Language of document : ECLI:EU:T:2010:98

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

18 ta’ Marzu 2010 (*)

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna favur ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju – Deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni adottata wara annullament parzjali mill-Qorti tal-Ġustizzja – Nuqqas ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑94/08,

Centre de coordination Carrefour SNC, stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn X. Clarebout u K. Platteau, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑P. Keppenne, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni 2003/757/KE (ĠU 2008, L 90, p. 7), sa fejn din ma tipprovdix perijodu tranżitorju adegwat,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-iskema fiskali Belġjana taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, li tidderoga mil-liġi ordinarja, hija rregolata mid-Digriet Irjali Nru 187 tat-30 ta’ Diċembru 1982 dwar it-twaqqif ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni (Moniteur belge tat-13 ta’ Jannar 1983, p. 502), kif kompletat u emendat diversi drabi.

2        Il-benefiċċju ta’ din l-iskema huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni individwali u minn qabel taċ-ċentru permezz ta’ Digriet Irjali. Sabiex jikseb din l-awtorizzazzjoni, iċ-ċentru għandu jifforma parti minn grupp multinazzjonali li jkollu kapital u riżervi li jilħqu jew jaqbżu biljun Frank Belġjan (BEF) u li jipproduċi fatturat annwu li l-ammont globali tiegħu jilħaq jew jaqbeż għaxar biljun BEF. Huma awtorizzati biss ċerti attivitajiet preparatorji, awżiljarji jew ta’ ċentralizzazzjoni u l-impriżi tas-settur finanzjarju huma esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-iskema. Iċ-ċentri jridu jimpjegaw fil-Belġju, għallinqas l-ekwivalenti ta’ għaxar ħaddiema full time matul l-ewwel sentejn tal-attività tagħhom.

3        L-awtorizzazzjoni mogħtija lil ċentru hija valida għal għaxar snin u tista’ tiġġedded għal għaxar snin oħra.

4        L-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kienet ġiet eżaminata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej meta ġiet introdotta. B’mod partikolari, f’deċiżjonijiet ikkomunikati permezz ta’ ittri fis-16 ta’ Mejju 1984 u fid-9 ta’ Marzu 1987, il-Kummissjoni kienet essenzjalment ikkunsidrat li skema bħal din, ibbażata fuq sistema ta’ determinazzjoni b’rata fissa tad-dħul taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, ma kienx fiha elementi ta’ għajnuna.

5        Wara li fil-11 ta’ Novembru 1998 il-Kummissjoni adottat Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 277), hija wettqet eżami ġenerali tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istati Membri mill-aspett tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

6        F’dan il-kuntest, fit-12 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani jipprovdulha ċerta informazzjoni b’mod partikolari fuq l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Dawn irrispondew f’Marzu 1999.

7        F’Lulju 2000, id-dipartimenti tal-Kummissjoni informaw lill-imsemmija awtoritajiet li din l-iskema kienet tidher li tammonta għal għajnuna mill-Istat. Bil-għan li jibdew il-proċedura ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 339), id-dipartimenti tal-Kummissjoni stiednu lill-awtoritajiet Belġjani jissottomettu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar.

8        Fil-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat erba’ proposti ta’ miżuri utli, skont l-Artikolu 88(1) KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Hija pproponiet lill-awtoritajiet Belġjani li jaċċettaw li jagħmlu numru ta’ emendi għal din l-iskema filwaqt li pprovdiet, b’mod tranżitorju, li qabel id-data ta’ aċċettazzjoni ta’ dawn il-miżuri, iċ-ċentri awtorizzati jkomplu jibbenefikaw mill-iskema preċedenti sal-31 ta’ Diċembru 2005.

9        Peress li l-awtoritajiet Belġjani ma aċċettawx il-miżuri utli proposti, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura formali ta’ eżami permezz ta’ deċiżjoni notifikata b’ittra tas-27 ta’ Frar 2002 (ĠU C 147, p. 2), skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 659/1999. B’mod partikolari, hija stiednet lir-Renju tal-Belġju jissottometti l-kummenti tiegħu u jipprovdi kull informazzjoni utli għall-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni. Hija stiednet ukoll lil dan l-Istat Membru u lit-terzi kkonċernati sabiex jissottomettu kummenti u jipprovdu kull element utli sabiex jiġi ddeterminat jekk kinux jeżistu, għall-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni, aspettattivi leġittimi li jimponu t-teħid ta’ miżuri tranżitorji.

10      Wara l-proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni adottat fis-17 ta’ Frar 2003, id-Deċiżjoni 2003/757/KE tas-17 ta’ Frar 2003 dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju favur iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 282, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2003”).

11      Skont l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-2003:

“Artikolu 1

L-iskema fiskali attwalment fis-seħħ fil-Belġju favur ċentri ta’ koordinazzjoni awtorizzati abbażi tad-Digriet Irjali Nru 187 hija skema ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

Il-Belġju huwa obbligat ineħħi l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl Artikolu 1 jew jibdilha b’mod li tkun kompatibbli mas-suq komuni.

Mid-data meta tiġi nnotifikata din id-deċiżjoni, il-benefiċċju ta’ din l-iskema jew tal-elementi tagħha la jkun jista’ jingħata iktar lil benefiċjarji ġodda u lanqas jiġi pprorogat permezz tat-tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet fis-seħħ.

F’dak li jirrigwarda ċ-ċentri diġà awtorizzati qabel il-31 ta’ Diċembru 2000, l-effetti tal-iskema jistgħu jinżammu sa meta tiskadi l-awtorizzazzjoni individwali fis-seħħ fid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, u l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2010. Konformement mat-tieni subparagrafu, fil-każ ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni qabel din id-data, il-benefiċċju tal-iskema li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni ma jistax jingħata iktar, lanqas temporanjament.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Sa mis-6 ta’ Marzu 2003, ir-Renju tal-Belġju għamel sottomissjonijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni simultanjament u talabhom sabiex “isir dak kollu meħtieġ sabiex iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet wara s-17 ta’ Frar 2003 tkun tista’ tiġi prorogata sal-31 ta’ Diċembru 2005”. Din it-talba ġġedded fl-20 ta’ Marzu u fis-26 ta’ Mejju 2003 abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE.

13      Fil-25 u fit-28 ta’ April 2003, ir-Renju tal-Belġju u l-assoċjazzjoni Forum 187, li tiġbor iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, ippreżentaw rikorsi bil-għan tas-sospensjoni u l-annullament totali jew parzjali tad-Deċiżjoni tal-2003 (Kawżi C‑182/03 u T‑140/03, li saru C‑217/03; Kawżi C‑182/03 R u T‑140/03 R, li saru C‑217/03 R).

14      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 R u C‑217/03 R, Ġabra p. I-6887, iktar ’il quddiem id-“Digriet Forum 187”), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-2003, sa fejn din tipprojbixxi lir-Renju tal-Belġju milli jġedded l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li kienu fis-seħħ fid-data meta ġiet innotifikata l-imsemmija deċiżjoni.

15      Hekk kif awtorizzathom id-Digriet Forum 187, l-awtoritajiet Belġjani ġeddew l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li skadew bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005. Ħlief għal erba’ ċentri li bbenefikaw minn tiġdid għal żmien indeterminat, dawn l-awtorizzazzjonijiet, inklużi fosthom dawk tar-rikorrent, iċ-Ċentru ta’ koordinazzjoni Carrefour SNC, iġġeddu kollha għal perijodu li skada fil-31 ta’ Diċembru 2005.

16      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/531/KE, tas-16 ta’ Lulju 2003, dwar l-għoti mill-Gvern Belġjan ta’ għajnuna lil ċerti ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 184, p. 17), li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 88(2) KE, ġie ddikjarat li “l-għajnuna li l-Belġju [kien] beħsiebu jagħti sal-31 ta’ Diċembru 2005 lill-impriżi li fil-31 ta’ Diċembru 2000, bis-saħħa tad-Digriet Irjali Nru 187 […], kienu jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni bħala ċentri ta’ koordinazzjoni li kienet tiskadi bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienet kompatibbli mas-suq komuni. Fl-24 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni (Kawża C‑399/03).

17      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-2003 sa fejn din ma tipprovdix miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet simultanjament ma’, jew ftit wara, in-notifika tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, iktar ’il quddiem is-“sentenza Forum 187”). Fl-istess jum, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ukoll id-Deċiżjoni 2003/531 permezz tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑399/03, Ġabra p. I‑5629).

18      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani jipprovdulha, fi żmien 20 ġurnata ta’ xogħol, ċerta informazzjoni sabiex tiddetermina s-segwitu xieraq li għandha tagħti għas-sentenza Forum 187.

19      Fis-27 ta’ Diċembru 2006, ir-Renju tal-Belġju adotta liġi li kienet tinkludi diversi dispożizzjonijiet (Moniteur belge tat-28 ta’ Diċembru 2006, p. 75266, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-2006”) li kienet tippermetti li tiġi pprorogata sal-31 ta’ Diċembru 2010 l-awtorizzazzjoni taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni kollha li jitolbuha, jekk ikun il-każ b’effett retroattiv. Barra ċ-ċentri li l-awtorizzazzjonijiet iġġeddew wara d-digriet Forum 187, bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005, il-liġi tal-2006 kienet tipprevedi li din il-possibbiltà ta’ proroga kienet ukoll aċċessibbli għaċ-ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiskadi bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2010 kif ukoll numru mhux speċifikat ta’ ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet ser tiskadi sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 iżda li, sa dakinhar, ma jkunux għamlu t-talba ta’ tiġdid. Din il-liġi ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat iżda d-dħul fis-seħħ tagħha ġie sospiż bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

20      Wara diversi avviżi u skambji ta’ korrispondenza mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Belġjani pprovdew, fis-16 ta’ Jannar 2007, l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Lulju 2006. Huma żiedu xi preċiżazzjonijiet kumplementari permezz ta’ ittri tat-8 u tas-16 ta’ Frar 2007. Barra minn hekk, inżammu tliet laqgħat, fil-5 u 15 ta’ Frar kif ukoll fis-16 ta’ Marzu 2007, bejn il-Kummissjoni u l-imsemmija awtoritajiet.

21      B’ittra tal-21 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Belġjani dwar id-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura formali ta’ eżami miftuħa fis-27 ta’ Frar 2002 dwar l-iskema ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni. Din id-deċiżjoni kif ukoll it-talba magħmula lill-persuni interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżuri tranżitorji adegwati li, skont is-sentenza Forum 187 kellha tkun il-Kummissjoni li tipprovdi għalihom, ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Mejju 2007 (ĠU C 110, p. 20).

22      Fit-13 ta’ Novembru 2007, wara l-proċedura formali ta’ eżami, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/283/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni tal-2003 (ĠU 2008, L 90, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

23      Id-deċiżjoni kkontestata temenda l-ewwel nett l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2003, b’mod li ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li t-talba ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni tagħhom kienet pendenti fid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni tal-2003 jew li l-awtorizzazzjoni kienet tiskadi fl-istess żmien jew ftit wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri bejn it-18 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005, ikunu awtorizzati jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005 u li t-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom ikun awtorizzat sa din l-istess data. Wara, fir-rigward tal-erba’ ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet ġiet imġedda għal żmien indeterminat wara d-Digriet Forum 187, id-deċiżjoni kkontestata tgħid li l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2003 setgħet tqajjem aspettattiva leġittima fiċ-ċentri minħabba l-fatt li huma setgħu jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni sad-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża prinċipali. Peress li din is-sentenza ngħatat fit-22 ta’ Ġunju 2006, u fid-dawl tan-natura fiskali tal-miżura, id-deċiżjoni kkontestata testendi l-benefiċċju tal-aspettattivi leġittimi sabiex tippermetti lil dawn iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni sal-aħħar tal-perijodu taxxabbli normali kurrenti fid-data tas-sentenza. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara l-liġi tal-2006 inkompatibbli mas-suq komuni sa fejn tfittex li ġġedded l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005.

24      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi hekk:

“Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni [tal-2003] jiġi miżjud it-test li ġej:

‘Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li t-talba tagħhom ta’ tiġdid hija pendenti fid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni jew li l-ftehim [l-awtorizzazzjoni] tagħhom jiskadi fl-istess ħin jew ftit wara din in-notifika, jiġifieri bejn id-data ta’ din in-notifika u l-31 ta’ Diċembru 2005, jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005. It-tiġdid tal-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni msemmija huwa awtorizzat sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005.’”

25      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata:

“L-erba’ ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju li l-ftehim [l-awtorizzazzjoni] tagħhom ġie mġedded għal tul ta’ żmien indeterminat fuq il-bażi ta’ l-Ordinanza [Digriet] tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ Ġunju 2003 li tħabbar is-sospensjoni ta’ l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2003/757/KE jistgħu jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni sat-tmiem tal-perjodu taxxabbli ordinarju li kien għaddej fit-22 ta’ Ġunju 2006.”

26      L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Il-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 hija inkompatibbli mas-Suq Komuni minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħha huma maħsuba biex jestendu, permezz ta’ deċiżjonijiet ġodda ta’ tiġdid ta’ ftehim [awtorizzazzjoni], l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005.

Il-Kummissjoni b’riżultat ta’ dan tistieden lill-Belġju biex jirrinunzja milli jdaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006.”

27      Fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, dan jaqra hekk:

“L-Artikolu 1 japplika mit-18 ta’ Frar 2003.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Frar 2008, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

29      B’att separat ippreżentat fl-istess jum, ir-rikorrent ressaq wkoll talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba fit-13 ta’ Marzu 2008, wara li skada t-terminu previst. Fis-17 ta’ Marzu 2008, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jqiegħed dawn l-osservazzjonijiet fil-proċess. B’deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2008, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

30      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

31      Is-sottomissjonijiet u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet fit-2 ta’ Lulju 2009.

32      Il-Kummissjoni ntalbet fis-seduta tqiegħed fil-proċess id-Digriet Irjali tad-19 ta’ Diċembru 2008 li jadotta l-leġiżlazzjoni fiskali dwar iż-żieda fil-każ ta’ nuqqas jew ta’ insuffiċjenza tal-ħlas antiċipat minn ċerti ċentri ta’ koordinazzjoni (Moniteur belge tat-30 ta’ Diċembru 2008, p. 68976), peress li r-rikorrent kien indika li huwa ma kellu l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Lulju 2009.

33      Il-proċedura orali nagħlqet fit-13 ta’ Lulju 2009.

34      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma tipprovdix għal perijodu tranżitorju adegwat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

36      Mingħajr ma ressqet formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli peress li r-rikorrent ma għandux interess ġuridiku u li mhux direttament effettwat mid-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku.

 L-argumenti tal-partijiet

37      Il-Kummissjoni tfakkar li, sussegwentement għad-Digriet Forum 187, l-awtoritajiet Belġjani pprorogaw l-awtorizzazzjoni tar-rikorrent sal-31 ta’ Diċembru 2005. Huwa sussegwentement talab f’numru ta’ okkażjonijiet il-proroga tal-awtorizzazzjoni tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2010, mingħajr mal-awtoritajiet Belġjani madankollu laqgħu t-talbiet tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fil-jum meta ppreżenta r-rikors, ir-rikorrent ma kellu l-ebda dritt li jibbenefika mill-iskema inkwistjoni kif seta’ sostna fir-rigward tal-awtoritajiet Belġjani. Għal kuntrarju, jidher li l-imsemmija awtoritajiet deliberatament illimitaw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005, data li tikkorrispondi mat-tmiem tal-perijodu tranżitorju stabbilit permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Skont il-Kummissjoni, il-pożizzjoni tar-rikorrent kienet b’hekk stabbilita b’mod definittiv mill-awtoritajiet Belġjani, permezz tad-deċiżjoni tagħhom li tiġi llimitat l-awtorizzazzjoni tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2005, liema deċiżjoni qatt ma ġiet ikkontestata quddiem il-qrati Belġjani.

38      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata kull ma tagħmel hija li tikkonferma d-dritt tar-rikorrent li jibbenefika mill-iskema inkwistjoni sa l-aħħar tal-imsemmija awtorizzazzjoni. Fil-fatt, id-data tal-31 ta’ Diċembru 2005 kienet l-ewwel deċiża mill-awtoritajiet Belġjani mbagħad approvata mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-perijodu tranżitorju definit fid-deċiżjoni kkontestata kien ibbażat ukoll fuq il-fatt li l-proroga tal-awtorizzazzjoni taċ-ċentri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ erba’ minnhom, sa data stabbilita (filwaqt li d-Digriet Forum 187 ma jistabbilixxi l-ebda data) tikkonferma l-perċezzjoni li kellhom l-awtoritajiet Belġjani u ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni tal-perijodu tranżitorju adegwat. Din id-data fil-fatt tirrappreżenta l-għan tal-awtoritajiet Belġjani kkomunikat lill-awtoritajiet Komunitarji, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2003/531.

39      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-għażla mill-awtoritajiet Belġjani li tillimita t-tiġdid sal-31 ta’ Diċembru 2005 tirriżulta mill-preokkupazzjoni li jiġu osservati l-obbligi Komunitarji tagħhom, il-Kummissjoni tirrispondi li l-imsemmija awtoritajiet għamlu għażla unilaterali li jillimitaw l-awtorizzazzjoni tar-rikorrent sal-31 ta’ Diċembru 2005 mingħajr ma ġew imġiegħla mid-dritt Komunitarju. Fil-fatt, id-Digriet Forum 187 issospenda d-Deċiżjoni tal-2003 sa fejn hija kienet tipprojbixxi li jiġġeddu l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, mingħajr ma tipprovdi għal limiti ta’ żmien għat-terminu ta’ dan it-tiġdid. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani kienu ftehmu dwar tiġdid iktar fit-tul għal ċerti ċentri filwaqt li huma rrifjutaw li jagħmlu dan għar-rikorrent, filwaqt li setgħu jagħmlu dan wara l-imsemmi digriet.

40      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrent li tgħid li, permezz tal-interpretazzjoni stretta tal-liġi Belġjana, huwa għandu dritt għal tiġdid tal-awtorizzazzjoni tiegħu ta’ għaxar snin, il-Kummissjoni tirrispondi li ma humiex il-qrati tal-Unjoni li għandhom jippronunzjaw ruħhom fuq l-interpretazzjoni tal-liġi Belġjana. Madankollu, anki jekk ir-rikorrent kellu dritt bħal dan, huwa kellu, skont il-Kummissjoni, jieħu passi legali, li bihom jikkontesta l-limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni tiegħu, ħaġa li huwa ma għamilx. Din l-assenza ta’ rikors tidher, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, li rrendiet definittiva l-limitazzjoni fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni min-naħa l-oħra ssostni li r-rikorrent ma spjegax kif din l-assenza ta’ rikors hija, kif huwa jsostni, irrilevanti.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrent ma għandux interess jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li hija ma tipprovdix għal perijodu tranżitorju adegwat. Huwa ma jagħmel l-ebda riferiment għal interess ġuridiku attwali u ma jagħti l-ebda indikazzjoni li turi li l-awtoritajiet Belġjani kellhom l-intenzjoni jipprorogaw l-awtorizzazzjoni tiegħu wara l-31 ta’ Diċembru 2005.

42      Ir-rikorrent isostni li għandu interess personali, eżistenti u attwali, li jaġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata.

43      Huwa l-ewwel nett jikkontesta li ċ-ċentri li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni fil-jum meta ppreżentaw ir-rikors tagħhom biss jistgħu jaġixxu kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan kieku jċaħħdu minn kull possibbiltà li jfittex rimedju kontra d-deċiżjoni kkontestata. Huwa b’hekk iqis li l-fatt li l-ammissibbiltà tar-rikors jiġi suġġett għall-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni formali fil-jum tal-preżentata tiegħu, b’mod li awtorizzazzjoni bħal din tiddependi mid-definizzjoni tal-perijodu tranżitorju stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, huwa irrilevanti.

44      Ir-rikorrent imbagħad isostni li jeżisti dritt għall-benefiċċju tal-iskema ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jikkontesta, minn naħa, li l-limitazzjoni tat-terminu tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet sal-31 ta’ Diċembru 2005 jirriżulta minn rikonoxximent mill-awtoritajiet Belġjani tan-natura adegwata ta’ perijodu tranżitorju li jiġi kkompletat sa din id-data. Fil-fatt, din il-limitazzjoni tirriżulta biss mill-obbligu tal-Belġju li josserva d-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-2003 u d-Digriet Forum 187. Skont ir-rikorrent, il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani kkonformaw magħhom ma jistax jintuża bħala argument sabiex jinċaħad l-interess ġuridiku tiegħu. Ir-rikorrent jikkontesta, min-naħa l-oħra, li l-limitazzjoni inkwistjoni hija att volontarju tal-awtoritajiet Belġjani. F’dan ir-rigward, huwa jibbaża ruħu fuq il-fatt li, wara s-sentenza Forum 187, l-awtoritajiet Belġjani stiednu liċ-ċentri kkonċernati mill-imsemmija sentenza jitolbu l-konferma tal-awtorizzazzjoni tagħhom, kif ukoll fuq l-adozzjoni tal-Liġi tal-2006 u fuq ix-xogħlijiet parlamentari relatati magħha. Anki fil-każ fejn din il-limitazzjoni tkun volontarja, ir-rikorrent iqis li l-awtoritajiet Belġjani ma jkunux awtorizzati mid-Digriet Irjali Nru 187, li fuqha jibbaża d-dritt tiegħu dwar it-tul tal-awtorizzazzjoni.

45      Ir-rikorrent isostni li l-interess ġuridiku tiegħu jinsab fil-fatt li tiġi kkonfermata ż-żamma tal-iskema inkwistjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2005 u li tinkiseb mill-awtoritajiet Belġjani l-applikazzjoni tad-Digriet Irjali Nru 187. Iktar preċiżament, meta kien qed jirreferi għall-ġurisprudenza, ir-rikorrent isostni li huwa seta’ jinvoka d-drittijiet tiegħu quddiem l-awtoritajiet fiskali Belġjani u kellu d-dritt li jikseb, skont id-Digriet Irjali Nru 187, proroga, sal-31 ta’ Diċembru 2010, tal-awtorizzazzjoni li waslet biex tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2005, li jiġġustifika l-interess ġuridiku tiegħu.

46      Ir-rikorrent min-naħa l-oħra jikkontesta l-allegazzjoni li huwa ma setax jagħti indikazzjoni li turi li l-awtoritajiet Belġjani kellhom l-intenzjoni jipprorogaw l-awtorizzazzjoni tiegħu wara l-31 ta’ Diċembru 2005. Huwa jqis li l-ittra li l-imsemmija awtoritajiet bagħtulu fil-11 ta’ Ġunju 2008 tammonta għal indikazzjoni bħal din.

47      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li huwa ma jkunx affettwat minn konsegwenzi peress li l-awtoritajiet Belġjani ma talbux l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-fatt li huwa ma setax jippreżenta r-rikors kontra d-Digriet Irjali tal-10 ta’ Ġunju 2004, dan huwa irrilevanti għall-ammissibbiltà tar-rikors preżenti. Barra minn hekk, peress li l-perijodu tranżitorju adegwat ma setax jiġi identifikat, kull rikors kontra l-awtoritajiet Belġjani jkun bla effett.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

48      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ressqitu (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II‑1195, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      L-interess ġuridiku għandu jkun eżistenti u attwali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II‑2181, punt 33) u għandu jiġi evalwat fil-jum meta r-rikors ikun ġie ppreżentat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni, T‑159/98, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑395, punt 28). Huwa għandu jibqa’ preżenti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fil-każ preżenti, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li jemenda l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-2003, ir-rikorrent seta’ jkompli jibbenefika mill-iskema ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2005.

51      Għandu jingħad ukoll li sussegwentement għad-Digriet Forum 187, l-awtoritajiet Belġjani, permezz tad-Digriet Irjali tal-10 ta’ Ġunju 2004, ġeddew l-awtorizzazzjoni tar-rikorrent għal perijodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2005 u li, minkejja t-talbiet tiegħu lill-awtoritajiet Belġjani, huwa ma kisibx proroga u lanqas tiġdid tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-imsemmi Digriet Irjali.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrent sal-31 ta’ Diċembru 2005 ġiet deċiża mill-awtoritajiet Belġjani, mingħajr ma kien hemm l-ebda oppożizzjoni. Fil-fatt, id-Digriet Forum 187 issospenda d-Deċiżjoni tal-2003 sa fejn din tipprojbixxi li jiġġeddu l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, mingħajr ma jipprovdi limiti ta’ żmien għat-terminu ta’ dan it-tiġdid ħlief għal dak tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hekk kif irrikonoxxa r-rikorrent fis-seduta meta kien qed iwieġeb għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-awtoritajiet Belġjani setgħu jġeddu l-awtorizzazzjoni tiegħu għal perijodu indeterminat, kif wara kollox kien il-każ għal erba’ ċentri, minkejja l-fatt li dan it-tiġdid ma setax, skont id-Digriet Forum 187, jipproduċi effett wara l-għoti tas-sentenza Forum 187. B’hekk hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrent li l-limitazzjoni mill-awtoritajiet Belġjani, tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni fid-data tal-31 ta’ Diċembru 2005, tirriżulta mill-obbligu tar-Renju tal-Belġju li josserva l-obbligi Komunitarji tiegħu kif ukoll dawk li permezz tagħhom huwa jikkontesta li din il-limitazzjoni tkun att volontarju tal-awtoritajiet Belġjani.

53      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li mill-31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrent ma għandux iktar awtorizzazzjoni valida taħt il-liġi Belġjana u b’hekk ma jibbenefikax iktar validament mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Ir-rikorrent madankollu jsostni, fir-rikors tiegħu, li huwa kompla jibbenefika mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2005, u b’mod partikolari fl-2006 u fl-2007. Bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali li tirrigwarda din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrent indika, fir-replika tiegħu, li din għandha tiġi interpretata fis-sens li, għas-snin 2006 u 2007, huwa talab l-applikazzjoni ta’ din l-iskema. Din it-talba saret b’mod partikolari permezz tat-tressiq quddiem l-awtoritajiet Belġjani ta’ talba għall-konferma taż-żamma tal-istatus taċ-ċentru ta’ koordinazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2010, permezz tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet fiskali għas-snin 2006 u 2007 b’applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni u, fl-aħħar nett, permezz ta’ informazzjoni kostanti tal-awtoritajiet fiskali Belġjani tal-pożizzjoni tiegħu. Dan l-argument madankollu ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-fatt li tintalab l-applikazzjoni tal-imsemmija skema ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent kompla jibbenefika taħt il-liġi Belġjana.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrent ma talabx l-applikazzjoni ta’ perijodu tranżitorju fis-sens tas-sentenza Forum 187, peress li hija ngħatat wara t-terminu stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri wara l-31 ta’ Diċembru 2005.

55      Fil-fatt, l-iskop stess ta’ perijodu tranżitorju huwa li tiġi żgurata tranżizzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, fil-każ preżenti, bejn dik li fiha r-rikorrent jibbenefika minn skema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni u dak li fih huwa ma jibbenefikax iktar. B’hekk jirriżulta mis-sentenza Forum 187 (punt 163) li ċ-ċentri kkonċernati mill-imsemmija sentenza, li r-rikorrent jifforma parti minnhom, kellhom jingħataw perijodu tranżitorju raġonevoli sabiex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-konsegwenzi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tal-2003.

56      Issa, peress li, wara l-31 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrent ma bbenefikax iktar mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, kull perijodu wara din id-data li fih matulu r-rikorrent ibbenefika mill-iskema inkwistjoni ma jistax jitqies li għandu bħala għan li jippermettilu li jadatta ruħu, għaliex huwa diġà jinsab f’din is-sitwazzjoni l-ġdida. Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn ir-rikors preżenti jintlaqa’, ir-rikorrent ma jistax jistenna li jingħatalu, retroattivament, perijodu tranżitorju wara l-31 ta’ Diċembru 2005, inkwantu perijodu bħal dan ikun bla ebda skop.

57      L-impossibbiltà li wieħed jibbenefika, anki retroattivament, minn perijodu tranżitorju itwal fis-sitwazzjoni fl-ipoteżi fejn iċ-ċentri ma għandhomx iktar awtorizzazzjoni valida tirriżulta barra minn hekk mid-Digriet Forum 187. Fil-fatt, fil-kuntest tat-talba għal sospensjoni tad-Deċiżjoni tal-2003 li pprojbixxiet it-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ xi wħud miċ-ċentri, il-president tal-Qorti tal-Ġustizzja kien qies li, fin-nuqqas ta’ talba għal sospensjoni, deċiżjoni fil-kawża prinċipali li tkun favur ir-rikorrenti tkun, f’dak li jirrigwarda l-perijodu tranżitorju, prevalentement mingħajr effett, peress li miżuri finanzjarji eventwali ma jidhrux tajba sabiex jistabbilixxu mill-ġdid retroattivament l-istabbiltà tal-qafas leġiżlattiv taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni (Digriet Forum 187, punt 146).

58      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors li jfittex l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għaliex ma tipprevedix perijodu tranżitorju raġonevoli, li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni f’dan is-sens ma tagħti l-ebda benefiċċju lir-rikorrent.

59      L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti li jitqegħdu indiskussjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

60      Għal dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrent li l-interess tiegħu kien li tiġi ikkonfermata ż-żamma tal-iskema inkwistjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2005, u li jikseb mill-awtoritajiet Belġjani l-applikazzjoni tad-Digriet Irjali Nru 187, ċertament jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fl-ipoteżi fejn ma għandux jiġi eskluż li, kieku r-rikors tiegħu jintlaqa’, rikorrent jista’ jinvoka ċerti pretensjonijiet mingħand l-awtoritajiet nazzjonali jew, almenu, jitlob eżami tagħhom minnhom, dan jiġġustifika interess li jitressqu l-proċeduri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Novembru 2001, Mitteldeutsche Erdöl-Raffinerie vs Il‑Kummissjoni, T‑9/98, Ġabra p. II‑3367, punti 34 u 38, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Koninklijke Friesland Foods vs Il-Kummissjoni, T‑348/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

61      Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, fil-każ inkwistjoni, anki jekk wieħed kellu jassumi li r-rikors jintlaqa’, iċ-ċentri rrappreżentati mir-rikorrenti ma kellhom l-ebda pretensjoni x’jinvokaw quddiem l-awtoritajiet Belġjani speċifikament dwar il-perijodu tranżitorju li minnu jistgħu jibbenefikaw, li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża. Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ntqal qabel, jekk wieħed jassumi li kellhom l-intenzjoni jagħmlu hekk, l-awtoritajiet Belġjani ma setgħux jagħtu, anki retroattivament, lil dawn iċ-ċentri proroga tal-perijodu tranżitorju li ngħata lilhom, peress li huma ma kinux jibbenefikaw iktar mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni. Imbagħad, għandu jingħad li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-2003 li jikklassifikaw din l-iskema ta’ għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li timponi fuq l-awtoritajiet Belġjani li jneħħuha jew jibdluha sabiex issir kompatibbli mas-suq komuni ma ġewx annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Forum 187. Huma jipproduċu għaldaqstant l-effetti tagħhom wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2003, b’mod li l-awtoritajiet Belġjani ma jistgħux jawtorizzaw tiġdid tal-awtorizzazzjoni taċ-ċentri inkwistjoni biss fuq il-bażi tad-Digriet Irjali Nru 187. Barra minn hekk, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, tkun neċessarja deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni sabiex jiġi ddefinit perijodu tranżitorju ġdid li bih ikunu jistgħu jibbenefikaw iċ-ċentri, sa fejn ma hijiex il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li għandha tissostitwixxi deċiżjoni oħra bid-deċiżjoni kkontestata jew li tibdel din id-deċiżjoni (Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Mejju 2000, Deutsche Post vs IECC u Il-Kummissjoni, C‑428/98 P, Ġabra p. I‑3061, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il-Kummissjoni, T‑199/99, Ġabra p. II‑3731, punt 141).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad li, minn naħa, ir-rikorrent ma jistax jbbaża l-interess ġuridiku tiegħu fuq l-applikazzjoni tad-Digriet Irjali Nru 187 wara l-31 ta’ Diċembru 2005 u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li l-awtoritajiet Belġjani ma eskludewx li jawtorizzaw il-benefiċċju tal-iskema inkwistjoni wara din id-data, fejn huma jqisu li dawn iċ-ċentri jistgħu jibbenefikaw minnhom, ma huwiex rilevanti.

63      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-kunsiderazzjonijiet li ntqalu qabel, l-ebda waħda mill-provi prodotti mir-rikorrent ma tippermetti li jiġi stabbilit b’ċertezza li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Belġjani jipprorogaw, retroattivament, l-awtorizzazzjoni taċ-ċentri inkwistjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005, abbażi tad-Digriet Irjali Nru 187. B’mod partikolari, dan ma jirriżulta la mill-ittri tal-awtoritajiet Belġjani annessi mar-rikors, li, essenzjalment jikkonfermaw li rċevew korrispondenza mir-rikorrent, u lanqas mill-ittra tagħhom tal-11 ta’ Ġunju 2008 annessa mar-replika, li tindika li, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni finali fuq ir-rikors preżenti, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana ma tapplikax żieda fit-taxxa u lanqas sanzjonijiet oħra jew multi amministrattivi wara ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni mitluba fid-dikjarazzjonijiet fiskali tar-rikorrent. Kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, dawn l-elementi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indikazzjonijiet li juru, b’ċertezza u b’mod inkundizzjonat, li l-awtoritajiet Belġjani kellhom l-intenzjoni jipprorogaw l-awtorizzazzjoni tiegħu wara l-31 ta’ Diċembru 2005. Il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jkunu pproċedew bir-reġistrazzjoni fir-reġistru għas-snin ta’ tassazzjoni 2006 u 2007, b’applikazzjoni tas-sistema fiskali normali, fil-fatt jammonta għal indikazzjoni kuntrarja.

64      Fir-rigward tal-Liġi tal-2006, għandu jiġi rrilevat li hija ma’ tistax, fi kwalunkwe każ, tiġġustifika l-interess ġuridiku tar-rikorrent. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li jirrigwardaw l-iskema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ma daħlux fis-seħħ. Id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom fil-fatt kellha tiġi ffissata, skont l-Artikolu 298 tagħha, permezz ta’ digriet irjali tal-Kunsill tal-Ministri, li għadu ma ġiex adottat. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, dan id-dħul fis-seħħ fil-fatt ġie ssuġġettat mill-awtoritajiet Belġjani għall-konferma mill-Kummissjoni li hija ma tqajjimx oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward. Issa, id-deċiżjoni kkontestata tiddisponi, fl-Artikolu 3 tagħha, li l-liġi tal-2006 hija inkompatibbli mas-suq komuni sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jfittxu li jipprorogaw, permezz ta’ deċiżjonijiet ġodda ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni, l-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2005. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mis-sitt premessa tad-digriet irjali tad-19 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet Belġjani “jaċċettaw id-deċiżjoni [kkontestata] li ma jdaħħlux fis-seħħ [il-liġi tal-2006]” fejn tirreferi għall-iskema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni u informaw b’dan lill-persuni taxxabbli kkonċernati. Isegwi li l-awtoritajiet Belġjani ma kellhomx l-intenzjoni jdaħħlu fis-seħħ din il-liġi. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax espliċitament id-deċiżjoni kkontestata fejn tirreferi għal-liġi tal-2006 u kkonferma, fis-seduta, li ma kienx neċessarju li huwa jinvoka l-imsemmija liġi.

65      Fl-aħħar nett għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq li l-ammissibbiltà tar-rikors ma tkunx suġġetta għall-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni fil-jum tal-preżentata tiegħu, b’mod li awtorizzazzjoni bħal din tiddependi fuq id-definizzjoni tal-perijodu tranżitorju stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, id-data li fiha r-rikorrent waqaf jibbenefika minn awtorizzazzjoni valida u, b’hekk, li fiha kellu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jadatta ruħu, ġiet stabbilita l-ewwel nett mill-awtoritajiet Belġjani biss u mhux mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti hija suġġetta għall-eżistenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent, u mhux għall-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni valida fil-preżentata tar-rikors, anki jekk dak il-fatt jista’ jinfluwenza l-eżami tal-interess ġuridiku.

66      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrent għandu jiġi kkunsidrat li ma għandux interess ġuridiku.

67      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma jkun meħtieġ l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ inċidenza diretta tar-rikorrent.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm il-lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Centre de coordination Carrefour SNC huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Marzu 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.