Language of document : ECLI:EU:C:2018:701

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Settembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni speċjali – Punt 3 tal-Artikolu 5 – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn l-avveniment dannuż seħħ jew jista’ jseħħ – Konsumatur, iddomiċiljat fi Stat Membru, li xtara, permezz ta’ bank stabbilit f’dan l-Istat Membru, titoli maħruġa minn bank stabbilit fi Stat Membru ieħor – Ġurisdizzjoni sabiex jinstema’ r-rikors ippreżentat minn dan il-konsumatur għar-responsabbiltà delittwali ta’ dan il-bank”

Fil-Kawża C‑304/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l‑Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Helga Löber

vs

Barclays Bank plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal H. Löber, minn L. Aigner, Rechtsanwalt,

–        għal Barclays Bank plc, minn H. Bielesz, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Papadaki, S. Papaioannou u T. Papadopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Helga Löber u Barclays Bank plc dwar azzjoni għal responsabbiltà delittwali kontra dan il-bank.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001 jistipulaw:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

4        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        Il-punti (1) u (3) tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedu:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Barclays Bank huwa bank stabbilit f’Londra (ir-Renju Unit) u għandu fergħa fi Frankfurt-am-Mein (il-Ġermanja).

7        Dan il-bank ħareġ Ċertifikati XI Global EUR Index (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati”), fil-forma ta’ bonds anonimi, li għalihom investew istituzzjonijiet, li sussegwentement reġgħu bigħuhom fis-suq sekondarju, b’mod partikolari lil konsumaturi fl-Awstrija.

8        Iċ-ċertifikati nħarġu abbażi ta’ prospett bażiku Ġermaniż tat‑22 ta’ Settembru 2005, innotifikat lill-österreichische Kontrollbank (il-Bank Awstrijak ta’ Stħarriġ), u ta’ kundizzjonijiet ġenerali tal‑20 ta’ Diċembru 2005. L-offerta pubblika għas-sottoskrizzjoni saret bejn l‑20 ta’ Diċembru 2005 u l‑24 ta’ Frar 2006. Iċ-ċertifikati nħarġu fil‑31 ta’ Marzu 2006.

9        L-ammont li għandu jiġi rrimborsat u, għaldaqstant, il-valur taċ-ċertifikati ġie ddeterminat abbażi ta’ indiċi magħmul minn portafoll ta’ diversi fondi speċifiċi, b’tali mod li dan il-valur kien direttament marbut ma’ dan il-portafoll. Dan tal-aħħar kellu jiġi kkostitwit u amministrat minn X1 Fund Allocation GmbH, kumpannija stabbilita l-Ġermanja. Issa, il-flus investiti fiċ-ċertifikati, li użaw sistema ta’ frodi piramidali, fil-parti l-kbira tagħhom intilfu u ċ-ċertifikati ma għad baqgħalhom l-ebda valur.

10      H. Löber, iddomiċiljata fi Vjenna (l-Awstrija), permezz ta’ żewġ banek Awstrijaki distinti, wieħed stabbilit f’Salzburg (l-Awstrija), l-ieħor fi Graz (l-Awstrija), investiet ammont totali ta’ EUR 28 648.43 fiċ-ċertifikati.

11      Bħala investitur leż, H. Löber ippreżentat rikors quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) kontra Barclays Bank intiż għall-ħlas minn dan tal-aħħar ta’ ammont ta’ EUR 34 459.06, għall-konstatazzjoni tar-responsabbiltà kuntrattwali u delittwali ta’ Barclays Bank u għall-iżvelar tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan il-bank. Insostenn tal-argumenti tagħha hija targumenta b’mod partikolari li kien hemm informazzjoni nieqsa fil-prospett dwar iċ-ċertifikati.

12      Permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Lulju 2016, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni u ċaħdet dan ir-rikors, għar-raġuni, b’mod partikolari, li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, H. Löber ma kinitx invokat il-fatt li d-dannu inkwistjoni kien immaterjalizza direttament f’kont bankarju li seta’ jiġi assoċjat magħha miftuħ f’bank fi Vjenna (l-Awstrija). Skont dik il-qorti, peress li H. Löber xtrat iċ-ċertifikati permezz ta’ banek stabbiliti fi Graz jew f’Salzburg, dan id-dannu kien seħħ f’dawn il-postijiet tal-aħħar u mhux f’post li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-imsemmija qorti.

13      H. Löber appellat minn dan id-digriet quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li, permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Diċembru 2016, ikkonfermatu billi ddeċidiet li l-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 kien applikabbli u li l-qrati Awstrijaki ma kellhomx ġurisdizzjoni.

14      H. Löber adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’appell mid-digriet tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) sabiex tikkonstata l-ġurisdizzjoni tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), abbażi, b’mod partikolari, tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

15      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Liema hija, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001], il-qorti kompetenti għal talbiet mhux kuntrattwali fuq il-bażi tar-responsabbiltà li tirriżulta mill-prospectus meta:

–        l-investitur ħa fil-post ta’ domiċilju tiegħu d-deċiżjoni ta’ investiment tiegħu pprovokata mill-prospectus difettuż, u li

–        fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, huwa ttrasferixxa l-prezz tax-xiri tat-titolu trasferibbli miksub fis-suq sekondarju mill-kont tiegħu miżmum minn bank Awstrijak lejn kont ta’ regolarizzazzjoni miżmum minn bank Awstrijak ieħor, minn fejn l-imsemmi prezz tax-xiri ġie sussegwentement ittrasferit lill-bejjiegħ għan-nom tar-rikorrent?

Din hija:

(a)      il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-investitur għandu d-domiċilju tiegħu?

(b)      il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha tinsab is-sede tal-bank jew tal-fergħa tiegħu li tiġġestixxi l-kont bankarju tar-rikorrent li minnu huwa ttrasferixxa lejn il-kont ta’ regolarizzazzjoni l-ammont investit?

(c)      il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha tinsab is-sede tal-bank jew tal-fergħa tiegħu li tiġġestixxi l-kont ta’ regolarizzazzjoni?

(d)      waħda minn dawn il-qrati, skont l-għażla tar-rikorrent?

(e)      l-ebda waħda minn dawn il-qrati?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, b’liema mod għandu jiġi interpretat il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex jiġu ddeterminati l-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni, bħala qrati tal-post fejn seħħ l-avveniment dannuż, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jisimgħu azzjoni għal responsabbiltà delittwali kontra bank, stabbilit fi Stat Membru, li jkun ħareġ ċertifikat, minħabba n-natura insuffiċjenti tal-informazzjoni inkluża fil-prospett dwar dan iċ-ċertifikat, mibdija minn investitur, residenti fi Stat Membru ieħor, li investa f’dan tal-aħħar, meta d-dannu allegat minn dan l-investitur jikkonsisti f’dannu finanzjarju li jimmaterjalizza fil-kont bankarju tiegħu ma’ bank stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru fejn għandu d-domiċilju tiegħu.

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u strett (sentenzi tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 43; tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 37, u tal‑21 ta’ April 2016, Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 29).

18      Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu, tikkostitwixxi r-regola ġenerali. Huwa biss b’deroga għal din ir-regola ġenerali li dan l-istess regolament jipprevedi regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali u esklużiva f’każijiet elenkati b’mod eżawrjenti li fihom il-konvenut jista’ jew għandu, skont il-każ, jiġi mfittex quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 22, u tat‑12 ta’ Mejju 2011, BVG, C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).

19      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” jinkludi kull talba intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis, 189/87, EU:C:1988:459, punti 17 u 18; tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter, C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 20; tal‑21 ta’ April 2016, Austro-Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 32, kif ukoll tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 24).

20      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament japplika għal azzjoni intiża biex tikkontesta r-responsabbiltà tal-persuna li ħarġet ċertifikat minħabba l-prospett relatat miegħu kif ukoll minħabba l-ksur ta’ obbligi ta’ informazzjoni oħra li jaqgħu fuq din il-persuna li ħarġet iċ-ċertifikat, sakemm din ir-responsabbiltà ma tkunx taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 57).

21      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju tindika li r-responsabbiltà għall-fatt li l-prospett li ġie invokat quddiemha ma jaqax taħt dawn il-materji kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, li, permezz tar-rikors inkwistjoni fil-kawża prinċipali, H. Löber titlob, b’mod partikolari, li tiġi stabbilita r-responsabbiltà delittwali ta’ Barclays Bank.

22      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li jinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar li dan ikopri kemm il-post ta’ materjalizzazzjoni tad-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu, b’mod illi l-konvenut jista’ jiġi mħarrek, bl-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 16; tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 45; tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 38, u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 28).

23      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” ma jistax jiġi interpretat b’mod wiesgħa b’tali mod li jinkludi l-postijiet kollha fejn jistgħu jinħassu l-konsegwenzi dannużi ta’ fatt li jkun ikkawża dannu li effettivament seħħ f’post ieħor (sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 1995, Marinari, C‑364/93, EU:C:1995:289, punt 14; tal‑10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 19, u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 34) u li dan il-kunċett ma jagħmilx riferiment għall-post tad-domiċilju tar-rikorrent fejn jinsab iċ-ċentru tal-patrimonju tiegħu, minħabba s-sempliċi raġuni li huwa jkun ġarrab dannu finanzjarju hemmhekk li rriżulta mit-telf ta’ partijiet mill-patrimonju tiegħu li sar u ġġarrab fi Stat Membru ieħor (sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C‑168/02, EU:C:2004:364, punt 21, u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 35).

24      B’dan il-mod, is-sempliċi fatt li xi konsegwenzi finanzjarji jaffettwaw lir-rikorrent ma jiġġustifikax l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar jekk kemm l-avveniment kawżali kif ukoll il-materjalizzazzjoni tad-dannu jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 49).

25      Min-naħa l-oħra, tali attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni hija ġġustifikata sa fejn id-domiċilju tar-rikorrent ikun effettivament jikkostitwixxi l-post tal-avveniment kawżali jew dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 50).

26      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-identifikazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu.

27      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-post huwa dak fejn id-dannu allegat jimmanifesta ruħu b’mod konkret (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 52).

28      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qrati tad-domiċilju tar-rikorrent għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, biex jisimgħu azzjoni intiża li tikkontesta r-responsabbiltà tal-persuna li ħarġet ċertifikat minħabba l-prospett relatat miegħu kif ukoll il-ksur ta’ obbligi oħrajn ta’ informazzjoni li din il-persuna għandha, b’mod partikolari meta d-dannu allegat jitwettaq direttament f’kont bankarju tar-rikorrent ma’ bank stabbilit fil-limiti tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 57).

29      Fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din il-konstatazzjoni tagħmel parti minn kuntest partikolari, ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ ċirkustanzi li meħuda flimkien jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-imsemmija qrati (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 37).

30      Għaldaqstant, hija ddeċidiet li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax jitqies bħala “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, fl-assenza ta’ elementi oħrajn ta’ rabta, il-post li jinsab fi Stat Membru fejn seħħ dannu, meta dan id-dannu jikkonsisti esklużivament f’telf finanzjarju li jimmaterjalizza ruħu direttament fil-kont bankarju tar-rikorrent u li jirriżulta direttament minn att illegali mwettaq fi Stat Membru ieħor (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding, C‑12/15, EU:C:2016:449, punt 40).

31      F’dan il-każ, jidher li, meħuda flimkien, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati Awstrijaki.

32      Fil-fatt, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, H. Löber hija ddomiċiljata fl-Awstrija u l-pagamenti kollha relatati mat-tranżazzjoni ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali saru minn kontijiet bankarji Awstrijaki, jiġifieri l-kont bankarju personali ta’ H. Löber u l-kontijiet ta’ regolarizzazzjoni intiżi speċjalment għall-eżekuzzjoni ta’ din it-tranżazzjoni.

33      Barra minn hekk, minbarra l-fatt li, fil-kuntest tal-imsemmija tranżazzjoni, H. Löber kellha x’taqsam ma’ banek Awstrijaki biss, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li hija akkwistat iċ-ċertifikati fuq is-suq sekondarju Awstrijak, li l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha dwar iċ-ċertifikati hija dik li tinsab fil-prospett dwarhom, kif innotifikat lill-österreichische Kontrollbank (il-Bank Awstrijak ta’ Stħarriġ), u li huwa fl-Awstrija li, abbażi ta’ din l-informazzjoni, hija kkuntrattat l-obbligu li tinvesti, li għamel piż fuq il-patrimonju tagħha b’mod definittiv.

34      Barra minn hekk, l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-qrati Awstrijaki f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mal-għanijiet ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 44/2001, ta’ prossimità bejn il-qrati indikati f’dawn ir-regoli u t-tilwima kif ukoll ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, stipulati fil-premessi 11 u 12 ta’ dan ir-regolament.

35      F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jitfakkar li l-fatt li bħala l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu jittieħed dak fejn huwa stabbilit il-bank li miegħu nfetaħ il-kont bankarju tar-rikorrent li fih iseħħ direttament dan id-dannu jissodisfa l-għan tar-Regolament Nru 44/2001 intiż li jsaħħaħ il-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi fl-istess ħin jippermetti li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jadixxi u li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik li jista’ jitressaq quddiemha, peress li l-persuna li toħroġ ċertifikat li ma jissodisfax l-obbligi legali tagħha fir-rigward tal-prospett għandha, meta tiddeċiedi li tinnotifika l-prospett relatat ma’ dan iċ-ċertifikat fi Stati Membri oħra, tistenna li operaturi mhux informati biżżejjed, iddomiċiljati f’dawn l-Istati Membri, jinvestu f’dan iċ-ċertifikat u jsofru d-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 56).

36      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha investitur iressaq azzjoni għal responsabbiltà delittwali kontra bank li jkun ħareġ ċertifikat li huwa jkun investa fih, minħabba l-prospett relatat ma’ dan iċ-ċertifikat, il-qrati tad-domiċilju ta’ dan l-investitur, bħala qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu din l-azzjoni, meta d-dannu allegat jikkonsisti f’dannu finanzjarju li jimmaterjalizza ruħu direttament f’kont bankarju tal-imsemmi investitur ma’ bank stabbilit fil-limiti tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati u li ċ-ċirkustanzi partikolari l-oħrajn ta’ din is-sitwazzjoni meħuda flimkien ukoll jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-imsemmija qrati.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha investitur iressaq azzjoni għal responsabbiltà delittwali kontra bank li jkun ħareġ ċertifikat li huwa jkun investa fih, minħabba l-prospett relatat ma’ dan iċ-ċertifikat, il-qrati tad-domiċilju ta’ dan l-investitur, bħala qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu din l-azzjoni, meta d-dannu allegat jikkonsisti f’dannu finanzjarju li jimmaterjalizza ruħu direttament f’kont bankarju tal-imsemmi investitur ma’ bank stabbilit fil-limiti tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati u li ċ-ċirkustanzi partikolari l-oħrajn ta’ din is-sitwazzjoni meħuda flimkien ukoll jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-imsemmija qrati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.