Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2015 – European Dynamics Luxembourg et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-536/11) 1

(“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi informatiċi ta’ żvilupp u ta’ manutenzjoni ta’ softwer, ta’ konsulenza u ta’ assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet informatiċi – Klassifika tal-offerta ta’ offerent fil-kaskata għal diversi lottijiet u klassifika tal-offerti ta’ offerenti oħra – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kriterju ta’ għoti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu); European Dynamics Belgium SA (Brussell, il-Belġju); u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis, M. Dermitzakis u N. Theologou, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: initizjalment S. Delaude u V. Savov, sussegwentement S. Delaude, aġenti, assistiti minn O. Graber-Soudry, solicitor)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tat-22 ta’ Lulju 2011, li tikklassifika lir-rikorrenti, għall-offerti tagħhom ippreżentati fir-rigward tas-sejħa għal offerti AO 10340, dwar il-provvista ta’ servizzi informatiċi ta’ żvilupp u ta’ manutenzjoni ta’ softwer, ta’ konsulenza u ta’ assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet informatiċi (ĠU 2011/S 66-106099), fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 1, fit-tielet pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 4 u fit-tieni pożizzjoni fil-kaskata għal-lott Nru 3, kif ukoll tad-deċiżjonijiet li jagħtu l-kuntratti inkwistjoni lil offerenti oħra sa fejn dawn jirrigwardaw il-klassifika tagħhom u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.DispożittivIr-rikors huwa miċħud.European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE huma kkundannati għall-ispejjeż.

____________

1 ĠU C 355, 3.12.2011