Language of document : ECLI:EU:T:2015:476

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Lulju 2015 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi informatiċi ta’ żvilupp u ta’ manutenzjoni ta’ softwer, ta’ konsulenza u ta’ assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet informatiċi — Klassifika tal-offerta ta’ offerent fil-kaskata għal diversi lottijiet u klassifika tal-offerti ta’ offerenti oħra — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kriterju ta’ għoti — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑536/11,

European Dynamics Luxembourg SA, stabbilita f’Ettelbrück (il-Lussemburgu),

European Dynamics Belgium SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Evropaïki DynamikiProigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

irrappreżentati minn N. Korogiannakis, M. Dermitzakis u N. Theologou, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn S. Delaude u V. Savov, sussegwentement minn Delaude, bħala aġenti, assistiti minn M. O Graber-Soudry, solicitor,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tat-22 ta’ Lulju 2011, li tikklassifika lir-rikorrenti, għall-offerti tagħhom ippreżentati fir-rigward tas-sejħa għal offerti AO 10340, dwar il-provvista ta’ servizzi informatiċi ta’ żvilupp u ta’ manutenzjoni ta’ softwer, ta’ konsulenza u ta’ assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet informatiċi (ĠU 2011/S 66‑106099), fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3, kif ukoll tad-deċiżjonijiet li jagħtu l-kuntratti inkwistjoni lil offerenti oħra sa fejn dawn jirrigwardaw il-klassifika tagħhom u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, Aġent President, I. Pelikánová u A. Popescu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal-5 ta’ April 2011, ippubblikat fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011/S 66‑106099), rettifika ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2011/S 70‑113065), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (UP) nieda s-sejħa għal offerti AO 10340 (“Servizzi informatiċi ta’ żvilupp u ta’ manutenzjoni ta’ softwer, ta’ konsulenza u ta’ assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet informatiċi”).

2        Skont l-avviż ta’ kuntratt, is-servizzi informatiċi inkwistjoni kienu mqassma f’erba’ lottijiet, u t-tlieta li huma rilevanti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors huma:

–        il-lott Nru 1, dwar “[is]-sostenn u [l-]applikazzjonijiet amministrattivi speċjalizzati”;

–        il-lott Nru 3, dwar il-“katini ta’ produzzjoni u ta’ riċezzjoni”;

–        il-lott Nru 4, dwar is-“servizzi ta’ konsulenza u ta’ assistenza fil-qasam tal-ġestjoni tal-proġetti ta’ teknoloġija tal-informatika”.

3        L-għan tas-sejħa għal offerti kien li jiġu konklużi, għal kull lott, kuntratti qafas ġodda għal servizzi sabiex jissostitwixxu l-kuntratti qafas li kienu waslu biex jiskadu.

4        Fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-UP kien speċifika li, għal kull lott, l-offerenti kienu jintgħażlu skont il-“mekkaniżmu ta’ kaskata” (iktar ’il quddiem, il-“kaskata”) u li, għal kull lott, ser jiġu ffirmati kuntratti qafas, għal tul ta’ żmien ta’ erba’ snin, mal-offerenti li jkunu ppreżentaw l-aħjar tliet offerti. Fl-għoti tal-kuntratti speċifiċi għal kull wieħed mil-lottijiet, l-operatur ekonomiku li l-offerta tiegħu kienet meqjusa li għandha l-aħjar valur għall-prezz tagħha kien jiġi kkuntattjat l-ewwel. Jekk dan l-ewwel operatur ma kienx fil-pożizzjoni li jipprovdi s-servizz meħtieġ jew ma kienx interessat, kien jiġi kkuntattjat it-tieni l-aħjar operatur. Jekk dan tal-aħħar ma kienx fil-pożizzjoni li jipprovdi s-servizz meħtieġ jew ma kienx interessat, kien jiġi kkuntattjat imbagħad it-tielet l-aħjar operatur.

5        Il-punt 2.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jindika li l-evalwazzjoni tal-offerti kienet tinvolvi tliet stadji prinċipali: l-ewwel stadju, li matulu kienu jiġu applikati kriterji ta’ esklużjoni (punt 2.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt), it-tieni stadju, li matulu kienu jiġu implementati kriterji ta’ għażla (punt 2.6 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt), u t-tielet stadju, li matulu kienet issir evalwazzjoni teknika u finanzjarja tal-offerta fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti (punti 2.7 u 2.8 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt).

6        Għall-evalwazzjoni teknika, għal-lottijiet Nri 1 u 3, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jsemmu, fil-punt 2.7.2, ħames kriterji ta’ għoti li kienu fformulati b’dan il-mod:

–        kriterju 1: “Kwalità globali tal-preżentazzjoni tal-offerta tal-offerent” (iktar ’il quddiem, għal-lott Nru 1, il-“kriterju 1.1” u, għal-lott Nru 3, il-“kriterju 3.1”) (numru massimu ta’ punti: 5 punti fuq 100);

–        kriterju 2: “Approċċ tal-offerent dwar il-garanzija tal-kwalità u tal-ġestjoni ta’ proġett li għandu jintuża matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt” (iktar ’il quddiem, għal-lott Nru 1, il-“kriterju 1.2” u, għal-lott Nru 3, il-“kriterju 3.2”) (numru massimu ta’ punti: 40 punt fuq 100);

–        kriterju 3: “Vantaġġi tekniċi tar-riżorsi umani assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kompiti” (iktar ’il quddiem, għal-lott Nru 1, il-“kriterju 1.3” u, għal-lot Nru 3, il-“kriterju 3.3”) (numru massimu ta’ punti: 25 punt fuq 100);

–        kriterju 4 : “Proposta tal-offerent għal teħid ta’ kontroll u trasferiment” (iktar ’il quddiem, għal-lott Nru 1, il-“kriterju 1.4” u, għal-lott Nru 3, il-“kriterju 3.4”) (numru massimu ta’ punti: 10 punti fuq 100);

–        kriterju 5: “Proposta tal-offerent għal ftehim dwar il-livell tas-servizz” (iktar ’il quddiem, għal-lott Nru 1, il-“kriterju 1.5” u, għal-lott Nru 3, il-“kriterju 3.5”) (numru massimu ta’ punti: 20 punt fuq 100).

7        Għall-evalwazzjoni teknika, għal-lott Nru 4, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jsemmu, fil-punt 2.7.2, tliet kriterji ta’ għoti li kienu fformulati b’dan il-mod:

–        kriterju 1: “Kwalità globali tal-preżentazzjoni tal-offerta tal-offerent” (iktar ’il quddiem, il-“kriterju 4.1”) (numru massimu ta’ punti: 5 punti fuq 100);

–        kriterju 2: “Approċċ tal-offerent dwar il-garanzija tal-kwalità u tal-ġestjoni ta’ proġett li għandu jintuża matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt” (iktar ’il quddiem, il-“kriterju 4.2”) (numru massimu ta’ punti: 55 punt fuq 100);

–        kriterju 3: “Vantaġġi tekniċi tar-riżorsi umani assenjati għall-eżekuzzjoni tal-kompiti” (iktar ’il quddiem, il-“kriterju 4.3”) (numru massimu ta’ punti: 40 punt fuq 100).

8        Għal kull wieħed mil-lottijiet, il-kriterji ta’ għoti kienu jirrappreżentaw total ta’ 100 punt. L-offerti li jkunu kisbu mill-inqas nofs il-punti għal kull kriterju u marka totali minima ta’ 65 punt biss setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għoti tal-kuntratti. Kull offerta kellha tiġi evalwata sabiex jiġi ddeterminat sa fejn hija kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti, u l-offerta magħżula kienet dik li tirrappreżenta l-aħjar valur għall-prezz tagħha. Il-kwalità, jiġifieri l-evalwazzjoni teknika, kienet tgħodd għal 50 % u l-prezz, jiġifieri l-evalwazzjoni finanzjarja, kienet tgħodd għal 50 % (punt 2.9 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt).

9        Fis-17 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti, European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, magħquda f’konsorzju, ippreżentaw offerti għal-lottijiet Nri 1, 3 u 4.

10      Fl-1 ta’ Lulju 2011, ir-rapport ta’ evalwazzjoni thejja għal-lottijiet Nri 1 u 4 u, fl-4 ta’ Lulju 2011, għal-lott Nru 3, skont l-Artikolu 147(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem, ir-“regoli ddettaljati għall-implementazzjoni”).

11      Fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat għall-akkwisti u l-kuntratti, korp konsultattiv tal-UP fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, ta opinjoni favorevoli rigward id-deċiżjoni ta’ għoti għal-lottijiet Nri 1, 3 u 4, kif issuġġerit mill-kumitati ta’ evalwazzjoni fir-rapporti tagħhom. Fl-14 ta’ Lulju 2011, l-amministratur suddelegat adotta d-deċiżjoni ta’ għoti, konformement ma’ din l-opinjoni u mar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni.

12      Fit-18 ta’ Lulju 2011, il-kumitat ta’ evalwazzjoni adotta rettifika għar-rapport inizjali tiegħu tal-1 ta’ Lulju 2011 dwar l-evalwazzjoni tal-lott Nru 1. Fil-21 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat għall-akkwisti u l-kuntratti tal-UP bagħat nota lill-amministratur suddelegat, fejn informah bil-korrezzjoni fl-opinjoni tiegħu tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar il-lott Nru 1. Fit-22 ta’ Lulju 2011, ġiet adottata deċiżjoni ta’ għoti korretta mill-amministratur suddelegat, minħabba żball ta’ kalkolu fir-rapport ta’ evalwazzjoni għal-lott Nru 1.

13      B’ittra tat-22 ta’ Lulju 2011, l-UP informa lir-rikorrenti bil-klassifika tal-offerti tagħhom għal kull wieħed mil-lottijiet rilevanti, jiġifieri fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru  4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3, bl-isem tal-offerenti l-oħra li l-offerti tagħhom kienu ntgħażlu għal-lottijiet Nri 1, 3 u 4 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“offerenti magħżula”). B’dan il-mod huwa indika li, għal-lott Nru 1, l-offerti tal-konsorzju Sword-Siveco (iktar ’il quddiem, “Sword-Siveco”) u ta’ Logica Luxembourg (iktar ’il quddiem, “Logica”) kienu ġew ikklassifikati, rispettivament, fl-ewwel u t-tieni pożizzjoni fil-kaskata, li, għal-lott Nru 3, l-offerta ta’ ARHS Cube kienet ġiet ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni fil-kaskata u li, għal-lott Nru 4, l-offerti ta’ Novitech u ta’ Logica kienu ġew ikklassifikati, rispettivament, fl-ewwel u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“offerenti l-oħra magħżula”). Barra minn hekk, l-UP speċifika l-marki miksuba minn dawn l-offerti fl-evalwazzjoni teknika, il-prezzijiet proposti fl-imsemmija offerti kif ukoll ir-relazzjoni bejn il-valur u l-prezz tagħhom. Fl-aħħar nett, huwa semma l-possibbiltà għar-rikorrenti li jitolbu spjegazzjonijiet supplimentari dwar il-klassifika tal-offerti tagħhom fil-kaskata għal kull wieħed mil-lottijiet rilevanti kif ukoll dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerti li jkunu kisbu klassifika aħjar minn tagħhom.

14      B’ittra tat-22 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti talbu lill-UP l-informazzjoni segwenti: l-ewwel nett, l-ismijiet tas-subkuntrattur(i) potenzjali (jew subkuntratturi) li jagħmlu parti mill-konsorzji tal-offerenti l-oħra magħżula u l-perċentwali tal-kuntratt li kienu ngħataw (lilhom), it-tieni nett, il-punti mogħtija, għal kull wieħed mill-kriterji tekniċi ta’ għoti, lill-offerti kollha tagħhom u lill-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula, it-tielet nett, analiżi tal-punti qawwija u tal-punti dgħajfa tal-offerti tagħhom u ta’ dawk tal-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula, ir-raba’ nett, il-vantaġġi relattivi u s-servizzi supplimentari jew l-aħjar proposti mill-offerenti l-oħra magħżula fl-offerti tagħhom, il-ħames nett, kopja ddettaljata tar-rapport ta’ evalwazzjoni u, is-sitt nett, l-ismijiet tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni.

15      Fis-27 ta’ Lulju 2011, l-UP ikkomunika lir-rikorrenti, għal-lottijiet Nri 1, 3 u 4, l-ismijiet tas-subkuntratturi li jagħmlu parti mill-konsorzji tal-offerenti l-oħra magħżula u l-perċentwali tal-kuntratt li kienu ngħataw lilhom. Ir-rikorrenti ntbagħtu wkoll estratt mir-rapporti ta’ evalwazzjoni li jinkludu informazzjoni dwar l-offerti tagħhom u dwar l-offerti sottomessi mill-offerenti l-oħra magħżula għall-imsemmija lottijiet. Fl-aħħar nett, huwa indika lir-rikorrenti li l-ismijiet tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ma setgħux jiġu żvelati.

16      B’ittra tal-5 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti lmentaw bin-natura konċiża u limitata tal-informazzjoni pprovduta mill-UP permezz tal-estratti mir-rapporti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. Huma invokaw bosta żbalji ta’ evalwazzjoni, serji u manifesti, li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-offerti tagħhom.

17      B’ittra tad-29 ta’ Awwissu 2011, l-UP indika lir-rikorrenti li kien se jżomm id-deċiżjonijiet ta’ għoti fir-rigward tal-kuntratti inkwistjoni. Huwa informahom ukoll bid-deċiżjoni tiegħu li jipproċedi bl-iffirmar tal-kuntratti qafas mal-offerenti magħżula.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

19      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla. Peress li membru tad-Disa’ Awla ma setax jipparteċipa fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina mħallef ieħor skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, sabiex jikkompleta l-Awla.

20      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Settembru 2014.

21      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni pproduċiet dokument intitolat “Corrigendum to Report of works of the Evaluation Committee evaluating offers submitted in response to the call for tenders N° 10340 lot 1” (Rettifika fir-Rapport tax-xogħol tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jevalwa l-offerti sottomessi b’risposta għas-sejħa għal offerti [AO] 10340, lott Nru 1) u r-rikorrenti ma opponewx ruħhom li dan jiddaħħal fil-proċess.

22      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2011 tal-UP li tikklassifika l-offerti tagħhom fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3 ;

–        tannulla d-deċiżjonijiet konnessi kollha adottati mill-UP, b’mod partikolari dawk “li jagħtu l-kuntratti inkwistjoni lill-ewwel u lit-tieni offerenti magħżula tal-kaskata”;

–        tikkundanna lill-UP, skont l-Artikoli 256 TFUE, 268 TFUE u 340 TFUE, iħallashom is-somma ta’ EUR 3 450 000 bħala danni għall-preġudizzji sostnuti minħabba l-proċedura ta’ għoti inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-UP iħallas lir-rikorrenti, skont l-Artikoli 256 TFUE, 268 TFUE u 340 TFUE, is-somma ta’ EUR 345 000 bħala danni għal telf ta’ opportunità u danni għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħhom;

–        tikkundanna lill-UP għall-ispejjeż u nfiq ieħor sostnut fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

24      Fir-replika, ir-rikorrenti naqqsu l-ammont tat-talba tagħhom għad-danni għall-preġudizzji sostnuti minħabba l-proċedura ta’ għoti inkwistjoni għal EUR 2 800 000 u dak tat-talba tagħhom għad-danni għall-preġudizzji sostnuti minħabba telf ta’ opportunità u danni għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħhom għal EUR 280 000.

25      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjaw għat-tielet kap ta’ talbiet tagħhom, fatt li ġie nnotat fil-minuti tas-seduta.

26      Barra minn hekk, ir-rikorrenti speċifikaw waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula f’dan is-sens mill-Qorti Ġenerali, li r-riferiment għad-deċiżjonijiet “li jagħtu l-kuntratti inkwistjoni lill-ewwel u lit-tieni offerenti magħżula tal-kaskata” kellu jinftiehem fis-sens li jirreferi għad-deċiżjonijiet li jagħtu l-kuntratti inkwistjoni lill-offerenti l-oħra magħżula sa fejn jirrigwardaw il-klassifika tagħhom. Minbarra dan, huma speċifikaw li r-riferiment għad-deċiżjonijiet konnessi kollha, fit-tieni kap ta’ talbiet tagħhom, kien jirreferi biss għad-deċiżjonijiet li jagħtu l-kuntratti inkwistjoni lill-offerenti l-oħra magħżula sa fejn jirrigwardaw il-klassifika tagħhom.

27      Fl-aħħar nett, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti talbu li l-Kummissjoni, u mhux l-UP, tiġi kkundannata għall-ispejjeż, fatt li ġie nnotat fil-minuti tas-seduta.

 Id-dritt

28      Ir-rikorrenti ressqu talba għal annullament kif ukoll talba għad-danni.

 I – Fuq it-talba għal annullament

29      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, b’mod preliminari, li mit-talbiet tar-rikorrenti, kif espressi waqt is-seduta, jirriżulta li hemm lok li jiġi llimitat il-kuntest ta’ din it-talba għal annullament għall-eżami tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ klassifika tal-offerti tar-rikorrenti, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3, u tad-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni lill-offerenti l-oħra magħżula sa fejn jirrigwardaw il-klassifika tagħhom.

30      Barra minn hekk, fid-dawl tar-rabta stretta bejn id-deċiżjonijiet ta’ klassifika tal-offerta tar-rikorrenti fil-kaskata għal diversi lottijiet u d-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-kuntratti inkwistjoni lill-offerenti l-oħra magħżula sa fejn jirrigwardaw il-klassifika tagħhom u sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jirreferu għad-deċiżjonijiet ta’ klassifika tal-offerti tagħhom, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li teżamina qabel kollox il-legalità ta’ dawn tal-aħħar.

31      Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ klassifika tal-offerta tagħhom fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-vantaġġi relattivi tal-offerti tal-offerenti magħżula u fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002 (KE, Euratom), tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Finanzjarju”). It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt minħabba l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ għoti bi ksur tal-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 138 tar-Regolament Nru 2342/2002. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq osservazzjonijiet vagi u mhux issostanzjati tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, fuq modifika a posteriori tal-kriterji ta’ għoti indikati fis-sejħa għal offerti, fuq kriterji li ma tħabbrux fiż-żmien meħtieġ lill-offerenti kif ukoll fuq konfużjoni bejn il-kriterji ta’ għażla u ta’ għoti.

32      Għandu jiġi osservat li t-tliet motivi huma invokati kemm insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ klassifika tal-offerti tar-rikorrenti fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1 u fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 kif ukoll insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ klassifika tal-offerta tar-rikorrenti fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, kif semmew ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, l‑UP għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa rigward l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għat-teħid ta’ deċiżjoni li jingħata kuntratt fuq sejħa għal offerti u l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball serju u manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑377/07, EU:T:2011:731, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 A – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-vantaġġi relattivi tal-offerti tal-offerenti magħżula u fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju

34      Ir-rikorrenti jinvokaw l-insuffiċjenza tal-ġustifikazzjonijiet mibgħuta mill-UP. Dan, fil-fatt, ikkomunika biss ċerti elementi fir-risposta tiegħu tas-27 ta’ Lulju 2011, u mbagħad irrifjuta li jirrispondi għall-argumenti ddettaljati esposti fl-ittra tar-rikorrenti tal-5 ta’ Awwissu 2011 u ta lil dawn l-impressjoni raġonevoli li l-offerti tagħhom kienu ġew “miċħuda” bi żball. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li l-prattika normali tal-Kummissjoni, fl-eżami tal-osservazzjonijiet ta’ offerent fuq l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, tikkonsisti fil-fatt li tqabbad organu differenti jeżamina dawn l-osservazzjonijiet sabiex tinstab soluzzjoni imparzjali. L-UP ikkomunikalhom osservazzjonijiet ġenerali, vagi, suġġettivi u infondati, li ma setgħux jiġġustifikaw l-evalwazzjonijiet negattivi miksuba mill-imsemmija offerti. Barra minn hekk, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ma pprovdilhom l-ebda spjegazzjoni dwar is-servizzi proposti mill-offerenti l-oħra magħżula għal-lottijiet rilevanti li kienu supplimentari jew aħjar meta mqabbla ma’ dawk proposti f’dawn l-offerti.

35      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

36      Għandu jitfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza jerġa’ iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsab, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha. Huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali kinux jeżistu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamikivs Il-Kummissjoni, T‑465/04, EU:T:2008:324, punt 54).

37      Għandu jitfakkar ukoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra, EU:C:2001:178, punt 35, u tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑406/06, EU:T:2008:484, punt 47).

38      Mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u mill-Artikolu 149 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha jekk, qabel kollox, sempliċement tikkomunika immedjatament lill-offerenti kollha mhux magħżula l-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u, imbagħad, tipprovdi lill-offerenti li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli, u li jagħmlu talba espliċita f’dan is-sens, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-persuna li tkun ingħatat il-kuntratt fi żmien ħmistax-il jum kalendarju li jibdew jgħoddu mir-riċevuta ta’ talba bil-miktub (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs OEDT, T‑63/06, EU:T:2010:368, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs EFSA, T‑457/07, EU:T:2012:671, punt 45).

39      Dan il-metodu ta’ proċedura huwa konformi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li skontu l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jinvokaw id‑drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi Evropaïki Dynamiki vs OEDT, punt 38 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:368, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Evropaïki Dynamiki vs EFSA, punt 38 iktar ʼil fuq, EU:T:2012:671, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Ma jirriżultax, la mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, la mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 149(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni u lanqas mill-ġurisprudenza li, fuq talba bil-miktub ta’ offerent eskluż, l-awtorità kontraenti hija marbuta tipprovdilu kopji kompleti tar-rapporti ta’ evalwazzjoni u tal-offerti magħżula (digriet tat-13 ta’ Jannar 2012, Evropaïki Dynamiki vs AEE, C‑462/10 P, EU:C:2012:14, punt 39).

41      Għandu jitfakkar ukoll li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li l-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, EU:T:2008:324, punt 49).

42      Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, l-UP issodisfax ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni, għandha tiġi eżaminata l-ittra tat-22 ta’ Lulju 2011, li tinkludi d-deċiżjonijiet ta’ klassifika tal-offerti tar-rikorrenti fil-kaskata għal kull wieħed mil-lottijiet rilevanti. Għandha tiġi eżaminata wkoll l-ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, indirizzata lir-rikorrenti, fit-terminu previst fl-Artikolu 149(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, b’risposta għat-talba espliċita tagħhom tat-22 ta’ Lulju 2011, intiża għall-ksib ta’ informazzjoni addizzjonali dwar id-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-kuntratti inkwistjoni li jirrigwardaw l-offerenti magħżula u ta’ klassifika tal-offerti ta’ dawn tal-aħħar fil-kaskata għal kull wieħed mill-imsemmija lottijiet.

43      B’ittra tat-22 ta’ Lulju 2011, l-UP indika lir-rikorrenti li l-offerti tagħhom kienu ġew ikklassifikati fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3. Huwa speċifika wkoll, għall-imsemmija lottijiet, il-marki tekniċi mogħtija għal kull waħda mill-offerti tal-offerenti magħżula, il-prezz tagħhom u l-marka globali finali tagħhom. Fl-aħħar nett, huwa informa lir-rikorrenti bid-dritt tagħhom li jiksbu informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi tal-klassifiki tal-imsemmija offerti.

44      Kif ġie indikat fil-punt 15 hawn fuq, wara talba għal spjegazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti, l-UP, b’ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, indika lir-rikorrenti, għal-lottijiet Nri 1, 3 u 4, l-ismijiet tas-subkuntratturi li jagħmlu parti mill-konsorzji tal-offerenti l-oħra magħżula u l-perċentwali tal-kuntratt ikkonċernat li kienu ngħataw lilhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li ssemmew Logica (offerent) u Herakles (subkuntrattur), għal-lott Nru 4, u mhux għal-lott Nru 3, kif issemma abbażi ta’ ovvju żball tal-ittajpjar, li ma ġiex, barra minn hekk, osservat mir-rikorrenti.

45      Bl-istess ittra, l-UP bagħat lir-rikorrenti estratti tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li jinkludu, għal kull wieħed mil-lottijiet rilevanti, informazzjoni fuq l-offerti tagħhom kif ukoll dwar dawk tal-offerenti l-oħra magħżula. Dawn l-estratti, li jirrappreżentaw total ta’ 35 paġna, kienu jinkludu tabelli b’osservazzjonijiet, għal kull kriterju tekniku ta’ għoti, dwar il-punti qawwija u l-punti dgħajfa tal-offerti tar-rikorrenti u dawk tal-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula, kif ukoll il-marki mogħtija taħt kull kriterju. Ċerti osservazzjonijiet ġew moħbija, b’mod parzjali jew sħiħ, u l-UP speċifika lir-rikorrenti li ċerta informazzjoni, li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-interess pubbliku, jista’ jaffettwa l-interessi kummerċjali leġittimi tal-offerenti l-oħra magħżula (pereżempju, informazzjoni marbuta mas-soluzzjoni teknika proposta) jew għandu mnejn ikun ta’ ħsara għal kompetizzjoni leali bejn l-impriżi kkonċernati, ma setgħetx tiġi kkomunikata lilhom u kienet tneħħiet.

46      Fl-aħħar nett, bl-istess ittra, l-UP indika lir-rikorrenti li l-ismijiet tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ma setgħux jiġu żvelati.

47      Għandu jiġi kkonstatat li, għal kull wieħed mil-lottijiet rilevanti, l-UP indika lir-rikorrenti l-ismijiet tal-offerenti l-oħra magħżula, l-osservazzjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, kemm għall-offerti tagħhom kif ukoll għal dawk li ġew ikklassifikati f’pożizzjoni aħjar minn tagħhom, kif ukoll ir-riżultat tal-evalwazzjoni finanzjarja, u b’hekk ippermetta lir-rikorrenti jkunu jafu l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerti l-oħra magħżula, kif mitlub permezz tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju. L-osservazzjonijiet tekniċi, fil-fatt, ippermettew lir-rikorrenti jqabblu, għall-imsemmija lottijiet, il-marki mogħtija għall-offerti tagħhom, taħt kull kriterju tekniku ta’ għoti, ma’ dawk mogħtija għall-offerti kklassifikati f’pożizzjoni aħjar minn dawk tagħhom.

48      F’dan ir-rigward, minkejja li r-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni għandha tgħarraf l-informazzjoni dwar l-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kunfidenzjali u li għandha tindika sa fejn dawn tal-aħħar jistgħu jkunu ppreġudikati b’tali komunikazzjoni, huma sempliċement ifformulaw talba ġenerali, mingħajr ma indikaw, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom li jirrigwardaw dan il-motiv, l-osservazzjonijiet, jew il-partijiet tal-offerti li qed jirreferu għalihom, li l-iżvelar tagħhom huwa neċessarju għall-finijiet ta’ protezzjoni ġuridika u ġudizzjarja effettiva.

49      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi tista’ ma ssirx mill-awtorità kontraenti fil-każ fejn l-imsemmija komunikazzjoni tostakola l-applikazzjoni tal-liġijiet, tmur kontra l-interess pubbliku, tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privati jew għandha mnejn tkun ta’ ħsara għal kompetizzjoni leali bejniethom.

50      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni adottata minn awtorità kontraenti fir-rigward ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-prinċipju ta’ kontradittorju ma jimplikax li l-partijiet ikollhom dritt għal aċċess illimitat u assolut għall-informazzjoni kollha relatata mal-proċedura għall-għoti inkwistjoni. Bil-kontra, dan id-dritt ta’ aċċess għandu jiġi bbilanċjat mad-dritt li operaturi ekonomiċi oħra għandhom għall-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll tas-sigrieti kummerċjali għandu jiġi implementat b’mod li jiġi kkonċiljat mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġuridika effettiva u mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fit-tilwima u, fil-każ ta’ azzjoni ġudizzjarja, b’mod li jiġi żgurat li l-proċedura tosserva, fil-globalità tagħha, id-dritt għal smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, bpost vs Il-Kummissjoni, T‑514/09, EU:T:2011:689, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-osservazzjonijiet iddettaljati fformulati mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tal-5 ta’ Awwissu 2011 jirriżulta li huma kellhom konoxxenza suffiċjenti tal-vantaġġi relattivi tal-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula.

51      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni li l-offerti tar-rikorrenti jiġu kklassifikati fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3, saret wara l-evalwazzjoni finali, jiġifieri wara l-kalkolu tar-relazzjoni valur-prezz ta’ kull offerta għal kull wieħed mill-imsemmija lottijiet. B’dan il-mod, il-vantaġġi relattivi tal-offerti kklassifikati f’pożizzjoni aħjar minn dawk tar-rikorrenti, meta mqabbla mal-offerti ta’ dawn tal-aħħar, ma kinux jirrigwardaw biss il-marki miksuba taħt il-kriterji tekniċi ta’ għoti, iżda kienu jirrigwardaw ukoll il-prezz propost u, b’mod partikolari, ir-relazzjoni valur-prezz tal-offerti.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-UP, billi kkomunika lir-rikorrenti, għal kull wieħed mil-lottijiet rilevanti, osservazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni teknika, fir-rigward ta’ kull kriterju ta’ għoti, tal-offerti kklassifikati f’pożizzjoni aħjar minn tagħhom kif ukoll il-prezz propost f’kull waħda mill-imsemmija offerti u d-dettall tal-kalkoli tar-relazzjoni valur‑prezz, espona suffiċjentement liema kienu l-vantaġġi relattivi tal-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula, inkluż meta l-imsemmija offerti kienu juru prezz ogħla minn dak tar-rikorrenti għal-lott ikkonċernat.

53      Bil-kontra ta’ dak li donnhom jemmnu r-rikorrenti, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi relattivi għall-offerta magħżula għal kull lott ikkonċernat, analiżi komparattiva fid-dettall ta’ din tal-aħħar kif ukoll ta’ dik tal-offerent eskluż ma tistax tintalab mill-awtorità kontraenti (digriet tat-13 ta’ Ottubru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑560/10 P, EU:C:2011:657, punt 17, u s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs EFSA, punt 38 iktar ’il fuq, EU:T:2012:671, punt 51), u dan jgħodd ukoll, bħal f’dan il-każ, għal offerent li l-offerti tiegħu, bħal dawk tar-rikorrenti, ġew ikklassifikati f’pożizzjoni iktar baxxa minn dik tal-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula.

54      Barra minn hekk, ma jeżistix, f’dan il-każ, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ fuq l-UP sa fejn kien hemm żbalji fil-proċedura ta’ għoti, li wasslu lill-kumitat ta’ evalwazzjoni jadotta deċiżjoni ta’ għoti modifikata. Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-iżball imwettaq li wassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ għoti korretta ma kienx jaffettwa l-lottijiet Nri 3 u 4 (ara l-punt 12 hawn fuq). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-lott Nru 1, ikkonċernat mill-imsemmi żball, il-Kummissjoni indikat li dan kien żball ta’ kalkolu fil-formola użata sabiex tiġi evalwata l-offerta li għandha l-aħjar valur għall-prezz tagħha (ara l-punt 12 hawn fuq). Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni speċifikat li l-marki bl-ebda mod ma kienu ġew immodifikati, u dan huwa kkonfermat mid-dokument intitolat “Corrigendum to Report of works of the Evaluation Committee evaluating offers submitted in response to the call for tenders N°10340 lot 1” (Rettifika fir-Rapport tax-xogħol tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jevalwa l-offerti sottomessi b’risposta għas-sejħa għal offerti [AO] 10340, lott Nru 1) li ddaħħal fil-proċess (ara l-punt 21 hawn fuq). Għaldaqstant, dan l-iżball ma kienx jirrigwarda l-marki mogħtija għall-offerti fl-evalwazzjoni tagħhom skont il-kriterji tekniċi ta’ għoti.

55      Fl-aħħar nett, għandu jiġi eskluż l-argument tar-rikorrenti li jinvoka l-assenza ta’ eżami, minn organu differenti mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, tal-osservazzjonijiet iddettaljati tagħhom, minkejja l-importanza tagħhom, sabiex tinstab soluzzjoni imparzjali. Ma jirriżultax, fil-fatt, mil-leġiżlazzjoni applikabbli li l-awtorità kontraenti kienet marbuta li tagħti bidu għal tali eżami u r-rikorrenti ma jinvokaw, barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni f’dan is-sens. F’kull każ, dan l-argument huwa ineffettiv għaliex ma huwiex tali li juri motivazzjoni insuffiċjenti tal-ittra tat-22 ta’ Lulju 2011, li tinkludi d-deċiżjonijiet ta’ klassifika tal-offerti tar-rikorrenti fil-kaskata għal kull wieħed mil-lottijiet rilevanti, u dan l-ilment ma jistax iwassal għall-annullament tal-imsemmija ittra u ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

56      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li l-UP, fl-ittri tiegħu tat-22 u tas-27 ta’ Lulju 2011 kif ukoll fl-estratti tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, mehmuża bħala anness mal-ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, jagħti motivazzjoni ddettaljata suffiċjentement tar-raġunijiet li għalihom l-offerti ppreżentati mir-rikorrenti ġew ikklassifikati fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni għal-lott Nru 3, mingħajr ma huwa neċessarju, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni tintalab tippreżenta tabella li turi, għal-lottijiet Nri 1, 3 u 4 u għal kull offerent magħżul, l-impatt ta’ kull osservazzjoni, negattiva jew pożittiva, fuq il-marki tal-offerti, skont kull wieħed mill-kriterji tekniċi ta’ għoti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-awtorità kontraenti ma tistax tiġi mitluba tibgħat lil offerent li l-offerta tiegħu ma ġietx ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni f’kaskata, minbarra l-motivi tal-klassifika ta’ din tal-aħħar, sunt fid-dettall tal-mod kif kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ din (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C‑629/11 P, EU:C:2012:617, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Minbarra dan, sa fejn ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni tal-integralità tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-offerti tar-rikorrenti u tal-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula, għandu jitfakkar li l-offerent eskluż ma jistax jitlob il-komunikazzjoni tal-integralità tal-imsemmija rapporti ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 40 hawn fuq), u dan jgħodd ukoll, bħal f’dan il-każ, għal offerent li l-offerta tiegħu, bħal dawk tar-rikorrenti, ġiet ikklassifikata fil-kaskata għal lott speċifiku f’pożizzjoni iktar baxxa minn dik li fiha ġew ikklassifikati fl-istess kaskata l-offerti tal-offerenti l-oħra magħżula. Minbarra dan, tali komunikazzjoni ma tidhirx neċessarja f’dan il-każ.

58      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni tat-tabella evokata mir-rikorrenti, imsemmija fil-punt 56 hawn fuq, u lanqas l-integralità tar-rapporti ta’ evalwazzjoni.

59      Għandu jiġi konkluż li l-UP immotiva suffiċjentement fil-liġi d-deċiżjonijiet tiegħu ta’ klassifika tal-offerti tar-rikorrenti fil-kaskata għal kull wieħed mil-lottijiet rilevanti u ssodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 149 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

60      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata permezz tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-natura insuffiċjenti ta’ ċerti osservazzjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-offerti tagħhom għal-lottijiet Nri 1, 3 u 4.

61      Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni, bl-argument tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-offerti tagħhom skont il-kriterji 1.1, 1.3 u 3.1, li jikkontestaw il-fondatezza tal-osservazzjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, tali argument għandu neċessarjament jiġi miċħud fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

62      Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 hawn fuq, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, meta r-rikorrenti jiċċitaw osservazzjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, ifformulati fl-evalwazzjoni tal-offerti tagħhom skont il-kriterji 1.5, 3.2, 3.5 u 4.2, biżżejjed jiġi kkonstatat li huma ma jiċċitawx dawn l-osservazzjonijiet fl-integralità tagħhom, kif jidhru fl-estratti tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li ġew ikkomunikati lilhom. Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-osservazzjonijiet huma suffiċjentement preċiżi sabiex jinftiehmu u jiġu kkontestati u sabiex jippermettu stħarriġ tal-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, bħal dawk iċċitati, mill-bqija, mir-rikorrenti u espressi fl-evalwazzjoni tal-offerti tagħhom skont il-kriterji 1.2, 1.4, 3.3, 3.4 u 3.5. Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jintroduċu argumenti sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ ċerti osservazzjonijiet li huma jiċċitaw, fil-parti tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom iddedikata għat-tieni motiv kif ukoll f’dik iddedikata għat-tielet motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-offerti tagħhom, skont il-kriterji 1.1, 1.2, 1.4, 1.5, 3.2, 3.4, 3.5 u 4.2, jew dwar l-evalwazzjoni ta’ offerta oħra, li rċeviet l-istess osservazzjoni, skont il-kriterji 1.3 u 3.3, huma ma jistgħux jinvokaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, tali argumenti juru, mill-bqija, li r-rikorrenti setgħu jifhmu, f’dan ir-rigward, ir-raġunament tal-UP.

63      It-tieni nett, l-UP ma huwiex marbut, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li jispeċifika dak li l-offerenti l-oħra magħżula kienu jipproponu aħjar minnhom u lanqas li jesponu r-raġunijiet għal dan. Dan l-argument tar-rikorrenti, dwar l-osservazzjonijiet tal-kumitat ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerti tagħhom u ta’ dawk tal-offerenti l-oħra magħżula, skont il-kriterji 3.1, 3.2 u 4.2, iwassal sabiex tintalab analiżi komparattiva fid-dettall, u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud (ara l-punt 53 hawn fuq). Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jinvoka, rigward l-evalwazzjoni tal-offerti skont il-kriterju 4.2, l-assenza fir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ kwalunkwe osservazzjoni dwar l-approċċ tal-ġestjoni tal-kunsinni propost minn Sword-Siveco, biżżejjed jiġi kkonstatat li dan l-offerent ma ntgħażilx fil-kaskata għal-lott Nru 4.

64      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 B – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt minħabba l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ għoti li jikser l-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 138 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni

[omissis]

 C – Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq osservazzjonijiet vagi u mhux issostanzjati tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, fuq modifiki a posteriori tal-kriterji ta’ għoti indikati fis-sejħa għal offerti, fuq kriterji li ma tħabbrux fiż-żmien meħtieġ lill-offerenti kif ukoll fuq konfużjoni bejn il-kriterji ta’ għażla u ta’ għoti

[omissis]

377    Peress li r-rikorrenti tilfu fuq il-motivi kollha ta’ annullament tagħhom, dan ir-rikors għandu jiġu miċħud sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet li l-offerti tar-rikorrenti jiġu kklassifikati fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3.

378    Fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jagħtu l-kuntratti inkwistjoni lill-offerenti l-oħra magħżula sa fejn jirrigwardaw il-klassifika tagħhom, din tista’ biss tiġi miċħuda bħala konsegwenza taċ-ċaħda tat-talba għal annullament tad-deċiżjonijiet, imsemmija fil-punt 377 hawn fuq, li huma marbuta b’mod strett magħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ April 2007, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T‑195/05, Ġabra, EU:T:2007:107, punt 113, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑247/09, EU:T:2012:533, punt 170).

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE huma kkundannati għall-ispejjeż.

Czúcz

Pelikánová

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2015.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I – Fuq it-talba għal annullament

A – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-vantaġġi relattivi tal-offerti tal-offerenti magħżula u fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju

B – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt minħabba l-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ għoti li jikser l-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 138 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni

C – Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq osservazzjonijiet vagi u mhux issostanzjati tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, fuq modifiki a posteriori tal-kriterji ta’ għoti indikati fis-sejħa għal offerti, fuq kriterji li ma tħabbrux fiż-żmien meħtieġ lill-offerenti kif ukoll fuq konfużjoni bejn il-kriterji ta’ għażla u ta’ għoti


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom titqies utli mill-Qorti Ġenerali.