Language of document : ECLI:EU:T:2010:396

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tikkonsisti fi grad tal‑lewn oranġjo – Raġuni assoluta għal rifjut – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil‑Kawża T‑97/08,

KUKA Roboter GmbH, stabbilita f’Augsburg (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn A. Kohn u B. Hannemann, avukati,

rikorrenti,

vs

L‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn R. Pethke, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d‑deċiżjoni tar‑Raba’ Bord tal‑Appell tal‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal‑14 ta’ Diċembru 2007 (Każ R 1572/2007‑4), dwar applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni ta’ grad tal‑lewn oranġjo bħala trade mark Komunitarja,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij (Relatur), President, S. Papasavvas u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir‑rikors ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Frar 2008,

wara li rat ir‑risposta ppreżentata fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ġunju 2008,

wara s‑seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

1        Fid‑29 ta’ Awwissu 2005, ir‑rikorrenti, KUKA ROBOTER GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l‑Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis‑Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem l‑“Uffiċċju”), skont ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 40/94, tal‑20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit mir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p.1)].

2        Is‑sinjal li saret applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni tiegħu huwa l‑grad tal‑lewn oranġjo li ġej:

Image not found

3        Il‑prodotti li għalihom intalbet ir‑reġistrazzjoni tat‑trade mark jaqgħu, wara l‑limitazzjoni li saret matul il‑proċedura quddiem l‑Uffiċċju, taħt il‑klassi 7 tal‑Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall‑finijiet tar‑registrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad‑deskrizzjoni li ġejja: “Robots bl‑idejn artikolati sabiex jikkontrollaw, jittrattaw u jissaldjaw, bl‑eċċezzjoni tar‑robots għall‑kmamar asettiċi (cleanrooms), ir‑robots mediċi u r‑robots li japplikaw il‑verniċ; partijiet għall‑prodotti msemmija”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Awwissu 2007, l‑eżaminatur irrifjuta l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 [li sar l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 207/2009], minħabba li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv.

5        Fit‑2 ta’ Ottubru 2007, ir‑rikorrenti ppreżentat appell skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar‑Regolament Nru 40/94 (li saru l‑Artikoli 58 sa 64 tar‑Regolament Nru 207/2009) mid‑deċiżjoni tal‑eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ir‑Raba’ Bord tal‑Appell tal‑Uffiċċju ċaħad l‑appell għar‑raġuni li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94. Huwa kkunsidra, essenzjalment, li l‑pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix il‑kulur indikat fl‑applikazzjoni għal trade mark Komunitarja bħala, fih innifsu, indikazzjoni tal‑oriġini kummerċjali tal‑prodotti inkwistjoni.

 It‑talbiet tal‑partijiet

7        Ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d‑deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill‑Uffiċċju għall‑ispejjeż.

8        L‑Uffiċċju jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir‑rikorrenti għall‑ispejjeż.

 Id‑dritt

 Fuq l‑ammissibbiltà tal‑provi ppreżentati quddiem il‑Qorti Ġenerali

9        Insostenn tal‑argument tagħha li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għandha karattru distintiv inerenti, fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, ir‑rikorrenti, permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Marzu 2009, ipproduċiet ir‑riżultati ta’ żewġ sondaġġi tas‑27 ta’ Ġunju 2008. L‑ewwel wieħed kien jikkonsisti f’sondaġġ bit‑telefon imwettaq fil‑Ġermanja, fiċ‑Ċina, fl‑Istati Uniti u fl‑Italja, u t‑tieni wieħed kien jikkonsisti fi kwestjonarju ppreżentat lill‑pubbliku matul il‑fiera Automatica 2008, li seħħet f’Ġunju 2008 f’München (il‑Ġermanja). Ir‑rikorrenti pproduċiet ukoll CD‑ROM li kien fih il‑fuljetti pubbliċitarji ta’ diversi manifatturi, kif ukoll ritratti ta’ stands tad‑diversi impriżi fis‑settur, irrappreżentati fil‑fiera.

10      B’ittra tat‑12 ta’ Mejju 2009, l‑Uffiċċju kkontesta l‑ammissibbiltà tal‑imsemmija dokumenti għar‑raġuni li dawn kienu provi ġodda.

11      Minbarra l‑fatt li dawn id‑dokumenti ġew ippreżentati tard matul il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali, bi ksur tal‑Artikolu 48(1) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali, mingħajr ġustifikazzjoni għal dan id‑dewmien, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali huwa intiż għall‑istħarriġ tal‑legalità tad‑deċiżjonijiet tal‑Bordijiet tal‑Appell tal‑Uffiċċju fis‑sens tal‑Artikolu 63 tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 65 tar‑Regolament Nru 207/2009), b’mod illi l‑funzjoni tal‑Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill‑ġdid il‑fatti fid‑dawl tad‑dokumenti ppreżentati għall‑ewwel darba quddiemha [ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T‑346/04, Ġabra p. II‑4891, punt 19, u l‑ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, il‑legalità ta’ deċiżjoni tal‑Bord tal‑Appell tista’ tiġi kkontestata billi jiġu invokati fatti ġodda quddiem il‑Qorti Ġenerali biss jekk jintwera li l‑Bord tal‑Appell imissu ħa dawn il‑fatti inkunsiderazzjoni ex officio matul il‑proċedura amministrattiva qabel ma adotta kwalunkwe deċiżjoni f’dak il‑każ [sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T‑247/01, Ġabra p. II‑5301, punt 46].

12      F’dan il‑każ, peress illi d‑dokumenti prodotti mir‑rikorrenti manifestament ma jirrigwardawx fatti li jmisshom ittieħdu inkunsiderazzjoni ex officio mill‑Bord tal‑Appell skont l‑Artikolu 74(1) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 76(1) tar‑Regolament Nru 207/2009), l‑imsemmija dokumenti għandhom jiġu esklużi mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat il‑valur probatorju tagħhom.

 Fuq il‑mertu

13      Insostenn tar‑rikors tagħha, ir‑rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal‑Artikolu 28 KE, ksur tal‑Artikolu 7(1)(b), kif ukoll tal‑Artikolu 73 (li sar l‑Artikolu 75 tar‑Regolament Nru 207/2009) u tal‑Artikolu 74 tar‑Regolament Nru 40/94 u, fl‑aħħar nett, fuq użu ħażin ta’ poter.

14      Għandu jiġi eżaminat l‑ewwel it‑tieni motiv, imbagħad it‑tielet u fl‑aħħar l‑ewwel motiv.

 Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 7(1)(b), kif ukoll tal‑Artikoli 73 u 74 tar‑Regolament Nru 40/94

–       L‑argumenti tal‑partijiet

15      Ir‑rikorrenti ssostni li l‑Bord tal‑Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fir‑rigward tal‑prodotti kkonċernati.

16      L‑ewwel nett, ir‑rikorrenti ssostni li l‑Bord tal‑Appell fehem ħażin il‑portata tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, Ġabra p. I‑3793), li minnha jirriżulta li r‑reġistrazzjoni ta’ kulur bħala trade mark Komunitarja tista’ tiġi eskluża biss jekk il‑kulur huwa nieqes minn karattru distintiv. B’hekk, kwalunkwe karattru distintiv ta’ trade mark, anki jekk limitat, għandu jippermetti li din tiġi rreġistrata.

17      Ir‑rikorrenti ssostni li l‑kriterji msemmija mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, huma sodisfatti f’dan il‑każ. Fil‑fatt, it‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tkopri biss tip ta’ prodott speċifiku. Jiġifieri r‑robots bl‑idejn artikolati sabiex jikkontrollaw, jittrattaw u jissaldjaw, bl‑eċċezzjoni tar‑robots għall‑kmamar asettiċi, ir‑robots mediċi u r‑robots li japplikaw il‑verniċ. Barra minn hekk, is‑suq ikkonċernat huwa speċifiku ħafna, inkwantu, fl‑ewwel lok, ir‑robots koperti mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni huma oġġetti li jikkostitwixxu investiment fit‑tul u l‑valur unitarju tagħhom f’Euro jikkonsisti f’għall‑inqas ħames ċifri, fit‑tieni lok, ir‑robots jintużaw għal finijiet speċjalizzati ħafna u, fit‑tielet lok, l‑akkwist ta’ robot tar‑rikorrenti jinvolvi ħafna xogħlijiet ta’ adattament min‑naħa tax‑xerrej.

18      It‑tieni nett, ir‑rikorrenti tikkontesta l‑analiżi tal‑Bord tal‑Appell fir‑rigward tal‑pubbliku rilevanti, li tinsab fil‑punti 19 u 20 tad‑deċiżjoni kkontestata, u tallega li dan huwa kompost, f’dan il‑każ, minn xerrejja u negozjanti tar‑robots bl‑idejn artikolati sabiex jikkontrollaw, jittrattaw u jissaldjaw, li jafu sew dan is‑suq ta’ prodotti fl‑Ewropa. Hija b’hekk tikkontesta l‑evalwazzjoni tal‑Bord tal‑Appell fis‑sens li ma humiex biss ix‑xerrejja tal‑prodotti koperti mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni li jagħmlu parti mill‑pubbliku inkwistjoni, iżda wkoll il‑persunal tekniku li jaħdem fil‑fabbriki fejn jinsabu dawn ir‑robots.

19      Ir‑rikorrenti ma taqbilx li jeżisti rekwiżit ta’ disponibbiltà fir‑rigward tal‑kuluri, minħabba n‑numru żgħir ta’ kuluri li jistgħu jiġu distinti. Hija ssostni li trade marks verbali komposti biss minn xi sinjali jistgħu jiġu rreġistrati, għalkemm dawn jagħmlu parti minn stokk li ma huwiex mingħajr limitu. Hija tenfasizza, barra minn hekk, li l‑monopolizzazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tikkonċerna biss numru limitat ta’ oġġetti. Minbarra dan, skont ir‑rikorrenti, ir‑reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ma tipprekludix li impriżi kompetituri jikkummerċjalizzaw robots oranġjo, peress li tali kummerċjalizzazzjoni ma tikkostitwixxix użu tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 207/2009). F’dan ir‑rigward, hija tinsisti fuq il‑fatt li, bħala regola, il‑klijenti jagħżlu l‑kulur tal‑prodott meta jagħmlu l‑ordni, u b’hekk ma jistax ikun li kompetitur tar‑rikorrenti jkun prekluż milli jbigħ robot oranġjo. It‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tipprekludi biss li dan il‑kulur jintuża għal finijiet pubbliċitarji u promozzjonali, pereżempju f’fieri jew f’fuljetti.

20      Barra minn hekk, ebda interess pubbliku ieħor ma jipprekludi r‑reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni. Din tal‑aħħar ma għandhiex użu deskrittiv u lanqas ma għandha għan tekniku.

21      Ir‑rikorrenti tikkontesta wkoll il‑kunsiderazzjoni tal‑Bord tal‑Appell li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni hija simili ħafna għall‑kulur tal‑minju, aġent kontra l‑korrużjoni. Minn naħa, il‑kuluri inkwistjoni huma kjarament differenti. Min‑naħa l‑oħra, l‑użu tal‑minju huwa pprojbit mid‑Direttiva 2002/95/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas‑27 ta’ Jannar 2003, dwar ir‑restrizzjoni tal‑użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit‑tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 127). Fl‑aħħar nett, ir‑robots tar‑rikorrenti huma komposti essenzjalment minn aluminju fondut, materjal li ma jeħtieġx trattament kontra l‑korrużjoni.

22      Ir‑rikorrenti ssostni wkoll li ma jistax jiġi kkunsidrat li n‑numru ta’ applikazzjonijiet għal trade marks tal‑kulur aħmar jew oranġjo mingħajr kontorni jindika li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ma hijiex xi ħaġa mhux tas‑soltu u b’hekk hija nieqsa minn karattru distintiv. Fil‑fehma tagħha, in‑numru waħdu ta’ applikazzjonijiet għal trade marks ippreżentati li jirrigwardaw kuluri mingħajr kontorni huwa irrilevanti. Il‑Bord tal‑Appell huwa marbut jagħmel evalwazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni f’kull każ partikolari, billi jieħu inkunsiderazzjoni l‑prodotti u s‑servizzi koperti mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni.

23      Ir‑rikorrenti ssostni li, meta rrileva, fil‑punt 20 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l‑pubbliku inkwistjoni jiddeċiedi jekk jixtrix il‑prodotti inkwistjoni biss abbażi tal‑aspetti tekniċi jew ekonomiċi tagħhom u mhux abbażi tal‑kulur tagħhom, il‑Bord tal‑Appell injora r‑rilevanza tal‑fatt li l‑kulur jippermetti lill‑pubbliku inkwistjoni jagħmel rabta bejn il‑prodott u l‑manifattur u jieħu idea tal‑kwalità tiegħu.

24      Barra minn hekk, ir‑rikorrenti ssostni li d‑dokument intitolat “Icon Added Value” relattiv għal sondaġġ magħmul fl‑2005, li r‑rappreżentattività tiegħu fir‑rigward tal‑Unjoni Ewropea kollha ġie pprovat mid‑dokument intitolat “World Robotics 2006”, prodott quddiem il‑Bord tal‑Appell, juri li l‑pubbliku inkwistjoni jagħmel rabta bejn kulur u l‑oriġini tal‑prodotti. Skont ir‑rikorrenti, is‑suq tar‑robots jaħdem skont regoli differenti mis‑swieq tal‑prodotti għall‑konsumaturi. Minbarra dan, hija ma taqbilx li s‑sondaġġ imwettaq fost il‑pubbliku inkwistjoni huwa bbażat fuq domanda magħmula ħażin. Fil‑fatt, il‑fatt li jissemma’ l‑manifattur ma jħassarx ir‑riżultati.

25      Fl‑aħħar nett, ir‑rikorrenti tqis li l‑Bord tal‑Appell kiser l‑Artikoli 73 u 74 tar‑Regolament Nru 40/94, inkwantu ma eżaminax il‑fatti u ċ‑ċirkustanzi tal‑każ. Għal din ir‑raġuni, id‑deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed.

26      L‑Uffiċċju jikkontesta l‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

27      Skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati t‑“trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”. Barra minn hekk, l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 207/2009) jistipula li l‑“paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r‑raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal‑Komunità”.

28      Il‑karattru distintiv ta’ trade mark, fis‑sens tal‑Artikolu 71(b) tar‑Regolament Nru 40/94, ifisser li din it‑trade mark tippermetti li l‑prodott li għalih saret l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk li dan il‑prodott jiġi distint minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tad‑29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 34).

29      Dan il‑karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall‑prodotti jew għas‑servizzi li għalihom saret l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min‑naħa l‑oħra, b’riferiment għall‑mod kif il‑pubbliku rilevanti jipperċepixxih (sentenza Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

30      Sabiex jiġi ddeterminat jekk kulur huwiex fih innifsu kapaċi jiddistingwi l‑prodotti jew is‑servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra fis‑sens tal‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 207/2009), għandu jiġi kkunsidrat jekk dawn il‑kuluri fihom infushom humiex kapaċi jew le jittrażmettu informazzjoni preċiża, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑oriġini ta’ prodott jew ta’ servizz.(ara, b’analoġija, is‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, Ġabra p. I‑6129, punt 37).

31      F’dan ir‑rigward, jeħtieġ jitfakkar li, filwaqt li l‑kuluri huma adatti sabiex iwasslu għal ċerti assoċjazzjonijiet ta’ ideat u sabiex inisslu sentimenti, min‑naħa l‑oħra, minnhom infushom, ma tantx huma adatti biex jikkomunikaw informazzjoni preċiża, speċjalment peress li dawn normalment u fil‑biċċa l‑kbira jintużaw fir‑reklamar u fil‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi minħabba s‑setgħa tagħhom li jiġbdu l‑attenzjoni, anki jekk ma jagħtux xi messaġġ preċiż (sentenzi Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u Heidelberger Bauchemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

32      Il‑perċezzjoni tal‑pubbliku ma hijiex neċessarjament l‑istess fil‑każ ta’ sinjal magħmul minn kulur bħal fil‑każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid‑dehra tal‑prodotti li din tkopri. Fil‑fatt, għalkemm il‑pubbliku huwa mdorri jipperċepixxi, immedjatament, trade marks verbali jew figurattivi bħala sinjali li jidentifikaw l‑oriġini tal‑prodott, dan ma huwiex neċessarjament il-każ meta s‑sinjal jagħmel parti mid‑dehra tal‑prodott li fir‑rigward tiegħu qed tintalab ir‑reġistrazzjoni tas‑sinjal bħala trade mark (sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, u tal‑21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI, C‑447/02 P, Ġabra p. I‑10107, punt 78).

33      Fil‑każ ta’ kulur, l‑eżistenza ta’ karattru distintiv qabel kull użu hija konċepibbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari meta n‑numru tal‑prodotti jew tas‑servizzi li fir‑rigward tagħhom intalbet it‑trade mark huwa limitat ħafna u s‑suq rilevanti huwa speċifiku ħafna (sentenzi Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u KWS Saat vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

34      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, sa fejn id‑dritt tat‑trade marks jikkostitwixxi element essenzjali tas‑sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta stabbilita mit‑Trattat, id‑drittijiet u l‑fakultajiet li t‑trade mark tagħti lill‑proprjetarju tagħha għandhom ikunu eżaminati fid‑dawl ta’ dan l‑għan. Fid‑dawl tal‑fatt li t‑trade mark irreġistrata tagħti lill‑proprjetarju tagħha, għal prodotti u servizzi partikolari, dritt esklużiv li jippermettilu jimmonopolizza s‑sinjal irreġistrat bħala trade mark mingħajr limitazzjoni ta’ żmien, il‑possibbiltà li trade mark tiġi rreġistrata tista’ tiġi ristretta għal raġunijiet marbutin mal‑interess pubbliku (ara, b’analoġija, is‑sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 sa 50).

35      F’dan ir‑rigward, in‑numru limitat tal‑kuluri effettivament disponibbli għandu bħala riżultat li numru żgħir ta’ reġistrazzjonijiet bħala trade marks għal prodotti jew servizzi partikolari jista’ jeżawrixxi l‑firxa ta’ kuluri disponibbli. Monopolju daqshekk estiż ma jkunx kompattibli ma’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, b’mod partikolari peress li dan joħloq riskju li jinħoloq vantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat favur operatur ekonomiku wieħed. Jeħtieġ għalhekk li fil‑kamp tad‑dritt Komunitarju tat‑trade marks ikun rikonoxxut interess pubbliku li d‑disponibbiltà ta’ kuluri għall‑operaturi l‑oħra li joffru prodotti u servizzi tal‑istess tip bħal dawk li fir‑rigward tagħhom qiegħda tintalab ir‑reġistrazzjoni, ma tkunx indebitament ristretta. (sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55).

36      Huwa fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat il‑motiv ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94.

37      Għal dak li jirrigwarda l‑pubbliku rilevanti, il‑Bord tal‑Appell ħa inkunsiderazzjoni, minn naħa, fil‑punt 19 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑perċezzjoni tar‑robots b’idejn artikolati sabiex jikkontrollaw, jittrattaw u jissaldjaw, mill‑persunal tekniku f’kamra tal‑makkinarju, jiġifieri l‑persunal li juża jew li jħaddem ir‑robots u, min‑naħa l‑oħra, fil‑punt 20 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑perċezzjoni tal‑impriżi li jixtru tali robots.

38      Ir‑rikorrenti ma taqbilx li l‑pubbliku rilevanti jinkludi wkoll il‑persunal tekniku li jaħdem fil‑fabbriki fejn jinsabu r‑robots. Fuq dan il‑punt, biżżejjed jingħad, hekk kif ġustament osserva l‑Uffiċċju, li, għalkemm il‑persunal tekniku x’aktarx ma jiħux sehem direttament fid‑deċiżjoni ta’ liema robots jinxtraw, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti impriżi, il‑persunal ikollu influwenza fuq din id‑deċiżjoni, peress illi huwa involut direttament fl‑operat u l‑użu ta’ kuljum tagħhom. Il‑Bord tal‑Appell b’hekk ma wettaq l‑ebda żball meta ħa inkunsiderazzjoni, minn naħa, il‑perċezzjoni tal‑persunal tekniku u, min‑naħa l‑oħra, dik tal‑membri tal‑amministrazzjoni tal‑impriża li huma responabbli għall‑għażla u x‑xiri tal‑prodotti koperti mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, sabiex jiġi evalwat il‑karattru distintiv tagħha.

39      Fi kwalunkwe każ jirriżulta kjarament mid‑deċiżjoni kkontestata li l‑Bord tal‑Appell ħa inkunsiderazzjoni pubbliku professjonali partikolarment attent, fid‑deċiżjonijiet tiegħu dwar ix‑xiri, għall‑operat tekniku tal‑imsemmija magni, inkluż, b’mod partikolari, l‑għanijiet tagħhom, il‑mudelli tagħhom jew l‑aspetti tagħhom marbutin mas‑sigurtà fix‑xogħol.

40      Għal dak li jirrigwarda l‑evalwazzjoni tal‑karattru distintiv tas‑sinjal li għalih saret l‑applikazzjoni, għandu jiġi rrilevat, hekk kif indika l‑Bord tal‑Appell fil‑punti 11 u 12 tad‑deċiżjoni kkontestata, li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tikkonsisti f’kulur wieħed, jiġifieri grad tal‑lewn oranġjo mingħajr kontorni, li jista’ jkopri totalment jew parzjalment jew il‑prodotti koperti mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni jew l‑ippakkjar tagħhom, jew, jekk ikun il‑każ, li jista’ jintuża fir‑reklamar tal‑imsemmija prodotti.

41      Fil‑punti 12 u 16 sa 20 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑Bord tal‑Appell iddeċieda li l‑karattru distintiv tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kien nieqes għar‑raġuni li din ma tiġix ipperċepita bħala indikazzjoni tal‑oriġini tal‑prodotti koperti. Fil‑fatt, huwa ddeċieda, essenzjalment, li l‑kulur mitlub ma kienx xi wieħed mhux tas‑soltu fis‑settur tar‑robots industrijali u tal‑bini ta’ installazzjonijiet u ma kienx, fih innifsu, daqstant eċċezzjonali li kien jiġi pperċepit bħala li jolqtok fis‑settur inkwistjoni.

42      Ir‑rikorrenti ma turix li l‑Bord tal‑Appell wettaq żball fir‑rigward ta’ dan il‑punt. Fil‑fatt, għandu jiġi enfasizzat li l‑konsumaturi ma humiex imdorrija jippreżumu l‑oriġini tal‑prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il‑kulur tagħhom jew fuq dak tal‑ippakkjar tagħhom, fin‑nuqqas ta’ xi element grafiku jew bil‑miktub, peress li fl‑użanzi kummerċjali attwali, bħala prinċipju, kulur ma jintużax, fih innifsu, bħala mezz ta’ identifikazzjoni. Normalment kulur ma għandux kapaċità inerenti li jiddistingwi l‑prodotti ta’ impriża partikolari (sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

43      F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat li l‑Bord tal‑Appell ikkonstata, fil‑punt 26 tad‑deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il‑punt mir‑rikorrenti, li, fis‑settur inkwistjoni, ir‑robots industrijali normalment jiġu kkummerċjalizzati f’bosta kuluri. Ir‑rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li turi li, fis‑settur inkwistjoni, il‑kuluri tar‑robots industrijali huma ġeneralment ipperċepiti bħala li jindikaw l‑oriġini kummerċjali ta’ dawn il‑prodotti.

44      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li r‑rekwiżit tad‑disponibbiltà tal‑kuluri, li għandu influwenza fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, normalment, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jikkostitwixxi ostakolu għar‑reġistrazzjoni ta’ trade mark magħmula minn kulur.

45      F’dan ir‑rigward, fir‑rigward tal‑kontestazzjoni, mir‑rikorrenti, tar‑rekwiżit ta’ disponibbiltà tal‑kuluri fis‑settur tar‑robots bl‑idejn artikolati, għandu jiġi enfasizzat li r‑reġistrazzjoni ta’ grad tal‑lewn oranġjo bħala trade mark Komunitarja ma twassalx għall‑monopolizzazzjoni ta’ dan il‑grad tal‑lewn biss, iżda tipprekludi lill‑impriżi kompetituri milli jużaw kwalunkwe grad tal‑lewn oranġjo, jekk mhux iktar, billi ma jistax jiġi eskluż li possibbilment tista’ tintwera probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il‑grad tal‑lewn oranġjo li għalih qed issir l‑applikazzjoni għal trade mark f’dan il‑każ u gradi oħrajn tal‑lewn oranġjo, jew anki kuluri simili oħra. Fid‑dawl tan‑natura partikolarment limitata tan‑numru ta’ kuluri disponibbli, il‑monopolizzazzjoni ta’ kulur partikolari u, potenzjalment tal‑firxa kollha ta’ kuluri u gradi tal‑lewn simili tista’ twassal għall‑fatt li l‑kuluri kollha disponibbli jiġu eżawriti u li jkun ingħata lil ċerti operaturi vantaġġ kompetittiv inkompatibbli ma’ sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta u mal‑interess pubbliku li d‑disponibbiltà tal‑kuluri għall‑operaturi ekonomiċi ma tkunx ristretta indebitament (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Libertel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 56).

46      F’dan il‑każ, għandu jiġi kkunsidrat li r‑rikorrenti ma pproduċiet ebda prova quddiem il‑Bord tal‑Appell li tippermetti li jiġi deċiż li f’din il‑kawża hemm ċirkustanzi eċċezzjonali u, b’mod partikolari, li n‑numru ta’ prodotti li għalihom saret l‑applikazzjoni għat‑trade mark huwa tant limitat u li s‑suq rilevanti huwa tant speċifiku li, minn naħa, kulur fih innifsu jkun kapaċi jindika l‑oriġini kummerċjali tal‑prodotti li jkopri u li, min‑naħa l‑oħra, il‑monopolizzazzjoni tiegħu ma joħloqx vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat favur il‑proprjetarju tat‑trade mark, kontra l‑interess pubbliku.

47      Fil‑fatt, ir‑rikorrenti tinvoka, f’dan ir‑rigward, il‑partikolaritajiet tas‑settur inkwistjoni, relattivi b’mod partikolari għall‑fatt li r‑robots koperti mit‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni jikkostitwixxu prodotti speċifiċi ħafna, huma oġġetti li jikkostiwixxu investiment fit‑tul, huma għaljin, jintużaw għal finijiet speċjalizzati ħafna u l‑akkwist ta’ robot jinvolvi ħafna xogħlijiet ta’ adattament min‑naħa tax‑xerrej. Madankollu, dawn il‑fatturi ma jbiddlux il‑fatt, irrilevat mill‑Bord tal‑Appell fil‑punt 26 tad‑deċiżjoni kkontestata, li huwa normali li, fis‑settur tal‑prodotti inkwistjoni, dawn ikunu disponibbli f’bosta kuluri differenti. Fuq dan il‑punt, ir‑rikorrenti stess tallega li l‑klijenti jagħżlu l‑kuluri tal‑prodotti mal‑ordni. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, fis‑settur ikkonċernat, il‑pubbliku rilevanti huwa normalment espost għall‑prodotti inkwistjoni f’diversi kuluri, mingħajr ma dawn ikunu pperċepiti bħala li jindikaw l‑oriġini kummerċjali tal‑imsemmija prodotti.

48      Minbarra dan, ir‑rikorrenti ma tispjegax kif il‑fatturi li hija tinvoka jippermettu li jiġi kkunsidrat li, fis‑settur ikkonċernat, ir‑reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ma tkunx ta’ ħsara għall‑interess pubbliku li ma tiġix ristretta indebitament id‑disponibbiltà tal‑kuluri.

49      Madankollu, ir‑rikorrenti ssostni li hija għandha l‑intenzjoni tuża t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni biss għal finijiet pubbliċitarji u promozzjonali u li r‑reġistrazzjoni ta’ din it‑trade mark ma tostakolax l‑għażla libera tal‑kumpanniji kompetituri tal‑kuluri li jistgħu jintużaw fuq ir‑robots tagħhom. F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 40/94, id‑dirtt esklużiv mogħti minn trade mark Komunitarja jagħti lill‑proprjetarju tiegħu l‑istrumenti legali biex jipprekludi lil kull terza persuna milli tuża sinjal simili jew identiku fin‑negozju. L‑Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 207/2009) jippermetti li jiġi pprojbit, b’mod partikolari, li s‑sinjal jintuża fuq il‑prodotti jew l‑imballaġġ, li l‑prodotti jiġu offruti jew jitqiegħdu fis‑suq jew jinħażnu għal dawn l‑għanijiet taħt dak is‑sinjal, jew li jiġu offruti jew ipprovduti servizzi b’dak is‑sinjal, jew li l‑prodotti jiġu importati jew esportati b’dak is‑sinjal u li s‑sinjal jintuża fil‑korrispondenza kummerċjali u fir‑riklamar.

50      Ir‑rikorrenti b’hekk ma tistax issostni li l‑użu mill‑kumpanniji kompetituri tal‑kulur oranġjo fuq ir‑robots tagħhom ma jikkostitwixxix użu tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 9 tar‑Regolament Nru 40/94.

51      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l‑idea ta’ kummerċjalizzazzjoni tiddependi biss mill‑għażla tal‑impriża kkonċernata u b’hekk tista’ tinbidel wara r‑reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja. Din b’hekk ma jista’ jkollha ebda influwenza fuq l‑evalwazzjoni tal‑kwistjoni jekk jistax jiġi rreġistrat jew le [sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (TELE AID), T‑355/00, Ġabra p. II‑1939, punt 42]. B’hekk, għalkemm ir‑rikorrenti ssostni li hija ser tuża t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni biss għal finijiet pubbliċitarji, ma jistax jiġi eskluż li eventwalment teżerċita d‑dritt esklużiv tagħha b’tali mod li tipprekludi lill‑kompetituri tagħha milli jużaw il‑grad tal‑lewn oranġjo inkwistjoni f’dan il‑każ fuq ir‑robots stess. Għaldaqstant, l‑argument tar‑rikorrenti li l‑użu tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ser ikun limitat għal finijiet pubbliċitarji ma jistax jaffettwa l‑evalwazzjoni tar‑rekwiżit ta’ disponibbiltà tas‑sinjal mitlub b’mod effettiv.

52      Ir‑rikorrenti madankollu għandha raġun issostni li l‑fatt, irrilevat mill‑Bord tal‑Appell fil‑punt 20 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l‑pubbliku inkwistjoni jiddeċiedi jekk jixtrix il‑prodotti inkwistjoni jew le biss abbażi tal‑aspetti tekniċi jew ekonomiċi huwa irrilevanti għall‑kwistjoni jekk kulur jistax fih innifsu jindika l‑oriġini kummerċjali tal‑prodotti. Madankollu, din il‑kunsiderazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li l‑Bord tal‑Appell wettaq żball meta qies li l‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 kien jipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fid‑dawl tal‑fatturi l‑oħra meħuda inkunsiderazzjoni fid‑deċiżjoni kkontestata.

53      Bl‑istess mod, l‑argumenti tar‑rikorrenti li jikkontestaw ir‑rilevanza tal‑kunsiderazzjonijiet tal‑Bord tal‑Appell, fis‑sens li, minn naħa, il‑kulur li jikkostitwixxi t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni huwa simili għall‑kulur tal‑minju, aġent kontra l‑korrużjoni u, min‑naħa l‑oħra, numru kbir ta’ deċiżjonijiet tal‑Uffiċċju jikkonċerna talbiet għar‑reġistrazzjoni ta’ gradi ta’ lewnijiet li jvarjaw mill‑aħmar għall‑oranġjo, lanqas ma jippermettu li jitqajmu dubji dwar il‑fondatezza tal‑konklużjoni tal‑Bord tal‑Appell, fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet tal‑punti 42 sa 48 iktar ’il fuq.

54      Ir‑rikorrenti ssostni wkoll li d‑dokument intitolat “Icon Added Value” juri li, fis‑settur ikkonċernat, il‑pubbliku rilevanti jagħmel rabta bejn kulur u l‑oriġini tal‑prodotti.

55      F’dan ir‑rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li l‑kwestjonarju fis‑sondaġġ li għalih jirreferi dan id‑dokument jinkludi domandi li l‑formulazzjoni u l‑ordni tagħhom kienu ta’ tali natura li kellhom influwenza kbira fuq ir‑riżultat tas‑sondaġġ. Fil‑fatt, il‑kwestjonarju inkwistjoni huwa kompost minn tliet partijiet. L‑ewwel parti, jiġifieri d‑domandi K1 sa K10, hija ffokata għalkollox fuq l‑immaġni li l‑persuna mitluba tirrispondi għandha tar‑rikorrenti u, hekk kif irrileva l‑Bord tal‑Appell, tħeġġiġha toħloq f’moħħha immaġni ta’ din tal‑aħħar. It‑tieni parti, jiġifieri d‑domandi HW1 sa HW3, tikkonċerna ċerti kompetituri tar‑rikorrenti u ma ssemmix lir‑rikorrenti. It‑tielet parti, li hija komposta minn ħames domandi, tinkludi żewġ domandi intiżi biex iqabblu lir‑rikorrenti ma’ wieħed mill‑kompetituri tagħha. Fi ħdan din it‑tielet parti, fil‑pożizzjoni ta’ qabel tal‑aħħar hemm domanda li tistieden lill‑persuni mitluba jirrispondu jagħtu kuluri lir‑rikorrenti u lil tlieta mill‑kompetituri tagħha.

56      B’hekk, kemm il‑kontenut tad‑domandi kif ukoll l‑ordni li fihom kienu jinsabu kienu jinformaw lill‑persuni mitluba jirrispondu bil‑fatt li dan il‑kwestjonarju kien ikkonċentrat fuq ir‑rikorrenti. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, id‑domanda li tistaqsi lill‑persuni mitluba jirrispondu liema kulur jassoċjaw mar‑rikorrenti ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk, fis‑settur inkwistjoni, il‑grad tal‑lewn oranġjo li jikkostitwixxi t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kellux karattru distintiv inerenti fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, u lanqas jekk il‑pubbliku rilevanti kienx jipperċepixxi l‑kuluri bħala indikazzjoni tal‑oriġini kummerċjali tal‑prodotti. Hekk kif irrileva ġustament il‑Bord tal‑Appell fil‑punt 25 tad‑deċiżjoni kkontestata, il‑metodu użat jista’ jkun rilevanti sabiex jintwera karattru distintiv miksub bl‑użu tas‑sinjal mitlub, fis‑sens tal‑Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 207/2009). Madankollu, f’dan il‑każ, l‑applikazzjoni għal trade mark ma saritx abbażi ta’ dan l‑artikolu.

57      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, ma jistax jiġi kkunsidrat li l‑Bord tal‑Appell wettaq żball meta kkonkluda li, fid‑dawl tal‑formulazzjoni u l‑ordni tad‑domandi fil‑kwestjonarju inkwistjoni, ir‑riżultati tad‑dokument intitolat “Icon Added Value” la jippermettu li jintwerew it‑tendenzi fir‑rigward tat‑trade marks fis‑settur ikkonċernat, u lanqas li tingħata prova tal‑karattru distintiv inerenti tas‑sinjal mitlub, fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94.

58      Għaldaqstant, l‑argument tar‑rikorrenti li r‑rappreżentattività fir‑rigward tal‑Unjoni kollha tad‑dokument intitolat “Icon Added Value” ġiet ipprovata mid‑dokument intitolat “World Robotics 2006” huwa irrilevanti.

59      Fir‑rigward tal‑argument tar‑rikorrenti li l‑Bord tal‑Appell ma mmotivax biżżejjed id‑deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, skont l‑Artikolu 73 tar‑Regolament Nru 40/94, l‑obbligu ta’ motivazzjoni tad‑deċiżjonijiet tal‑Uffiċċju għandu jippermetti li jsiru magħrufin, jekk ikun il‑każ, ir‑raġunijiet għaċ‑ċaħda tal‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li d‑deċiżjoni inkwistjoni tiġi kkontestata b’mod effettiv [ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs UASI (Grad tal‑lewn oranġjo), T‑173/00, Ġabra p. II‑3843, punt 55, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

60      F’dan il‑każ, mid‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Bord tal‑Appell indika l‑elementi varji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kulur huwiex distintiv, jiġifieri, b’mod partikolari, il‑perċezzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni mill‑pubbliku rilevanti, il‑karattru abitwali ta’ dan il‑kulur kif ukoll l‑użanzi fir‑rigward tat‑trade marks fis‑settur inkwistjoni. Imbagħad, il‑Bord tal‑Appell wettaq analiżi mhux biss tal‑perċezzjoni b’mod ġenerali ta’ grad tal‑lewn oranġjo, iżda wkoll tal‑kuntest speċifiku tas‑settur tar‑robots industrijali, abbażi tal‑provi prodotti mir‑rikorrenti. B’hekk, ir‑rikorrenti kellha għad‑dispożizzjoni tagħha l‑elementi meħtieġa sabiex tifhem id‑deċiżjoni kkontestata u sabiex tikkontesta l‑legalità tagħha quddiem il‑qorti tal‑Unjoni. Għaldaqstant, ma hemm ebda raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat li l‑Bord tal‑Appell kiser l‑Artikolu 73 tar‑Regolament Nru 40/94.

61      Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑argument tar‑rikorrenti li l‑Bord tal‑Appell ma għamilx eżami individwali u konkret tal‑fatti u ċ‑ċirkustanzi ta’ dan il‑każ, skont l‑Artikolu 74(1) tar‑Regolament Nru 40/94, għandu jiġi kkonstatat li l‑Bord tal‑Appell, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑punti 22 sa 25 tad‑deċiżjoni kkontestata, eżamina l‑fatti rilevanti prodotti mir‑rikorrenti stess sabiex jiġi evalwat il‑karattru distintiv tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għal dak li jirrigwarda l‑prodotti koperti mill‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l‑Bord tal‑Appell ma kisirx l‑Artikolu 74(1) tar‑Regolament Nru 40/94.

62      Fid‑dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it‑tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

–       L‑argumenti tal‑partijiet

63      Ir‑rikorrenti ssostni li d‑deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter, inkwantu hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet li hija tqis li wriet li huma irrilevanti.

64      L‑Uffiċċju jikkontesta l‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

65      Għandu jitfakkar li l‑kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata preċiża fid‑dritt tal‑Unjoni u jirrigwarda s‑sitwazzjoni fejn awtorità amministrattiva tuża l‑poteri tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ingħatawlha l‑poteri. Skont ġurisprudenza stabbilita f’dan ir‑rigward, deċiżjoni ma tkunx affettwata minn użu ħażin ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il‑bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati [sentenzi tal‑Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ April 1996, Industrias Pesqueras Campos et vs Il‑Kummissjoni, T‑551/93 u T‑231/94 sa T‑234/94, Ġabra p. II‑247, punt 168, u tat‑12 ta’ Jannar 2000, DKV vs UASI (COMPANYLINE), T‑19/99, Ġabra p. II‑1, punt 33].

66      F’dan il‑każ, ir‑rikorrenti la stabbilixxiet u lanqas biss ma allegat l‑eżistenza ta’ tali indizji. B’mod iktar partikolari, anki jekk jitqies li l‑Bord tal‑Appell, hekk kif tippretendi r‑rikorrenti, ibbaża d‑deċiżjoni kkontestata fuq kunsiderazzjonijiet li r‑rikorrenti tqis li wriet li huma irrilevanti, dan il‑fatt ma jikkostitwixxix indizju li juri li d‑deċiżjoni ttieħdet bl‑għan esklużiv, jew għall‑inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li ġew iddikjarati. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l‑Bord tal‑Appell ma wettaq ebda żball fl‑evalwazzjoni tal‑karattru distintiv tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni (ara l‑punti 41 sa 58 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, it‑tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 28 KE

–       L‑argumenti tal‑partijiet

67      Ir‑rikorrenti ssostni li r‑rifjut tar‑reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l‑importazzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 28 KE. Fil‑fatt, dan ir‑rifjut jippermetti lill‑prodotti foloz jaċċedu għas‑suq, ħaġa li jkollha l‑konsegwenza li d‑dħul mill‑bejgħ tar‑rikorrenti jitnaqqas. Skont ir‑rikorrenti, l‑ebda waħda mill‑eċċezzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 30 KE ma hija applikabbli f’dan il‑każ.

68      L‑Uffiċċju jikkontesta l‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrenti.

–       Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti Ġenerali

69      Għal dak li jirrigwarda l‑ewwel motiv tar‑rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 28 KE, għandu jiġi rrilevat li d‑dritt tat‑trade mark Komunitajra, u l‑protezzjoni mogħtija minnha, jinkisbu biss bir‑reġistrazzjoni tas‑sinjal li għalih saret l‑applikazzjoni. Il‑protezzjoni mill‑kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti foloz, imsemmija mir‑rikorrenti fl‑ewwel motiv tagħha, tista’ tkun applikabbli biss sa fejn ir‑rikorrenti tkun il‑proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja (ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tas‑17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF, C‑10/89, Ġabra p. I‑3711, punt 14). Peress illi l‑Bord tal‑Appell ma wettaq ebda żball meta kkonkluda li l‑karattru distintiv tat‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni kien nieqes fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 (ara l‑punti 41 sa 58 iktar ’il fuq), anki dan il‑motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l‑ispejjeż

70      Skont l‑Artikolu 87(2) tar‑Regoli tal‑Proċedura, il‑parti li titlef il‑kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

71      Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l‑ispejjeż, skont it‑talbiet tal‑Uffiċċju.

Għal dawn il‑motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Is‑Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir‑rikors huwa miċħud.

2)      KUKA Roboter GmbH hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Meij

Papasavvas

Truchot

Mogħtija f’qorti bil‑miftuħ fil‑Lussemburgu, fit‑13 ta’ Settembru 2010.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.