Language of document : ECLI:EU:C:2018:66

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Frar 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2015/751 – Tariffi ta’ interkambju tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard – Artikolu 1(5) – Assimilazzjoni ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ma’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet– Kundizzjonijiet – Ħruġ permezz ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ta’ strumenti ta’ ħlas b’kard ‘flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent’ – Punt 18 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘skema kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet’ – Validità”

Fil-Kawża C-304/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (l-Awla Amministrattiva), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

The Queen, fuq it-talba ta’:

American Express Company

vs

The Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury,

fil-preżenza ta’:

Diners Club International Limited,

MasterCard Europe SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal American Express Company, minn J. Turner, QC, J. Holmes, QC, L. John, barrister, kif ukoll minn I. Taylor u H. Ware u J. Slade, solicitors,

–        għal MasterCard Europe SA, minn P. Harrison, S. Kinsella u K. Le Croy, solicitors, kif ukoll minn S. Pitt u J. Bedford, advocates,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt u D. Robertson kif ukoll minn J. Kraehling u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna, u minn M. Hall, QC,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn M. Rebelo u G. Fonseca, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn P. Schonard u A. Tamás, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Bauerschmidt u I. Gurov kif ukoll minn E. Moro, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u J. Samnadda kif ukoll minn T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 1(5) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2 kif ukoll l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU 2015 L 123, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn American Express Company u Lords Commissioners of Her Majesty’s Treasury (Lords Kummissarji tat-Teżor, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali”), dwar iċ-ċirkustanzi li fihom l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, abbażi tal-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 2015/751

3        Il-premessi 10, 28, 29 u 43 tar-Regolament 2015/751 jipprovdu:

“(10)      […] Flimkien ma’ applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni għat-tariffi tal-interkambju, ir-regolamentazzjoni ta’ tali tariffi ser ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-transazzjonijiet għall-konsumaturi.

[…]

(28)      It-transazzjonijiet permezz ta’ kard ta’ pagament ġeneralment isiru abbażi ta’ żewġ mudelli kummerċjali ewlenin, l-hekk imsejħa ‘skemi tal-kard ta’ pagament ta’ tliet partijiet’ (id-detentur tal-kard — l-iskema ta’ akkwist u ta’ ħruġ — in-negozjant) u ‘skemi tal-kard ta’ pagament ta’ erba’ partijiet’ (id-detentur tal-kard — il-bank emittenti — il-bank akkwirenti — in-negozjant). Ħafna skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet jużaw tariffa espliċita tal-interkambju, li tkun, l-iżjed, multilaterali. Sabiex l-eżistenza ta’ tariffi impliċiti tal-interkambju tkun rikonoxxuta u jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, l-iskemi ta’ kards ta’ pagament ta’ tliet partijiet li jużaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament bħala emittenti jew akkwirenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet u għandhom isegwu l-istess regoli, filwaqt li t-trasparenza u miżuri oħra marbutin mar-regoli kummerċjali għandhom japplikaw għall-fornituri kollha. Madankollu, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet li jeżistu għal dawn it-tipi ta’ skemi ta’ tliet partijiet, huwa xieraq li jiġi permess perijodu ta’ transizzjoni li matulu l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-regoli dwar il-limitu tat-tariffa tal-interkambju jekk dawn l-iskemi ikollhom sehem limitat ħafna mis-suq fl-Istat Membru kkonċernat.

(29)      Is-servizz emittenti huwa bbażat fuq relazzjoni kuntrattwali bejn l-emittent tal-istrument tal-pagament u l-pagatur, irrispettivament minn jekk l-emittent hux qiegħed iżomm il-fondi f’isem il-pagatur. L-emittent jagħmel kards ta’ pagament għad-dispożizzjoni tal-pagatur, jawtorizza t-transazzjonijiet fit-terminals jew l-ekwivalenti tagħhom u jista’ jiggarantixxi l-pagament lill-akkwirent għal transazzjonijiet li huma f’konformità mar-regoli tal-iskema relevanti. Għalhekk, is-sempliċi distribuzzjoni ta’ kards ta’ pagament jew servizzi tekniċi, bħas-sempliċi proċessar u l-ħażna ta’ data, ma tikkostitwixxix ħruġ.

[…]

(43)      Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi regoli komuni meħtieġa biex jiġi salvagwardjat l-aċċess għal Internet miftuħ u jitneħħew il-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni [Ewropea], l-Unjoni [Ewropea] tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.[…]”

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2015/751, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” li jinsab fil-Kapitolu I ta’ dan ir-regolament, huwa huwa stess intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”, jipprovdi:

“[…]

3.      Il-Kapitolu II ma japplikax għal dawn li ġejjin:

[…]

c)      transazzjonijiet b’kards ta’ pagament maħruġa minn skemi ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet.

4.      L-Artikolu 7 ma japplikax għal skemi ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet.

5.      Meta skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards, jew it-tnejn, jew toħroġ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija titqies bħala skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet. Madankollu, sad-9 ta’ Diċembru 2018 fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ pagamenti domestiċi, tali skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tista’ tiġi eżentata mill-obbligi skont il-Kapitolu II, dment li t-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard magħmulin fi Stat Membru taħt tali skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet ma jaqbżux, fuq bażi annwali, it-3 % tal-valur tat-transazzjonijiet kollha ta’ pagament permezz ta’ kard magħmula fl-istess Stat Membru.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)      ‘emittent’ tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaqbel li jipprovdi lil pagatur bi strument ta’ pagament biex jibda u jipproċessa t-transazzjonijiet ta’ pagatur ta’ pagament permezz ta’ kard;

[…]

10)      ‘tariffa tal-interkambju’ tfisser tariffa mħallsa għal kull transazzjoni direttament jew indirettament (jiġifieri permezz ta’ terza parti) bejn l-emittent u l-akkwirent involuti fi transazzjoni ta’ pagament permezz ta’ kard. Il-kumpens nett jew remunerazzjonijiet maqbula oħrajn jitqiesu bħala parti mit-tariffa tal-interkambju;

11)      ‘kumpens nett’ tfisser l-ammont nett totali ta’ pagamenti, skontijiet jew inċentivi riċevuti minn emittent mill-iskema ta’ kards ta’ pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard jew attivitajiet relatati;

[…]

17)      ‘skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet’ tfisser skema ta’ pagament permezz ta’ kard li fiha l-pagamenti jsiru mill-kont ta’ pagament ta’ pagatur fil-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju permezz tal-intermedjazzjoni tal-iskema, emittent (min-naħa tal-pagatur) u akkwirent (min-naħa tal-benefiċjarju);

18)      ‘skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet’ tfisser skema ta’ kards ta’ pagament li fiha l-iskema stess tipprovdi servizzi akkwirenti u emittenti u t-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard isiru minn kont ta’ pagament ta’ pagatur fil-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju fl-iskema. Meta skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kard, jew it-tnejn, jew toħroġ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kard flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija titqies bħala skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet;

[…]

24)      ‘fornitur ta’ servizzi ta’ pagament’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika awtorizzati li jipprovdu s-servizzi ta’ pagament elenkati fl-Anness tad-Direttiva 2007/64/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE] jew rikonoxxuti bħala emittenti ta’ flus elettroniċi skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/110/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE]. Fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jista’ jkun emittent jew akkwirent jew it-tnejn li huma

[…]

28)      ‘entità ta’ pproċessar’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizzi ta’ pproċessar ta’ transazzjoni ta’ pagament;

[…]

30)      ‘marka ta’ pagament’ tfisser kwalunkwe isem, terminu, sinjal, simbolu jew taħlita tagħhom, li kapaċi tindika taħt liema skema ta’ pagament b’kard isiru t-tranżazzjonijiet ta’ pagament b’kard;

[…]

32)      ‘co-branding’ tfisser l-inklużjoni ta’ mill-inqas marka [brand] waħda ta’ pagament u mill-inqas marka waħda mhux ta’ pagament fuq l-istess strument ta’ pagament permezz ta’ kard;

[…]”

6        L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament 2015/751, li jinsabu fil-Kapitolu II ta’ dan, intitolat “Tariffi tal-Interkambju”, li jikkonċernaw, rispettivament, it-tariffi ta’ interkambju applikabbli għall-operaturi b’kard ta’ debitu tal-konsumaturi u t-tariffi ta’ interkambju applikabbli għal operaturi b’kard ta’ kreditu tal-konsumaturi.

7        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-projbizzjoni tal-evażjoni”, li jinsab ukoll f’dan il-Kapitolu II jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limiti msemmija fl-Artikoli 3 u 4, kwalunkwe remunerazzjoni maqbula, inkluż il-kumpens nett, b’oġġett jew effett ekwivalenti għat-tariffa tal-interkambju, riċevut minn emittent mill-iskema ta’ kard ta’ pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward tat-transazzjonijiet ta’ pagament jew attivitajiet relatati għandha tkun ittrattata bħala parti mit-tariffa tal-interkambju.”

8        L-Artikolu 6 sa 12 tar-Regolament 2015/751, li jinsabu fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Regoli tan-Negozju”, jipprovdu obbligi relatati mal-operaturi ta’ ħlas b’kard.

9        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Separazzjoni ta’ skema ta’ kards ta’ pagament u ta’ entitajiet ta’ pproċessar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-iskemi ta’ kards ta’ pagament u l-entitajiet ta’ pproċessar:

a)      għandhom ikunu indipendenti f’termini ta’ kontabbiltà, organizzazzjoni u proċessi deċiżjonali;

b)      ma għandhomx joffru prezzijiet għal skemi ta’ kard ta’ pagament u attivitajiet tal-ipproċessar b’mod konġunt u ma għandhomx jinkroċjaw is-sussidji ta’ tali attivitajiet;

c)      ma għandhom jiddiskriminaw b’ebda mod bejn is-sussidjarji jew l-azzjonisti tagħhom fuq naħa u l-utenti tal-iskemi ta’ kards ta’ pagament u sħab kuntrattwali oħrajn fuq in-naħa l-oħra, u b’mod partikolari ma għandhom jagħtu l-ebda servizz li huma joffru b’kwalunkwe mod soġġett għall-aċċettazzjoni mis-sieħeb kuntrattwali tagħhom ta’ kwalunkwe servizz ieħor li huma joffru.

2.      L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-iskema tista’ tirrikjedi li skema ta’ kards ta’ pagament tipprovdi rapport indipendenti li jikkonferma l-konformità tagħha mal-paragrafu 1.

3.      L-iskemi ta’ kards ta’ pagament għandhom jippermettu l-possibbiltà li l-awtorizzazzjoni u l-messaġġi ta’ kklerjar ta’ transazzjonijiet uniċi ta’ pagament permezz ta’ kard ikunu separati u pproċessati minn entitajiet ta’ pproċessar differenti.

4.      Hija pprojbita kwalunkwe diskriminazzjoni territorjali fir-regoli ta’ pproċessar operati minn skemi ta’ kards ta’ pagament.

5.      L-entitajiet ta’ pproċessar fl-Unjoni għandhom jiżguraw li s-sistema tagħhom hija teknikament interoperabbli ma’ sistemi oħrajn ta’ entitajiet ta’ pproċessar fl-Unjoni permezz tal-użu ta’ standards żviluppati minn korpi ta’ standardizzazzjoni internazzjonali jew Ewropej. Barra minn hekk, l-iskemi ta’ kard ta’ pagament ma għandhomx jadottaw jew japplikaw regoli tan-negozju li jirrestrinġu l-interoperabbiltà fost entitajiet ta’ pproċessar fl-Unjoni.

[…]”

10      Il-Kapitolu IV tar-Regolament 2015/751, intitolat “Dispożizzjonijiet Finali”, jinkludi l-Artikoli 13 sa 18 tiegħu. Skont l-Artikolu 13, intitolat “Awtoritajiet kompetenti”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa jiżguraw li dan ir-Regolament jiġi infurzat u li jingħataw poteri investigattivi u ta’ infurzar.

[…]

6.      L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jissorveljaw b’mod effettiv il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż li jaħdmu kontra tentattivi mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament biex jevitaw dan ir-Regolament, u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw din il-konformità.”

11      L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Penalitajiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu applikati.”

12      Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ”:

“Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.      “Huwa għandu japplika mit-8 ta’ Ġunju 2015, ħlief għall-Artikoli 3, 4, 6 u 12 li għandhom japplikaw mid-9 ta’ Diċembru 2015, u għall-Artikoli 7, 8, 9 u 10 li għandhom japplikaw mid-9 ta’ Ġunju 2016.”

 Id-Direttiva (UE) 2015/2366

13      Il-premessi 2 u 6 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015 L 337, p. 35), huma fformulati kif ġej:

“(2)      Il-qafas legali tal-Unjoni rivedut dwar is-servizzi ta’ pagament huwa kkomplementat bir-Regolament [2015/751]. […]

[…]

(6)      Għandhom jiġu stabbiliti regoli ġodda sabiex jingħalqu l-lakuni regolatorji filwaqt li fl-istess ħin tiġi pprovduta aktar ċarezza legali u tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-qafas leġiżlattiv madwar l-Unjoni. […]”

14      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, li jinsab taħt it-Titolu I ta’ din, huwa stess intitolat “Suġġett, Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skonthom l-Istati Membri għandhom jiddistingwu bejn is-sitt kategoriji li ġejjin ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament:

[…]

d)      istituzzjonijiet ta’ pagament;

[…]”

15      L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3)      ‘servizz ta’ pagament’ tfisser wieħed jew aktar mill-attivitajiet ta’ negozju kif stabbilita fl-Anness I;

4)      ‘istituzzjoni ta’ pagament’ tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11 biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ pagament fl-Unjoni kollha;

[…]

38)      ‘aġent’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem istituzzjoni ta’ pagament fil-forniment ta’ servizzi ta’ pagament;

[…]”

16      Mill-Anness I tad-Direttiva 2015/2366, intitolat, “Servizzi ta’ pagament”, jirriżulta li l-“[ħ]ruġ ta’ strumenti ta’ pagament u/jew il-kisba ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament” jinsab fin-numru ta’ servizzi ta’ pagament msemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li American Express hija kumpannija ta’ servizzi internazzjonali li tipprovdi, flimkien mas-sussidjarji kkonsolidati tagħha, servizzi ta’ ħlas, ta’ vjaġġar, ta’ kambju u ta’ pjattaforma ta’ lealtà lill-konsumaturi u lill-impriżi. Hija teżerċita wkoll attivitajiet ta’ ħruġ ta’ kards u ta’ xiri fid-dinja kollha, inkluż fl-Unjoni. American Express tuża, flimkien mas-sussidjarji tagħha, l-iskema ta’ kards ta’ ħlas American Express (iktar ’il quddiem “Amex”), li hija skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet. Din l-iskema kkonkludiet ftehim ta’ co-branding u ta’ provvista ta’ servizzi fl-Unjoni, li jista’ jkollu bħala konsegwenza, skont ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, li numru kbir ta’ tranżazzjonijiet imwettqa permezz tal-imsemmija skema jistgħu jaqgħu taħt dan ir-regolament abbażi tal-estensjoni tal-co-branding u tal-estensjoni tal-aġenzija, previsti fl-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament.

18      L-awtorità nazzjonali tidderiġi Her Majesty’s Treasury (it-Teżor Pubbliku, ir-Renju Unit). Dan tal-aħħar għandu r-responsabbiltà finali tal-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni, l-eżekuzzjoni u kwalunkwe forma oħra ta’ implementazzjoni tar-Regolament 2015/751, inkluż l-istabbiliment ta’ skema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament skont l-Artikoli 13 u 14 tiegħu.

19      American Express talbet lill-qorti tar-rinviju l-awtorizzazzjoni li tippreżenta rikors intiż għall-istħarriġ tal-legalità (judicial review) tal-“intenzjoni u/jew [ta] l-obbligu tal-[awtorità nazzjonali] li tapplika, teżegwixxi jew li timplementa taħt kull forma oħra l-estensjoni tal-co-branding u/jew l-estensjoni tal-aġenzija”. Din il-qorti tat l-awtorizzazzjoni mitluba.

20      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li toħroġ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard ma’ sieħeb ta’ co-branding jew permezz ta’ aġent, fis-sens tal-Artikolu 1(5) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, sempliċement minħabba l-fatt li kkonkludiet ftehim ma’ sieħeb ta’ co-branding jew aġent, indipendentement mill-kwistjoni jekk dan is-sieħeb jew dan l-aġent huwiex fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas differenti minn dak li joħroġ kards ta’ ħlas, jew jekk, għall-kuntrarju, skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandhiex tiġi kkunsidrata li taġixxi hekk biss meta l-imsemmi sieħeb jew l-imsemmi aġent ikun hu stess fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u li jkun jintervjeni fl-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet bħala emittent, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament.

21      Barra minn hekk, skont din il-qorti, fil-każ fejn l-Artikolu 1(5) u l-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 ikollhom jiġu interpretati fis-sens li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandha tkun ikkunsidrata bħala li toħroġ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard ma’ sieħeb ta’ co-branding jew permezz ta’ aġent, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, anki meta l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ikkonċernata tibqa’ l-emittent u tirreferi għal terza persuna għall-eżerċizzju ta’ funzjoni jew funzjonijiet aċċessorji insostenn tal-attività tagħha ta’ ħruġ, ikun allura neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argument imressaq minn American Express li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma invalidi minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Amministrattiva), ir-Renju Unit), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-rekwiżit fl-Artikoli 1(5) u 2(18) tar-Regolament (UE) 2015/751 li skema tal-kard ta’ pagament ta’ tliet partijiet li toħroġ strumenti ta’ pagament bil-kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija meqjusa bħala skema tal-kard ta’ pagament ta’ erba’ partijiet, japplika biss sa fejn dak is-sieħeb f’co-branding jew aġent jaġixxi bħala “emittent” fis-sens tal-Artikolu 2(2) jew tal-premessa 29 tar-[Regolament 2015/751] (senjatament meta s-sieħeb jew l-aġent ikollu relazzjoni kuntrattwali mal-persuna li tħallas, li abbażi tagħha huwa jidħol f’kuntratti sabiex jipprovdi lill-persuna li tħallas bi strument ta’ pagament sabiex jiġu mibdija u pproċessati t-tranżazzjonijiet ta’ ħlas bil-kard tal-persuna li tħallas)?

2)      F’każ li r-risposta għad-domanda l tkun ‘le’, l-Artikolu 1(5) u 2(18) tar-[Regolament 2015/751] huma invalidi sa fejn dawn jipprovdu li tali arranġamenti huma meqjusa bħala skemi tal-kard ta’ pagament ta’ erba’ partijiet, abbażi ta’:

a)      nuqqas ta’ għoti ta’ raġunijiet skont l-Artikolu 296 TFUE;

b)      żball manifest ta’ evalwazzjoni; u/jew

c)      ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

23      Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2017, American Express talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

24      Insostenn tat-talba tagħha, hija ssostni li l-analiżi li għamel l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu hija żbaljata sa fejn tinjora ċerti definizzjonijiet rilevanti li jinsabu kemm fir-Regolament 2015/751 kif ukoll fid-Direttiva 2015/2366, meta dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi, kif jaqblu fil-fatt il-partijiet li pparteċipaw f’din il-proċedura, jikkompletaw lil xulxin u jaqgħu taħt l-istess pakkett leġiżlattiv. Din l-analiżi turi wkoll komprensjoni ineżatta tal-portata tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari ta’ dik tal-kunċett ta’ “intermedjarju” li jinsab fih. Barra minn hekk, fir-rigward tal-punt 98 tal-konklużjonijiet, jew it-test ma huwiex komplut jew inkella r-raġunijiet esposti fih huma kontradittorji. Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament kif proposta mill-Avukat Ġenerali għandha l-konsegwenza li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istess regolament b’mod ikbar minn kwalunkwe interpretazzjoni oħra sostnuta mill-partijiet li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet. Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C-72/15, EU:C:2017:236, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan il-każ, insostenn tat-talba tagħha intiża sabiex jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, American Express tillimita ruħha, essenzjalment, sabiex tikkritika l-interpretazzjoni tar-Regolament 2015/751 li għamel l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu. Issa, tali raġuni ma tinsabx fost dawk li jistgħu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, jiġġustifikaw il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

27      Barra minn hekk, il-portata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/751 li l-interpretazzjoni tagħhom hija s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari ġiet dibattuta kemm fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll matul is-seduta.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex twieġeb għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha meħtieġa sabiex tiġi deċiża din il-kawża ġew diskussi bejn il-partijiet.

29      Konsegwentement, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30      Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fl-intier tagħha minħabba, l-ewwel nett, li ma teżisti l-ebda tilwima reali bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, it-tieni nett, li l-qorti nazzjonali ma tipprovdix il-minimu tal-elementi neċessarji fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha peress li ma tesponix il-punti ta’ fatt rilevanti u lanqas ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, it-tielet nett, li l-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali intiżi għall-istħarriġ tal-legalità tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-awtorità nazzjonali li tapplika jew li timplementa dawn id-dispożizzjonijiet tikkostitwixxi mezz sabiex tiġi evitata s-sistema ta’ mezzi ta’ rikors stabbilita mit-Trattat FUE.

31      Qabel xejn, jeħtieġ li jitfakkar illi hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C-62/14, EU:C:2015:400, punt 24).

32      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C-62/14, EU:C:2015:400, punt 25).

33      Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura reali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, permezz tar-rikors tagħha, American Express titlob li l-qorti tar-rinviju tistħarreġ il-legalità tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-awtorità nazzjonali li tapplika jew li timplementa d-dispożizzjonijiet inkwistjoni. F’dan ir-rigward, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-fondatezza tar-rikors. Peress li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar dan in-nuqqas ta’ qbil u peress li din tqis li hemm kontestazzjoni reali bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ta’ dan ir-regolament, ma jidhirx b’mod manifest li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex reali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, EU:C:2002:741, punti 36 u 38, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 17).

34      Barra minn hekk, l-argumenti intiżi sabiex tintwera n-natura artifiċjali tat-tilwima fil-kawża prinċipali u bbażati fuq il-fatt li ma jeżisti ebda att jew omissjoni ta’ amministrazzjoni nazzjonali li jista’ jagħti lok għal rikors għall-istħarriġ tal-legalità huma bbażati fuq kritika tal-ammissibbiltà tar-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-evalwazzjoni u tal-fatti magħmula mill-qorti tar-rinviju għall-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tista’ la tikkonstesta din l-evalwazzjoni, li taqa’, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, u lanqas tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja. Dawn l-argumenti għalhekk lanqas ma jistgħu jirribattu l-preżunzjoni ta’ relevanza invokata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C-62/14, EU:C:2015:400, punt 26).

35      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argument li l-qorti tar-rinviju ma esponiet la l-fatti rilevanti u lanqas ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu, minn naħa, jiġi osservat li, skont l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, kull talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi”.

36      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li s-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għall-ordni ġuridiku tal-Unjoni jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri u persuni oħra interessati jkunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiem din tal-aħħar (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Amex hija skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, fis-sens tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, u li kkonkludiet ftehim ta’ co-branding u ta’ provvista ta’ servizzi fl-Unjoni. Issa, minħabba dawn il-ftehim, numru kbir ta’ tranżazzjonijiet li saru minn dan tal-aħħar jistgħu jaqgħu, abbażi tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti lid-domandi preliminari, taħt ir-Regolament 2015/751 abbażi tal-Artikolu 1(5) ta’ dan.

38      Għalhekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi, b’mod qasir iżda preċiż, l-oriġini u n-natura tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li hija tqis li r-riżultat tagħha jiddependi mill-interpretazzjoni u l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ddefiniet b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u ġuridiku li taqa’ taħtu t-talba tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija talba (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Genentech, C-567/14, EU:C:2016:526, punt 27).

39      Fir-rigward, minn naħa, tal-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju esponietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, effettivament mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jiggwida l-funzjonament tar-rinviju għal domanda preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-raġunijiet preċiżi li għalihom hija tikkunsidra li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għaldaqstant huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu. Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju indikat, billi rriproduċiet parti mill-argumenti magħmula mill-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward, li l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/751 hija inċerta. Barra min hekk, hija tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tasal, skont l-interpretazzjoni li ser tagħti lil dawn id-dispożizzjonijiet, biex tiddeċiedi dwar il-motivi ta’ invalidità invokati minn American Express.

42      Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra mhux biss li l-argumenti magħmula mill-partijiet fil-kawża prinċipali jqajjmu kwistjoni ta’ interpretazzjoni li r-risposta għaliha hija inċerta, iżda wkoll li l-motivi ta’ invalidità invokati minn American Express u riprodotti mid-deċiżjoni tar-rinviju jistgħu jintlaqgħu.

43      F’dak li jikkonċerna, it-tielet nett, l-argument li l-preżentazzjoni tar-rikors fil-kawża prinċipali, intiż għall-istħarriġ tal-legalità tal-“intenzjoni u/jew [tal-]obbligu” tal-awtorità nazzjonali li tapplika jew li timplementa r-Regolament 2015/751, tikkostitwixxi mezz ta’ kif tiġi evitata s-sistema ta’ mezzi ta’ rikors stabbilita mit-Trattat FUE u, b’mod iktar partikolari, l-osservazzjoni tal-Parlament skont liema, f’dan il-każ, ebda miżura ma ttieħdet minn din l-awtorità kontra Amex, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikkjarat ammissibbli diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u/jew il-validità ta’ atti ta’ dritt sekondarju fformulati fil-kuntest ta’ tali rikors intiż għall-istħarriġ tal-legalità, b’mod partikolari fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741), tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312), tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419), tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324), kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C-547/14, EU:C:2016:325).

44      Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-imsemmi att diġà kien effettivament is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li l-qorti nazzjonali tkun adita b’tilwima reali li fiha tqum, b’mod inċidentali, il-kwistjoni tal-validità ta’ tali att. Din il-kundizzjoni hija bla dubju ta’ xejn issodisfatta fil-kawża prinċipali, hekk kif jirriżulta mill-punti 21, 33, 34, 41 u 42 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, EU:C:2002:741, punt 40; tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C-62/14, EU:C:2015:400, punt 29; tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 19, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 35).

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li rikors bħal dak fil-kawża prinċipali huwa intiż li jkun mezz ta’ kif tista’ tiġi evitata s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat FUE.

46      Fl-aħħar nett, il-konstatazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jiġu kkonstestati bl-argument, magħmul mill-Parlament u mill-Kummissjoni, li din il-kawża, li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-validità ta’ regolament, għandha tiġi distinta mill-kwistjonijiet li jiddependu mill-interpretazzjoni u l-validità ta’ direttiva, peress li regolament, kuntrarjament għal direttiva, huwa direttament applikabbli abbażi tal-Artikolu 288 TFUE u li, barra minn hekk, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jimplikaw ebda intervent min-naħa tal-Istati Membri.

47      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula ser jiddeterminaw sa fejn l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, bħal Amex, għandhom jiġu kkunsidrati li huma suġġetti għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 3 sa 5 u 7 tar-Regolament 2015/751, li jimplikaw ċertu intervent min-naħa tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jitfakkar li, abbażi tal-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri, minn naħa, jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex japplikaw l-imsemmi regolament u li għandhom setgħa ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni u, min-naħa l-oħra, jistabbilixxu regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tal-istess regolament u jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jiġi ggarantit li jiġu applikati. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità nazzjonali tidderieġi l-Ministeru għall-Finanzi, li għandu r-responsabbiltà aħħarija tal-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fuq ir-Renju Unit f’dak li jikkonċerna kwalunkwe forma ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/751, skont l-Artikoli 13 u 14 tiegħu.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

49      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ ftehim bejn sieħeb ta’ co-branding jew aġent, minn naħa, u skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li dan is-sieħeb ta’ co-branding jew dan l-aġent jaġixxi bħala emittent, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, sabiex l-imsemmija skema tkun ikkunsidrata bħala li toħroġ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard ma’ sieħeb ta’ co-branding jew permezz ta’ aġent u tiġi għalhekk ikkunsidrata bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

50      Għandu jiġi osservat qabel xejn li, skont l-Artikolu 1(3)(c) tar-Regolament 2015/751, il-Kapitolu II ta’ dan, li l-Artikoli 3 sa 5 tiegħu jistabbilixxu r-regoli dwar il-limitu tat-tariffi ta’ interkambju għat-tranżazzjonijiet bil-kard tal-konsumaturi, ma japplikax għat-“transazzjonijiet b’kards ta’ pagament maħruġa minn skemi ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet.” Bl-istess mod, l-Artikolu 1(4) tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Artikolu 7 ta’ dan l-aħħar, li jimponi obbligu ta’ separazzjoni tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas u tal-entitajiet ta’ proċessar, ma japplikax għall-“iskemi ta’ kards ta’ pagament ta’ tliet partijiet”.

51      Madankollu, l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751 jipprovdi, l-istess bħall-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi dak li għandu jinftiehem bl-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, li, meta tali skema, “tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards, jew it-tnejn, jew toħroġ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards flimkien ma’ sieħeb f’co-branding jew permezz ta’ aġent, hija titqies bħala skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ erba’ partijiet.”

52      Minn dan jirriżulta li, fil-prinċipju, skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ma hijiex suġġetta għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 3 sa 5 u 7 tar-Regolament Nru 2015/751, sakemm ma tkunx taqa’ taħt waħda mit-tliet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li tkun ingħatat liċenzja lil fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ ħlas għall-ħruġ u/jew l-akkwist ta’ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard (l-ewwel ipoteżi), li tkun ħarġet strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard ma’ sieħeb ta’ co-branding (it-tieni ipoteżi), jew li tkun ħarġet strumenti ta’ ħlas permezz ta’ aġent (it-tielet ipoteżi). Fil-fatt, f’kull waħda minn dawn l-ipoteżi, l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet hija kkunsidrata, abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet.

53      F’dan il-każ, American Express issostni li l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751 għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet tista’ tiġi kkunsidrata li hija skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet biss fuq il-kundizzjoni li tal-inqas terza persuna fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas taġixxi bħala emittent jew li akkwirent fil-kuntest tat-tranżazzjoni ta’ ħlas, kemm fil-kwalità ta’ emittent liċenzjat, ta’ akkwirent liċenzjat, ta’ sieħeb ta’ co-branding li jwettaq l-attività ta’ ħruġ minflok l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, jew ta’ aġent li jwettaq l-attività ta’ ħruġ minflok din l-iskema.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-616/15, EU:C:2017:721, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, it-termini użati fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751 sabiex jirreferi għat-tieni u għat-tielet ipoteżi li huwa jipprevedi u li huma s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi osservat li l-“emittent” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2015/751 bħala “fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jaqbel li jipprovdi lil pagatur bi strument ta’ pagament biex jibda u jipproċessa t-transazzjonijiet ta’ pagatur ta’ pagament permezz ta’ kard.” Il-premessa 29 ta’ dan ir-regolament tippreċiża, min-naħa tagħha, li “[i]s-servizz emittenti huwa bbażat fuq relazzjoni kuntrattwali bejn l-emittent tal-istrument tal-pagament u l-pagatur, irrispettivament minn jekk l-emittent hux qiegħed iżomm il-fondi f’isem il-pagatur”, li “[l]-emittent jagħmel kards ta’ pagament għad-dispożizzjoni tal-pagatur, jawtorizza t-transazzjonijiet fit-terminals jew l-ekwivalenti tagħhom u jista’ jiggarantixxi l-pagament lill-akkwirent għal transazzjonijiet li huma f’konformità mar-regoli tal-iskema rilevanti” u li, “[g]ħalhekk, is-sempliċi distribuzzjoni ta’ kards ta’ pagament jew servizzi tekniċi, bħas-sempliċi proċessar u l-ħażna ta’ data, ma tikkostitwixxix ħruġ.”

56      Fir-rigward tat-tieni ipoteżi prevista fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751, jiġifieri l-konklużjoni ta’ ftehim bejn skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet u sieħeb ta’ co-branding, għandu jitfakkar li l-“co-branding” huwa ddefinit fil-punt 32 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament bħala “l-inklużjoni ta’ mill-inqas marka waħda ta’ pagament u mill-inqas marka waħda mhux ta’ pagament fuq l-istess strument ta’ pagament permezz ta’ kard”. It-termini “marka waħda ta’ pagament” huma huma stess iddefiniti fil-punt 30 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament bħala li huma “kwalunkwe materjal jew isem, terminu, sinjal, simbolu diġitali jew kombinament tagħhom, li kapaċi jindika taħt liema skema ta’ pagament permezz ta’ kard isiru t-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard.”

57      F’dak li jikkonċerna t-tielet ipoteżi prevista fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751, jiġifieri l-konklużjoni ta’ ftehim bejn skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet u aġent, huwa minnu li dan ir-regolament ma jiddefinixxix x’għandu jinftiehem b’“aġent”. Madankollu, mill-premessa 2 tad-Direttiva 2015/2366, li taqa’ wkoll taħt il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni dwar is-servizzi ta’ ħlas jirriżulta li l-eżami mill-ġdid ta’ dan il-kuntest ġuridiku huwa kkompletat bir-Regolament 2015/751. Barra minn hekk, mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li tiġi ggarantita applikazzjoni koerenti tal-kuntest leġiżlattiv dwar is-servizzi ta’ ħlas ġewwa l-Unjoni kollha.

58      Issa, kif osservat American Express, il-punt 38 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 jiddefinixxi l-“aġent” bħala “persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem istituzzjoni ta’ pagament fil-forniment ta’ servizzi ta’ pagament”, fejn huwa ppreċiżat li, skont il-punt 3 tal-Artikolu 4 u l-Anness I ta’ din id-direttiva, il-ħruġ ta’ strumenti ta’ ħlas u/jew l-akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas tinsab fost dawn is-servizzi ta’ ħlas.

59      Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mid-definizzjonijiet rilevanti tat-termini “co-branding” u “aġent” li sieħeb ta’ co-branding jew aġent li jkun ikkonkluda ftehim ma’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet jintervjeni neċessarjament f’din l-iskema bħala emittent, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751.

60      Għandu jiġi kkonstatat, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 u 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma jirriżulta espressament la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(5) u lanqas minn dik tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 li s-sieħeb ta’ co-branding jew l-aġent għandu hu stess ikun involut fl-attività ta’ ħruġ. Issa, kieku l-leġiżlatur ried jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 1(5), sabiex dan ikun il-każ, huwa seta’ jipprevedi dan espressament (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-275/07, EU:C:2009:169, punt 99).

61      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-premessa 28 tar-Regolament 2015/751 tistabbilixxi li “l-iskemi ta’ kards ta’ pagament ta’ tliet partijiet li jużaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament bħala emittenti jew akkwirenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala skemi ta’ kards ta’ pagament ta’ erba’ partijiet”, minn dan ma jistax jiġi dedott li hija biss din is-sitwazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tkopri wkoll, b’mod partikolari, l-ipoteżi fejn skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet “tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ pagament għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards”.

62      Barra minn hekk, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751 jidher li jirriżulta, b’mod partikolari mill-parti tas-sentenza “[m]età skema ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ tliet partijiet […] [toħroġ] strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards”, li din l-iskema hija hija stess involuta fl-attività ta’ ħruġ.

63      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, huwa paċifiku li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandha tiġi kkunsidrata bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet b’mod partikolari fl-ewwel ipoteżi msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri meta din l-iskema “tilliċenzja fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ ħlas għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament permezz ta’ kards jew l-akkwist ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kards”.

64      Minn dan isegwi, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 u 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sitwazzjoni fejn terza persuna tikkonkludi ftehim ma’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet li tipprovdi li din it-terza persuna toħroġ jew takkwista strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard sabiex din l-iskema tkun tikkorrispondi għal din l-ewwel ipoteżi.

65      Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni magħmula minn American Express tat-tieni u tat-tielet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751, skont liema ftehim ma’ terza persuna jaqa’ taħt dawn l-ipoteżi biss meta din it-terza persuna toħroġ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard għal din l-iskema, jirriskja li jippriva sew dawn l-ipoteżi mill-portata tagħhom.

66      Barra minn hekk, għalkemm l-ewwel ipoteżi tagħmel riferiment espressament għall-fatt li t-terza persuna li tkun ingħatatilha l-liċenzja hija wkoll “fornitur ta’ servizz ta’ ħlas”, it-tieni u t-tielet ipoteżi ma jipprovdux espressament li s-sieħeb ta’ co-branding jew l-aġent ikun neċessarjament tali fornitur. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li s-sieħeb ta’ co-branding jista’ jkun involut f’attivitajiet differenti mis-servizzi ta’ ħlas u għalhekk oħrajn differenti minn dawk li jikkonsistu fil-ħruġ jew l-akkwist ta’ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard.

67      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-għanijiet intiżi mir-Regolament 2015/751, li jagħmlu parti minnu d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-premessa 43 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-għanijiet ta’ dan huma li jiġu stabbiliti regoli uniformi għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas permezz ta’ kard u għall-ħlas bl-internet u bil-mobile b’kard. Iktar speċifikament, skont il-premessa 10 tal-imsemmi regolament, ir-regolamentazzjoni tat-tariffi ta’ interkambju hija intiża sabiex ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u sabiex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-konsumaturi.

68      Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, mill-premessa 28 tar-Regolament 2015/751 jirriżulta li huwa sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ “tariffi impliċiti tal-interkambju” u għall-kontribuzzjoni għall-istabbiliment ta’ “kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni” li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarju li, f’ċerti ċirkustanzi, dawn l-iskemi jkunu kkunsidrati li huma skemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet u jiġu suġġetti għall-istess regoli ta’ dawn tal-aħħar.

69      Barra minn hekk, minn diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/751, b’mod partikolari l-premessa 31, l-Artikolu 5 u tal-Artikolu 13(6) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż ukoll sabiex ma jiġux evitati r-regoli li jinsabu fih, b’mod partikolari dawk relatati mal-limitu tat-tariffi ta’ interkambju.

70      Fir-rigward tat-tariffi ta’ interkambju, din hija ddefinita fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, b’mod wiesa’ bħala “tariffa mħallsa għal kull transazzjoni direttament jew indirettament (jiġifieri permezz ta’ terza parti) bejn l-emittent u l-akkwirent involuti fi transazzjoni ta’ pagament permezz ta’ kard” fejn din id-dispożizzjoni tippreċiża li “[i]l-kumpens nett jew remunerazzjonijiet maqbula oħrajn jitqiesu bħala parti mit-tariffa tal-interkambju”. Il-“kumpens nett” huwa, huwa stess iddefinit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament bħala “l-ammont nett totali ta’ pagamenti, skontijiet jew inċentivi riċevuti minn emittent mill-iskema ta’ kards ta’ pagament, l-akkwirent jew kwalunkwe intermedjarju ieħor fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard jew attivitajiet relatati”.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż li ċertu tip ta’ kontroparti jew ta’ vantaġġ jista’ jiġi identifikat bħala li jikkostitwixxi tariffa ta’ interkambju impliċita, fis-sens tal-premessa 28 tar-Regolament 2015/751, mingħajr ma s-sieħeb ta’ co-branding jew l-aġent li miegħu l-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tikkonkludi ftehim ikun neċessarjament involut fl-attività ta’ ħruġ ta’ din l-iskema. Għalhekk, jista’ jkun diffiċli li jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament 2015/751, b’mod partikolari dak tal-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti f’li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali fuq is-suq, jekk is-sitwazzjonijiet li fihom is-sieħeb ta’ co-branding jew l-aġent ma jaġixxix bħala emittent, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, kellhom, minħabba dan il-fatt, jaħarbu mir-regoli previsti fl-Artikoli 3 sa 5 ta’ dan l-istess regolament.

72      Konsegwentement, meta skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet tikkonkludi ftehim ta’ co-branding fis-sens tal-punt 32 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751, jew ftehim ma’ aġent fis-sens tal-punt 38 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, din l-iskema għandha tiġi kkunsidrata li hija skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, abbażi tal-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament, b’mod li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3 sa 5 u 7 tal-imsemmi regolament ikunu applikabbli għaliha.

73      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 2015/751 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ ftehim bejn sieħeb ta’ co-branding jew aġent, minn naħa, u skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li dan is-sieħeb ta’ co-branding jew dan l-aġent jaġixxi bħala emittent, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, sabiex l-imsemmija skema tkun ikkunsidrata bħala li toħroġ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard ma’ sieħeb ta’ co-branding jew permezz ta’ aġent u sabiex tkun għalhekk ikkunsidrata bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq it-tieni domanda

74      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikolu 1(5) u l-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 humiex invalidi sa fejn jipprovdu li skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandha tiġi kkunsidrata bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet sempliċement minħabba l-fatt li kkonkludiet ftehim ta’ sieħeb ta’ co-branding jew aġent, meta dan is-sieħeb ta’ co-branding jew dan l-aġent ma jaġixxix, fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, bħala emittent, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

75      Fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni meħtiega mill-Artikolu 296(2) TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li japplikaw fil-qasam ikkonċernat (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      Barra minnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, jekk mill-att ta’ portata ġenerali joħroġ l-għan essenzjali li jrid jintlaħaq mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għall-għażliet tekniċi differenti li jkunu saru (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-26/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:132, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      F’dan il-każ, il-premessa 28 tar-Regolament 2015/751 tistabbilixxi b’mod ċar biżżejjed il-loġika li hija bbażata fuqha l-assimilazzjoni, f’ċerti ipoteżi, tal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet mal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet. Fil-fatt, kif intqal fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, din il-premessa tipprovdi li huwa sabiex “l-eżistenza ta’ tariffi impliċiti tal-interkambju tkun rikonoxxuta” u “jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni” li l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għandhom jiġu kkunsidrati li huma skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet u jsegwu l-istess regoli, filwaqt li “t-trasparenza u miżuri oħra marbutin mar-regoli kummerċjali għandhom japplikaw għall-fornituri kollha”.

78      Barra minn hekk, il-premessa 28, it-tieni sentenza tal-Artikolu 1(5) u l-punti 17 u 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 juru d-differenzi li jeżistu bejn l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet u l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, u li jiġġustifikaw li l-assimilazzjoni ta’ dawk tal-ewwel ma’ dawn tat-tieni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-limitu tat-tariffi ta’ interkambju u s-separazzjoni tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas u tal-enitajiet ta’ proċessar, hija biss parzjali.

79      Minn dan isegwi, kif irreleva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li, billi esponiet is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-assimilazzjoni parzjali tal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet mal-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet kif ukoll l-għanijiet ġenerali ta’ din l-assimilazzjoni, l-imsemmija dispożizzjonijiet jippermettu lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet ta’ tali assimilazzjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux obbligu jipprovdi, fir-Regolament 2015/751, motivazzjoni għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li għamel u li huma l-bażi għat-tliet ipoteżi msemmija fl-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament.

81      Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-Regolament 2015/751 huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, ta’ natura li jwassal għall-invalidità tal-Artikolu 1(5) u l-punt 18 tal-Artikolu 2 tiegħu.

 Fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

82      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità tal-Artikolu 1(5) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 hija kkontestata fit-tilwima fil-kawża prinċipali minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, dawn jipprovdu li, fil-kuntest ta’ ftehim bejn sieħeb ta’ co-branding jew aġent, minn naħa, u skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li dan is-sieħeb ta’ co-branding jew dan l-aġent ikun involut fl-attività ta’ ħruġ tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet sabiex din l-iskema tkun ikkunsidrata bħala li hija skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet.

83      Madankollu, mill-elementi mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni, għal din ir-raġuni, ivvizzja bi żball manifest ta’ evalwazzjoni l-Artikolu 1(5) u l-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751.

84      B’mod partikolari, kif irreleva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 121 sa 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda element mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwa ta’ natura li juri li twettaq żball minn dan il-leġiżlatur tal-Unjoni meta dan iddeċieda dwar il-livell ta’ assimilazzjoni li kellha ssir bejn l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet u l-iskemi ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, fid-dawl tar-regoli previsti fl-Artikoli 3 sa 5 u 7 ta’ dan ir-regolament, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet imfakkra fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

85      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjonijiet tiegħu jimplikaw għażliet ta’ natura kemm politika, kemm ekonomika u kemm soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. B’hekk, il-kwistjoni ma tirrigwardax li jsir magħruf jekk miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha fil-konfront tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li tista’ tolqot il-validità ta’ miżura bħal din (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C-58/08, EU:C:2010:321, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dan il-każ, peress li ebda element mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwa ta’ natura li juri li l-Artikolu 1(5) u l-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751 ma humiex adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi intiżi minn dan, kif imfakkra fil-punti 67 sa 69 ta’ din is-sentenza, għandu jitwarrab l-argument li dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn ma jissuġġettawx l-assimilazzjoni ta’ skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet għal skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet għall-kundizzjoni li s-sieħeb ta’ co-branding jew l-aġent ikkonċernat jaġixxi bħala emittent, jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, peress li, kif intqal fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li ċertu tip ta’ kontraparti jew ta’ vantaġġ jista’ jiġi identifikat fil-każ ta’ kuntratti ta’ co-branding jew ta’ aġenzija, mingħajr ma s-sieħeb ta’ co-branding jew l-aġent ikun neċessarjament involut fl-attività ta’ ħruġ tal-iskema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet ikkonċernata, ma kienx manifestament mhux xieraq, fid-dawl ta’ tali għanijiet, li tali remunerazzjoni tiġi wkoll suġġetta għal-limiti tat-tariffi ta’ interkambju stabbiliti minn dan ir-regolament.

88      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(5) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(5) tar- Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ ftehim bejn sieħeb ta’ co-branding jew aġent, minn naħa, u skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ tliet partijiet, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarju li dan is-sieħeb ta’ co-branding jew dan l-aġent jaġixxi bħala emittent, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, sabiex l-imsemmija skema tkun ikkunsidrata bħala li toħroġ strumenti ta’ ħlas permezz ta’ kard ma’ sieħeb ta’ co-branding jew permezz ta’ aġent u sabiex tkun għalhekk ikkunsidrata bħala skema ta’ kards ta’ ħlas ta’ erba’ partijiet, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet

2)      L-eżami tat-tieni domanda preliminari ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(5) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/751.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.