Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Frar 2008 - Centre de coordination Carrefour vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-94/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Centre de coordination Carrefour SNC (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: X. Clarebout u K. Platteau, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni kkontestata peress li ma tipprovdix għal perijodu tranżitorju kif meħtieġ mis-sentenza Forum 1871;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-Deċiżjoni 2003/755/KE tas-17 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni ddikjarat inkompatibbli mas-suq intern l-iskema ta' għajnuna implimentata mill-Belġju favur ċentri ta' koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju2. Din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 20063 (iktar 'il quddiem, is-"sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni" ) peress li din ma tipprovdix għal miżuri tranżitorji għal dak li jirrigwarda ċerti ċentri ta' koordinazzjoni li t-talba tagħhom li jibbenefikaw mill-iskema in kwistjoni kienet pendenti fid-data tan-notifika ta' din id-deċiżjoni jew li l-approvazzjoni tagħhom kienet tiskadi fl-istess żmien jew ftit żmien wara n-notifika ta' l-imsemmija deċiżjoni. Ir-rikorrent f'dan ir-rikors kien wieħed miċ-ċenri ta' koordinazzjoni msemmija fid-dispożittiv tas-sentenza.

Fit-13 ta' Novembru 2007, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida C(2007) 5416 finali, li permezz tagħha emendat id-Deċiżjoni 2003/757/KE billi ddikjarat inkompatibbli mas-suq intern il-liġi Belġjana adottata wara s-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni u billi ppermettiet l-estensjoni tal-perijodu tranżitorju, li matulu ċ-ċentri msemmija f'din is-sentenza setgħu jibbenefikaw mill-iskema, sa l-aħħar ta' l-2010. Id-Deċiżjoni C(2007) 5416 finali kienet tipprovdi wkoll li dan il-perijodu tranżitorju jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2005. Din hija d-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta' dan ir-rikors.

Sabiex isaħħaħ ir-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

Prinċipalment, huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' ugwaljanza kif ukoll ta' l-obbligu tal-Kummissjoni li timplimenta l-miżuri meħtieġa mis-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, safejn hija ma waqqfitx l-inugwaljanza kkonstatata f'din is-sentenza peress li l-perijodu tranżitorju mogħti lir-rikorrent huwa ħafna iqsar minn dak mogħti liċ-ċentri li jinsabu f'sitwazzjoni simili skond l-indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jsostni li kellu jibbenefika minn perijodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010.

Sussidjarjament, ir-rikorrent iqajjem argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' l-aspettattivi leġittimi peress li d-deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet perijodu tranżitorju limitat għall-31 ta' Diċembru 2005, li pproduċa effetti retroattivi u bil-konsegwenza li r-rikorrent ma setax jieħu d-dispożizzjonijiet neċessarji fi żmien xieraq sabiex jadatta ruħu għat-tibdil fl-iskema qabel din id-data. Fuq din il-bażi, u sussidjarjament, ir-rikorrent jallega li għandu jibbenefika minn perijodu tranżitorju li jiskadi l-aktar kmieni fil-31 ta' Diċembru 2009.

B'mod aktar sussidjarju, ir-rikorrent iqajjem argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza peress li d-deċiżjoni kkontestata tittrattah b'mod differenti meta mqabbel ma' l-erba ċentri ta' koordinazzjoni li, meta ġiet adottata l-ewwel Deċiżjoni 2003/757/KE, kienu jinsabu f'sitwazzjoni identika iżda li kisbu tiġdid ta' l-approvazzjoni tagħhom għal perijodu indefinit. Fuq il-bażi ta' dan l-argument, u b'mod aktar sussidjarju, ir-rikorrent isostni li kellu jibbenefika minn perijodu tranżitorju li jiskadi l-aktar kmieni fil-31 ta' Diċembru 2006.

____________

1 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 2006, kawżi magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 5479

2 - ĠU L 282, p. 35, corrigendum ĠU 2003 L 285, p. 52

3 - ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1