Language of document : ECLI:EU:T:2010:68

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tmien Awla)

4 ta’ Marzu 2010(*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Trattament individwali – Teħid ta’ kampjuni – Drittijiet tad-difiża – Trattament ugwali – Dannu – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑407/06 u T‑408/06,

Zhejiang Aokang Shoes Co., Ltd, stabbilita f’Yongjia (iċ-Ċina),

rikorrenti fil-Kawża T‑407/06,

Wenzhou Taima Shoes Co., Ltd, stabbilita f’Wenzhou (iċ-Ċina),

rikorrenti fil-Kawża T‑408/06,

irrappreżentati minn I. MacVay, solicitor, R. Thompson, QC, u K. Beal, barrister,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avocat,

konvenut,

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u T. Scharf, bħala aġenti,

mill-

Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), stabbilita f’Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn P. Vlaemminck, G. Zonnekeyn u S. Verhulst, sussegwentement minn P. Vlaemminck u A. Hubert, avocats,

u minn

BA.LA. di Lanciotti Vittorio & C. Sas, stabbilita f’Monte Urano (l-Italja), u s-sittax-il intervenjent ieħor li ismu huwa mniżżel fl-anness, minn G. Celona, P. Tabellini u C. Cavaliere, avocats,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006, tal-5 ta’ Ottubru 2006, [li] jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485), sa fejn ir-regolament jirrigwarda lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10 p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir- “Regolament bażiku”), jistabbilixxi li:

“1. Dazju kontra xiri taħt il-prezz [Dazju antidumping] jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara [dannu].

2. Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.”

2        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku “[i]l-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur”.

3        Fir-rigward tar-rekwiżiti għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jistipula:

“ Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet […] [m]ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina […], il-valur normali jkun stabbilit skond kif provdut fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati […], li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.”

4        Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku:

“6. Fejn il-Kummissjoni llimitat l-eżaminazzjoni tagħha skond l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju kontra l-bejgħ taħt il-prezz [dazju antidumping] applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l-Artikolu 17 imma ma ġewx inklużi fl-eżaminazzjoni ma għandux jaqbeż il-marġini medja stabbilit għall-partijiet fil-kampjun […]. Dazji individwali għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet minn kwlaunkwe esportatur jew produttur li huwa mogħti trattament individwali, kif previsti fl-Artikolu 17.”

5        Fir-rigward tat-teknika tat-teħid tal-kampjuni, l-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li:

“1. F’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum [rappreżentattiv] ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

[…]

3. F’każijiet fejn l-eżaminazzjoni tkun ġiet limitata skond dan l-Artikolu, il-marġini individwali tal-bejgħ taħt il-prezz [tad-dumping] għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat għal kwalunkwe esportatur jew produttur mhux inizzjalment magħżul li jissottometti l-informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien previsti f’dan id-Regolament, ħlief fejn in-numru ta’ esportaturi jew produtturi jkun daqshekk kbir li eżaminazzjonijiet individwali kienu jkunu ta’ piż mhux dovut u kienu jkunu ta’ xkiel għat-tmiem ta’ l-investigazzjoni f’qasir żmien.”

6        Fir-rigward tal-mod ta’ kif għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu, l-Artikolu 3(1), (2) u (6) tar-Regolament bażiku jistipula li:

“1. Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘ħsara’ għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2. Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’ (a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

[…]

6. Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.”

7        Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku “[l]-ammont tad-dazju proviżjonali kontra l-bejgħ taħt il-prezz [dazju antidumping] ma għandux jaqbeż il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit [marġni antidumping], iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk dazju inqas kien ikun xieraq biex ineħħi l-ħsara [d-dannu] lill-industrija Komunitarja.”

8        Skont l-Artikolu 18(3) u (4) tar-Regolament bażiku:

“3. Fejn l-informazzjoni sottomessa minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà mhux dovuta fil-wasla għas-sejba preċiża b’mod raġjonevoli u li l-informazzjoni tiġi sottomessa kif xieraq f’qasir żmien u li din tista’ tiġi vverifikata, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

4. Jekk evidenza jew informazzjoni mhumiex aċċettati, il-parti li tforni l-informazzjoni għandha tiġi infurmata mill-ewwel bir-raġunijiet segwenti u għandha tiġi mogħtija l-opporunità li tagħti iktar spjegazzjonjiet fi żmien il-limitu ta’ żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet jiġu kkunsidrati mhux soddisfaċenti, ir-raġunijiet għal ċaħda ta’ evidenza jew informazzjoni bħal din għandhom jiġu rivelati u mogħtija f’sejbiet pubblikati.”

9        L-Artikolu 20(1), (2), (4) u (5) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li:

“1. Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu żvelar tad-dettalji taħt il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet fuq il-bażi li fuqha ġew imposti l-miżuri proviżjonali. Talbiet għal żvelar bħal dan għandhom jiġu magħmula bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżjonali, u l-iżvelar għandu jsir bil-miktub kemm jista’ jkun malajr possibbli wara.

2. Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċeduri mingħajr impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżvelar ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżuri proviżjonali.

[…]

4. Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.

5. Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10t’ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni.”

10      Skont l-Artikolu 6(9) tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“kodiċi antidumping tal-1994”), li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82 ):

“L-awtoritajiet għandhom, qabel ma ssir id-determinazzjoni finali, jinfurmaw lill-partijiet interessati dwar il-fatti essenzali li qed jitqiesu, liema fatti jinfurmaw il-bażi għad-deċiżjoni ta’ jekk għandhomx jew le jiġu applikati miżuri definittivi. Dan l-isvelar għandu jsir fiż-żmien biżżejjed sabiex jippermetti lill-partijiet jiddefendu l-interessi tagħhom”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament ikkontestat

11      Ir-rikorrenti, Zhejiang Aokang Shoes Co., Ltd u Wenzhou Taima Shoes Co., Ltd, huma żewġ kumpanniji stabbiliti fiċ-Ċina li jipproduċu u jesportaw żraben.

12      L-importazzjonijiet ta’ żraben li ġejjin miċ-Ċina li jaqgħu f’ċerti kategoriji tan-Nomenklatura Magħquda kienu suġġetti għal sistema ta’ kwoti kwantitattivi li skadiet fl-1 ta’ Jannar 2005.

13      Wara ilment ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2005 mill-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam. L-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2005 (ĠU C 166, p. 14, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ bidu ta’ proċedura”).

14      Fid-dawl tan-numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati, ġie kkunsidrat, fil-punt 5(1)(a) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, illi jsir użu mit-teknika tat-teħid ta’ kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

15      Ir-rikorrenti kkuntattjaw lill-Kummissjoni u fil-25 ta’ Lulju 2005 għaddewlha l-informazzjoni mitluba fil-punt 5(1)(a) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura sabiex jingħataw l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem “MET”) jew, fin-nuqqas, li jibbenefikaw minn trattament individwali (iktar ’il quddiem “IT”). Permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Jannar 2006, l-avukat tar-rikorrenti staqsa lill-Kummissjoni x’kienu l-intenzjonijiet tagħha dwar il-proċedura li għandha tittieħed fir-rigward tat-talbiet għal MET/IT mressqa mill-esportaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun u li t-talbiet tagħhom ma ġewx eżaminati b’mod individwali. Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni indikat illi peress li l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja, hija ma kinitx ser tikkumenta dwar dan is-suġġett.

16      Fit-23 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 553/2006 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam (ĠU L 98, p. 3, iktar ’il quddiem ir- “Regolament provviżorju”).

17      Skont il-premessa 9 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tal-provi rilevanti sabiex tiġi evalwata d-dannu kien jirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

18      Peress illi huwa meħtieġ li jiġi stabbilit valur normali tal-prodotti tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi u Vjetnamiti li għalihom il-MET jista’ ma jingħatax, saret żjara ta’ verifika fil-bini ta’ tliet kumpanniji Brażiljani. Iż-żjara ta’ verifika kienet maħsuba sabiex tistabbilixxi l-valur normali fuq il-bażi ta’ data li tikkonċerna pajjiż simili, li f’dan il-każ kien ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil (premessa 8 tar-Regolament provviżorju).

19      Mill-premessi 10, 11, 40 u 41 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-prodott ikkonċernat jinkludi essenzjalment sandlijiet, buts, żraben normali u żraben eleganti, ilkoll prodotti bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostitwita. Barra minn hekk, mill-premessi 12 sa 31 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni eskludiet mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat iż-żraben tal-isports b’teknoloġija speċjali (Special Technology Athletic Footwear, iktar ’il quddiem, l-“iSTAF”) u li hija inkludiet f’din l-esklużjoni ż-żraben għat-tfal.

20      Il-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi d-dumping, użat it-teknika tat-teħid ta’ kampjun. Skont il-premessa 55 tar-Regolament provviżorju, fost il-produtturi-esportaturi Ċiniżi li resqu ’l quddiem sabiex jiġu inklużi fil-kampjun, 154 minnhom esportaw lejn il-Komunità waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni. Skont din l-istess premessa, fil-bidu, dawn il-kumpanniji tqisu li kkooperaw u ġew ikkunsidrati għall-finijiet tal-kompożizzjoni tal-kampjun.

21      Mill-premessa 57 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni fl-aħħar nett ħadet kampjun li kien jinkludi tlettax-il produttur-esportatur Ċiniż li jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Komunità. Skont il-premessa 59 tal-istess regolament, il-kriterji meqjusa għall-finijiet tal-għażla inkwistjoni kienu, l-ewwel nett, id-daqs tal-produttur-esportatur f’termini ta’ bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, u, it-tieni nett, id-daqs ta’ dawn il-produtturi-esportaturi f’termini ta’ bejgħ nazzjonali. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar kriterju, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 60 tar-Regolament provviżorju, li d-data marbuta mal-bejgħ nazzjonali żżid ir-rappreżentazzjoni tal-kampjun billi tipprovdi informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-swieq nazzjonali. Skont il-premessa 61 tar-Regolament provviżorju, il-kumpanniji Ċiniżi magħżula fil-kampjun kienu jirrappreżentaw 25 % tal-volum esportat lejn il-Komunità u 42 % tal-bejgħ fis-suq nazzjonali li sar mill-produtturi li kkooperaw waqt l-investigazzjoni. Skont din l-istess premessa, l-esklużjoni tal-iSTAF ma kellhiex konsegwenza sinjifikattiva fuq ir-rappreżentazzjoni tal-kampjuni.

22      Skont il-premessa 62 tar-Regolament provviżorju, il-produtturi-esportaturi mhux magħżula fil-kampjun ġew informati li kull dazju antidumping li jikkonċernahom kien ser jiġi kkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-talbiet imressqa minn dawn il-produtturi-esportaturi intiżi sabiex il-marġni antidumping jiġi kkalkolat individwalment skont l-Artikolu 9(6) u l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 64 tar-Regolament provviżorju, li l-eżami individwali tagħhom jikkomplika xogħolha għalxejn u jimpediha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fi żmien xieraq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-marġni tad-dumping ta’ dawn il-produtturi ġie iddeterminat billi ġiet stabbilita l-medja peżata tal-marġni tad-dumping tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-kampjun (premessi 135 u 143 tar-Regolament provviżorju).

23      B’ittra tas-7 ta’ April 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku rispettivament, bagħtet lir-rikorrenti kopja tar-Regolament provviżorju u dokument bl-informazzjoni dwar id-dettalji li jenfasizzaw il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġew imposti dazji antidumping provviżorji (iktar ’il quddiem id-“dokument interim ta’ informazzjoni”). Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex sat-8 ta’ Mejju 2006 jibagħtulha l-kummenti eventwali tagħhom dwar dawn id-dokumenti.

24      B’faks tas-7 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 20(2) sa (4) tar-Regolament bażiku, bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġiet proposta l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi.

25      Taħt il-kapitolu Ħ ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni esponiet il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-miżuri antidumping definittivi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien ser jipproponi. Fir-rigward tat-tip ta’ miżuri, il-Kummissjoni osservat, l-ewwel nett, illi l-impenji min-naħa tal-produtturi li ma jbiegħux inqas mill-prezz li kien jelimina d-dannu sinjifikattiv li l-industrija Komunitarja bagħtiet ma jikkostitwixxux miżuri adegwati, u, it-tieni nett, li kien hemm lok li tiġi applikata sistema ta’ dazji differenti (punti 278 sa 291 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

26      F’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ dazji differenti, il-Kummissjoni osservat illi l-volum ta’ importazzjonijiet kellu effett ta’ dannu sinjifikattiv fuq l-industrija Komunitarja mill-1 ta’ Jannar 2005, jiġifieri mid-data meta skadiet is-sistema ta’ kwoti (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Fil-fatt, matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2005, inkluż fil-perijodu ta’ investigazzjoni, l-industrija Komunitarja ġarrbet, proporzjonalment, it-tnaqqis l-iktar sinjifikattiv matul il-perijodu kkunsidrat f’dak li jirrigwarda diversi indikaturi ekonomiċi, bħalma huma d-dħul, il-prezz tal-bejgħ, il-partijiet fis-suq, il-bejgħ, l-impjieg u l-produzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari għall-element kwantitattiv tal-prattiki tad-dumping sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu. B’hekk, hija qieset illi l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum biss kienu l-għajn tad-dannu u li, għalhekk, intervenzjoni fil-forma ta’ dazji ad valorem ma kinitx meħtieġa sabiex il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni leali jerġgħu jiġu stabbiliti. Għaldaqstant, dazji antidumping għandhom jiġu applikati biss għall-kwantitajiet ta’ prodotti li jmorru lil hinn minn ċertu volum fis-sena. F’din il-kawża, tali sistema ta’ dazji differenti għandha tkun biżżejjed sabiex jelimina d-dannu sa fejn din tikkunsidra l-effetti tas-sistema ta’ kwoti u tibbilanċja l-interessi tal-partijiet ikkonċernati. B’hekk id-dazji antidumping proposti għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan il-volum jirrifletti l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-importazzjonijiet li oriġinaw miċ-Ċina fl-2005 filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet importati fl-2004 (punti 285 sa 287 u 291 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

27      B’hekk, il-Kummissjoni pproponiet l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv, ekwivalenti għall-marġni ta’ eliminazzjoni tad-dannu, fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan il-marġni ġie stabbilit fuq il-livell tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment, jiġifieri 23 % (punt 293 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

28      Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex sas-17 ta’ Lulju 2006 jibgħatulha l-kummenti tagħhom dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni.

29      B’ittra tat-28 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. Skont l-ewwel żewġ paragrafi tiegħu, dan id-dokument kellu l-għan li jinforma lill-partijiet ikkonċernati b’bidla fil-konfigurazzjoni tad-dazji antidumping definittivi li kienu ser jiġu proposti. Id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kummerċ” tal-Kummissjoni kien eżamina l-osservazzjonijiet ippreżentati minn ċerti partijiet ikkonċernati dwar is-sistema ta’ dazji differenti inizjalment maħsuba (ara l-punti 25 sa 27 iktar ’il fuq). Permezz ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni abbandunat l-idea ta’ din is-sistema. Fil-kuntest tal-approċċ ġdid tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li ż-żieda vera ta’ dannu mill-importazzjonijiet seħħet matul is-sena 2004 u baqgħet sejra sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, u li l-2005 kienet l-ewwel sena li matulha l-importazzjonijiet ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina ma baqgħux suġġetti għas-sistema ta’ kwoti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu billi bbażat ruħha fuq l-importazzjonijiet li oriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam fl-2003, jiġifieri 109 miljun par żarbun. Skont dan l-approċċ ġdid, l-impatt ekonomiku ta’ dan il-volum għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi stabbilit il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. B’hekk, minn naħa, il-livell tal-eliminazzjoni tal-dannu tnaqqas sabiex jitqies il-volum tal-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu, u min-naħa l-oħra, id-dazji definittivi ġew applikati mill-ewwel par importat. Skont dan il-metodu, li jistabbilixxi erba’ stadji li huma mniżżla f’dan id-dokument, il-Kummissjoni kkonkludiet, għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, u fuq il-bażi tar-“regola tal-inqas dazju”, l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv ugwali għal-livell meħtieġ sabiex jiġi eliminat d-dannu, li f’dan il-każ kien ta’ 16.5 %.

30      Għall-finijiet tal-formalizzazzjoni ta’ din il-proposta ġdida, il-Kummissjoni ehmżet, mal-ittra tat-28 ta’ Lulju 2006, il-punti li kellhom jitniżżlu taħt il-kapitolu il-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni u li jissostitwixxu dawk imniżżla taħt il-kapitolu li jikkorrispondi għal dan tal-aħħar (ara l-punt 25 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni esponiet, fil-punti 278 u 279 li kellhom jitniżżlu taħt il-kapitolu l-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni, li huma biss l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum qabel ma s-sistema ta’ kwoti skadiet li setgħu jikkawżaw dannu sinjifikattiv, u dan minkejja l-fatt, fil-kuntest li jiġi stabbilit il-livell ġdid tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi tar-riżultati tal-perijodu ta’ investigazzjoni, li ċerti kwantitajiet importati li ma kkawżawx dannu kellhom jiġu kkunsidrati. Għaldaqstant, il-kwantitatjiet li ma kkawżawx dannu sinjifikattiv kellhom jitqiesu fl-iffissar tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. Fil-punt 280 tal-istess dokument, il-Kummissjoni spjegat il-metodu li ġie implementat.

31      Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex sat-2 ta’ Awwissu 2006 jibgħatulha l-kummenti tagħhom dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. Ir-rikorrenti ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom f’din id-data.

32      Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 1472/2006, [li] jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Skont ir-regolament ikkontestat, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostutwita, bl-esklużjoni taż-żraben tal-isports, tal-iSTAF, tal-papoċċi u ta’ żraben oħra ta’ ġewwa u ta’ żraben b’maskretta protettiva li joriġinaw miċ-Ċina u li jaqgħu taħt diversi subtitoli tan-Nomenkaltura Magħquda (Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat). Ir-rata ta’ dazju anitdumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, ġiet stabbilita, għaż-żraben immanifatturati mir-rikorrenti, għall-16.5 %. Skont l-Artikolu 3 tar-regolament ikkontestat, huwa kien applikabbli għal perijodu ta’ sentejn.

33      Fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mat-talbiet imressqa minn diversi kumpanniji dwar l-għoti tal-MET, li dwarhom il-Kummissjoni ma kkumentatx, il-Kunsill, iddedika l-premessi 60 sa 65 tar-Regolament ikkontestat għalihom

34      Skont dawn il-premessi, il-fatt illi l-Kummissjoni ma rrispondietx individwalment għall kull talba li saritilha f’dan ir-rigward ma jikkostitwixxix ksur tar-Regolament bażiku. Kuntrarjament, dan huwa konformi mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Dan il-metodu ta’ teħid ta’ kampjun stabbilit minn dan l-artikolu japplika wkoll fil-każ meta numru għoli ta’ kumpanniji kkonċernati jitolbu li jingħataw MET jew IT. F’din il-kawża, in-numru eċċezzjonalment għoli ta’ talbiet imressqa mill-kumpanniji kkonċernati ma jħalli l-ebda alternattiva oħra għall-amministrazzjoni ħlief li teżamina biss dawk li huma ġejjin mill-kumpanniji tal-kampjun u dan sabiex l-obbligi li jirriżultaw mill-analiżi tal-fajl kemm jista’ jkun individwalizzat jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tat-termini obbligatorji. Dan kien jimplika l-applikazzjoni, għal kull kumpannija mhux magħżula fil-kampjun, tal-marġni medju peżat ikkalkolat għall-impriżi tal-kampjun. B’hekk jirriżulta li l-ilmenti mressqa matul il-proċedura amministrattiva, li jgħidu li l-kalkolu tad-dumping ma kienx rappreżentattiv, għandhom ukoll jiġu miċħuda.

35      Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għat-talbiet għall-għoti ta’ IT.

36      Fir-rigward tal-livell ta’ dazju meħtieġ sabiex id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina tiġi eliminata, il-Kunsill spjega, fil-premessi 296 sa 301 tar-regolament ikkontestat, filwaqt li rrefera għall-punti 275 sa 280 tal-kapitolu l-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni u mehmuża mad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), illi kien hemm lok li l-partikolaritajiet tal-proċedura preżenti jitqiesu, u b’mod partikolari l-fatt illi sal-1 ta’ Jannar 2005 kien hemm is-sistema ta’ kwoti. Peress illi s-sistema ta’ kwoti ma kkawżatx dannu sinjifikattiv lill-industrija Komunitarja, minkejja li ż-żieda fl-importazzjonijiet wara l-iskadenza ta’ din is-sistema kellha effett partikolarment dannuż, il-Kunsill qies illi huma biss l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum qabel ma twaqqfet din is-sistema ta’ kwoti li setgħu jikkawżaw dannu sinjifikattiv. B’hekk, il-livell ta’ dannu, stabbilit fuq il-bażi tar-riżultati tal-perijodu ta’ investigazzjoni, għandu jqies il-fatt illi ċerti volumi ta’ importazzjonijiet ma kkawżawx dannu sinjifikattiv. Din l-operazzjoni, li kienet ibbażata fuq il-valur tal-volumi importati fl-2003, wasslet sabiex, għall-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, il-livell ta’ dannu jiġi stabbilit fl-ammont ta’ 16.5 % u dan minflok il-livell ta’ 23 % li kieku kien jiġi applikat, skont il-premessa 295 tar-Regolament ikkontestat, li kieku l-Kunsill ma kkunsidrax il-partikolaritajiet tal-kawża preżenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      B’rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn il-kawżi.

38      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ April 2007, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’dawn il-kawżi insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ ittri tal-4 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qed tirrinunzja milli tippreżenta nota ta’ intervent iżda li kienet se tieħu sehem fis-seduti.

39      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2007, is-CEC talbet li tintervjeni f’dawn il-kawżi insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

40      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ April 2007, il-Provincia di Ascoli Piceno (l-Italja), il-Comune di Monte Urano (l-Italja), BA.LA. di Lanciotti Vittorio & C. Sas u sittax-il kumpannija Taljana oħra li jipproduċu ż-żraben u li isimhom jinsab fl-anness, talbu li jintervjenu f’dawn il-kawżi insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

41      B’digriet tal-4 ta’ Settembru 2007, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta t-talbiet għal intervent ippreżentati mill-Kummissjoni u mis-CEC kif ukoll mill-BA.LA. di Lanciotti Vittorio & C. u mis-sittax-il kumpannija l-oħra Taljana li jipproduċu ż-żraben (iktar ’il quddiem il-“produtturi Taljani”). Min-naħa l-oħra, it-talbiet ta’ Provincia di Ascoli Piceno u ta’ Comune di Monte Urano ġew miċħuda.

42      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat mat-Tmien Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha.

43      B’rikorsi ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2007, il-Provincia di Ascoli Piceno u l-Comune di Monte Urano ppreżentaw, skont l-Artikolu 57(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell li permezz tiegħu huma talbu l-annullament tad-digriet tal-4 ta’ Settembru 2007 sa fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat it-talbiet tagħhom għal intervent. B’żewġ digrieti tal-25 ta’ Jannar 2008, Provincia di Ascoli Piceno u Comune di Monte Urano vs Il-Kunsill [C‑463/07 P(I) u C‑462/07 P(I), mhux ippubblikati fil-Ġabra], il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja rrifjuta dawn l-appelli.

44      Is-CEC u l-produtturi Taljani ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fil-15 u fit-18 ta’ Ottubru 2007 rispettivament.

45      B’digriet tat-8 ta’ Jannar 2006, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, wara li sema’ lill-partijiet, li jgħaqqad il-Kawżi T‑407/06 u T‑408/06 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

46      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

47      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Frar 2009.

48      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        tordna lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tagħhom.

49      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli jew infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

50      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikorsi.

51      Is-CEC u l-produtturi Taljani jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

52      Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jressqu seba’ motivi bbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali;

–        ksur tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku;

–        ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

–        ksur tad-drittijiet tad-difiża, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ksur tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

–        kalkolu żbaljat tal-marġni tad-dumping tagħhom;

–        ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, ksur tad-drittijiet ta’ difiża u nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja;

–        żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

53      Ir-rikorrenti, permezz tal-ewwel tliet motivi tagħhom kif ukoll permezz tal-ħames motiv tagħhom, isostnu li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ liġi, sa fejn hija rrifjutatilhom l-MET u l-IT, mingħajr ma eżaminat it-talba tagħhom għall-MET/IT.

54      Dawn il-motivi ser jiġu eżaminati flimkien iktar ’il quddiem.

 Fuq l-ewwel tliet motivi kif ukoll fuq il-ħames motiv, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fuq kalkolu żbaljat tal-marġni tad-dumping tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

55      Ir-rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku ma jippermettux li l-Artikolu 17 tal-istess regolament jintuża sabiex esportatur jiġi miċħud mid-dritt tiegħu li jippreżenta talba għal MET u li jiġi miċħud mill-fatt li din it-talba tiġi eżaminata mill-Kummissjoni.

56      L-ewwel nett, dan l-argument jirriżulta minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, skont il-kliem ta’ dan l-artikolu, talba għal MET għandha tiġi introdotta minn, u eżaminata fir-rigward ta’, kull produttur individwalment u l-istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati li jwieġbu, fuq il-bażi tal-provi ppreżentati minn dak li ressaq it-talba, għall-kwistjoni dwar jekk hija tissodisfax il-kriterji rilevanti, u dan mingħajr l-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni f’dan ir-rigward mill-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. B’hekk, il-Kunsill la kellu s-setgħa li jistabbilixxi l-marġni tad-dumping u lanqas li jittratta l-kwistjonijiet li jikkonċernaw id-dannu mingħajr ma ddeċieda fuq it-talbiet għal MET.

57      Dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku kif ukoll mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti fl-eżami individwali tal-aġir u tal-kundizzjonijiet tal-attività tad-diversi impriżi fid-dawl tar-riformi ekonomiċi mwettqa fiċ-Ċina. Il-“formularju għal talba għal MET/IT” jikkonferma l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina din it-talba mingħajr l-użu ta’ eċċezzjoni f’dan ir-rigward.

58      Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill tmur kontra l-ġurisprudenza li diġà affermat, l-ewwel nett, li MET tista’ tingħata biss lill-esportaturi li jkunu ressqu talba u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti, u, it-tieni nett, li r-riżultat tal-analiżi ta’ din it-talba ma jistax jiġi applikat b’mod wiesa’. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza kienet iddikjarat illi l-proċedura tal-għoti ta’ MET hija distinta minn dik dwar l-adozzjoni tad-dazji antidumping definittivi u li l-istituzzjonijiet huma obbligati li jeżaminaw individwalment kull talba għal għoti tal-imsemmi status. Madankollu, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti lanqas biss kellhom il-possibbiltà li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet fuq il-kwistjoni dwar jekk huma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jingħataw l-MET.

59      Il-prassi amministrattiva tal-istituzzjonijiet ukoll tisħaq favur l-analiżi tar-rikorrenti għaliex din il-prassi tipprovdi illi anki meta n-numru ta’ persuni li jitolbu MET kien sinjifikattiv u minkejja t-teħid ta’ kampjuni, dawn l-istituzzjonijiet qatt ma naqsu milli jeżaminaw talba għal MET.

60      Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jimponi fuq l-istituzzjonijiet l-obbligu li jeżaminaw it-talbiet kollha għal MET u mhux biss dawk li ġejjin mill-kumpanniji li huma inklużi fil-kampjun. Madankollu, l-ebda raġuni oġġettiva ma tista’ titressaq sabiex tiġġustifika din id-“diskriminazzjoni” u l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi applikat sabiex jippermetti din l-inugwaljanza ta’ trattament fost l-operaturi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza kienet eskludiet il-possibbiltà li jittieħdu kampjuni sabiex jiġu deċiżi t-talbiet għal MET/IT. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kunsill, il-fatt li kampjun isir mingħajr ma jkun hemm idea dwar il-perċentwali tal-operaturi Ċiniżi li ħaqqhom MET, jikkomprometti r-rappreżentattività tiegħu.

61      B’hekk, f’każ li jittieħed kampjun, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw għall-kumpanniji mhux magħżula fil-kampjun, iżda li t-talba tagħhom għal MET/IT intlaqgħet, il-marġni tal-medja peżata tad-dumping stabbilit mill-kumpanniji magħżula fil-kampjun li jibbenefikaw minn MET, jew, jekk ikun il-każ, minn IT. Din l-operazzjoni, li ma timplikax il-kalkolu ta’ marġni individwali għal kull esportatur mhux magħżul fil-kampjun, li iżda jibbenefika minn MET, ma twassal għall-ebda obbligu amministrattiv li l-Kunsill ma jistax jilqa’.

62      Min-naħa l-oħra, l-effett tal-metodu applikat mill-istituzzjonijiet huwa li jittratta l-operaturi kollha li mhux magħżula fil-kampjun bl-istess mod, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn dawk li ħaqqhom MET u dawk li ma ħaqqhomx.

63      Dawn l-argumenti u talbiet japplikaw ukoll fir-rigward tat-talbiet għall-kisba ta’ IT skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, ir-rikorrenti kienu ressqu talba għal IT f’każ illi t-talba tagħhom għal MET tiġi rrifjutata. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi kriterji speċifiċi li fid-dawl tagħhom it-talbiet għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni. Issa, din tal-aħħar eżaminat biss it-talbiet għal IT tal-esportaturi magħżula fil-kampjun, u dan mingħajr ma avżat lir-rikorrenti dwar dan bil-quddiem.

64      Ir-rikorrenti jqisu illi l-interpretazzjoni litterali u teleoloġika tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-prassi amministrattiva preċedenti huma favur it-talbiet tagħhom.

65      Fl-ipoteżi fejn il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ewwel żewġ motivi, ir-rikorrenti jsostnu illi l-istituzzjonijiet, billi ma eżaminawx it-talbiet tagħhom għal MET/IT, kisru l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, l-avviż ta’ bidu ta’ proċedura kien stieden lir-rikorrenti kif ukoll lil kull esportatur kkonċernat sabiex iressqu t-talbiet għal MET/IT f’terminu preċiż u kien indika li, għall-produtturi li t-talba tagħhom jintlaqgħu, l-iffissar tal-valur normali kien ser isir skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. B’hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tbiddel il-pożizzjoni tagħha b’mod retroattiv u ma setgħetx tirrifjuata milli teżamina t-talbiet ippreżentati f’waqthom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, kienet stabbilixxiet l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet u tal-proċeduri distinti għat-teħid tal-kampjun u għall-eżami tat-talbiet MET/IT. Il-“formolarju għat-talbiet MET/IT” jindika mingħajr l-ebda ambigwità li t-talbiet kollha kienu ser jiġu eżaminati.

66      B’hekk, skont ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet kellhom jinnotifikaw lill-esportaturi kkonċernati bil-bidla fil-proċeduri li kienu seħħew żmien ilu. Fin-nuqqas tal-imsemmija notifika, ir-rikorrenti leġittimament setgħu jistennew illi l-Kummissjoni teżamina t-talbiet tagħhom għal MET/IT u li l-Kunsill jipproċedi bil-mod kif deskritt fil-punt 61 iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ġew miċħuda mill-possibbiltà illi jesponu l-argument tagħhom fir-rigward kemm tal-mertu tat-talba tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, iżda wkoll milli jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward quddiem il-qorti Komunitarja. Kunsiderazzjonijiet ta’ faċilitajiet amministrattivi ma jistgħux jikkontestaw l-evalwazzjoni tar-rikorrenti.

67      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu illi billi applika l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku minflok l-Artikolu 2(7) u l-Artikolu 9(5) tal-istess regolament, il-Kunsill ma segwiex il-prassi preċedenti tiegħu u kkalkola b’mod żbaljat il-marġni tad-dumping. Skont din il-prassi, il-marġni medja peżata tal-operaturi magħżula fil-kampjun u li kisbu MET jew li bbenefikaw minn IT kien japplika għall-operaturi li ma kinux magħżula fil-kampjun u li kienu kisbu l-istess status jew ibbenefikaw mill-imsemmi trattament. Ir-rikorrenti, fuq il-passi ta’ dan il-metodu, kieku kienu jibbenefikaw mill-marġni ta’ dumping ta’ Foshan City Nanhai Golden Step Industrial Co., Ltd (iktar ’il quddiem “Golden Step”), kumpannija inkluża fil-kampjun li ngħatat MET. Issa, fil-kawża preżenti, il-marġni ta’ dumping ta’ 28.9 % ġie applikat għar-rikorrenti, u dan il-marġni jikkorrispondi għal medju peżat tal-marġni ta’ dumping applikat għall-kumpanniji inklużi fil-kampjun li t-talbiet tagħhom għal MET/IT ġew irrifjutati, jiġifieri, mingħajr ma tqis il-marġni ta’ 9.7 % kkalkolat għal Golden Step. B’hekk, anki jekk jitqies illi l-Kunsill ġustament ried japplika għall-kumpanniji kollha li ma humiex inklużi fil-kampjun il-marġni medja peżata tal-kumpanniji inklużi fil-kampjun, huwa, madankollu, ma għamilx hekk f’dan il-każ.

68      L-ewwel nett, il-Kunsill ifakkar illi l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-miżuri tad-difiża kummerċjali kontra l-importazzjonijiet li huma suġġett għal dumping għandu jiġi limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta’ proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

69      It-tieni nett, il-Kunsill josserva li l-għoti ta’ MET jew IT ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda stadju fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping. B’hekk, l-istituzzjonijiet ma ħadux kampjun sabiex jiddeċiedu fuq it-talbiet MET/IT, iżda sabiex jiffissaw il-marġni tad-dumping tal-esportaturi; peress li l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jippermetti dan l-approċċ. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li r-Regolament bażiku ma għandux dispożizzjoni li tawtorizza t-trattament differenti bejn l-esportaturi inklużi fil-kampjun u dawk le għandha tiġi rrifjutata.

70      Fir-rigward tal-proċedura meħuda, il-Kunsill jesponi illi, meta l-istituzzjonijiet jirrikorru għat-teħid ta’ kampjun ta’ esportaturi minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, huma jinvestigaw is-sitwazzjoni individwali ta’ kull esportatur inkluż fil-kampjun u, jekk ikun il-każ, jeżaminaw it-talba li huwa jkun ressaq. Fir-rigward tal-esportaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun, l-istituzzjonijiet japplikaw għall-imsemmija esportaturi l-marġni medja peżata tad-dumping stabbilit għall-partijiet li jiffurmaw il-kampjun (f’din il-kawża 28.9 %). Madankollu, dawn l-aħħar operaturi jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi kkalkolat il-marġni tad-dumping individwali tagħhom skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni toffri lill-istituzzjonijiet setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, għaliex ma humiex obbligati li jeżaminaw dawn it-talbiet fil-każ fejn in-numru ta’ esportaturi jew ta’ produtturi huwa daqshekk sinjifikattiv li l-evalwazzjonijiet individwali jikkomplikaw xogħol l-istituzzjonijiet u jtellfuhom milli jikkonkludu l-investigazzjoni fiż-żmien dovut. B’hekk jirriżulta li l-għoti ta’ MET lil esportatur li mhux inkluż fil-kampjun ma għandu l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni ta’ dan l-esportatur ladarba l-Kummissjoni tiddeċiedi, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li ma tikkalkolax il-marġni tad-dumping individwali tiegħu.

71      F’din il-kawża, 141 esportatur Ċiniż u 73 esportatur Vjetnamiż mhux magħżula fil-kampjun kienu ressqu talbiet għal MET/IT. B’hekk, l-istituzzjonijiet, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, ġustament ma eżaminawx dawn it-talbiet għaliex b’tali eżami, anki fil-forma ta’ analiżi dokumentarja, kien materjalment impossibbli li l-investigazzjoni tingħalaq fit-terminu. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kunsill applika l-marġni medja peżata tad-dumping ta’ kull esportatur fil-kampjun għall-esportaturi mhux magħżula fil-kampjun.

72      Skont il-Kunsill, il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti la ma tirrigwarda l-mod kif l-istituzzjonijiet għandhom jimxu meta jieħdu kampjun sabiex jiġi kkalkolat l-marġni ta’ dumping f’każ ta’ esportazzjoni li ġejja minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u lanqas titkellem dwar l-evalwazzjoni tat-talbiet MET li ġejjin minn kumpanniji mhux magħżula fil-kampjun. Għaldaqstant, hija ma ssostniex b’mod utli l-pożizzjoni tar-rikorrenti.

73      Barra minn hekk, peress illi, minn naħa, il-proċedura meħuda f’din il-kawża hija kkonfermata mill-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, u illi, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-istituzzjonijiet għandu bħala għan li jippermettilhom li jadottaw prassi skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull każ, iċ-ċirkustanza li l-istituzzjonijiet eżaminaw, f’investigazzjonijiet preċedenti li kellhom numru inqas imdaqqas ta’ kumpanniji, talbiet għal MET/IT imressqa minn operaturi mhux magħżula fil-kampjuni, hija irrilevanti. Isegwi li l-istituzzjonijiet ma kisrux il-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”. Barra minn hekk, id-differenza fit-trattament bejn, minn naħa, il-kumpanniji inklużi fil-kampjun u, min-naħa l-oħra, il-kumpanniji li ma humiex inklużi fil-kampjun, tista’ oġġettivament tiġi ġġustifikata minn numru eċċezzjonalment għoli ta’ talbiet, li l-eżami individwali tagħhom kien iwassal sabiex l-investigazzjoni ma tingħalaqx fit-terminu.

74      Barra minn hekk, l-applikazzjoni għall-kumpanniji mhux magħżula fil-kampjun, iżda li t-talba tagħhom għal MET/IT intlaqgħat, tal-marġni medja peżata tad-dumping stabbilita għall-kumpanniji fil-kampjun li jibbenefikaw minn MET jew, skont il-każ, minn IT, hija biss possibbiltà offruta lill-istituzzjonijiet. Madankollu, ir-Regolament bażiku ma jimponiex lill-istituzzjonijiet sabiex jadottaw dan l-approċċ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppruvawx li f’din il-kawża l-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku wassal għal riżultat manifestament inadegwat.

75      Il-Kunsill iqis li, bl-istess argumenti, it-tieni motiv għandu jiġi rrifjutat, peress illi l-kuntest proċedurali li jirregola l-eżami tat-talbiet għal MET huwa l-istess bħal dak għal talbiet għal IT.

76      Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Kunsill ifakkar illi sabiex l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tirnexxi huwa preżunt illi, l-ewwel nett, l-amministrazzjoni tkun ipprovdiet assigurazzjonijiet individwali preċiżi u inkundizzjonati lill-parti kkonċernata u, it-tieni nett, li dawn iċ-ċertezzi joħolqu tamiet fondati fil-parti ikkonċernata. Issa, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġiet sodisfatta f’din il-kawża.

77      Fil-fatt, il-Kummissjoni fl-ebda mument ma pprovdiet lir-rikorrenti b’assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonata li hija kienet ser tevalwa t-talbiet tagħhom għal MET/IT, u dan anki fil-każ fejn huma ma kinux ser jintgħażlu fil-kampjun. L-avviż ta’ bidu ta’ proċedura kien ippreċiża f’dan ir-rigward, fil-punt 5.1(b), li jekk il-Kummissjoni kienet ser tipproċedi bit-teħid ta’ kampjun għall-produtturi-esportaturi, hija setgħet tiddeċiedi li ma tikkalkolax il-marġni ta’ dumping individwali għal dawk li ma kinux inklużi fil-kampjun jekk in-numru ta’ dawn il-produtturi-esportaturi jkun daqshekk sinjifikattiv illi eżami individwali jikkomplika bil-wisq xogħol il-Kummissjoni u jimpediha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fi żmien xieraq.

78      B’hekk, kull operatur diliġenti seta’ jifhem illi, sakemm ma kienx inkluż fil-kampjun jew sakemm in-numru tal-produtturi-esportaturi kien iżgħar milli maħsub, il-Kummissjoni ma kinitx ser tistabbilixxi marġni ta’ dumping individwali, ma kinitx ser tikkalkola l-valur normali fuq il-bażi tad-data maħruġa mill-kontabbiltà tiegħu u, għalhekk, ma kinitx ser tiddeċiedi fuq it-talbiet tiegħu għal MET/IT. Dan japplika wkoll fir-rigward tal-“formularju għal talba għal MET/IT”, għaliex, meta l-formularju ntbagħat lill-produtturi, il-Kummissjoni la kienet taf in-numru ta’ talbiet li kienet ser tirċievi u lanqas in-numru jew l-identità tal-kumpanniji li kienu ser jiġu inklużi fil-kampjun. Għaldaqstant, dan il-formularju ma jistax jiġi interpretat illi jagħti assigurazzjoni preċiża li t-talbiet kollha kienu ser jiġu eżaminati.

79      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrewx li sofrew xi dannu minħabba l-fatt illi l-aspettattivi leġittimi tagħhom ġew allegatament miksura. Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet, bl-aġir tagħhom, la warrbu prassi preċedenti u lanqas marru lil hinn mis-setgħat ta’ evalwazzjoni tagħhom.

80      Fir-rigward tal-ħames motiv, il-Kunsill iqis illi l-argumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ dan il-motiv huma bbażati fuq premessa żbaljata li l-istituzzjonijiet kienu rrikorrew għal teħid ta’ kampjun sabiex jiddeċiedu dwar it-talbiet MET/IT. Barra minn hekk, il-Kunsill kien applika għar-rikorrenti l-marġni medja peżata tad-dumping ta’ kull kumpannija li kienet inkluża fil-kampjun (inkluża Golden Step).

81      Is-CEC taqbel mal-argumenti tal-Kunsill u tenfasizza li l-Kummissjoni rrikorriet għat-teknika tat-teħid ta’ kampjun sabiex tikkalkola l-marġni tad-dumping u mhux sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal MET/IT. Fid-dawl tan-numru tal-esportaturi li ressqu talba għal MET jew IT, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din it-teknika ġew sodisfatti bl-iktar mod ċar. B’hekk, l-istituzzjonijiet, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, ma kinux obbligati jiddeċiedu fuq it-talbiet għal MET/IT imressqa mill-esportaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun għaliex tali eżami kien ser jimpedixxi illi l-investigazzjoni tintemm fi żmien xieraq. Barra minn hekk, tali obbligu jmur kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

82      Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, is-CEC iżżid tgħid illi ma huwiex iġġustifikat li l-operaturi ekonomiċi jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni li tista’ titbiddel fil-kuntest tas-setgħa tal-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

83      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat illi, skont il-kliem tal-Artikolu 17(1) u (3) tar-Regolament bażiku, it-teknika tat-teħid ta’ kampjun, bħala teknika li tippermetti sabiex tilqa’ għan-numri sinjifikattiv ta’ persuni li jilmentaw, ta’ esportaturi, ta’ importaturi, ta’ tipi ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet, tikkostitwixxi limitazzjoni għall-investigazzjoni. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, li jgħid li l-produtturi mhux magħżula fil-kampjun ma humiex inklużi fl-investigazzjoni.

84      Madankollu, ir-Regolament bażiku jistabbilixxi li, meta din il-limitazzjoni tintuża, l-istituzzjonijiet għandhom jissodisfaw żewġ obbligi. L-ewwel nett, il-kampjun totali għandu jkun rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament bażiku. Sussegwentement, l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li l-marġni ta’ dumping stabbilit għall-produtturi li ma humiex inklużi fil-kampjun ma għandux jaqbeż il-marġni medja peżata ta’ dumping stabbilita għall-partijiet li jikkostitwixxu l-kampjun.

85      It-tieni nett, din l-aħħar dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li għaliha hija tagħmel riferiment, tagħti l-possibbiltà lil kull produttur mhux inkluż fil-kampjun li jitlob li l-marġni tad-dumping jiġi kkalkolat individwalment, bil-kundizzjoni li huwa jagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa fit-termini previsti f’dan ir-rigward u li din l-operazzjoni la tikkomplika x-xogħol tal-Kummissjoni u lanqas ma timpediha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fi żmien xieraq.

86      It-tielet nett, l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jistipula li l-valur normali huwa ffissat, skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-istess dispożizzjoni, jekk jiġi stabbilit, fuq il-bażi tat-talbiet imressqa minn wieħed jew iktar produtturi li huma suġġetti għall-investigazzjoni, li l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu (ċ) huma sodisfatti.

87      B’hekk, kif isostni l-Kunsill, il-produtturi li ma humiex inklużi fil-kampjun setgħu jitolbu l-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali, li jippreżumi li talba għal MET/IT tiġi aċċettata meta tirrigwarda pajjiżi kkonċernati mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, biss fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa ta’ evalwazzjoni dwar jekk, fid-dawl tan-numru ta’ talbiet għal MET/IT, l-eżami tagħhom jikkomplikax b’mod inġustifikat l-inkarigu tagħha u jipprekludix il-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.

88      Qabel kollox, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-każ li tintuża t-teknika tat-teħid ta’ kampjun, ir-Regolament bażiku ma jagħtix lill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun dritt inkundizzjonat sabiex jibbenefikaw mill-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni ta’ tali talba tiddependi mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

89      It-tieni nett, peress illi l-għoti ta’ MET/IT huwa meħtieġ biss, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi stabbilit il-metodu tal-kalkolu tal-valur normali bil-għan tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping individwali, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li teżamina t-talbiet għal MET/IT li ġejjin mill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun, meta hija kkonkludiet illi, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-kalkolu tat-tali marġnijiet jikkomplika b’mod inġustifikat l-inkarigu tagħha u jipprekludiha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fi żmien xieraq.

90      Fl-aħħar nett, f’din il-kawża, mhux qed jiġi kkontestat illi l-kalkolu tal-marġni tad-dumping individwali għall-operaturi kollha li ma humiex inklużi fil-kampjun u li għamlu talba f’dan is-sens jikkomplika xogħol l-istituzzjonijiet għalxejn u jimpedihom milli jtemmu l-investigazzjoni fi żmien xieraq.

91      Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti, li l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-Kummissjoni sabiex teżamina t-talbiet għal MET/IT li ġejjin mill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun, u dan anki meta ma jiġix applikat għalihom marġni tad-dumping individwali, għandu jiġi rrifjutat. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll illi l-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ MET/IT fuq il-bażi ta’ eżami ta’ kull talba li tkun saritilha, ma jfissirx illi din l-istituzzjoni għandha teżamina kull talba u dan anki meta hija ma għandhiex l-intenzjoni li tikkalkola l-marġni dumping individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

92      Dan japplika wkoll għall-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kumpanniji inklużi fil-kampjun u dawk li ma humiex inklużi fil-kampjun (ara l-punt 60 iktar ’il fuq). Fil-fatt, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti, għaliex, għall-ewwel kategorija, il-Kummissjoni hija obbligata li tikkalkola l-marġni tad-dumping individwali, liema ħaġa tippreżumi l-eżami u l-aċċettazzjoni ta’ talba għal MET/IT, filwaqt li hija ma hijiex obbligata li tistabbilixxi marġni individwali għat-tieni kategorija. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jipprojbixxi, minn naħa waħda, li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti, u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament bħal dan, ma jimponix l-obbligu li dawn iż-żewġ kumpanniji jiġu ttrattati b’mod identiku.

93      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċpju ta’ trattament ugwali bejn il-kumpanniji li ma humiex inklużi fil-kampjun, ma jistax jiġi kkunsidrat f’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, illi dan il-prinċipju jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li hija tiddeċiedi fuq it-talbiet għal MET/IT kollha li sarulha, b’tali mod illi jkun jista’ jiġi applikat fil-konfront tal-produtturi jew l-esportaturi mhux inklużi fil-kampjun, iżda li ngħatalhom MET jew IT, il-marġni medju tad-dumping tal-kumpanniji fil-kampjun li jkun ingħatalhom MET jew IT. .

94      Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punti 87 sa 91 iktar ’il fuq, fil-każ fejn in-numru ta’ talbiet għal MET/IT huwa daqshekk sinjifikattiv li l-eżami tagħhom jimpedixxi lill-istituzzjonijiet milli jikkonkludu l-investigazzjoni fi żmien xieraq l-istituzzjonijiet ma humiex, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, obbligati li jiddeċiedu fuq dawn it-talbiet kollha, u dan iseħħ bl-għan uniku li ssir distinzjoni, fost il-kumpanniji mhux magħżula fil-kampjun, bejn dawk li jistgħu jibbenefikaw minn MET jew IT u dawk li ma jistgħux, bl-għan illi jiġi applikat għalihom il-marġni medju tad-dumping tal-kumpannijia fil-kampjun li ngħatalhom MET jew IT, mingħajr ma jsir, madankollu, il-kalkolu tal-marġni tad-dumping individwali.

95      F’din il-kawża, peress illi tressqu 141 talba għal MET/IT mingħand produtturi-esportaturi Ċiniżi quddiem il-Kummissjoni, b’tali mod illi, anki jekk jitqies illi kien possibbli illi huma jiġu eżaminati biss fuq bażi dokumentarja mingħajr ma kien meħtieġ illi din id-data tiġi vverifikata permezz ta’ żjara ta’ verifika fil-bini tal-produtturi jew esporaturi kkonċernati, il-Kummissjoni, ġustament qieset illi n-numru ta’ talbiet kien wisq għoli sabiex jippermetti illi jsir eżami tagħhom mingħajr ma tiġi kompromessa t-tlestija tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.

96      Għaldaqstant, hemm lok illi jiġi kkonstatat illi d-differenza fit-trattament invokata mir-rikorrenti, inerenti fit-teknika tat-teħid ta’ kampjun stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, hija, f’din il-kawża, oġġettivament iġġustifikata minn numru partikolarment għoli ta’ talbiet għal MET/IT li tressqu quddiem il-Kummissjoni.

97      B’hekk, jekk il-Kummissjoni setgħet taġixxi bil-mod kif deskritt mir-rikorrenti fil-punt 61 iktar ’il fuq, la r-Regolament bażiku u lanqas il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jimponilha li tipproċedi b’mod ieħor.

98      Għall-istess raġunijiet, hemm lok illi t-tieni motiv jiġi miċħud, għaliex l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-eżami tat-talbiet għal IT imressqa mill-kumpanniji li ma humiex inklużi fil-kampjun.

99      Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, dan il-prinċipju, skont ġurisprudenza stabbilita, jestendi għal kull persuna li fir-rigward tagħha istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqot tamiet fondati. Barra minn hekk, ksur ta’ dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li l-amministrazzjoni tkun tatha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I-5479, punt 147).

100    Issa, mir-raba’ inċiż tal-punt 5.1(a)(i) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, u b’mod partikolari min-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 1 imdaħħla taħt dan il-punt, jirriżulta li l-Kummissjoni informat lill-operaturi kkonċernati dwar il-possibbiltà li tintuża t-teknika tat-teħid ta’ kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u li, f’din l-ipoteżi, il-kalkolu tal-marġni individwali seta’ jintalab, għall-kumpanniji li ma humiex inklużi fil-kampjun, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Din l-informazzjoni reġgħet ġiet irrepetuta fil-punt 5.1(b) tal-avviż ta’ bidu ta’ proċedura. B’hekk, il-fatt illi l-operaturi kkonċernati ġew mistiedna jressqu talba għal MET/IT ma jfissirx illi saret assigurazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordata li din it-talba ser tiġi eżaminata.

101    F’dan il-kuntest, għandu jiġi aċċettat ukoll illi n-nuqqas ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni matul perijodu sinjifikattiv ta’ żmien ma jistax jikkostitwixxi assigurazzjoni li toħloq aspettattivi leġittimi lir-rikorrenti. Fil-fatt, din in-nuqqas ta’ reazzjoni ma taffettwax is-sens tal-kliem ċar użat fl-avviż ta’ bidu ta’ proċedura.

102    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt illi prassi preċedenti fil-kuntest tal-investigazzjonijet mill-istituzzjonjiet ma ġietx segwita, hemm lok illi jiġi mfakkar illi l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lilha skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, meta qieset illi l-eżami tat-talbiet għal MET/IT kollha mressqa mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma humiex inklużi fil-kampjuni kien sa jimpediha milli ttemm l-investigazzjoni fit-terminu previst mir-Regolament bażiku. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-istituzzjonijiet igawdu minn marġni ta’ evalwazzjoni għall-għażla tal-mezzi meħtieġa sabiex il-politika tagħhom titwettaq, l-operaturi ekonomiċi ma għandhomx jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma tal-metodu inizjalment magħżul, li jista’ jitbiddel mill-isituzzjonijiet fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1987, Nippon Seiko vs Il-Kunsill, 258/84, Ġabra p. 1923, punt 34, u tal-10 ta’ Marzu 1992, Canon vs Il-Kunsill, C‑171/87, Ġabra p. I-1237, punt 41).

103    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħames motiv, hemm lok illi jiġi osservat li, peress illi l-istituzzjonijiet ma wettqux żball ta’ liġi meta ma eżaminawx it-talbiet għal MET/IT li ġejjin mill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun u meta applikaw għal dawn tal-aħħar il-marġni medja ta’ dumping tal-kumpanniji fil-kampjun, huma, għal din ir-raġuni, ma wettqux kalkolu żbaljat tal-marġni tad-dumping tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad ukoll, kif jippreċiża l-Kunsill, li l-marġni tad-dumping ta’ Golden Step ġie kkunsidrat għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping medju peżat tal-kampjun.

104    Minn dan jirriżulta li l-ewwel tliet motivi kif ukoll il-ħames motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

 L-argumenti tal-partijiet

105    Ir-rikorrenti jsostnu illi, peress li huma ġew informati dwar l-intenzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji li ma jevalwawx it-talbiet tagħhom għal MET/IT mhux qabel Lulju 2006, l-istituzzjonijiet Komunitarji kisru d-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku u naqsu mill-obbligu tagħhom illi jimmottivaw id-deċiżjoni tagħhom. Li kieku kien veru illi r-rikorrenti ġew informati, permezz tad-dokument finali ta’ informazzjoni, li t-talbiet tagħhom għal MET/IT ma kinux ser jiġu eżaminati minħabba l-fatt illi ma ġewx inklużi fil-kampjun, jibqa’ xorta waħda l-fatt illi, f’dan l-istadju, huma ma kienx baqgħalhom iktar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni dwar il-kostituzzjoni tal-kampjun. Fir-regolament provviżorju, la ġie indikat illi t-talbiet għal MET/IT li ġejjin mill-produtturi li ma humiex inklużi fil-kampjun mhux ser jiġu eżaminati u lanqas li l-kampjun ġie ffurmat fid-dawl tal-perċentwali tal-operaturi Ċiniżi li ħaqqhom MET. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jistiednu lill-Kunsill jipproduċi l-komunikazzjoni tal-Gvern Ċiniż, li permezz tagħha dan tal-aħħar jikkontesta r-rappreżentattività tal-kampjun.

106    Peress illi matul l-ewwel ħdax-il xahar tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma kkomunikatx il-metodu ta’ kif il-kampjun ser jiġi ffurmat, ir-rikorrenti kienu ġew mċaħħda mill-possibbiltà li jitolbuha li l-kampjun jiġi ffurmat abbażi tal-kandidati li setgħu jiksbu MET. Din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi wkoll ksur tal-punt 6.9 tal-Kodiċi antidumping tal-1994 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż illi l-awtoritajiet Ċiniżi kienu jopponu l-kompożizzjoni tal-kampjun li kieku kienu saru jafu li l-istituzzjonijiet ma kellhomx l-intenzjoni li jeżaminaw it-talbiet għal MET/IT imressqa mill-kumpanniji li ma humiex inklużi fil-kampjun. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tinsab ukoll mhedda għaliex ma ngħatawx il-possibbiltà li jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar ir-rifjut tat-talbiet tagħhom għal MET/IT.

107    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, mis-CEC u mill-produtturi Taljani, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

108    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar illi skont ġurisprudenza stabbilita, abbażi tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-impriżi kkonċernati minn proċedura ta’ investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, fejn ikunu jistgħu jressqu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C‑49/88, Ġabra p. I-3187, punt 17, u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T‑147/97, Ġabra p. II-4137, punt 55, u tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T‑88/98, Ġabra p. II-4897, punt 132).

109    F’din il-kawża, hemm lok li jiġi osservat, u dan jirriżulta wkoll mill-premessi 62, 64, 135 u 143 tar-Regolament provviżorju, illi l-Kummissjoni spjegat li kull dazju antidumping li jikkonċerna l-produtturi li ma humiex inklużi fil-kampjun ser jiġi kkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku u li l-marġni tad-dumping ta’ dawn il-produtturi ġie stabbilit billi ġiet kkalkolata l-medja peżata tal-marġni tad-dumping tal-kumpanniji li jiffurmaw il-kampjun.

110    B’hekk, il-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha dwar il-metodu tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping tal-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun fir-regolament provviżorju, u dan il-metodu kien jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-marġni medja tad-dumping tal-kumpanniji li jiffurmaw il-kampjun. Dan il-metodu kien jimplika li t-talbiet għal MET/IT mressqa minn dawn l-operaturi ma kinux ser jiġu eżaminati għaliex dan l-eżami ma kienx utli fil-kuntest tal-proċedura inkwistjoni.

111    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti kellhom, sa mill-istadju tal-komunikazzjoni tar-regolament provviżorju u mid-dokument interim ta’ informazzjoni (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) il-possibbiltà li jsostnu l-perspettiva tagħhom dwar il-metodu użat mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping tagħhom. Għal dawn l-istess raġunijiet, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-punt 6.9 tal-Kodiċi antidumping tal-1994 għandu jiġi miċħud għaliex din id-dispożizzjoni tillimita ruħha sabiex timponi fuq l-awtoritajiet investigaturi l-obbligu li jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati d-dazji definittivi.

112    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tinnotifika lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li ma teżaminax it-talbiet tagħhom għal MET/IT fi stadju li jippermettilhom li jikkontestaw b’mod utli r-rappreżentattività tal-kampjun, għandu jiġi osservat illi, kif ġie espost fil-punt 100 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fl-avviż ta’ bidu ta’ proċedura, informat lill-operaturi kkonċernati dwar il-possibbiltà li jsir użu mit-teknika tat-teħid ta’ kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u li, f’din l-ipoteżi, il-kalkolu tal-marġni individwali jista’ jintalab, għall-kumpanniji li ma humiex inklużi fil-kampjun, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.

113    Fid-dawl tal-fatt illi n-nuqqas ta’ eżami tat-talbiet għal MET/IT imressqa mill-impriżi li ma humiex inklużi fil-kampjun jikkostitwixxi aġir konformi mal-Artikolu 2(7)(b) u mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku (ara l-punti 88 sa 91 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti kienu, mill-bidu tal-investigazzjoni, f’pożizzjoni li jkunu jafu illi l-Kummissjoni setgħet teżenta ruħha milli teżamina dawn it-talbiet, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament kienu sodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tieħu pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward sa mill-istadju tal-bidu tal-investigazzjoni għaliex, f’dak iż-żmien, hija ma kellhiex il-provi li jippermettulha tevalwa jekk kellhiex il-possibbiltà li tikkalkola l-marġni tad-dumping individwali għall-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

114    Peress illi l-ilmenti msemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq huma bbażati fuq il-premessa li l-istituzzjonijiet kisru l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, dawn ukoll għandhom jiġu miċħuda.

115    Minn dan jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

116    Ir-rikorrenti jsostnu illi l-istituzzjonijiet la kkomunikaw b’mod adegwat l-analiżi fattwali ġdida dwar il-dannu subit mill-industrija Komunitarja u lanqas ma offrewlhom il-possibbiltà li jippreżentaw il-kummenti tagħhom fuq din l-evalwazzjoni ġdida dwar il-konfigurazzjoni tad-dazji definittivi (ara l-punti 24 sa 30 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx biżżejjed ir-raġunijiet li imponewlha li tbiddel l-analiżi tagħha u l-użu ta’ data differenti minn dawk li jinsabu fl-ewwel proposta tagħha.

117    Minkejja li fid-dokument finali ta’ informazzjoni tas-7 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni qieset illi l-importazzjoni ta’ volum ta’ 140 miljun par żarbun fis-sena ma kellhiex effett dannuż għall-industrija Komunitarja, fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, hija baxxiet din iċ-ċifra b’mod sinjifikattiv għal 41.5 miljun par żarbun, u dan mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din il-bidla li kellha l-“effet pervers” li biddlet, permezz ta’ manipulazzjoni fuq il-bażi tas-snin ta’ riferiment, il-valur tad-dazji imposti bejn iċ-Ċina u l-Vjetnam. Filwaqt illi l-miżuri antidumping huma maħsuba sabiex jirrispondu għall-prattiki żleali tad-dumping, il-ħsieb ekonomiku wara l-kwoti huwa li permezz tagħhom tiġi stabbilita sistema ta’ dazji differenti maħsuba sabiex jilqgħu għall-pressjonijiet li jirriżultaw mill-volum ta’ importazzjonijiet li madankollu ma jistgħux jitqiesu bħala prattiki żleali. Id-differenzi bejn dawn iż-żewġ sistemi hija wkoll importanti fuq il-livell tal-kummerċ internazzjonali, għaliex filwaqt illi sistema ta’ dazji differenti timplika volum ta’ importazzjonijiet li huwa eżenti minn kull dazju, is-sistema finalment adottata tolqot l-importazzjonijiet kollha. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, it-terminu ta’ ħamest’ijiem mogħti mill-Kummissjoni lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-proposta ġdida huwa insuffiċjenti, u dwar dan ir-rikorrenti lmentaw waqt il-proċedura amministrattiva.

118    Il-premessa 301 tar-regolament ikkontestat, li segwiet il-proposta tal- Kummissjoni, ma tinkludix motivazzjoni biżżejjed fir-rigward ta’ din id-diverġenza u ma jindikax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ġdid. Min-naħa l-oħra, il-premessa 301 tar-regolament ikkontestat tillimita ruħha għall-kliem tal-punt 280 tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali li ma jinkludix iktar informazzjoni. Barra minn hekk, id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali ma jinkludi l-ebda ċifra jew kalkolu li fuqu l-metodu deskritt fil-premessa 301 tar-Regolament ikkontestat huwa bbażat u ma jispjegax l-użu tas-snin, tal-valuri u tal-volumi differenti minn dawk li ġew użati fl-ewwel proposta. B’hekk, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku li jitlob il-komunikazzjoni tal-elementi speċifiċi tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tipproponi l-adozzjoni tal-miżuri definittivi. Fil-fatt, l-evalwazzjoni fattwali li fuqha l-approċċ il-ġdid huwa bbażat la kien ġie spjegat u lanqas iġġustifikat.

119    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għaliex ma ppermettitilhomx li jsosntu b’mod utli l-pożizzjoni tagħhom fuq numru sinjifikattiv ta’ kwistjonijiet, bħalma huma n-natura raġonevoli tal-proposta l-ġdida, l-eżattezza u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati, il-kalkoli użati u l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tagħha fuq id-dumping u tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja. Fil-fatt, iż-żewġ sistemi huma kkaratterizzati minn differenzi fundamentali fl-analiżi fattwali li fuqhom huma bbażati. Dawn id-differenzi wasslu għal konsegwenzi radikalment opposti għall-produtturi Ċiniżi u Vjetnamiti mingħajr, madankollu, ma l-Kummissjoni spjegat kif kienet waslet għal dan ir-riżultat u mingħajr ma tat l-okkażjoni lill-partijiet ikkonċernati sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

120    It-tentattiv tal-Kunsill li jimminimizza d-differenzi bejn iż-żewġ proposti billi jispjega li s-sistema adottata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huma biss l-importazzjonijiet ’il fuq minn ċertu livell ta’ volum li jikkawżaw dannu li jwassal għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping u mhux dawk l-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu, jikser l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku. Il-fatt illi r-rikorrenti setgħu jissottomettu xi osservazzjonijiet dwar din is-sistema, f’terminu iqsar mit-terminu minimu ta’ għaxart’ijiem stabbilit mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, ma jistax, għalhekk, jintuża kontrihom u lanqas jista’ jirrimedja l-insuffiċjenza tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk it-terminu mogħti mill-Kummissjoni kienx adegwat għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandha tiġi evalwatata fid-dawl tal-portata tal-bidla fil-metodu adottat mill-Kummissjoni kif ukoll min-nuqqas ta’ data jew ta’ spjegazzjoniijiet fuq l-evalwazzjoni ġdida ġuridika u fattwali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw illi, peress illi l-istituzzjonijiet ma spjegawx b’mod adegwat il-metodu u l-evalwazzjoni tal-fatti li huma użaw, il-fatt li r-rikorrenti setgħu jissottomettu xi kummenti huwa ta’ valur limitat u ma jimplikax illi r-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jew tad-dritt tad-WTO ġew sodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess kienet adottat skeda stretta ħafna, u dan wassal sabiex kull estensjoni tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni sabiex jiġu sottomessi kummenti fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali kienu ġew esklużi. Iktar minn hekk, id-diskussjoniijiet li damu serjin għal bosta xhur, kienu jirrigwardaw is-sistema tad-dazji differenti u mhux is-sistema finalment adottata.

121    Ir-rikorrenti jqisu illi, minħabba n-nuqqasijiet fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali u minħabba t-terminu insuffiċjenti stabbilit, huma ma kellhomx il-possibbiltà li jispjegaw lill-Kummissjoni r-raġunijiet għaliex huma jaħsbu li l-approċċ adottat ma kienx adegwat jew mhux raġonevoli, u lanqas ma kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw il-perspettiva tagħhom fuq il-metodu jew id-data f’ċifri li fuqhom il-proposta mniżżla f’dan id-dokument kienet ibbażata. B’hekk, peress illi l-istituzzjonijiet naqsu milli jikkomunikaw lir-rikorrenti l-fatti u ċ-ċirkustanzi essenzjali li fuqhom ir-regolament ikkontestat huwa bbażat, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku.

122    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jżidu jgħidu illi, li kieku kienu tpoġġew f’pożizzjoni sabiex jifformulaw b’mod adegwat il-kummenti tagħhom dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, huma kienu jissottomettu, l-ewwel nett, illi s-sistema proposta hija ksur tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, sa fejn hija twassal għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq importazzjonijiet li ma jikkawżaw l-ebda dannu; it-tieni nett, ir-rikorrenti jissottomettu illi marġni ta’ dannu individwali seta’ jiġi kkalkolat għal kull wieħed fosthom u, it-tielet nett, ill l-aħħar proposta tal-Kummissjoni kienet irraġonevoli u sporporzjonata, sa fejn l-evalwazzjoni fattwali reveduta, li ma ġiet la spjegata u lanqas iġġustifikata, kellha l-“effett pervers ” li tbiddel il-portata tal-miżuri antidumping bejn iċ-Ċina u l-Vjetnam.

123    Il-Kunsill josserva li kemm is-sistema tad-dazji differenti kif ukoll il-metodu finalment adottat jistrieħu fuq l-idea, f’din il-kawża, illi l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum biss jikkawżaw dannu sinjifikattiv u li din iċ-ċirkustanza ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-metodu użat sabiex tiġi stabbilita r-rata tad-dazji definittivi. Dan iseħħ sabiex din iċ-ċirkustanza, li hija differenti skont il-metodu tal-kalkolu tad-dazji definittivi finalament magħżula, tiġi kkunsidrata.

124    Il-Kunsill jenfasizza li, permezz tal-adozzjoni tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ma użatx il-“valur mhux ta’ dannu” li r-rikorrenti jallegaw li ma setgħux jikkalkolaw fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta lilhom. Min-naħa l-oħra, l-element kwantitattiv tad-dumping, jiġifieri l-volum tal-importazzjonijiet li huma suġġett għad-dumping, baqa’ l-punt essenzjali tal-metodu l-ġdid, u kull referiment għall-valur tal-importazzjonijiet għal sena partikolari setgħet tiġi kkalkolata abbażi tal-informazzjoni inkluża fil-punti 157 u 159 tad-dokument finali ta’ informazzjoni.

125    Barra minn hekk, l-ispjegazzjoni tal-metodu li l-impatt ekonomiku tal-volum tal-esportazzjonijiet li ma kellhomx effett dannuż tqisu fid-determinazzjoni tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) kien ippermetta lir-rikorrenti sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dettaljati dwar dan is-suġġett fil-posta elettronika tagħhom tat-2 ta’ Awwissu 2006. Jekk ir-rikorrenti kellhom bżonn informazzjoni iktar dettaljata sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, huma kellhom jippreżentaw talba preċiża f’dan is-sens.

126    Il-Kunsill, sostnut mis-CEC, jirrifjuta wkoll l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-fatt illi r-rikorrenti kellhom biss ħamest’ijiem sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. It-terminu inkwistjoni għandu jitqies bħala biżżejjed għaliex, l-ewwel nett, ir-rikorrenti la kienu ssottomettew rimarki fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali u lanqas talbu li t-terminu stabbilit jittawwal; it-tieni nett, għaliex il-proċedura kienet diġà fi stadju avvanzat ħafna; u t-tielet nett, għaliex il-kunsiderazzjoni tal-element kwantitattiv tad-dumping kien ġie diskuss għal bosta xhur. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma wrewx li sabu ruħhom fl-impossibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom minħabba dan it-terminu, għaliex huma ppreżentaw osservazzjonijiet dettaljati dwar dan is-suġġett, u r-rikors lanqas kien jirreferi għal elementi oħra li huma setgħu jissottomettu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill iqis illi ma huwiex meħtieġ li jikkummenta dwar l-argumenti li setgħu jitressqu mir-rikorrenti li kieku ngħataw terminu itwal.

127    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti dwar il-legalità tas-sistema finalment adottata fid-dawl tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill isostni illi hemm lok illi dawn l-argumenti jiġu injorati, għaliex il-motiv preżenti jikkonċerna biss il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

128    Permezz tas-sitt motiv, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu illi l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku għaliex il-Kummissjoni, minn naħa, ma kkomunikatx il-provi li fuqhom hija bbażat il-kalkolu magħmul fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, u min-naħa l-oħra, ma tathomx terminu suffiċjenti u konformi mal-paragrafu 5 tal-istess artikolu sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet kompluti dwar l-approċċ il-ġdid tagħha.

129    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu illi l-istituzzjonijiet ma spjegawx la fid-dokument finali ta’ informazzjoni jew fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali u lanqas fir-Regolament ikkontestat il-motivi li jiġġustifikaw il-metodu implementat sabiex titqies l-eżistenza ta’ volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu u li jnaqqsu l-marġni tad-dannu minflok jeżenta l-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu mill-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu ksur tad-drittijet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni.

130    Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat illi l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-modalitajiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari tal-esportaturi, li jinstemgħu, liema dritt jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mis-sistema legali Komunitarja u jinkludi d-dritt li wieħed ikun informat dwar il-fatti prinċipali u l-kunsiderazzjonijiet li ser iservu bħala bażi għall-intenzjoni li jiġu rrakkomandati d-dazji antidumping definittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punt 15, u Champion Stationery et vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punt 55).

131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku jiġu interpretati bħala ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, hekk kif imħarsa mis-sistema legali Komunitarja, inkluż minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kundan u Tata vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punt 131).

132    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar illi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, l-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, fejn ikunu jistgħu jressqu b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika antidumping u tad-dannu li tirriżulta minnha.

133    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll illi n-natura inkompleta tal-informazzjoni finali twassal għall-illegalità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping definittivi biss jekk, minħabba din l-omissjoni, dawn il-partijiet ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu kif suppost l-interessi tagħhom. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għall-miżuri provviżorji u, li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari fl-informazzjoni finali skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku. Dan huwa wkoll il-każ, bl-istess argumenti, meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill wara l-komunikazzjoni tad-dokument finali ta’ informazzjoni, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku,.

134    F’din il-kawża, u kif ġie osservat fil-punti 25 sa 27 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni l-ewwel nett stabbilixxiet, fid-dokument finali ta’ informazzjoni, sistema ta’ dazji differenti, ibbażata fuq il-fatt li l-importazzjonijiet li jaqbżu l-140 miljun part żarbun fis-sena biss kienu jikkawżaw dannu fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Din l-evalwazzjoni tistrieħ fuq l-eżistenza tas-sistema ta’ kwoti kwantitattivi sal-1 ta’ Jannar 2005, li kienu waqfu tali dannu, kif ukoll fuq il-kalkolu tal-kwantitajiet li ġew importati miċ-Ċina fl-2005. Skont din il-proposta, dazju antidumping definittiv kellu jiġi applikat għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina u li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan id-dazju kien daqs il-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment, li f’din il-kawża kien 23 %.

135    Madankollu, kif ġie spjegat fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bidlet, fil-kuntest tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, il-proposta tagħha dwar il-forma tad-dazji meħtieġa għall-eliminazzjoni tad-dannu. Dan l-approċċ ġdid jistrieħ ukoll fuq l-eżistenza ta’ volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Madankollu, skont id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, kemm il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-volum li ma jikkawżax dannu kif ukoll l-impatt ta’ dan il-volum fuq il-forma tad-dazji definittivi proposti huma differenti minn dawk imsemmija fid-dokument finali ta’ informazzjoni.

136    B’mod partikolari, fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar illi l-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment għall-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina ogħla għal 23 %. It-tieni nett, hija stabbilixxiet illi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-volum ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn dawn iż-żewġ pajjiżi ogħla għal 38 %. Din il-perċentwali, applikata għat-totalità tal-importazzjonjiet li ġew miċ-Ċina u mill-Vjetnam fl-2003 (109 miljun par żarbun), tikkorrispondi għal madwar 41.5 miljun par żarbun; dan il-volum tqis illi ma jikkawżax dannu għall-industrija Komunitarja. It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li dan il-volum jirrappreżenta 28.26 % tal-importazzjonijiet li ġew miċ-Ċina fl-2005. Ir-raba’ nett u fl-aħħar nett, hija naqset il-marġni tad-dannu li inizjalment kien stabbilit (23 %) għal 28.26 %, u li dan ta’ lok għal marġni ta’ dannu “peżata” ta’ 16.5 %.

137    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-differenzi bejn il-metodu ppreżentat fid-dokument finali ta’ informazzjoni u dak ippreżentat fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali huma s-segwenti. L-ewwel nett, minflok ma ġie stabbilit il-volum annwali ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu fil-livell ta’ importazzjonijiet li ġew miċ-Ċina fl-2005, il-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-volum annwali billi mmultiplat il-109 miljun par żarbun importat fl-2003 b’38 %. Din il-perċentwali tirrappreżenta l-importazzjonijiet li oriġinaw minn dan il-pajjiż fuq l-importazzjonijiet kollha li ġew minn dawn iż-żewġ pajjiżi magħżula matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. It-tieni nett, minflok ma ġie eżentat dan il-volum annwali, li fil-punti 278 sa 280 tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali ġie kkwalifikat bħala li ma jikkawżax dannu, mill-applikazzjoni ta’ dazju antidumping, il-Kummissjoni għażlet li tikkunsidra dan il-volum filwaqt li tnaqqas il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu u tapplika d-dazji antidumping sa mill-ewwel par żarbun importat.

138    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi l-fatt li l-Kummissjoni bidlet l-analiżi tagħha wara li l-partijiet ikkonċernati ssottomettew il-kummenti dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill milli jieħdu deċiżjonijiet ulterjuri. Din id-dispożizzjoni timponi biss fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tikkomunika, mill-iktar fis possibbli, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom huwa bbażat l-approċċ inizjali inkluż fid-dokument finali ta’ informazzjoni. Fil-fatt, huwa permezz ta’ din l-ispjegazzjoni li l-partijiet ikkonċernati huma f’pożizzjoni li jifhmu l-motivi li wasslu lill-istituzzjoni sabiex jadottaw pożizzjoni differenti.

139    Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni rrispettatx id-drittijiet tar-rikorrenti li jirriżultaw mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kkomunikatilhomx il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet użati għall-finijiet tal-analiżi l-ġdida dwar id-dannu u dwar il-forma tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġi eliminat d-dannu, sa fejn dawn il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet huma differenti minn dawk użati fid-dokument finali ta’ informazzjoni (ara l-punt 133 iktar ’il fuq).

140    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali li l-proposta l-ġdida tagħha tippermetti li ma ssirx distinzjoni fost il-kategoriji differenti ta’ importaturi.

141    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma għandhomx raġun meta jsostnu illi ma kellhomx aċċess għall-provi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni pproċediet bl-aġġustament tal-marġni ta’ dannu minn 23 għal 16.5 %. Fil-fatt, il-metodu deskritt fil-punt 136 iktar ’il fuq dwar l-aġġustament tal-marġni ta’ dannu li jieħu inkunsiderazzjoni l-volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu jinsab fid-dokument finali ta’ informazzoni addizzjonali. Huwa veru li dan id-dokument ma jipprovdix informazzjoni fuq il-volum eżatt tal-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, u li kieku jippermetti li jiġi vverifikat li l-perċentwali ta’ 28.26 % tikkorrispondi għar-realtà. Madankollu, peress illi, skont il-Kummissjoni, 41.5 miljun par żarbun jirrappreżentaw 28.26 % taż-żraben kollha importati miċ-Ċina fl-2005, jista’ jiġi dedott illi dawn l-importazzjonijiet ogħlew għal 146.85 miljun par żarbun. Barra minn hekk, dan il-kalkolu ntuża mir-rikorrenti nfushom fil-posta elettronika tagħhom tat-2 ta’ Awwissu 2006 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

142     Mill-kunsiderazzjonijiet li ppreċedew jirriżulta li l-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti r-raġunament li hija segwiet sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dannu billi ħadet inkunsiderazzjoni l-volum tal-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu. Hija spjegat ukoll iċ-ċifri kollha li hija qieset li kienu rilevanti f’dan ir-rigward, u għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura f’dan ir-rigward.

143    Hemm lok li jiġi enfasizzat, bħalma jsostni l-Kunsill (ara l-punt 127 iktar ’il fuq), li l-motiv tar-rikorrenti, hekk kif żviluppat fir-rikorsi, huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u mhux fuq l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku. Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk is-sistema adottata fir-Regolament ikkontestat hijiex kompatibbli mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, għaliex timponi dazji antidumping għal importazzjonijiet inqas mil-livell annwali li kien tqis li ma jikkawżax dannu, ma ġietx sottomessa bħala tali għall-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali.

144    Fir-rigward tat-terminu previst, huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan skada fit-2 ta’ Awwissu 2006.

145    Il-Kummissjoni, billi tat lir-rikorrenti terminu ta’ inqas minn għaxart’ijiem sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, kisret l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku (sentenza Champion Stationery et vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punt 80). Madankollu, din iċ-ċirkustanza fiha nnifisha ma tistax twassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, fil-proċedura inkwistjoni, għad hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit illi minħabba l-fatt li t-terminu għad-dispożizzjoni kien iqsar mit-terminu legali, dan kien ta’ natura li affettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II-3663, punt 331).

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi r-rikorrenti fakkru, fil-kuntest tal-posta elettronika tagħhom tat-2 ta’ Awwissu 2006, il-kalkoli tal-Kummissjoni u li huma ppreżentaw kalkolu alternattiv li kien wassal għal riżultat differenti u, skonthom, ekwitabbli. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fehmu r-raġunament tal-Kummissjoni u kienu f’pożizzjoni li jipproponulha approċċ ieħor. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma spjegawx ir-raġuni għaliex huma ma kinux f’pożizzjoni li jsostnu l-ksur tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku fit-terminu mogħti lilhom mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat illi huma kienu f’pożizzjoni li jsostnu b’mod xieraq il-perspettiva tagħhom.

147    B’hekk, jirriżulta li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

148    Bl-istess argumenti, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-metodu implementat għall-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu jiġi rrifjutat. Fil-fatt, il-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat għandha tiġi evalwata billi tiġi kkunsidrata b’mod partikolari l-informazzjoni li ġiet mibgħuta lir-rikorrenti u billi jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet li huma ssottomettew matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 1999, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, T‑33/98 u T‑34/98, Ġabra p. II-3837, punt 107).

149    F’din il-kawża, u kif ġie osservat fil-punt 36 iktar ’il fuq, il-premessi 296 sa 301 tar-Regolament ikkontestat jinkludu l-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta s-sistema finalment implementata. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt illi l-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-raġunament li hija segwiet sabiex tikkalkola l-marġni tad-dannu billi tieħu inkunsiderazzjoni l-volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu u fid-dawl tal-fatt illi l-Kummissjoni wkoll spjegatilhom iċ-ċifri kollha li hija qieset bħala rilevanti f’dan ir-rigward (ara l-punti 140 sa 142 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi konkluż illi r-Regolament ikkontestat kien motivat kif meħtieġ mil-liġi.

150    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja

 L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrenti jqisu illi d-deċiżjoni dwar i-dannu ma hijiex ibbażata fuq perijodu twil biżżejjed ta’ importazzjonijiet normali u, għalhekk, ma hijiex ibbażata fuq data affidabbli u oġġettiva. Fil-fatt, peress illi l-perijodu ta’ investigazzjoni beda fl-ewwel ta’ April 2004 u ntemm fil-31 ta’ Marzu 2005, u peress illi l-Kummissjoni kkunsidrat biss l-ewwel tliet xhur tal-2005, hija kienet konvinta li ż-żieda fl-importazzjonijet wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet ikkawżat dannu partikolarment sinjifikattiv. L-indizji li juru l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv fl-2004 u li għalihom il-Kummissjoni tagħmel riferiment fil-punt 277 li jinsab fil-kapitolu l-ġdid Ħ fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, ma jfissrux li dannu sinjifikattiv effettivament seħħet fl-2004. In-nuqqas ta’ dannu sinjifikattiv fl-2004 hija kkorroborata mill-fatt li ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-2004 kienet minima meta mqabbla mas-sena 2003 u mill-punt 285 tad-dokument finali ta’ informazzjoni.

152    Issa, l-ewwel tliet xhur tal-2005 jikkostitwixxu l-perijodu inizjali tal-ftuħ tas-suq li kien suġġett għal iktar minn tnax-il sena għall-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kwoti kwantitattivi stretta. Kif ġie osservat mill-Kummissjoni fid-dokument finali ta’ informazzjoni, dan il-perijodu wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet kien ġie artifiċjalment mgħawweġ minħabba l-istennija marbuta ma’ dan l-avveniment. B’hekk, ir-Regolament ikkontestat kien ġie bbażat fuq data li tirrifletti perijodu qasir li ma jistax jipprovdi provi affidabbli dwar il-fatt li tneħħew il-kwoti. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprova li l-Kummissjoni eżaminat il-fatturi tad-dannu matul il-perijodu kollu kkunsidrat.

153    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jfakkru illi s-sistema ta’ kwoti ma kinitx maħsuba sabiex isservi ta’ rimedju għall-konsegwenzi tal-importazzjonijiet li huma suġġett għad-dumping.

154    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, mis-CEC u mill-produtturi Taljani, jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

155    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma tikkostitwixxix sanzjoni għal aġir preċedenti iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiki ta’ dumping. Huwa għaldaqstant neċessarju li l-investigazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu stabbiliti dazji antidumping li huma adegwati sabiex jipproteġu l-industrija Komunitarja kontra l-prattiki ta’ dumping (sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punti 91 u 92 u sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, T‑138/02, Ġabra p. II‑4347, punt 60).

156    B’hekk, meta l-istituzzjonijiet jikkonstataw illi l-importazzjonijiet ta’ prodott li s’issa kien suġġett għal restrizzjonijiet kwantitattivi żdiedu wara li l-imsemmija restrizzjonijiet skadew, huma jistgħu jieħdu din iż-żieda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom dwar il-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

157    It-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-punt 283 tad-dokument finali ta’ informazzjoni, li l-volum tal-prodotti importati żdied wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet, ma turix li l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom biss fuq dan l-element kwantittativ sabiex jikkonkludu l-eżistenza tad-dannu.

158    Fl-aħħar nett, mill-premessi 162, 168 sa 170, 187 sa 206 u 216 sa 240 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni bosta fatturi li jikkonċernaw id-dannu u r-rabta kawżali u li jirrigwardaw mhux biss l-aħħar tliet xhur tal-perijodu ta’ investigazzjoni iżda wkoll il-perijodu kkunsidrat.

159    Minn dan jirriżulta li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikorsi jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

161    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jkun deċiż illi huma jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill.

162    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, is-CEC u l-produtturi Taljani għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Zhejiang Aokang Shoes Co., Ltd u Wenzhou Taima Shoes Co., Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), BA.LA. di Lanciotti Vittorio & C. Sas u s-sittax-il intervenjent ieħor li ismu huwa mniżżel fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Marzu 2010.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel tliet motivi kif ukoll fuq il-ħames motiv, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) u l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fuq kalkolu żbaljat tal-marġni tad-dumping tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż

Anness

Calzaturificio Elisabet Srl, stabbilita f’Monte Urano (l-Italja),

Calzaturificio Iacovelli di Iacovelli Giuseppe & C. Snc, stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio Leopamy Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio Lunella Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio Mia Shoe Snc di Gattafoni Carlo & C., stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio Primitempi di Monaldi Geri, stabbilita f’Monte Urano,

Calzaturificio R.G. di Rossi & Galiè Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Calz. S.G. di Seghetta Giampiero e Sergio Snc, stabbilita f’Monte Urano,

Carim Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Florens Shoes SpA, stabbilita f’Monte Urano,

Gattafoni Shoe Snc di Gattafoni Giampaolo & C., stabbilita f’Monte Urano,

Grif Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Missouri Srl, stabbilita f’Monte Urano,

New Swing Srl, stabbilita f’Monte Urano,

Podosan Medical Shoes di Cirilli Michela, stabbilita f’Monte Urano,

Viviane Sas, stabbilita f’Monte Urano.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.