Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Ottubru 2008 - Il-Kummissjoni vs Eurgit u Cirese

(Kawża T-470/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Moretto, avukat, A. M. Rouchaud-Joët, aġent, N. Bambara, aġent)

Konvenuti: Associazione dei giuristi italiani per le Comunità europee - Eurgit (Ruma, l-Italja), Vania Cirese (Ruma, l-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lil EURGIT kif ukoll lil V. Cirese personalment u in solidum, għall-rimbors tas-somma ta' EUR 7,412, dovuta prinċipalment, flimkien mal-imgħax għal dewmien bir-rata ta' imgħax legali Belġjan mill-11 ta' Novembru 2002 sad-data tal-ħlas kollu tad-dejn;

tikkundanna lil EURGIT kif ukoll lil V. Cirese personalment u in solidum, għall-ħlas tal-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 238 tat-Trattat KE, bil-għan li tinkiseb il-kundanna ta' EURGIT u ta' V. Cirese, in solidum, għar-rimbors ta' somma li tammonta għal EUR 7,412 flimkien mal-imgħax għal dewmien, liema somma tirrappreżenta l-ħlas bil-quddiem min-naħa tar-rikorrenti lil EURGIT għat-twettiq tal-proġett Nru 97/GR/098, iffinanzjat fil-kuntest tal-programm GROTIUS ta' inċentivi u ta' skambji intiżi għall-prattikanti legali.

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, bis-saħħa tal-punt 7 tad-"dikjarazzjoni tal-benefiċċjarju ta' għajnuna finanzjarja", il-benefiċjarju jintrabat, kemm-il darba r-rendikont tal-ispejjeż ma jkunx jista' jiġġustifika l-użu tal-għajnuna finanzjarja rċevuta, li jħallas lura, fuq talba tagħha, is-somom mhux iġġustifikati li diġà tħallsu.

Peress li fit-terminu mogħti, EURGIT ma ġġustifikatx l-użu tal-ammont imħallas mill-Kummissjoni, m'hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li fuq il-konvenuta u fuq min aġixxa f'isimha u għaliha, hemm l-obbligu li jitħallas lura l-ammont mogħti.

____________