Language of document : ECLI:EU:C:2016:706

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

21 ta’ Settembru 2016 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu –Direttiva 2001/80/KE– Artikolu 4(3) – Parti A tal-Anness VI – Limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni – Applikazzjoni – Power station ta’ Aberthaw”

Fil-Kawża C‑304/15,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Mifsud-Bonnici u S. Petrova, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn J. Kraehling u L. Christie, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna, QC,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqas milli japplika korrettament id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 6 p. 299), għall-power station ta’ Aberthaw (ir‑Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“power station ta’ Aberthaw”), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness VI tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Id-Direttiva 2001/80, li ssostitwiet id-Direttiva tal-Kunsill 88/609/KEE, tal-24 ta’ Novembru 1988, dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet minn ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 1988, L 336, p. 1), tħassret b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016, bid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17). Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2001/80 kienet tapplika “għal impjanti ta’ kombustjoni, li l-input termiku kwotat tagħhom huwa ugwali għal jew ikbar minn 50 MW [MW], irrispettivament mit-tip ta’ karburant użat (solidu, likwidu jew tal-gass)”.

3        Skont il-premessi 4 sa 6 ta’ din id-direttiva:

“(4)      Il-Kummissjoni ippubblikat Komunikazzjoni dwar strateġija Komunitarja biex tiġġieled l-aċidifikazzjoni fejn ir-reviżjoni tad-Direttiva 88/609/KEE kienet identifikata bħala komponent integrali ta’ dik l-istrateġija bl-iskop fit-tul għal tnaqqis ta’ l-emmisjonijiet tad-diossidu tal-kubrit u l-ossidi tan-nitroġenu biżżejjed biex id-deposizzjonijiet u l-konċentrazzjonijiet jitniżżlu għal livelli taħt it-tagħbijiet u l-livelli kritiċi.

(5)      Skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-oġġettiv tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet aċidifikanti minn impjanti kbar ta’ kombustjoni ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment u l-azzjoni skonċertata ma toffri ebda garanzija ta’ l-akkwist tal-oġġettiv mixtieq; bl-iskop tal-bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet aċidifikanti tul il-Komunità, huwa iktar effettiv li tittieħed azzjoni f’livell Komunitarju.

(6)      Impjanti kbar tal-kombustjoni eżistenti huma kontributuri sinifikattivi ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu fil-Komunità u huwa meħtieġ li jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun adattat l-approċ għall-karatteristiċi differenti tas-settur kbir ta’ l-impjanti tal-kombustjoni fl-Istati Membri.”

4        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-liċenzi kollha għall-kostruzzjoni, jew fl-assenza ta' din il-proċedura, għall-operar ta' impjanti ġodda li skont l-awtorità kompetenti huma s-suġġett ta' talba sħiħa għal liċenza qabel is-27 ta' Novembru 2002, kemm-il darba l-impjant ma jitħaddimx iktar tard mis-27 ta' Novembru 2003, ikollu kondizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' konformità mal-valuri tal-limiti [valuri limiti] ta’ emissjonijiet stabbiliti fil-parti A tal-Annessi III sa VII dwar id-diossidu il-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab.

[...]

3.      Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 96/61/KE [tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 3 p. 80)] u d-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE, tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 3 p. 95)], l-Istati Membri għandhom sa mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 2008, jiksbu tnaqqis ta’ emissjonijiet sinifikanti billi:

a)      jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-liċenzi kollha għall-operar ta’ l-impjanti eżistenti jkun fihom kondizzjonijiet dwar konformità mal-valuri tal-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti għal impjanti ġodda msemmija fil-paragrafu 1, jew

b)      jiżguraw li l-impjanti eżistenti huma soġġetti għall-pjan nazzjonali ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet imsemmi fil-paragrafu 6,

u, fejn xieraq, japplikaw l-Artikoli 5, 7 u 8.

[...]”

5        Skont l-Artikolu 14 tal-istess direttiva:

“1.       Fil-każ ta’ kejl kontinwu, il-valuri tal-limiti [valuri limiti] ta’ emissjonijiet stabbiliti fil-parti A tal-Annessi III sa VII għandhom jitqiesu bħala li kien hemm konformità magħhom, jekk l-evalwazzjoni tar-riżultati tindika li, għas-sigħat ta’ operazzjoni f’sena kalendarja:

a)      ebda wieħed mill-valuri medji ta’ xahar skond il-kalendarju ma jeċċedi l-valuri tal-limitu ta’ emissjonijiet, u

b)       fil-każ ta’:

[...]

ii)      ossidji tan-nitroġenu: 95 % tal-valuri medji kollha ta’ 48 siegħa ma jeċċedux 110 % tal-valuri tal-limiti ta' emissjonijiet.

[...]”

6        Il-Parti A, tal-Anness VI tad-Direttiva 2001/80 stabbilixxiet f’tabella, il-valuri limiti ta’ emissjonijiet għal ossidi tan-nitroġenu li għandhom ikunu applikati minn impjanti eżistenti skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, għat-tipi differenti ta’ karburanti. Għall-karburanti solidi użati f’impjant ta’ kapaċità ta’ iktar minn 500 MW, il-valur tal-limitu kien stabbilit għal 500 mg ta’ ossidi tan-nitroġenu kull metru kubu normali (mg/Nm3).

7        Fir-rigward ukoll tal-karburanti solidi, din it-tabella kienet tagħmel riferiment, madankollu, għan-nota ta’ qiegħ il-paġna (3) (iktar ’il quddiem in-“nota 3”), li kienet tipprovdi kif ġej:

“Sa l-1 ta’ Jannar 2018 fil-każ ta’ impjanti li fil-perjodu ta’ 12-il xahar li jintemm fl-1 ta’ Jannar 2001 operaw fuq, u jibqgħu joperaw fuq, karburanti solidi li l-kontenut volatili tagħhom hu inqas minn 10 %, 1 200 mg/Nm3 għandhom japplikaw.”

8        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2010/75, il-punt 4 tal-Parti 1 tal-Anness V ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-valuri limiti tal-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu għal impjanti li jużaw karburanti solidi. Mill-1 ta’ Jannar 2016, dan il-valur tnaqqas għal 200 mg/Nm3.

 Il-proċedura prekontenzjuża

9        Fid-29 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni “EU Pilot” dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti impjanti kbar ta’ kombustjoni u, b’mod partikolari, il-power station ta’ Aberthaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/80. Skont informazzjoni trażmessa lill-Kummissjoni, abbażi tan-nota 3, dan l-impjant kien jibbenefika minn valur limitu tal-emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu inqas strett, jiġifieri 1 200 mg/Nm³, minn dak normalment applikabbli għal dan it-tip ta’ impjant bl-użu tal-karburant solidu, jiġifieri, skont it-tabella tal-Parti A tal-Anness VI, ta’ din id-direttiva, 500 mg/Nm³. Skont il-Kummissjoni, sabiex jinkiseb il-benefiċċju ta’ din id-deroga, in-nota msemmija imponiet, madankollu, li l-kontenut ta’ komposti volatili (iktar ’il quddiem il-“KKV”) tal-karburanti użati kellu jkun inqas minn 10 %. Għaldaqstant, din l-istituzzjoni staqsiet lir-Renju Unit dwar il-KKV tal-karburanti solidi użati fil-power station ta’ Aberthaw matul is-snin 2009 sa 2011.

10      Ir-Renju Unit wieġeb li, fil-fehma tiegħu, il-valur limitu tal-emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu applikabbli għall-power station ta’Aberthaw kien ta’ 1 200 mg/Nm3 u li dan il-valur limitu ta’ emissjoni kellu pereżempju jitqies bħala osservat jekk 95 % tal-valuri medji rrilevati tul perijodu ta’ 48 siegħa ma kinux eċċedew 1 320 mg/Nm3.

11      Fl-20 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni bagħtet mistoqsijiet addizzjonali lir-Renju Unit sabiex tevalwa jekk il-power station ta’ Aberthaw kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tan-nota 3 fir-rigward tal-KKV. Bħala tweġiba, dan l-Istat Membru ppreċiża li l-valur medju tal-KKV tal-faħam użat f’dan il-power station bejn is-snin 2008 u 2011 kien ta’ 12.81 %, 11.75 %, 12.89 % u 11.39 % rispettivament. Għalhekk, skont din l-informazzjoni, dan il-faħam kellu KKV medju ta’ inqas minn 10 % darbtejn biss bejn is-snin 2008 u 2010 u ħames darbiet matul is-sena 2011.

12      Peress li, bejn is-snin 2008 u 2011 inklużi, il-karburanti użati mill-power station ta’ Aberthaw ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fin-nota 3 fir-rigward tal-KKV, il-Kummissjoni sostniet li dan l-impjant qatt ma kkwalifika bħala li jibbenefika mid-deroga prevista minn din in-nota u li lilu kellu, sa mill-1 ta’ Jannar 2008, jiġi applikat il-valur limitu ta’ emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu ta’ 500 mg/Nm3.

13      Fil-21 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni b’ilment lir-Renju Unit billi naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu, sa mill-1 ta’ Jannar 2008, li jikkonforma ruħu mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2001/80, moqri flimkien man-nota 3, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, fir-rigward tal-power station ta’ Aberthaw, tal-valur limitu tal-emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu ta’ 500 mg/Nm3 applikabbli għal dan l-impjant sal-1 ta’ Jannar 2016.

14      Bħala tweġiba għal din l-intimazzjoni, ir-Renju Unit indika li huwa kkunsidra li d-deroga prevista fin-nota 3 kienet speċifikament ġiet introdotta fid-Direttiva 2001/80 sabiex jiġi kopert il-każ tal-power station ta’ Aberthaw, b’tali mod li din id-deroga kellha tiġi interpretata b’mod iktar flessibbli, fis-sens li din ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-impjant ikkonċernat kien iffunzjona esklużivament permezz ta’ karburant solidu li kellu KKV ta’ inqas minn 10 %. Dan l-Istat Membru sostna wkoll li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni diretta bejn il-volatilità tal-karburant maħruq minn din il-power station u l-livell ta’ ossidi tan-nitroġenu li kien jipproduċi.

15      Peress li t-tweġiba tar-Renju Unit ma kkonvinċietx lill-Kummissjoni, fis-16 ta’ Ottubru 2014, hija bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE.

16      F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni tenniet l-argument tagħha li n-nota 3 kienet deroga għall-valuri normali ta’ limitu stabbiliti għal impjant tad-daqs tal-power station ta’ Aberthaw u li dan tal-aħħar kien eċċeda l-valur limitu ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu applikabbli skont l-Artikolu 4(1) u (3) tad-Direttiva 2001/80, moqri flimkien ma’ din in-nota.

17      Din l-istituzzjoni ċaħdet ukoll l-interpretazzjoni tan-nota 3 li din ma teżiġix li l-impjant inkwistjoni juża esklużivament karburanti solidi li l-KKV tagħhom ma jeċċedix l-10 % bħala medja, imkejjel fuq bażi annwali. Fil-fatt, għalkemm dan il-kontenut ma huwiex espress espliċitament bħala valur annwali medju fid-Direttiva 2001/80, tali interpretazzjoni hija konformi mal-ispirtu ta’ din id-direttiva, fejn l-Artikolu 14(1) tagħha jsemmi li l-valuri limiti ta’ emissjoni stabbiliti fil-Parti A tal-Annessi III sa VII tad-direttiva msemmija jitkejlu fuq sena kalendarja.

18      Fit-tweġiba tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014, abbażi tax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2001/80, ir-Renju Unit reġa’ tenn li l-power station ta’ Aberthaw kienet konformi mad-Direttiva 2001/80, peress li d-deroga prevista fin-nota 3 tirreferi speċifikament għal dan l-impjant. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru ppreċiża li din il-power station kompliet tibbenefika minn investimenti sabiex jittejbu l-prestazzjonijiet tagħha.

19      Peress li ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba mogħtija mir-Renju Unit, fid-19 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

20      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, peress li l-power station ta’ Aberthaw ma tosservax il-kriterju msemmi fin-nota 3, dan l-impjant ma jistax jibbenefika mid-deroga prevista minnha. Konsegwentement, l-impjant imsemmi għandu jipproduċi ossidi tan-nitroġenu b’konformità mal-valur standard tal-limitu ta’ 500 mg/Nm3. Madankollu, fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-valur indikat fl-awtorizzazzjoni tal-funzjonament ta’ din il-power station kien ta’1 050 mg/Nm3, u għalhekk ir-rikors għandu jintlaqà.

21      Insostenn ta’ dan l-ilment, din l-istituzzjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-formulazzjoni tan-nota 3 hija ċara. Din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-impjanti li effettivament jaħarqu karburanti solidi b’KKV inqas minn 10 %. Din in-nota ma tapplikax għal impjanti “li jistgħu” jaħdmu b’tali karburant u lanqas ma tirreferi għal kwalunkwe limitu ta’ applikazzjoni li jikkorrispondi ma’ kwantità insinjifikattiva ta’ karburant. Fil-fatt, il-kriterju ta’ KKV ta’ 10 % ġie introdott sabiex jiġi stabbilit limitu intiż għal-limitazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ deroga għall-power stations.

22      It-tieni nett, il-possibbiltà li d-deroga inkluża fin-nota 3 hija intiża, b’mod partikolari, għall-power station ta’ Aberthaw hija irrilevanti, peress li l-intenzjoni suġġettiva ta’ ċerti atturi waqt il-proċedura leġiżlattiva ma hijiex kriterju validu ta’ interpretazzjoni.

23      It-tielet nett, anki kieku kellu jiġi adottat metodu ta’ kalkolu abbażi ta’ medja ta’ kull xahar u mhux annwali, il-power station ta’ Aberthaw xorta ma tkunx tissodisfa l-kriterji tad-deroga msemmija.

24      Ir-Renju Unit isostni li l-interpretazzjoni tan-nota 3 proposta mill-Kummissjoni tmur kontra l-formulazzjoni ta’ din in-nota kif ukoll l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, b’tali mod li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

25      Qabelxejn, skont dan l-Istat Membru, il-power station ta’ Aberthaw dejjem ħadmet b’karburant kompost prinċipalment minn faħam antraċitiku b’KKV ta’ bejn 6 % u 15 %, inkluż proporzjon sinjifikattiv ta’ faħam b’KKV ta’ inqas minn 10 %. Madankollu, hija qatt ma ħadmet esklużivament b’faħam b’KKV ta’ inqas minn 10 % jew b’taħlita li, bħala medja, għandha KKV inqas minn 10 %. Fil-fatt, kunsiderazzjonijiet sinjifikattivi prattiċi u ta’ sigurtà jipprekludu tali mod ta’ funzjonament.

26      Konsegwentement, minn naħa, l-imsemmi Stat Membru jikkontesta l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni li, sabiex jibbenefika mid-deroga prevista min-nota 3, impjant għandu jiffunzjona esklużivament b’karburant solidu li għandu KKV inqas minn 10 %, imkejjel abbażi ta’ medja annwali. Tali interpretazzjoni twassal sabiex iżżid rekwiżit għal din id-deroga, li jrendi l-kundizzjonijiet għall-aċċess għaliha iktar restrittivi. Issa, din in-nota ma tinkludix l-avverbji “biss” jew “esklużivament”. Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jirrestrinġi l-benefiċċju tan-nota 3 biss għall-power stations li jużaw il-faħam b’KKV ta’ inqas minn 10 %, il-formulazzjoni tagħha kienet tirrefletti din l-intenzjoni b’mod espliċitu. Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, meta d-Direttiva 2001/80 tipprevedi l-użu ta’ valur medju, hija tippreċiżah espliċitament.

27      Għalhekk, ir-Renju Unit isostni li n-nota 3 hija intiża sabiex tapplika għall-impjanti li jiffunzjonaw bi proporzjon sinjifikattiv ta’ faħam b’KKV ta’ inqas minn 10 %.

28      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ta’ din in-nota kif proposta mill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li d-deroga inkluża fin-nota msemmija ġiet innegozjata u mdaħħla fid-Direttiva 2001/80 matul il-proċess leġiżlattiv speċifikament biex tiġi koperta l-power station ta’ Aberthaw.

29      Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit operattiv ta’ sigurtà għat-taħlita ta’ faħam użata fil-power station ta’ Aberthaw ġie stabbilit għal KKV minimu ta’ 9 %. Sabiex jikkonforma ruħu mal-limiti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tan-nota 3 tal-Kummissjoni, l-operatur ta’ din il-power station għandu juża biss karburanti solidi li jippermettu l-osservanza ta’ marġni żgħir ħafna ta’ KKV, ta’ bejn 9 % u 9.9 %. Inkunsiderazzjoni tal-parametri kollha li għandhom jitqiesu fit-taħlita ta’ dawn il-karburanti, jiġifieri r-rata ta’ umdità, l-irmied, il-kubrit, il-kloru, il-valur kalorifiku, l-ebusija u d-daqs, dan ma huwiex realistiku u lanqas possibbli għal power station ta’ din id-dimensjoni. B’mod partikolari, dan l-operatur ma jkunx jista’ la jipprovdi għalih u lanqas li jeżamina b’mod preċiż u affidabbli l-kwantitajiet kbar ħafna ta’ faħam li l-power station ta’ Aberthaw tuża sabiex tiżgura li l-KKV kollu jibqa’ speċifikament bejn 9 % u 9.9 %.

30      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tan-nota 3 kif proposta mill-Kummissjoni wkoll ma għandha ebda għan ambjentali. Fil-fatt, l-emissjonijiet l-iktar għolja ta’ ossidi tan-nitroġenu mill-power station ta’ Aberthaw huma l-konsegwenza tad-disinn tal-bojler u tat-temperaturi iktar għolja meħtieġa sabiex il-kombustjoni tal-faħam antraċitiku jinżamm f’livell baxx ta’ KKV. Dawn l-emissjonijiet ma humiex affettwati b’mod sinjifikattiv bil-KKV tat-taħlita tal-karburant, b’mod li dan il-kontenut ma jonqosx b’mod sinjifikattiv jekk din il-power station tkun obbligata ma tużax taħlita ta’ faħam b’KKV totali ta’ bejn 11 % u 12 % bħala karburant, bħalma huwa l-każ issa, iżda, u fuq is-supożizzjoni li dan huwa possibbli, faħam b’KKV ta’ 9.5 %. Għall-kuntrarju, il-kombustjoni ta’ faħam b’KKV iktar baxx iwassal għal emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu iktar għolja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31      Kif jirriżulta mill-premessi 4 sa 6 tad-Direttiva 2001/80, din tal-aħħar għandha l-għan li tiġġieled l-aċidifikazzjoni billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit u l-ossidi tan-nitroġenu, li huma kkawżati b’mod sinjifikattiv mill-impjanti ta’ kombustjoni kbar.

32      F’dan ir-rigward, l-Annessi III sa VII ta’ din id-direttiva jipprevedu ċertu numru ta’ limitazzjonijiet. B’mod iktar speċifiku, il-Parti A tal-Anness VI tagħha tistabbilixxi għad-diversi tipi ta’ karburanti, il-valuri limiti ta’ emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu applikabbli għall-impjanti eżistenti, b’konformità mal-Artikolu 4(3) tad-direttiva msemmija. Għalhekk, għall-karburanti solidi użati f’impjant ta’ kapaċità ogħla minn 500 MW, il-valur limitu huwa stabbilit għal 500 mg/Nm3.

33      In-nota 3 tipprevedi, madankollu li “[s]a l-1 ta’ Jannar 2018 fil-każ ta’ impjanti li fil-perjodu ta’ 12-il xahar li jintemm fl-1 ta’ Jannar 2001 operaw fuq, u jibqgħu joperaw fuq, karburanti solidi li l-kontenut volatili tagħhom hu inqas minn 10 %, 1 200 mg/Nm3 għandhom japplikaw”.

34      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju Unit ma ssodisfax, fir-rigward tal-power station ta’ Aberthaw, il-kundizzjonijiet li jwasslu sabiex tibbenefika mid-deroga msemmija minn din in-nota u, konsegwentement, li ma osservatx il-valur limitu tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti, jiġifieri ta’ 500 mg/Nm3.

35      Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ma jaqblux, b’mod partikolari, fir-rigward tal-perijodu li għandu jintuża bħala riferiment għall-ġbir tad-data intiża għall-verifikazzjoni li l-impjanti kkonċernati josservaw il-livelli ta’ emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li t-tieni parti tas-sentenza tal-formulazzjoni tan-nota 3 ma tiddefinixxix dan il-perijodu ta’ referenza, l-ewwel parti ta’ din id-dispożizzjoni tinkludi espliċitament is-sintamma “impjanti li fil-perjodu ta’ 12-il xahar li jintemm fl-1 ta’ Jannar 2001 operaw”.

37      Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta b’analoġija li n-nota 3 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-perijodu ta’ referenza għall-ġbir tad-data sabiex jiġi vverifikat li l-impjanti msemmija jkomplu joperaw b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/80 huwa identiku għal dak li ppermetta li jiġi stabbilit jekk impjant ikkwalifika jew ma kkwalifikax għad-deroga inkluża f’dik in-nota ta’ qiegħ il-paġna, jiġifieri sena.

38      Madankollu, irrispettivament minn jekk il-KKV huwiex ikkalkolat abbażi ta’ kull xahar jew kull sena, ir-Renju Unit ma jiċħadx li l-power station ta’ Aberthaw qatt ma ssodisfat il-kriterju dwar il-karburanti li għandhom jintużaw minn impjant, imsemmi fin-nota 3 u kif interpretata mill-Kummissjoni.

39      F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li din l-interpretazzjoni li, sabiex jinkiseb il-benefiċċju tad-deroga indikata fin-nota msemmija, impjant għandu juża biss karburanti b’KKV medju ta’ inqas minn 10 %, imkejjel fuq bażi annwali, hija żbaljata, peress li l-avverbju “esklużivament” ma jidhirx fil-formulazzjoni ta’ din in-nota.

40      Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

41      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata ta’ dispożizzjoni, din għandha tiġi interpretata inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tagħha, tal-kuntest tagħha, kif ukoll tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, A, C‑184/14, EU:C:2015:479, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fir-rigward tal-formulazzjoni tan-nota 3, din tipprevedi li, sabiex jinkiseb il-benefiċċju tad-deroga prevista minn din in-nota, l-impjant ikkonċernat għandu “[jopera] fuq, karburanti solidi li l-kontenut volatili tagħhom hu inqas minn 10 %”.

43      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-argumenti tar-Renju Unit, il-fatt li din il-formulazzjoni ma tinkludix l-avverbji “unikament” jew “esklużivament” ma jwassalx għall-konklużjoni li, sabiex jinkiseb il-benefiċċju tas-sistema derogatorja stipulata min-nota msemmija, huwa biżżejjed li l-karburant użat minn impjant ikollu, jew “proporzjon sinjifikattiv”, jew “proporzjon ċert” ta’ karburanti solidi b’KKV ta’ inqas minn 10 %. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 24 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda argument legali ma jippermetti li jiġi ssostanzjat l-interpretazzjoni tan-nota 3 sostnuta mir-Renju Unit.

44      Fil-fatt, kif issuġġerixxa l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 sa 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-nota 3 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-limitu ta’ 10 % li hemm riferiment għalih f’din in-nota, ifisser li l-faħam użat minn impjant għandu jkollu KKV medju ta’ inqas minn 10 %.

45      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest tan-nota 3 kif ukoll mill-għan tad-Direttiva 2001/80.

46      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li din tal-aħħar tippermetti li, għall-impjanti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li hija tipprevedi, jiġi applikat valur limitu ta’ emissjoni għall-ossidi tan-nitroġenu li huwa ogħla mill-valur limitu ta’ emissjoni ġenerali ta’ 500 mg/Nm3 indikat fil-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva 2001/80.

47      In-nota 3 tikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali prevista f’din id-dispożizzjoni tal-Anness VI u, għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Nannoka Vulcanus Industries, C‑81/14, EU:C:2015:575, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-għan tad-Direttiva 2001/80, kif issostni l-Kummissjoni, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evoluzzjoni tal-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li ġew qabel din id-direttiva, bħad-Direttiva 88/609, turi li l-livell tal-limiti stabbiliti f’dispożizzjonijiet bħan-nota 3, iservi qabelxejn biex jiġi limitat in-numru massimu ta’ impjanti li jistgħu jibbenefikaw minn tali deroga li, fih innifsu, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet assenjati lid-Direttiva 2001/80 u mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

49      Għaldaqstant, l-argument tar-Renju Unit li l-limitu ta’ KKV ta’ 10 % tal-karburant solidu użat ma jippermettix li jintlaħaq l-għan ambjentali tad-Direttiva 2001/80, minħabba li ma jaffettwax b’mod sinjifikattiv l-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, in-nota 3 tikkontribwixxi għall-imsemmi għan ambjentali billi tillimita n-numru ta’ impjanti li jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni prevista f’din in-nota.

50      Barra minn hekk, l-ewwel nett, l-argument tar-Renju Unit indikat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza għandu jiġi miċħud, peress li, anki jekk kien paċifiku li d-deroga prevista fin-nota 3 kienet ġiet innegozjata sabiex tinkludi impjant bħalma hija l-power station ta’ Aberthaw, madankollu dan għandu jissodisfa l-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni sabiex jikkwalifika u jibqa’ jibbenefika minn din id-deroga.

51      It-tieni nett, hemm lok li l-argument tal-imsemmi Stat Membru li, minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, ma huwiex possibbli li jiġi applikat il-limitu ta’ 10 % inkwistjoni, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru jirriżulta li t-taħlita użata fil-power station ta’ Aberthaw għandha KKV li jista’ jvarja minn 6 % sa 15 %. Għaldaqstant, huwa stabbilit li l-faħam użat bħala karburant f’dan l-impjant jista’ jkollu KKV medju ta’ inqas minn 10 %.

52      It-tielet nett, l-argument tar-Renju Unit, li huwa prinċipalment minħabba restrizzjonijiet ekonomiċi li ma twettqux żviluppi sabiex titjieb il-prestazzjoni ambjentali tal-impjant imsemmi u li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tan-nota 3, għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Renju Unit ma jistax validament jinvoka, f’dan il-każ, motivi ta’ natura purament ekonomika sabiex jikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑265/95, EU:C:1997:595, punt 62, u tal-21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru, C-515/14, EU:C:2016:30, punt 53).

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma applikax korrettement id-Direttiva 2001/80 għall-power station ta’ Aberthaw, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness VI tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma applikax korrettement id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni, għall-power station ta’Aberthaw (ir-Renju Unit), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness VI tagħha.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.