Language of document : ECLI:EU:C:2017:524

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis-6 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C-304/16

American Express Co.

vs

The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury,

intervenjenti:

Diners Club International Ltd,

MasterCard Europe SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (qorti għolja tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni tar-Reġina — qorti kontenzjuża-amministrattiva, ir-Renju Unit)]

“Regolament (UE) 2015/751 — Tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard — Tariffi ta’ interkambju tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard — Skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet — Skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet — Kunċett ta’ emittent ta’ kard — Kard ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’co-branding — Kard ta’ ħlas ta’ tliet partijiet b’aġent”






1.        Wara tranżazzjoni tant komuni u, apparentement, tant sempliċi bħal ma hi dik tal-ħlas permezz ta’ kard tal-oġġetti u s-servizzi mixtrija, tinħeba xibka kumplessa ta’ relazzjonijiet ġuridiċi li l-konsumaturi diffiċli jimmaġinaw. Bħala minimu, f’kull tranżazzjoni permezz ta’ kard ta’ ħlas, minbarra il-konsumatur u n-negozjant, jintervjenu l-bank jew il-banek tat-tnejn li huma, kif ukoll l-istituzzjoni li tamministra l-kard.

2.        Fost l-iktar elementi importanti ta’ din l-istorja hemm il-kummissjonijiet (2) li jitħallsu lill-istituzzjonijiet finanzjarji, bi skambju għas-servizzi offruti lill-konsumaturi u lin-negozjanti, sabiex jiffaċilitaw l-użu tal-kards ta’ ħlas. Wara li l-Kummissjoni Ewropea applikat ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa għat-“tariffi multilaterali ta’ interkambju” (3) tas-sistema ta’ ħlas MasterCard, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwarhom (4).

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiffaċċja problema oħra, jiġifieri, id-distinzjoni bejn iż-żewġ mudelli kbar ta’ skemi (5) ta’ kards ta’ ħlas: dik ta’ erba’ partijiet (l-iktar waħda mifruxa, li tinkludi MasterCard u Visa) u dik ta’ tliet partijiet (rappreżentata, fost oħrajn, minn American Express u Diners Club).

4.        Ir-Regolament (UE) 2015/751 (6) jillimita t-tariffi tal-interkambju fl-iskemi ta’ erba’ partijiet u jagħti libertà fl-istabbiliment tal-kummissjonijiet f’dawk ta’ tliet partijiet. Peress li d-differenzi bejn iż-żewġ sistemi ma humiex evidenti fid-dawl ta’ dak ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja qegħda tintalab tiċċarahom, fil-każ li d-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju hi ammissibbli.

I.      Il-kuntest ġuridiku: id-dritt tal-Unjoni

5.        It-tariffi tal-interkambju huma wieħed mill-ispejjeż l-iktar importanti fit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard. Ikkonfrontata bid-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri, li affettwaw negattivament l-integrazzjoni tas-suq Ewropew tal-ħlas bl-imnut (mhux bi flus kontanti), l-Unjoni għażlet li tarmonizzahom, sabiex tnaqqas l-ammont tagħhom u ttejjeb il-kontroll tagħhom.

6.        Ir-Regolament ġie approvat għal dan il-għan. Peress li hija dispożizzjoni ta’ applikazzjoni diretta, ma teħtieġx, fil-prinċipju, it-tfassil ta’ regoli nazzjonali ta’ implementazzjoni (bl-eċċezzjoni tas-sanzjonijiet, li d-determinazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom hija fdata lill-Istati Membri, skont ir-referenza espliċita fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament).

7.        Ir-Regolament ikkunsidra ż-żewġ mudelli ta’ skemi ta’ ħlas permezz ta’ kard: dawk ta’ erba’ partijiet u dawk ta’ tliet partijiet. Fir-rigward tagħhom, il-premessi li huma traskritti hawn taħt jipprovdu kif ġej:

“(28)      It-transazzjonijiet permezz ta’ kard ta’ pagament ġeneralment isiru abbażi ta’ żewġ mudelli kummerċjali ewlenin, l-hekk imsejħa ‘skemi tal-kard ta’ pagament ta’ tliet partijiet’ (id-detentur tal-kard — l-iskema ta’ akkwist u ta’ ħruġ — in-negozjant) u ‘skemi tal-kard ta’ pagament ta’ erba’' partijiet’ (id-detentur tal-kard — il-bank emittenti — il-bank akkwirenti — in-negozjant). Ħafna skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet jużaw tariffa espliċita tal-interkambju, li tkun, l-iżjed, multilaterali. Sabiex l-eżistenza ta’ tariffi impliċiti tal-interkambju tkun rikonoxxuta u jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, l-iskemi ta’ kards ta’ pagament ta’ tliet partijiet li jużaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament bħala emittenti jew akkwirenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet u għandhom isegwu l-istess regoli, filwaqt li t-trasparenza u miżuri oħra marbutin mar-regoli kummerċjali għandhom japplikaw għall-fornituri kollha. Madankollu, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet li jeżistu għal dawn it-tipi ta’ skemi ta’ tliet partijiet, huwa xieraq li jiġi permess perijodu ta’ transizzjoni li matulu l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-regoli dwar il-limitu tat-tariffa tal-interkambju jekk dawn l-iskemi ikollhom sehem limitat ħafna mis-suq fl-Istat Membru kkonċernat.

(29) Is-servizz emittenti huwa bbażat fuq relazzjoni kuntrattwali bejn l-emittent tal-istrument tal-pagament u l-pagatur, irrispettivament minn jekk l-emittent hux qiegħed iżomm il-fondi f’isem il-pagatur. L-emittent jagħmel kards ta’ pagament għad-dispożizzjoni tal-pagatur, jawtorizza t-transazzjonijiet fit-terminals jew l-ekwivalenti tagħhom u jista’ jiggarantixxi l-pagament lill-akkwirent għal transazzjonijiet li huma f’konformità mar-regoli tal-iskema relevanti. Għalhekk, is-sempliċi distribuzzjoni ta’ kards ta’ pagament jew servizzi tekniċi, bħas-sempliċi proċessar u l-ħażna ta’ data, ma tikkostitwixxix ħruġ.

[...]

(32)      Hemm it-tendenza li l-konsumaturi ma jkunux konxji tat-tariffi mħallsin min-negozjanti għall-istrument ta’ pagament li jużaw. Fl-istess waqt, serje ta’ prattiki ta’ inċentiv applikati minn emittenti (bħal vouchers tal-ivvjaġġar, bonuses, skontijiet, ħlasijiet lura, assigurazzjonijiet b’xejn, eċċ.) jistgħu jħajru lill-konsumaturi jużaw strumenti tal-pagament, biex b’hekk jiġġeneraw tariffi għoljin għall-emittenti. Sabiex jiġi evitat dan, il-miżuri li jimponu restrizzjonijiet fuq it-tariffi tal-interkambju għandhom japplikaw biss għal kards ta’ pagament li saru prodotti tal-massa u li n-negozjanti ġeneralment isibuha diffiċli biex jirrifjutaw minħabba l-ħruġ u l-użu mifrux tagħhom (jiġifieri kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur). Sabiex jittejjeb il-funzjonament effettiv tas-suq fil-partijiet tas-settur li mhumiex regolati u sabiex jiġi limitat it-trasferiment tan-negozju mill-partijiet regolati tas-settur għal dawk mhux regolati, huwa meħtieġ li jiġu adottati serje ta’ miżuri, li jinkludu s-separazzjoni tal-iskema u l-infrastruttura, l-iggwidar tal-pagatur mill-benefiċjarju, u l-aċċettazzjoni b’mod selettiv tal-istrumenti ta’ pagament mill-benefiċjarju.

(33)      Is-separazzjoni bejn l-iskema u l-infrastruttura għandha tippermetti li l-proċessuri kollha jikkompetu għall-klijenti tal-iskemi. Billi l-ispiża tal-ipproċessar hija parti sinifikanti mill-ispiża totali tal-aċċettazzjoni tal-kards, huwa importanti għal din il-parti tal-katina ta’ valur li tinfetaħ għal kompetizzjoni effettiva. Abbażi tas-separazzjoni tal-iskema mill-infrastruttura, l-iskemi ta’ kards u l-entitajiet li jipproċessaw għandhom ikunu indipendenti f’termini ta’ kontabbiltà, organizzazzjoni u proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

[...]”

8.        L-Artikolu 1, li jaqa’ taħt il-Kapitolu I (“Dispożizzjonijiet ġenerali”), jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi tekniċi u tan-negozju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards imwettqa fl-Unjoni, fejn kemm il-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur kif ukoll il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-benefiċjarju jinsabu hemmhekk.

[...]

3.      Il-Kapitolu II ma japplikax għal dawn li ġejjin:

a)      transazzjonijiet b’kards kummerċjali;

b)      ġbid ta’ flus kontanti minn magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus jew mal-kaxxier tal-fornitur ta’ servizz ta’ pagament; u

c)      transazzjonijiet b’kards ta’ pagament maħruġa minn skemi ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet.

4.      L-Artikolu 7 ma japplikax għal skemi ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet.

5.      Meta skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards, jew it-tnejn, jew toħroġ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija titqies bħala skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet. Madankollu, sad-9 ta’ Diċembru 2018 fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ pagamenti domestiċi, tali skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tista’ tiġi eżentata mill-obbligi skont il-Kapitolu II, dment li t-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard magħmulin fi Stat Membru taħt tali skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet ma jaqbżux, fuq bażi annwali, it-3 % tal-valur tat-transazzjonijiet kollha ta’ pagament permezz ta’ kard magħmula fl-istess Stat Membru.”

9.        L-Artikolu 2 fih lista wiesgħa ta’ definizzjonijiet tat-termini użati. Għal dan il-każ japplikaw b’mod speċjali dawk tal-punti 2, 10 sa 12, 15 sa 18 u 32, li t-test tagħhom jipprovdi kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2)      ‘emittent’ tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaqbel li jipprovdi lil pagatur bi strument ta’ pagament biex jibda u jipproċessa t-transazzjonijiet ta’ pagatur ta’ pagament permezz ta’ kard;

[...]

10)      ‘tariffa tal-interkambju’ tfisser tariffa mħallsa għal kull transazzjoni direttament jew indirettament (jiġifieri permezz ta’ terza parti) bejn l-emittent u l-akkwirent involuti fi transazzjoni ta’ pagament permezz ta’ kard. Il-kumpens nett jew remunerazzjonijiet maqbula oħrajn jitqiesu bħala parti mit-tariffa tal-interkambju;

11)      ‘kumpens nett’ tfisser l-ammont nett totali ta’ pagamenti, skontijiet jew inċentivi riċevuti minn emittent mill-iskema ta’ kards ta’ pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard jew attivitajiet relatati;

12)      ‘tariffa għas-servizzi tan-negozjant’ tfisser tariffa mħallsa mill-benefiċjarju lill-akkwirent b’rabta ma’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard;

[...]

15)      ‘kard ta’ pagament’ tfisser kategorija ta’ strument ta’ pagament li jippermetti lil pagatur jagħti bidu għal transazzjoni b’kard ta’ debitu jew ta’ kreditu;

16)      ‘skema ta’ kards ta’ pagament’ tfisser sett wieħed ta’ regoli, prattiki, standards u/jew linji gwida għall-implimentazzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard u li jkun separat minn kwalunkwe sistema ta’ infrastruttura jew ta’ pagament li tappoġġa l-operazzjoni tiegħu, u li jinkludi kwalunkwe korp, organizzazzjoni jew entità speċifika li tieħu d-deċiżjonijiet b’responsabbiltà għall-funzjonament tal-iskema;

17)      ‘skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet’ tfisser skema ta’ pagament permezz ta’ kard li fiha l-pagamenti jsiru mill-kont ta’ pagament ta’ pagatur fil-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju permezz tal-intermedjazzjoni tal-iskema, emittent (min-naħa tal-pagatur) u akkwirent (min-naħa tal-benefiċjarju);

18)      ‘skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet’ tfisser skema ta’ kards ta’ pagament li fiha l-iskema stess tipprovdi servizzi akkwirenti u emittenti u t-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard isiru minn kont ta’ pagament ta’ pagatur fil-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju fl-iskema. Meta skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kard, jew it-tnejn, jew toħroġ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kard flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija titqies bħala skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijie;

[...]

32)      ‘co-branding’ tfisser l-inklużjoni ta’ mill-inqas marka [brand] waħda ta’ pagament u mill-inqas marka waħda mhux ta’ pagament fuq l-istess strument ta’ pagament permezz ta’ kard;

[...]”.

10.      L-Artikolu 3(1) jistabbilixxi:

“Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx joffru jew jitolbu tariffa tal-interkambju fuq kull transazzjoni ta’ iktar minn 0.2 % tal-valur tat-transazzjoni għal kwalunkwe transazzjoni b’kard ta’ debitu.”

11.      Skont l-Artikolu 4:

“Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma għandhomx joffru jew jitolbu tariffa tal-interkambju fuq kull transazzjoni ta’ iktar minn 0.3 % tal-valur tat-transazzjoni għal kwalunkwe transazzjoni b’kard ta’ kreditu. Fir-rigward tat-transazzjonijiet domestiċi b’kard ta’ kreditu l-Istati Membri jistgħu jiddefenixxu limitu aktar baxx tat-tariffa tal-interkambju fuq kull transazzjoni.”

12.      B’mod konformi mal-Artikolu 5:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limiti msemmija fl-Artikoli 3 u 4, kwalunkwe remunerazzjoni maqbula, inkluż il-kumpens nett, b’oġġett jew effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju, riċevut minn emittent mill-iskema ta’ kard ta’ pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward tat-transazzjonijiet ta’ pagament jew attivitajiet relatati għandha tkun ittrattata bħala parti mit-tariffa tal-interkambju.”

13.      L-Artikolu 7, li ma huwiex applikabbli għall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, jirregola s-separazzjoni bejn l-iskema ta’ kards ta’ ħlas u l-entitajiet ta’ pproċessar ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas.

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      American Express Company (iktar ’il quddiem, “Amex”) hija kumpannija internazzjonali ta’ servizzi, ibbażata fi New York, li, bl-appoġġ tas-sussidjarji tagħha, toffri servizzi ta’ ħlas, ivvjaġġar, u pjattaforma ta’ lealtà, filwaqt li twettaq attivitajiet ta’ ħruġ u akkwist ta’ kards madwar id-dinja kollha, inkluża l-Unjoni Ewropea.

15.      Din il-kumpannija topera s-sistema ta’ kards ta’ ħlas American Express, li hija deskritta bħala ta’ tliet partijiet. Amex ikkonkludiet numru ta’ ftehimiet ta’ co-branding u ta’ provvista ta’ servizzi ma’ entitajiet oħra fl-Unjoni. Skont dawn il-ftehimiet, bla ħsara għall-interpretazzjoni tar-Regolament, l-operazzjonijiet tagħha huma suġġetti għar-restrizzjonijiet imposti minn dan għall-iskemi ta’ erba’ partijiet ta’ kards ta’ ħlas.

16.      Diners Club International Limited, sussidjarja ta’ Discover Financial Services, tinsab f’sitwazzjoni simili, li topera l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet Diners Club u li tapoġġja l-argument ta’ Amex fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju.

17.      F’dik il-kawża hija parti wkoll MasterCard Europe SA (iktar ’il quddiem, “MasterCard”), il-kumpannija sussidjarja Ewropea ewlenija ta’ MasterCard Incorporated. Din il-kumpannija topera skemi ta’ erba’ partijiet ta’ kards ta’ ħlas ta’ kreditu u ta’ debitu, fuq skala dinjija taħt l-isem MasterCard. Hija awtorizzata mill-qorti tar-rinviju sabiex tintervjeni, u topponi l-argumenti ta’ Amex.

18.      Amex ressqet każ quddiem il-qorti tar-rinviju rigward l-obbligu jew l-intenzjoni ta’ Her Majesty’s Treasury (il-ministeru tal-ekonomija u l-finanzi tar-Renju Unit)(7) sabiex jeżegwixxi u japplika f’dak l-Istat Membru ċerti aspetti tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament.

19.      Il-fatt ikkontestat jirreferi, konkretament, għal tnejn mit-tliet każijiet previsti fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament, li fihom jiġu kklassifikati bħala ta’ erba’ partijiet ċerti skemi ta’ tliet partijiet ta’ kards ta’ ħlas.

20.      Il-qorti tar-rinviju tindika li hemm qbil bejn il-partijiet u ma hemm ebda dubju dwar l-applikazzjoni tal-ewwel każ kopert minn dawn ir-regoli: meta sistema ta’ tliet partijiet tagħti liċenzja lil fornituri oħra ta’ servizzi ta’ ħlas sabiex joħorġu kards ta’ ħlas jew sabiex jakkwistaw tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard, jew iż-żewġ azzjonijiet, ikun suġġett għar-Regolament fuq l-istess livell bħas-sistemi ta’ erba’ partijiet.

21.      Id-dubji jikkonċernaw iż-żewġ każijiet l-oħra, jiġifieri, meta skema ta’ tliet partijiet toħroġ “strumenti ta’ ħlas bil-kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent”. Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk, f’dawn il-każijiet, l-attivitajiet ta’ skema ta’ tliet partijiet jistgħux jiġu mqabbla ma’ dawk tal-erba’ partijiet, għall-finijiet tar-Regolament, fi kwalunkwe każ (jiġifieri, biżżejjed li jkun sieħeb f’co-branding jew aġent) jew biss meta, barra minn hekk, dawn l-imsieħba jew aġenti jkunu fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li joħorġu l-kards.

22.      Fl-aħħar nett, jekk sistema ta’ tliet partijiet issir ta’ erba’ partijiet permezz tal-intervent ta’ sieħeb f’co-branding jew aġent, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament.

23.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, permezz ta’ digriet tat- 30 ta’ Mejju 2016, il-High Court of Justice of England & Wales, Queen’s Bench Division (Administrative Court) (qorti għolja tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni tar-Reġina — qorti kontenzjuża-amministrattiva, ir-Renju Unit) tagħmel id-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Ir-rekwiżit fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament [...] 2015/751 [...] li skema tal-kard ta’ pagament ta’ tliet partijiet li toħroġ strumenti ta’ pagament bil-kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija meqjusa bħala skema tal-kard ta’ pagament ta’ erba’ partijiet, japplika biss sa fejn dak is-sieħeb f’co-branding jew aġent jaġixxi bħala ‘emittent’ fis-sens tal-Artikolu 2(2) jew tal-premessa 29 tar-RTI (senjatament meta s-sieħeb jew l-aġent ikollu relazzjoni kuntrattwali mal-persuna li tħallas, li abbażi tagħha huwa jidħol f’kuntratti sabiex jipprovdi lill-persuna li tħallas bi strument ta’ pagament sabiex jiġu mibdija u pproċessati t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard tal-persuna li tħallas)?

2)      F’każ li r-risposta għad-domanda l tkun ‘le’, l-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-RTI huma invalidi sa fejn dawn jipprovdu li tali arranġamenti huma meqjusa bħala skemi tal-kard ta’ pagament ta’ erba’ partijiet, abbażi ta’:

a)      nuqqas ta’ għoti ta’ raġunijiet skont l-Artikolu 296 TFUE,

b)      żball manifest ta’ evalwazzjoni; u/jew

c)      ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

24.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Amex, MasterCard, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern tal-Portugall, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta li saret fis-27 ta’ April 2017, intervjenew Amex, MasterCard, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

III. Analiżi

25.      Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. Jien se niddiskuti l-oġġezzjonijiet tagħhom qabel ma nibda, eventwalment, l-eżaminazzjoni tal-mertu. F’dan il-każ, direttament jew sussidjarjament, din l-eżaminazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni preliminari tar-relazzjonijiet legali li jeżistu fi tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard sabiex ikun hemm ftehim aħjar.

A.      L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

26.      It-tliet istituzzjonijiet, li jaqblu mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jibbażaw rwieħhom fuq l-argumenti li ġejjin: a) ma hemmx tilwima reali bejn il-partijiet, peress li l-azzjoni intiża għall-istħarriġ tal-legalità (“judicial review”) tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li japplika Regolament tinvolvi, fir-realtà, mod biex tiġi evitata s-sistema ta’ kontestazzjoni stabbilita mit-TFUE; b) il-kwistjoni mqajma hija ipotetika; u ċ) il-qorti tar-rinviju ma tindikax il-fatti u l-liġi applikabbli, u lanqas ir-raġunijiet li jwasslu sabiex din tikkunsidra l-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament.

27.      Ċertament, dan ir-rinviju preliminari huwa atipiku u fih numru ta’ anomaliji li jistgħu jiġġustifikaw l-inammissibbiltà tiegħu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 94 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha.

28.      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju ma tiddeskrivix il-kuntest tal-fatti tat-tilwima. Hija tiddikjara biss li l-azzjoni ta’ Amex hija għandha bħala suġġett “l-obbligu jew l-intenzjoni tal-konvenut [il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi tar-Renju Unit] li japplika, fir-Renju Unit, ċerti aspetti tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament”. Hija ma tipprovdix il-mod li bih l-awtoritajiet Brittaniċi għandhom l-intenzjoni li japplikaw id-dispożizzjonijiet ikkontestati, u lanqas jekk dik l-applikazzjoni amministrattiva saritx diġà.

29.      It-tieni nett, id-digriet tar-rinviju jipprovdi li Amex, bħala r-rikorrenti u l-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi fir-Renju Unit, bħala l-konvenut, jaqblu dwar is-soluzzjoni għat-tilwima. Il-Ministeru konvenut, fil-fatt, ma joġġezzjonax għall-azzjoni tal-kumpannija rikorrenti. Għall-kuntrarju, huwa jikkoopera magħha sabiex jippromwovi r-rinviju preliminari.

30.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha sabiex tippreżenta l-argumenti tal-partijiet u ma tispjegax ir-raġunijiet tagħha sabiex tagħmel ir-rinviju preliminari, u lanqas ma tipprovdi għaliex id-domandi tagħha huma essenzjali sabiex tinstab soluzzjoni għal din l-(allegata) tilwima. Fir-realtà, hija tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-dokument imħejji mill-partijiet, li tinkorpora fid-digriet tagħha (8).

31.      Domanda preliminari magħmula f’dawn il-kundizzjonijiet ma għandhiex tintlaqa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

32.      Madankollu, hemm ċirkustanza partikolari li forsi tista’ tispjega l-azzjonijiet tal-qorti tar-rinviju. Id-domandi qamu fil-kuntest ta’ azzjoni (“judicial review”) intiża għall-istħarriġ tal-legalità tal-“intenzjoni u/jew l-obbligu” tar-Renju Unit li japplika regola tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Din hija proċedura sui generis tad-dritt Brittaniku li, kif applikata fil-prattika, tippermetti lill-individwi jitolbu l-interpretazzjoni jew id-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ att leġiżlattiv mingħajr ma jkun (għadu) ġie applikat.

33.      Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet pjuttost ġeneruża meta laqgħet id-domandi preliminari tal-qrati Brittaniċi promossi taħt dawn il-proċeduri, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-validità tar-regoli tal-Unjoni (9). Naħseb li, billi taġixxi b’dan il-mod, toffri lill-individwi li jkollhom kawża fir-Renju Unit (b’kuntrast ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra) possibbiltà li jikkontestaw il-validità ta’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni ta’ portata ġenerali, anke qabel ma dawn jkun jista’ jkollhom effett legali fl-ordinament intern (10). Se nerġa’ nitkellem dwar dan il-punt iktar 'il quddiem.

34.      Madankollu, hemm diversi raġunijiet favur l-ammissibbiltà. L-ewwel, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi lid-domandi preliminari, minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-qorti nazzjonali dwar in-natura indispensabbli tar-rinviju tagħha. Madankollu, din hija preżunzjoni konfutabbli (11).

35.      Huwa importanti, ukoll, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet domandi preliminari tal-qrati Brittaniċi magħmula f’dan it-tip ta’ proċeduri ta’ judicial review (12). Ċertament, il-maġġor parti ta’ dawk il-proċeduri jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-direttivi, iżda ma naħsibx li hemm diffikultajiet insormontabbli sabiex dawn jiġu estiżi għall-interpretazzjoni u l-validità ta’ regolament (13).

36.      Regolament huwa direttament applikabbli (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE), li jimplika li dan ma jistax ikun suġġett għal implementazzjoni leġiżlattiva permezz tal-adozzjoni ta’ liġijiet jew regolamenti mill-Istati Membri, sakemm ir-regolament innifsu ma jipprovdix hekk (14). Madankollu, ir-regolamenti jeħtieġu, f’ħafna każijiet, l-applikazzjoni amministrattiva tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali u spiss, permezz ta’ dik l-applikazzjoni, iqumu dubji quddiem il-qrati nazzjonali dwar il-mod kif għandhom jiġu interpretati wħud mid-dispożizzjonijiet jew dwar il-validità tagħhom (15).

37.      Dan huwa l-każ hawnhekk, minħabba li hemm żewġ modi, mill-inqas, kif jistgħu jiġu interpretati u applikati l-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament għall-iskemi ta’ tliet partijiet ta’ kards ta’ ħlas, u jistgħu jiġu ppreżentati raġunijiet kontra l-validità tagħhom.

38.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teħtiġx, għaldaqstant, li l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari tkun suġġetta għall-fatt li jkunu ġew attwalment adottati, fid-dritt nazzjonali, miżuri għall-implimentazzjoni ta’ att tal-Unjoni. Huwa biżżejjed li l-qorti tar-rinviju tkun ġiet adita b’tilwima reali li fiha jiġi diskuss, sussidjarjament, l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ tali att.

39.      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju ddikjarat l-azzjoni oriġinali ammissibbli, li jfisser li, skont hi, il-kawża saret b’mod konformi għar-regoli fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku tagħha (16). Il-possibbiltà li tittieħed deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni u l-validità taż-żewġ artikoli msemmija iktar 'il fuq, qabel l-applikazzjoni amministrattiva tagħhom, jidher li ma toħloqx problemi proċedurali.

40.      Fl-aħħar nett, it-teknika segwita mill-qorti nazzjonali fir-redazzjoni tad-digriet tar-rinviju tista’ manifestament tittejjeb, minħabba li dan sempliċement juża l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi tal-każ ipprovduti mill-partijiet, mingħajr ma jinkludi evalwazzjoni tal-qorti (17). Madankollu, meta tiġi kkunsidrata fit-totalità tiegħu, id-digriet jista’ jippermetti li tingħata idea adegwata ta’ dawk l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi (18) u pprovda opportunità lill-partijiet ikkonċernati (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Gvern Brittaniku, il-Gvern Portugiż, Amex u MasterCard) sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, b’mod konformi għall-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

41.      Minkejja s-saħħa ta’ dawn l-argumenti, nemmen li fil-bilanċ tal-inammissibbiltà huwa itqal tnejn minn dawk opposti.

42.      Proċeduri bħal din joffru lill-partijiet quddiem il-qrati Brittaniċi l-possibbiltà li “jevitaw” ir-restrizzjonijiet fuq il-locus standi stabbilita għar-rikorsi għal annullament kontra atti leġiżlattivi tal-Unjoni ta’ portata ġenerali. L-użu tal-kawża preliminari, kif sar hawnhekk, tagħtihom vantaġġ proċedurali, mhux żgħir, li jattakkaw il-legalità ta’ dawk l-atti qabel l-implimentazzjoni amministrattiva tagħhom u rigward effetti futuri, mhux attwali, fis-sitwazzjoni legali tad-destinatarji tagħhom (19).

43.      L-aċċettazzjoni ta’ rinviji b’dawn il-karatteristiċi tista’ twassal għal diskriminazzjoni fl-użu tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni preliminari, għad-detriment tal-Istati Membri l-oħra, li għandhom jistennew sakemm att amministrattiv jaffettwa lilhom qabel ikunu jistgħu jappellawh u, jekk applikabbli, jitolbu d-dikjarazzjoni ta’ invalidità kemm ta’ dak l-att uniku kif ukoll tar-regoli tal-Unjoni li jappoġġjawh.

44.      Skont il-loġika tas-sistema tal-appelli tal-Unjoni, it-talbiet għal invalidità huma riżervati għall-applikanti li jgawdu locus standi ġenerali jew għall-individwi affettwati direttament u individwalment minn att partikolari. Filwaqt li dawn tal-aħħar huma meħtieġa li jużaw, f’terminu ta’ żmien, rikors (dirett) għal invalidità quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jkollhomx il-possibbiltà li, qabel jew b’mod parallel, jistennew li l-qorti nazzjonali tagħmel domanda preliminari ta’ valutazzjoni tal-validità (20).

45.      Din l-aħħar karatteristika tas-sistema ta’ rikorsi kontra atti tal-Unjoni, fl-opinjoni tiegħi, tista’ tiġi frammentata jekk jiġu aċċettati b’mod indiskriminat domandi preliminari bħal ma hi din. Li tiġi proposta l-inammissibbiltà tagħha ma huwiex l-istess bħall-kritika, lanqas b’mod indirett, tal-karatteristiċi tal-judicial review li nsib li l-flessibbiltà tagħha ta’ min ifaħħarha. L-awtonomija mogħtija lill-Istati Membri sabiex jistrutturaw il-liġi proċedurali nazzjonali tagħhom tawtorizzahom ifasslu s-sistema ta’ rikorsi tagħhom kif jaraw li hu l-iktar xieraq. Madankollu, meta jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu osservati, bilfors, l-Artikolu 267 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi kkontestata l-validità tal-atti tal-Unjoni, kemm b’mod dirett kif ukoll permezz ta’ referenza preliminari.

46.      Barra minn hekk, —kif diġà semmejt— f’dan il-każ ma saritx, quddiem il-qorti nazzjonali, konfrontazzjoni reali bejn Amex u l-Awtorità Brittanika. It-tnejn li huma jiddefendu l-istess argument u, jmorru quddiem il-qorti, mhux sabiex issolvi tilwima reali li jixtiequ soluzzjoni differenti għaliha, iżda sabiex din tagħmel id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-partijiet infushom ippreparaw.

47.      Karatterstika tipika (u essenzjali) ta’ kull kawża hija li jkun hemm żewġ pożizzjonijiet kontradittorji, u mhux li jaqblu bejniethom. Għall-kuntrarju, hawnhekk jirriżulta li huwa, pjuttost, proċedura falza maħluqa apposta, bi ftehim, bl-iskop uniku li tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma teżisti tilwima reali bejn ir-rikorrenti u l-konvenut. Fil-fatt, hija ekwivalenti għal talba għal opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tneħħi xi dubji dwar l-interpretazzjoni u l-validità tar-Regolament.

48.      Taħt dawn il-kundizzjonijiet, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-domandi preliminari bħala inammissibbli. Iżda, jekk dan is-suġġeriment ma jintlaqax, ser niddiskuti l-mertu tad-domandi magħmula.

B.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-iskemi tal-kards ta’ ħlas

49.      F’kull xirja permezz ta’ kard ta’ ħlas, ġeneralment ikun hemm dawn is-suġġetti: a) sid il-kard; b) l-istituzzjoni finanzjarja —ġeneralment, bank— li toħroġ din il-kard u tipprovdiha lill-klijenti tagħha (iktar ’il quddiem, il-“bank emittenti”) (21); il-kummerċjant li jbigħ l-oġġetti jew jipprovdi s-servizzi tiegħu, imħallas bil-kard; d) l-istituzzjoni finanzjarja li tipprovdi s-servizzi lil dan il-kummerċjant sabiex ikun jista’ jaċċetta l-kard, l-istituzzjoni li normalment hija wkoll bank u tissejjaħ, fil-lingwaġġ ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, “bank ta’ akkwist” jew “bank akkwirent”; u e) l-iskemi ta’ ħlas bil-kard, bħal ma huma Visa, MasterCard, American Express u Diners Club. Jistgħu jintervjenu wkoll, in-netwerks lokali li jipproċessaw it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard.

50.      Il-ħlas bil-kard jiġġenera xibka kumplessa ta’ relazzjonijiet ġuridiċi bejn dawk is-suġġetti (22). L-ewwel, hemm kuntratt ta’ ħruġ tal-kard ta’ ħlas bejn is-sid tagħha u l-bank emittenti, li għaliha normalment is-sid iħallas kummissjoni lill-bank. Il-banek emittenti japprovaw l-ordni tal-konsumatur u jikkonfermaw li għandu biżżejjed bilanċ fil-kont tiegħu (kard ta’ debitu) jew li l-ammont ta’ ħlas huwa kopert mil-limitu ta’ kreditu disponibbli (kard ta’ kreditu).

51.      It-tieni nett, jeżisti kuntratt ta’ affiljazzjoni bejn il-kummerċjant u l-bank akkwirent, li permezz tiegħu dan jipprovdi s-servizzi essenzjali sabiex il-kards jiġu aċċettati bħala mezz ta’ ħlas. Il-kummerċjant ikollu skont fuq il-prezz finali tal-bejgħ tal-oġġetti jew is-servizzi tiegħu (li jinkludu fihom ir-rati tal-kambju), bħala korrispettiv għall-appoġġ li jagħtih il-bank (permezz ta’ terminal ta’ punt tal-bejgħ jew portal ta’ ħlas marbut mas-sit internet tal-kummerċ) għar-riċeviment tal-ordni ta’ ħlas tal-konsumatur u sabiex jitħallsu t-tranżazzjonijiet tax-xiri li jippreżenta l-istabbiliment kummerċjali. Barra minn hekk, il-banek akkwirenti jżommu l-informazzjoni tat-tranżazzjoni, jibagħtuha lill-entitajiet ta’ pproċessar u jibagħtu l-fondi lill-kummerċ, wara li jinżammu r-rati tal-kambju u ta’ skont.

52.      L-iskemi ta’ ħlas bil-kard jipprovdu l-kumpens u l-bilanċ tal-ordnijiet ta’ ħlas, u għal dak il-kompitu jirċievu kummissjoni mill-banek (emittenti u akkwirenti) li għandhom liċenzja għad-ditti tagħhom.

53.      Fl-aħħar nett, l-intervent tal-entitajiet ta’ pproċessar tal-ħlasijiet iwassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja u ta’ użu ta’ ditta bejnhom u bejn l-iskemi ta’ ħlas bil-kard. Dawn l-entitajiet ta’ pproċessar jaġixxu bħala strument ta’ parteċipazzjoni kollettiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji fi ħdanhom u normalment jiddeċiedu dwar ir-rati tal-kambju kollettivament.

54.      Abbażi tal-parteċipanti, l-iskemi tal-kards ta’ ħlas jwettqu l-azzjonijiet tagħhom skont żewġ mudelli: l-iskemi ta’ erba’ partijiet jew miftuħin jew dawk ta’ tliet partijiet jew magħluqin.

55.      Dawk ta’ erba’ partijiet (Visa u MasterCard) huma dominanti fis-suq. F’dawn, il-ħlasijiet isiru mill-kont ta’ min iħallas (konsumatur) lejn dak ta’ benefiċjarju (kummerċjant) permezz ta’ intermedjazzjoni tal-iskema tal-kards ta’ ħlas. Jintervjeni l-bank li joħroġ il-kard tal-konsumatur u l-bank akkwirent, li jipprovdi l-appoġġ tekniku sabiex il-kummerċjant jirċievi l-ħlas (23).

56.      L-iskemi tal-erba’ partijiet huma msemmijin hekk minħabba li huma involuti fihom erba’ partijiet (is-sid tal-kard u l-bank emittent, kif ukoll min jirċievi l-ħlas u l-bank akkwirenti tiegħu) flimkien mal-kumpannija ta’ ġestjoni tas-sistema ta’ ħlas. Dawn huma miftuħin, għax, minbarra l-kumpannija ta’ ġestjoni tal-iskema tal-kards ta’ ħlas, jintervjenu żewġ istituzzjonijiet finanzjarji.

57.      F’dawn l-iskemi l-bank emittent iħallas kummissjoni lill-bank akkwirent (“tariffa tal-interkambju”) li permezz tagħha jipprovdi kumpens għall-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati permezz tat-tariffi imposti fuq id-detentur (bħal, b’mod partikolari, dawk għall-konsenja tal-kard jew għall-manutenzjoni annwali tagħha.

58.      Din it-tariffa tal-interkambju hija, imbagħad, mgħoddija mill-bank akkwirenti lill-kummerċjant, bħala spiża oħra marbuta ma’ spejjeż oħrajn li jirriżultaw mis-servizzi finanzjarji pprovduti, li jiffurmaw l-hekk imsejħa tariffa ta’ skont. It-tariffa tal-interkambju tirrappreżenta limitu minimu u komponent importanti tal-ispejjeż finanzjarji imposti mill-bank akkwirenti fuq il-kummerċjant, li, imbagħad, tipikament jittrasferihom fil-prezzijiet tal-bejgħ lill-konsumaturi.

59.      Il-mudell l-ieħor ta’ sistemi tal-kards ta’ ħlas huwa dak tal-iskemi ta’ tliet partijiet jew magħluqin, bħal American Express jew Diners Club, fejn hemm relazzjoni diretta bejn il-konsumatur (sid il-kard) u l-kummerċjant mal-iskema li toħroġ il-kard. Għalhekk huma kklassifikati bħala ta’ tliet partijiet, għaliex ma tipparteċipa ebda istituzzjoni finanzjarja oħra: dawn huma sistemi magħluqin.

60.      Fi transazzjoni f’sistema ta’ tliet partijiet jintervjeni biss fornitur wieħed ta’ servizzi finanzjarji, li jaġixxi bħala emittent u bħala akkwirent. U, billi ma jkunx hemm bank li joħroġ il-kard u lanqas bank li jirċievi l-ħlasijiet, ma teżistix tariffa tal-interkambju. L-iskema ta’ tliet partijiet hija libera li tistabbilixxi b’mod individwali t-tariffi jew kummissjonijiet imposti fuq il-kummerċjanti mis-servizzi finanzjarji li jipprovduhom.

61.      Fl-Unjoni Ewropea, l-iskemi ta’ tliet partijiet iwettqu ammont ta’ tranżazzjonijiet żgħir ħafna meta mqabbel ma’ dawk ta’ erba’ partijiet u huma mmirati lejn kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi. Minħabba li ma għandhomx pożizzjoni dominanti fis-suq tal-kards ta’ ħlas, il-kummerċjanti għandhom libertà effettiva sabiex jaċċettaw l-użu tal-iskemi ta’ tliet partijiet jew le.

62.      Madankollu, hemm skemi ta’ tliet partijiet li ma humiex ġenwini u ma jużawx il-funzjoni deskritta iktar 'il fuq. Dan jiġri meta jiġu konklużi kuntratti ta’ liċenzja ta’ użu u sfruttament ta’ ditta ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, b’tali mod li dawn tal-aħħar jaġixxu bħala emittenti tal-kards ta’ ħlas tagħhom. F’dan il-każ, it-tariffi miftiehma huma ekwivalenti għat-tariffi ta’ interkambju.

63.      Hemm ukoll dawk li jissejħu “skemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet”, li jidhru meta l-iskema tespandi l-attivitajiet tagħha billi tikkollabora ma’ partijiet terzi, jew tagħmel użu mill-ħruġ ta’ kards “b’co-branding ma’ sieħeb” (“estensjoni permezz ta’ co-branding” (24) jew “permezz ta’ aġent” (“estensjoni permezz ta’ aġent”). Fit-tnejn li huma, il-kwantitajiet li jaqsmu bejn l-iskema ta’ tliet partijiet u d-ditti jew l-aġenti l-oħrajn jistgħu jikkostitwixxu tariffi ekwivalenti għat-tariffi tal-interkambju tal-iskemi ta’ erba’ partijiet. Il-kjarifika ta’ din il-kwistjoni hija dak li qegħda titlob il-qorti tar-rinvijulill-Qorti tal-Ġustizzja.

64.      It-tariffi tal-interkambju għollew il-prezz, għad-detriment tal-konsumaturi, tas-servizzi tal-ħlasijiet bil-kard u, barra minn hekk, l-ammont tagħhom kien ivarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor (25). Għal dawn ir-raġunijiet, l-Unjoni ppruvat, l-ewwel, timmodera l-ammont tagħhom billi timplimenta r-regoli tal-kompetizzjoni, u, imbagħad, irrikorriet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-kuntest tal-iżvilupp tar-regoli komuni dwar ħlas.

65.      Il-Kummissjoni applikat ir-regoli tal-kompetizzjoni għat-TMI ta’ Visa (26) u ta’ MasterCard (27). Dawn it-tariffi kienu jirrappreżentaw spiża komuni mħallsa mill-banek akkwirenti kollha inklużi fi skema ta’ erba’ partijiet, li l-livell tagħha kien iservi bħala “prezz minimu” meta dawk il-banek kienu jiffirmaw il-ftehim mal-klijenti tagħhom (il-kummerċjanti) dwar il-prezz tas-servizzi li kienu joffrulhom.

66.      Il-Kummissjoni ddikjarat li l-ftehimiet dwar it-TMI tal-iskemi ta’ erba’ partijiet kienu jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, minħabba li l-banek kienu jimponu prezz minimu b’mod kollettiv fuq il-kummerċjanti, li wara ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja (28).

67.      B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisbet ftehimiet għal tnaqqis sostanzjali fit-TMI ta’ Visa u ta’ MasterCard, li laħaq 0.3 % għat-transazzjonijiet bil-kards ta’ kreditu u 0.2 % għat-tranżazzjonijiet bil-kards ta’ debitu.

68.      Madankollu, din l-azzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex tikkontrolla t-tariffi tal-interkambju (29). Il-kompetizzjoni bejn l-iskemi tal-kards ta’ ħlas, li għandhom l-għan li jikkonvinċu lill-istituzzjonijiet finanzjarji fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas joħorġu kards tagħhom, paradossalment, twassal għal tariffi tal-interkambju ogħla iktar milli iktar baxxi fis-suq, b’kuntrast mal-effett dixxiplinari fuq il-prezzijiet li s-soltu jkollha l-kompetizzjoni f’ekonomija tas-suq (30). Din iċ-ċirkustanza ġġustifikat l-adozzjoni tar-Regolament, li jistabbilixxi l-kontroll exlege tal-limiti massimi tat-tariffi tal-interkambju, flimkien ma’ miżuri regolatorji oħrajn tar-relazzjonijiet bejn l-individwi li jaġixxu fit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard. L-għan tiegħu huwa li t-tariffi ta’ interkambju ma jirrappreżentawx ostakolu għall-iżvilupp ta’ suq integrat ta’ servizzi ta’ ħlas fl-Unjoni.

C.      L-ewwel domanda: l-applikazzjoni tar-Regolament għas-sistemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet

69.      Diġà indikajt li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet ma għandhom dubji dwar il-fatt li, skont l-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament, skema ta’ tliet partijiet li tagħti liċenzja lil fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas oħra sabiex joħorġu l-kards tagħhom, sabiex jiksbu tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kards tagħhom, jew għaż-żewġ kompiti (31) tiġi kklassifikata bħala ta’ erba’ partijiet.

70.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju u l-opinjonijiet tal-partijiet jikkonċernaw iż-żewġ każijiet l-oħra previsti fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament, jiġifieri, meta skema ta’ tliet partijiet toħroġ “strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk, f’dawn iż-żewġ każijiet, is-sistema ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet għandhiex tiġi kklassifikata bħala ta’ erba’ partijiet jew jekk ikunx il-każ biss meta s-sieħeb jew l-aġent jassumi l-ħruġ tal-kard u/jew l-akkwist tal-ħlas.

71.      Il-kliem tal-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament ma huwiex kompletament ċar, u l-ambigwità tiegħu ma tistax tiġi ċċarata b’sempliċi qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

72.      Amex u l-Gvern Brittaniku huma favur interpretazzjoni restrittiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma jargumentaw li l-klassifikzzjoni bħala ta’ erba’ partijiet għall-iskemi ta’ tliet partijiet hija applikabbli biss meta s-sieħeb jew l-aġent li jaġixxu fuq estensjoni ma’ dawn tal-aħħar joħorġu jew jakkwistaw ħlas. Għall-kuntrarju, MasterCard, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni huma favur interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn l-istess artikoli, skont liema huma kklassifikati bħala ta’ erba’ partijiet il-każijiet kollha ta’ estensjonijiet ta’ skema ta’ tliet partijiet permezz ta’ co-branding jew aġent.

73.      L-għażla ta’ interpretazzjoni waħda jew oħra ta’ din id-dispożizzjoni għandha implikazzjonijiet importanti. Dik restrittiva tinvolvi li ma jiġux applikati għal din il-kategorija ta’ skemi ta’ tliet partijiet (b’estensjonijiet ta’ co-branding jew aġent) diversi limitazzjonijiet tar-Regolament, skont l-Artikolu 1(3) u (4). B’mod partikolari, it-tariffi li għandhom jiġu miftiehma fi ħdan dawn l-iskemi ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala tariffi ta’ interkambju, li jwassal sabiex dawn ikunu eżenti milli josservew il-limiti diġà esposti (ta’ 0.2 % għall-kards ta’ debitu u 0.3 % għall-dawk ta’ kreditu). Lanqas ma għandhom ikunu affettwati mill-projbizzjoni li jevitaw dawk il-limiti permezz ta’ tal-iffissar ta’ tariffi b’effett ekwivalenti għal dawk it-tariffi. Barra minn hekk, ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ separazzjoni bejn l-iskemi tal-kards ta’ ħlas u l-entitajiet ta’ pproċessar (Artikolu 7 tar-Regolament).

74.      Minn issa nistqarr li ser niddefendi l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament. Bħas-soltu, ser nuża l-kriterji interpretattivi litterali, sistematiċi u teleoloġiċi sabiex niddeċifra s-sens tagħhom.

1.      Il-kriterju ta’ interpretazzjoni litterali

75.      Il-kliem litterali tal-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament huwa identiku u minnu jirriżulta li t-tqabbil bejn l-iskemi ta’ erba’ partijiet u dawk ta’ tliet partijiet iseħħ fi tliet sitwazzjonijiet:

–        l-iskemi ta’ tliet partijiet li jagħtu liċenzji lil fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ ħlas għall-ħruġ tal-kards tagħhom jew għall-akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas imwettqa permezz tagħhom (skemi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini) (32);

–        l-iskemi ta’ tliet partijiet li joħorġu strumenti ta’ ħlas marbuta ma’ kard b’co-branding (skema ta’ tliet partijiet b’estensjoni permezz ta’ co-branding jew ditta flimkien) (33); u

–        l-iskemi ta’ tliet partijiet li joħorġu strumenti ta’ ħlas permezz ta’ aġent (skema ta’ tliet partijiet b’estensjoni permezz ta’ aġent).

76.      L-aħħar żewġ kategoriji huma l-iktar komuni fis-suq. Fihom, il-kumpannija sid tal-co-branding jew l-aġent ma humiex jew ma jaġixxux bħala istituzzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, huma ma joħorġux il-kards u lanqas ma jakkwistaw il-ħlas u joffru biss lill-iskema ta’ tliet partijiet l-aċċess għall-bażi ta’ klijenti tagħhom.

77.      Id-dispożizzjonijiet analizzati ma jipprovdu xejn dwar il-ħtieġa li l-partijiet terzi li jiffirmaw dawn il-ftehimiet mal-iskema ta’ tliet partijiet għandhom “[joħorġu] strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards, jew it-tnejn.” Din iċ-ċirkustanza hija, preċiżament, dik ikkontemplata fil-każ ta’ skemi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini. Jekk il-ftehim ta’ co-branding jew aġenzija jimplika li s-sieħeb li huwa parti terza jaġixxi bħala emittent(34) jew akkwirent (35), ma jkollniex ftehimiet ta’ estensjoni, iżda ftehimiet ta’ għoti ta’ liċenzja.

78.      Il-Gvern Portugiż josserva, ġustament, li ma tkun tagħmel sens ebda interpretazzjoni oħra, peress li dan ikun ifisser li l-aħħar żewġ każijiet imsemmija fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament huma inklużi fl-ewwel wieħed.

79.      L-interpretazzjoni litterali ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għalhekk, timmilita favur li jiġu assmilati fl-iskemi ta’ erba’ partijiet l-iskemi kollha ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent, irrispettivament minn jekk l-imsieħba jew l-aġenti jkunux fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas jew le (36), u jekk dawn jaġixxux bħala emittenti ta’ kards u/jew akkwirenti ta’ ħlasijiet jew le.

80.      Il-Gvern Brittaniku u Amex ma jaqblux ma’ din l-interpretazzjoni. Għalihom, l-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament jitkellmu dwar skema ta’ tliet partijiet li “toħroġ [...] flimkien ma’ sieħeb f’co-branding” u li “toħroġ [...] permezz ta’ aġent”. Fil-fehma tagħhom, l-espressjonijiet “flimkien ma’” u “permezz ta’” juru li s-sieħeb f’co-branding jew l-aġent għandhom ikunu involuti fil-ħruġ tal-kard, u għalhekk huwa wieħed mir-rabiet tagħhom ma’ regoli oħra tal-istess regolament.

81.      Kif għadni kemm għidt, jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument li, fir-realtà, ma huwiex ibbażat fuq l-analiżi terminoloġika attwali, iżda fuq approċċ sistematiku, li ser nirreferi għalih iktar 'il quddiem.

2.      Il-kriterji ta’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika

82.      Il-Gvern Brittaniku u Amex jibbażaw ruħhom, tabilħaqq, fuq interpretazzjoni sistematika, peress li jirreferu għall-kunċetti ta’ emittent u ta’ ħruġ ta’ kard tal-ħlas, li jinsabu fl-Artikolu 2(2), u fil-premessa 29 (37) tar-Regolament. Minn dawn il-kunċetti jiddeduċu li, meta l-imsieħba f’co-branding u l-aġenti ma jipprovdux kards tal-ħlas lil pagatur, ma jawtorizzawx tranżazzjonijiet fit-terminals ta’ ħlas jew fil-punti ekwivalenti tagħhom u ma jiggarantux il-ħlas lill-akkwirent tat-tranżazzjonijiet imwettqa, ma jistgħux ikunu kklassifikati bħala partijiet li magħhom (jew permezz tagħhom) sistema ta’ tliet partijiet toħroġ strumenti ta’ ħlas ibbażati fuq kard.

83.      Bl-istess mod, Amex u l-Gvern Brittaniku jipprovdu li jekk is-sieħeb f’co-branding jew l-aġent jillimitaw l-attività tagħhom għad-distribuzzjoni tal-kards, għas-servizzi tekniċi ta’ ħlas jew għas-sempliċi pproċessar u l-ħażna ta’ data, ma jaġixxux bħala emittenti, b’tali mod li l-ftehimiet tal-estensjoni tal-iskemi ta’ tliet partijiet ma jkunux koperti bl-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament, li jipprevjeni li dawn jiġu kklassifikati bħala dawk ta’ erba’ partijiet.

84.      Skont il-Gvern Brittaniku u Amex, dan l-approċċ huwa kkorroborat mill-premessa 28 tar-Regolament (38), li tqabbel l-iskemi ta’ tliet partijiet ma’ dawk ta’ erba’ partijiet biss meta dawk tal-ewwel jużaw fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ieħor bħala emittent jew bħala akkwirent. In-nuqqas ta’ riferiment għall-ftehim ma’ msieħba f’co-branding jew ma’ aġenti li ma jaġixxux bħala emittenti jew akkwirenti tal-kards iwassalna biex naħsbu li, f’dawn il-każijiet, ma hemmx tariffi impliċiti paragunabbli għat-tariffa tal-interkambju. Għalhekk, ma huwiex iġġustifikat it-tqabbil tagħhom mal-iskemi ta’ erba’ partijiet.

85.      Amex iżżid li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 1(5) hija konsistenti mal-loġika tad-dispożizzjoni, minħabba li, fit-tliet każijiet previsti, hija meħtieġa l-prestazzjoni ta’ fornitur tas-servizzi ta’ ħlas addizzjonali għall-iskema ta’ tliet partijiet, li jirċievi kummissjonijiet u jinvolvi pproċessar ta’ dawn il-każijiet b’mod identiku għal dak applikat għall-iskemi ta’ erba’ partijiet.

86.      Fil-fehma tiegħi, għall-kuntrarju, din l-interpretazzjoni tat-termini “ħruġ” (ta’ kard ta’ ħlas), “co-branding” u “aġent” twassal għal riżultati li ma humiex konformi mal-kuntest, is-sistema jew l-għanijiet tar-Regolament. B’differenza minn oħrajn, dawk it-termini ma humiex definiti minn din id-dispożizzjoni u, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha, peress li ma fihomx riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat is-sens u l-ambitu tagħhom (39).

87.      Kif diġà indikajt, l-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament ma jiddistingwux bejn il-każijiet ta’ estensjoni (permezz ta’ co-branding jew permezz ta’ aġent) li fihom is-sieħeb jew l-aġent huma fornituri tas-servizzi ta’ ħlas li joħorġu kards u/jew jirċievu ħlasijiet bil-kards, minn naħa waħda, u dawk li fihom l-imsieħeb jew l-aġent huma llimitati li jwettqu tipi ta’ attivitajiet oħrajn, min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni għandha raġun meta tenfasizza li din id-differenza hija r-riżultat tal-interpretazzjoni magħmula minn Amex, iżda fejn ir-regola ma tagħmilx distinzjoni, ma għandhiex issir distinzjoni minn min jinterpretaha.

88.      Il-fatt li l-kunċett ta’ “co-branding” fl-Artikolu 2(32) tar-Regolament ma jikkontemplax din id-distinzjoni ma huwiex favorevoli għal din id-distinzjoni (40). Dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi, madankollu, li l-użu ta’ co-branding jinvolvi l-inklużjoni tal-brands ta’ ħlas (pereżempju Amex) u, mill-inqas, ta’ “marka [brand] waħda mhux ta’ pagament”, li jappartjenu lil kumpannija esterna mill-forniment ta’ servizzi finanzjarji (41).

89.      Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ estensjonijiet, skont jekk is-sieħeb f’co-branding jew l-aġent jaġixxux jew le bħala istituzzjonijiet finanzjarji, tiddependi minn qari flimkien tal-Artikoli 1(5) u 2(18), u tal-premessa 29 kollha tar-Regolament, li lili lanqas ma tikkonvinċini.

90.      Dawn l-artikoli jitkellmu, litteralment, dwar skemi ta’ tliet partijiet li “[joħorġu] strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent”. Għalhekk, huma l-iskemi ta’ tliet partijiet l-emittenti tal-istrumenti ta’ ħlas. Ma hemm xejn fiż-żewġ dispożizzjonijiet li jissuġġerixxi li għandhom ikunu l-imsieħba f’co-branding jew l-aġenti li joħorġu l-kards ta’ ħlas u/jew jaċċettaw il-ħlasijiet imwettqa magħhom.

91.      Kif tispjega l-qorti tar-rinviju fil-punti 29 sa 31 tad-digriet tagħha, l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding jew ta’ aġent iktar frekwenti huma dawk konklużi ma’ kumpanniji li jipprovdu servizzi finanzjarji (42). Dawn l-estensjonijiet jikkostitwixxu eżerċizzju ta’ kummerċjalizzazzjoni flimkien, li permezz tiegħu ż-żewġ entitajiet jaqsmu reċiprokament il-bażi tal-klijenti tagħhom u jinkoraġġixxu l-konsum ta’ oġġetti u servizzi li joffru. Għall-iskemi ta’ tliet partijiet ta’ kards ta’ ħlas, l-użu ta’ dan it-tip ta’ estensjonijiet huwa mezz importanti għall-aċċess għal klijenti ġodda, peress li, għall-kuntrarju ta’ dawk b’erba’ partijiet, ma jgawdux mill-kollaborazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

92.      L-użu tal-interpretazzjoni sistematika jimponi wkoll, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li wieħed jikkunsidra l-kunċetti ta’ “kumpens nett” u “tariffa tal-interkambju”, definiti fl-Artikolu 2(10) u (11) tar-Regolament, u t-tariffi tal-interkambju impliċiti kkwotati fil-premessa 31 (43), flimkien mal-projbizzjoni li jiġu evitati l-limiti stabbiliti (l-Artikolu 5).

93.      L-interpretazzjoni sistematika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal sabiex jiġi propost komprensjoni wiesa’ tal-kunċett tat-tariffa tal-interkambju. Altrimenti, l-evażjoni tar-regoli li jillimitaw l-ammont tagħha tkun faċli għall-iskemi ta’ tliet partijiet, li jistgħu jinħarbu minnhom billi jintużaw remunerazzjonijiet u kumpensi indiretti. L-Artikolu 5 tar-Regolament jirreferi għal din l-evażjoni, fejn jimplimenta interpretazzjoni estensiva tal-kunċett: it-tariffa tal-interkambju tinkludi kull remunerazzjoni miftiehma, kif ukoll il-kumpens nett, li jkollu għan jew effett ekwivalenti u li jkun wasal għand l-akkwirent jew permezz ta’ kwalunkwe intermedjarju ieħor fit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas jew attivitajiet relatati.

94.      Il-kunċett tat-tariffi tal-interkambju għandu, għalhekk, jinkludi l-ammont nett totali tal-ħlas, skontijiet jew inċentivi mħallsa mill-iskema lill-kumpannija ta’ co-branding u/jew l-aġent (kumpens nett). Dan ifisser li għandu jkopri kwalunkwe kummissjoni jew remunerazzjoni mħallsa, direttament jew indirettament. Il-premessa 31 tar-Regolament issemmi kemm ir-remunerazzjonijiet diretti (bbażati fuq il-volum jew speċifiċi għat-tranżazzjoni) kif ukoll dawk indiretti (inċentivi tal-kummerċjalizzazzjoni, bonuses, skontijiet talli jintlaħqu ċerti volumi ta’ tranżazzjonijiet). Hija tkopri, b’mod partikolari, il-profitti mill-emittenti li ġejjin minn programmi speċjali mwettqa flimkien ma’ dawn il-kumpanniji u mill-iskemi ta’ kards ta’ ħlas.

95.      Il-kummissjonijiet li tista’ tħallas sistema ta’ tliet partijiet, direttament jew indirettament, lill-kumpanniji jew lill-aġenti li magħhom tiftiehem dwar l-estensjoni, fil-fehma tiegħi, għandu jkollhom għan u/jew effett ekwivalenti għall-kumpens li huwa konformi mat-tariffi tal-interkambju fil-każijiet ta’ dawk ta’ erba’ partijiet (44).

96.      Skont il-loġika u l-għan tar-Regolament, meta jkun hemm kumpens tal-iskema ta’ tliet partijiet lil parti terza li tgħin fl-attività tagħha (hekk jiġri f’kumpanniji ta’ co-branding jew mal-aġenti), l-ammont tiegħu jgħaddi fil-prezz tas-servizz u jitħallas mill-konsumaturi. Huma, ċertament, kumpensi indiretti, li jippremjaw il-possibbiltà li jkun hemm aċċess għall-bażi ta’ klijenti ta’ dawn il-kumpanniji msieħba, iżda ma jieqfux ikunu tariffi b’effett ekwivalenti għat-tariffi tal-interkambju applikati fl-iskemi ta’ erba’ partijiet jew f’dawk ta’ tliet partijiet mhux ġenwini.

97.      Barra minn hekk, l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u aġent ma jikkonformawx mar-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-limiti tat-tariffi tal-interkambju għal dawk bi tliet partijiet ġenwini.

98.      Meta jittieħdu azzjonijiet bl-appoġġ ta’ intermedjarji fil-konfront tal-konsumaturi ta’ servizzi ta’ ħlas bil-kard (b’differenza mill-iskemi ta’ tliet partijiet ġenwini), ikun jeżisti r-riskju li jiġu stabbiliti kummissjonijiet għoljin, li l-imsieħba f’co-branding u l-aġenti jistgħu jgħaddu fuq il-konsumaturi u b’hekk jgħollu l-prezz tas-servizzi tal-kards ta’ ħlas. Dawn huwa l-istess riskju li jeżisti fl-iskemi ta’ erba’ partijiet li joperaw f’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

99.      Ir-raġunament sabiex jitnaqqsu dawn it-tariffi tal-interkambju impliċiti, fil-fehma tiegħi, huwa l-istess fiż-żewġ każijiet. Hija meħtieġa, għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-Regolament skont liema l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent għandhom ikunu mqabbla ma’ dawk ta’ erba’ partijiet.

100. L-istess riżultat jintlaħaq bil-ħtieġa li tiġi żgurata kompetizzjoni leali bejn l-iskemi differenti tal-kards tal-ħlas, li huwa element siewi ieħor ta’ interpretazzjoni, sistematika u teleoloġika, tar-Regolament.

101. L-applikazzjoni ta’ limiti biss għat-tariffi tal-interkambju tal-iskemi ta’ erba’ partijiet, filwaqt li titħalla libertà sħiħa għal dawk ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding jew aġent sabiex jimponu kummissjonijiet, tagħti vantaġġ lil dawn tal-aħħar, peress li tippermettilhom jinvolvu partijiet terzi sabiex jifirxu l-kards tagħhom f’kundizzjonijiet iktar favorevoli.

102. L-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet, peress li huma eżentati mil-limiti stabbiliti għal dawk ta’ erba’ partijiet, għandhom vantaġġ indebitu, minħabba li għandhom iktar possibbiltà li jipprovdu remunerazzjoni lill-kumpanniji li jikkollaboraw magħhom fil-kummerċjalizzazzjoni tal-kards tagħhom (45). Huwa konċepibbli, ukoll, li bank jaġixxi bħala aġent ta’ skema ta’ tliet partijiet, mingħajr ma jintervjeni la fil-ħruġ tal-kard u lanqas fir-riċeviment tal-ħlas, bil-għan li jirċievi kummissjonijiet iktar għoljin (46).

103. L-użu inqas wiesa’ tal-iskema ta’ tliet partijiet jiġġustifika trattament favorevoli meta dawn jaġixxu mingħajr ma jużaw intermedjarju. Jekk ir-Regolament jagħtihom dan it-trattament preferenzjali, li jawtorizzawhom sabiex jinnegozjaw il-kummissjonijiet mal-kummerċjanti mingħajr ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-iskemi ta’ erba’ partijiet, dan isir preċiżament sabiex tiżdied il-kompetizzjoni fil-qasam tal-ħlas bil-kards. Dan il-vantaġġ kompetittiv ma huwiex ġustifikat, madankollu, fl-iskemi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini jew f’dawk li jinvolvi sieħeb f’co-branding jew aġent (47), peress li fihom hemm intermedjarju li l-iskema għandha tagħtih remunerazzjoni u għandu japplika l-limitu tat-tariffi tal-interkambju jew kummissjonijiet ekwivalenti. Il-karatteristiċi taż-żewġ skemi huma simili (48) f’dan l-aspett, u għalhekk ma jagħmilx sens li jingħata vantaġġ lil wieħed għad-detriment tal-ieħor.

104. Fil-qosor, l-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iskemi ta’ tliet partijiet li joħorġu strumenti ta’ ħlas ibbażati fuq kard b’co-branding ma’ sieħeb jew permezz ta’ aġent għandhom jiġu kklassifikati bħala skemi ta’ erba’ partijiet, indipendentement minn jekk is-sieħeb jew l-aġent jipparteċipawx jew le fil-ħruġ tal-kards u/jew fir-riċeviment tal-ħlas.

D.      It-tieni domanda: il-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament

105. Il-paragun li għadni kif iddefendejt jiftaħ il-bieb għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, magħmula preċiżament għal din l-eventwalità. L-argumenti tagħha li jikkonċernaw il-validità ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom x’jaqsmu mal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 296 TFUE, mal-prinċipju tal-proporzjonalità u mal-eżistenza possibbli ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

106. Minn issa ngħid li ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma nħoss li huma fondati. Se ngħaddi għall-analiżi tagħhom filwaqt li nipprova ma nirrepetix wisq dak li diġà għidt sa issa.

1.      Nuqqas ta’ motivazzjoni

107. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tittraskrivi l-allegazzjonijiet ta’ Amex, għandha dubji dwar il-motivazzjoni tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament. La fil-formulazzjoni ta’ dan ir-regolament u lanqas fil-premessi tiegħu ma hemm ir-raġunijiet sabiex l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u aġent jiġu mqabblin ma’ dawk ta’ erba’ partijiet.

108. B’mod partikolari, xi wħud minn dawn il-premessi jispjegaw għaliex ġew stabbiliti limiti massimi fuq it-tariffi tal-interkambju, iżda mhux għaliex dawn l-istess limiti għandhom japplikaw għall-ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija użati mill-iskemi ta’ tliet partijiet. Il-premessa 28 tiġġustifika l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tar-Regolament dwar l-iskemi ta’ erba’ partijiet lil dawk ta’ tliet partijiet f’ċerti ċirkustanzi, iżda ma ssemmix (lanqas b’mod impliċitu) il-ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija li jiġu konklużi.

109. Skont id-digriet tar-rinviju, la l-proposta għal Regolament u lanqas il-valutazzjoni tal-impatt (49) li takkumpanjah ma fihom ir-raġunijiet għal din l-estensjoni. Barra minn hekk, il-ħidmiet preparatorji kienu jipprovdu li ma jiġux imposti l-limiti regolatorji pprovduti fir-Regolament għas-sistemi ta’ erba’ partijiet għal dawk ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet, fid-dawl ta’ fatturi bħas-sehem tas-suq baxx ta’ dawn tal-aħħar, il-prospetti ta’ tkabbir ristretti tagħhom u l-orjentazzjoni tagħhom lejn klijenti speċifiċi (50).

110. L-obbligu li jiġu mmotivati l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jinsab fl-Artikolu 296(2) TFUE, ġie interpretat b’mod eżawrjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun ċara u mhux ekwivoka, ma huwiex meħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet kollha ta’ fatt jew ta’ liġi rilevanti. Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-konformità mal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitqies mhux biss il-kliem tal-att, iżda wkoll il-kuntest tiegħu, kif ukoll ir-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (51).

111. Meta att ikun ta’ applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata sabiex tindika, minn naħa waħda, is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li jipproponi jilħaq. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, f’ħafna okkażjonijiet, li jekk att ta’ portata ġenerali juri essenzjalment l-għan imfittex mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għal kull waħda mid-deċiżjonijiet tekniċi adottati (52).

112. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ma narax li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni fir-Regolament li tista’ taffettwa l-validità tiegħu, fir-rigward tat-trattament tal-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet. Il-premessi (speċjalment, il-premessa 28) li kkwotajt fl-analiżi tal-ewwel domanda preliminari jippermettu li tinftiehem il-loġika tat-trattament ugwali tal-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ma’ dawk ta’ erba’ partijiet. Dan huwa rikonoxxut mill-Gvern Portugiż, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament fl-osservazzjonijiet tagħhom.

113. Jekk ix-xogħol preparatorju (studju tal-impatt u l-proposta tal-Kummissjoni) tar-Regolament ma jkunx fihom referenzi għal dan it-trattament ugwali, dan huwa minħabba li kien inkluż iktar tard, fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, matul l-iżvilupp tal-proċedura ta’ adozzjoni tagħha, li huwa totalment legali.

114. Dawk il-premessi jipprovdu, b’mod motivat, il-ħtieġa li jiġu armonizzati u stabbiliti l-livelli tal-kummissjonijiet ta’ interkambju applikati fit-tranżazzjonijiet bil-kards, minħabba d-differenzi fl-Istati Membri u l-inabbilità li dawn jiġu kkontrollati permezz tal-applikazzjoni tar-regoli tal-antitrust.

115. B’mod speċifiku, il-premessa 28, li ġiet introdotta mill-Parlament Ewropew matul il-proċedura għall-adozzjoni tar-Regolament, flimkien mal-aħħar sentenza tal-Artikoli 1(5) u 2(18), tispjega b’mod suffiċjenti d-differenza bejn l-iskemi ta’ erba’ partijiet u dawk ta’ tliet partijiet. Wara li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tariffi tal-interkambju impliċiti, hija żżid li dawn tal-aħħar għandhom jiġu mqabbla ma’ dawk tal-ewwel meta jużaw fornituri ta’ servizzi oħra sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi.

116. Il-ċirku tal-ġustifikazzjoni jingħalaq bil-premessa 31, li tirreferi għall-importanza tal-prevenzjoni tal-evażjoni tar-restrizzjonijiet fuq it-tariffi tal-interkambju. Din tindika li din l-evażjoni tista’ sseħħ jekk ma jitqisux bħala tariffi ta’ interkambju l-ħlasijiet kollha, diretti jew indiretti, li tista’ twettaq sistema ta’ kards fuq l-entitajiet li jikkollaboraw magħha fit-twettiq tal-ħlas bil-kards.

117. Dawn il-ġustifikazzjonijiet mogħtija fir-Regolament naħseb li huma adegwati u jissodisfaw sew ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għal atti ta’ portata ġenerali definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jispjegaw is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u l-għanijiet li jimmira li jikseb. Barra minn hekk, dawn jirreferu għal ħafna mid-deċiżjonijiet tekniċi inklużi, mingħajr ma jkun neċessarju li jkunu koperti kollha kemm huma.

118. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li jiġu mqabbla l-iskemi ta’ erba’ partijiet ma’ dawk ta’ tliet partijiet b’estensjoni ta’ co-branding u ta’ aġent hija dedotta, b’mod speċjali, mill-premessi 28 u 31. Għalhekk, ma hemmx nuqqas ta’ motivazzjoni fir-Regolament li jista’ jagħmlu invalidu.

2.      Żball manifest ta’ evalwazzjoni

119. Il-qorti tar-rinviju, għal darb’oħra permezz tal-argumenti ta’ Amex, tesprimi dubji dwar il-validità tar-Regolament, li fl-adozzjoni tiegħu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni fit-trattament ugwali tal-iskemi inkwistjoni.

120. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa f’oqsma li jinvolvu għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali, u li fir-rigward tagħhom jissejjaħ sabiex iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità tagħha (53).

121. Fl-opinjoni tiegħi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqux żball (wisq inqas żball manifest) ta’ evalwazzjoni meta inkludew fir-Regolament l-Artikoli 1(5) u 2(18). L-argumenti ta’ Amex (54) għall-kuntrarju tal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jqabbel l-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u aġent ma’ skemi ta’ erba’ partijiet jirriflettu l-interess tagħha sabiex ma jsirx tali trattament ugwali, minħabba li tnaqqas il-possibbiltà tagħha li tikkompeti ma’ Visa u MasterCard.

122. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni debitament ikkunsidraw, matul il-proċess leġiżlattiv, xi raġunijiet, u finalment ippreferew dawk li huma favur l-approċċ ta’ trattament ugwali. Din hija għażla ta’ politika leġiżlattiva li, b’mod li jikkorrispondi għal ambjent ekonomiku kumpless (bħal dak tal-kummissjonijiet ta’ interkambju fil-ħlas bil-kards) tista’ tiġi, mingħajr dubju, adottata b’mod leġittimu jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni jemmnu li din hija prevalenti kontra dik opposta.

123. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet fehmu, kif jispjegaw il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-limiti tar-Regolament għall-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding jew ta’ aġent kien jagħtihom vantaġġ kompetittiv inġust fuq dawk ta’ erba’ partijiet, f’każijiet bħal dawn fejn id-differenza bejniethom hija mċajpra. Barra minn hekk, dan jiffavorixxi evażjoni tal-limiti fuq it-tariffi tal-interkambju.

124. Din id-deċiżjoni ta’ politika leġiżlattiva tista’, ovvjament, tiġi kkritikata mid-destinatarji tagħha. Iżda jekk, kif jiġri hawn, tkun ġiet adottata ġewwa l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, wara valutazzjoni xierqa tal-interessi involuti, ma humiex biżżejjed l-argumenti li tagħmel Amex sabiex tkun miċħuda l-plawżibbiltà, u minn dan ma jirriżultax, fi kwalunkwe mod, li din hija milquta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

3.      Ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità

125. Il-qorti tar-rinviju, għal darb’oħra b’repetizzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ Amex, esprimiet dubji dwar it-trattament ugwali tal-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent u dawk ta’ erba’ partijiet, issa mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

126. Skont Amex, dawn l-estensjonijiet, innegozjati mill-iskemi ta’ tliet partijiet ma’ msieħba u aġenti, jikkostitwixxu mezz raġonevoli u proporzjonali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament. It-trattament ugwali bħall-iskemi ta’ erba’ partijiet twassal għal restrizzjoni esaġerata tal-prezzijiet għall-iskemi ta’ tliet partijiet, mingħajr ebda raġuni tajba. Fil-fehma tagħha, dan l-oneru huwa manifestament sproporzjonat u ma huwiex xieraq, jew indispensabbli, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament, u għalhekk jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-Artikolu 5 TUE u l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 2). Għalhekk, huwa invalidu.

127. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adattati sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, filwaqt li jkun mifhum li, meta tiġi offruta għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (55).

128. L-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa limitat. Skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’oqsma li fihom ikollu jieħu deċiżjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, ma hijiex kwistjoni dwar jekk miżura adottata mil-leġiżlatur f’tali qasam hijiex l-unika jew l-aħjar waħda possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (56).

129. Fl-opinjoni tiegħi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni lanqas ma kisru r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif interpretat bil-mod li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-trattament ugwali tal-iskemi ta’ tliet partijiet b’estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent ma’ dawk ta’ erba’ partijiet.

130. Fir-riskju li nerġa’ nirrepeti dak li diġà għidt, infakkar li r-Regolament kien maħsub sabiex inaqqas l-impatt fuq il-konsumaturi tal-ispejjeż imġarrba minn ħlas bil-kard, fejn it-tariffi tal-interkambju kienu dawk ewlenin fosthom. Meta jkun impossibbli li dawn jitnaqqsu permezz tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, u minħabba d-differenzi fl-ammont tagħhom bejn l-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jimponi ammonti massimi exlege. It-tariffi tal-interkambju huma identifikabbli faċilment fil-ħlas bil-kards magħmul minn skemi ta’ erba’ partijiet, li għalihom japplika r-Regolament b’mod sħiħ, u ma jeżistux fl-iskemi ta’ tliet partijiet, u għalhekk ma imponiex limitazzjoni fuq dawn tal-aħħar, iżda biss il-konformità ta’ kundizzjonijiet oħrajn stabbiliti f’dak ir-Regolament.

131. Madankollu, din l-esklużjoni kienet limitata għall-iskemi ta’ tliet partijiet ġenwini, jiġifieri, dawk fejn l-iskema ma jkollhiex kollaborazzjoni ma’ parti terza, ipoteżi fejn ma hemm l-ebda tariffi tal-interkambju jew imposti ekwivalenti. Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, meta jintervjeni operatur terz, l-iskema ta’ tliet partijiet għandha toffrilu remunerazzjoni li jista’ jkollha effett ekwivalenti għat-tariffi tal-interkambju. Dan huwa l-każ fit-tliet ipoteżi identifikati mill-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament, jiġifieri, meta l-iskema ta’ tliet partijiet topera ma’ partijiet terzi permezz ta’ liċenzja ta’ ħruġ jew riċeviment ta’ ħlasijiet, estensjoni ta’ co-branding u estensjoni ta’ aġenzija.

132. Kif sostnew il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, billi aġixxa b’dan il-mod il-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax miżura manifestament mhux xierqa fir-rigward tal-għan imfittex. It-trattament ugwali, ipprovdut fit-termini diġà pprovduti, jirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba li huwa miżura rilevanti sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni paragunabbli bejn mudelli ta’ skemi ta’ ħlas bil-kard li jużaw partijiet terzi sabiex jespandu n-negozju tagħhom u li huma remunerati (57) permezz tat-tariffi ta’ interkambju jew kummissjonijiet b’effett ekwivalenti. Bl-istess mod, naħseb li hija miżura xierqa, meħtieġa u proporzjonali għall-prevenzjoni tal-evażjoni tal-limiti fuq it-tariffi tal-interkambju.

133. Amex tissuġġerixxi, finalment, li dan it-trattament ugwali huwa miżura sproporzjonata, peress li jikser id-dritt għal-libertà ta’ intrapriża protett mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, “il-Karta”). L-argument tagħha, madankollu, ma jidhirx aċċettabbli.

134. Il-libertà ta’ intrapriża, interpretata fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma huwiex inkompatibbli mar-Regolament. L-eżerċizzju tiegħu jista’ jiġi llimitat sakemm dan isir bil-liġi, jiġi rrispettat il-kontenut sostanzjali tiegħu, il-limitazzjonijiet ikunu meħtieġa u jikkorrispondu realment għall-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet tal-oħrajn (58).

135. L-impożizzjoni ta’ limiti fuq l-ammonti tat-tariffi tal-interkambju, ipprovduta mir-Regolament, għandha l-għan li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi, jiġifieri, li timpedixxi li l-ħlas bil-kards jinvolvu żidiet mhux iġġustifikati fil-prezzijiet, kif diġà pprovdejt.

136. Din il-limitazzjoni, bħal oħrajn preżenti fl-istess regolament, ma taffettwax il-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ intrapriża sempliċiment għax hija estiża għal ċerta kategorija ta’ skemi ta’ tliet partijiet, meta mqabbla ma’ dawk ta’ erba’ partijiet. Ma jagħmilx sens li tiġi rrispettata l-libertà ta’ intrapriża fil-każ ta’ dawn tal-aħħar u mhux fil-każ ta’ dawk tal-ewwel.

137. Din hija, sempliċement, miżura regolatorja f’settur ikkaratterizzat mill-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jinżamm l-aqwa funzjonament tas-suq u jiġu protetti l-utenti tal-kards ta’ ħlas. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-livelli massimi tat-tariffi tal-interkambju ġew ikkalkulati mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-applikazzjoni ta’ dak li jissejjaħ “test tal-indifferenza tan-negozjant” (59), preċiżament sabiex ma tiġix affettwata l-vijabbiltà ekonomika tal-iskemi ta’ ħlas bil-kard.

138. Għandu jitfakkar, fi kwalunkwe każ, li l-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament jipprovdu għal perijodu tranżizzjonali ta’ adattament għall-iskemi ta’ tliet partijiet, sad-9 ta’ Diċembru 2018.

139. Fil-qosor, l-analiżi ta’ hawn fuq ma wriet ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament.

IV.    Konklużjoni

140. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikkjara inammissibbli d-domandi preliminari tal-High Court of Justice England & Wales, Queen’s Bench Division (Administrative Court) (qorti għolja tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni tar-Reġina — qorti kontenzjuża-amministrattiva, ir-Renju Unit) u, sussidjarjament, li tirrispondi kif ġej:

“1)      L-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2015, dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li joħorġu strumenti ta’ ħlas ibbażati fuq kard ta’ co-branding ma’ imsieħeb jew permezz ta’ aġent għandhom jitqiesu bħala skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, irrispettivament minn jekk l-imsieħeb jew aġent jipparteċipawx jew le fil-ħruġ tal-kard u/jew fl-aċċettazzjoni tal-ħlas.

2)      Ma rriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament 2015/751”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      It-terminu “kummissjoni” jintuża hawnhekk fis-sens wiesa’, mingħajr preġudizzju għall-analiżi ulterjuri tal-karatteristiċi tiegħu u s-subkategoriji tiegħu. B’mod partikolari, l-espressjoni li normalment tintuża sabiex tinnomina waħda minn dawn tal-aħħar (li huwa rilevanti għall-kawża) hija dik li tissejjaħ “tariffa tal-interkambju”.


3      Iktar ’il quddiem, “TMI”.


4      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterdCard vs Il-Kummissjoni (C-382/12 P, EU:C:2014:2201).


5      Bħala sinonimi ta’ “skemi ta’ kards ta’ pagament”, jintużaw l-espressjonijiet “netwerks ta’ kards ta’ pagament”, “sistemi ta’ kards ta’ pagament” jew “skemi ta’ kards ta’ pagament”.


6      Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2015, dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU 2015, L 123, p. 1; iktar ’il quddiem, ir-“Regolament”).


7      Il-ministeru tal-ekonomija u l-finanzi huwa l-korp amministrattiv responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament fir-Renju Unit.


8      F’dan id-dokument, miftiehem mill-partijiet, hemm ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rinviju preliminari, kif ukoll id-domandi li għandhom jiġu fformulati.


9      Sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, EU:C:2002:741, punti 32 sa 41); tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C-308/06, EU:C:2008:312, punti 30 sa 35); tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C-343/09, EU:C:2010:419, punti 13 sa 26); tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brand et (C-547/14, EU:C:2016:325, punti 30 sa 36); u tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C-477/14, EU:C:2016:324, punti 14 sa 31).


10      Dan jiġri, pereżempju, f’każijiet fejn tkun ġiet ikkontestata l-validità jew l-interpretazzjoni ta’ ċerti direttivi qabel it-tmiem tal-perijodu tal-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħhom.


11      Hija ġurisprudenza stabbilita li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari ta’ qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew il-valutazzjoni ta’ validità ta’ regola tal-Unjoni li tkun ġiet mitluba ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew, ukoll, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-informazzjoni fattwali jew legali meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C-62/14, EU:C:2015:400, punti 24 u 25; tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 C-477/14, EU:C:2016:324, punti 15 u 16; tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C-614/14, EU:C:2016:514, punt 19; tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C-268/15, EU:C:2016:874, punt 54; u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punti 50 u 155).


12      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 9.


13      Is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, EU:C:2010:321) toffri każ ta’ ammissjoni ta’ domanda preliminari dwar Regolament, magħmula fil-kuntest ta’ proċedura Brittanika ta’ judicial review (sħarriġ ġudizzjarju). F’dak il-każ, l-operaturi tat-telefonija mobbli rrikorrew quddiem il-High Court of Justice of England & Wales, Queen’s Bench Division (Administrative Court) (qorti għolja tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni tar-Reġina — qorti kontenzjuża-amministrattiva, ir-Renju Unit) sabiex jikkontestaw il-Mobile Roaming Regulations 2007 (li huma relatati mar-roaming fit-telefonija mobbli), li kien jippermetti li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 jipproduċu l-effetti tagħhom fir-Renju Unit. Huwa importanti li jiġi enfasizzat, madankollu, li dak l-appell, għall-kuntrarju ta’ dan, minn naħa waħda, kien dirett kontra r-regoli nazzjonali li jimplimentaw regolament u, min-naħa l-oħra, li fih kien hemm kontroversja reali bejn l-operaturi mobbli u l-Awtorità Brittanika. Din tal-aħħar kkunsidrat li l-azzjoni kienet infondata u opponiet il-preżentazzjoni tad-domandi preliminari.


14      L-Artikolu 13 tar-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jimplimentawh. Barra minn hekk, huwa jordnalhom sabiex jeħtieġu li dawn jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-regoli tar-Regolament sabiex jiġi evitat li l-fornituri tas-servizzi ta’ pagament jevadu l-konformità miegħu. L-Artikolu 14 jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet xierqa għal ksur tar-Regolament.


15      Hemm eżempju fis-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C-58/08, EU:C:2010:321).


16      Fit-tieni paġna tal-verżjoni Ingliża tad-digriet tar-rinviju hemm dan il-kliem: “And upon permission to proceed with the claim for judicial review having been granted by the Order of Mr Justice Blake of 24 September 2015”.


17      Skont ġurisprudenza stabbilita, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari sservi bħala l-bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali, f’din it-talba, tispeċifika l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob l-interpretazzjoni tagħhom kif ukoll dwar ir-rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C-235/14, EU:C:2016:154, punt 115; u d-digriet tat-8 ta’ Settembru 2006, Google Ireland, C-322/15, EU:C:2016:672, punt 18).


18      In-nuqqas ta’ ċerti konstatazzjonijiet preċedenti tal-qorti tar-rinviju mhux bilfors jirriżulta fl-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi fuq l-informazzjoni fid-digrieti, temmen li hija kapaċi tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, il-kawża tat-8 ta’ Settembru 2006, Google Ireland, C‑322/15, EU:C:2016:672, punt 24; u s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C-50/14, EU:C:2016:56, punt 48 u ġurisprudenza ċċitata).


19      Din il-kritika ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C-343/09, EU:C:2010:419, punti 13 sa 26).


20      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta individwu jgawdi minn locus standi ċerta sabiex jikkontesta att leġiżlattiv tal-Unjoni, permezz ta’ rikors għal annullament, ma jistax jinvoka l-invalidità tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punti 23 sa 25; tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punti 36 u 37; tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C-550/09, EU:C:2010:382, punt 46; u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punt 128).


21      Għal iktar ċarezza, se nirreferi għal dawn is-suġġetti bħala l-“bank emittent”, għalkemm istituzzjonijiet finanzjarji oħra jistgħu joħorġu kards.


22      Ara l-analiżi ta’ Guibert Echenique, S., “Consideraciones críticas sobre la legislación de tasas de intercambio en las operaciones de pago con tarjeta de crédito y débito”, Diario La Ley, Nru 8566, 22 ta’ Ġunju 2015, p 1 sa 3.


23      Ara d-deskrizzjoni ta’ dawn l-iskemi fis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterdCard vs Il-Kummissjoni (C-382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 4); fis-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (T-111/08, EU:T:2012:260, punt 17); u fid-Deċiżjoni C(2007) 6474 finali, tad-19 ta’ Diċembru 2007, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/34.579 — MasterCard, Każ COMP/36.518 — EuroCommerce, Każ COMP/38.580 — Cards Kummerċjali), premessi 234 sa 249.


24      Pereżempju, il-kard tal-iskema Amex li hija kkummerċjalizzata permezz tal-co-branding Amex/Iberia jew Amex/British Airways.


25      Ara d-dokument tal-Kummissjoni Ewropea, Commission Staff Working Document. Impact Assessment. Accompanying the document Proposal for a directive of the European parliament and of the Council on payment services in the internal market and amending Directives 2002/65/EC, 2013/36/UE and 2009/110/EC and repealing Directive 2007/64/EC and Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on interchange fees for card-based payment transactions SWD(2013) 288 final, p 96 sa 108.


26      Ara d-Deċiżjoni 2002/914/KE tal-24 ta’ Lulju 2002 (Kawża COMP/29.373— Visa International — Tariffa Multilaterali tal-Interkambju) (ĠU L 318, p 17), li fiha t-TMI intrareġjonali tal-Visa fl-Unjoni Ewropea kienu eżentati għal perijodu ta’ ħames snin taħt ċerti kundizzjonijiet, dik ewlenija kienet li dawn it-tariffi kienu marbutin mal-livell ta’ xi spejjeż u li ma jaqbżux il-limitu ta’ dawn. Fit-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat it-tieni Deċiżjoni Visa (COMP/D‑1/39.398, Visa MIF) li għamlet l-obbligi proposti mill-Visa mandatorji, li fosthom kien hemm dak li jiġi stabbilit limitu massimu għat-TMI tagħha.


27      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 6474 finali, tad-19 ta’ Diċembru 2007, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/34.579 — MasterCard, Każ COMP/36.518 — EuroCommerce, Każ COMP/38.580 — Cards Kummerċjali).


28      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni (C-382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 112).


29      Ara Andrea Lista, EU Competititon Law and Financial Service Sector, Routledge, 2013, p 145 sa 188.


30      Ara l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, The Interchange Fees Regulation, Competition Policy Brief 2015-3, Ġunju 2015.


31      Dawn huma skemi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini, għax fihom huwa involut ukoll fornitur ta’ servizzi finanzjarji, u għalhekk b’dan il-mod titkisser in-natura trijangolari tagħhom. Il-kummissjonijiet li jgħaddu bejn is-suġġetti ta’ dawn l-iskemi jistgħu jiġu mqabbla, mingħajr diffikultà, mat-tariffi tal-interkambju.


32      Ma huwiex ikkontestat, kif diġà pprovdejt, li dawn l-isekmi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini (li eżempju tagħhom huma l-kards tal-Banco Santander/Amex, fejn dak il-bank jaġixxi bħala emittent) huma mqabbla ma’ dawk ta’ erba’ partijiet.


33      Pereżempju, il-kards Amex/Air France jew Amex/Costco.


34      L-Artikolu 2(2) tar-Regolament jiddefinixxi “emittent” bħala “fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaqbel li jipprovdi lil pagatur bi strument ta’ pagament biex jibda u jipproċessa t-tranżazzjonijiet ta’ pagatur ta’ pagament permezz ta’ kard”.


35      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament jiddefinixxi “akkwirent” bħala “fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jikkuntratta ma’ benefiċjarju biex jaċċetta u jipproċessa transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard, li jirriżultaw fi trasferiment ta’ fondi lill-benefiċjarju”.


36      Skont l-Artikolu 2(24) tar-Regolament, “fornitur ta’ servizzi ta’ pagament” huwa “kull persuna fiżika jew ġuridika awtorizzati li jipprovdu s-servizzi ta’ pagament elenkati fl-Anness tad-Direttiva 2007/64/KE jew rikonoxxuti bħala emittenti ta’ flus elettroniċi skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/110/KE. Fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jista’ jkun emittent jew akkwirent jew it-tnejn li huma”.


37      Skont din il-premessa, traskritta fil-punt 7, “[l]-emittent jagħmel kards ta’ pagament għad-dispożizzjoni tal-pagatur, jawtorizza t-transazzjonijiet fit-terminals jew l-ekwivalenti tagħhom u jista’ jiggarantixxi l-pagament lill-akkwirent għal transazzjonijiet li huma f’konformità mar-regoli tal-iskema relevanti”. Fl-aħħar sentenza tagħha huwa pprovdut li “[g]ħalhekk, is-sempliċi distribuzzjoni ta’ kards ta’ pagament jew servizzi tekniċi, bħas-sempliċi proċessar u l-ħażna ta’ data, ma tikkostitwixxix ħruġ”.


38      Skont liema, “[s]abiex l-eżistenza ta’ tariffi impliċiti tal-interkambju tkun rikonoxxuta u jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, l-iskemi ta’ kards ta’ pagament ta’ tliet partijiet li jużaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament bħala emittenti jew akkwirenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet u għandhom isegwu l-istess regoli”.


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C-66/08, EU:C:2008:437, punt 42); tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 28); u tat-18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis (C-135/15, EU:C:2016:774, punt 28).


40      “Co-branding” tfisser “l-inklużjoni ta’ mill-inqas marka [brand] waħda ta’ pagament u mill-inqas marka waħda mhux ta’ pagament fuq l-istess strument ta’ pagament permezz ta’ kard”.


41      Fil-punt 28 tad-digriet tar-rinviju jissemmew il-brands “British Airways”, “Nectar” u “Costco”.


42      Dan huwa kkonfermat fil-pubblikazzjoni tal-UK Financial Conduct Authority, Credits card market study: final findings report, Lulju 2016, p. 252, fejn tiddefinixxi “affinity or co-brand partners” bħala “typically charities, membership groups or commercial businesses not directly involved in issuing credit cards or processing transactions but lend their brands and give access to their customers or members to card issuers in return for a share of revenues or profits”.


43      “Huwa importanti li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-tariffi tal-interkambju li għandhom jitħallsu jew jiġu riċevuti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma jiġux evitati bi flussi alternattivi ta’ tariffi lill-emittenti. Biex dan jiġi evitat, il-‘kumpens nett’ tat-tariffi mħallsa jew riċevuti mill-emittent, inklużi tariffi ta’ awtorizzazzjoni possibbli, minn jew għal skema ta’ kards ta’ pagament, akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor għandu jitqies bħala t-tariffa tal-interkambju. Meta tiġi kkalkolata t-tariffa tal-interkambju, bil-għan li jiġi vverifikat jekk tkunx qed isseħħ l-evażjoni, għandu jitqies l-ammont totali tal-pagamenti jew tal-inċentivi riċevuti minn emittent minn skema tal-kard ta’ pagament fir-rigward tat-transazzjonijiet irregolati filwaqt li jitnaqqsu t-tariffi mħallsa mill-emittent lill-iskema ta’ pagamenti bil-kards. Il-pagamenti, l-inċentivi u t-tariffi kkunsidrati jistgħu jkunu diretti (jiġifieri bbażati fuq il-volum jew speċifiċi għat-transazzjoni) jew indiretti (inklużi inċentivi tal-kummerċjalizzazzjoni, bonuses, skontijiet talli jintlaħqu ċerti volumi ta’ transazzjonijiet). Meta jiġi vverifikat jekk ikunx hemm ħrib mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-profitti tal-emittenti li jirriżultaw minn programmi speċjali mwettqa b’mod konġunt minn emittenti u minn skemi ta’ kards ta’ pagament u d-dħul mill-ipproċessar, il-ħruġ ta’ liċenzji, u tariffi oħra li jipprovdu dħul lill-organizzazzjonijiet ta’ skemi ta’ kards ta’ pagament [...]”


44      L-għoti, min-naħa ta’ American Express, ta’ punti għall-programm ta’ lealtà tal-kumpanija tal-ajru fil-kards ta’ co-branding tagħha (Amex/Alitalia, Amex/Iberia, Amex/Air France, eċċ) ikun eżempju ta’ dawn it-tipi ta’ imposti b’effett ekwivalenti għat-tariffi ta’ interkambju.


45      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, MasterCard tiċċita, bħala eżempju ta’ dan il-vantaġġ, it-trattament differenti li, mid-9 ta’ Diċembru 2015, huwa applikat minn Alitalia fil-kards ta’ co-branding tagħha ta’ MasterCard (0.5 mil għal kull EUR 1 minfuq) u ta’ Amex (mil għal kull EUR 1 minfuq). Hija ssemmi wkoll il-kard ta’ pagament BNL Duo: għalkemm tinkorpora l-possibbiltà li jsiru pagamenti bil-MasterCard u b’Amex permezz tal-istess PIN, il-bank BNL jiddiskrimina fil-programm ta’ lealtà tiegħu BNL PAYBACK bejn il-pagamenti bil-MasterCard (punt għal kull EUR 2 minfuqa) u dawk magħmula b’Amex (2 punti għal kull EUR 2 minfuqa).


46      Il-Gvern Brittaniku semma’ r-riskju li l-iskemi ta’ erba’ partijiet jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala skemi ta’ tliet partijiet b’estensjoni ta’ aġent (l-istituzzjoni finanzjarja ssir aġent) sabiex jiġu evitati r-restrizzjonijiet fuq it-tariffi ta’ interkambju stabbiliti mir-Regolament.


47      L-unika differenza permessa favur l-iskemi ta’ tliet partijiet mhux ġenwini rigward dawk ta’ erba’ partijiet hija dik ipprovduta fl-Artikolu 1(5), in fine, tar-Regolament, skont liema “[...] sad-9 ta’ Diċembru 2018 fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ pagamenti domestiċi, tali skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tista’ tiġi eżentata mill-obbligi skont il-Kapitolu II, dment li t-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard magħmulin fi Stat Membru taħt tali skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet ma jaqbżux, fuq bażi annwali, it-3 % tal-valur tat-transazzjonijiet kollha ta’ pagament permezz ta’ kard magħmula fl-istess Stat Membru”.


48      Fil-kummenti tagħha MasterCard issemmi l-każijiet li fihom il-kards ta’ pagament li fihom l-istess kard b’co-branding tintuża minn skema ta’ tliet partijiet u minn oħra ta’ erba’ partijiet. B’mod konkret, hija tirreferi għall-każijiet ta’ Virgin Atlantic White Card u Virgin Atlantic Black Card, maħruġa taħt skema ta’ co-branding minn Amex u minn Visa mal-linja tal-ajru Virgin, kif ukoll il-kards TSB Avios u Premier Avios, maħruġa minn Amex u MasterCard b’co-branding mal-bank Brittaniku TSB.


49      Il-proposta tidher fid-Dokument COM(2013) 550 finali, tal-24 ta’ Lulju 2013, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2015, dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard. L-istudju tal-impatt jinsab fid-dokument Commission Staff Working Document, SWD(2013) 288 final, tal-24 ta’ Lulju 2013, Impact Assessment accompanying the document Proposal for a directive of the European parliament and of the Council on payment services in the internal market and amending Directives 2002/65/EC, 2013/36/UE and 2009/110/EC and repealing Directive 2007/64/EC and Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on interchange fees for card-based payment transactions.


50      Ara l-premessa 22 u l-Artikoli 1(3) u (2), punt 15, tal-proposta għal Regolament, kif ukoll il-punt 6.2.1.5, p. 56, tal-istudju tal-impatt u l-Anness 9 tiegħu, il-punt 2.6, p. 194.


51      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑63/12, EU:C:2013:752, punti 98 u 99); u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 70).


52      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2015, Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-508/13, EU:C:2015:403, punt 60); u tat-3 ta’ Marzu 2016, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-26/15 P, EU:C:2016:132, punti 30 u 31).


53      Sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il-Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77); tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punt 33); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 57); tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C-58/08, EU:C:2010:321, punt 52); u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C-101/12, EU:C:2013:661, punt 47).


54      Fil-fehma tagħha, ma hemmx raġuni loġika sabiex jitqies li skema ta’ tliet partijiet għandha tiġi ttrattata bħala skema ta’ erba’ partijiet minħabba s-sempliċi fatt li jkunu saru ftehimiet ta’ co-branding jew ta’ aġenzija, peress li ebda wieħed minn dawn il-mekkaniżmi ma jibdel in-natura fundamentali tal-iskema ta’ tliet partijiet. Il-funzjonijiet ta’ emittent tal-kards u ta’ akkwirent tal-pagamenti huma mwettqa mill-iskema bl-istess mod bħal fil-każijiet tal-iskemi ta’ tliet partijiet ġenwini, bl-istess mod u mill-istess partijiet, bħal ma kien iseħħ kieku ma sarux dawk il-ftehimiet. It-trattament ugwali tagħhom huwa ta’ ħsara għall-konsumaturi u għall-kompetizzjoni, peress li jiskoraġġixxi li jsiru tali ftehimiet mill-iskemi ta’ tliet partijiet. Il-konsegwenza tkun li jitnaqqsu l-possibbiltajiet tal-konsumaturi u jitneħħew il-benefiċċji ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-iskemi ta’ pagament.


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, EU:C:2002:741, punt 122); tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punti 67 u 91); u tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u l-Kunsill (C-358/14, EU:C:2016:323, punti 78 u 79).


56      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, EU:C:2001:420, punti 82 u 83); tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, EU:C:2002:741, punt 123); tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C-58/08, EU:C:2010:321, punt 52); u tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C-477/14, EU:C:2016:324, punt 49).


57      Huwa interessanti, u personalment naqbel miegħu, l-argument li jagħmel il-Parlament Ewropew fil-punt 58 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu: jekk l-estensjonijiet ta’ co-branding u ta’ aġent ma jiġġenerawx remunerazzjoni diretta jew indiretta għall-imsieħba jew l-aġenti tal-iskema ta’ tliet partijiet, ma jkunux japplikaw il-limiti tar-Regolament, minħabba li ma jkunx hemm tariffa ta’ interkambju jew imposti b’effett ekwivalenti.


58      Sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C-544/10, EU:C:2012:526, punt 54); u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C-157/14, EU:C:2013:823, punti 66 u 68).


59      Skont il-premessa 20 tar-Regolament premessa, “[i]l-limiti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-hekk imsejjaħ ‘Test tal-Indifferenza tan-Negozjant’ żviluppat fil-letteratura ekonomika, żviluppat fil-letteratura ekonomika, li jidentifika l-livell ta’ tariffa li negozjant ikun lest li jħallas li kieku n-negozjant kellu jqabbel l-ispiża tal-użu mill-konsumatur ta’ kard ta’ pagament ma’ dawk ta’ pagamenti mhux bil-kard (bi flus kontanti)”. Għalhekk, il-limiti tat-tariffi ta’ interkambju huma kkalkulati sabiex ma jiskoraġġixxux l-użu ta’ kards favur il-ħlas bi flus kontanti jew b’mezzi oħra.