Language of document : ECLI:EU:C:2024:605

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

11 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra d-dewmien fil-ħlas fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Artikolu 6(1) – Somma fissa minima bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru – Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti li t-talbiet għall-ħlas ta’ din is-somma fissa jiġu miċħuda f’każ ta’ dewmien mhux sinjifikattiv jew ta’dejn żgħir – Obbligu ta’ interpetazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑279/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy Katowice – Zachód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2023, fil-proċedura

Skarb Państwa - Dyrektor Okręgowego Urzędu Miar w K.

vs

Z. sp.j.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Z. sp.j., minn K. Pluta-Gabryś, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Skarb Państwa (it-Teżor Pubbliku, il-Polonja), irrappreżentat mid-Dyrektor Okręgowego Urzędu Miar w K. (id-Direttur tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Kejl lil K., iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Kejl”), u Z. sp. j., kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk, dwar talba għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti minn dan l-uffiċċju minħabba dewmien fil-ħlas suċċessiv ta’ Z relatati ma’ servizzi ta’ kalibrar ta’ strumenti ta’ kejl ipprovduti mill-imsemmi uffiċċju.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 12, 19 u 19 tad-Direttiva 2011/7 jistabbilixxu:

“12.      Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira tal-Istati Membri minħabba li fuq ħlasijiet tard jintalbu rati baxxi ta’ mgħax jew l-ebda mgħax u/jew li l-proċeduri ta’ rimedju jieħdu wisq żmien. Jeħtieġ tibdil deċiżiv lejn kultura ta’ ħlas fil-ħin, inkluż dik fejn l-esklużjoni tad-dritt li jintalab imgħax għandha dejjem titqies bħala kondizzjoni jew prassi kuntrattwali inġusta għall-aħħar biex titreġġa’ lura din it-tendenza u jiġi skoraġġit il-ħlas tard. Tali tibdil għandu jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-perjodi ta’ ħlas u dwar il-kumpens tal-kredituri għall-ispejjeż imġarrba, u, fost l-oħrajn, li l-esklużjoni tad-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

[...]

17.      Il-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu.

[...]

19.      Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. Kumpens biex jiġu rkuprati l-ispejjeż għandu jkun determinat bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom qorti nazzjonali tista’ tagħti kumpens lill-kreditur għal kwalunkwe ħsara addizzjonali rigward ħlas tard tad-debitur.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME)].

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.

[...]”

5        Skont il-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;

2)      ‘awtorità pubblika’ tfisser kull awtorità kontraenti, kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 19) u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE, [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), indipendentement mis-suġġett jew il-valur tal-kuntratt;

3)      ‘intrapriża’ tfisser kull organizzazzjoni, għajr awtorità pubblika, li taġixxi fil-kors tal-attività ekonomika jew professjonali indipendenti tagħha, anke meta dik l-attività titwettaq minn persuna waħda;

4)      ‘ħlas tard’ tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) jiġu sodisfatti;

[...]”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

a)      il-kreditur issodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; u

b)      il-kreditur ma rċeviex l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.

[...]”

7        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)      il-kreditur issodisfa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; u

b)      il-kreditur ma rċeviex l-ammont dovut fil-ħin, sakemm id-debitur ma jkunx responsabbli għad-dewmien.

[...]”

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.

[...]”

9        L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, bit-titolu “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur.

Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:

a)      kull devjazzjoni kbira minn prassi kummerċjali tajba, li tmur kontra l-bona fide u n-negozjar ġust;

b)      in-natura tal-prodott jew tas-servizz; u

c)      jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja mir-rata ta’ mgħax statutorja għall-ħlas tard, mill-perjodu ta’ ħlas kif imsemmi fl-Artikolu 3(5), il-punt (a) tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 4(6) jew mis-somma fissa kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).

2.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi mgħax għal ħlas tard għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.

3.      Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 6 għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.”

 Iddritt Pollakk

 IlLiġi Intiża sabiex Tiġġieled id-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali

10      Skont l-Artikolu 10 tal-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi Intiża sabiex Tiġġieled id-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali) tat‑8 ta’ Marzu 2013, (Dz. U. tal‑2022, Pożizzjoni 93), li ttrasponiet id-Direttiva 2011/7 fl-ordinament ġuridiku Pollakk u li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ April 2013:

“1.      Mid-data li fiha huwa jikseb id-dritt għall-interessi msemmija fl-Artikolu 7(1) jew fl-Artikolu 8(1), il-kreditur għandu jkollu d-dritt li jikseb mingħand id-debitur, mingħajr intimazzjoni, kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, li għandu jkun ekwivalenti għal somma ta’:

1.      EUR 40, meta s-somma tal-ħlas tkun inqas minn 5 000 zlote Pollakki (PLN) [(madwar EUR 1 155)];

[...]

2.      Minbarra s-somma prevista fil-paragrafu 1, il-kreditur għandu jkollu wkoll id-dritt għar-rimbors, f’limitu raġonevoli, tal-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti li jeċċedu din is-somma.”

 IlKodiċi Ċivili

11      L-Artikolu 5 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili, tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal2022, Pożizzjoni 1360) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Pollakk”), jipprevedi:

“Dritt ma jistax jiġi eżerċitat bi ksur tal-għan soċjoekonomiku tiegħu jew tal-prinċipji tal-ħajja fis-soċjetà. Tali att jew ommissjoni min-naħa tad-detentur tad-drittijiet ma għandux jitqies bħala implimentazzjoni ta’ dan id-dritt u ma jibbenefikax minn protezzjoni.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

12      L-Uffiċċju tal-Kejl jipprovdi servizzi ta’ kalibrar ta’ strumenti ta’ kejl, regolarment użati mill-kumpannija Z. Din tal-aħħar ħallset tali servizzi tardivament darbtejn. L-ewwel ħlas tardiv, ta’ għoxrin jum, kien jirrigwarda s-somma ta’ PLN 246 (madwar EUR 55) u t-tieni wieħed, ta’ ħamest ijiem, kien jirrigwarda s-somma ta’ PLN 369 (madwar EUR 80).

13      L-Uffiċċju tal-Kejl għalhekk ressaq quddiem is-Sąd Rejonowy Katowice – Zachód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, talba għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 80, flimkien mal-interessi previsti mid-dritt Pollakk, jiġifieri s-somma li tikkorrispondi għal darbtejn il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru msemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 10(1) tal-Liġi Intiża sabiex Tiġġieled id-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali.

14      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Pollakki, ir-rikorsi intiżi għall-ħlas tas-somma fissa għall-ispejjeż ta’ rkupru jiġu miċħuda meta d-dewmien ta’ ħlas tad-debitur ikun negliġibbli jew meta s-somma tal-kreditu dovuta tkun żgħira. Hija tenfasizza li l-kawża li hija adita biha turi tali prattika, peress li Z qatt ma ġiet ikkundannata minkejja li hija sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ dewmien fil-ħlas mill-inqas 39 darba.

15      Skont il-qorti tar-rinviju, iċ-ċaħda ta’ dawn ir-rikorsi hija bbażata fuq l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, interpretat fis-sens li, meta s-somma ta’ kreditu li l-ħlas tagħha huwa mdewwem ma teċċedix l-ekwivalenti fi zlote Pollakki minn EUR 100 sa EUR 300, jew meta d-dewmien fil-ħlas ta’ dejn ma jaqbiżx ġimagħtejn sa sitt ġimgħat, kumpens tal-kreditur jitqies li huwa “eżerċitat bi ksur tal-[...] prinċipji tal-ħajja fis-soċjetà”, espressjoni li din il-qorti tqis ekwivalenti għal dak ta’ “kuntrarju għall-għemil xieraq”.

16      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali interpretazzjoni mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tagħha. Skont din il-qorti, l-aċċettazzjoni, mill-qrati Pollakki, ta’ konswetudni li d-debituri jwettqu pagamenti żgħar tard, li għandha bħala konsegwenza li kreditur li ma josservax din il-konswetudni u jeżiġi kumpens huwa meqjus li jikser dawn il-“prinċipji tal-ħajja fis-soċjetà”, ma tistax tiġġustifika l-introduzzjoni, mid-dritt nazzjonali, ta’ eċċezzjoni għar-regola ċara, preċiża u inkundizzjonata prevista f’dan l-Artikolu 6(1).

17      F’dan il-kuntest, is-Sąd Rejonowy Katowice – Zachód w Katowicach (il-Qorti Distrettwali ta’ Katowice-Lvant f’Katowice) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 [...] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil qorti nazzjonali tiċħad rikors intiż għall-kisba ta’ kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru msemmija f’din id-dispożizzjoni minħabba li l-ħlas tardiv [d-dewmien fil-ħlas] tad-debitur ma kienx sinjifikattiv jew minħabba li l-ammont dovut tad-dejn imħallas tardivament mid-debitur kien żgħir?”

 Fuq iddomanda preliminari

18      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ, awtorità pubblika, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, hija kreditur ta’ somma flus fil-konfront ta’ impriża, ir-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ entitajiet ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “tranżazzjoni kummerċjali”, fis-sens ta’ dan il-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u, konsegwentement, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, New Media Development оHotel Services, C‑327/20, EU:C:2022:23, punt 44).

19      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 53, u tat‑30 ta’ Jannar 2020, I.G.I., C‑394/18, EU:C:2020:56, punt 45).

20      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dritt Pollakk jestendi d-dritt għal kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għal sitwazzjonijiet li ma humiex koperti mid-Direttiva 2011/7, li fihom il-kreditur ta’ somma li l-ħlas tagħha jkun ittardjat huwa awtorità pubblika u d-debitur ikun impriża, sabiex il-kumpens jitħallas eżattament skont l-istess modalitajiet, kemm jekk id-debitur ikun impriża jew awtorità pubblika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni preliminari mitluba tidher neċessarja sabiex id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli jiġu interpretati b’mod uniformi. Jeħtieġ għaldaqstant li tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

21      Permezz tal-unika domanda tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi tal-qrati nazzjonali li tikkonsisti fiċ-ċaħda tar-rikorsi intiżi għall-kisba tas-somma fissa minima bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru previsti f’din id-dispożizzjoni, għar-raġuni li d-dewmien tal-ħlas mid-debitur huwa negliġibbli jew li s-somma tal-kreditu kkonċernat mid-dewmien fil-ħlas mid-debitur hija żgħira.

22      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jimponi lill-Istati Membri jiżguraw li, meta interessi moratorji jkunu eżiġibbli fi tranżazzjonijiet kummerċjali, il-kreditur ikollu d-dritt li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, il-ħlas ta’ somma fissa ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li din is-somma fissa minima tkun dovuta awtomatikament, anki fl-assenza ta’ tfakkira indirizzata lid-debitur, u li l-imsemmija somma hija intiża li tikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba.

23      Il-kunċett ta’ “dewmien fil-ħlas”, li jitnissel minnu d-dritt tal-kreditur li jirċievi mingħand id-debitur mhux biss l-interessi, iżda wkoll somma minima fissa ta’ EUR 40, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, huwa mfisser fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva bħala kull ħlas li ma jsirx fit-terminu tal-ħlas kuntrattwali jew legali. Peress li l-istess direttiva tkopri, konformement mal-Artikolu 1(2) tagħha, “[il]-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, dan il-kunċett ta’ “dewmien fil-ħlas” japplika fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni kummerċjali meqjusa individwalment (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 28, u tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Kunsinni ta’ materjal mediku), C‑419/21, EU:C:2022:948, punt 30).

24      Fit-tieni lok, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, għal dak li jirrigwarda tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, u mad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, għal dak li jirrigwarda tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, l-interessi moratorji għal dewmien ta’ ħlas, bħas-somma fissa ta’ EUR 40, isiru dovuti awtomatikament mal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas previst, rispettivament, fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. Il-premessa 17 ta’ din id-direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li “[i]l-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu”.

25      Ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 4(1) jew tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 li jindika li s-somma f’daqqa minima prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex dovuta fil-każ ta’ dewmien negliġibbli fil-ħlas jew minħabba s-somma żgħira tad-dejn ikkonċernat, dewmien li d-debitur huwa l-uniku responsabbli għalih.

26      Għaldaqstant, minn interpretazzjoni litterali u kuntestwali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li s-somma fissa minima ta’ EUR 40, prevista bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, hija dovuta lill-kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu għal kull ħlas li ma jkunx sar fl-iskadenza tar-remunerazzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali, irrispettivament mis-somma tal-kreditu kkonċernat mid-dewmien fil-ħlas jew mit-tul ta’ dan id-dewmien.

27      Fit-tielet lok, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 hija kkonfermata mill-iskop ta’ din tal-aħħar. Mill-Artikolu1(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessi 12 u 19 tal-imsemmija direttiva, jirriżulta, effettivament, li l-istess direttiva tfittex mhux biss li tiskoraġġixxi d-dewmien fil-ħlas billi tevita li dawn ikunu finanzjarjament attraenti għad-debitur, minħabba l-livell baxx jew l-assenza ta’ interessi ffatturati f’tali sitwazzjoni, iżda wkoll li tipproteġi b’mod effettiv lill-kreditur kontra tali dewmien. Din il-premessa 19 tippreċiża, minn naħa, li l-ispejjeż ta’ rkupru għandhom jinkludu wkoll l-irkupru tal-ispejjeż amministrattivi u l-kumpens għall-ispejjeż interni mġarrba minħabba dewmien ta’ ħlas u, min-naħa l-oħra, li l-kumpens permezz ta’ somma fissa għandu jkun intiż li jillimita l-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punti 35 u 36, kif ukoll tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Provvisti ta’ materjal mediku), C‑419/21, EU:C:2022:948, punt 36).

28      F’din il-perspettiva, la s-somma baxxa tal-kreditu dovut, u lanqas in-natura negliġibbli tad-dewmien fil-ħlas ma jistgħu jiġġustifikaw l-eżenzjoni tad-debitur mill-ħlas tas-somma f’daqqa minima dovuta bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għal kull dewmien fil-ħlas li għalih huwa l-uniku responsabbli. Din l-eżenzjoni tkun twassal sabiex jintilef l-effett utli tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, li l-għan tagħha huwa, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, mhux biss li tiskoraġġixxi dan id-dewmien fil-ħlas, iżda wkoll li tikkumpensa, permezz ta’ dawn is-somom, “għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess”, fejn dawn l-ispejjeż huma intiżi li jiżdiedu bi proporzjon man-numru ta’ ħlasijiet u ta’ somom li d-debitur ma jkunx ħallas fit-terminu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li dan id-debitur għandu “xi raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, sabiex jidderoga mill-ħlas tas-somma fissa msemmija fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, peress li l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 7 jippreċiża li, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, “kondizzjoni jew prassi kuntrattwali li teskludi kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru kif imsemmi fl-Artikolu 6 għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2022, BFF Finance Iberia, C‑585/20, EU:C:2022:806, punt 37, u tal‑1 ta’ Diċembru 2022, X (Kunsinni ta’ materjal mediku), C‑419/21, EU:C:2022:948, punt 37).

29      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li jipprevedi li dritt eżerċitat bi ksur tal-għan soċjoekonomiku tiegħu jew tal-prinċipji tal-ħajja fis-soċjetà ma jibbenefikax minn protezzjoni, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li l-qrati nazzjonali, b’osservanza, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, jagħmlu dak kollu li jaqa’ fil-kompetenza tagħhom, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 27, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, ALD Automotive, C‑78/22, EU:C:2023:379, punt 40).

30      Ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 60).

31      Sa fejn l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk ma jistax jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, kif interpretat fil-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza, u fid-dawl tar-rekwiżiti mfakkra fil-punt preċedenti, il-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk sussegwenti, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz tal-proċess leġiżlattiv jew permezz ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi tal-qrati nazzjonali li tikkonsisti fiċ-ċaħda tar-rikorsi intiżi għall-kisba tas-somma f’daqqa minima bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru previsti f’din id-dispożizzjoni, għar-raġuni li d-dewmien fil-ħlas tad-debitur huwa negliġibbli jew li s-somma tad-dejn ikkonċernat mid-dewmien fil-ħlas tad-debitur hija żgħira.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi prassi tal-qrati nazzjonali li tikkonsisti fiċ-ċaħda tar-rikorsi intiżi għall-kisba tas-somma f’daqqa minima bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru previsti f’din id-dispożizzjoni, għar-raġuni li l-ħlas tardiv tad-debitur huwa negliġibbli jew li s-somma tad-dejn ikkonċernat mid-dewmien fil-ħlas tad-debitur hija żgħira.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.