Language of document : ECLI:EU:C:2023:370

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Mejju 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 82(1) – Dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar ta’ data mwettaq bi ksur ta’ dan ir-regolament – Kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens – Insuffiċjenza ta’ sempliċi ksur tal-imsemmi regolament – Neċessità ta’ dannu kkawżat mill-imsemmi ksur – Kumpens għal dannu morali li jirriżulta minn tali pproċessar – Inkompatibbiltà ta’ regola nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens għal tali dannu għall-qbiż ta’ livell ta’ gravità – Regoli għall-iffissar tad-danni mill-qrati nazzjonali”

Fil-Kawża C‑300/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

UI

vs

Österreichische Post AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal UI, minnu nnifsu, bħala Rechtsanwalt,

–        għal Österreichische Post AG, minn R. Marko, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce, M. Lane u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, M. Heller u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”), moqri flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UI u Österreichische Post AG, dwar rikors ippreżentat mill-ewwel wieħed intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu morali li huwa jsostni li ġarrab minħabba l-ipproċessar minn din il-kumpannija ta’ data dwar l-affinitajiet politiċi ta’ persuni residenti fl-Awstrija, b’mod partikolari tiegħu stess, meta ma kienx ta l-kunsens tiegħu għal tali pproċessar.

 Ilkuntest ġuridiku

3        Il-premessi 10, 75, 85 u 146 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:

“(10)      Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni [Ewropea], il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. […]

[…]

(75)      Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, bi probabbiltà u gravità li jvarjaw, jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ data personali li tista’ twassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali, b’mod partikolari fejn l-ipproċessar jista’ jagħti lok għal diskriminazzjoni, serq ta’ identità jew frodi, telf finanzjarju, dannu għar-reputazzjoni, telf ta’ kunfidenzjalità ta’ data personali protetta mis-segretezza professjonali, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor; jew fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew impediti milli jeżerċitaw kontroll fuq id-data personali tagħhom; fejn tiġi pproċessata data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, […].

[…]

(85)      Il-vjolazzjoni ta’ data personali tista’, jekk ma tiġix indirizzata b’mod adegwat u fil-ħin, tirriżulta f’dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali lill-persuni fiżiċi bħat-telf ta’ kontroll tad-data personali tagħhom jew limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom, diskriminazzjoni, serq tal-identità jew frodi, telf finanzjarju, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, dannu għar-reputazzjoni, telf ta’ kunfidenzjalità tad-data personali protetta mis-segretezza professjonali jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali ieħor għall-persuna fiżika kkonċernata. […]

[…]

(146)      Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jikkumpensa għal kwalunkwe dannu li tista’ ssofri persuna b’riżultat ta’ pproċessar li jikser dan ir-Regolament. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu. Il-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa b’mod sħiħ l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe talba għal kumpens għal danni li tirriżulta minn ksur ta’ regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. L-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament jinkludi wkoll l-ipproċessar li ma jkunx f’konformità mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru li jispeċifikaw ir-regoli ta’ dan ir-Regolament. Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu. […]”

4        L-Artikolu 1 tal-GDPR, intitolat “Suġġett u objettivi”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu li:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

2      Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.”

5        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); […]”

6        Il-Kapitolu VIII tal-GDPR, intitolat “Rimedji, responsabbiltà u pieni”, jinkludi l-Artikoli 77 sa 84 ta’ dan ir-regolament.

7        L-Artikolu 77 tal-imsemmi regolament jirrigwarda d-“[d]ritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja”, filwaqt li l-Artikolu 78 tiegħu jirrigwarda d-“[d]ritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja”.

8        L-Artikolu 82 tal-GDPR, intitolat “Dritt għal kumpens u responsabbiltà”, jgħid, fil-paragrafu 1 u 2 tiegħu, li:

“1.      Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.

2.      Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. […]”

9        L-Artikolu 83 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali.”

10      L-Artikolu 84 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pieni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni oħrajn applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari għal ksur li ma jkunx soġġett għal multi amministrattivi skont l-Artikolu 83, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

11      Mis-sena 2017, Österreichische Post, kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak li tipprattika l-bejgħ ta’ indirizzi, ġabret informazzjoni dwar l-affinitajiet politiċi tal-popolazzjoni Awstrijaka. Bl-użu ta’ algoritmu li jieħu inkunsiderazzjoni diversi kriterji soċjali u demografiċi, hija ddefinixxiet “indirizzi ta’ gruppi fil-mira”. Id-data ġġenerata b’dan il-mod inbiegħet lil organizzazzjonijiet differenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu kunsinni mmirati ta’ reklamar.

12      Fil-kuntest tal-attività tagħha, Österreichische Post ipproċessat data li, permezz ta’ estrapolazzjoni statistika, wasslitha sabiex tiddeduċi affinità għolja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma’ ċertu partit politiku Awstrijak. Dawn l-elementi ma ġewx trażmessi lil terzi, iżda r-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ma kienx ta l-kunsens tiegħu għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu, ħassu offiż li kienet ġiet attribwita lilu affinità mal-partit inkwistjoni. Il-fatt li d-data dwar l-opinjonijiet politiċi allegati tiegħu nżammu fi ħdan din il-kumpannija kkawżalu skuntentizza kbira, telf ta’ fiduċja, kif ukoll sentiment ta’ umiljazzjoni. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li ma ġie kkonstatat ebda dannu ieħor għajr dawn id-danni ta’ natura temporanja u ta’ natura emozzjonali.

13      F’dan il-kuntest, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta, quddiem il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (il-Qorti Reġjonali li Tiddeċiedi fil-Qasam Ċivili ta’ Vjenna, l-Awstrija), rikors intiż, minn naħa, sabiex Österreichische Post tiġi ordnata twaqqaf l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex din il-kumpannija tiġi kkundannata tħallsu l-ammont ta’ EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa jsostni li ġarrab. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2020, din il-qorti laqgħet it-talba għal waqfien, iżda ċaħdet it-talba għal kumpens.

14      Adita b’appell, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) ikkonfermat, permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza. Fir-rigward tat-talba għal kumpens, din il-qorti rreferiet għall-premessi 75, 85 u 146 tal-GDPR u qieset li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili jikkompletaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, sa fejn dan ma jinkludix regoli speċjali. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li, skont id-dritt Awstrijak, ksur tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data personali ma jwassalx awtomatikament għal dannu morali u jagħti dritt għal kumpens biss meta tali dannu jilħaq ċertu “livell ta’ gravità”. Issa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tas-sentimenti negattivi li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien invoka.

15      Adita miż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ sentenza interlokutorja tal‑15 ta’ April 2021, ma laqgħetx ir-rikors għal reviżjoni li Österreichische Post ippreżentat kontra l-obbligu ta’ waqfien li kien ġie impost fuqha. Għaldaqstant, din il-qorti tibqa’ adita unikament bir-rikors għal reviżjoni li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal kumpens li kienet ġiet deċiża fir-rigward tiegħu.

16      Insostenn tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li mill-premessa 146 tal-GDPR jirriżulta li l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament stabbilixxa sistema proprja ta’ responsabbiltà fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, li ssostitwixxiet is-sistemi fis-seħħ fl-Istati Membri. Għaldaqstant, il-kunċetti li jinsabu f’dan l-Artikolu 82, b’mod partikolari l-kunċett ta’ “dannu” msemmi fil-paragrafu 1 tiegħu, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-imsemmija responsabbiltà għandhom jiġu ddefiniti mhux fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

17      B’mod iktar preċiż, fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dritt għal kumpens minħabba ksur tal-protezzjoni tad-data personali, din il-qorti għandha t-tendenza li tqis, fid-dawl tas-sitt sentenza tal-premessa 146 tal-GDPR, li kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament jippreżupponi li dannu materjali jew morali jkun ġie realment imġarrab mis-suġġett tad-data. L-għoti ta’ tali kumpens huwa suġġett għall-prova ta’ dannu konkret distint mill-imsemmi ksur, li fih innifsu ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ dannu morali. Il-premessa 75 tal-imsemmi regolament issemmi s-sempliċi possibbiltà li dannu morali jirriżulta mill-istanzi ta’ ksur elenkati fih u, għalkemm il-premessa 85 tiegħu ssemmi ċertament ir-riskju ta’ “telf ta’ kontroll” tad-data affettwata, dan ir-riskju huwa madankollu inċert f’dan il-każ, peress li din ma ġietx trażmessa lil terz.

18      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kumpens li jista’ jingħata skont l-Artikolu 82 tal-GDPR, l-imsemmija qorti tqis li l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandu jkollu effett limitat, għar-raġunijiet li dan ir-regolament diġà jipprevedi sanzjonijiet iebsa fil-każ ta’ ksur tiegħu u li għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġu allokati wkoll danni għolja sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tiegħu. Fil-fehma tagħha, il-kumpens għad-dannu dovut f’dan ir-rigward għandu jkun proporzjonat, effettiv u dissważiv, sabiex id-danni mogħtija jkunu jistgħu jissodisfaw funzjoni kumpensatorja, iżda ma jkunux ta’ natura punittiva, li hija estranja għad-dritt tal-Unjoni.

19      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqiegħed f’dubju l-argument, difiż minn Österreichische Post, li jgħid li l-għoti ta’ tali kumpens huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-ksur tal-protezzjoni tad-data personali jkun ikkawża dannu partikolarment gravi. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-premessa 146 tal-GDPR tiffavorixxi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dannu”, fis-sens ta’ dan ir-regolament. Hija tqis li dannu morali għandu jiġi kkumpensat, skont l-Artikolu 82 tiegħu, jekk ikun tanġibbli, anki jekk ikun żgħir. Min-naħa l-oħra, tali dannu ma għandux jiġi kkumpensat jekk jidher totalment negliġibbli, bħalma huwa l-każ fil-preżenza ta’ sempliċi sentimenti spjaċevoli li normalment jakkumpanjaw tali ksur.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-għoti ta’ kumpens taħt l-Artikolu 82 [tal-GDPR] jeżiġi, minbarra ksur tad-dispożizzjonijiet [tal-GDPR], li r-rikorrent ikun sofra dannu, jew il-ksur tad-dispożizzjonijiet [tal-GDPR] huwa suffiċjenti minnu nnifsu għall-għoti ta’ kumpens?

2)      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kumpens, jeżistu, minbarra l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni?

3)      Il-pożizzjoni skont liema l-għoti ta’ kumpens għal dannu morali jippreżupponi l-eżistenza ta’ konsegwenza jew effett tal-ksur tad-dritt li għandhom ta’ mill-inqas ċertu piż u li jmorru lil hinn minn skuntentizza kkawżata mill-ksur tad-dritt hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lammissibbiltà talewwel u tattieni domanda

21      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni, essenzjalment, li l-ewwel domanda magħmula hija inammissibbli, għar-raġuni li hija ipotetika. Huwa jsostni, qabelxejn, li l-azzjoni tiegħu għal kumpens ma hijiex ibbażata fuq “sempliċi” ksur ta’ dispożizzjoni tal-GDPR. Sussegwentement, id-deċiżjoni ta’ rinviju ssemmi l-eżistenza ta’ konsensus dwar il-fatt li kumpens huwa dovut biss meta tali ksur ikun akkumpanjat minn dannu effettivament imġarrab. Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħu, l-unika ħaġa li tidher li hija kkontestata bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali hija l-kwistjoni dwar jekk id-dannu għandux jaqbeż ċertu “livell ta’ gravità”. Issa, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda magħmula f’dan ir-rigward fin-negattiv – kif huwa stess jipproponi –, l-ewwel domanda tkun għalhekk irrilevanti sabiex tiġi deċiża l-imsemmija kawża.

22      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega wkoll li t-tieni domanda magħmula hija inammissibbli, għar-raġuni li din hija fl-istess ħin wiesgħa ħafna fir-rigward tal-kontenut tagħha u hija impreċiża wisq fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, peress li l-qorti tar-rinviju ssemmi “rekwiżiti […] tad-dritt tal-Unjoni”, mingħajr ma tindika b’mod konkret waħda minnhom.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 61; tas‑7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačka banka, C‑567/20, EU:C:2022:352, punt‑43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’din il-proċedura, l-ewwel domanda tirrigwarda l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82 tal-GDPR. Barra minn hekk, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandhiex rabta mal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, minn naħa, din it-tilwima tirrigwarda talba għal kumpens li taqa’ taħt is-sistema ta’ protezzjoni tad-data personali stabbilita mill-GDPR. Min-naħa l-oħra, din il-kwistjoni hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ responsabbiltà stabbiliti minn dan ir-regolament, huwiex neċessarju li s-suġġett tad-data jkun ġarrab dannu li huwa distint mill-ksur tiegħu.

25      Għal dak li jirrigwarda t-tieni domanda, diġà ġie deċiż li s-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi f’termini astratti u ġenerali ma jistax ikollu l-effett li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C‑162/06, EU:C:2007:681, punt 24). Domanda magħmula f’tali termini tista’ titqies li hija ipotetika, u għalhekk inammissibbli, jekk id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix minimu ta’ spjegazzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita rabta bejn l-imsemmija domanda u l-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Sanresa, C‑295/20, EU:C:2021:556, punti 69 u 70).

26      Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li l-qorti tar-rinviju tispjega li t-tieni domanda tagħha hija bbażata fuq dubju dwar jekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-danni possibbilment dovuti minn Österreichische Post minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet tal-GDPR, huwiex neċessarju li tiġi żgurata l-osservanza mhux biss tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li jissemmew f’din id-domanda, iżda wkoll ta’ eventwali rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-assenza ta’ indikazzjonijiet iktar preċiżi minn dawk ipprovduti minn din il-qorti dwar l-imsemmija prinċipji ma ċċaħħadx lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-kapaċità tagħha li tagħti interpretazzjoni utli tar-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

27      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni domanda huma ammissibbli.

 Fuq ilmertu

 Fuq lewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huwa biżżejjed sabiex jagħti dritt għal kumpens.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 81, u tal‑10 ta’ Frar 2022, ShareWood Switzerland C‑595/20, EU:C:2022:86, punt 21), li għandha, b’mod partikolari, titfittex billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata u l-kuntest li fih tinsab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2021, The North of England P & I Association, C‑786/19, EU:C:2021:276, punt 48, kif ukoll tal‑10 ta’ Ġunju 2021, KRONE – Verlag, C‑65/20, EU:C:2021:471, punt 25).

30      Issa, il-GDPR ma jagħmilx riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda s-sens u l-portata tat-termini li jinsabu fl-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċetti ta’ “dannu materjali jew morali” u ta’ “kumpens għad-dannu mġarrab”. Minn dan jirriżulta li dawn it-termini għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, bħala li jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

31      Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-test tal-Artikolu 82 tal-GDPR, għandu jitfakkar li l-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li “[k]walunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab”.

32      Minn naħa, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ “dannu” li jkun “iġġarrab” tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens previst fl-imsemmija dispożizzjoni, bħall-eżistenza ta’ ksur tal-GDPR u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur, peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi.

33      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li kull “ksur” tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jagħti, waħdu, l-imsemmi dritt għal kumpens għall-benefiċċju tas-suġġett tad-data, kif iddefinit fil-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 82(1) tal-imsemmi regolament.

34      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li r-riferiment distint għal “dannu” u għal “ksur”, fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR, ikun superfluwu li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien qies li ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jista’ jkun biżżejjed, waħdu u fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi stabbilit dritt għal kumpens.

35      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni letterali preċedenti hija kkorroborata mill-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni.

36      Fil-fatt, l-Artikolu 82(2) tal-GDPR, li jispeċifika s-sistema ta’ responsabbiltà li l-prinċipju tagħha huwa stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jirriproduċi t-tliet kundizzjonijiet neċessarji sabiex jinħoloq id-dritt għal kumpens, jiġifieri pproċessar ta’ data personali mwettaq bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, dannu mġarrab mis-suġġett tad-data, u rabta kawżali bejn dan l-ipproċessar illegali u dan id-dannu.

37      Barra minn hekk, il-kjarifiki pprovduti mill-premessi 75, 85 u 146 tal-GDPR jikkonfermaw din l-interpretazzjoni. Minn naħa, il-premessa 146, li tirrigwarda speċifikament id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) ta’ dan ir-regolament, tirreferi, fl-ewwel sentenza tagħha, għall-“dannu li tista’ ssofri persuna b’riżultat ta’ pproċessar li jikser [l-imsemmi regolament]”. Min-naħa l-oħra, il-premessi 75 u 85 isemmu, rispettivament, li “riskji […] jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ data personali li tista’ twassal għal dannu” u li “vjolazzjoni ta’ data personali tista’ […] tirriżulta f’dannu”. Minn dan jirriżulta, l-ewwel, li l-ikkawżar ta’ dannu fil-kuntest ta’ tali pproċessar huwa biss potenzjali, it-tieni, li ksur tal-GDPR ma jwassalx neċessarjament għal dannu u, it-tielet, li għandha teżisti rabta kawżali bejn il-ksur inkwistjoni u d-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data sabiex jiġi stabbilit dritt għal kumpens.

38      L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR hija kkorroborata wkoll minn paragun ma’ dispożizzjonijiet oħra li jinsabu wkoll fil-Kapitolu VIII ta’ dan ir-regolament, li jirregola, b’mod partikolari, ir-rimedji ġudizzjarji differenti li jippermettu li jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġett tad-data fil-każ ta’ pproċessar tad-data personali tiegħu allegatament kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 77 u 78 tal-GDPR, li jinsabu fl-imsemmi kapitolu, jipprevedu rimedji ġudizzjarji quddiem awtorità superviżorja, fil-każ ta’ ksur allegat ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jissemma li s-suġġett tad-data għandu jkun ġarrab “dannu” sabiex ikun jista’ jippreżenta tali rikorsi, kuntrarjament għat-termini użati fl-imsemmi Artikolu 82 fir-rigward tal-azzjonijiet għal kumpens. Din id-differenza fil-formulazzjoni turi l-importanza tal-kriterju tad-“dannu”, u għalhekk tas-singularità tiegħu meta mqabbel mal-kriterju tal-“ksur”, għall-finijiet tat-talbiet għal kumpens ibbażati fuq il-GDPR.

40      Bl-istess mod, l-Artikoli 83 u 84 tal-GDPR, li jippermettu li jiġu imposti multi amministrattivi kif ukoll sanzjonijiet oħra, għandhom essenzjalment għan punittiv u ma humiex suġġetti għall-eżistenza ta’ dannu individwali. Ir-relazzjoni bejn ir-regoli stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 82 u dawk stabbiliti fl-imsemmija Artikoli 83 u 84 turi li teżisti differenza bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet, iżda wkoll komplementarjetà, f’termini ta’ inċentiv għall-osservanza tal-GDPR, filwaqt li għandu jiġi osservat li d-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal dannu jsaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli ta’ protezzjoni previsti minn dan ir-regolament u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi r-repetizzjoni ta’ aġir illegali.

41      Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li r-raba’ sentenza tal-premessa 146 tal-GDPR tindika li r-regoli stabbiliti minn dan tal-aħħar għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni għad-danni bbażata fuq ksur ta’ regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt ta’ Stat Membru.

42      Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma huwiex biżżejjed sabiex jingħata dritt għal kumpens.

 Fuq ittielet domanda

43      Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola jew prattika nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens għal dannu morali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li d-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data jkun laħaq ċertu livell ta’ gravità.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “dannu” u, b’mod iktar speċifiku f’dan il-każ, il-kunċett ta’ “dannu morali”, fis-sens tal-Artikolu 82 tal-GDPR, għandhom jirċievu, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għad-dritt intern tal-Istati Membri, definizzjoni awtonoma u uniformi, speċifika għad-dritt tal-Unjoni.

45      Fl-ewwel lok, il-GDPR ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “dannu”, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-istrument. L-Artikolu 82 tiegħu jillimita ruħu li jiddikjara b’mod espliċitu li jistgħu jagħtu dritt għal kumpens mhux biss “dannu materjali”, iżda wkoll “dannu morali”, mingħajr ma jissemma xi livell ta’ gravità.

46      Fit-tieni lok, il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni donnu jindika wkoll li d-dritt għal kumpens ma huwiex suġġett għall-fatt li d-dannu kkunsidrat għandu jilħaq ċertu livell ta’ gravità. Fil-fatt, il-premessa 146 tal-GDPR, tiddikjara, fit-tielet sentenza tagħha, li “[i]l-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa b’mod sħiħ l-objettivi ta’ dan ir-Regolament”. Issa, din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dannu”, ippreferuta mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tiġi kkontradetta jekk l-imsemmi kunċett ikun limitat biss għad-danni ta’ ċerta gravità.

47      Fit-tielet u fl-aħħar lok, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mill-GDPR. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tielet sentenza tal-premessa 146 ta’ dan ir-regolament tistieden espressament li jittieħdu inkunsiderazzjoni “b’mod sħiħ l-objettivi [tal-imsemmi regolament]” sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “dannu”, fis-sens tiegħu.

48      B’mod partikolari, mill-premessa 10 tal-GDPR jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom, b’mod partikolari, l-għanijiet li jiżguraw livell koerenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Unjoni u, għal dan l-għan, li jiżguraw applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tali data fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 101, kif ukoll tat‑12 ta’ Jannar 2023, Österreichische Post (Informazzjoni dwar id-destinatarji ta’ data personali), C‑154/21, EU:C:2023:3, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Issa, l-issuġġettar tal-kumpens għal dannu morali għal ċertu livell ta’ gravità jista’ jippreġudika l-koerenza tas-sistema stabbilita mill-GDPR, peress li l-gradwazzjoni ta’ tali livell, li fuqu tiddependi l-possibbiltà jew le li jinkiseb l-imsemmi kumpens, tista’ tvarja skont l-evalwazzjoni tal-qrati aditi.

50      Xorta jibqa’ l-fatt li l-interpretazzjoni hekk adottata ma tistax tinftiehem bħala li timplika li persuna kkonċernata bi ksur tal-GDPR li kellu konsegwenzi negattivi fil-konfront tagħha tkun eżentata milli turi li dawn il-konsegwenzi jikkostitwixxu dannu morali, fis-sens tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament.

51      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola jew prattika nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens għal dannu morali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li d-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data jkun laħaq ċertu livell ta’ gravità.

 Fuq ittieni domanda

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82 tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tad-danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens stabbilit f’dan l-artikolu, il-qrati nazzjonali għandhom japplikaw ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, b’osservanza mhux biss tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-aspetti proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 26, u tal‑15 ta’ Settembru 2022, Uniqa Versicherungen, C‑18/21, EU:C:2022:682, punt 36).

54      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-GDPR ma jinkludix dispożizzjoni li għandha l-għan li tiddefinixxi r-regoli dwar l-evalwazzjoni tad-danni li suġġett tad-data, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jista’ jitlob, skont l-Artikolu 82 tiegħu, meta ksur tal-imsemmi regolament ikun ikkawżalu dannu. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-azzjonijiet intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt dan l-Artikolu 82 u, b’mod partikolari, il-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens dovut f’dan il-kuntest, bla ħsara għall-osservanza tal-imsemmija prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punti 92 u 98).

55      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, f’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda prova ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li hija applikabbli għall-kawża prinċipali u, għaldaqstant, ta’ natura li tindika li l-imsemmi prinċipju jista’ jkollu effett konkret fil-kuntest ta’ din it-tilwima.

56      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-modalitajiet previsti fid-dritt Awstrijak, għall-iffissar ġudizzjarju tad-danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 82 tal-GDPR, jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku minn dan ir-regolament.

57      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li s-sitt sentenza tal-premessa 146 tal-GDPR tindika li dan l-istrument huwa intiż li jiżgura “kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu [mġarrab]”.

58      F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-funzjoni kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82 tal-GDPR, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 39, 49 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, kumpens pekunjarju bbażat fuq din id-dispożizzjoni għandu jitqies li huwa “komplet u effettiv” jekk jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jkun neċessarju, għall-finijiet ta’ tali kumpens sħiħ, li jiġi impost il-ħlas ta’ danni punittivi.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 82 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tad-danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens stabbilit f’dan l-artikolu, il-qrati nazzjonali għandhom japplikaw ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq lispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

is-sempliċi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma huwiex biżżejjed sabiex jingħata dritt għal kumpens.

2)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi regola jew prattika nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens għal dannu morali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li d-dannu mġarrab mis-suġġett tad-data jkun laħaq ċertu livell ta’ gravità.

3)      L-Artikolu 82 tar-Regolament Nru 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tad-danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens stabbilit f’dan l-artikolu, il-qrati nazzjonali għandhom japplikaw ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.