Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2013 – Kadhaf Al Dam vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-348/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ahmed Mohammed Kadhaf Al Dam (il-Kajr, l-Eġittu) (rappreżentant: H. de Charette, avukat)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorent

tiddikjara li

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/182/PESK, tat-22 ta’ April 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, sa fejn din ma neħħietx isem ir-rikorrent mill-Anness II u mill-Anness IV tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK;

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK, tat-28 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja sa fejn l-Annessi II u IV tagħha jinkludu isem ir-rikorrent;

ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2010, tat-2 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, sa fejn l-Anness III tiegħu jinkludi isem ir-rikorrent;

ma japplikawx fir-rigward tiegħu;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ħlas simboliku ta’ EUR 1 bħala kumpens għad-dannu subit;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali, kompost minn erba’ partijiet ibbażati:

fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, peress li dan ma ġiex mismugħ qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu;

fuq l-assenza ta’ notifika tal-atti kkontestati lir-rikorrent u dan minkejja l-fatt li l-indirizz tiegħu huwa magħruf mill-awtoritajiet;

fuq l-assenza ta’ motivazzjoni, peress li l-motivazzjoni pprovduta fl-atti kkontestati insostenn tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent la huma relatati mas-sitwazzjoni attwali fil-Libja u lanqas mal-għanijiet imfittxa;

fuq in-nuqqas ta’ seduta.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, kompost minn żewġ partijiet ibbażati:

fuq l-assenza ta’ utilità pubblika jew ta’ interess ġenerali tal-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent, peress li huwa kien iddisassoċja ruħu uffiċjalment mill-Gvern Libjan;

fuq nuqqas ta’ ċertezza legali.