Language of document : ECLI:EU:C:2016:479

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑304/15

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu –Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni – Artikolu 4(3) – Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI – Portata tad-deroga – Power station ta’ Aberthaw – Eliġibbiltà”





I –    Introduzzjoni

1.        Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) (2) tapplika għal impjanti li l-input termiku kklassifikat tagħhom ikun daqs jew iktar minn 50 MW, irrispettivament mit-tip ta’ karburant użat (solidu, likwidu jew mill-gass) (3). Hija għandha l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit u ossidi tan-nitroġenu u trab skarikat minn tali impjanti.

2.        Il-Kummissjoni Ewropea investigat il-kompatibbiltà ta’ impjanti kbar tal-kombustjoni, inkluż il-power station ta’ Aberthaw (Wales) mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Hija waslet għall-konklużjoni li r-Renju Unit (iktar ’il quddiem ir-“Renju Unit”) kien qiegħed jikser ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 4 (3) moqri flimkien mal-Part A tal-Anness VI tad-Direttiva li jeżiġu li l-Istati Membri jiksbu tnaqqis ta’ emissjonijiet sinjifikattiv u jistabbilixxu l-valur tal-limitu ta’ emissjonijiet għal ossidi tan-nitroġenu (NOx) għal 500 mg/Nm3.

3.        Ir-Renju Unit jgħid li l-power station ta’ Aberthaw għandha l-permess tiskariga iktar minn 500 mg/Nm3 NOx fl-arja abbażi tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva [iktar ’il quddiem in-“Nota ta’ qiegħ il-paġna (3)”]. Din in-nota toħloq deroga mill-valur tal-limitu ta’ emissjonijiet ġeneralment applikabbli għal impjanti li jaħarqu karburanti solidi li l-kontenut volatili tagħhom ikun inqas minn 10 %.

4.        Din it-tilwima tiddependi mill-interpretazzjoni korretta tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3): din tapplika għall-power station ta’ Aberthaw?

II – Id-dritt applikabbli

5.        L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2001/80 jgħid: “[m]ingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/61/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE tas-27 ta’ Settembru 1996 dwar l-evalwar u l-immaniġġar tal-kwalità ta’ l-arja ambjentali, l-Istati Membri għandhom sa mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 2008, jiksbu tnaqqis ta’ emissjonijiet sinifikanti billi:

(a)      jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-liċenzi kollha għall-operar ta’ l-impjanti eżistenti jkun fihom kondizzjonijiet dwar konformità mal-valuri tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti għal impjanti ġodda msemmija fil-paragrafu 1; jew

(b)      jiżguraw li l-impjanti eżistenti huma soġġetti għall-pjan nazzjonali ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet imsemmi fil-paragrafu 6 […]”.

6.        Il-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva 2001/80/KE tiddefinixxi l- valuri tal-limiti ta’ emissjonijiet NOx li għandhom ikunu applikati minn impjanti ġodda u eżistenti skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(3) rispettivament. Hija tistabbilixxi l-valur tal-limitu ta’ 500 mg/Nm3 għal impjanti ta’ kapaċità termika ta’ iktar minn 500 MWth. Mill-1 ta’ Jannar 2016, għandu japplika l-valur ta’ 200 mg/Nm3.

7.        In-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva tipprovdi li “Sa l-1 ta’ Jannar 2018 fil-każ ta’ impjanti li fil-perjodu ta’ 12-il xahar li jintemm fl-1 ta’ Jannar 2001 operaw fuq, u jibqgħu joperaw fuq, karburanti solidi li l-kontenut volatili tagħhom hu inqas minn 10 %, 1 200 mg/Nm3 għandhom japplikaw”.

8.        Id-Direttiva 2001/80 kienet irriformulata u mħassra mill-1 ta’ Jannar 2016 bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (4). Din id-direttiva l-ġdida tistabbilixxi valuri iktar baxxi ta’ limitu ta’ emissjonijiet. Barra minn hekk, hija tneħħi wkoll it-tip ta’ deroga li hemm fin-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva 2001/80.

III – Proċedura

9.        Fid-29 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni fetħet fajl EU Pilot sabiex tinvestiga l-konformità ta’ ċerti impjanti kbar tal-kombustjoni [b’mod partikolari l-power station ta’ Aberthaw (iktar ’il quddiem “Aberthaw”)] mal-valuri tal-limitu ta’ emissjonijiet NOx stabbiliti mid-Direttiva. Matul il-proċedura r-Renju Unit issuġġerixxa li Aberthaw kienet tibbenefika, abbażi tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva, minn valur ogħla ta’ limitu ta’ emissjonijiet ta’ 1 200mg/Nm3 għal NOx, kuntrarju għall-valur standard ta’ limitu ta’ 500 mg/ Nm3. Madankollu, il-kontenut ta’ materja volatili (iktar ’il quddiem “VMC”) tal-karburant solidu f’Aberthaw fl-2009 kien irrapportat li kien ta’ 13.5 %, filwaqt li l-kundizzjoni stabbilita fin-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) teżiġi VMC ta’ inqas minn 10 %.

10.      Ir-Renju Unit sussegwentement għarraf lill-Kummissjoni li l-valur tal-limitu ta’ emissjonijiet NOx fil-permess ta’ Aberthaw maħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali kien tnaqqas għal 1 100 mg/Nm3, filwaqt li l-valur annwali tal-kontenut volatili tal-faħam kien ivarja bejn 11.39 % u 12.89 % fis-snin bejn l-2008 u l-2011.

11.      Fil-fehma tal-Kummissjoni l-kundizzjoni ta’ VMC ta’ inqas minn 10 % stabbilita fin-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) ma kinitx tħarset minn Aberthaw f’kull waħda mis-snin bejn l-2008 u l-2011 inklużi. Għalhekk il-Kummissjoni qieset li l-valur standard ta’ limitu ta’ 500 mg/Nm3 kien il-valur applikabbli għal Aberthaw u ma kienx intlaħaq mill-impjant.

12.      Għaldaqstant il-Kummissjoni ħarġet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit, fil-21 ta’ Ġunju 2013, fejn allegat li huwa kien naqas milli japplika korrettament l-Artikolu 4(3), moqri flimkien man-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva għall-power station ta’ Aberthaw sa mill-1 ta’ Jannar 2008 u, għalhekk, kien qiegħed jikser l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2001/80.

13.      Ir-Renju Unit wieġeb b’ittra tad-9 ta’ Settembru 2013 fejn qal li huwa ma kienx qiegħed jikser l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva b’rabta mal-power station ta’ Aberthaw. Issottometta li d-deroga nnegozjata u stabbilita fin-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tad-Direttiva kellha l-għan speċifiku li Aberthaw tkun koperta.

14.      Il-Kummissjoni baqgħet ma kinitx konvinta. Hija ħarġet opinjoni motivata fis-16 ta’ Ottubru 2014. Notevolment hija ħadet il-pożizzjoni li impjant ikun permess jeċċedi l-valur normali tal-limitu ta’ emissjonijiet biss jekk jaħraq karburanti solidi li l-VMC tagħhom ikun ta’ inqas minn 10 %.

15.      Ir-Renju Unit wieġeb għall-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2014. Huwa spjega li Aberthaw kienet qiegħda tkompli tagħmel investimenti sabiex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha, fejn l-emissjonijiet NOx kienu mistennija jinżlu għal 450 mg/Nm3 sa tmiem l-2017. Qal ukoll li l-permess maħruġ mill-awtoritajiet Brittaniċi lil Aberthaw kien reġa’ tnaqqas fl-2013 sabiex jistabbilixxi l-valur tal-limitu ta’ emissjonijiet ta’ NOx għal 1 050 mg/Nm3.

16.      F’dan il-kuntest il-Kummissjoni fetħet kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li, billi ma applikax korrettament id-Direttiva 2001/80 għall-power station ta’ Aberthaw f’Wales, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva 2001/80; u

–        tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

17.      Ir-Renju Unit isostni li huwa dejjem applika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva korrettament għal Aberthaw u jissottometti li r-rikors tal-Kummissjoni għandu, għalhekk, jiġi miċħud u l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

18.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-partijiet. Iż-żewġ partijiet ippreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-21 ta’ April 2016.

IV – Analiżi

19.      Skont in-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva, “Sa l-1 ta’ Jannar 2018 fil-każ ta’ impjanti li fil-perijodu ta’ 12-il xahar li jintemm fl-1 ta’ Jannar 2001 operaw fuq, u jibqgħu joperaw fuq, karburanti solidi li l-kontenut volatili tagħhom hu inqas minn 10 %, 1200 mg/Nm3 għandhom japplikaw”.

20.      Fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet (A), jiena ser noffri l-interpretazzjoni l-iktar naturali tal-portata ta’ dik id-dispożizzjoni. Fit-tieni parti (B), ngħaddi għal argumenti bbażati fuq l-istorja leġiżlattiva tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3), diskussa kunsiderevolment fid-dettall b’mod partikolari mill-Gvern tar-Renju Unit.

A –    Il-portata tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3)

21.      Hemm żewġ elementi relatati mat-tifsila tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) li dwarhom il-Kummissjoni u r-Renju Unit ma jaqblux: l-ewwel nett, il-proporzjon ta’ faħam b’VMC baxx li jkun meħtieġ sabiex ikun hemm il-benefiċċju tad-deroga, meqjus il-kontenut kollu ta’ karburanti li power station taħraq u, it-tieni nett, il-perijodu ta’ żmien li matulu l-VMC ta’ power station jiġi kkalkolat sabiex ikompli jikkwalifika għal eċċezzjoni skont din id-dispożizzjoni.

22.      Il-Kummissjoni tinterpreta ż-żewġ elementi msemmija iktar ’il fuq tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) bħala li jeżiġu li impjant għandu l-ħin kollu jitħaddem b’taħlita ta’ faħam b’VMC ta’ inqas minn 10 % mkejjel bħala medja annwali.

23.      Skont il-Gvern tar-Renju Unit, in-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) teżiġi biss “proporzjon sustanzjali” jew “ammont de minimis” ta’ faħam b’VMC ta’ inqas minn 10 %. Huwa jsostni li l-power station ta’ Aberthaw dejjem tħaddem b’taħlita ta’ faħam ibbażata l-iktar fuq faħam antraċitiku b’VMC ta’ bejn 6 % u 15 %, inkluż proporzjon sustanzjali ta’ faħam b’VMC ta’ inqas minn 10 %. Madankollu, hija qatt ma ħadmet esklużivament b’faħam b’VMC ta’ inqas minn 10 %. Ir-Renju Unit jispjega ulterjorment li l-power station ma tistax taħdem b’karburant magħmul esklużivament minn faħam li jkollu VMC ta’ inqas minn 10 % minħabba li jkun ta’ periklu li power station titħaddem b’faħam b’VMC ta’ inqas minn 9 % u minħabba li jkun kważi impossibbli fil-prattika li jinżamm il-livell ta’ VMC bejn 9 % u 10 %. Barra dan, ir-Renju Unit isostni li jkun impossibbli li jinġiebu provvisti biżżejjed ta’ faħam sabiex jintlaħaq b’mod konsistenti VMC annwali ta’ inqas minn 10 %. Huwa, għalhekk, jikkontesta l-mod kif il-Kummissjoni tipproponi li jiġi kkalkolat il-VMC, meta jitqies li minflok huwa għandu jitkejjel abbażi ta’ xahar xahar jew anki kull 48 siegħa.

24.      Jiena tal-fehma li l-pożizzjoni tar-Renju Unit ma hijiex sostenibbli.

25.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-proporzjon ta’ faħam b’VMC baxx li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb il-benefiċċju tad-deroga skont in-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) meta jitqiesu l-karburanti kollha li power station taħraq, is-sottomissjoni tar-Renju Unit li skontha l-użu ta’ “proporzjon sinjifikattiv” ta’ dan it-tip ta’ faħam bħala l-karburant li impjant jaħraq ikun suffiċjenti, ma ssib ebda sostenn fit-test.

26.      L-espressjoni “joperaw [...] fuq karburanti solidi li l-kontenut volatili tagħhom hu inqas minn 10 %” toffri biss żewġ interpretazzjonijiet possibbli li ma jwasslux sabiex titgħawweġ it-tifsira naturali tat-test tagħha: l-ewwel nett, jew li l-faħam kollu maħruq għandu jkollu VMC ta’ inqas minn 10 %. Dan effettivament ikun ifisser li faħam biss b’VMC ta’ inqas minn 10% ikun jista’ jintuża dejjem. It-tieni nett, il-medja ta’ taħlita ta’ faħam użata għandha jkollha inqas minn 10 % VMC. Għalhekk, impjant tal-enerġija ma jkunx jeħtieġlu jaħraq esklużivament faħam b’VMC ta’ inqas minn 10 % sabiex jibbenefika mid-deroga stabbilita fin-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3). Huwa biss li l-medja, ikkalkolata tul ċertu perijodu ta’ żmien, għandha tkun taħt dan il-limitu.

27.      Huwa ċar biżżejjed għalija li l-aħħar interpretazzjoni biss hija raġonevoli: it-taħlita ta’ faħam maħruqa mill-impjant għandha jkollha, bħala medja, kontenut ta’ materja volatili ta’ inqas minn 10 %. Is-sottomissjonijiet favur din il-konklużjoni ma humiex sempliċement sistemiċi (5), iżda wkoll operattivi. Tabilħaqq, il-Gvern tar-Renju Unit issottometta b’ċertu dettall li jkun diffiċli jekk mhux impossibbli jiġi ggarantit li kull vjeġġ faħam ikollu l-istess VMC. Min-naħa l-oħra, operatur ta’ impjant għandu jkun jista’ jiżgura li t-taħlita ta’ faħam li jkun qiegħed jaħraq ikollha ċerti karatteristiċi tul ċertu perijodu ta’ żmien.

28.      It-tieni nett, fir-rigward tal-perijodu li matulu l-VMC għandu jiġi kkalkolat, it-tifsira l-iktar naturali tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tissuġġerixxi li l-medja ta’ VMC għandha tiġi stmata fuq bażi annwali.

29.      In-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tagħmel riferiment għall-perijodu ta’ 12-il xahar li ntemm fl-1 ta’ Jannar 2001 – jiġifieri l-medja aggregata tul is-sena 2000 – fl-ewwel lok sabiex power station tikkwalifika għad-deroga. Huwa minnu li n-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) ma tgħid xejn dwar liema perijodu huwa rilevanti sabiex tiġi applikata kontinwament l-istess eċċezzjoni. Madankollu, ma nistax nikkonċepixxi konklużjoni iktar adatta milli nislet analoġja interna (u, għalhekk, l-eqreb possibbli) fl-istess sentenza: l-istess medja annwali għandha wkoll tapplika b’analoġija għas-snin sussegwenti sabiex jiġi analizzat jekk l-impjant, fil-kliem tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3), “[ikomplix jopera]” b’karburanti solidi b’VMC ta’ inqas minn 10 %.

30.      Għal dawn ir-raġunijiet nissuġġerixxi li n-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) għandha tinftiehem bħala li tfisser li r-rekwiżit ta’ inqas minn 10 % jirreferi għall-medja annwali ta’ VMC tat-taħlita ta’ faħam li tinħaraq minn impjanti tal-enerġija.

31.      Kif qalet il-Kummissjoni, ir-rekwiżit ta’ 10 % huwa limitu ta’ darba. Dawk l-impjanti tal-enerġija biss li tħaddmu fil-perijodu ta’ 12-il xahar qabel l-1 ta’ Jannar 2001 u komplew jitħaddmu b’taħlita ta’ faħam li l-kontenut volatili tiegħu huwa inqas minn 10 % fuq medja annwali jistgħu jiksbu d-deroga stabbilita fin-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3).

32.      Ir-Renju Unit irrikonoxxa b’mod espliċitu fis-seduta li dan ma kienx japplika għal Aberthaw. Din tal-aħħar qatt ma tħaddmet b’taħlita ta’ faħam li, fuq medja annwali, kellha VMC ta’ inqas minn 10 %, kemm fil-perijodu ta’ 12-il xahar li ntemm fl-1 ta’ Jannar 2001, kif ukoll fis-snin sussegwenti. Għaldaqstant, fil-fatt ma hemmx kontestazzjoni fis-sens li jekk in-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) kellha tiġi interpretata bil-mod deskritt fil-qosor iktar ’il fuq, Aberthaw ma kinitx tkun tista’ tibbenefika mid-deroga pprovduta fin-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3).

B –    Il-funzjoni tal-istorja leġiżlattiva

33.      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li n-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tad-Direttiva kienet speċifikatament abbozzata għall-power station ta’ Aberthaw. Ir-Renju Unit jinsisti fuq is-sottomissjoni li n-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) għandha tkun ikkaratterizzata b’mod iktar eżatt bħala dispożizzjoni intenzjonata li timponi valur ta’ limitu ta’ emissjonijiet NOx speċifiku u adatt, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi ta’ Aberthaw u ta’ power stations simili.

34.      Ir-Renju Unit jissottometti b’mod partikolari li l-power station ta’ Aberthaw hija unika fost il-power stations tar-Renju Unit li jitħaddmu bil-faħam. Allegatament hija mfassal speċifikatament sabiex taħraq faħam b’VMC baxx sabiex tkun tista’ tipproċessa t-tip ta’ faħam li jinsab l-iktar f’South Wales – jiġifieri faħam antraċitiku li ġeneralment ikollu VMC baxx ta’ bejn 6 % u 15 % – filwaqt li l-faħam użat f’power stations konvenzjonali mħaddma bil-faħam tipikament ikollu VMC ta’ madwar 20 % u 35 %. Minħabba li faħam b’VMC baxx huwa iktar diffiċli jieħu n-nar, ikun jeħtieġlu boiler imfassal apposta b’kuntrast ma’ power stations konvenzjonali li jitħaddmu bil-faħam. Mid-dehra, emissjonijiet NOx iġġenerati minn dawn il-boilers speċjali huma dejjem ogħla. Għalhekk, huwa impossibbli li Aberthaw tikkonfora mal-limiti stretti ta’ emissjonijiet NOx.

35.      Ir-Renju Unit jissottometti li n-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tfasslet speċifikatament għal Aberthaw minħabba l-importanza ekonomika sinjifikattiva tagħha għar-reġjun ta’ South Wales, l-iktar minħabba li l-minjieri tal-faħam li għad fadal ġewwa Wales jistrieħu fuqu bħala l-unika power station li tuża l-faħam li jaqtgħu minħabba li faħam b’VMC baxx ma huwiex tajjeb għall-parti l-kbira tas-swieq l-oħra.

36.      Skont il-Kummissjoni, in-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) għandha deroga li ma kinitx tfasslet speċifikament għal Aberthaw iżda kienet intiża ġeneralment għal għadd limitat ta’ impjanti tal-enerġija mibnija f’żoni fejn il-faħam antraċitiku li jinqata’ lokalment għandu kontenut volatili baxx b’mod naturali, bħal fir-Renju Unit, iżda wkoll fi Spanja.

37.      Mid-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, ikun diffiċli li wieħed jikkonkludi inekwivokament li d-deroga tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) kienet tfasslet speċifikatament għal Aberthaw.

38.      L-ewwel nett, id-deroga saret inizjalment għal impjanti ġodda u mhux għal impjanti eżistenti. Dan jidher ċar meta wieħed iqabbel id-Direttiva 2001/80 ma’ dik li kien hemm qabilha, id-Direttiva tal-Kunsill 88/609/KEE (6). L-Anness VI tad-Direttiva 88/609 stabbilixxa valuri differenti ta’ limitu ta’ emissjonijiet għal NOx skont it-tip ta’ karburant użat minn power station, u kienet tippermetti sa 1 300 mg/Nm3 għal karburant solidu b’VMC ta’ inqas minn 10 %. Madankollu, xejn ma jindika li min abbozza l-Anness VI tad-Direttiva 88/609 kellu f’moħħu lil Aberthaw (impjant eżistenti), meqjus il-fatt li d-deroga tal-Anness VI ta’ din id-direttiva kien japplika biss għal impjanti ġodda u mhux għal dawk eżistenti.

39.      It-tieni nett, ma tirriżulta ebda prova mit-travaux préparatoires dwar id-Direttiva li tindika li n-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) kienet dispożizzjoni mfassla speċifikament għal Aberthaw. Ma kienet prodotta ebda prova konklużiva lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-materja. Fis-sottomissjonijiet tiegħu l-Gvern tar-Renju Unit straħ fuq firxa ta’ dokumenti ppreżentati minn diversi individwi, minn Membri tal-Parlament Ewropew jew minn diversi uffiċjali mir-Renju Unit fi u madwar il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Direttiva. Dawn id-dokumenti huma limitati, madankollu, għal ittri u noti biss mingħand tali individwi, u għal reġistrazzjoni ta’ dibattiti minn seduti tal-Parlament Ewropew. Ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jirrifletti, madankollu, il-pożizzjoni uffiċjali ta’ istituzzjoni tal-Unjoni involuta fil-proċess leġiżlattiv, li jista’ jingħad li tiddikjara intenzjoni leġiżlattiva ċara ta’ istituzzjoni tal-Unjoni meħuda fl-intier tagħha.

40.      Fl-aħħar nett, id-Direttiva ssemmi espliċitament f’dispożizzjonijiet oħra installazzjonijiet speċifiċi li jgawdu minn deroga mill-valuri standard ta’ limitu ta’ emissjonijiet stabbiliti mid-Direttiva. Notevolment dan huwa l-każ għal “żewġ installazzjonijiet fi Kreta u f’Rodi” fejn japplika valur ta’ limitu speċifiku (Parti B tal-Anness VI). Wieħed seta’ jistrieħ fuq l-istess teknika leġiżlattiva sabiex tiġi ttrattata s-sitwazzjoni speċifika ta’ Aberthaw. Madankollu, il-leġiżlatur għażel li ma jagħmilx hekk.

41.      F’kull każ, kienet x’kienet l-intenzjoni leġiżlattiva, nissuġġerixxi li f’dan il-każ partikolari hija ma kinitx deċiżiva.

42.      B’mod ġenerali, huwa ċar mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-istorja leġiżlattiva u l-intenzjoni leġiżlattiva għandhom xi rilevanza għall-interpretazzjoni kemm tad-dritt sussidjarju (7), kif ukoll, iktar reċenti, tad-dritt primarju (8).

43.      Madankollu, għandha tiġi enfasizzata l-kelma “interpretazzjoni”, kuntrarju għal “riformulazzjoni” ġudizzjarja. Sottomissjoni bbażata fuq intenzjoni leġiżlattiva hija sottomissjoni permissibbli, tabilħaqq, siewja f’każijiet ta’ inċertezza jew ambigwità testwali. Fil-fehma tiegħi, madankollu, tista’ twassal lil min jagħmel l-interpretazzjoni mhux iktar lil hinn minn fejn tkun tippermetti l-ambigwità testwali nfisha; interpretazzjoni għandha tibqa’ fil-limiti tat-test miktub u fil-ġeneriċità semantika konċepibbli tagħha.

44.      Għalhekk, anki kieku kellu jiġi stabbilit li n-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) kienet tfasslet speċifikatament għal Aberthaw, ħaġa li ma kinitx ipprovata f’din il-kawża, tali konklużjoni setgħet, forsi, tkun ta’ rilevanza għal annullament potenzjali (9) ta’ tali dispożizzjoni ipotetikament imwielda mejta. Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma setgħetx twassal għal riformulazzjoni ġudizzjarja ta’ figura, numru jew perċentwali ċari, magħżula u ddikjarati mil-leġiżlatur fit-test tal-liġi. Dan ikun jammonta għal interpretazzjoni contra legem, jiġifieri interpretazzjoni opposta għall-kliem ċar ta’ dispożizzjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet bħala l-limitu estern ta’ kull sforz interpretattiv (10).

45.      Tali limiti interpretattivi manifestatment jintlaħqu f’din il-kawża. Jista’ raġonevolment jingħad li hemm ambigwità interpretattiva fir-rigward tal-mod li bih u l-perijodu li matulu jiġi kkalkolat il-VMC, kif deskritt fil-qosor fis-sezzjoni preċedenti. Madankollu ma hemmx ambigwità fir-rigward tal-limitu ta’ 10 %. Għaxra fil-mija tfisser 10 fil-mija.

46.      Bħala konsegwenza, diskussjoni dwar l-istorja leġiżlattiva tan-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) ma tistax tibdel il-konklużjoni li r-Renju Unit naqas milli japplika korretament l-Artikolu 4(3), moqri flimkien man-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva għall-power station ta’ Aberthaw u, għalhekk, kiser l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2001/80.

V –    Spejjeż

47.      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundanna għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

VI – Konklużjoni

48.      Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)      tiddikjara li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli japplika korrettament l-Artikolu 4(3), moqri flimkien man-Nota ta’ qiegħ il-paġna (3) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva 2001/80/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni għall-power station ta’ Aberthaw f’Wales u, għalhekk, kiser l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2001/80/;

(2)      tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299.


3–      Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva.


4–      ĠU L 334, p. 17.


5–      Id-Direttiva topera ma’ u tagħmel riferiment għal medji bħala mod kif jiġu kkalkolati ċerti figuri f’għadd ta’ dispożizzjonijiet oħra, bħal, pereżempju, fl-Artikolu 4(6), l-Artikolu 5, l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 14(4) u fin-Nota (2) tal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva.


6–      Direttiva tal-Kunsill 88/609/KEE, tal-24 ta’ Novembri 1988, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 336, p. 1.


7–      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C–356/05, EU:C:2007:229, punt 24); tal-21 ta’ Ġunju 2012, Wolf Naturprodukte (C–514/10, EU:C:2012:367, punt 26); u tat-23 ta’ Frar 2010 Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C–310/08, EU:C:2010:80, punti 46 tsa 47).


8–      Ara, f’dak ir-rigward, is-sentenzi tat-12 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑61/03, EU:C:2005:210, punt 29); tas-27 ta’ Novembru 2012 Pringle (C–370/12, EU:C:2012:756, punt 132 et seq); tat-3 ta’ Ottubru 2013 Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C–583/11 P, EU:C:2013:625, punt 59) u tas-16 ta’ Ġunju 2015 Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 100).


9–      Mod ta’ azzjoni li r-Renju Unit qatt ma ħa, li jista’ jidher xi ftit sorprendenti jekk huwa llum qiegħed isostni bil-qawwa li l-mod li bih id-deroga kienet abbozzata qatt ma seta’ jkun ta’ għajnuna għal Aberthaw sabiex dan jibbenefika minnha minħabba l-kundizzjonijiet strutturali relatati mal-funzjonament ta’ dan l-impjant tal-enerġija, li dejjem kien differenti mill-impjanti l-oħra.


10–      Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 24); tat-8 ta’ Diċembru 2005, BĊE vs Il‑Ġermanja (C‑220/03, EU:C:2005:748, punt 31); u tal-15 ta’ Lulju 2010 Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 33).