Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2012 - Miejskie Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

(Kawża T-560/12)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Miejskie Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej sp. z o.o. (Brzesko, il-Polonja) (rappreżentant: T. Dobrzyński, avukat)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi SME (2012) 3538, tal-15 ta' Ottubru 2012, li timponi fuq ir-rikorrenti tariffa amministrattiva ta' EUR 20 700;

bħala prekawzjoni, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-ECHA MB/D/29/2010, tat-12 ta' Novembru 2010, dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi li għalihom jintalab il-ħlas ta' tariffa;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta' osservanza tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 u tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll tal-ksur tal-prinċipju ta' għoti tal-kompetenzi

Id-deċiżjoni kkontestata tikser ir-regolament dwar it-tariffi, għaliex il-konvenuta tista' biss timponi tariffi amministrattivi, filwaqt li l-kompetenza li jiġu imposti multi bħala deterrent hija tal-Istati Membri. It-tariffi amministrattivi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-portata tal-attivitajiet imwettqa mill-ECHA. L-impożizzjoni ta' tariffa amministrattiva ta' EUR 20 700 minħabba f'dikjarazzjoni żbaljata tad-daqs tal-impriża għandha l-funzjoni ta' penali u għalhekk hija simili għal multa. Għalhekk, il-konvenuta kienet interferixxiet fis-setgħat tal-Istati Membri bi ksur tal-prinċipju ta' għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5 TUE, u b'mod li aġixxiet f'ċirkustanzi ta' nuqqas ta' kompetenza fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza

L-istabbiliment tal-ammont tat-tariffa amministrattiva skont id-daqs tal-impriża, imur kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ewropew ta' Prattika Amministrattiva Tajba u fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont id-definizzjoni tagħhom stess, it-tariffi amministrattivi jservu sabiex ikopru l-ispiża tas-servizzi amministrattivi, għalhekk ma hijiex iġġustifikata oġġettivament distinzjoni bbażata fuq id-daqs tal-impriżi rreġistrati. Fil-fatt, il-portata tal-attivitajiet imwettqa mill-amministrazzjoni sabiex tivverifika d-daqs tal-impriża hija simili. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-impriżi l-kbar li kienu kklassifikati b'mod żbaljat bħala impriża żgħira u ta' daqs medju għandhom iħallsu tariffa li mhux biss tkopri l-ispejjeż marbuta mal-verifika tad-daqs tagħhom stess, iżda wkoll l-ispejjeż marbuta mal-verifika tad-daqs tal-impriżi l-oħra, kif ukoll l-ispejjeż għal servizzi oħra pprovduti mill-ECHA.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali

Meta ddikjarat li l-impriża tagħha kienet żgħira r-rikorrenti kienet temmen, għalkemm kienet żbaljata dwar dan, li din kienet klassifikazzjoni korretta tad-daqs tal-impriża. Skont l-informazzjoni taħt l-intestatura "tariffi" fuq is-sit tal-ħelpdesks nazzjonali għar-REACH, id-daqs ta' impriża hija ddefinita mil-liġi nazzjonali dwar il-libertà tal-attività ekonomika. Skont din il-liġi, fid-determinazzjoni tad-daqs tal-impriża ma kienx meħtieġ li tingħata ħarsa lejn l-istruttura tal-azzjonisti tagħha, iżda kien meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-numru ta' impjegati u d-dħul mill-bejgħ nett annwali, data li ġiet ikkunsidrata mir-rikorrenti. L-obbligu ta' teħid inkunsiderazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 Mejju 2003, sabiex jiġi ddeterminat id-daqs tal-impriża, ma ġiex ikkomunikat lill-persuni kkonċernati b'mod korrett. Barra minn hekk, l-ECHA ma informatx lill-impriżi dwar l-ammont tat-tariffi amministrattivi imposti fil-każ ta' klassifikazzjoni żbaljata tad-daqs tal-impriża, bi ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq abbuż ta' poter

Il-konvenuta wettqet abbuż ta' poter meta stabbilit, fid-deċiżjoni MB/D/29/2010, rati għoljin wisq ta' tariffi u wkoll meta attribwiet lilha nnifisha setgħat ferm wiesgħa fil-forma tal-applikabbiltà ta' kwalunkwe mezzi legali sabiex tiġbor u jitħallsu dawn it-tariffi. L-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 ma jistax jiġġustifika dawn il-kompetenzi. L-impożizzjoni ta' tariffa amministrattiva għandha għan differenti minn dak stabbilit fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 340/2008 (biex ikopri l-ispiża tas-servizzi mwettqa mill-ECHA) u ma tirriflettix il-portata tal-attivitajiet imwettqa mill-konvenuta, iżda tikkostitwixxi multa illegalment imposta fuq ir-rikorrenti.

____________