Language of document : ECLI:EU:T:2010:347

Kawża T-472/08

Companhia Muller de Bebidas

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva 61 A NOSSA ALEGRIA — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti CACHAÇA 51 u trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti CACHAÇA 51 u Pirassununga 51 — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tas-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Trade mark kumplessa

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Għall-konsumatur medju Portugiż, Spanjol, mir-Renju Unit, Awstrijakk u Daniż, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, bejn, minn naħa, is-sinjal figurattiv 61 A NOSSA ALEGRIA, li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja qed tintalab għax-“xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni ta’ birer)”, li jaqgħu taħt il-klassi 33 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark verbali CACHAÇA 51 u t-trade marks figurattivi Cachaça 51 u Pirassununga 51, irreġistrati preċedentement fil-Portugall, fi Spanja, fir-Renju Unit, fl-Awstrija u fid-Danimarka għal prodotti identiċi.

Fil-moħħ tal-konsumaturi kkonċernati, it-trade marks kunfliġġenti jipproduċu impressjoni viżiva u impressjoni fonetika simili b’mod dgħajjef u impressjoni simili b’mod medju jew dgħajjef fuq livell kunċettwali.

Il-prodotti inkwistjoni huma normalment is-suġġett ta’ distribuzzjoni ġenerali u jinbiegħu wkoll mhux biss fil-ħwienet speċjalizzati, iżda wkoll fil-ħwienet kummerċjali l-kbar. Għaldaqstant, hemm lok li tingħata importanza sekondarja lill-perċezzjoni fonetika tat-trade marks kunfliġġenti fl-impressjoni globali prodotta minnhom. Għall-kuntrarju, il-perċezzjoni viżiva u kunċettwali huma ta’ importanza primarja f’din l-istess impressjoni globali.

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade marks kunfliġġenti huma bbażati, minn perspettiva viżiva u kunċettwali, fuq l-assoċjazzjoni ta’ xorb alkoħoliku jew ta’ likur magħmul miz-zokkor tal-kannamieli u, iktar preċiżament, fil-każ tat-trade marks Portugiżi preċedenti, tal-cachaça, ma’ numru ddeterminat, jiġifieri 51 fit-trade marks preċedenti u 61 fit-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, li ma jevokax, jew ma jevokax immedjatament, fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, karatteristika determinata tat-tip ta’ prodotti inkwistjoni. Dan in-numru huwa, bl-istess mod fit-trade marks kunfliġġenti, numru sħiħ, fard, b’żewġ ċifri, fejn it-tieni waħda, jiġifieri ċ-ċifra tal-unitajiet, hija 1. Barra minn hekk, id-differenza viżiva u dik kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti li jirriżultaw mid-differenzi grafiċi u ta’ valur eżistenti bejn in-numri 50 u 60 jitnaqqsu mill-fatt li, minn naħa, il-grafika taċ-ċifra 5 hija iktar simili għall-grafika taċ-ċifra 6 milli għall-grafika taċ-ċifri l-oħra, u b’mod reċiproku, mill-fatt li, min-naħa l-oħra, fl-ordni axxendenti tal-għexieren, in-numru 50 huwa immedjatament inqas min-numru 60, b’tali mod li l-valur mogħti lil dawn in-numri jkun relattivament simili fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

Barra minn hekk, it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni għandhom, jew, fir-rigward tat-trade mark Portugiża verbali preċedenti, jista’ jkollhom bħala aspett komuni, fuq livell viżiv, ir‑rappreżentazzjoni tan-numri tagħhom f’daqs kbir, f’pożizzjoni ċentrali fis-sinjal, b’karattri sempliċi, ta’ kulur abjad, li jispikkaw fuq sfond ta’ kulur skur.

Fir-rigward tal-elementi figurattivi tat-trade marks kunfliġġenti, dawn ma jistgħux, fihom infushom, jiddistingwu suffiċjentement bejn it-trade marks figurattivi preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u lanqas ma jistgħu jeskludu kull probabbiltà ta’ konfużjoni.

Anki kieku l-pubbliku rilevanti huwa kapaċi jipperċeppixxi ċerti differenzi bejn it‑trade marks kunfliġġenti, il-probabbiltà li jistabbilixxi rabta bejn dawn tal-aħħar hija reali, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha u fid-dawl tal-identità tal-prodotti koperti mill-imsemmija trade marks. B’mod definittiv, dawn id‑differenzi ma jidhrux suffiċjenti sabiex titwarrab kull probabbiltà li l-pubbliku rilevanti jew, tal-inqas, il-konsumatur medju Portugiż tax-xorb alkoħoliku, li għandu grad ta’ attenzjoni medju, ikun jista’ jemmen, billi jafda l-immaġini globali mhux perfetta li huwa jiftakar tat-trade marks imsemmija, li l-prodotti koperti minnhom ġejjin mill-istess impriża jew impriżi marbutin ekonomikament.

(ara l-punti 39, 104, 106-110, 112)

2.      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha, fir-rigward tax-xebh viżwali, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali mogħtija minnhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il‑perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il‑probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma janalizzax id-dettalji varji tagħha.

Sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ element li jagħmel parti minn trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità ftit jew wisq kbira ta’ dan l-element li jikkontribwixxi sabiex il-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata jiġu identifikati bħala prodotti li joriġinaw minn impriża speċifika, u għalhekk sabiex dawn il-prodotti jiġu distinti minn dawk ta’ impriżi oħra. F’din l-evalwazzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element inkwistjoni fid-dawl ta’ jekk dan huwiex nieqes jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata.

(ara l-punti 46, 47)

3.      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tkun limitata biss għall-kunsiderazzjoni ta’ komponent ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil tiegħu ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t‑trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, paragun li dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew aktar mill-komponenti tagħha. Huwa biss jekk il-komponenti kollha l‑oħra tat-trade mark ma jkunux kunsiderevoli li l-evalwazzjoni tax-xebh jista’ jitwettaq fuq il-bażi biss tal-element dominanti. Dan ikun b’mod partikolari l-każ meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jimmemorizza, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha. Il-fatt li element ma jkunx negliġibbli ma jimplikax li huwa dominanti, l-istess bħalma l‑fatt li element ma jkunx dominanti b’ebda mod ma jimplika li huwa negliġibbli.

(ara l-punt 48)

4.      Meta ċerti elementi ta’ trade mark ikollhom karattru deskrittiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom it-trade mark hija protetta jew fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jista’ jiġi rikonoxxut li dawn l-elementi għandhom biss karattru distintiv dgħajjef, jew dgħajjef ħafna. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, dan il-karattru distintiv ikun jista’ jiġi rikonoxxut fir-rigward tagħhom biss minħabba l-kombinazzjoni li jifformaw mal-elementi l-oħra tat-trade mark. Minħabba l-karattru distintiv dgħajjef jew dgħajjef ħafna tagħhom, l-elementi deskrittivi ta’ trade mark ma humiex ġeneralment ikkunsidrati mill-pubbliku bħala dominanti fl-impressjoni globali prodotta minnha, ħlief meta, minħabba b’mod partikolari l-pożizzjoni jew id-dimensjoni tagħhom, jidhru li jistgħu jagħmlu impatt fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku u li jinżammu fil-memorja tal-pubbliku. Madankollu, dan ma jfissirx li l-elementi deskrittivi ta’ trade mark huma neċessarjament negliġibbli fl-impressjoni globali prodotta minnha. F’dan ir-rigward għandu b’mod partikolari jiġi evalwat jekk elementi oħra tat-trade mark jistgħux jiddominaw, waħedhom, l-immaġini ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja.

(ara l-punt 49)

5.      Fil-kuntest tal-eżami ta’ oppożizzjoni mressqa mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, abbażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva.

(ara l-punt 50)