Language of document : ECLI:EU:C:2022:756

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2022 (1)

Kawża C300/21

UI

vs

Österreichische Post AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Dannu morali li jirriżulta minn ipproċessar illegali ta’ data – Rekwiżiti tad-dritt għal kumpens – Danni li jaqbżu ċertu limitu ta’ gravità”






1.        Ir-Regolament (UE) 2016/679 (2) jagħti lil kull min ġarrab danni materjali jew mhux materjali bħala konsegwenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu d-dritt li jirċievi kumpens mingħand il-kontrollur jew il-proċessur.

2.        Il-possibbiltà li dan id-dritt jiġi invokat quddiem qorti kienet diġà teżisti fil-leġiżlazzjoni preċedenti (Artikolu 23 tad-Direttiva 95/46/KE) (3), għalkemm din rarament ġiet eżerċitata (4). Sakemm mhux sejjer żbaljat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx dan l-artikolu.

3.        Taħt l-awspiċji tal-GDPR, l-azzjonijiet għal kumpens kisbu prominenza (5). Iż-żieda tagħhom hija perċettibbli fil-qrati tal-Istati Membri u hija riflessa fir-rinviji korrelattivi għal deċiżjoni preliminari (6). Fil-kawża inkwistjoni, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddettalja xi punti komuni tal-iskema ta’ responsabbiltà ċivili introdotta mill-GDPR.

I.      Ilkuntest ġuridiku. IlGDPR

4.        Għal din il-kawża, huma rilevanti, b’mod partikolari, il-premessi fil-preambolu tal-GDPR enumerati 75, 85 u 146.

5.        L-Artikolu 6 (“Legalità tal-ipproċessar”) huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]”

6.        L-Artikolu 79 (“Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”) jistabbilixxi, fil-paragrafu (1) tiegħu, li:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament”.

7.        L-Artikolu 82 (“Dritt għal kumpens u responsabbiltà”) jindika, fil-paragrafu (1) tiegħu, li:

“Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab”.

II.    Ilfatti, ilkawża u ddomandi preliminari

8.        Mill‑2017, Österreichische Post AG, kumpannija pubblikatriċi ta’ direttorji, ġabret informazzjoni dwar l-affinitajiet tal-popolazzjoni Awstrijaka dwar partiti politiċi. Bl-għajnuna ta’ algoritmu, hija kienet tiddefinixxi l-“indirizzi tal-gruppi fil-mira” skont ċerti karatteristiċi soċjodemografiċi.

9.        UI huwa persuna fiżika li fil-konfront tagħha Österreichische Post għamlet estrapolazzjoni, abbażi ta’ kalkolu statistiku, sabiex tiddetermina l-klassifikazzjoni tagħha fl-eventwali gruppi fil-mira ta’ reklamar elettorali għal diversi partiti politiċi. Minn din l-estrapolazzjoni rriżulta li UI kellu affinità qawwija ma’ wieħed minnhom. Din id-data ma ġietx ittrasferita lil terzi.

10.      UI, li ma kienx ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu, ħass skuntentizza minħabba ż-żamma ta’ din id-data dwar is-simpatiji tiegħu għal partiti politiċi, u indinjat u offiż mill-affinità attribwita lilu, b’mod konkret, minn Österreichische Post.

11.      UI talab kumpens ta’ EUR 1 000 bħala danni mhux materjali (skumdità interna). Huwa jsostni li l-affinità politika attribwita lilu hija insult u imbarazzanti, u barra minn hekk għamlet ħsara lir-reputazzjoni tajba tiegħu. Huwa jżid li l-aġir ta’ Österreichische Post ikkawżalu skuntentizza kbira u telf ta’ fiduċja, kif ukoll sentiment ta’ espożizzjoni pubblika.

12.      Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet it-talba għal kumpens ta’ UI (7).

13.      Il-qorti tal-appell ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza. Hija sostniet li kumpens għal danni mhux materjali ma jmurx awtomatikament id f’id ma’ kull ksur tal-GDPR u li:

–        –      Peress li d-dritt Awstrijak huwa applikabbli bħala suppliment għall-GDPR, jistgħu jiġu kkumpensati biss id-danni li jmorru lil hinn mill-iskuntentizza personali jew mis-sentimenti (“Gefühlsschaden”) kkawżati minħabba l-ksur tad-drittijiet tar-rikorrent.

–        –      Għandu jiġi rrispettat il-prinċipju, sottostanti għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, li kulħadd għandu jissapporti sempliċi skumdità u s-sempliċi sentimenti ta’ dispjaċir, li ma għandhom l-ebda konsegwenza f’termini ta’ kumpens. Fi kliem ieħor, id-dritt għal kumpens jirrikjedi ċerta rilevanza tad-danni allegati.

14.      Is-sentenza tal-qorti tal-appell ġiet appellata quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-għoti ta’ kumpens taħt l-Artikolu 82 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data […] jeżiġi, minbarra ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, li r-rikorrent ikun sofra dannu, jew il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa suffiċjenti minnu nnifsu għall-għoti ta’ kumpens?

2)      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kumpens, jeżistu, minbarra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni?

3)      Il-pożizzjoni skont liema l-għoti ta’ kumpens għal dannu morali jippreżupponi l-eżistenza ta’ konsegwenza jew effett tal-ksur tad-dritt li għandhom ta’ mill-inqas ċertu piż u li jmorru lil hinn minn skuntentizza kkawżata mill-ksur tad-dritt hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?”

III. Ilproċedura

15.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Mejju 2021.

16.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn UI, minn Österreichische Post, mill-Gvern Awstrijak, Ċek, Irlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Iż-żamma ta’ seduta ma ġietx ikkunsidrata bħala neċessarja.

IV.    Analiżi

A.      Preliminari

1.      Ammissibbiltà

17.      UI jsostni li l-ewwel domanda preliminari ma hijiex rilevanti għall-kawża, billi t-talba tiegħu ma kinitx ibbażata fuq “sempliċi” ksur ta’ regola tal-GDPR, iżda fuq il-konsegwenzi jew l-effetti tagħha.

18.      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda. Anki li kieku kien aċċettat li l-ipproċessar tad-data kiser il-GDPR mingħajr ħsara għal UI, dan tal-aħħar jista’ jkun intitolat għal kumpens skont l-Artikolu 82 tal-GDPR, jekk, bħalma l-qorti tar-rinviju tistaqsi, jiġi kkonfermat li s-sempliċi ksur ta’ regola dwar l-ipproċessar joħloq tali dritt.

19.      Skont UI, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll issib li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli, billi hija miftuħa ħafna fil-kontenut tagħha u eċċessivament limitata f’dak li jirrigwarda l-eżiġenzi tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma tissemma waħda b’mod partikolari.

20.      Lanqas din l-eċċezzjoni, għalkemm iktar fondata minn dik preċedenti, ma tista’ tintlaqa’. Huwa leġittimu li qorti tistaqsi jekk, apparti l-fatt li tikkonforma ruħha mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandhiex tevalwa rekwiżiti oħra imposti mid-dritt tal-Unjoni sabiex tevalwa d-dannu.

2.      Delimitazzjoni tassuġġett ta’ dawn ilkonklużjonijiet

21.      L-Artikolu 82 tal-GDPR jinkludi sitt paragrafi. Il-qorti tar-rinviju ma tagħmel riferiment għall-ebda wieħed partikolari, iżda impliċitament tagħmel riferiment għall-ewwel wieħed. Hija lanqas ma tispeċifika r-regola li l-ksur tagħha jagħti lok għal kumpens.

22.      Il-konklużjonijiet tiegħi ser ikunu bbażati fuq dawn il-premessi:

–        –      L-ipproċessar tad-data personali ta’ UI twettaq mingħajr ma ntalab il-kunsens tiegħu skont l-Artikolu 6(1)(a) tal-GDPR.

–        –      Kull persuna li tkun ġarrbet danni għandha d-dritt għal kumpens. F’din il-kawża, UI, bħala persuna fiżika identifikata u affettwata mill-ipproċessar, hija “suġġett tad-data” (8).

–        –      Il-GDPR jipprevedi kumpens għal danni materjali u mhux materjali. L-ilment ta’ UI huwa limitat għal dawn tal-aħħar u għandu kontenut pekunjarju.

B.      Lewwel domanda preliminari

23.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-qosor, jekk is-sempliċi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jagħtix dritt għal kumpens, kemm jekk ikun seħħ dannu kif ukoll jekk ma jkunx.

24.      Mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li d-domanda tista’ tiġi interpretata mod ieħor, li huwa ftit iktar kumpless: jiġifieri li jiġi ddeterminat jekk il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jipproduċix neċessarjament dannu li joħloq id-dritt għal kumpens, mingħajr il-possibbiltà li l-konvenut jipproduċi prova kuntrarja.

25.      Hemm ċerta differenza (teoretika) bejn dawn iż-żewġ approċċi: fl-ewwel wieħed, id-dannu ma huwiex prerekwiżit għall-kumpens; iżda fit-tieni wieħed, dan huwa fil-fatt prerekwiżit għall-kumpens. Fil-prattika, l-eżiġenza li r-rikorrent jipproduċi prova tad-dannu tisparixxi fiż-żewġ każijiet; u lanqas ma għandu jipproduċi prova tar-rabta kawżali bejn il-ksur u dan id-dannu (9).

26.      Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi, l-ebda waħda miż-żewġ interpretazzjonijiet tal-ewwel domanda ma ħaqqha risposta fl-affermattiv. Ser nagħmel riferiment għalihom it-tnejn b’mod separat.

1.      Kumpens mingħajr dannu?

27.      Li jiġi sostnut li hemm dritt għal kumpens, anki jekk il-ksur tal-GDPR ma jirriżultax f’dannu lis-suġġett tad-data, iqajjem diffikultajiet evidenti, li jibdew minn dik dwar il-formulazzjoni tal-Artikolu 82(1) ta’ dan ir-regolament.

28.      Skont din id-dispożizzjoni, il-kumpens (10) jingħata preċiżament għaliex ikun hemm dannu preċedenti. Għalhekk, huwa meħtieġ, b’mod inekwivoku, li l-persuna fiżika tkun ġarrbet dannu jew preġudizzju bħala konsegwenza ta’ ksur tal-GDPR.

29.      L-interpretazzjoni li tassoċja, b’mod awtomatiku, il-kunċett ta’ “ksur” ma’ dak ta’ “kumpens” mingħajr dannu, għaldaqstant, ma taqbilx mal-formulazzjoni tal-Artikolu 82 tal-GDPR. Lanqas ma taqbel mal-għan prinċipali tar-responsabbiltà ċivili stabbilit mill-GDPR, li huwa li s-suġġett tad-data jingħata sodisfazzjon, preċiżament permezz tal-kumpens “sħiħ u effettiv” tad-dannu li ġarrab (11).

30.      Fin-nuqqas tad-dannu, il-kumpens ma jibqax ikollu l-funzjoni ta’ kumpens għall-konsegwenzi avversi li l-ksur ikun ipproduċa, iżda jkun ta’ natura oħra, iktar qrib dik ta’ sanzjoni.

31.      Madankollu, huwa minnu li l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru jista’ jipprevedi l-ħlas ta’ kumpens ta’ natura punittiva (12). Dan ifisser il-kundanna għall-ħlas ta’ kwantità sostanzjali, ferm ogħla mill-kumpens strett għad-dannu.

32.      Il-kumpensi ta’ natura punittiva ġeneralment ma jneħħux il-ħtieġa tal-eżistenza minn qabel tad-dannu. Minn dan il-punt tat-tluq, huma madankollu jisseparaw il-konsegwenzi patrimonjali tagħhom mill-ammont tal-kumpens konformi ma’ dan id-dannu.

33.      Madankollu, ma huwiex inkonċepibbli li kumpens ta’ natura punittiva ma jikkunsidrax id-dannu jew jikkunsidrah irrilevanti għas-sodisfazzjon ta’ min talab il-kumpens.

34.      Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari ġġegħilni sabiex nanalizza l-kuntest ta’ dawn it-tip ta’ kumpensi previst fil-GDPR, iktar u iktar peress li d-digriet tar-rinviju, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-partijiet u tal-intervenjenti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, għamlu riferiment għalihom.

2.      Kumpens ta’ natura punittiva?

a)      Interpretazzjoni letterali

35.      Mal-funzjoni klassika tar-responsabbiltà ċivili tista’ tiżdied funzjoni oħra ta’ natura “punittiva” jew “eżemplari”, li abbażi tagħha, kif diġà ddeskrivejt, l-ammont tal-kumpens ma huwiex ekwivalenti għad-dannu mġarrab, iżda jiżdied miegħu, jew saħansitra jimmultiplikah.

36.      Bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix dawn il-kumpensi, fir-rigward tal-ksur tar-regoli tiegħu, jekk dawn jistgħu jingħataw fil-kuntest ta’ azzjonijiet simili bbażati fuq id-dritt intern (13).

37.      Il-kumpensi ta’ natura punittiva għandhom għan dissważiv. Dan l-istess għan jista’ jseħħ meta, f’każ ta’ ksur ta’ direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex “joħolqu effett dissważiv reali” (14). Ċerti direttivi jipprevedu espressament li l-kumpensi, maħsub bħala sanzjonijiet, ikun dissważivi (15).

38.      Madankollu, f’testi oħra l-leġiżlatur jiddikjara li l-għan ta’ direttiva “huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punittiva [kumpensi punittivi]” (16); jew li l-Istati Membri għandhom jevitaw dan it-tip ta’ danni fit-traspożizzjoni tagħhom (17). Fid-dritt tal-Unjoni, il-kundanna diretta tal-hekk imsejħa “danni punittivi” hija eċċezzjonali (18).

39.      Issa, il-GDPR ma jinkludi l-ebda riferiment għan-natura ta’ sanzjoni tal-kumpens għal danni materjali jew mhux materjali, jew għall-fatt li l-kalkolu tal-ammont tiegħu jirrifletti din in-natura, jew li dan il-kumpens ikun dissważiv (kwalità attribwita, għall-kuntrarju, għas-sanzjonijiet kriminali u għall-multi amministrattivi) (19). Mill-perspettiva letterali, dan għalhekk ma jippermettix kumpensi ta’ natura punittiva.

b)      Interpretazzjoni fiddawl talfatti li taw lok għallkawża

40.      L-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu bħala predeċessur tiegħu l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 95/46. Dan tal-aħħar kien parti minn sistema li kienet tafda l-effettività tagħha fuq l-infurzar pubbliku u privat (20), iżda li fiha l-kumpens (privat) u s-sanzjoni (pubblika) ma kinux sovrapposti (21). Qabelxejn, is-sorveljanza tal-infurzar tar-regoli kienet f’idejn awtoritajiet superviżorji indipendenti (22).

41.      Il-GDPR jirriproduċi dan il-mudell, iżda jsaħħaħ l-għodda utli sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet tiegħu, issa iktar iddettaljati, u tar-reazzjonijiet previsti, issa iktar intensi, fir-rigward tal-ksur jew tat-theddid ta’ ksur tiegħu:

–        –      Minn naħa, iżid il-funzjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji, li huma responsabbli, fost kompiti oħrajn, mill-impożizzjoni tas-sanzjonijiet armonizzati previsti mill-istess GDPR (23). B’hekk jenfasizza l-komponent ta’ infurzar pubbliku tar-regoli.

–        –      Min-naħa l-oħra, jipprevedi li l-individwi jassumu d-difiża tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-GDPR (24), jew billi jattivaw l-azzjoni tal-awtoritajiet superviżorji (Artikolu 77), jew billi jiftħu kawża quddiem qorti (Artikoli 79 u 82). Barra minn hekk, l-Artikolu 80 jawtorizza lil ċerti entitajiet iressqu azzjonijiet rappreżentattivi (25), li jiffaċilitaw il-protezzjoni tal-interessi ġenerali disponibbli għall-individwi (26).

42.      L-iżvilupp tas-sistema uniformi ta’ responsabbiltà ċivili għad-danni fil-GDPR kien limitat. Aspetti li setgħu kienu dubjużi taħt id-Direttiva 95/46, bħal dak tal-inklużjoni tad-danni mhux materjali fost dawk li jistgħu jiġu kkumpensati (27), malajr ġew iċċarati.  In-negozjati kienu jirrigwardaw aspetti oħra ta’ din is-sistema (28).

43.      Fil-ħidma leġiżlattiva ma sibt l-ebda diskussjoni dwar funzjoni punittiva eventwali tar-responsabbiltà ċivili msemmija fil-GDPR. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott li hija għandha post fl-Artikolu 82 tiegħu, fl-assenza ta’ kwalunkwe diskussjoni f’dan ir-rigward, inqas u inqas peress li kien hemm tali diskussjoni dwar l-inklużjoni tagħha f’testi oħra tad-dritt tal-Unjoni (29).

44.      F’dawn il-kundizzjonijiet, nifhem li l-azzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR kienet ġiet maħluqa u rregolata fis-servizz tal-funzjonijiet tipiċi tar-responsabbiltà ċivili: dik tal-kumpens tad-danni (għall-parti leża) u, fit-tieni lok, dik tal-prevenzjoni ta’ danni futuri (għal min wettaq il-ksur).

c)      Interpretazzjoni kuntestwali

45.      Kif esponejt, l-Artikolu 82 tal-GDPR jagħmel parti minn sistema ta’ garanziji tal-effettività tar-regoli li fiha l-inizjattiva privata tikkomplementa l-infurzar pubbliku tiegħu. Il-kumpens mill-kontrolluri jew il-proċessuri tad-data jikkontribwixxi għal din l-effettività.

46.      Id-dmir ta’ kumpens jopera (idealment) bħala inċentiv sabiex wieħed jaġixxi b’iktar attenzjoni fil-futur, billi josserva r-regoli u jevita danni ulterjuri. Għalhekk, billi jitlob kumpens għalih innifsu, kull individwu jikkontribwixxi għall-effikaċja ġenerali tar-regoli.

47.      F’dan il-kuntest, il-funzjoni ta’ kumpens u l-funzjoni punittiva huma separati:

–        –      Għat-tieni waħda jservu l-multi li jistgħu jimponu l-awtoritajiet superviżorji jew il-qrati (Artikolu 83(1) u (9) tal-GDPR) u sanzjonijiet oħra li l-Istati jadottaw fl-applikazzjoni tal-Artikolu 84 tal-GDPR (30).

–        –      Għall-ewwel waħda jservu t-talba tal-individwu (Artikolu 77) u l-proċeduri ġudizzjarji (Artikolu 79). Madankollu, ma humiex l-awtoritajiet superviżorji li għandhom jiddeċiedu dwar id-dritt għal kumpens.

48.      Fl-istess linja ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet ta’ kumpens u sanzjoni:

–        –      Meta timponi multa u tistabbilixxi l-ammont tagħha, l-awtorità għandha tqis il-fatturi mniżżla fl-Artikolu 83 tal-GDPR, li ma humiex previsti fl-ambitu tar-responsabbiltà ċivili u li, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu ttrasferiti għall-kalkolu tal-kumpens (31).

–        –      Jekk il-livell ta’ danni mġarrba mill-persuni kkonċernati jkun fattur fil-gradazzjoni tal-multa (32), il-kalkolu tal-ammont tagħha ma għandux għalfejn jieħu inkunsiderazzjoni l-kumpens li setgħu jirċievu (33).

49.      Minn perspettiva teoretika, interpretazzjoni li, fl-assenza ta’ kull dannu, tagħti lir-responsabbiltà ċivili l-funzjoni punittiva, toħloq ir-riskju li trendi l-mekkaniżmi ta’ kumpens bla effett bil-mekkaniżmi ta’ sanzjoni.

50.      Fil-prattika, il-faċilità li jinkiseb gwadann “punittiv” bħala kumpens tista’ twassal lis-suġġetti tad-data sabiex jippreferu din ir-rotta iktar milli dik tal-Artikolu 77 tal-GDPR. Li kieku din tiġi ġġeneralizzata, l-awtoritajiet superviżorji jiġu mċaħħda minn għodda (l-ilment tas-suġġett tad-data) sabiex isiru jafu u, għaldaqstant, jinvestigaw u jissanzjonaw ksur possibbli tal-GDPR, b’detriment għall-istrumenti l-iktar xierqa għad-difiża tal-interess ġenerali.

d)      Interpretazzjoni teleoloġika

51.      L-għanijiet tal-GDPR huma essenzjalment tnejn, u dawn diġà jissemmew fit-titolu tiegħu: a) minn naħa, “il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali tagħhom”; b) min-naħa l-oħra, li din il-protezzjoni tiġi artikolata b’mod li fl-Unjoni “[l]-moviment liberu ta’ tali data” la jiġi pprojbit u lanqas ristrett (34).

52.      Nemmen li, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-GDPR ma jeħtieġx li l-kumpens jiġi assoċjat mas-sempliċi ksur tar-regola li tirregola l-ipproċessar, billi tagħti funzjonijiet punittivi lir-responsabbiltà ċivili.

53.      Fir-rigward tal-ewwel għan, sabiex dan jintlaħaq, ma huwiex neċessarju li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 tal-GDPR jiġi estiż permezz ta’ interpretazzjoni, billi jiġu koperti każijiet li fihom ikun seħħ ksur ta’ regola, iżda mhux dannu. Minflok, din l-estensjoni tista’ taffettwa lit-tieni wieħed b’mod negattiv.

54.      Diġà enfasizzajt li l-GDPR jipprevedi diversi mekkaniżmi ta’ garanzija ta’ infurzar tar-regoli tiegħu, li jeżistu konġuntement u jikkomplementaw lil xulxin. L-Istati Membri ma għandhomx jagħżlu (fir-realtà ma jistgħux) bejn il-mekkaniżmi tal-Kapitolu VIII sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data. Fil-każ ta’ ksur li ma jikkawżax dannu, is-suġġett tad-data xorta jingħata (mill-inqas) id-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, skont l-Artikolu 77(1) tal-GDPR.

55.      Barra minn hekk, il-prospett li jinkiseb kumpens, irrispettivament minn kwalunkwe dannu, x’aktarx li jagħti lok għall-kawżi ċivili, b’talbiet li forsi mhux dejjem ikunu ġġustifikati (35) u, b’dan il-mod, jista’ jiskoraġġixxi l-attività tal-ipproċessar tad-data (36).

3.      Preżunzjoni ta’ dannu?

56.      F’uħud mill-osservazzjonijiet tal-partijiet tal-kawża ġiet proposta interpretazzjoni tal-ewwel domanda preliminari li hija differenti minn dik li eżaminajt sa issa. Jekk qiegħed nifhem sew il-pożizzjoni tagħhom (37), jidher li jiddefendu l-eżistenza ta’ preżunzjoni inkontestabbli ta’ dannu, ladarba jkun seħħ il-ksur tar-regola.

57.      Huma jżidu li dan il-ksur iwassal neċessarjament għat-telf ta’ kontroll fuq id-data, li jikkostitwixxi, fih innifsu, dannu li jista’ jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 82(1) tal-GDPR.

58.      Teoretikament, din il-preżunzjoni ma tippermettix li tiġi injorata l-ħsara, b’tali mod li jiġu osservati kemm l-istruttura tipika tar-responsabbiltà ċivili kif ukoll il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni tal-GDPR. Madankollu, fil-prattika, kemm għar-rikorrent kif ukoll għall-konvenut, l-effetti ta’ tali aċċettazzjoni jkunu simili għal dawk li jirriżultaw mill-fatt li jiġi assoċjat il-kumpens tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR mas-sempliċi ksur tar-regola.

59.      Ser nerġa’ nagħmel riferiment għall-kriterji ermenewtiċi normali sabiex nispjega għaliex din l-interpretazzjoni ma jidhirlix li hija korretta.

a)      Interpretazzjoni letterali

60.      Meta l-leġiżlatur ikkunsidra, f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, li mill-ksur ta’ regola jirriżulta awtomatikament id-dritt għal kumpens, huwa ma kellu l-ebda eżitazzjoni sabiex jistabbilixxih (38). Dan ma huwiex il-każ fil-GDPR, fejn jinsabu regoli dwar il-prova, jew li għandhom konsegwenzi diretti fuqha (39), iżda mhux rabta awtomatika, kemm jekk tkun diretta jew permezz ta’ preżunzjoni inkonfutabbli.

61.      Ir-riferimenti għall-kontroll tad-data (jew għat-telf ta’ dan il-kontroll) li jixhdu l-premessi 75 (40) u 85 (41) tal-GDPR ma jidhirlix li jikkontrobilanċjaw din l-assenza. Lil hinn mill-fatt li, sa fejn dawn il-premessi huma nieqsa minn valur normattiv, huma bl-ebda mod ma jsostnu li l-ksur ta’ regola jimplika fih innifsu dannu li jista’ jiġi kkumpensat:

–        –      Il-premessa 75 tagħmel riferiment għall-impediment li d-data personali tiġi kkontrollata bħala wieħed mir-riskji possibbli tal-ipproċessar.

–        –      Il-premessa 85 tagħmel riferiment għat-telf ta’ kontroll bħala waħda mill-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu wara ksur tad-data personali (42).

62.      It-telf tal-kontroll tad-data ma għandux neċessarjament iwassal għal dannu. L-espressjoni tista’ tinftiehem bħala liċenzja tal-lingwa sabiex tagħmel riferiment għad-danni sussegwenti għal tali telf, jekk dawn jimmaterjalizzaw ruħhom (43).

b)      Interpretazzjoni fiddawl talfatti li wasslu għallkawża

63.      L-analiżi tal-fatti lanqas ma ssostni l-eżistenza ta’ din il-preżunzjoni, li ma kinitx inkluża fid-Direttiva 95/46 (44), li ma hijiex prevista fid-dokumenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, qabel l-approvazzjoni tal-GDPR, li eżaminajt.

c)      Interpretazzjoni kuntestwali

64.      Is-sistema tal-GDPR tipprovdi elementi sabiex jiġi miċħud li hija tilqa’ l-preżunzjoni kontenzjuża, billi tieħu bħala punt ta’ riferiment il-kunsens tas-suġġett tad-data (45). Bħala strument għall-kontroll tagħha fuq id-data, dan il-kunsens jilleġittima l-ipproċessar tagħha fl-istess livell ta’ bażijiet legali oħra (Artikolu 6 tal-GDPR) (46).

65.      Ipproċessar legali ta’ data personali huwa konċepibbli indipendentement mill-awtorizzazzjoni tas-suġġett tad-data u, għaldaqstant, mill-kontroll li jirrappreżenta l-għoti jew ir-rifjut ta’ tali awtorizzazzjoni. Il-piż tagħha fi ħdan is-sistema ma huwiex, essenzjalment, assolut.

66.      Barra minn hekk, il-GDPR jipprevedi possibbiltajiet oħrajn ta’ eżerċizzju ta’ dan il-kontroll: fosthom, id-dritt għat-tħassir li jobbliga lill-kontrollur iħassar “mingħajr dewmien żejjed” l-informazzjoni korrispondenti (47).

67.      Għall-persuna li d-data tagħha tiġi pproċessata, dan id-dritt jopera bħala salvagwardja tas-sistema ta’ protezzjoni: dan ikompli jeżisti (bħala regola ta’ prinċipju) meta l-kontrollur ma jkunx kiseb il-kunsens tas-suġġett tad-data, kif ukoll meta ma tkun teżisti l-ebda bażi oħra li tilleġittima l-ipproċessar tad-data; u ma jiddependix mill-fatt li dan jikkawża xi dannu (48).

d)      Interpretazzjoni teleoloġika

1)      Il-kontroll tas-suġġett tad-data fuq id-data tiegħu: għan tal-GDPR?

68.      L-ekwivalenza awtomatika bejn l-ipproċessar ta’ data personali li fir-rigward tagħha ma nkisibx il-kunsens tas-suġġett tad-data u dannu li jista’ jiġi kkumpensat tippreżupponi li dan il-kontroll, li tiegħu l-kunsens huwa strument, jikkostitwixxi valur fih innifsu.

69.      Nammetti li, prima facie, din l-opinjoni hija pjuttost sostnuta. Il-fatt li ċ-ċittadini jkollhom kontroll fuq id-data tagħhom huwa ddikjarat fil-proposta tal-Kummissjoni bħala wieħed mill-motivi prinċipali għar-riforma (49). Il-premessa 7 tal-GDPR tiddikjara li “[l]-persuni fiżiċi għandu jkollhom il-kontroll tad-data personali tagħhom”.

70.      Li huwa ċert huwa li għandu jkun hemm kawtela fl-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, lil hinn mid-diskussjonijiet dottrinali li qajjem. Ma hemm l-ebda definizzjoni preċiża ta’ “kontroll” fil-GDPR (u lanqas ma ltqajt magħha xi mkien ieħor) (50). It-terminu jippermetti mill-inqas żewġ tifsiriet, li ma humiex reċiprokament esklużivi: bħal “setgħa” jew “dominium” u bħal “superviżjoni”.

71.      Il-formulazzjoni tal-premessa 7 tal-GDPR toħloq ċerta inċertezza, għaliex hija differenti minn verżjoni tal-lingwa għal oħra (51). Abbażi tal-kontenut tagħha, jiena tal-fehma li l-GDPR jipprovdi lis-suġġett tad-data b’setgħat ta’ sorveljanza u intervent f’operazzjonijiet li oħrajn iwettqu fir-rigward tad-data, bħala strument (flimkien ma’ oħrajn) għas-servizz tal-protezzjoni ta’ din id-data.

72.      Is-suġġett tad-data nnifsu jikkontribwixxi u huwa responsabbli għall-protezzjoni tal-informazzjoni rrappreżentata fid-data, bil-mod – il-livell u l-modalitajiet – previst mill-GDPR. Il-portata tal-azzjoni individwali hija limitata: hija ristretta, fir-rigward tad-drittijiet elenkati fil-GDPR, għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet f’kundizzjonijiet speċifiċi.

73.      Il-kunsens tas-suġġett tad-data, bħala l-espressjoni massima ta’ kontroll (52), huwa biss waħda mill-bażijiet legali għal ipproċessar legali, iżda ma għandux il-kapaċità jivvalida n-nuqqas ta’ ssodisfar tal-bqija tal-obbligi u l-kundizzjonijiet imposti fuq il-kontrollur u l-proċessur.

74.      Ma jidhirlix li huwa faċli li mill-GDPR jiġi dedott li dan huwa intiż sabiex jagħti lis-suġġett tad-data l-kontroll fuq id-data personali bħala valur fih innifsu. Bl-istess mod, is-suġġett tad-data ma għandux ikollu l-ikbar kontroll possibbli fuq din id-data.

75.      Din il-konstatazzjoni ma hijiex sorprendenti. Minn naħa, ma huwiex evidenti li l-kontroll, fis-sens ta’ dominium fuq id-data, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali (53). Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni li dan id-dritt huwa dritt għall-awtodeterminazzjoni informattiva huwa ftit li xejn unanimu: l-Artikolu 8 tal-Karta ma jużax dawn it-termini (54).

76.      Fl-istess linja, fit-test finali tal-GDPR lanqas ma ġiet trasposta premessa li skontha “dritt għall-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali jistrieħ fuq id-dritt tas-suġġett tad-data li jeżerċita l-kontroll fuq id-data personali li qiegħda tiġi pproċessata” (55).

77.      Ir-riflessjonijiet preċedenti, forsi eċċessivament astratti, iwassluni sabiex nafferma li, meta s-suġġett tad-data ma jagħtix il-kunsens għal ipproċessar u dan iseħħ mingħajr bażi legali leġittima oħra, huwa ma għandux jiġi kkumpensat ekonomikament għal din ir-raġuni minħabba t-telf tal-kontroll fuq id-data tiegħu, bħallikieku dan it-telf jimplika, minnu nnifsu, dannu li għandu jiġi kkumpensat (56). Barra minn hekk, il fatt jekk ġarrabx dannu jew le ikun għad irid jiġi ddeterminat (u għandu jiġi pprovat) (57).

2)      Ilkontroll tassuġġett taddata filkuntest

78.      Jidhirli li huwa xierqa, finalment, li nfakkar li l-protezzjoni tad-data personali hija mniżżla bħala għan tal-GDPR flimkien mal-għan li jiġi promoss il-moviment liberu tad-data (58).

79.      It-tisħiħ tal-kontroll taċ-ċittadini fuq l-informazzjoni personali tagħhom fl-ambjent diġitali huwa wieħed mill-għanijiet irrikonoxxuti tal-modernizzazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni tad-data personali, iżda ma huwiex għan indipendenti jew iżolat.

80.      Il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni li akkumpanjat il-proposta tagħha tal-GDPR, assoċjat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data mal-fiduċja fis-servizzi online, u dan jippermetti l-isfruttament tal-potenzjal tal-ekonomija diġitali u t-trawwim “[ta]t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-industriji tal-UE”. Permezz tat-tiġdid (u l-armonizzazzjoni miżjuda) tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, hemm “titjib fid-[…]dimensjoni tas-Suq Uniku ta’ protezzjoni tad-dejta” (59).

81.      Fid-dawl tal-evidenza tal-valur tad-data (personali u mhux personali) għall-progress ekonomiku u soċjali fl-Ewropa, il-GDPR ma huwiex intiż sabiex iżid il-kontroll tal-individwu fuq l-informazzjoni li tikkonċernah, billi jbaxxi rasu għall-preferenzi tiegħu, iżda billi jirrikonċilja d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ta’ kull wieħed mal-interessi ta’ terzi u tas-soċjetà (60).

82.      Ninsisti li l-GDPR ma għandux l-għan li jillimita sistematikament l-ipproċessar ta’ data personali, iżda li jilleġittimizzah taħt kundizzjonijiet stretti. Dan huwa primarjament issodisfatt permezz tat-trawwim tal-fiduċja tas-suġġett tad-data li l-ipproċessar ser isir f’kuntest sigur (61), li huwa stess ser jikkontribwixxi għalih. B’dan il-mod, tiġi mħeġġa r-rieda volontarja tiegħu sabiex jippermetti l-aċċess u l-użu tad-data tiegħu, inter alia, fil-qasam tat-tranżazzjonijiet kummerċjali online.

C.      Ittieni domanda preliminari

83.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk “[g]ħall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kumpens, jeżistu, minbarra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni”.

84.      Fil-verità, ma jidhirx li l-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu rwol rilevanti hawnhekk: is-sistema armonizzata tal-GDPR tapplika direttament f’din il-materja u l-Artikolu 82 tiegħu japplika għad-danni mhux materjali kollha li jirriżultaw minħabba ksur, ikunu ġejjin minn fejn ġejjin.

85.      L-istess japplika għall-prinċipju ta’ effettività. Tkun kwistjoni differenti jekk il-kumpens, f’konformità ma’ dak li hemm propost fil-premessa 146 tal-GDPR (is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu), għandux ikollu kontenut wieħed jew ieħor.

86.      L-Artikolu 82 tal-GDPR ma jimponi l-ebda rekwiżit ieħor ħlief il-ksur tar-regoli tiegħu li jirriżulta fid-danni, materjali jew mhux materjali, imġarrba minn kwalunkwe persuna. Fir-rigward tal-kalkolu, b’mod partikolari, tal-ammont tal-kumpens għal dawn id-danni, huwa ma jistabbilixxi l-ebda linji gwida għall-qrati nazzjonali.

87.      Abbażi taż-żewġ aġġettivi preċedenti (sħiħ u effettiv), il-kumpens għandu jiddependi, primarjament, fuq it-talba mressqa minn kull rikorrent.

88.      Jekk t-talba tikkonsisti fil-kundanna għal kumpens għal danni punittivi (62), ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun suffiċjenti: dan it-tip ta’ kumpens ma jidhirx fil-GDPR. Fil-GDPR, ir-responsabbiltà ċivili twettaq funzjoni ta’ kumpens “privat”, filwaqt li l-multi u s-sanzjonijiet kriminali għandhom il-funzjoni pubblika li jiddisswadu u, fejn xieraq, jikkastigaw.

89.      Ma huwiex eskluż li l-kumpens mitlub għal dannu mhux materjali jinkorpora komponenti differenti minn dawk ta’ dannu sempliċiment pekunjarju, pereżempju, ir-rikonoxximent li l-ksur seħħ, u b’hekk tingħata ċerta sodisfazzjon morali lir-rikorrent. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ April 2021 (63), għalkemm taqa’ f’qasam li ma jikkoinċidix ma’ dak tal-protezzjoni tad-data, tippermetti, b’analoġija, li tiġi ssodisfatta din it-talba.

90.      Fl-ordinamenti li jistabbilixxu dan, huwa possibbli li s-sistema ta’ responsabbiltà ċivili tipprevedi kundanni permezz ta’ difiża ta’ dritt (ħlas ta’ kumpens simboliku) jew ta’ newtralizzazzjoni ta’ benefiċċju mhux dovut (ċessjoni tal-gwadann miksub inġustament).

91.      Il-bażi tal-ewwel hija l-idea ta’ kontinwità u realizzazzjoni tad-dritt (“Rechtsfortsetzungfunktion”) permezz ta’ kumpens purament simboliku, flimkien mad-dikjarazzjoni li l-konvenut wettaq att illegali u kiser id-drittijiet tar-rikorrent. L-Artikolu 82 tal-GDPR ma jipprevedix dan u lanqas ma hemm xi riferiment għalih fix-xogħlijiet preċedenti tiegħu, u dan ma huwiex sorprendenti għaliex ma huwiex komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri (64), u lanqas ma huwa ħieles minn kontroversja f’dawk fejn jeżisti (65).

92.      Is-sistema tal-GDPR u l-għanijiet tiegħu ma jipprekludux, madankollu, lill-Istati Membri li jkunu konxji minn dan ir-rimedju milli jipprovduh lill-persuni kkonċernati mill-ksur ta’ regola, fost ir-rimedji previsti fl-Artikolu 79 tiegħu, fil-każ ta’ assenza totali tad-dannu. Fejn, b’kuntrast ma’ dan, ir-rikorrent isostni li jkun esperjenza dannu pekunjarju, is-sitwazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 82 tal-GDPR u d-diffikultà sabiex jiġi pprovat id-dannu ma għandhiex tirriżulta f’kumpens simboliku (66).

93.      Fir-rigward tal-kundanni li jikkonsistu fil-ħlas tal-ammont wara l-ksur ta’ dritt, dawn jista’ jkollhom l-għan li jċaħħdu lill-awtur tiegħu mill-qligħ miksub. Barra mill-ambitu tal-proprjetà intellettwali (67), dan l-għan ma huwiex komuni fid-dritt dwar ir-responsabbiltà, li huwa mmirat iktar lejn it-telf mill-parti leża u mhux lejn il-gwadann ta’ min wettaq il-ksur (68). Il-GDPR ma jinkorporahx fl-artikoli tiegħu.

94.      Qiegħed nipprovdi dawn ir-riflessjonijiet sabiex niffaċilita l-ħidma tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-portata tat-tieni domanda preliminari tagħha. Madankollu, huwa ċar għalija li jistgħu jkunu ftit li xejn utli sabiex tintlaqa’ jew tiġi miċħuda talba li fiha s-suġġett tad-data jitlob kumpens għad-dannu mhux materjali strettament pekunjarju.

D.      Ittielet domanda preliminari

95.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-GDPR, ir-rikonoxximent tad-danni mhux materjali huwiex suġġett għal “ksur tad-dritt li għandhom ta’ mill-inqas ċertu piż u li jmorru lil hinn minn skuntentizza kkawżata mill-ksur tad-dritt”.

96.      Bħala kriterju ta’ dak li jista’ jiġi kkumpensat, it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkunsidra l-intensità tal-esperjenza tal-persuna kkonċernata. Għall-kuntrarju, hija ma tistaqsix (għall-inqas, direttament), jekk emozzjoni jew sensazzjoni partikolari tas-suġġett tad-data humiex rilevanti jew irrilevanti għall-għanijiet tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR fir-rigward tal-kontenut tiegħu (69).

97.      Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jissuġġettaw il-kumpens tad-dannu mhux materjali għall-estent tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ksur tar-regola, fejn ikunu inklużi biss dawk li jaqbżu ċertu limitu ta’ gravità. Għaldaqstant, id-domanda ma tikkonċernax il-kunċetti li jistgħu jiġu kkumpensati (70) u lanqas l-ammont tal-kumpens, iżda tikkonċerna l-eżistenza ta’ limitu minimu tar-reazzjoni tal-vittma, fejn jekk din tkun taħt il-limitu minimu, ma tiġix ikkumpensata.

98.      L-Artikolu 82 tal-GDPR ma jipprovdi l-ebda risposta diretta għad-domanda. Dan lanqas ma huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, fil-premessi 75 u 85. It-tnejn jinkludu elenku ta’ eżempji ta’ danni, li tispiċċa bi klawżola miftuħa li tidher li tirrestrinġi d-danni li jistgħu jiġu kkumpensati għal danni “sinifikanti”.

99.      Madankollu, ma nemminx li dawn il-premessi huma utli sabiex jiġi solvut id-dubju tal-qorti tar-rinviju:

–        –      L-ewwel waħda tindirizza l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riskji tal-ipproċessar tad-data, u l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex dawn jiġu evitati jew immitigati. Hija turi l-konsegwenzi mhux mixtieqa ta’ kwalunkwe pproċessar u tenfasizza “b’mod partikolari”, uħud minnhom, x’aktarx minħabba n-natura iktar serja tagħhom.

–        –      It-tieni waħda tagħmel riferiment għall-ksur tas-sigurtà tad-data, u twissi li l-konsegwenzi tiegħu jistgħu jkunu sinjifikattivi.

100. Lanqas mid-dikjarazzjoni fil-premessa 146 tal-GDPR (il-kontrolluri għandhom jikkumpensaw “kwalunkwe dannu”) (71) ma jiġu dedotti kriterji li jippermettu li tingħata risposta għal din id-domanda.

101. It-traspożizzjoni ta’ din il-premessa fit-test tal-GDPR fissret li dan tal-aħħar inkluda, b’mod espliċitu, id-danni mhux materjali, fejn issostitwixxa s-silenzju fuq dan il-punt li kien hemm fid-Direttiva 95/46 (72). Madankollu, ma indirizzatx, b’mod partikolari, il-kwistjoni mqajma bħalissa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

102. Din l-istess premessa 146 tal-GDPR tiddikjara li “[l]-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa […] l-objettivi ta’ dan ir-Regolament”.

103. Mhux ċert li tali indikazzjoni tkun wisq utli fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma ddeċidietx f’dan il-qasam meta ġie adottat il-GDPR (73). Li kieku riedet tagħmel riferiment għal sentenzi dwar ir-responsabbiltà ċivili rregolata f’direttivi jew regolamenti oħrajn, kien jintlaqa’ tajjeb riferiment għall-analoġija.

104. Fir-realtà, il-Qorti tal-Ġustizzja ma żviluppatx definizzjoni ġenerali ta’ “danni” li tista’ tiġi applikata fi kwalunkwe kuntest b’mod mhux diskriminatorju (74). Għal dak li huwa rilevanti hawnhekk (id-danni mhux materjali), mill-ġurisprudenza tagħha jista’ jiġi dedott li:

–        –      Meta l-għan (jew wieħed mill-għanijiet) tad-dispożizzjoni li qiegħda tiġi interpretata huwa l-protezzjoni tal-individwu, jew ta’ ċerta kategorija ta’ individwi (75), il-kunċett ta’ danni għandu jkun wiesa’.

–        –      Konformement ma’ dan il-kriterju, il-kumpens huwa estiż għad-danni mhux materjali, anki jekk dan ma huwiex imsemmi fid-dispożizzjoni interpretata.(76)

105. Għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizza li wieħed jargumenta li, fit-termini esposti iktar ’il fuq, fid-dritt tal-Unjoni jeżisti prinċipju ta’ kumpens għad-danni mhux materjali, ma nemminx li minnu tista’ tiġi dedotta, madankollu, regola li tgħid li kull dannu mhux materjali, irrispettivament mill-gravità tiegħu, jista’ jiġi kkumpensat.

106. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mar-regoli Ewropej ta’ regola nazzjonali li, għall-kalkolu tal-kumpens, tagħmel distinzjoni bejn danni mhux materjali marbuta ma’ leżjonijiet fiżiċi minħabba inċident skont l-oriġini tiegħu (77).

107. Hija evalwat ukoll liema ċirkustanzi huma kapaċi jwasslu għal danni mhux materjali, konformement mad-dispożizzjoni applikabbli f’kull kawża (78), iżda ma ddeċidietx b’mod espliċitu (jekk mhux sejjer żball) dwar ir-rekwiżit ta’ serjetà ta’ tali danni (79).

108. F’dan l-istadju, nemmen li t-tielet domanda preliminari għandha tingħata risposta fl-affermattiv.

109. Insostenn tal-pożizzjoni tiegħi, infakkar li l-GDPR ma għandux l-għan uniku li jissalvagwardja d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali (80) u li s-sistema ta’ garanziji tiegħu tinkorpora mekkaniżmi ta’ tipi differenti (81).

110. F’dan il-kuntest, hija rilevanti d-distinzjoni, issuġġerita lill-Qorti tal-Ġustizzja, bejn danni mhux materjali li jistgħu jiġu kkumpensati u inkonvenjenti oħrajn li jirriżultaw min-nuqqas ta’ rispett għal-legalità li, minħabba d-daqs żgħir tagħhom, mhux neċessarjament jagħtu dritt għal kumpens.

111. Tali disassoċjazzjoni hija meqjusa f’ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, bħala korollarju inevitabbli tal-ħajja fis-soċjetà (82). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija familjari ma’ din id-differenza, li hija taċċetta meta tagħmel riferiment għall-problemi u l-inkonvenjenzi bħala kategorija awtonoma fil-konfront ta’ dik tad-danni, f’oqsma li fihom tqis li għandhom jiġu kkumpensati (83). Xejn ma jipprekludi li tiġi trasposta għall-GDPR.

112. Barra minn hekk, id-dritt għall-kumpens tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR ma jidhirlix li huwa l-istrument it-tajjeb sabiex jirribatti l-ksur fl-ipproċessar tad-data personali, jekk ir-riżultat tiegħu jkun biss irritazzjoni jew skuntentizza fis-suġġett tad-data.

113. Bħala regola, kwalunkwe ksur ta’ regola dwar il-protezzjoni tad-data personali jiġġenera xi reazzjoni negattiva fis-suġġett tad-data. Kumpens li jkun ġej mis-sempliċi sentiment ta’ dispjaċir fid-dawl tan-nuqqas ta’ rispett mingħand ħaddieħor lejn il-liġi faċilment tiġi mitfixkla ma’ kumpens mingħajr dannu, li diġà ċħadt iktar ’il fuq.

114. Minn perspettiva prattika, il-fatt li fost id-danni mhux materjali li jistgħu jiġu kkumpensati tiġi inkluża s-sempliċi skuntentizza ma huwiex effiċjenti, fid-dawl tal-inkonvenjenti u tad-diffikultajiet karatteristiċi ta’ lment ġudizzjarju għar-rikorrent (84), u tad-difiża għall-konvenut (85).

115. Li jiġi miċħud id-dritt għal kumpens minħabba sentimenti jew emozzjonijiet dgħajfa u li jgħaddu malajr (86) marbuta mal-ksur tar-regoli dwar l-ipproċessar ma jħallix lis-suġġett tad-data kompletament mingħajr protezzjoni. Bħalma indikajt fl-ewwel domanda, is-sistema tal-GDPR tipprovdilu rimedji oħrajn.

116. Ma niddubitax li l-linja bejn is-sempliċi skuntentizza (li ma tistax tiġi kkumpensata) u d-danni mhux materjali reali (li jistgħu jiġu kkumpensati) hija sottili, u lanqas ma ninjora d-diffikultà li jiġu ddelimitati, fl-astratt, iż-żewġ kategoriji u li dawn jiġu applikati, b’mod konkret, f’kawża. Dan il-kompitu diffiċli għandu jkun f’idejn il-qrati tal-Istati Membri li, x’aktarx, mhux ser ikunu jistgħu jaħarbu, fid-deċiżjonijiet tagħhom, mill-perċezzjoni li jkollha f’kull mument is-soċjetà dwar it-tolleranza ammissibbli meta l-konsegwenzi suġġettivi tal-ksur ta’ regola f’dan ir-rigward ma jaqbżux livell de minimis (87).

V.      Konklużjoni

117. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tirrispondi f’dawn it-termini:

“L-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Għar-rikonoxximent tad-dritt għal kumpens għal danni mġarrba minn persuna bħala konsegwenza ta’ ksur tal-imsemmi regolament ma huwiex suffiċjenti s-sempliċi ksur tar-regola, minnha nnifisha, jekk dan ma jkunx akkumpanjat mid-danni, materjali jew mhux materjali, korrispondenti.

Il-kumpens għad-danni mhux materjali li huwa jirregola ma huwiex estiż għas-sempliċi skuntentizza li l-persuna kkonċernata tista’ tħoss minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw meta, minħabba l-karatteristiċi tagħha, is-sensazzjoni suġġettiva ta’ dispjaċir tista’ titqies, f’kull każ, bħala dannu mhux materjali”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). Iktar ’il quddiem il-“GDPR”.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


4      Skont ir-Rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Access to data protection remedies in the EU Member States, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2013, punti 3 u 4.


5      Ir-rikonoxximent leġiżlattiv ta’ dan id-dritt huwa, fil-parti l-kbira, partikolarità tas-sistema ta’ protezzjoni tal-Unjoni. L-eżami tal-validità ta’ strumenti legali dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi jieħu speċifikament inkunsiderazzjoni l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ dispożizzjoni li għandha l-istess għan. Ara l-punti 226 u 227 tal-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE – Il-Kanada, tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592)); u s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559) u tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491).


6      Fil-mument tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, tressqu seba’ talbiet oħra għal deċiżjoni preliminari f’dan il-qasam (Kawżi C‑340/21; C‑667/21; C‑687/21; C‑741/21; C‑182/22, C‑189/22 u C‑456/22). Fl-istess ħin, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew intalab “jiċċara l-premessi tal-GDPR, b’mod partikolari fir-rigward tad-danni mhux materjali, sabiex jiġu evitati iktar sentenzi inġusti min-naħa tal-qrati Ġermaniżi” (petizzjoni 0386/2021).


7      Minflok, laqgħet talba għat-twaqqif tal-aġir, li ġiet ikkonfermata f’appell. L-appell ta’ Reviżjoni (kassazzjoni) ta’ Österreichische Post kontra l-ordni ta’ twaqqif ġie miċħud.


8      Qiegħed nuża dan it-terminu fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal-GDPR.


9      F’xi każijiet, is-suġġett tad-data lanqas ma huwa ser ikollu bżonn juri li ma tax kunsens, peress li, skont l-Artikolu 7(1) tal-GDPR, “[f]ejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu”. Ir-rikorrent jista’ jkun meħtieġ jipprovdi elementi li jippermettu l-kwantifikazzjoni tad-dannu.


10      It-terminu “indemnización” jintuża fil-verżjoni Spanjola u f’dik Portugiża (“indemnização”). Huwa wkoll espressiv ħafna t-terminu “Schadenersatz” fil-verżjoni Ġermaniża. Bil-Franċiż, ma jintużax it-terminu “indemnisation”, iżda “réparation”; u f’dik Ingliża, “compensation”. Nemmen li, fi kwalunkwe waħda minn dawn il-verżjonijiet, u f’oħrajn analogi, ir-riżultat huwa identiku: id-dannu jibqa’ element essenzjali tar-responsabbiltà ċivili.


11      Premessa 146 tal-GDPR. Il-kumpens għandu l-għan li jerġa’ jistabbilixxi l-bilanċ tas-sitwazzjoni legali li ġiet mibdula b’mod negattiv (sarilha dannu) minħabba l-ksur tad-dritt.


12      Il-kumpensi ta’ natura punittiva (punitive damages) huma karatteristiċi tad-dritt Anglosassonu. Ordinamenti oħra jużawhom bħala reazzjoni għal imġiba partikolarment intenzjonali jew gravament negliġenti. Xi drabi huma assoċjati mal-evalwazzjoni tad-dannu morali b’konsegwenza tal-leżjoni għall-integrità fiżika jew għall-isfera ta’ privatezza individwali.


13      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461), punt 92: “F’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ danni u l-eventwali possibbiltà li jingħataw danni li għandhom in-natura ta’ penali [kumpensi ta’ natura punittiva], fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens, bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ l-ekwivalenza u ta’ l-effettività”. Mingħajr korsiv fl-oriġinal.


14      Sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Paquay (C‑460/06, EU:C:2007:601), punti 44 et seq., dwar l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad‑9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187).


15      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU 2004, L 390, p. 38); jew l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).


16      B’hekk, il-premessa 26 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32). F’dan il-każ, it-teħid tal-miżura punittiva ma huwiex ipprojbit, iżda ma huwiex obbligatorju: sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Stowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa (C‑367/15, EU:C:2017:36), punt 28.


17      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1); jew il-premessi 10 u 42 tad-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2020, L 409, p. 1), li jkopru l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tad-data.


18      Spiss jissemma bħala eżempju l-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1768/95 tal‑24 ta’ Lulju 1995 li jimplimenta regoli dwar l-eżenzjoni agrikola prevista fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 63): “l-obbligu ta’ kumpens lid-detentur għall kull ħsara […] għandu jkopri mill-inqas somma waħda li tkun kalkolata fuq il- bażi ta’ medja moltiplikata għal erbgħa darbiet, ta’ l-ammont li jitħallas […]”.


19      Infra, punt 47.


20      Hawnhekk qiegħed nuża t-termini “infurzar pubbliku” u “infurzar privat” fl-istess sens tad-Direttiva 2014/104.


21      Il-premessa 55 ħabbret il-kontenut tal-Kapitolu III (“Rimedji ġudizzjarji, responsabbiltà u sanzjonijiet”) tad-Direttiva 95/46. L-Artikoli 22, 23 u 24 tagħha jikkorrispondu rispettivament għal kull terminu. Il-Kapitolu VI kien iddedikat għall-awtoritajiet superviżorji.


22      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ir-rwol ċentrali ta’ dawn l-awtoritajiet fis-sistema: pereżempju, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125), punt 23. L-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 16(2) TFUE jsemmu dawn l-awtoritajiet in fine.


23      L-Estonja u d-Danimarka għandhom skema speċjali, li għaliha tagħmel riferiment il-premessa 151 tal-GDPR.


24      Minkejja l-fatt li l-GDPR ma jsemmix direttament ir-rilevanza tal-infurzar privat tar-regoli, li hija simili għal dik li hemm fil-premessa 3 tad-Direttiva 2014/104.


25      Il-possibbiltà ta’ azzjonijiet kollettivi diġà kienet permessa qabel il-GDPR: sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629). Skont l-Artikolu 80(1) tal-GDPR, l-azzjoni tal-entitajiet ta’ difiża tas-suġġetti tad-data hija disponibbli, fil-qasam tal-kumpens, biss sakemm l-Istati Membri jistabbilixxu dan u sakemm is-suġġett tad-data ma jagħtix il-mandat meħtieġ. Is-sitwazzjoni tista’ tinbidel minħabba d-Direttiva 2020/1828.


26      Kif jindika l-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-konklużjonijiet tiegħu tal-kawża Meta Platforms Ireland (C‑319/20, EU:C:2021:979), l-azzjoni tal-Artikolu 80 tal-GDPR hija xierqa sabiex taqdi l-protezzjoni ta’ interessi partikolari u ġenerali. F’din il-kawża, kienet inkwistjoni l-azzjoni ta’ inibizzjoni.


27      B’mod partikolari fl-Istati Membri fejn hemm eżitazzjoni li jaċċettaw kundanni għal danni mhux materjali mingħajr ma jipprevedu liġijiet f’dan ir-rigward.


28      Bħal-locus standi passiv, il-motivi ta’ eżenzjoni u s-sistema ta’ responsabbiltà tal-kontrolluri u l-proċessuri konġunti. F’dokument tal-Kunsill hemm id-domanda li ġejja tad-delegazzjoni Belġjana: “whether a violation of the principles of the Regulation was enough to constitute a damage or whether the data subject had to prove a specific damage”. Ir-risposta tal-Kummissjoni kienet li kienet neċessarja l-prova tad-dannu: ara għall-ewwel darba fin-Nota tal-Presidenza Nru 17831/13 tas‑16 ta’ Diċembru 2013, nota ta’ qiegħ il-paġna 541. Ma jidhirx li din il-kwistjoni ġiet diskussa iktar.


29      Nagħmel riferiment għax-xogħol preparatorju għall-adozzjoni tad-Direttivi 2004/48 u 2014/104. Interpretazzjoni li testendi l-Artikolu 82 tal-GDPR għal kumpens għal danni punittivi jkollha konsegwenzi rilevanti għall-Istati Membri: pereżempju, huma jkollhom jiddeterminaw min għandu jkun ir-riċevitur tal-kumpens li jaġixxi bħala sanzjoni, kif għandu jiġi kkalkolat sabiex jissodisfa l-għan jew kif għandu jiġi artikolat mal-multi amministrattivi u s-sanzjonijiet kriminali, sabiex jiġi evitat ikkastigar eċċessiv.


30      Dawn il-“pieni oħrajn”, ta’ natura kriminali jew amministrattiva, ma humiex armonizzati. Bħall-multi, dawn għandhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi” (Artikolu 84(1) in fine).


31      Ma neskludix li, fl-astratt, uħud jistgħu jkunu wkoll fil-kuntest tar-responsabbiltà ċivili (naħseb, pereżempju, fil-“karattru intenzjonali jew negliġenti” ta’ min iwettaq il-ksur, skont l-Artikolu 83(2)(b) tal-GDPR) jew jiġu riflessi fil-kumpens (b’hekk, il-“kategoriji ta’ data personali affettwati mill-ksur”, skont il-punt (g) tal-istess dispożizzjoni). Madankollu, anki f’tali każijiet, it-traduzzjoni ta’ kull fattur minn qasam għal ieħor ma toperax awtomatikament.


32      Artikolu 83(2)(a) tal-GDPR.


33      La bħala parametru għall-kalkolu, u lanqas sabiex jitnaqqas mill-ammont.


34      Artikolu 1 tal-GDPR kif ukoll il-premessi 6, 9 u 170. Il-premessa 9 tfakkar li dawn kienu l-għanijiet tad-Direttiva 95/46 u tinsisti li jibqgħu validi. Spiss huwa enfasizzat li fid-Direttiva 95/46, l-għan tal-moviment liberu ta’ data personali kien jipprevali fuq dak tal-protezzjoni tagħha, filwaqt li fil-GDPR iseħħ bil-kontra, u dan jista’ jiġi spjegat mir-rikonoxximent formali tad-dritt fl-Artikolu 8 tal-Karta, li kellu jiġi traspost fil-leġiżlazzjoni l-ġdida. Madankollu, l-Artikolu 1 tal-GDPR huwa ċar dwar ix-xewqa li jiġu rrikonċiljati l-protezzjoni tad-data personali u l-moviment liberu tagħha. Dan ifisser, għaldaqstant, li jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha, u li jiġu evitati l-ostakoli li jkunu ġejjin mill-frammentazzjoni regolatorja, iżda wkoll li jiġu eliminati l-eżitazzjonijiet tal-individwi biex jikkondividu jew jipprovdu data personali, għall-ipproċessar tagħha, billi tinħoloq fiduċja li din hija protetta.


35      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, punt 53, il-Gvern Irlandiż isostni li: “[…] very many claims for compensation under Article 82 GDPR arise in the context of very minor, marginal or speculative non-material damage” (korsiv miżjud minni). Fil-Ġermanja, xi duttrina twissi dwar ir-riskju ta’ abbuż tat-talbiet u tan-neċessità li tiġi evitata l-emerġenza ta’ “datenschutzrechtliche Klageindustrie”: Wybitul, T., Neu, L., Strauch, M., “Schadensersatzrisiken für Unternehmen bei Datenschutzverstößen”, Zeitschrift für Datenschutz, 2018, p. 202 et seq., b’mod partikolari, p. 206, Paal, B. P., Kritzer, I., “Geltendmachung von DS-GVO-Ansprüchen als Geschäftsmodell”, Neue Juristische Wochenschrift, 2022, p. 2433 et seq


36      Effett ta’ “attrazzjoni” jew multiplikatur, li jirriżulta mis-suċċess tal-azzjoni għal responsabbiltà ċivili mingħajr dannu, ma jistax jiġi eskluż. Dan iżid il-probabbiltajiet li l-operaturi ekonomiċi jaffaċċjaw talbiet kollettivi, jew pluralità ta’ talbiet individwali (skont il-każ, iktar jew inqas abbużivi), flimkien mas-sanzjoni amministrattiva jew kriminali possibbli.


37      L-osservazzjonijiet tal-partijiet jillimitaw ruħhom li jissuġġerixxuha, iżda mhux li jiżviluppawha. Ma huwiex indikat, pereżempju, jekk din hijiex preżunzjoni ta’ natura assoluta jew konfutabbli. Peress li l-ewwel possibbiltà hija l-iktar waħda koerenti mad-domanda tal-qorti tar-rinviju, ser nillimita ruħi għal din id-domanda.


38      Ara l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10); jew l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2010, L 334, p. 1).


39      B’mod partikolari, fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 82 innifsu tal-GDPR.


40      “[J]ew fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew impediti milli jeżerċitaw kontroll fuq id-data personali tagħhom”.


41      “Il-vjolazzjoni ta’ data personali tista’ […] tirriżulta f’[…]telf ta’ kontroll [tal-persuni fiżiċi] tad-data personali tagħhom”.


42      Il-konsegwenzi li telenka din il-premessa ma humiex awtomatiċi. Konformement mal-Artikolu 34 tal-GDPR, il-kontrollur għandu jevalwa każ b’każ jekk huwiex neċessarju li jiġi nnotifikat il-ksur lis-suġġett tad-data.


43      Il-konsegwenzi emozzjonali marbuta mat-telf tal-kontroll fuq id-data, bħall-biża’ jew l-ansjetà minħabba dak li jista’ jseħħ lid-data, jirriżultaw mit-telf, iżda ma humiex identiċi għalih.


44      Xi Stati Membri kienu stabbilixxew preżunzjoni ta’ dannu f’setturi qrib dak tal-protezzjoni tad-data. B’hekk, fi Spanja, l-Artikolu 9(3) tal-Liġi Organika 1/1982 tal‑5 ta’ Mejju dwar il-protezzjoni ċivili tad-dritt għall-unur, għall-intimità personali u tal-familja, u għall-immaġni (BOE Nru 115, tal‑14 ta’ Mejju 1982, p. 12546 sa 12548), jipprovdi li “l-eżistenza ta’ dannu għandha tkun preżunta sakemm jiġi stabbilit l-intervent illegali [fid-drittijiet iggarantiti minn din il-liġi]”.


45      Infakkar li, f’din il-kawża, l-illegalità tal-aġir hija marbuta, preċiżament, man-nuqqas ta’ kunsens tas-suġġett tad-data. L-argumenti dwar il-post tad-dritt għal kumpens bejn is-salvagwardji tal-osservanza tar-regoli tal-GDPR huma daqstant validi hawnhekk.


46      Madankollu, dan huwa biss bażi waħda għal ipproċessar legali; u dawk kollha li l-GDPR jelenka għandhom l-istess valur. Ara l-Opinjoni 06/2014 tal-Grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni tad-data tal-Artikolu 29 dwar il-kunċett tal-interessi leġittimi tal-kontrollur tad-data skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE, adottata fid‑9 ta’ April 2014, p. 10. Madankollu, il-kontrollur ma jistax jibdel il-bażi tal-ipproċessar ladarba dan ikun bdieh: Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, Linji Gwida 5/2020 dwar il-kunsens skont ir-Regolament (UE) 2016/679, punti 121 sa 123.


47      Artikolu 17(1) tal-GDPR. Dan ma jfissirx li ma jeżistix dritt għal kumpens għad-danni li seta’ jikkawża l-ipproċessar imwettaq sat-tħassir tagħha.


48      Sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317), punt 4 tad-dispożittiv.


49      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) (COM(2012) 011 final), p. 2, u l-premessa 6 tat-test propost. Ara wkoll il-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa. Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21” (COM(2012) 9 final).


50      Jidhirli li dan is-silenzju ma huwiex aċċidentali. Lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet kunċettwali fuq is-sjieda tad-data personali, il-kwistjoni hija jekk jiġix aċċettat li l-kontroll tad-data tagħhom huwa ekwivalenti għall fatt li l-persuni fiżiċi għandhomx dominium fuq l-informazzjoni li tikkonċernahom (li probabbilment ma tkunx kompatibbli mal-interessi ta’ terzi u tas-soċjetà kollha kemm hija). Ir-rakkomandazzjoni li jiġu rrikonoxxuti drittijiet għal proprjetà fuq id-data personali tinsab fl-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-governanza Ewropea tad-data (Att dwar il-Governanza tad-Data), COM(2020) 767 final, (ĠU 2021, C 286, p. 38), fil-punt 4.18: “[…] il-KESE jirrakkomanda li jiġu rikonoxxuti d-drittijiet Ewropej tal-proprjetà tad-data diġitali sabiex iċ-ċittadini (ħaddiema, konsumaturi, imprendituri) ikunu jistgħu jikkontrollaw u jimmaniġġjaw l-użu tad-data tagħhom jew jipprojbixxu l-użu tagħha” (korsiv miżjud minni). Għall-kuntrarju, din tiċħad li d-data hija komodità, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 in fine.


51      Il-verżjoni Spanjola tindika li “las personas físicas deben tener el control de sus propios daños personales” (korsiv miżjud minni); u dik Ingliża tindika li “natural persons should have control of their own personal data” (u mhux the control). F’verżjonijiet oħrajn, bħal dik Portugiża, jinqara li “as pessoas singulares deverão poder controlar a utilização que é feita dos seus dados pessoais”. Konformement mal-Artikolu 4 tal-GDPR, il-kontroll fuq id-data personali jaqa’ fuq l-informazzjoni li din tirrappreżenta. Il-kontroll fuq l-użu tad-data, imbagħad, ikun fuq l-ipproċessar tagħha.


52      Fil-prattika, il-kunsens huwa ristrett għall-aċċettazzjoni jew għaċ-ċaħda tal-proposta tal-persuna li tkun tixtieq tipproċessa d-data.


53      Ma neskludix li l-evoluzzjoni tas-sistema legali tinftiehem fis-sens li jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet ta’ proprjetà lis-suġġett tad-data. Madankollu, niddubita li dan iwassal għall-massimizzazzjoni tal-kontroll individwali: pożizzjoni ta’ setgħa ta’ kontroll tas-suġġett tad-data fuq id-data personali tista’ ma toqgħodx sew mal-iżvilupp tal-ekonomija u l-innovazzjoni; il-kompatibbiltà tagħha mad-dimensjoni tad-dritt fundamentali tkun diskutibbli. Ara l-premessa 24 tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU 2019, L 136, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 60): “Filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità […]”. Korsiv miżjud minni.


54      Ma kellhomx suċċess formulazzjonijiet bħal dik proposta għall-Artikolu 19 tan-Nota mill-Presidium – Projet de Charte des Droits Fondamentaux de l’Union Européenne, Charte 4284/1/00 REV 1, tal‑11 ta’ Mejju 2000: “Toute personne a le droit de décider elle-même de la divulgation et de l’utilisation de ses données personnelles”. U lanqas dik, għall-istess dispożizzjoni, li tinsab fin-Nota mill-Presidium – Projet de Charte des Droits Fondamentaux de l’Union Européenne, Charte 4333/00, tal‑4 ta’ Ġunju 2000: “Toute personne a le droit de décider elle-même de la collecte, de l’utilisation et de la divulgation des données à caractère personnel la concernant”. F’livell nazzjonali, l-idea ta’ awtodeterminazzjoni informattiva sabet postha f’xi Stati Membri, bħall-Ġermanja, wara d-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) tal‑15 ta’ Diċembru 1983, 1 BvR 209/83. Fi Spanja, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali 292/2000 tat‑30 ta’ Novembru 2000 (BOE tal‑4 ta’ Jannar 2001). Ma iniex ċert jekk dan huwiex il-każ tal-Unjoni, għalkemm il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar jissuġġerixxu li dan huwa fil-fatt il-każ fil-kawża Orange Romania (C‑61/19, EU:C:2020:158), punt 37: “Il-prinċipju gwida fil-bażi tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data huwa dak ta’ deċiżjoni awtodefinita ta’ individwu li huwa kapaċi li jagħmel għażliet dwar l-użu u l-ipproċessar tad-data tiegħu”, ġustament b’riferiment għal duttrina Ġermaniża.


55      Abbozz ta’ Rapport dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali) (COM(2012) 0011 – C7-0025/2012 – 2012/0011(COD)), PE501.927v04-00 tas‑16 ta’ Jannar 2013, emenda 29.


56      Mhux qiegħed nissuġġerixxi li l-ksur tar-regola ma għandux jiġi ssanzjonat: dak li qiegħed ngħid huwa li kumpens ma huwiex l-għodda xierqa, jekk ma jkunx hemm dannu.


57      Bl-esklużjoni li l-għoti tal-kontroll lill-individwu fuq id-data tiegħu huwa, minnu nnifsu, għan tal-GDPR, ma neskludix li t-telf ta’ kontroll jiġi meqjus bħala gwida sabiex jiġi rrikonoxxut id-dannu mhux materjali, fis-sens li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-reazzjonijiet li jirriżultaw minn dan it-telf.


58      Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-moviment liberu tad-data huwa għan uniku fir-rigward tad-data mhux personali: Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa (ĠU 2018, L 303, p. 59).


59      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa. Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21” (COM(2012) 9 final), punt 1. Iktar ’il quddiem, fil-p. 5: “it-tħassib dwar il-privatezza hija fost l-aktar raġunijiet frekwenti għan-nies biex ma jixtrux oġġetti u servizzi minn fuq l-internet”.


60      Il-premessa 2 tal-GDPR: “[…] huwa maħsub biex jikkontribwixxi għall-kisba ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u ta’ unjoni ekonomika, għall-progress ekonomiku u soċjali, it-tisħiħ u l-konverġenza tal-ekonomiji fis-suq intern, u għall-benesseri tal-persuni fiżiċi”. Fil-premessa 4: “[…] Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà […]”. Fl-istess linja, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Google (Portata territorjali għat-tneħħija ta’ referenza) (C‑507/17, EU:C:2019:772), punt 60, b’riferimenti oħrajn.


61      Dan l-għan huwa komuni għall-kuntest regolatorju mmirat lejn it-tisħiħ tas-suq uniku tad-data. F’dan is-sens, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għad-data”, COM(2020) 66 final, punt 1, tispjega: “Issa li n-nies qed kulma jmur jiġġeneraw ammonti dejjem akbar ta’ data, il-mod kif tinġabar u tintuża d-data fis-soċjetà tagħna għandu jpoġġi l-interessi tal-individwu qabel kollox, u dan b’rispett lejn il-valuri, id-drittijiet fundamentali, u r-regoli Ewropej. Iċ-ċittadini lesti jafdaw u jilqgħu l-innovazzjonijiet immexxija mid-data biss jekk dawn ikollhom rashom mistrieħa li kull kondiviżjoni tad-data personali fl-UE tkun konformi bis-sħiħ mar-regoli stretti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data”.


62      Il-qorti tar-rinviju tidher li hija mħassba (digriet tar-rinviju, punt 5 tal-motivazzjoni tad-domandi) li l-kumpens jista’ jsir wieħed punittiv, ladarba l-GDPR diġà jipprevedi multi għoljin, u għaldaqstant, l-effikaċja tiegħu ma tkunx teħtieġ ukoll kumpens għoli għad-danni morali.


63      Kawża C‑30/19, Braathens Regional Aviation (EU:C:2021:269), punt 49: “il-ħlas ta’ ammont pekunjarju ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti t-talbiet ta’ persuna li jkollha l-intenzjoni li bħala prijorità jiġi rrikonoxxut, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab, li hija kienet vittma ta’ diskriminazzjoni, b’tali mod li dan il-ħlas ma jistax, għal dan il-għan, jitqies li għandu funzjoni reparatriċi sodisfaċenti”. Din il-kawża tikkonċerna d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


64      Ara Magnus, U., “Comparative Report on the Law of Damages”, f’Unification of Tort Law: Damages, Kluwer Law International, 2001, p. 187, paragrafi 14 u 15.


65      Tipikament, f’sistemi ta’ common law, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, fejn it-talba għal kumpens simboliku tidher bħala l-aħħar soluzzjoni għad-difiża tad-drittijiet kostituzzjonali. Għal sommarju tad-dibattiti dwar l-utilità tiegħu, ara Grealish, M-B., “A Dollar for Your Thoughts: Determining Whether Nominal Damages Prevent an Otherwise Moot Case from Being an Advisory Opinion”, f’Fordham L. Rev., Vol. 87, p. 733; u, reċentement, id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-EEUU, tat‑8 ta’ Marzu 2021, f’Uzuegbunam v Preczewski. In-nominal damages lanqas ma huma aċċettati b’mod paċifiku fir-Renju Unit: huwa preżunt li, fil-prattika, l-interess tal-kundanna għad-danni nominali jiddependi fuq il-fatt li l-benefiċjarju jitqies bħala r-rebbieħ għall-għanijiet tal-kumpens tal-ispejjeż ġudizzjarji, xi ħaġa li ma hijiex awtomatika wara d-deċiżjoni Anglo-Cyprian Trade Agencies Ltd vs Paphos Wine Industries Ltd [1951] 1 All ER 873.


66      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ (dak li kien) l-Artikolu 215 tat-Trattat KEE, kienet teħtieġ il-prova tad-dannu inkluż meta, fid-dawl tad-diffikultà sabiex jiġi pprovat, ir-rikorrent talab kumpens simboliku: sentenza tal‑21 ta’ Mejju 1976, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni (26/74, EU:C:1976:69), punti 23 u 24.


67      Fil-kuntest tal-proprjetà intellettwali, il-kumpens, bħala reazzjoni fid-dawl tal-ksur tar-regola, iservi sabiex jinkiseb l-għan innifsu, li huwa essenzjali f’dan il-kuntest, il-protezzjoni tal-integrità ekonomika tad-dritt. L-Artikolu 13(1)(a) tad-Direttiva 2004/48 jagħmel riferiment għall-“profitti inġusti li saru mill-kontravventur” bħala wieħed mill-fatturi li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom iqisu sabiex jistabbilixxu d-danni.


68      Previżjoni analoga tinsab fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390): “Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skond il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”


69      Il-fatt li l-emozzjonijiet jew s-sensazzjonijiet ma jistgħux jiġu deskritti b’mod preċiż, speċjalment jekk ikunu relatati ma’ riskji dwar x’jista’ jiġri lid-data fil-futur, wasslet sabiex ma jitqisux bħala danni, minħabba n-nuqqas ta’ speċifiċità suffiċjenti tagħhom jew minħabba n-natura ipotetika tagħhom.


70      Jiġifieri, fuq ix-chefs de préjudice jew il-heads of damage.


71      Skont din il-premessa, is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens “sħiħ u effettiv”. Ma naħsibx li din id-dikjarazzjoni hija rilevanti għat-tielet domanda preliminari peress li ma tagħmilx riferiment għall-kategoriji ta’ danni li jistgħu jiġu kkumpensati, iżda għall-kalkolu tal-kumpens (stadju loġikament sussegwenti għall-identifikazzjoni ta’ dak li jista’ jiġi kkumpensat, u li ma għandux jitħawwad miegħu). Fid-dawl tax-xogħlijiet preparatorji tal-GDPR, l-insistenza fuq il-kumpens “sħiħ u effettiv” jiggarantixxi li l-parteċipazzjoni ta’ diversi kontrolluri jew proċessuri ma tirriżultax f’kumpens parzjali biss tas-suġġett tad-data. Għaldaqstant, l-Artikolu 82(4) tal-GDPR jindika li “[…] kull kontrollur jew proċessur għandhom jinżammu responsabbli għad-dannu kollu, sabiex jiġi żgurat kumpens effettiv għas-suġġett tad-data”.


72      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 95/46 ma speċifikax id-danni li jistgħu jiġu kkumpensati, u dan wassal għal diskussjoni dwar liema danni kienu koperti. In-negozjati li seħħew qabel il-GDPR iffokaw fuq it-tneħħija tad-dubji dwar l-inklużjoni tad-danni mhux materjali. Fil-premessa 118 tal-proposta tal-Kummissjoni msemmija fil-punt ta’ qiegħ il-paġna 49, sar riferiment għall-kumpens għal kwalunkwe dannu. Fl-istadji sussegwenti għall-proċedura koleġiżlattiva ssemmiet “[k]walunkwe ħsara, kemm hi ta’ flus jew le”, li twassal għat-terminu “danni mhux finanzjarji” u finalment, twassal għat-terminu attwali “danni mhux materjali”.


73      Dan ma għamlitux fir-rigward tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 95/46, u lanqas ma għamlitu, sa issa, fir-rigward tal-Artikolu 82 tal-GDPR. U sakemm ma iniex sejjer żball, lanqas ma għamlet dan fir-rigward tal-Artikolu 56 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), jew l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni Qafas imħassra.


74      U lanqas ma identifikat metodu ta’ interpretazzjoni – awtonomu jew b’riferiment għall-ordinamenti nazzjonali – bħala preferenzjali: jiddependi mis-suġġett inkwistjoni. Qabbel is-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2001, Veedfald (C‑203/99, EU:C:2001:258), punt 27, dwar prodotti difettużi; tas‑6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251), punt 21, dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru; jew tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475), punti 37 et seq., dwar ir-responsabbiltà ċivili applikabbli għat-talbiet li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi bil-mutur. Dokumenti relatati man-negozjati tal-GDPR jirriflettu d-dubju tal-Istati Membri dwar jekk il-kunċetti ta’ danni u kumpens ta’ (dak li kien) l-Artikolu 77 għandhomx ikunu awtonomi jew le u jekk jattestawx il-pożizzjonijiet differenti f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni dehret li kienet favur ir-rinviju tal-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Nota tal-Presidenza Nru 17831/13 tas‑16 ta’ Diċembru 2013, nota ta’ qiegħ il-paġna 539.


75      Pereżempju, il-konsumaturi ta’ prodotti jew il-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.


76      Fir-rigward tal-vjaġġi kollox inkluż, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2002, Leitner (C‑168/00, EU:C:2002:163); fil-kuntest tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Haasová (C‑22/12, EU:C:2013:692), punti 47 sa 50; tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs (C‑277/12, EU:C:2013:685), punt 40; u tat‑23 ta’ Jannar 2014, Petillo (C‑371/12, EU:C:2014:26), punt 35.


77      Sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Petillo (C‑371/12, EU:C:2014:26), dispożittiv: id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix “leġiżlazzjoni nazzjonali […] li tipprovdi għal sistema partikolari ta’ kumpens għad-danni mhux materjali li jirriżultaw minn feriti ta’ natura ħafifa kkawżati mill-inċidenti tat-traffiku li jillimitaw il-kumpens għal dawn id-danni meta mqabbel ma’ dak li huwa ammess fil-qasam tal-kumpens ta’ danni identiċi li jirriżultaw minn inċidenti li ma humiex inċidenti tat-traffiku”.


78      Pereżempju, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2002, Leitner (C‑168/00, EU:C:2002:163), dwar it-telf tat-teħid tal-leave; u tas‑6 ta’ Mejju 2010, Walz (C‑63/09, EU:C:2010:251), dwar it-telf ta’ bagalji fil-qasam tal-vjaġġi kollox inkluż.


79      Sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Liffers (C‑99/15, EU:C:2016:173), punt 17, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/48, enfasizzat li d-dannu morali jikkostitwixxi komponent tad-dannu effettiv imġarrab “bil-kundizzjoni li [dan] jiġi stabbilit”. Loġikament, li dan jiġi stabbilit jippreżupponi r-realtà tad-dannu; u dan, min-naħa tiegħu, huwa qrib l-idea ta’ serjetà tad-dannu, għalkemm ma jikkoinċidix magħha.


80      Punt 51 Iktar ’il fuq.


81      Punti 45 et seq. iktar ’il fuq.


82      Reċentement, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, fl-Italja, il-Qorti ta’ Palermo, sez. I civile, sentenza 05/10/2017 Nru 5261, kif ukoll Cass Civ. Ord. Sez 6, Nru 17383/2020. Fil-Ġermanja, inter alia, AG Diez, 07.11.2018 - 8 C 130/18; LG Karlsruhe, 02.08.2019 - 8 O 26/19; u AG Frankfurt am Main, 10.07.2020 - 385 C 155/19 (70). Fl-Awstrija, OGH 6 Ob 56/21k.


83      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657), punt 51, dwar id-distinzjoni bejn “danni” fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluż f’Montreal fit‑28 ta’ Mejju 1999, u “inkonvenjenza” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, li jistgħu jiġu kkumpensati skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, skont is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716). F’dan is-settur, bħal f’dak tat-trasport ta’ passiġġieri bil-baħar u l-ilmijiet navigabbli interni msemmi fir-Regolament Nru 1177/2010, il-leġiżlatur seta’ jirrikonoxxi kategorija astratta li bis-saħħa tagħha l-fattur li jiġġenera l-problema, u l-essenza tiegħu, huma identiċi għall-persuni kkonċernati kollha. Ma naħsibx li tali inferenza hija possibbli fir-rigward tal-protezzjoni tad-data.


84      Il-mekkaniżmu paradigmatiku għall-eżerċizzju tad-dritt tal-Artikolu 82 tal-GDPR huwa l-kontenzjuż fi proċess ġudizzjarju ordinarju. Il-prinċipju ta’ effettività jista’, ċertament, jikkundizzjona l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar aspetti bħall-ispejjeż tal-qorti jew il-prova. Madankollu, id-diffikultà sabiex jiġi aċċettat li s-sempliċi inkonvenjenzi jistgħu jiġu kkumpensati ma hijiex dovuta biss għall-isproporzjon bejn il-valur monetarju tagħhom u l-ispiża ta’ kawża (apparti l-fatt li l-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja ma jitħallsux biss mill-partijiet). Ma jidhirlix li huwa ġġustifikat, minħabba s-silenzju tal-GDPR, li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jfasslu proċedura ad hoc.


85      Infakkar li, konformement mal-Artikolu 82(3) tal-GDPR, il-kontrollur jew il-proċessur ikunu eżentati mir-responsabbiltà biss jekk jagħtu prova li ma jkunu responsabbli bl-ebda mod għall-fatt li wassal għad-dannu.


86      B’dawn ir-riflessjonijiet ma nippreġudikax jekk, f’din il-kawża, is-sitwazzjoni ta’ UI waqgħetx f’kategorija waħda jew f’oħra; dan għandu jiġi deċiż mill-qorti tar-rinviju.


87      L-istess japplika għall-ammont tal-kumpens.