Language of document : ECLI:EU:C:2022:897

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Novembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea –– Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 2(2), Artikolu 4(1) u Artikolu 6(1) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa limitu ta’ età massima għal 30 sena għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija – Ġustifikazzjonijiet”

Fil‑Kawża C‑304/21

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

VT

vs

Ministero dell’ Interno,

Ministero dell’ Interno, – Dipartimento della Pubblica Sicurezza – Direzione centrale per le risorse umane,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn L. Arastey Sahún (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal VT, minn A. Bonanni u P. Piselli, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn E. De Bonis u G. M. De Socio, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), tal-Artikolu 3 TUE, tal-Artikolu 10 kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn VT u l-Ministero dell’Interno (il-Ministeru għall-Intern, l-Italja) u l-Ministero dell’Interno – Dipartimento della Pubblica Sicurezza – Direzione Centrali per le risorse umane (il-Ministeru għall-Intern — Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika — Direttorat Ċentrali tar-Riżorsi Umani, l-Italja), dwar id-deċiżjoni li ma tiġix ammessa l-parteċipazzjoni ta’ VT f’kompetizzjoni organizzata sabiex jimtlew pożizzjonijiet ta’ Kummissarju tal-Polizia di Stato (il-Pulizija tal-Istat, l-Italja), minħabba li kien laħaq il-limitu ta’ età massima prevista għal dan il-għan.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 18 u 23 tad-Direttiva 2000/78 jiddikjaraw:

“(18)      Din id-Direttiva ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi.

[…]

(23)      F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta […] età […] tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. […]”

4        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-iskop li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tiġġieled kontra diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]”

7        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

8        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

[…]

ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

 Iddritt Taljan

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 165/1997

9        B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tad-decreto legislativo n. 165 –Attuazione delle deleghe conferite dall’articolo 2, comma 23, della legge 8 agosto 1995, n. 335, e dall’articolo 1, commi 97, lettera g), e 99, della legge 23 dicembre 1996, n. 662, in materia di armonizzazione al regime previdenziale generale dei trattamenti pensionistici del personale militare, delle Forze di polizia e del Corpo nazionale dei vigili del fuoco, nonchè del personale non contrattualizzato del pubblico impiego (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 dwar l-implimentazzjoni tad-delegi stabbiliti fl-Artikolu 2(23) tal-Liġi Nru 335 tat‑8 ta’ Awwissu 1995 u fil-punt g tal-Artikolu 1(97) u (99) tal-Liġi Nru 662 tat‑23 ta’ Diċembru 1996 dwar l-armonizzazzjoni mas-sistema ġenerali ta’ sigurtà soċjali tat-trattamenti tal-irtirar tal-persunal militari, tal-forza tal-pulizija u tal-Korp Nazzjonali tal-Pumpiera, kif ukoll tal-membri tal-persunal mhux kuntrattwali) tat‑30 ta’ April 1997 (GURI Nru 139, tas‑17 ta’ Ġunju 1997), l-età limitu li meta tinqabeż il-persunal tal-pulizija tal-Istat jirtira hija ta’ 61 sena.

 Il-Liġi Nru 127/1997

10      Ir-regoli ġenerali dwar l-età fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet pubbliċi huma previsti fl-Artikolu 3(6) tal-legge n. 127 – Misure urgenti per lo snellimento dell’attività amministrativa e dei procedimenti di decisione e di controllo (il-Liġi Nru 127 dwar Miżuri Urġenti ta’ Razzjonalizzazzjoni tal-Attività Amministrattiva u tal-Proċeduri ta’ Deċiżjoni u ta’ Kontroll) tal‑15 ta’ Mejju 1997 (GURI Nru 113, tas‑17 ta’ Mejju 1997 — suppliment ordinarju għall-GURI Nru 98), li jipprovdi li “[i]l-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-amministrazzjoni pubblika ma tistax tkun suġġetta għal limitu ta’ età, bl-eċċezzjoni tad-derogi previsti mil-leġiżlazzjoni elaborata minn kull amministrazzjoni abbażi tan-natura tas-servizz jew tal-bżonnijiet oġġettivi tal-amministrazzjoni kkonċernata.”

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 334/2000

11      Il-funzjonijiet ta’ Kummissarju tal-pulizija huma rregolati mid-decreto legislativo n. 334 – Riordino dei ruoli del personale direttivo e dirigente della Polizia di Stato, a norma dell’ articolo 5, comma 1, della legge 31 marzo 2000 n. 78, (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 334 – Riorganizzazzjoni tal-funzjonijiet tal-persunal eżekuttiv u ta’ direzzjoni tal-pulizija tal-Istat, skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi Nru 78 tal‑31 ta’ Marzu 2000), tal‑5 ta’ Ottubru 2000 (GURI Nru 271, tal‑20 ta’ Novembru 2000 — suppliment ordinarju għall-GURI, Nru 190, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000”).

12      L-Artikolu 2(2) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jiddeskrivi l-funzjonijiet ta’ Kummissarju tal-pulizija kif ġej:

“Dawk li jappartjenu għall-karriera tal-uffiċjali sal-grad ta’ kummissarji prinċipali għandhom l-istatus ta’ uffiċjal tas-sigurtà pubblika u ta’ uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja. Huma jeżerċitaw, skont il-grad li huma jokkupaw, funzjonijiet inerenti għall-missjonijiet istituzzjonali tal-pulizija tal-Istat u tal-Amministrazzjoni tas-sigurtà pubblika, bl-awtonomija deċiżjonali u l-kontribuzzjoni professjonali korrispondenti. Huma għandhom jiżguraw ukoll it-taħriġ tal-impjegati u jwettqu, skont il-kompetenza professjonali tagħhom, kompiti edukattivi u ta’ taħriġ għall-persunal tal-pulizija tal-Istat. Dawn il-membri tal-persunal huma l-kollaboraturi diretti ta’ dawk li jaqgħu taħt il-grad superjuri tal-istess karriera u jissostitwixxu lil dawn tal-aħħar fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ tmexxija tal-uffiċċji u tas-servizzi fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment. Jekk huma jkollhom responsabbiltà korrispondenti, anki meta jkollhom jissostitwixxu l-persuna responsabbli għall-kummissarjati kkollokati ta’ sigurtà pubblika, il-Kummissarji prinċipali jeżerċitaw ukoll il-funzjonijiet ta’ awtorità lokali ta’ sigurtà pubblika. L-imsemmija membri tal-persunal jeżerċitaw ukoll, billi jassumu r-responsabbiltà sħiħa għall-ordnijiet mogħtija u għar-riżultati miksuba, funzjonijiet ta’ ġestjoni tal-uffiċċji u servizzi li ma humiex irriżervati għall-persunal fi grad għoli, kif ukoll funzjonijiet ta’ orjentazzjoni u ta’ koordinazzjoni ta’ diversi unitajiet organiċi tal-uffiċċju li huma assenjati lilu. […]”

13      Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, “[i]l-limitu tal-età għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni kkonċernata, li ma jistax jaqbeż it-30 sena, huwa stabbilit mir-Regolament adottat skont l-Artikolu 3(6) tal-Liġi Nru 127 tal‑15 ta’ Mejju 1997, bla ħsara għad-derogi previsti mir-regolament imsemmi iktar ’il fuq”.

14      L-Artikolu 3(3) tal-istess digriet leġiżlattiv jipprovdi li regolament tal-Ministru għall-Intern jistabbilixxi “l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tat-testijiet ta’ kundizzjoni fiżika, ir-rekwiżiti ta’ kapaċità fiżika, mentali u ta’ kapaċità kif ukoll il-modalitajiet tal-evalwazzjoni tagħhom”.

15      Skont l-Artikolu 3(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000, “20 % tal-postijiet disponibbli għall-aċċess għall-grad ta’ Kummissarju huma rriżervati għall-aġenti tal-pulizija tal-Istat li għandhom diploma fid-dritt meħtieġa li ma għandhomx iktar minn 40 sena”.

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 103/2018

16      Ir-regolament imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 huwa d-decreto ministeriale n. 103 – Regolamento recante norme per l’individuazione dei limiti di età per la partecipazione ai concorsi pubblici per l’accesso a ruoli e carriere del personale della Polizia di Stato (id-Digriet Ministerjali Nru 103 – Regolament li jistabbilixxi r-regoli għall-iffissar tal-limiti ta’ età previsti għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet pubbliċi għall-aċċess għall-funzjonijiet u l-karrieri tal-persunal tal-pulizija tal-Istat), tat‑13 ta’ Lulju 2018 (GURI Nru 208, tas‑7 ta’ Settembru 2018, iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 103/2018”), adottat mill-Ministeru għall-Intern u li l-Artikolu 3(1) tiegħu jipprovdi:

“Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni pubblika ta’ aċċess għall-funzjonijiet ta’ Kummissarju u ta’ direttur tekniku tal-pulizija tal-Istat hija suġġetta għal limitu ta’ età massima ta’ 30 sena.”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

17      Fit‑2 ta’ Diċembru 2019, il-Ministeru għall-Intern organizza kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet bil-għan li jimtlew 120 pożizzjoni ta’ Kummissarju tal-pulizija tal-Istat. Fost il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ eliġibbiltà għal din il-kompetizzjoni, is-sejħa għal kandidaturi kienet tindika, skont id-Digriet Ministerjali Nru 103/2018, li l-kandidati kellhom ikunu laħqu l-età ta’ 18-il sena u li ma kinux laħqu l-età ta’ 30 sena, bla ħsara għal ċerti każijiet partikolari.

18      VT ipprova jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-imsemmija kompetizzjoni skont il-proċedura diġitali applikabbli. Madankollu, l-applikazzjoni informatika prevista għal dan il-għan żammitu milli jippreżenta din il-kandidatura, minħabba l-fatt li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni tal-età msemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, peress li twieled matul is-sena 1988, huwa kien diġà laħaq l-età ta’ 30 sena u ma kien jaqa’ fl-ebda wieħed mill-każijiet partikolari li fihom ġie rrilevat tali limitu fl-età.

19      Għaldaqstant, VT ippreżenta rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja) kontra s-sejħa għal kandidaturi, id-Digriet Ministerjali Nru 103/2018 u d-deċiżjoni impliċita ta’ nuqqas ta’ ammissjoni tal-applikazzjoni tiegħu għall-istess kompetizzjoni.

20      Skont miżura provviżorja adottata minn din il-qorti, VT tħalla jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni, u sussegwentement għadda mill-eżamijiet ta’ preselezzjoni.

21      Madankollu, permezz tas-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Marzu 2020, l-imsemmija qorti ċaħdet ir-rikors ta’ VT, minħabba li l-limitu tal-età msemmi fil-punt 17 ta’ din is-sentenza kien jikkostitwixxi “restrizzjoni raġonevoli” u li, f’dan ir-rigward, ma kienx imur kontra la l-Costituzione della Repubblica Italiana (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana), u lanqas kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, b’mod partikolari abbażi tal-età, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78.

22      VT appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), fejn sostna li r-regoli li jistabbilixxu l-limitu tal-età kkonċernat imorru kontra kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana u dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Taljan.

23      Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, VT invoka l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, tal-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 10 TFUE. Huwa sostna li l-iffissar ta’ età massima ta’ 30 sena għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni irraġonevoli. Il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tas-sejħa għal kandidaturi kkonċernati jipprevedu limitu ta’ età ogħla għal ċerti kategoriji ta’ kandidati huwa saħansitra iktar irraġonevoli. Fil-fatt, din is-sejħa għal kandidaturi tipprevedi li l-età massima “hija suġġetta għal massimu ta’ tliet snin, skont is-servizz militari effettivament imwettaq mill-kandidat”, li “[h]uwa injorat il-limitu tal-età għall-persunal tal-pulizija tal-Istat” u li, “[g]ħal dawk li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan l-Amministrazzjoni Ċivili tal-Intern, il-limitu tal-età għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni huwa stabbilit għal 35 sena”.

24      Il-Ministeru għall-Intern talab li l-appell ippreżentat minn VT jiġi miċħud.

25      Il-qorti tar-rinviju tqis li, f’dan il-każ, din hija diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, li ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-Artikoli 4 u 6 tagħha.

26      F’dan ir-rigward, din il-qorti tafferma li jirriżulta b’mod evidenti mill-qari tal-Artikolu 2(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 li l-funzjonijiet ta’ Kummissarju tal-pulizija huma essenzjalment funzjonijiet ta’ tmexxija u ta’ natura amministrattiva. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ma jipprovdux li huma essenzjali funzjonijiet operattivi ta’ eżekuzzjoni li, bħala tali, jeħtieġu kapaċitajiet fiżiċi partikolarment sinjifikattivi, paragunabbli ma’ dawk meħtieġa mis-sempliċi aġent ta’ korp tal-pulizija nazzjonali, fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873).

27      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tqis li din il-kawża għandha wkoll titqabbel ma’ dik li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371), li fiha ġie kkunsidrat bħala sproporzjonat limitu ta’ età ffissat għal 30 sena għall-aċċess għall-grad ta’ sempliċi aġent, f’każ fejn il-funzjonijiet korrispondenti kienu essenzjalment ta’ natura amministrattiva, mingħajr madankollu ma ġew esklużi interventi li jeħtieġu l-użu tal-forza fiżika. Dan il-limitu fl-età għandu għalhekk iktar u iktar jitqies li huwa inadegwat f’din il-kawża, peress li l-interventi ta’ dan it-tip ma humiex relatati mal-kompiti karatteristiċi tal-kummissarji tal-pulizija.

28      Argumenti oħra jikkorroboraw ukoll in-natura sproporzjonata tal-imsemmi limitu fl-età.

29      L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kompetizzjoni kkonċernata tinkludi l-eżami tal-kundizzjoni fiżika prevista fl-Artikolu 3(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 u li l-konsegwenza għal min ma jgħaddix minn dan l-eżami hija li l-kandidat jiġi eskluż mill-kompetizzjoni. Peress li, fir-rigward tal-kummissarji tal-pulizija, rekwiżiti dwar il-kapaċitajiet fiżiċi partikolarment sinjifikattivi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873), ma humiex previsti, l-eżistenza ta’ test ta’ kundizzjoni fiżika eliminatorja għandha fi kwalunkwe każ titqies bħala suffiċjenti sabiex tiggarantixxi li l-funzjonijiet korrispondenti jkunu jistgħu jiġu eżerċitati skont il-modalitajiet rikjesti minnhom.

30      It-tieni, l-Artikolu 3(4) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, li jipprevedi kwota rriżervata għall-aġenti diġà fis-servizz li ma għandhomx iktar minn 40 sena, jikkonferma l-fatt li jkunu laħqu din l-età fid-data ta’ reġistrazzjoni għall-kompetizzjoni kkonċernata ma huwiex inkompatibbli mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Kummissarju tal-pulizija.

31      It-tielet, l-età tal-irtirar, stabbilita għal 61 sena, tippermetti fi kwalunkwe każ li jiġi żgurat tul ta’ servizz adegwat, anki għal dak li jibda l-karriera tiegħu wara li jkun laħaq l-età ta’ 30 sena.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [2000/78], l-Artikolu 3 TUE, l-Artikolu 10 TFUE, u l-Artikolu 21 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/[2000], kif emendat u kkompletat, kif ukoll fis-sorsi tad-dritt sekondarju adottati mill-Ministero dell’[I]nterno (il-Ministeru tal-Intern), li jipprevedu limitu ta’ età ta’ [30] sena għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għażla għall-pożizzjonijiet ta’ Kummissarju fil-karriera ta’ uffiċjali tal-Polizia di Stato (il-Pulizija tal-Istat)?”

 Fuq iddomanda preliminari

33      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, tal-Artikolu 3 TUE, tal-Artikolu 10 TFUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta.

34      Fir-rigward tal-Artikolu 3 TUE u tal-Artikolu 10 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Artikolu 3 TUE jillimita ruħu li jistabbilixxi l-għanijiet tal-Unjoni, spjegati minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 10 TFUE jistabbilixxi obbligi mhux għall-Istati Membri, iżda għall-Unjoni. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ artikoli ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-eżami tad-domanda magħmula f’din il-kawża.

35      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iffissar ta’ limitu massimu ta’ età għal 30 sena għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija.

36      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età hija inkluża fl-Artikolu 21 tal-Karta u li din il-projbizzjoni ġiet ikkonkretizzata mid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero della Giustizia (Nutara), C‑914/19, EU:C:2021:430, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għalhekk, qabelxejn, għandu jiġi vverifikat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

38      F’dan ir-rigward, billi jipprovdi li l-persuni li jkunu laħqu l-età ta’ 30 sena ma jistgħux jipparteċipaw f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija tal-Istat, l-Artikolu 3(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ ta’ dawn il-ħaddiema. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni ta’ din in-natura għandha titqies li tistabbilixxi regoli fil-qasam ta’ aċċess għall-impjieg fis-settur pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 30, u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 25).

39      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

40      Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tagħha, diskriminazzjoni diretta tirriżulta ladarba persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 28).

41      F’dan il-każ, il-kundizzjoni tal-età prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Digriet 334/2000 għandha l-effett li tagħti lil ċerti persuni trattament inqas favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu persuni oħrajn f’sitwazzjonijiet paragunabbli, għas-sempliċi raġuni li huma jkunu laħqu t-30 sena.

42      Għaldaqstant, kif jaqblu l-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 33, u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 30).

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, fl-aħħar nett, jiġi eżaminat jekk, madankollu, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni skont l-Artikolu 4(1) jew l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

 Fuq lArtikolu 4(1) tadDirettiva 2000/78

44      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attività professjonali jew tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, il-karatteristika inkwistjoni tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenjzali u determinanti, sakemm l-għan ikun leġittimu u li r-rekwiżit ikun proprozjonat.

45      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ma huwiex il-motiv li fuqu hija bbażata d-differenza fit-trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ dan il-motiv li għandu jikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinati (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolari hija karatteristika marbuta mal-età u li l-funzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-persuni u tal-oġġetti, l-arrest u s-sorveljanza ta’ awturi ta’ fatti kriminali kif ukoll ir-ronda għal skop preventiv jistgħu jeżiġu l-użu tal-forza fiżika. In-natura ta’ dawn il-funzjonijiet timplika kapaċità fiżika partikolari sa fejn in-nuqqasijiet fiżiċi waqt it-twettiq tal-imsemmija funzjonijiet jistgħu jkollhom konsegwenzi sinjifikattivi mhux biss għall-aġenti tal-pulizija stess u għal terzi, iżda wkoll għaż-żamma tal-ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 37, 39 u 40, u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punti 34 u 35).

47      Minn dan isegwi li l-fatt li wieħed ikollu l-kapaċitajiet fiżiċi partikolari sabiex ikun jista’ jissodisfa l-missjonijiet tal-pulizija bħal dawk li jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni u tal-oġġetti, li jiżguraw l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ kulħadd u li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini, jista’ jitqies bħala rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent tal-pulizija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 36).

48      Issa, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju ssostni li mill-Artikolu 2(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 jirriżulta li l-funzjonijiet ta’ Kummissarju tal-pulizija huma essenzjalment funzjonijiet ta’ tmexxija u ta’ natura amministrattiva. Il-funzjonijiet operattivi u ta’ eżekuzzjoni li jeħtieġu kapaċitajiet fiżiċi partikolarment sinjifikattivi ma humiex essenzjali għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ Kummissarju tal-pulizija u l-interventi li jeħtieġu l-użu tas-saħħa fiżika huma estranji għall-kompiti karatteristiċi tal-kummissarji tal-pulizija.

49      Tali konstatazzjoni hija madankollu kkontestata mill-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

50      Skont dan il-gvern, l-Artikolu 2(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 jipprevedi li l-aġenti bħall-kummissarji tal-pulizija huma uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja li jeżerċitaw funzjonijiet inerenti għas-servizzi kollha tal-pulizija tal-Istat, inklużi funzjonijiet operattivi relatati mal-protezzjoni tal-persuni u tal-oġġetti, li jistgħu jimplikaw l-użu ta’ mezzi ta’ restrizzjoni fiżika. Barra minn hekk, il-kwalifika ta’ uffiċjali tas-sigurtà pubblika timplika l-impjieg fis-servizzi ta’ ordni pubbliku, b’mod partikolari f’dipartimenti esterni intiżi sabiex jiżguraw l-iżvolġiment tajjeb tal-manifestazzjonijiet u jistgħu jeżiġu effikaċja fiżika massima. Is-sempliċi possibbiltà li Kummissarju tal-pulizija jsib ruħu f’sitwazzjonijiet riskjużi hija biżżejjed sabiex tiġġustifika li jiġi impost rekwiżit ta’ saħħa fiżika, marbut mal-età.

51      Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li għandha tiddetermina liema huma l-funzjonijiet effettivament eżerċitati mill-kummissarji tal-pulizija tal-Istat u, fid-dawl tagħhom, li tistabbilixxi jekk il-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari huwiex rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

52      F’dan ir-rigward, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet effettivament eżerċitati b’mod abitwali mill-kummissarji fit-twettiq tal-kompiti ordinarji tagħhom. Il-fatt li, wara li jkunu għaddew minn kompetizzjoni, jista’ jkun meħtieġ li ċerti kummissarji, skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-post li fih jiġu konkretament assenjati, jkollhom kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ ċertament jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għażla tal-persuna li għandha tokkupa din il-pożizzjoni. Madankollu, dan ma jistax jiġġustifika l-iffissar ta’ limitu fl-età għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni ta’ portata ġenerali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53      Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fid-dawl tal-funzjonijiet effettivament eżerċitati b’mod abitwali mill-kummissarji tal-pulizija tal-Istat, il-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari ma huwiex rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, hija jkollha tikkonkludi li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, tipprekludi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

54      Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fid-dawl ta’ dawn il-funzjonijiet, il-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari huwa rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, hija jkollha tivverifika wkoll li l-limitu tal-età kkonċernat għandu għan leġittimu u li huwa proporzjonat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

55      Fir-rigward, minn naħa, tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan isostni li, billi tiffissa limitu ta’ età għal 30 sena għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija, din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tiżgura n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija.

56      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tħassib li tiġi żgurata n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizzi tal-pulizija jikkostitwixxi għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 (sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 44, u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 38).

57      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tan-natura proporzjonata ta’ din il-leġiżlazzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78, huwa f’“ċirkostanzi limitati ħafna” li differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata meta karatteristika marbuta, b’mod partikolari, mal-età tkun tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti. Barra minn hekk, sa fejn jippermetti li ssir deroga mill-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873, punti 41, 48 u 50), li leġiżlazzjoni li tipprevedi l-iffissar ta’ limitu massimu ta’ età għal 35 sena għall-kandidati għall-pożizzjonijiet ta’ aġenti tal-ewwel grad ta’ korp tal-pulizija li jwettqu l-funzjonijiet operattivi jew eżekuttivi kollha imposti fuqu tista’, bħala prinċipju, titqies li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għan imsemmi fil-punt 56 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dawn il-funzjonijiet jistgħu jimplikaw l-użu tal-forza fiżika kif ukoll it-twettiq ta’ missjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ intervent diffiċli, jekk mhux estremi.

59      B’mod komparabbli, fis-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punti 41 sa 44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm natura proporzjonata ta’ miżura li tikkonsisti fl-iffissar ta’ 30 sena l-limitu ta’ età massima għar-reklutaġġ fil-kuntest tal-impjieg tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri, wara li kkonstatat, abbażi tad-data xjentifika li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, li ċerti kompiti fdati lill-membri ta’ dan is-servizz, bħat-tifi tan-nar, kienu jeħtieġu kapaċitajiet fiżiċi eċċezzjonalment għolja u li ftit uffiċjali li kellhom iktar minn 45 sena għandhom il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw tali attività.

60      Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 54 u 57), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tistabbilixxi għal 30 sena l-limitu tal-età massima għar-reklutaġġ tal-aġenti ta’ pulizija lokali kienet timponi rekwiżit sproporzjonat, wara li rrilevat, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati minn dawn l-aġenti, li jinkludu b’mod partikolari l-assistenza liċ-ċittadini, il-protezzjoni tal-persuni u tal-oġġetti, l-arrest u s-sorveljanza tal-awturi ta’ fatti kriminali, ir-rondi preventivi u r-regolazzjoni taċ-ċirkolazzjoni, il-kapaċitajiet li huma għandu jkollhom ma kinux dejjem paragunabbli mal-kapaċitajiet fiżiċi eċċezzjonalment għolja meħtieġa sistematikament mill-pompiera.

61      Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, billi tiffissa l-limitu ta’ età massima għal 30 sena għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali imponietx rekwiżit proporzjonat, il-qorti tar-rinviju għandha, l-ewwel, tivverifika jekk il-funzjonijiet effettivament eżerċitati minn dawn il-kummissarji tal-pulizija humiex essenzjalment funzjonijiet operattivi jew eżekuttivi li jirrikjedu kapaċitajiet fiżiċi eċċezzjonalment għolja. Fil-fatt, huwa biss f’din l-aħħar ipoteżi li dan il-limitu tal-età massima jista’ jitqies li huwa proporzjonat. Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li jirriżulta li l-kummissarji tal-pulizija tal-Istat ma jeżerċitawx tali funzjonijiet.

62      Barra minn hekk, għall-finijiet tal-analiżi tal-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa rilevanti wkoll il-fatt, imqajjem mill-qorti tar-rinviju, li l-eżami fiżiku eliminatorju previst fil-kuntest tal-kompetizzjoni kkonċernata jista’ jikkostitwixxi miżura adegwata u inqas restrittiva mill-iffissar tal-limitu massimu tal-età għal 30 sena.

63      Il-Gvern Taljan jinvoka n-neċessità li titnaqqas il-medja ta’ età fi ħdan il-pulizija, fil-futur, fid-dawl ta’ riorganizzazzjoni ġenerali tal-istruttura globali ta’ aċċess għall-pulizija tal-Istat.

64      F’dan ir-rigward, fis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo (C‑258/15, EU:C:2016:873, punti 44 u 47), fid-dawl ta’ data preċiża pprovduta lilha u li setgħet tħalli preokkupazzjoni ta’ xjuħija massiva tal-persunal tal-korp tal-pulizija inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid piramida sodisfaċenti tal-etajiet, il-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari ma kellux jiġi kkunsidrat b’mod statiku, fil-kuntest tal-eżamijiet tal-kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, iżda b’mod dinamiku, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ servizz li jitwettqu mill-aġent wara li jiġi rreklutat.

65      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, din kienet kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ aġenti tal-ewwel grad li ma jeżerċitawx funzjonijiet amministrattivi, iżda li jeżerċitaw essenzjalment funzjonijiet operattivi jew eżekuttivi.

66      Għalhekk, it-tieni, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika fid-dawl tal-proċess li hija għandha jew ta’ eventwali informazzjoni li hija tista’ tikseb mingħand l-awtoritajiet nazzjonali, jekk eventwali stabbiliment mill-ġdid ta’ piramida ta’ etajiet sodisfaċenti fi ħdan il-pulizija tal-Istat jistax jiġġustifika l-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, minn naħa, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-medja tal-età tal-persunal kopert mill-kompetizzjoni kkonċernata, jiġifieri l-kummissarji tal-pulizija tal-Istat, u mhux dik tal-persunal kollu tal-pulizija tal-Istat. Min-naħa l-oħra, tali verifika tkun rilevanti biss sa fejn l-imsemmija qorti tikkonstata li l-funzjonijiet effettivament eżerċitati b’mod abitwali minn dawn il-kummissarji tal-pulizija jirrikjedu l-pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari, li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ tali kalibrazzjoni mill-ġdid tal-piramida tal-etajiet.

67      Fl-assenza ta’ tali neċessità, l-eżistenza ta’ test fiżiku eliminatorju fil-kuntest tal-kompetizzjoni kkonċernata tikkostitwixxi effettivament miżura adegwata u inqas restrittiva mill-iffissar ta’ limitu ta’ età massimu ta’ 30 sena bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

68      Barra minn hekk, skont l-istess qorti, il-fatt li l-Artikolu 3(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 jipprevedi kwota rriżervata għall-aġenti diġà fis-servizz li ma għandhomx iktar minn 40 sena jippermetti li jiġi ddikjarat li jkunu laħqu din l-età fid-data ta’ reġistrazzjoni għall-kompetizzjoni ma huwiex inkompatibbli mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Kummissarju tal-pulizija u, konsegwentement, li l-limitu tal-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa sproporzjonat. Bl-istess mod, VT jenfasizza li dan il-limitu tal-età huwa miżjud sa tliet snin għall-kandidati li wettqu s-servizz militari, imħassar għall-persunal tal-pulizija tal-Istat u stabbilit għal 35 sena għall-persunal tal-amministrazzjoni ċivili tal-Ministeru għall-Intern.

69      Il-Gvern Taljan isostni li l-kwota msemmija fil-punt preċedenti hija intiża sabiex iżżomm il-kompetenzi miksuba minn persuni li diġà huma mħarrġa għas-servizz tal-pulizija jew għal servizzi utli għall-funzjoni ta’ Kummissarju tal-pulizija.

70      Madankollu, l-eżistenza ta’ din id-deroga kif ukoll ta’ dawk imressqa minn VT jikkorroboraw in-natura sproporzjonata tal-limitu ta’ età inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, leġiżlazzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Tartu Vangla, C‑795/19, EU:C:2021:606, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Konsegwentement, bla ħsara għal verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jidher li, sa fejn il-funzjonijiet effettivament eżerċitati mill-kummissarji tal-pulizija tal-Istat jirrikjedu kapaċitajiet fiżiċi partikolari, l-iffissar tal-limitu massimu tal-età għal 30 sena previst fl-Artikolu 3(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 jikkostitwixxi rekwiżit sproporzjonat, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

 Fuq lArtikolu 6(1) tadDirettiva 2000/78

72      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata biss jekk din id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 4(1) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 49).

73      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li trattament differenti abbażi tal-età jikkostitwixxi diskriminazzjoni biss meta hu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, b’għan leġittimu relatat, b’mod partikolari, mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol u mat-taħriġ professjonali u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu xierqa u neċessarji. Il-punt ċ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li dawn id-differenzi fit-trattament differenti jistgħu b’mod partikolari jinkludu “l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar”.

74      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni dwar l-età massima ta’ 30 sena għall-parteċipazzjoni għal kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ tal-kummissarji tal-pulizija, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000, hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, u jekk il-mezzi implimentati sabiex jintlaħaq dan l-għan humiex xierqa u neċessarji.

75      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tindika liema huwa l-għan li hija trid tilħaq. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi dedott li nuqqas ta’ preċiżazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fir-rigward tal-għan imfittex, għandu l-effett li jeskludi awtomatikament li din tal-aħħar tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huwa importanti li elementi oħra misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li fuqu tkun ibbażata din tal-aħħar għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha kif ukoll fir-rigward tan-natura xierqa u neċessarja tal-mezzi implimentati sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Barra minn hekk, l-għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 u li, konsegwentement, xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età, huma għanijiet ta’ politika soċjali (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et, C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77      Sa fejn il-limitu fl-età stabbilit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jitqies li huwa bbażat fuq it-taħriġ meħtieġ għall-pożizzjoni kkonċernata jew fuq in-neċessità ta’ perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar, fis-sens tal-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, hija tista’ tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk dan huwa “objettivament u raġonevolment iġġustifikat, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punti 64 u 65).

78      Issa, anki f’tali ipoteżi, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-mezzi implimentati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji.

79      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-limitu fl-età inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa xieraq u neċessarju fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat it-taħriġ tal-kummissarji tal-pulizija.

80      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan li jiġi żgurat perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-età tal-irtirar tal-persunal tal-pulizija tal-Istat hija ffissata għal 61 sena.

81      Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi għal 30 sena l-età massima għall-parteċipazzjoni għal kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija ma tistax, bħala prinċipju, titqies neċessarja sabiex tiżgura lill-kummissarji kkonċernati perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar, fis-sens tal-punt ċ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez, C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 72), b’mod partikolari jekk il-qorti tar-rinviju tikkonferma, wara l-eżami tal-elementi kollha rilevanti, li l-funzjonijiet tal-kummissarji tal-pulizija ma jinkludux essenzjalment funzjonijiet eżiġenti fuq il-livell fiżiku li kummissarji tal-pulizija rreklutati f’età iktar avvanzata ma humiex kapaċi jwettqu għat tul ta’ ħim twil biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 43, u tal‑15 ta’ Novembru 2016, Salaberria Sorondo, C‑258/15, EU:C:2016:873, punt 46).

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-konferma mill-qorti tar-rinviju, id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn dispożizzjoni bħall-Artikolu 3(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 334/2000 ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-punt ċ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

83      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iffissar ta’ limitu ta’ età massima għal 30 sena għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija, sa fejn il-funzjonijiet effettivament eżerċitati minn dawn il-kummissarji tal-pulizija ma jeżiġux kapaċitajiet fiżiċi partikolari jew, jekk tali kapaċitajiet fiżiċi huma meħtieġa, jirriżulta li tali leġiżlazzjoni, filwaqt li għandha għan leġittimu, timponi rekwiżit sproporzjonat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Dwar lispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(2), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iffissar ta’ limitu ta’ età massima għal 30 sena għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ kummissarji tal-pulizija, sa fejn il-funzjonijiet effettivament eżerċitati minn dawn il-kummissarji tal-pulizija ma jeżiġux kapaċitajiet fiżiċi partikolari jew, jekk tali kapaċitajiet fiżiċi huma meħtieġa, jirriżulta li tali leġiżlazzjoni, filwaqt li għandha għan leġittimu, timponi rekwiżit sproporzjonat, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.