirkuprax.

197    Kien għalhekk fid-dawl tar-rinunzja għal kreditu ta' dan l-ammont li l-Kummissjoni eżiġiet, fil-punt 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li jseħħ l-irkupru ta' l-għajnuna "[s]abiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet ekonomiċi li l-impriża kien ikollha taffaċċja li kieku l-għajnuna inkompatibbli ma ngħatatilhiex".

198    Fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti li l-għajnuna mogħtija ma kellhiex bħala konsegwenza li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-tessili, peress li l-akkwist gratwitu ta' azzjonijiet fis-suq tal-ħġieġ ma kienx jimplika awtomatikament l-għoti ta' vantaġġ operazzjonali f'dan is-suq tat-tessili, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif diġà ġie deċiż fil-punt 184 ta' din is-sentenza, l-għajnuna li minnha bbenefikat ir-rikorrenti baqgħet fil-proprjetà tal-grupp Beaulieu u għalhekk irriżultat f'vantaġġ finanzjarju fuq is-suq tat-tessili, b'mod li, billi hija ta' natura li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma' l-impriżi l-oħra u li tippermettilha żżid l-esportazzjonijiet tagħha, din bilfors tista' toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni u taffetwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

199    Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità u l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 minħabba li hija talbet l-irkupru tal-valur ta' l-għajnuna li tikkonsisti fir-rinunzja għal kreditu ta' l-ammont ta' 113 712 000 BEF.

200    F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali

201    Ir-rikorrenti, li taqsam dan il-motiv fi tliet partijiet, takkuża lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju tat-trattament ugwali kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta' Ottubru 1977, Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753), l-ewwel nett, billi applikat żewġ metodi ta' stima differenti sabiex tiddetermina l-valur ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti miżmuma fil-kumpanniji Verlipack, it-tieni nett, billi wettqet l-imsemmija stima f'żewġ mumenti differenti u, fl-aħħar nett, billi użat l-argument relattiv għall-benefiċjarju finali ta' l-għajnuna mill-Istat f'żewġ modi differenti.

 Fuq l-ewwel parti, dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali billi tapplika żewġ metodi differenti sabiex tiddetermina l-valur ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti

–       L-argumenti tal-partijiet

202    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni applikat żewġ metodi differenti sabiex tiddetermina l-valur ta' l-azzjonijiet u ishma mill-profitti miżmuma fil-kumpanniji Verlipack, wieħed ibbażat fuq il-prezz tal-ħruġ tagħhom (valur nominali, jiġifieri 113 712 000 BEF, li huwa prezz li bih ir-rikorrenti kienet kostretta tixtrihom), l-ieħor fuq il-valur reali ta' l-azzjonijiet fil-mument tat-trasferiment tagħhom lir-Reġjun tal-Vallonja li, skond il-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata, kien definittivament null.

203    Issa, fil-kuntest ta' dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet, ir-Reġjun tal-Vallonja u r-rikorrenti kienu jinsabu f'sitwazzjonijiet prattikament identiċi: it-tnejn li huma ċedew portafoll ta' titoli fil-kumpanniji Verlipack f'mument meta dawn il-kumpanniji kienu kkonfrontati b'diffikultajiet ekonomiċi, kemm f'Diċembru 1996, data tat-trasferiment ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni mir-Reġjun tal-Vallonja lir-rikorrenti, kif ukoll f'Novembru 1998, data tat-trasferiment ta' l-azzjonijiet mir-rikorrenti lir-Reġjun tal-Vallonja. Fil-fatt, f'Diċembru 1996, Verlipack Jumet u Verlipack Ghlin irreġistraw telf sinjifikattiv ħafna.

204    Għalhekk, ir-rikorrenti tistaqsi jekk il-Kummissjoni kellhiex xi raġunijiet sabiex tapplika żewġ metodi differenti sabiex tistma l-valur ta' portafoll ta' titoli f'kumpanniji essenzjalment identiċi, f'dati ċertament differenti, imma f'sitwazzjonijiet finanzjarji simili ħafna.

205    Ir-rikorrenti tirrileva li l-unika ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni hija d-Digriet Irjali ta' l-1985. Issa, skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 126 ta' din is-sentenza, din il-perspettiva hija wisq formali, riġida u restrittiva u tinjora l-kuntest fattwali u ekonomiku ta' din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa, ir-Reġjun tal-Vallonja rrepeta kemm-il darba li l-prezz imħallas mir-rikorrenti fl-1996 kien eċċessiv, u min-naħa l-oħra, fl-1997, ir-Reġjun tal-Vallonja ħa in kunsiderazzjoni, fir-rigward ta' Heye, il-valur reali ta' l-azzjonijiet.

206    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

207    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, diskriminazzjoni tikkonsisti b'mod partikolari fit-trattament differenti ta' sitwazzjonijiet komparabbli, li jwassal għal żvantaġġ għal ċerti operaturi meta mqabbla ma' oħrajn mingħajr ma din id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta' differenzi oġġettivi sostanzjali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Lulju 1962, Klöckner-Werke u Hoesch vs L-Awtorità Għolja, 17/61 u 20/61, Ġabra p. 615, 652; tal-15 ta' Jannar 1985, Finsider vs Il-Kummissjoni, 250/83, Ġabra p. 131, punt 8, u 26 ta' Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 57; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Lulju 1999, Wirtschaftsvereinigung Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑106/96, Ġabra p. II‑2155, punt 103).

208    F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, skond it-termini tal-ftehim tat-30 ta' April 1985 li għalih hija aderiet bis-saħħa tal-ftehim addizzjonali tat-18 ta' Novembru 1987, aċċettat li tieħu fuqha d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-ftehim, li kien jipprovdi preċiżament, fl-Artikolu 10 tiegħu, il-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett ix-xiri ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I, b'mod partikolari l-prezz. Barra minn hekk, dan il-ftehim kien jirreferi espressament għad-Digriet Irjali ta' l-1985 li jiffissa, b'mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-prezz tax-xiri tagħhom.

209    Kif jirriżulta minn punti 77 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prezz iffissat mill-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, skond id-Digriet Irjali ta' l-1985, kien jammonta għal 80% tal-valur ta' l-azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot, iffissat fil-ftehim tat-30 ta' April 1985. B'din it-tranżazzjoni, ir-rikorrenti kellha dejn ċert u likwidu ta' 113 712 000 BEF fil-konfront tar-Reġjun tal-Vallonja.

210    Min-naħa l-oħra, billi l-valur ta' l-azzjonijiet li r-Reġjun tal-Vallonja aċċetta, permezz tal-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, bħala ħlas tal-kreditu ta' 113 712 000 BEF, kif jirriżulta mill-punti 73 sa 76 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata, bl-ebda mod ma kien marbut mad-Digriet Irjali ta' l-1985, dan kellu jiġi stabbilit fid-dawl tal-fatti kif kienu fid-data ta' l-imsemmi ftehim addizzjonali. Issa, fil-mument stess tal-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, Verlipack Holding II, li l-azzjonijiet tagħha kienu ġew ittrasferiti lir-Reġjun tal-Vallonja, kienet fi stat ta' insolvenza, liema stat kien ilu jseħħ, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Kummerċ ta' Mons tal-31 ta' Mejju 1999, mix-xahar ta' Ġunju 1998 u l-assi tagħha kienu ġew stmati li jiswew 1 BEF. Għalhekk, dawn l-azzjonijiet, li l-valur nominali tagħhom kien ta' 100 miljun BEF, fil-mument tal-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, ma kien fadlilhom l-ebda valur, ħaġa li, barra minn hekk, ma ġiex ikkontestata mir-rikorrenti. Għalhekk il-Kummissjoni setgħet tevalwa l-imsemmi ftehim addizzjonali billi tieħu in kunsiderazzjoni l-valur reali ta' l-azzjonijiet in kwistjoni.

211    Minn dan isegwi li, billi s-sitwazzjonijiet mhumiex identiċi, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

212    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-paragun tas-sitwazzjoni tagħha ma' dik ta' Heye fil-kuntest tal-ftehim ta' għażla tad-9 ta' April 1997 iffirmat bejn Verlipack Holding I u r-Reġjun tal-Vallonja li fih ġie mifthiem li "il-prezz ta' kull azzjoni [jikkorrispondi] għall-valur ikkalkulat billi l-assi netti […] ta' SA Verlipack Holding II […] skond il-kotba tal-kontabbiltà jiġi diviż bin-numru ta' azzjonijiet maħruġa mill-imsemmija kumpannija".

213    Fil-fatt, ma jirriżultax minn dan il-ftehim li l-azzjonijiet miżmuma mir-Reġjun tal-Vallonja fil-kapital ta' Verlipack Holding II kienu azzjonijiet preferenzjali mingħajr dritt tal-vot fis-sens tad-Digriet Irjali ta' l-1985.

214    F'kull każ, anki jekk jitqies li l-azzjonijiet li kienu s-suġġett ta' l-imsemmi ftehim ta' għażla kienu komparabbli ma' dawk li kienu s-suġġett tat-trasferiment fil-kuntest tal-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament ikkonstatat il-Kummissjoni, li huwa r-Reġjun tal-Vallonja li applika trattament diskriminatorju fir-rigward tar-rikorrenti u mhux il-Kummissjoni.

215    Għalhekk l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali billi tistma l-azzjonijiet u l-ishma mill-profitti f'mumenti differenti

–       L-argumenti tal-partijiet

216    Skond ir-rikorrenti, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-azzjonijiet li kienu s-suġġett ta' d-datio in solutum fix-xahar ta' Diċembru 1998 kienu ġew stmati li jiswew 0 BEF minħabba li l-valur ta' l-assi ta' Verlipack Holding II kien ġie ridott għal 1 BEF fil-11 ta' Frar 1999. Il-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-valur ta' l-azzjonijiet mogħtija bħala datio in solutum lir-Reġjun tal-Vallonja, għalhekk qiegħdet ruħha fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ħadet in kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni ulterjuri tal-kumpannija kkonċernata tal-grupp Verlipack sal-mument tal-falliment. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-valur ta' l-azzjonijiet mixtrija fl-1996, il-Kummissjoni ħadet biss in kunsiderazzjoni l-valur nominali fil-mument ta' l-akkwist tagħhom. Fil-punt 107 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk bl-ebda mod ma ħadet in kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni ekonomika u finanzjarja tal-kumpanniji kkonċernati u lanqas tad-Deċiżjoni 2001/856, li minnha jirriżulta li, qabel id-dħul ta' Heye, is-sitwazzjoni finanzjarja ta' Verlipack xejn ma kienet tidher vijabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinjora l-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, li bis-saħħa tiegħu l-kreditu tar-Reġjun tal-Vallonja kien diġà estint, skond id-dritt ċivili, wara d-datio in solutum ta' l-azzjonijiet Verlipack Holding II. Id-distinzjoni hekk stabbilita mill-Kummissjoni bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, li tirriżulta mill-fatt li hija ħadet in kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni ekonomika u finanzjarja tal-grupp Verlipack fl-ewwel sitwazzjoni u mhux fit-tieni, mhijiex oġġettivament ġustifikata u tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

217    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

218    Għandu jiġi kkonstatat li, f'din it-tieni parti, ir-rikorrenti tirrepeti, fil-biċċa l-kbira, argumenti li hija diġà invokat fil-kuntest ta' l-ewwel parti dwar il-valur ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni, b'mod li qiegħda ssir rreferenza għall-punti 207 sa 211 ta' din is-sentenza.

219    F'kull każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, sabiex tiddetermina l-ammont ta' l-għajnuna mogħtija mir-rikorrenti bil-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, il-Kummissjoni ġustament ħadet in kunsiderazzjoni l-fatti kif kienu fil-mument meta r-Reġjun tal-vallonja aċċetta, bħala ħlas ta' kreditu ċert u likwidu ta' l-ammont ta' 113 712 000 BEF, it-tqegħid ta' 9 704 azzjoni fil-kumpannija Verlipack Holding II li, f'dik id-data, jiġifieri l-20 ta' Novembru 1998, ma kellhom l-ebda valur.

220    It-tieni parti tat-tielet motiv għalhekk għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, dwar il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali billi tuża l-argument relattiv għall-benfiċjarju finali ta' l-għajnuna mill-Istat f'żewġ modi differenti

–       L-argumenti tal-partijiet

221    Ir-rikorrenti tirrileva li, kif jirriżulta mill-punti 109 u 110 tad-Deċiżjoni 2001/856, Heye ma kienx ikkunsidrat bħala l-benfiċjarju finali ta' l-għajnuna. Bl-istess mod, ir-rikorrenti tallega li hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-benefiċjarja finali ta' l-għajnuna peress li hija ttrasferiet kważi immedjatament (fl-24 ta' Jannr 1997) il-portafoll ta' titoli akkwistat fit-18 ta' Diċembru 1996 lill-Verlipack Holding I li l-kontroll tagħha kien assigurat minn Heye mill-11 ta' April 1997. Ir-rikorrenti għalhekk ma kellhiex it-tgawdija effettiva ta' l-allegata għajnuna mill-Istat u l-pożizzjoni tagħha hija għalhekk l-istess bħal dik ta' Heye fid-Deċiżjoni 2001/856. Billi ttrattat dawn iż-żewġ kumpanniji b'mod differenti, mingħajr ma tat ġustifikazzjoni oġġettiva, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tat-trattament ugwali.

222    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

223    B'din it-tielet parti, ir-rikorrenti tikkontesta mill-ġdid li hija kienet il-benefiċjarja ta' l-għajnuna u tallega, billi tibbaża ruħha fuq il-punti 109 u 110 tad-Deċiżjoni 2001/856, li, bħal Heye, hija ma setgħetx tuża l-azzjonijiet u l-ishma mill-profitti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha fit-18 ta' Diċembru 1996 għall-skopijiet oħra barra dawk li tittrasferihom immedjatament, permezz ta' Verlipack Holding I, fl-impjanti ta' Verlipack, b'mod li hija ma kellhiex it-tgawdija ta' l-allegata għajnuna mill-Istat.

224    L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, kienet biss ir-rinunzja għall-kreditu prevista mill-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998 li ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat u li, konsegwentement, il-kwistjoni tal-kwalifikazzjoni ta' l-għajnuna mill-Istat ma tistax tikkonċerna t-tranżazzjoni prevista mill-ftehim tat-18 ta' Diċembru 1996.

225    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 108 tad-Deċiżjoni 2001/856, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li "[i]l-klawżoli ta' allokazzjoni fiż-żewġ ftehim [jiġifieri self ta' obbligazzjonijiet u self] [kienu] jistipulaw expressis verbis li Heye i) obbliga ruħu li jikkapitalizza mill-ġdid l-impjanti ta' produzzjoni ta' Ghlin u ta' Jumet u ii) li jiffinanzja investimenti fit-tliet impjanti ta' Verlipack, inkluż l-impjant ta' Mol (Flanders)". Minn dan jirriżulta li Heye kellu, permezz tal-fondi akkwistati, jikkapitalizza mill-ġdid lil Verlipack.

226    Min-naħa l-oħra, l-ebda klawżola ta' dan it-tip ma teżisti fil-ftehim addizzjonali ta' l-20 ta' Novembru 1998, u, barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnietx li tali klawżola ta' trasferiment ta' fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha kienet ġiet prevista, b'mod li s-sitwazzjoni tagħha ma tistax tkun komparabbli ma' dik ta' Heye. Barra minn hekk, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma allegat li, wara r-rinunzja għall-kreditu li kellu r-Reġjun tal-Vallonja, hija kienet ipproċediet għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta' Verlipack fl-ammont tal-kreditu hekk rinunzjat.

227    Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li t-tielet parti ma tistax tiġi milqugħa u li hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba' motiv, dwar il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

228    Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata fiha lakuni f'dak li jirrigwarda l-motivazzjoni, mill-inqas fuq erba' punti.

229    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżejjed f'dak li jikkonċerna r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni tibbaża ruħha esklużivament fuq il-valur nominali tal-portafoll ta' titoli li r-rikorrenti xtrat mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-kuntest fattwali kumpless ta' din il-kawża.

230    Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex hija tibbaża ruħha, minn naħa, fuq id-data ta' l-adozzjoni tagħha f'dak li jikkonċerna l-valur ta' l-azzjonijiet mogħtija b'datio in solutum (li l-valur tagħhom huwa stmat 1 BEF) u, min-naħa l-oħra, fuq id-data tax-xiri forzat ta' l-azzjonijiet mir-rikorrenti fit-18 ta' Diċembru 1996, jiġifieri l-valur nominali tagħhom. Id-deċiżjoni kkontestata ma timmotivax biżżejjed din id-differenza.

231    Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata ma tiġġustifikax id-differenza fit-trattament bejn ir-rikorrenti u Heye fl-inkartament Verlipack kollu. Hekk kif Heye ma ġiex ikkunsidrat bħala benefiċjarju finali ta' l-għajnuna fid-Deċiżjoni 2001/856, l-istess kellu jsir fid-deċiżjoni kkontestata u hija ma kellhiex tiġi kkunsidrata bħala l-impriża li kellha t-tgawdija effettiva tal-portafoll ta' titoli li hija ċertament akkwistat, imma b'mod forzat. Ir-rikorrenti setgħet tibbenefika minn vantaġġ finanzjarju biss, kieku dan kien il-każ, safejn hija żammet dawn it-titoli, jiġifieri bejn it-18 ta' Diċembru 1996 u l-11 ta' April 1997.

232    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti, billi tirreferi għal dak li jissemma fil-punti 172 sa 174 ta' din is-sentenza, tallega li l-Kummissjoni tonqos milli tispjega r-raġuni li għaliha l-għajnuna, kieku kellu jitqies li din ingħatatilha, ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni u affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-suq tat-tessili.

233    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

234    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi ħtieġa proċedurali mandatorja li għandha tkun distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità sostantiva ta' l-att ikkontestat. F'din il-perspettiva, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċità l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 19; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 83 iktar 'il fuq, punti 63 u 67, u tad-19 ta' Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑114/00, Ġabra p. I‑7657, punt 62; sentenza Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar 'il fuq, punt 119).

235    Barra minnhekk, din il-ħtieġa għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista' jkollhom biex jirċievu xi spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 234 iktar 'il fuq, punt 63, u tat-28 ta' Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra p. I‑1139, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

236    Meta applikat għall-kwalifikazzjoni ta' miżura ta' għajnuna, dan il-prinċipju jeżiġi li jkunu indikati r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura ta' għajnuna in kwistjoni tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T‑16/96, Ġabra p. II‑757, punt 66).

237    Fir-rigward ta' din il-ġurisprudenza, ma jidhirx li l-Kummissjoni naqset, f'dan il-każ, mill-obbligu li timmotiva b'mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jikkonċerna l-erba' lmenti mqajma mir-rikorrenti.

238    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-fatt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-valur nominali ta' l-azzjonijiet tal-kategorija B u ta' l-ishma mill-profitti tal-kategorija I li r-rikorrenti xtrat fl-1996, huwa biżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 150 sa 156 ta' din is-sentenza dwar il-valur ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni, il-Kummissjoni spjegat, fil-punti 77 u 78 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex hija bbażat ruħha fuq tali valur. Fil-fatt, dawn iż-żewġ punti jaqraw kif ġej:

"Il-Belġju jsostni li l-prezz ta' 113 712 000 BEF iffissat f'Diċembru 1996 għall-azzjonijiet mingħajr dritt tal-vot u għall-ishma mill-profitti ttrasferiti mis-Sowagep lill-grupp Beaulieu ma kienx jikkorrispondi għall-valur tagħhom. F'dan il-każ, skond il-Belġju, dan kien 'prezz impost mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Mejju 1985'. Skond l-Artikolu 3 ta' dan id-Digriet Irjali, il-prezz ta' xiri ta' l-azzjonijiet privileġġati mingħajr dritt tal-vot ‘ma jistax ikun inqas minn 80 % tal-prezz tal-ħruġ'. Il-prezz ta' 113 712 000 BEF ta' l-azzjonijiet u ishma mill-profitti mixtrija mill-grupp Beaulieu f'Diċembru 1996 kien jirrappreżenta, skond il-Belġju, 80% tal-prezz tal-ħruġ tagħhom.

Issa, l-obbligu li jiġi ffissat prezz ekwivalenti għal 80% tal-prezz tal-ħruġ huwa obbligu ffissat mil-liġi li huwa impost, mingħajr distinzjoni, fuq dawk kollha li jixtiequ jixtru dan it-tip ta' azzjonijiet privileġġati."

239    Safejn l-argument tar-rikorrenti huwa marbut mal-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx immotivat biżżejjed id-deċiżjoni kkontestata minħabba li hija ma indikatx ir-raġunijiet għaliex hija bbażat ruħha esklużivament fuq il-valur nominali tal-portafoll ta' titoli li r-rikorrenti xtrat fl-1996 mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-kuntest fattwali aktar kumpless ta' dan il-każ, jiġifieri l-kostrinġiment allegatament imġarrab, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 129 sa 149 ta' din is-sentenza.

240    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma mmotivatx id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

241    F'dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex hija bbażat ruħha fuq id-data ta' l-adozzjoni tagħha għal dak li jikkonċerna l-valur ta' l-azzjonijiet mogħtija b'datio in solutum lir-Reġjun tal-Vallonja fl-1998 u fuq id-data tax-xiri forzat ta' l-azzjonijiet u ta' l-ishma mill-profitti in kwistjoni mir-rikorrenti fit-18 ta' Diċembru 1996, għandu jiġi kkonstatat, li, kif jirriżulta mill-analiżi li saret fil-punti 207 sa 211 u 218 sa 200 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed, fil-punti 77 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex, f'Diċembru 1996, il-kreditu tar-Reġjun tal-Vallonja kontra r-rikorrenti kien jammonta għas-somma ta' 113 712 000 BEF. L-istess jingħad f'dak li jikkonċerna l-valur ta' l-azzjonijiet ta' Verlipack Holding II, billi l-Kummissjoni tesponi, fil-punti 73 sa 76 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex, f'Novembru 1998, dawn l-azzjonijiet ma kellhom l-ebda valur.

242    Barra minn hekk, jekk, b'dan l-argument, ir-rikorrenti tqiegħed fid-dubju l-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi tibbaża ruħha fuq il-kostrinġiment li hija allegatament ġarrbet, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 129 sa 149 ta' din is-sentenza.

243    Fir-rigward, fit-tielet lok, ta' l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f'dak li jikkonċerna d-differenza fit-trattament bejn ir-rikorrenti u Heye minħabba li r-rikorrenti, bil-kontra ta' Heye, ġiet ikkunsidrata bħala impriża benefiċjarja ta' l-għajnuna, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat, b'mod partikolari fil-punti 73, 80 u 91, ir-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti kellha tiġi kkunsidrata bħala l-impriża li kienet bbenefikat mill-għajnuna in kwistjoni.

244    Barra minn hekk, is-sitwazzjoni kienet differenti f'dak li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni 2001/856. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 225 u 226 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 108 ta' din l-aħħar deċiżjoni, li l-għajnuna kellha sservi sabiex tikkapitalizza mill-ġdid l-impjanti ta' produzzjoni ta' Ghlin u ta' Jumet, b'mod li Heye ma kienx il-benefiċjarju finali ta' l-għajnuna.

245    Ir-rikorrenti għalhekk ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni b'nuqqas ta' motivazzjoni ta' l-allegata differenza fit-trattament bejn ir-rikorrenti u Heye.

246    F'dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, l-ilment li l-Kummissjoni naqset milli tispjega r-raġuni li għaliha, kieku kellu jitqies li ngħatat għajnuna lir-rikorrenti, din l-għajnuna ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni u affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 176 sa 184 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni, b'mod partikolari fil-punti 70 sa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, esponiet b'mod ċar biżżejjed il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni f'dan ir-rigwrad, sabiex jippermettu lir-rikorrenti u lill-qorti Komunitarja jagħrfu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li l-operazzjoni in kwistjoni kienet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u kienet taffettwa l-kummerċ ġewwa l-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punti 292 sa 294).

247    Minn dan isegwi li r-raba' motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba tar-rikorrenti għall-produzzjoni ta' dokumenti

248    Ir-rikorrenti titlob li, jekk il-Kummissjoni kellha żżomm il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-valur ta' l-azzjonijiet fl-1996, hija għandha tipproduċi rapport ta' stima li jista' jsostni l-pożizzjoni tagħha.

249    Kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tiddeċiedi utilment fuq ir-rikors abbażi tal-konklużjonijiet, motivi u argumenti żviluppati matul l-istanza u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Settembru 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑152/00, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑813, punt 86, u tas-6 ta' Lulju 2004, Huygens vs Il-Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 145).

250    Għalhekk hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tipprovdi dokumenti oħra minbarra dawk li diġà pproduċiet fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi E vs Il-Kummissjoni, punt 249 iktar 'il fuq, punt 87, u Huygens vs Il-Kummissjoni, punt 249 iktar 'il fuq, punt 146).

 Fuq l-ispejjeż

251    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Vilaras

Martins Ribeiro

Dehousse

Šváby

 

       Jürimäe

Mogħtija fil-qorti fil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta' Novembru 2006.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.