Language of document : ECLI:EU:T:2014:945

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Novembru 2014 (*)

“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Settur tal-frott u l-ħaxix — Frott taċ-ċitru — Rikors għal annullament — Att konfermattiv — Fatti ġodda u sostanzjali — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni — Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-immarkar — Indikazzjonijiet tal-aġenti ta’ preżervazzjoni jew sustanzi kimiċi oħra użati fit-trattament ta’ wara l-ħsad — Rakkomandazzjonijiet relatati mal-istandards deċiżi fil-kuntest tal-Kummissjoni ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa”

Fil-Kawża T‑481/11,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, abogado del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Galindo Martin, B. Schima u K. Skelly, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-dispożizzjoni tal-ħames inċiż tal-punt VI D tal-parti B 2 tal-Anness I, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas‑7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-Artikolu 113 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat‑22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l OKS) (ĠU L 299, p. 1), li jagħmel parti mit-Titolu II “Regoli dwar kummerċjalizzazzjoni u produzzjoni”, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008, tal‑14 ta’ April 2008 (ĠU L 121, p. 1), jipprovdi kif ġej:

“1.      Jista’ jsir provvediment mill-Kummissjoni għall-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni għal wieħed jew aktar mill-prodotti tas-setturi li ġejjin:

[...]

b)      frott u ħaxix;

c)      frott u ħxejjex ipproċessati [...].

2.      L-istandards imsemmijin fil-paragrafu 1:

a)       għandhom jiġu stabbiliti b’kont meħud, b’mod partikolari, ta’:

i)      l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti konċernati;

ii)      il-ħtieġa li jiġu żgurati l-kondizzjonijiet għal disponiment bla xkiel ta’ dawk il-prodotti fuq is-suq;

iii)      l-interess tal-konsumaturi li jirċievu informazzjoni dwar il-prodott, adegwata u trasparenti inkluż partikolarment għal prodotti tas-setturi tal-frott u tal-ħaxix u tal-frott u tal-ħaxix ipproċessati, il-pajjiż ta’ l-oriġini, il-klassi u, fejn ikun xieraq, il-varjetà (jew it-tip kummerċjali), tal-prodott; [...]

v)      rigward il-frott u l-ħaxix u s-setturi tal-frott u tal-ħaxix ipproċessati, ir-rakkomandazzjonijiet Standard adottati mill-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Ewropa (UN/ECE).

b)      jistgħu jirrelataw b’mod partikolari [...] mat-tikkettar”.

2        Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 113a(2) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, introdott permezz tar-Regolament Nru 361/2008, “[l]-istandards tal-kummerċ [previsti għas-setturi ta’ frott u ħaxix u ta’ frott u ħaxix ipproċessati] japplikaw fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni inklużi l-importazzjoni u l-esportazzjoni sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Kummissjoni”.

3        Barra minn hekk, l-Artikolu 121 tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, kif emendat bir-Regolament Nru 361/2008, jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, li b’mod partikolari huma relatati ma’:

a)      l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmijin fl-Artikoli 113 u 113a inklużi r-regoli dwar:

i)      derogi jew eżenzjonijiet mill-applikazzjoni ta’ l-istandards;

ii)      preżentazzjoni ta’ partikolaritajiet meħtieġa mill-istandards kif ukoll dwar il-kummerċjalizzazzjoni u t-tikkettar;

iii)      l-applikazzjoni ta’ l-istandards għal prodotti importati fi, jew esportati mill-Komunità; […]”

4        F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 4 tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS jipprovdi kif ġej:

“Għajr fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, meta jiġu konferiti setgħat lill-Kummissjoni, din għandha taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2).”

5        Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 195 tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal‑25 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 154, p. 1), jipprovdi kif ġej:

“Kumitat

1.      Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tat-Tmexxija għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli [...].

2.      Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l- Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu mniżżel fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar wieħed. […]”

6        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat‑28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), ġiet imħassra bis-saħħa tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13), li daħal fis-seħħ, bis-saħħa tal-Artikolu 16 tiegħu, fl‑1 ta’ Marzu 2011. Konformement mal-Artikolu 13(1)(b) u (e) rispettivament, tal-istess regolament, l-Artikolu 5 tiegħu, bl-eċċezzjoni tat-tieni u tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4, japplika minflok l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468, li għalih jirreferi l-Artikolu 195 tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 182/2011 japplika minflok l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468.

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi, b’mod partikolari, li kumitat li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jagħti l-opinjoni tiegħu lill-maġġoranza ddefinita fl-Artikolu 16(4) u (5) TUE u, jekk ikun il-każ, fl-Artikolu 238(3) TFUE fir-rigward tal-atti li għandhom jiġu adottati fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea u li l-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat huma ponderati bil-metodu ddefinit fl-imsemmija artikoli. Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni. Jekk il-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma tadottax l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni. Fejn jitqies li att ta’ implementazzjoni huwa neċessarju, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata tal-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni lill-istess kumitat, fi żmien xahrejn mill-għoti tal-opinjoni negattiva, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implementazzjoni fi żmien xahar minn tali għoti lill-kumitat ta’ appell għal deliberazzjoni ġdida. Fl-aħħar nett, fejn ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’, bħala prinċipju, tadotta l-abbozz tal-att ta’ eżekuzzjoni, ħlief fil-każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 182/2011.

8        Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 182/2011 jikkonċerna l-obbligu għall-Kummissjoni li jżomm reġistru tax-xogħlijiet tal-kumitati u li jippubblika rapport annwali li jikkonċerna dawn ix-xogħlijiet, kif ukoll id-drittijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jkollhom aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti li jinsabu fir-reġistru miżmum mill-Kummissjoni.

9        B’mod partikolari, huwa abbażi tal-Artikolu 121(a) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS li l-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, tas‑7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat. Il-premessa 56 ta’ dan ir-regolament tikkonstata li l-Kumitat ta’ ġestjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ ġestjoni”) ma ta ebda opinjoni fit-terminu stabbilit mill-president tiegħu.

10      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 543/2011 jipprovdi dan li ġej:

“1.      Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 113a(1) tar-Regolament [waħdieni dwar l-OKS] għandhom iservu bħala l-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni. Id-dettalji tal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni huma mogħtija fil-Parti A tal-Anness I għal dan ir-Regolament.

Il-frott u l-ħaxix li mhux kopert minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni għandu jikkonforma mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, f’każijiet fejn min ikollu f’idejh il-prodotti jkun f’qagħda li juri li dawn huma konformi mal-istandards applikabbli adottati mi[n‑NU/KEE], dawn il-prodotti għandhom jitqiesu li huma konformi mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni.

2.      L-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(b) tar-Regolament [waħdieni dwar l-OKS] huma mogħtija fil-Parti B tal-Anness I għal dan ir-Regolament għall-prodotti li ġejjin:

[…]

b)      il-frott taċ-ċitru; […]”

11      Il-parti B 2 tal-Anness I tar-Regolament Nru 543/2011 tinkludi, skont it-titolu tagħha, l-“[i]Standard tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott taċ-ċitru”. Il-punt VI tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-immarkar”, jipprovdi kif ġej:

“Kull pakkett [koll] irid juri d-dettalji li ġejjin b’ittri miġbura fuq l-istess naħa, immarkati b’mod leġġibbli u li ma jitħassarx, u viżibbli minn barra [...]

D.      Speċifikazzjonijiet kummerċjali

[…]

–        Meta jkunu użati, għandhom jissemmew l-aġent ta’ preservazzjoni jew sustanzi kimiċi oħra wara l-istadju tal-ħsad.”

12      Din hija dispożizzjoni li l-annullament tagħha qed tintalab permezz ta’ dan ir-rikors (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kkontestata”).

13      Il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) ġiet stabbilita fl‑1947 permezz tar-Riżoluzzjoni 36 (IV) tat‑28 ta’ Marzu 1947, tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (ECOSOC). Attwalment hija tiġbor fi ħdanha 56 pajjiż tal-Ewropa (inklużi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea), tal-Komunità tal-Istati Indipendenti u tal-Amerika ta’ Fuq. Peress li l-Unjoni ma hijiex membru tan-Nazzjonijiet Uniti, hija lanqas ma hi membru tan-NU/KEE. Min-naħa l-oħra, hija tipparteċipa fin-NU/KEE bħala osservatur.

14      In-NU/KEE tinkludi, fi ħdanha, il-grupp ta’ ħidma tal-istandards ta’ kwalità tal-prodotti agrikoli (iktar ’il quddiem il‑“grupp ta’ ħidma”) inkarigat, b’mod partikolari, bid-definizzjoni tal-istandards komuni għall-prodotti li jeħżienu.

15      Fl‑1958, il-grupp ta’ ħidma adotta l-Protokoll ta’ Genève dwar l-istandardizzazzjoni tal-frott u ħaxix frisk u tal-prodotti nexfin u mnixxfa (irrevedut fl‑1964 u fl‑1985, iktar ’il quddiem il‑“Protokoll ta’ Genève”). Dan jipprovdi s-segwenti fil-punt I tiegħu:

“Kull prodott suġġett għall-istandardizzazzjoni kummerċjali ta’ kwalità għandu jiġi ddefinit fi standard partikolari li jikkonċernah permezz tal-isem tal-ġeneru u tal-ispeċji li għalihom jappartjeni (referenza botanika bil-latin jekk ikun il-każ segwita bl-indikazzjoni tal-awtur). [...]

Madankollu, grupp ta’ prodotti jista’ jkun suġġett ukoll għal standard iktar ġenerali applikabbli għal dan il-grupp sa fejn dan huwa permess mill-karatteristiċi tagħhom.”

16      Skont il-punt IX tal-Protokoll ta’ Genève, il-grupp ta’ ħidma huwa inkarigat milli jipprovdi, b’mod partikolari, ir-redazzjoni ta’ standards speċifiċi ġodda u l-adattazzjonijiet possibbli tal-istandards eżistenti. Skont il-punt X tal-Protokoll ta’ Genève, il-grupp ta’ ħidma għandu wkoll bħala missjoni li jelabora l-klawżoli ta’ ftehim internazzjonali li jista’ jagħti status definittiv lill-istandards stabbiliti fil-kuntest tan-NU/KEE għall-frott u l-ħaxix.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Settembru 2011, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2012, l-eċċezzjoni ġiet inkluża mal-mertu.

19      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li lilha din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata.

20      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar‑Regoli tal-Proċedura, stiednet lill‑partijiet sabiex iwieġbu bil-miktub għal diversi mistoqsijiet u sabiex jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-terminu mogħti.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2014. Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali stabbiliet terminu għall-partijiet sabiex dawn jinkludu kopja tal-Protokoll ta’ Genève fil-fajl, u, fl-istennija ta’ dan, iddeċidiet li ma tagħlaqx il-proċedura orali. Il-partijiet issodisfaw it-talba tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti u, fis‑26 ta’ Ġunju 2014, wara l-preżentata tal-Protokoll ta’ Genève, il-proċedura orali ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla.

22      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-dispożizzjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

24      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli, peress li d-dispożizzjoni kkontestata huwa att purament konfermattiv u, għaldaqstant, li ma jistax ikun suġġett għal rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

25      Skont il-Kummissjoni, l-obbligu li jissemmew it-trattamenti mwettqa fuq il-frott taċ-ċitru wara l-ħsad ma huwiex ġdid iżda jinsab fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sa mill‑1971. Dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi għad-dispożizzjoni kkontestata diġà kienu jinsabu f’numru ta’ regolamenti preċedenti għall-2002. Mill‑2002, il-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti applikabbli kien identiku għal dak tad-dispożizzjoni kkontestata.

26      Dan huwa l-każ tar-raba’ inċiż tal-punt VI D tal-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1799/2001, tat‑12 ta’ Settembru 2001, li jistabbilixxi l-livell tal-kummerċ tal-frott taċ-ċitru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 352), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2010/2002, tat‑12 ta’ Novembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 355), kif ukoll tar-raba’ inċiż tal-punt VI D tal-parti B 2 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal‑21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1221/2008, tal‑5 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 336, p. 1). Barra minn hekk, il-kuntest li fih tidħol l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata ma huwiex differenti fiċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2010/2002.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li mill-kliem stess tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll mill-għan tiegħu li hu li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali jirriżulta li l-att li ma ġiex ikkontestat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors isir definittiv. Din in-natura definittiva ma tikkonċernax biss lill-att innifsu, iżda wkoll lil kull att sussegwenti li jkun ta’ natura purament konfermattiva. Din is-soluzzjoni, li hija ġġustifikata mill-ħtieġa ta’ stabbiltà legali, tapplika kemm għall-atti individwali kif ukoll għal dawk li huma ta’ natura leġiżlattiva, bħal regolament. Madankollu, għandu jiġi speċifikat, fir-rigward tal-atti regolatorji bħar-regolamenti, li meta dispożizzjoni ta’ tali att tiġi emendata, ir-rikors huwa miftuħ mill-ġdid, mhux biss kontra din id-dispożizzjoni waħedha, iżda wkoll kontra dawk kollha li, anki mhux emendati, jiffurmaw parti sħiħa magħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, Ġabra p. I‑8695, punti 29 u 30; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Ġunju 2009, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑257/04, Ġabra p. II‑1545, punt 70, u tat‑2 ta’ Ottubru 2009, Ċipru vs Il‑Kummissjoni, T‑300/05 u T‑316/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 258).

28      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi att għandu jiġi kkunsidrat bħala purament konfermattiv ta’ att preċedenti, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan huwa l-każ jekk l-att inkwistjoni ma jinkludi ebda element ġdid meta mqabbel mal-att preċedenti u ma kienx ippreċedut minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-aħħar att (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra p. II‑557, punt 44; tas‑6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA, T‑12/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑31 u II‑B‑1‑159, punt 47, u tal‑15 ta’ Settembru 2011, CMB u Christof vs Il‑Kummissjoni, T‑407/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 89).

29      Din il-ġurisprudenza, li tikkonċerna atti individwali, għandha tiġi trasposta wkoll għall-każ tal-atti regolatorji, fejn xejn ma jiġġustifika differenzjazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-aħħar atti. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tagħha Ċipru vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq (punt 276), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-dispożizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kienet tikkonferma dispożizzjoni preċedenti identika wara li kkonstatat li l-adozzjoni tagħha ma kinitx ġiet ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni.

30      Evidentement, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ att konfermattiv lanqas ma tirriżulta f’każijiet fejn il-kontenut tal-att sussegwenti huwa differenti minn dak tal-att preċedenti. Madankollu, għandu jiġi speċifikat li l-emendi purament redazzjonali, li ma jolqtux is-sustanza tal-kontenut tal-att inkwistjoni, ma jostakolawx il-kwalifika ta’ dan l-att bħala konfermattiv. Huwa b’hekk, li, fis-sentenza tagħha Ċipru vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li “l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors [kellha] tipprekludi r-rikors għal annullament ippreżentat kontra dispożizzjoni emendata mhux biss meta l-imsemmija dispożizzjoni [kienet] tirriproduċi dik li tinsab fl-att li fir-rigward tiegħu [kien] skada t-terminu għall-preżentata tar-rikors, iżda wkoll meta, minkejja l-fatt li r-redazzjoni l-ġdida [kienet] differenti [...] is-sustanza tagħha ma [kinitx] ġiet affettwata”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

31      Il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq tikkonċerna, għalhekk, l-ipoteżi fejn il-kontenut tal-att ikkontestat (fi kliem ieħor, fil-każ ta’ att regolatorju, il-kliem tad-dispożizzjoni kkonċernata) huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-att preċedenti.

32      Għalhekk tirriżulta l-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi tistax tkun kwistjoni ta’ “eżami mill-ġdid”, li teħtieġ li att sussegwenti, ta’ kontenut identiku, essenzjalment, għal dak ta’ att preċedenti, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala konfermattiv ta’ dan l-att preċedenti.

33      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat li sempliċi verifika tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ att, magħmula mill-awtur ta’ dan l-att qabel ma kkonferma l-kontenut tiegħu mill-ġdid, tikkostitwixxi eżami mill-ġdid, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq. Fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Marzu 1986, Adams et vs Il‑Kummissjoni (294/84, Ġabra, p. 977, 978 u 981), l-Avukat Ġenerali Slynn ikkunsidra wkoll li sempliċi “tieni eżami” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ att ma kienx jikkostitwixxi eżami mill-ġdid li kien jostakola l-eżistenza ta’ att konfermattiv.

34      Jeħtieġ, ukoll, li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali tista’ tiġġustifika l-preżentata ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva (ara s-sentenza Inpesca vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 47, u s-sentenza M vs EMEA, punt 28 iktar ’il fuq, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm att jikkostitwixxi r-risposta għal talba li fiha qed jiġu invokati fatti ġodda u sostanzjali u li permezz tagħha l-amministrazzjoni qed tintalab tipproċedi għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti, dan l-att ma jistax jitqies li huwa ta’ natura purament konfermattiva, sa fejn hija tiddeċiedi dwar l-allegati fatti ġodda u sostanzjali u tinkludi, b’hekk, element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti (ara s-sentenza Inpesca vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      B’hekk, wara l-eżami mill-ġdid, ibbażat fuq fatti ġodda u sostanzjali, ta’ deċiżjoni li saret definittiva, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu deċiżjoni ġdida, li l-legalità tagħha tista’, jekk ikun il-każ, tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ fatti ġodda u sostanzjali, l-istituzzjoni ma għandhiex l-obbligu li tipproċedi għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti tagħha (sentenzi Inpesca vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 48 u M vs EMEA, punt 28 iktar ’il fuq, punt 51).

36      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li att jitqies li ġie adottat wara l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni, liema fatt jeskludi n-natura konfermattiva tiegħu, meta dan l-att ġie adottat jew fuq it-talba tal-parti kkonċernata, jew fuq l-inizjattiva nnifisha tal-awtur tiegħu, abbażi ta’ elementi sostanzjali li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tal-att preċedenti. Huwa preċiżament għaliex dawn l-elementi ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tal-att preċedenti, li għandhom jitqiesu bħala ġodda.

37      Min-naħa l-oħra, jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jibbaża ruħu l-att il-ġdid ma jkunux differenti minn dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att preċedenti, dan l-att il-ġdid ikun purament konfermattiv tal-att preċedenti.

38      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom elementi jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ġodda u sostanzjali, element għandu jiġi kkwalifikat bħala ġdid kemm meta dan l-element ma kienx jeżisti fil-mument tal-adozzjoni tal-att preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M vs EMEA, punt 28 iktar ’il fuq, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ April 2004, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, T‑308/02, Ġabra p. II‑1363, punt 57), kif ukoll meta l-element kien diġà jeżisti meta l-att preċedenti ġie adottat, iżda li, tkun għal liema raġuni tkun, inkluża nuqqas ta’ diliġenza tal-awtur ta’ dan l-aħħar att, ma ttiħidx inkunsiderazzjoni fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adams et vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 15, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ Marzu 1994, Cortes Jimenez et vs Il‑Kummissjoni, T‑82/92, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑237, punt 16).

39      Fir-rigward tan-natura sostanzjali ta’ element fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, sabiex ikun ta’ natura bħal din, dan l-element għandu jkun jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika hekk kif ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-awturi tal-att preċedenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kliem ieħor, huwa neċessarju li l-element ikkonċernat ikun jista’ jbiddel b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet li rregolaw l-att preċedenti, bħal, b’mod partikolari, element li jqajjem dubji fir-rigward tal-fondatezza tas-soluzzjoni adottata mill-imsemmi att (ara s-sentenza M vs EMEA, punt 28 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Jeħtieġ ulterjorment li jiġi osservat li miżura suġġetta għat-twettiq taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi wara l-adozzjoni tagħha għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal talba għal eżami mill-ġdid, bil-għan li jiġi vverifikat jekk iż-żamma tagħha tirriżultax li hi ġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali M vs EMEA, punt 28 iktar ’il fuq, punti 64 sa 66, u tal‑21 ta’ Marzu 2014, Yusef vs Il‑Kummissjoni, T‑306/10, Ġabra, punti 62 u 63). Eżami ġdid intiż sabiex jiġi vverifikat jekk miżura adottata preċedentement tibqax ġustifikata fir-rigward ta’ bidla fis-sitwazzjoni ta’ liġi jew ta’ fatt li saret biż-żmien iwassal għall-adozzjoni ta’ att li ma huwiex purament konfermattiv tal-att preċedenti, iżda jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat li jista’ jkun suġġett għal rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, Ġabra p. I‑669, punti 56 sa 62).

41      F’dan il-każ, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, il-kliem tad-dispożizzjoni kkontestata huwa identiku għal dak tad-dispożizzjoni preċedenti, li lilha ssostitwixxiet, jiġifieri dik tar-raba’ inċiż tal-punt VI D tal-parti B 2 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1580/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 1221/2008. Din l-aħħar dispożizzjoni kienet, min-naħa tagħha, identika għal dik tar-raba’ inċiż tal-punt VI D tal-Anness tar-Regolament Nru 1799/2001, kif emendata bir-Regolament Nru 2010/2002. Fi kliem ieħor, ma sar ebda żvilupp fil-kliem tad-dispożizzjoni kkontestata mill-2002 ’l hawn.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 28 sa 40 iktar ’il fuq jekk, madankollu, id-dispożizzjoni kkontestata ġietx adottata wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni, f’liema każ hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala purament konfermattiva u tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament.

43      Il-Qorti Ġenerali tqis li dan huwa l-każ għar-raġunijiet li ġejjin.

44      L-ewwel nett, id-dispożizzjoni kkontestata hija, sa ċertu punt, suġġetta għat-twettiq taċ-ċirkustanzi wara l-adozzjoni tagħha. Fil-fatt, fi żmien żvilupp xjentifiku kostanti, huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li l-possibbiltajiet ta’ trattament ta’ wara l-ħasda tal-frott taċ-ċitru u l-aġenti ta’ preżervazzjoni jew sustanzi kimiċi oħra użati jistgħu regolarment jinbidlu b’mod importanti. F’tali sitwazzjoni, huwa loġiku li wieħed jistenna li jsir eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri applikabbli, intiż sabiex jiġi vverifikat li dawn jibqgħu ġustifikati fir-rigward ta’ bidla eventwali tas-sitwazzjoni ta’ liġi jew ta’ fatt li seħħet biż-żmien. Issa, ir-rieda tal-awturi tad-dispożizzjoni kkontestata tidher ġustament li kienet dik li twettaq tali verifika u mhux esklużivament riformulazzjoni ta’ dispożizzjonijiet eżistenti.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-premessa 2 tar-Regolament Nru 543/2011 tosserva, b’mod partikolari li “huwa xieraq li r-regoli ta’ implimentazzjoni jkunu inkorporati kollha f’Regolament ġdid [li jkopri s-setturi tal-frott u l-ħaxix ipproċessat], flimkien mal-emendi meħtieġa fid-dawl tal-esperjenza”.

46      B’hekk, minn dan jirriżulta, li, billi adottat ir-Regolament Nru 543/2011, il-Kummissjoni ma kellhiex biss l-intenzjoni li tikkonsolida, f’test wieħed, il-modalitajiet kollha għal applikazzjoni diġà fis-seħħ, iżda kellha l-intenzjoni li tapprofitta minn din l-okkażjoni sabiex twettaq l-eventwali “emendi meħtieġa fid-dawl tal-esperjenza”. Din l-aħħar intenzjoni tikkostitwixxi indikazzjoni tal-fatt li l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, bħal kull dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 543/2011, setgħet kienet ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq.

47      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1221/2008, li huwa l-aħħar att, qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 543/2011, li jinkludi dispożizzjoni identika għad-dispożizzjoni kkontestata, is-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti għaddiet minn bidla li, kieku kien il-każ, setgħet wasslet għal emenda tad-dispożizzjoni kkontestata u li, għal din ir-raġuni, kienet tirrikjedi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 113(2)(a)(v) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti huma stabbiliti mill-Kummissjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, “ir-rakkomandazzjonijiet Standard adottati mi[n-NU/KE]” (ara l-punti 13 sa 16 iktar ’il fuq).

49      Il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li l-istandard rilevanti f’dan il-każ huwa l-istandard NU/KEE FFV‑14 dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-kontroll tal-kwalità kummerċjali tal-frott taċ-ċitru. Hija ġiet adottata mill-grupp ta’ ħidma u ġiet emendata numru ta’ drabi.

50      Il-punt VI tal-edizzjoni tal‑2000 tal-istandard NU/KEE FFV‑14, intitolata “Standard NU/KEE FFV‑14 dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-kontroll tal-kwalità kummerċjali tal-frott taċ-ċitru kkunsinnat għat-traffiku internazzjonali bejn il-pajjiżi membri tan-NU/KEE u għad-destinazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kien jinkludi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-immarkar tal-pakketti (kollijiet): fejn dawn kellhom, skont dawn id-dispożizzjonijiet juru, “b’ittri miġbura fuq l-istess naħa, immarkati b’mod leġibbli u li ma jitħassarx, u viżibbli minn barra”, ċertu numru ta’ indikazzjonijiet. Il-punt VI D ta’ dan l-istandard, intitolat “Speċifikazzjonijiet kummerċjali”, kien jipprovdi, fir-raba’ inċiż tiegħu, li l-pakketti (kollijiet) kellhom jinkludu “jekk ikun il-każ, indikazzjoni tal-użu tal-aġent ta’ preservazzjoni jew is-sustanza kimika użata, sa fejn l-użu tagħha [kien] konformi mal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-importatur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-edizzjoni tal‑2004 tal-istandard NU/KEE FFV‑14 ma bidlet xejn fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

51      Min-naħa l-oħra, l-edizzjoni tal‑2009 tal-istandard NU/KEE FFV‑14 emendat l-imsemmija dispożizzjonijiet. Fil-fatt, il-punt VI tal-edizzjoni tal-2009 tal-istandard NU/KEE FFV‑14 intitolat “Standard NU/KEE FFV‑14 dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-kontroll tal-kwalità kummerċjali tal-frott taċ-ċitru” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kien jipprovdi li l-pakketti (kollijiet) kellhom juru, “b’ittri miġbura fuq l-istess naħa, immarkati b’mod leġġibbli u li ma jitħassarx, u viżibbli minn barra”, ċertu numru ta’ indikazzjonijiet. Il-punt VI D ta’ dan l-istandard, intitolat “Speċifikazzjonijiet kummerċjali”, kien jipprovdi, fis-sitt premessa tiegħu, li l-pakketti (kollijiet) kellhom jinkludu indikazzjoni tat-“[t]rattament wara l-ħsad (eventwalment, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż importatur)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

52      Il-punt VI tal-edizzjoni tal‑2010 tal-istandard NU/KEE FFV‑14 (il-verżjoni ta’ dan l-istandard li kienet applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 543/2011) jerġa’ jsemmi, fir-rigward tal-immarkar, l-istandard NU/KEE FFV‑14 tal‑2009, bl-unika differenza li jirreferi għall-immarkar tal-“pakketti (imballaġġi)” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li l-istandard tal‑2009 kien jirreferi għall-immarkar tal-“pakketti (kollijiet)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, hija tipprovdi li l-“pakketti (imballaġġi)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandhom juru “b’ittri miġbura fuq l-istess naħa, immarkati b’mod leġibbli u li ma jitħassarx, u viżibbli minn barra”, ċertu numru ta’ indikazzjonijiet. Il-punt VI D, intitolat “Speċifikazzjonijiet kummerċjali”, jipprovdi, fis-sitt inċiż tiegħu, li l-pakketti (imballaġġi) għandhom jinkludu indikazzjoni tat-“[t]rattament wara l-ħsad (eventwalment, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż importatur)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

53      Minn dan jirriżulta, għalhekk, li skont l-edizzjonijiet tal‑2000 u tal‑2004 tal-istandard NU/KEE FFV‑14, fil-każ fejn aġent ta’ preservazzjoni jew, b’mod iktar ġenerali, sustanza kimika kellhom jintużaw fuq il-frott taċ-ċitru (u sa fejn tali użu kien konformi mal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż importatur), informazzjoni relatata ma’ dan l-użu kellha b’mod obbligatorju tinsab fuq il-pakketti (kollijiet) li jinkludu l-frott taċ-ċitru inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, taħt l-edizzjonijiet tal‑2009 u tal‑2010 tal-istess standard, l-indikazzjoni ta’ dan l-użu hija meħtieġa biss jekk il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż importatur tirrikjedi dan. Fi kliem ieħor, filwaqt li l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż importatur ikkonċernat tawtorizza l-użu tal-aġent ta’ preservazzjoni jew tas-sustanza kimika inkwistjoni mingħajr ta’ tirrikjedi informazzjoni dwar l-użu tagħhom li tinsab fuq il-pakketti (kollijiet) jew fuq il-pakketti (imballaġġi) tal-frott taċ-ċitru kkonċernat, l-edizzjonijiet tal‑2009 u tal‑2010 tal-istandard NU/KEE FFV‑14, lanqas ma jirrikjedu din l-indikazzjoni.

54      Il-partijiet ma jaqblux fuq il-punt dwar kif għandha tinftiehem il-formulazzjoni l-ġdida tal-istandard NU/KEE FFV‑14, fl-edizzjonijiet tiegħu tal‑2009 u tal‑2010. Il-Kummissjoni tinterpretaha bħala “assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-obbligu li jissemmew it-trattamenti mwettqa fuq il-frott taċ-ċitru wara l-ħsad u, konsegwentement, bħala rinunzja tan-NU/KEE li tirrakkomanda tali riferiment”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Skont il-Kummissjoni, l-“għażla’ li għaliha tirreferi r-rakkomandazzjoni hija indirizzata biss lill-Istati importaturi, u mhux lill-operaturi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-emenda tal-istandard NU/KEE FFV‑14 “hija ta’ natura purament formali u ma taffettwax is-sustanza”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Huwa għalhekk li hija tqis li “din l-emenda ma tiżnaturax iċ-ċirkustanzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jiffurmaw il-kuntest tal-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata.

55      Min-naħa tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-istandards adottati min-NU/KEE huma intiżi kemm għall-Istati li jipparteċipaw fil-grupp ta’ ħidma kif ukoll għal dawk kollha li jadottawhom b’inizjattiva tagħhom stess. Huwa jqis, għalhekk li “l-immarkar fakultattiv tat-trattament ta’ wara l-ħsad huwa rekwiżit intiż li jiġi osservat mid-destinatarji kollha tal-istandard f’kull pajjiż li jadottah”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Fir-replika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jmur lilhinn u jilmenta lill-Kummissjoni talli wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-istandard NU/KEE FFV‑14, fis-sens li jħalli lill-Istati li jipparteċipaw fin-NU/KEE l-fakultà jekk għandhomx jipprovdu jew le t-tikettar għat-trattament ta’ wara l-ħsad tal-frott taċ-ċitru, meta, fil-fehma tiegħu, “il-fakultà inkwistjoni [...] hija intiża għall-operaturi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

56      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, ma huwiex neċessarju, f’dan l-istadju, li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni preċiża tal-edizzjonijiet tal‑2009 u tal‑2010 ta’ dan l-aħħar standard, u lanqas dwar il-kwistjoni jekk hijiex intiża esklużivament għall-Istati li jipparteċipaw fin‑NU/KEE jew ukoll għall-operaturi. Dawn il-kwistjonijiet jippreżentaw importanza ċerta għall-mertu tal-kawża u huwa f’dan il-kuntest li huwa meħtieġ, jekk ikun il-każ, li jiġu analizzati.

57      Għall-ħtiġijiet tal-analiżi tal-ammissibbiltà tar-rikors, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-kliem tal-istandard NU/KEE FFV‑14 li, mill‑2009, jiġifieri sussegwentement għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1221/2008 (li kien jinkludi dispożizzjoni identika għad-dispożizzjoni kkontestata), ġiet emendata b’mod li ma huwiex purament redazzjonali. Fil-fatt, filwaqt li l-edizzjonijiet preċedenti kienu jipprovdu, b’mod inekwivoku, li l-pakketti (kollijiet) jew il-pakketti (imballaġġi) li jinkludu frott taċ-ċitru kellhom jinkludu indikazzjonijiet fir-rigward tat-trattament ta’ wara l-ħsad, mill-edizzjoni tal‑2009, l-istandard inkwistjoni tipprovdi sempliċi fakultà f’dan ir-rigward, “skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż importatur”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bil-kontra tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, evidentement din ma tidhirx li hija emenda ta’ natura purament formali.

58      Anki jekk huwa paċifiku li l-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li temenda l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni b’konformità mal-emenda tal-istandard NU/KEE FFV‑14, hija ċertament kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni din l-emenda, bħal ma jirrikjedi l-Artikolu 113(2)(a)(v) tar-Regolament waħdieni tal-OKS u, konsegwentement, hija kellha, mill-inqas, teżamina mill-ġdid l-opportunità ta’ tali emenda. Issa, tali eżami mill-ġdid għandu bħala konsegwenza li d-dispożizzjoni kkontestata, minkejja ta’ kontenut identiku għad-dispożizzjoni rilevanti preċedentement fis-seħħ, ma hijiex konfermattiva ta’ din tal-aħħar.

59      It-tielet nett, fl-aħħar nett, l-iżvolġiment tal-proċedura li tat lok għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti mniżżla fil-fajl mill-partijiet, mit-tweġibiet bil-miktub tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula lilhom mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet li l-partijiet ipprovdew waqt is-seduta, jikkonferma li effettivament seħħ eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt.

60      Kif ikkonfermaw il-partijiet, l-abbozz ta’ regolament ta’ implementazzjoni li jintroduċi modalitajiet għall-applikazzjoni tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS li, sussegwentement u wara emendi, ġie adottat mill-Kummissjoni bħala r-Regolament Nru 543/2011, ġie eżaminat mill-grupp ta’ esperti għall-istandardizzazzjoni tal-frott u tal-ħaxix (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ esperti”) tal-Kummissjoni. L-abbozz trażmess lill-imsemmi grupp u eżaminat minnu, inkluż fil-fajl mir-Renju ta’ Spanja, kien jinkludi dispożizzjoni li tipprovdi li l-indikazzjoni tat-trattament ta’ wara l-ħsad tal-frott taċ-ċitru kienet fakultattiva [“post‑harvest treatment (optional)”, skont l-oriġinal Ingliż ta’ dan id-dokument]. F’dan l-istess abbozz, dispożizzjoni identika għad-dispożizzjoni kkontestata kienet ġiet ingassata, mingħajr dubju sabiex tindika li hija kellha titneħħa u tiġi ssostitwita bid-dispożizzjoni l-ġdida msemmija iktar ’il fuq. Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li l-abbozz prodott mir-Renju ta’ Spanja kien dak li kien ġie trażmess lill-grupp tal-esperti. Xorta waħda hija sostniet li l-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti ta’ dan l-abbozz, differenti minn dak tad-dispożizzjoni kkontestata, kien il-frott ta’ “żball” li kienet wettqet.

61      Jirriżulta wkoll mill-atti inklużi fil-proċess mill-partijiet u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija minnhom, kemm fil-kitbiet tagħhom kif ukoll waqt is-seduta, li abbozz ta’ regolament li jinkludi dispożizzjoni identika għal dik imsemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq kienet ġiet trażmessa, fis‑6 ta’ April 2011, lill-Kumitat tat-tmexxija, bil-għan li jiġi eżaminat waqt il-laqgħa tiegħu tat‑13 ta’ April 2011. Ir-Renju ta’ Spanja pproduċa kopja ta’ dan l-abbozz f’anness mar-rikors. Madankollu, fil‑11 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ttrażmettiet lill-Kumitat tat-tmexxija verżjoni emendata tal-abbozz tagħha, li kienet tinkludi, din id-darba, dispożizzjoni identika għad-dispożizzjoni kkontestata. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat l-eżattezza materjali ta’ din l-informazzjoni, iżda osservat, fir-rigward ta’ dan l-abbozz ukoll, li r-redazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti kienet irriżultat minn “żball”, li hija kkoreġiet hekk kif indunat.

62      Ir-Renju ta’ Spanja pproduċa wkoll, f’anness mar-rikors, kopja tal-ittri li żewġ ministri Spanjoli kienu bagħtu lill-Kummissjoni, wara l-laqgħa tal-Kumitat tat-tmexxija tat‑13 ta’ April 2011, sabiex jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-proposta tagħha għal regolament, kif ukoll tweġibiet tal-Kummissjoni għal dawn l-ittri. B’hekk, fl‑4 ta’ Mejju 2011, id-direttur ġenerali tal-kummerċ u tal-investimenti tal-ministeru tal-Industrija, tat-Turiżmu u tal-Kummerċ Spanjol, bagħat lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Saħħa u konsumaturi” tal-Kummissjoni, ittra li fiha huwa kien isostni li kien ġie miftiehem fi ħdan il-grupp ta’ esperti li r-regolament li kellu jiġi adottat mill-Kummissjoni kien konformi mar-redazzjoni l-ġdida tal-istandard NU/KEE FFV‑14, skont liema l-indikazzjoni tal-aġenti ta’ preżervazzjoni jew sustanzi kimiċi oħra użati fit-trattament ta’ wara l-ħsad fuq il-frott taċ-ċitru kienet fakultattiva.

63      L-istess uffiċjal Spanjol bagħat ittra oħra, ukoll bid-data tal‑4 ta’ Mejju 2011, lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura u żvilupp rurali” tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, id-Direttriċi Ġenerali tar-riżorsi agrikoli u tat-trobbija tal-Ministeru tal-Ambjent, tal-Qasam Rurali u tal-Qasam Marittimu Spanjol, ukoll bagħtet ittra, tat‑3 ta’ Mejju 2011, lid-Direttur Ġenerali tal-istess DĠ tal-Kummissjoni.

64      Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura u żvilupp rurali” wieġeb iż-żewġ ittri msemmija iktar ’il fuq permezz ta’ żewġ ittri rispettivament tal‑14 u tat‑30 ta’ Ġunju 2011. Dawn iż-żewġ ittri, redatti rispettivament bl-Ingliż u bl-Ispanjol, għandhom kontenut identiku. Fihom huwa indikat li l-abbozz ta’ regolament tal-Kummissjoni kien jaġġorna għaxar standards ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifiċi, fid-dawl tal-aħħar standards tan-NU/KEE. Fir-rigward tal-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-frott taċ-ċitru, huwa osservat li l-obbligu ta’ tikkettar relatat mat-trattament ta’ wara l-ħsad kien ġie introdott permezz tar-Regolament Nru 1799/2001 u li “sa dak il-mument [huwa] ġie applikat mingħajr problemi maġġuri għall-operaturi tal-industrija tal-ikel”. Barra minn hekk is-“servizzi tal-Kummissjoni jqisu li t-tħassir tal-obbligu ta’ tikkettar ma huwiex ġustifikat u jqajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar l-adittivi tal-ikel”.

65      Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Saħħa u konsumaturi” wieġeb l-ittra li kienet intbagħtet lilu mid-Direttur Ġenerali tal-kummerċ u tal-investimenti tal-Ministeru tal-Industrija, tat-Turiżmu u tal-Kummerċ Spanjol (ara l-punt 62 iktar ’il fuq) permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Ġunju 2011, li fiha huwa kkonstata li l-kontenut tal-ittra li kien irċieva kien identiku għal dak tal-ittra mibgħuta mill-istess uffiċjal Spanjol lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura u żvilupp rurali” u llimita ruħu jirreferi għat-tweġiba ta’ dan tal-aħħar tal‑14 ta’ Ġunju 2011.

66      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, waqt ir-redazzjoni tal-abbozz ta’ regolament li, sussegwentement u wara emendi, ġie adottat bħala r-Regolament Nru 543/2011, id-dipartimenti tal-Kummissjoni inizjalment allinjaw lilhom infushom fuq il-verżjoni fis-seħħ tal-istandard NU/KEE FFV‑14 u kellhom l-intenzjoni jinkludu, fir-regolament li l-Kummissjoni kienet ser tadotta, dispożizzjoni identika għal dan l-istandard.

67      Madankollu, sussegwentement, ġie kkunsidrat li tali redazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tmur kontra kunsiderazzjonijiet oħrajn, inklużi dawk relatati mal-“applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar l-adittivi tal-ikel”, imsemmija mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikoltura u żvilupp rurali”, fl-ittra tiegħu msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa f’dan is-sens li għandha tinftiehem l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li r-redazzjoni inizjali tad-dispożizzjoni rilevanti tal-abbozz tagħha rriżultat fi “żball”. Huwa għalhekk li, fil‑11 ta’ April 2011, abbozz ġdid, li fih id-dispożizzjoni rilevanti kienet marbuta mar-redazzjoni diġà fis-seħħ, ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat tat-tmexxija.

68      Minn dan jirriżulta li l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata kienet ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, liema fatt, skont l-istess ġurisprudenza, ifisser li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala purament konfermattiva tad-dispożizzjonijiet preċedenti identiċi.

69      Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet preċedenti, minkejja li ta’ kontenut identiku għal dak tad-dispożizzjoni kkontestata, kienu jikkostitwixxu biss is-sempliċi traspożizzjoni, fid-dritt tal-Unjoni, tal-verżjoni fis-seħħ tal-istandard NU/KEE FFV‑14. Huwa biss waqt l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata li l-Kummissjoni li, inizjalment, kellha l-intenzjoni li temenda d-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni sabiex iżżommha allinjata mal-istandard inkwistjoni, sussegwentement, analizzat il-kwistjoni dwar jekk hija setgħetx jew saħansitra kellhiex tiddevja minn dan l-istandard, b’mod partikolari bil-għan li tiżgura “l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni] dwar l-adittivi tal-ikel”. Peress li tat tweġiba fl-affermattiv għal din il-mistoqsija, hija żammet id-dispożizzjoni inkwistjoni kif kienet u evitat, għall-ewwel darba mill-inqas mill-2002, ir-redazzjoni tal-istandard NU/KEE FFV‑14.

70      Fi kliem ieħor, id-dispożizzjoni kkontestata ġiet adottata wara l-eżami ta’ kwistjoni li ma kinitx ġiet eżaminata qabel. Dan l-eżami jikkostitwixxi element ġdid u sostanzjali, meħud inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata filwaqt li dan ma kienx il-każ meta ġew adottati dispożizzjonijiet identiċi preċedenti, fejn id-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex purament konfermattiva tad-dispożizzjonijiet preċedenti, iżda tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.

71      Għaldaqstant, dan ir-rikors huwa ammissibbli u għandu jiġi eżaminat fuq il-mertu.

 Fuq il-mertu

72      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem ħames motivi, fejn l-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-osservanza tal-ġerarkija tar-regoli, it-tieni motiv fuq użu ħażin ta’ poter, it-tielet motiv fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, ir-raba’ motiv fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, il-ħames motiv fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-osservanza tal-ġerarkija tar-regoli

73      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, billi adotta, fil-forma tad-dispożizzjoni kkontestata, standard ta’ kummerċjalizzazzjoni li hija differenti mill-istandard NU/KEE FFV‑14, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 113(2)(a) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS u, konsegwentement, il-prinċipju tal-osservanza tal-ġerarkija tar-regoli. Huwa jistrieħ ukoll, f’dan il-kuntest, fuq il-premessa 6 tar-Regolament Nru 543/2011, li tgħid li: “sabiex jiġu evitati ostakli bla bżonn għall-kummerċ, f’każijiet fejn ikunu jridu jiġu stabbiliti standards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti individwali, dawn l-istandards għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-istandards adottati min-[NU/KEE]”.

74      Għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ osservanza tal-ġerarkija tar-regoli, regolament ta’ implementazzjoni ma jistax jidderoga mir-regoli li jinsabu fl-att li jimplementa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ April 2011, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑576/08, Ġabra p. II‑1578, punt 100, u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 113(2)(a)(v) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, ir-“rakkomandazzjonijiet Standard adottati mi[n-NU/KEE]” jikkostitwixxu biss wieħed mill-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta hija tipprevedi standards ta’ kummerċjalizzazzjoni għal prodott jew numru ta’ prodotti. B’hekk, mis-sempliċi kliem ta’ din id-dispożizzjoni assolutament ma jirriżultax li l-istandards stabbiliti mill-Kummissjoni għandhom jirriproduċu b’mod identiku dawk stabbiliti min‑NU/KEE.

76      Barra minn hekk, mill-argumentazzjoni tar-Renju ta’ Spanja u mill-proċess ma jirriżulta ebda element li jista’ jiġġustifika konklużjoni differenti, li tgħid li, minkejja l-kliem ċar u mhux ambigwi tagħha, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta jiġi adottat standard ta’ kummerċjalizzazzjoni għal prodott jew numru ta’ prodotti, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tittrasponi tale quale l-istandard korrispondenti adottat min-NU/KEE.

77      B’mod partikolari, mill-minuti tal-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma li nżammet f’Genève mill‑4 sat‑8 ta’ Mejju 2009, li kopja tagħhom ġiet inkluża fil-fajl mill-Kummissjoni annessa mar-risposta tagħha, jirriżulta li l-istandards adottati min-NU/KEE ma humiex ta’ natura vinkolanti anki għall-Istati li jipparteċipaw fin‑NU/KEE. Fil-fatt, il-punt 78 ta’ dawn il-minuti josserva li s-segretarjat tal-grupp ta’ ħidma spjega lill-parteċipanti tal-laqgħa li “l-istandards żviluppati fin‑NU/KEE [...] [kienu] biss rakkomandazzjonijiet u ma [setgħux] jiġu imposti fuq l-Istati. L-Istati nnifishom jiddeċiedu liema standards għandhom jużaw fil-livelli nazzjonali u reġjonali”.

78      Barra minn hekk, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, kemm ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni kkonfermaw li l-istandards adottati min‑NU/KEE ma kinux ta’ natura vinkolanti, anki għall-Istati li kienu jipparteċipaw fin‑NU/KEE.

79      Għalhekk l-adozzjoni ta’ standard min‑NU/KEE ma tfisser ebda obbligu għall-Istati Membri tal-Unjoni, li jipparteċipaw kollha fin‑NU/KEE.

80      Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Artikolu 113(2) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS għandu jiġi interpretat konformement mal-kliem ċar u mhux ambigwu tiegħu, fis-sens li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta tiġi biex tadotta, fuq livell tal-Unjoni, standards ta’ kummerċjalizzazzjoni għal prodott jew numru ta’ prodotti. Peress li, fil-qasam tal-politika agrikola, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-istituzzjonijiet fid-dawl tar-responsabbiltajiet tagħhom fis-suġġett (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ Mejju 2007, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑219/04, Ġabra p. II‑1323, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi konkluż li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, hija wiesgħa wkoll. Madankollu, konformement ma’ din l-istess dispożizzjoni, hija għandha l-obbligu, meta teżerċita din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li tieħu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra, standards deċiżi fil-kuntest tan‑NU/KEE. Barra minn hekk, in-natura mhux vinkolanti ta’ dawn l-aħħar standards tikkostitwixxi spjegazzjoni għall-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-kliem “rakkomandazzjonijiet Standard”, użati fl-imsemmija dispożizzjoni.

81      Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-regolament bażiku, li tadotta, fuq livell tal-Unjoni, standard ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-frott taċ-ċitru bi kliem identiku għal dak tan‑NU/KEE FFV‑14, ma jistax jiġi lmentat li hija kisret ir-regolament bażiku u, għaldaqstant, il-prinċipju tal-osservanza tal-ġerarkija tar-regoli.

82      Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq il-formulazzjoni tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 543/2011 (imfakkar fil-punt 73 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li din hija premessa tar-Regolament Nru 543/2011 innifsu u mhux ta’ standard ta’ importanza superjuri, bħar-Regolament waħdieni dwar l-OKS. Konsegwentement, fi kwalunkwe każ, din ma hijiex kwistjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-ġerarkija tar-regoli.

83      Irrispettivament minn dan, għandu jiġi osservat li l-kliem “għandhom ikunu dawk”, użat fl-imsemmija premessa 6, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-istandards adottati mill-Kummissjoni għandhom ikollhom eżattament l-istess kontenut bħal dawk adottati min‑NU/KEE.

84      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, regolament ta’ implementazzjoni għandu jkun suġġett, fejn possibbli, għal interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Ġunju 1993, Dr Tretter, C‑90/92, Ġabra p. I‑3569, punt 11, u tal‑10 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑61/94, Ġabra p. I‑3989, punt 52).

85      Issa, f’dan il-każ, hekk kif diġà ġie osservat, l-Artikolu 113(2) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, li huwa r-regolament bażiku, jirrikjedi mill-Kummissjoni, meta tadotta standards ta’ kummerċjalizzazzjoni għal prodotti speċifiċi, li tieħu numru ta’ elementi inkunsiderazzjoni, li minnhom l-istandards adottati min-NU/KEE huma biss element wieħed. Li kieku l-Kummissjoni, meta adottat ir-Regolament Nru 543/2011, kellha l-intenzjoni li tirriproduċi verbatim l-istandards kollha rilevanti adottati min-NU/KEE mingħajr ma tieħu ebda element ieħor inkunsiderazzjoni li, eventwalment, jirrikjedi kontenut differenti ta’ standard jew oħra li għandha tiġi adottata, hija tkun qed tikser ir-regolament bażiku. Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li din kienet l-intenzjoni tagħha meta hija adottat ir-Regolament Nru 543/2011. Il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament għandha, pjuttost, tinftiehem fis-sens li meta standards ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti għal prodotti individwali, huma għandhom ikunu bbażati fuq standards adottati min‑NU/KEE, bl-emendi eventwali neċessarji, rikjesti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra msemmija fl-Artikolu 113(2) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS.

86      Fir-replika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja żied jgħid li, sa fejn il-Kummissjoni ssostni fin-noti tagħha (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 54 iktar ’il fuq), li l-istandard NU/KEE FFV‑14 ma kellu ebda emenda sostanzjali, huwa ċar li hija naqset mill-obbligu tagħha, li jirriżulta mill-Artikolu 113(2)(a)(v) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, li tieħu din l-emenda inkunsiderazzjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka wkoll, fl-istess kuntest, it-teżi tal-Kummissjoni li l-fakultà mogħtija mill-istandard inkwistjoni hija indirizzata biss lill-Istati importaturi, teżi li r-Renju ta’ Spanja jqis bħala żbaljata, hekk kif ġie osservat fil-punt 55 iktar ’il fuq.

87      Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati, mill-inqas fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-ġerarkija tar-regoli.

88      Fil-fatt, ma hemm ebda dubju li, waqt ir-redazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-istandard NU/KEE FFV‑14, kif inhu rikjest mill-Artikolu 113(1)(a)(v) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS. Dan jixhdu l-fatt, invokat mir-Renju ta’ Spanja, li l-ewwel abbozz, redatt mill-Kummissjoni, ta’ dik li saret id-dispożizzjoni kkontestata, kien jinkludi dispożizzjoni identika għad-dispożizzjoni rilevanti tal-istandard NU/KEE FFV‑14 (ara l-punti 60 u 61 iktar ’il fuq). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata talli naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-istandard inkwistjoni.

89      Fir-rigward tat-teżi allegatament żbaljata tal-Kummissjoni, li l-istandard inkwistjoni hija indirizzata lill-Istati biss u mhux, bħal ma jidher li qed isostni r-Renju ta’ Spanja, lill-operaturi wkoll, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li perċezzjoni eventwali żbaljata, mill-Kummissjoni, tal-kontenut tal-istandard inkwistjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tikkostitwixxi ksur, minnha, tal-prinċipju ta’ osservanza tal-ġerarkija tar-regoli. Żball ta’ dan it-tip, li kieku kellu jitwettaq, jista’, min-naħa l-oħra, jiġġustifika l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata minħabba żball manifest tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lilha mill-Artikolu 113(2)(a)(v) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS. Issa, il-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-ħames motiv. L-argumentazzjoni ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja insostenn ta’ dan l-aħħar motiv tirrikjedi tali stħarriġ mill-Qorti Ġenerali u huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-Kummissjoni fehmitx korrettament il-kontenut tad-dispożizzjoni rilevanti tal-istandard NU/KEE FFV‑14.

90      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

91      Permezz tat-tieni motiv, imressaq sussidjarjament fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tilqax l-ewwel motiv, ir-Renju ta’ Spanja jilmenta użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni, inkwantu, fil-fehma tiegħu, hija adottat id-dispożizzjoni kkontestata għal finijiet oħra minbarra dawk eċċepiti. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka erba’ indizji, jiġifieri: l-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 543/2011 (ara l-punt 73 iktar ’il fuq); it-tieni nett, l-emenda tal-abbozz ta’ regolament tal-Kummissjoni, matul ix-xogħlijiet preparatorji li ppreċedew l-adozzjoni tiegħu u l-ispjegazzjonijiet allegatament imressqa mill-Kummissjoni biex tiġġustifikaha; it-tielet nett, il-kontenut tal-ittri msemmija fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq; ir-raba’ nett, il-kontenut tal-obbligu ta’ ttikkettar previst mid-dispożizzjoni kkontestata li, skont ir-Renju ta’ Spanja, huwa ta’ “natura selettiva”.

92      B’mod partikolari, skont ir-Renju ta’ Spanja, il-ġustifikazzjoni li tingħata mill-Kummissjoni biex fuqha tibbaża ż-żamma tal-obbligu ta’ ttikkettar previst mid-dispożizzjoni kkontestata tikkonċerna sustanza partikolari, l-ortofenilfenol, u l-melħ ta’ sodju tiegħu, imsejjaħ “ortofenilfenat tas-sodju” (iktar ’il quddiem, ikkunsidrat flimkien, l-“OPP”). Issa, skont ir-Renju ta’ Spanja, sa fejn l-OPP jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ adittivi tal-ikel, huwa għandu jaqa’ taħt din il-leġiżlazzjoni. Ir-Renju ta’ Spanja jqis ukoll li l-obbligu stabbilit mid-dispożizzjoni kkontestata huwa ta’ natura selettiva, sa fejn huwa ma japplikax għall-frott u ħaxix kollu.

93      F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ adittivi tal-ikel hija għan li ma jagħmilx parti mill-kompetenzi ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 113 tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS. Minn dan jiddeduċi li l-Kummissjoni aġixxiet għal finijiet li ma kinux dawk eċċepiti fl-att ikkontestat. Barra minn hekk, hija aġixxiet għal finijiet li ma kinux dawk iddefiniti fir-Regolament Nru 543/2011 u fl-Artikolu 113 tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, li minnha siltet il-kompetenza biex tadotta d-dispożizzjoni kkontestata.

94      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni ulterjorment li l-istabbiliment ta’ standards ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa strument li jagħmel parti mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, previst fl-Artikolu 40 TFUE, bil-għan li jikseb l-għanijiet ta’ politika agrikola komuni msemmija fl-Artikolu 39 TFUE. Minkejja li l-ġurisprudenza tammetti li t-tiftix tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni ma jistax jeskludi r-rekwiżiti ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tal-konsumaturi jew tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tippermetti lill-Kummissjoni tintroduċi obbligu ġenerali u assolut mingħajr ebda bażi legali konkreta. L-introduzzjoni ta’ obbligu bħal dan tkun possibbli biss bis-saħħa tal-Artikolu 169 TFUE li, fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprovdi li, “[s]abiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, s-sigurtà u interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom”. Issa, dan l-artikolu ma jagħti ebda kompetenza diretta lill-Kummissjoni. Skont ir-Renju ta’ Spanja, din hija prova addizzjonali ta’ użu ħażin tal-poter li jilmenta fil-konfront tal-Kummissjoni.

95      F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita, skont liema att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li ġie adottat bil-għan esklużiv, jew għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra għajr dawk stabbiliti jew li tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat sabiex tirrimedja għaċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑442/04, Ġabra p. I‑3517, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Issa, f’dan il-każ, ebda waħda mill-indizji invokati mir-Renju ta’ Spanja fl-argumentazzjoni tagħha ma turi li d-dispożizzjoni kkontestata ġiet adottata għal finijiet oħra għajr dawk eċċepiti jew sabiex tevita proċedura prevista speċjalment mit-Trattat.

97      Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq il-formulazzjoni tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 543/2011, diġà ġie osservat fil-punt 85 iktar ’il fuq li l-kliem “għandhom ikunu” ma jistax jiġi kompromess fis-sens li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tadotta verbatim l-istandards kollha rilevanti adottati min-NU/KEE, mingħajr ebda possibbiltà ta’ emenda. Fi kwalunkwe każ, kienu x’kienu l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 543/2011, din il-premessa ma turix li hija kellha għan differenti minn dak eċċepit, jiġifieri l-iffissar ta’ standards ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifiċi għal ċerti prodotti, fosthom il-frott taċ-ċitru.

98      Fir-rigward tat-tieni u t-tielet indizji invokati mir-Renju ta’ Spanja, dawn juru, ċertament, li meta adottat id-dispożizzjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari l-OPP, li, matul perijodu twil, kienet taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-adittivi tal-ikel. Madankollu, xejn ma jikkonferma l-allegazzjoni tar-Renju ta’ Spanja (ara l-punt 93 iktar ’il fuq) li d-dispożizzjoni kkontestata hija intiża li timplementa din l-aħħar leġiżlazzjoni.

99      F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li mill-kliem tal-Artikolu 113(2)(a)(iii) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS jirriżulta li l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tipprevedi huma stabbiliti billi jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari “l-interess tal-konsumaturi li jirċievu informazzjoni dwar il-prodott, adegwata u trasparenti”. Barra minn hekk, kif jirrikonoxxi r-Renju ta’ Spanja stess, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tiftix tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni ma jistax jeskludi rekwiżiti ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tal-konsumaturi jew tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u tal-annimali, rekwiżiti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni billi jeżerċitaw is-setgħat tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill, 68/86, Ġabra p. 855, punt 12, u tal‑5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 120).

100    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jidher li qed isostni r-Renju ta’ Spanja, ma jistax jiġi aċċettat li l-Kummissjoni għamlet użu ħażin tal-proċedura dwar l-adozzjoni tal-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni konformement mal-Artikolu 113 tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, sabiex tistabbilixxi dispożizzjoni intiża għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li l-adozzjoni tagħha ma taqax taħt il-kompetenza tagħha. L-argument li l-Kummissjoni ma għandha ebda bażi legali konkreta biex tistabbilixxi dispożizzjoni bħad-dispożizzjoni kkontestata, inkwantu l-adozzjoni tagħha hija possibbli biss skont l-Artikolu 169 TFUE li ma jagħti ebda kompetenza diretta lill-Kummissjoni (ara l-punt 94 iktar ’il fuq), għandu jiġi miċħud għall-istess raġuni.

101    Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, l-argumenti eżaminati iktar ’il fuq ma jistgħux juru li l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata tikkostitwixxi użu ħażin tal-poter, li huwa l-uniku suġġett ta’ dan il-motiv.

102    Ċertament, huwa minnu li l-Kummissjoni nnifisha tenfasizza, fin-noti tagħha, li l-“pożizzjoni uffiċjali” tagħha fir-rigward tar-raġunijiet li ġġustifikaw l-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata, identika għad-dispożizzjoni analoga preċedenti, minkejja l-emenda tal-istandard NU/KEE FFV‑14 li saret biż-żmien, hija dik li ġiet esposta fl-ittra msemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq. Konsegwentement, jekk, bħal ma jidher li qed jallega r-Renju ta’ Spanja, din il-pożizzjoni hija bbażata fuq żball ta’ liġi relatat mar-rekwiżiti tal-“leġiżlazzjoni dwar l-adittivi tal-ikel”, żball bħal dan jista’ jiġġustifika l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi li kieku tali żball kellu jiġi kkonfermat, dan jista’ jwassal għall-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata. Hija ssostni, madankollu, li tali annullament ipotetiku jkun ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

103    Għaldaqstant, bħall-kwistjoni msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq u għall-istess raġunijiet bħal dawk iċċitati f’dan l-aħħar punt, il-kwistjoni mqajma fil-punt 102 iktar ’il fuq ser tiġi analizzata fil-kuntest tal-eżami tal-ħames motiv.

104    Ir-raba’ indizju invokat mir-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq il-kontenut tad-dispożizzjoni kkontestata, lanqas ma jista’ juri li kien hemm użu ħażin ta’ poter min-naħa tal-Kummissjoni. Il-fatt li jiġi previst obbligu ta’ ttikkettar għas-sustanzi kollha użati fit-trattament ta’ wara l-ħsad tal-frott taċ-ċitru, għal raġunijiet li essenzjalment jikkonċernaw waħda biss minn dawn is-sustanzi, l-OPP, kif ukoll li dan l-obbligu jiġi limitat biss għall-frott taċ-ċitru u mhux għall-frott l-ieħor jista, jekk ikun il-każ, jiġġustifika l-annullament tad-dispożizzjoni kkontestata minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minħabba ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ proporzjonalità, iżda jikkostitwixxi biss indizzju wieħed ta’ użu ħażin ta’ poter. F’dan il-każ ukoll, dawn huma argumenti li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-analiżi tar-raba’ u tal-ħames motivi.

105    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

106    Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba d-diverġenza li teżisti, fil-fehma tiegħu, bejn, minn naħa, il-premessa 6 tar-Regolament Nru 543/2011 u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni kkontestata (ara wkoll il-punt 73 iktar ’il fuq). Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-motivazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata hija, ċertament, ċara, iżda li hija ekwivoka inkwantu, filwaqt li, konformement mal-istandard NU/KEE FFV‑14, l-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ ttikkettar fir-rigward tat-trattament ta’ wara l-ħsad tal-frott taċ-ċitru huwa fakultattiv, ir-Regolament Nru 543/2011 imkien ma jesponi r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tidderoga minn dan l-istandard u tadotta, permezz tad-dispożizzjoni kkontestata, obbligu ta’ ttikkettar ġenerali u mingħajr kundizzjonijiet. Dan l-obbligu allegatament ġie introdott mingħajr ebda ġustifikazzjoni, liema fatt jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u mill-ġurisprudenza relatata mas-suġġett.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att in kwistjoni. Hija għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 KE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa wisq iżjed minnu meta l-Istati Membri kienu strettament assoċjati fil-proċess tal-abbozzar tal-att kontenzjuż u għaldaqstant jafu r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kunsill, C‑301/97, Ġabra p. I‑8853, punt 188, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, l-att ikun intiż għal applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ tieħu l-ħsieb li tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni sħiħa li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li jipproponi li għandu jikseb (sentenzi Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punt 189, u tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punt 59).

109    Barra minnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, jekk mill-att ikkontestat kien joħroġ l-għan essenzjali li jrid jintlaħaq mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tiġi rikjesta motivazzjoni speċifika għall-għażliet tekniċi differenti li jkunu saru (ara, s-sentenza Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa wisq iżjed minnu meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jiġu biex jagħżlu l-mezzi neċessarji għat-twettiq ta’ politika kumplessa bħal, f’dan il-każ, il-politika agrikola komuni (ara s-sentenza Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punti 191 u 192, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-argumentazzjoni kollha tar-Renju ta’ Spanja hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 543/2011, li, hekk kif diġà ġie espost fil-punti 83 sa 85 iktar ’il fuq, hija żbaljata.

111    Fil-fatt, għar-raġunijiet li ġew esposti fil-punti 83 sa 85 iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li din il-premessa tinftiehem fis-sens li huwa meħtieġ li l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni, adottati mill-Kummissjoni, ikunu identiċi għal dawk adottati min-NU/KEE. Li kieku l-Kummissjoni kellha taġixxi b’dan il-mod, hija tikser l-obbligu tagħha li jirriżulta mill-Artikolu 113(2)(a) tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS, li tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiġi biex tadotta dawn l-istandards, fatturi minbarra l-istandards adottati min-NU/KEE, li wkoll jissemmew f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, kif ġie wkoll ikkonstatat iktar ’il fuq, din il-premessa għandha tinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni għamlet sforz, meta ġiet biex tadotta l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, sabiex tiżgura qbil, fuq il-linji prinċipali, bejnhom u bejn dawk adottati min-NU/KEE, fi kliem ieħor li tiżgura li, sakemm ikun meħtieġ minn rekwiżiti oħra, l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni jkollhom l-istess portata u l-istess kontenut bħal dawk adottati min-NU/KEE u jkunu konformi ma’ dawn tal-aħħar.

112    Din l-interpretazzjoni tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 543/2011 hija kkonfermata b’paragun komplessiv bejn, minn naħa, l-edizzjoni tal‑2010 tal-istandard NU/KEE FFV‑14 u, min-naħa l-oħra, l-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni għall-frott taċ-ċitru, hekk kif inhu stabbilit mill-imsemmi regolament. Paragun bħal dan jiżvela li, minkejja l-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni jsegwi ġeneralment l-istruttura u l-preżentazzjoni tal-istandard NU/KEE FFV‑14 (edizzjoni 2010), jeżistu numru ta’ differenzi ta’ dettall bejn iż-żewġ standards, li jmorru minn sempliċi diverġenzi redazzjonali minuri sa differenzi fuq il-mertu, fejn id-diverġenza bejn id-dispożizzjoni kkontestata u d-dispożizzjoni korrispondenti tal-istandard NU/KEE FFV‑14 hija biss eżempju. B’mod partikolari, bħal ma josserva r-Renju ta’ Spanja nnifsu, għandu jiġi kkonstatat li l-pomelo, il-grejpfrut u l-lajm huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni, hekk kif stabbilit mir-Regolament Nru 543/2011, filwaqt li kollha kemm huma jaqgħu taħt l-istandard NU/KEE FFV‑14.

113    Għalhekk ma teżisti ebda inkoerenza bejn dak li hemm ipprovdut fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 543/2011 u l-għażla tal-Kummissjoni li tinkludi, fl-istandard il-ġdid fuq livell tal-Unjoni, id-dispożizzjoni kkontestata, identika għad-dispożizzjonijiet korrispondenti preċedenti, minkejja l-emenda li biż-żmien saret fuq id-dispożizzjoni korrispondenti tal-istandard NU/KEE FFV‑14. L-argument tar-Renju ta’ Spanja, li l-motivazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata hija “ekwivoka” ma tistax, għaldaqstant, tiġi aċċettata.

114    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 108 u 109 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, minħabba l-fatt li ma esponietx, fil-premessi differenti tar-Regolament Nru 543/2011, ir-raġunijiet preċiżi għalfejn hija kienet iddeċidiet li tinkludi, fl-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni relatat mal-frott taċ-ċitru, id-dispożizzjoni kkontestata, differenti mid-dispożizzjoni korrispondenti tal-istandard NU/KEE FFV‑14. Fil-fatt, fid-dawl tal-bosta diverġenzi bejn l-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni għall-frott taċ-ċitru, adottat permezz ta’ dan ir-regolament, u l-istandard NU/KEE FFV‑14 (ara l-punt 112 iktar ’il fuq), mingħajr dubju, ikun eċċessiv li l-Kummissjoni tiġi rikjesta tesponi ġustifikazzjoni speċifika għal kull diverġenza.

115    Il-konklużjoni msemmija fil-punt 114 iktar ’il fuq tirriżulta b’mod ċar biżżejjed tant li r-Renju ta’ Spanja tqiegħdet f’pożizzjoni, bħal ma jikkonfermaw l-elementi invokati minnha stess (ara l-punti 64 u 65 iktar ’il fuq) li ssir taf ir-raġunijiet li ġġustifikaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tadottax, fuq livell tal-Unjoni, l-emenda tad-dispożizzjoni dwar it-tikkettar tal-istandard NU/KEE FFV‑14.

116    B’mod iktar ġenerali, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dispożizzjoni kkontestata tagħmel parti mill-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Unjoni dwar il-frott taċ-ċitru li huwa att intiż għal applikazzjoni ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni komplessiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ standards ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifiċi, fosthom dak relatat mal-frott taċ-ċitru, u l-għanijiet ġenerali li dan l-att jipproponi li jrid jikseb jirriżultaw, bħal ma tirrikjedi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, b’biżżejjed kjarezza, mill-premessi 5 u 6 tar-Regolament Nru 543/2011. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li r-Renju ta’ Spanja ma fformulax ilmenti oħra kontra din il-motivazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-allegata inkoerenza bejn il-formulazzjoni tal-premessa 6 tal-imsemmi regolament u l-kontenut tad-dispożizzjoni kkontestata.

117    Ir-Renju ta’ Spanja jistrieħ ukoll fuq is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ April 1993, Diversinte u Iberlacta (C‑260/91 u C‑261/91, Ġabra p. I‑1885, punti 11 u 12), u tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Novembru 2007 L-Ungerija vs Il‑Kummissjoni (T‑310/06, Ġabra p. II‑4619, punti 83 u 84), li kkonstataw, it-tnejn li huma, li r-regolamenti inkwistjoni f’dawn il-kawżi kienu vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

118    Issa, bħal ma ssostni ġustament il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi fil-kawżi li tat lok għal dawn iż-żewġ sentenzi huma għal kollox differenti minn dawk ta’ din il-kawża, b’tali mod li ma jista’ jinsilet ebda tagħlim utli għal dan il-każ.

119    Fil-fatt, fis-sentenza Diversinte u Iberlacta, punt 117 iktar ’il fuq (punti 11 u 12) kien hemm inkwistjoni dispożizzjoni li għandha effett retroattiv, li għaliha l-ġurisprudenza tirrikjedi motivazzjoni partikolari fil-motivi tal-att ikkontestat, hekk kif jirriżulta mill-punt 10 tal-istess sentenza. Issa, f’dan il-każ, ma huwiex allegat li d-dispożizzjoni kkontestata għandha effett retroattiv.

120    Fir-rigward tas-sentenza L-Ungerija vs Il‑Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq (punti 82 sa 88), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fiha li ċerti dispożizzjonijiet tar-regolament li kien inkwistjoni f’dik il-kawża kellhom jiġu annullati minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, ġaladarba dan ir-regolament imkien ma kien jindika r-raġunijiet għalfejn il-miżuri ġodda introdotti minn dawn id-dispożizzjonijiet kellhom japplikaw immedjatament. Madankollu, din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tagħha, imfakkar fil-punti 66 sa 72 tal-istess sentenza, li minnha jirriżulta li l-introduzzjoni tal-miżuri inkriminati kienet kisret l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi kkonċernati minnhom. Fil-fatt, jidher li l-punti 82 sa 88 tas-sentenza inkwistjoni jsemmu motiv superfluwu, inkwantu l-Qorti Ġenerali diġà kienet ikkonkludiet, fil-punt 72 tal-istess sentenza, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-regolament ikkonċernat kellhom jiġu annullati minħabba ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-produtturi.

121    Issa, f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma allega li d-dispożizzjoni kkontestata kienet tikser l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi tal-frott taċ-ċitru, tal-operaturi tas-settur, jew ta’ kategorija oħra ta’ partijiet ikkonċernati.

122    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

123    Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja tilmenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bejn produtturi, stabbilit fl-Artikolu 40(2) TFUE. Ir-Renju ta’ Spanja jsostnu, essenzjalment, li l-produtturi kollha tal-frott u tal-ħaxix differenti jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-possibbiltà li trattamenti ta’ wara l-ħsad jiġu applikati fuq il-prodotti tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja jsemmi, f’dan ir-rigward, numru ta’ eżempji ta’ sustanzi li huma applikati wara l-ħsad, b’mod partikolari, fuq il-frott u l-frott ta’ ċertu żrieragħ (it-tuffieħ u l-lanġas), il-frott bl-għadma fil-qalba, il-banana u l-patata.

124    Issa, fost l-għaxar standards ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifiċi adottati mir-Regolament Nru 543/2011, huwa biss dak dwar il-frott taċ-ċitru li jimponi, permezz tad-dispożizzjoni kkontestata, obbligu ta’ ttikkettar għall-aġenti ta’ preżervazzjoni u s-sustanzi kimiċi l-oħra użati fit-trattament ta’ wara l-ħsad. Għalhekk, skont ir-Renju ta’ Spanja, isegwi li d-dispożizzjoni kkontestata hija miżura diskriminatorja għad-detriment tal-produtturi tal-frott taċ-ċitru, li ma tistrieħ fuq ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. It-tikkettar magħmul obbligatorju bid-dispożizzjoni kkontestata jittrażmetti lill-konsumatur il-messaġġ li l-frott taċ-ċitru huwa l-uniku frott li qed jiġi trattat bi prodotti kimiċi wara l-ħsad tagħhom. Din l-impressjoni żbaljata tippreġudika l-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum ta’ dan il-frott u jqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva sfavorevoli.

125    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE invokat mir-Renju ta’ Spanja, jipprovdi li l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, stabbilita fil-kuntest tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni, għandha teskludi kull diskriminazzjoni bejn produtturi jew konsumaturi tal-Unjoni.

126    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni minn kull diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika agrikola komuni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux itrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux itrattati bl-istess mod sakemm differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Mejju 2010, Agrana Zucker, C‑365/08, Ġabra p. I‑4341, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, jekk l-eżami tad-dispożizzjonijiet ta’ miżura jiżvela differenza fit-trattament arbitrarja, jiġifieri differenza nieqsa minn ġustifikazzjoni suffiċjenti u mhux ibbażata fuq kriterji ta’ natura oġġettiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, Ġabra p. 2885, punt 22, u tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marshall, C‑106/81, Ġabra p. I‑4071, punt 24; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2001, T. Port vs Il‑Kummissjoni, T‑52/99, Ġabra p. II‑981, punt 82), din il-miżura għandha tiġi annullata, minħabba ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE, sakemm differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punt 67, u s-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 106).

127    Il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba trattament differenzjat jippresupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma paragunabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punti 25 u 26, u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex ikun jista’ jiġi lmentat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li huwa jkun itratta b’mod differenti sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod li jikkawża żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara s-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 543/2011 li, barra minn hekk, ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, jirriżulta li, bħal ma jsostni r-Renju ta’ Spanja, ebda wieħed mill-istandards l-oħra stabbiliti minn dan ir-regolament ma jinkludi dispożizzjoni analoga għad-dispożizzjoni kkontestata. Ma jistax jiġi miċħud li l-obbligu ta’ ttikkettar impost mid-dispożizzjoni kkontestata fir-rigward tal-frott taċ-ċitru biss imsemmija minnha jagħti lok għal żvantaġġ għall-produtturi ta’ dan il-frott, meta mqabbla mal-produtturi l-oħra ta’ frott u ħaxix ieħor.

129    Madankollu, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 126 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ddeterminat jekk din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, jeħtieġ li jiġi identifikat is-suġġett u l-għan tad-dispożizzjoni kkontestata u li jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjonijiet tal-produtturi tal-frott taċ-ċitru msemmija mid-dispożizzjoni kkontestata u dik tal-produtturi ta’ frott u ħaxix ieħor humiex paragunabbli, fid-dawl ta’ dan l-element.

130    Ma hemmx dubju li l-għan segwit mid-dispożizzjoni kkontestata huwa dak li tiġi żgurata informazzjoni aħjar tal-konsumaturi tal-frott taċ-ċitru msemmija minnha, billi tinġibed, jekk ikun il-każ, l-attenzjoni tagħhom dwar il-fatt li l-frott li akkwistaw u li ser jikkonsmaw kien suġġett għal trattament ta’ wara l-ħsad b’aġenti ta’ preżervazzjoni jew sustanzi kimiċi oħra.

131    F’dan ir-rigward, huwa fatt magħruf li mill-esperjenza komuni jirriżulta li, mill-perspettiva ta’ trattament eventwali, minn aġent ta’ preżervazzjoni jew minn sustanza kimika oħra, tas-superfiċi esterjuri tagħhom, il-frott u l-ħaxix jistgħu jitqassmu f’żewġ kategoriji kbar. L-ewwel kategorija tinkludi dawk li l-ġilda jew il-qoxra tagħhom ma humiex ta’ ħxuna importanti, b’tali mod li ma jostakolawx il-penetrazzjoni ta’ sustanza fil-parti interna tal-frott jew tal-ħaxixa kkonċernata; dan il-frott huwa, barra minn hekk, ta’ spiss, jew saħansitra dejjem, ikkonsmat bil-qoxra tiegħu. It-tieni kategorija tinkludi dawk li l-ġilda jew il-qoxra tagħhom hija kbira biżżejjed sabiex tipprekludi l-penetrazzjoni tas-sustanzi li jinsabu fuq is-superfiċi tagħhom u li jiġu kkunsmati wara li jitqaxxru, li jfisser li l-qoxra tagħhom ma hijiex ikkonsmata iżda tintrema.

132    Peress li, għall-frott u l-ħaxix li jaqa’ taħt it-tieni kategorija, il-qoxra tiegħu jipprekludi s-sustanzi użati fit-trattament tas-superfiċi milli jippenetraw fil-parti interna u ma hijiex fiha nnifisha kkunsmata, jista’ jiġi loġikament konkluż, bħal ma ssostni barra minn hekk il-Kummissjoni, li huwa possibbli li jiġi awtorizzat, għal dan il-frott u l-ħaxix, l-użu, b’mod partikolari fit-trattament ta’ superfiċi ta’ wara l-ħsad, ta’ sustanzi li l-użu tagħhom ma huwiex awtorizzat għall-frott u l-ħaxix tal-ewwel kategorija, jew li jiġi awtorizzat l-użu, għall-frott u l-ħaxix tat-tieni kategorija, ta’ dożi ogħla ta’ sustanzi awtorizzati għall-frott u l-ħaxix kollu, billi wieħed jibda mill-premessa li r-residwi tas-sustanzi użati fuq il-frott u l-ħaxix tat-tieni kategorija jibqgħu fuq il-qoxra, li tintrema, u ma jiġux inġeriti mill-konsumatur.

133    Din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata permezz tal-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 304/2010, tad‑9 ta’ April 2010, li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwi għat-2‑phenylphenol f’ċerti prodotti jew fuqhom (ĠU L 94, p. 1), li jikkonċerna l-limiti massimi ta’ residwu għall-OPP. Fil-fatt, għall-frott taċ-ċitru, dan ir-regolament iffissa limitu massimu ta’ residwu “validu sat-30 ta’ Settembru 2012 sakemm jaslu s-sottomissjonijiet u l-valutazzjonijiet ta’ żewġ provi tar-residwi addizzjonali” ta’ mill-inqas 50 darba ogħla milli fil-każ ta’ frott u ħaxix ieħor.

134    Issa, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, ġewwa t-tieni waħda mill-kategoriji msemmija fil-punt 131 iktar ’il fuq, il-frott taċ-ċitru jikkostitwixxi subkategorija speċifika u partikolari. Fil-fatt, filwaqt li, bħala regola ġenerali, il-qoxra tal-frott taċ-ċitru ma hijiex ikkonsmata flimkien mal-polpa, iżda tintrema, bħal ma huwa l-każ ta’ frott ieħor varju (banana, dulliegħ, bettieħ), huwa fatt magħruf, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li l-qoxra tagħhom għandha użu speċifiku fil-kċina, biex isir il-ġamm, il-likur (bħal-limunċell) jew biex jiġu aromatizzati ċerti preparazzjonijiet tal-ikel bħall-gallettini jew is-sopop.

135    B’hekk, filwaqt li huwa possibbli li wieħed jitlaq mill-premessa li l-qoxra ta’ frott taċ-ċitru ma tiġix ikkonsmata direttament bil-laħam tiegħu, b’hekk, għall-frott taċ-ċitru, trattamenti li huma awtorizzati biss għall-frott u għall-ħaxix li jaqa’ taħt it-tieni waħda mill-kategoriji msemmija fil-punt 131 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, bil-kontra ta’ dak li huwa l-każ għall-prodotti l-oħra li jaqgħu taħt din il-kategorija, il-konsumatur jista’ jasal juża l-qoxra tiegħu bil-mod indikat fil-punt 134 iktar ’il fuq u, b’hekk, jikkonsmaha. Barra minn hekk, huwa neċessarju, fil-każ tal-frott taċ-ċitru, li jiġi informat il-konsumatur li l-frott taċ-ċitru li huwa akkwista, filwaqt li huwa perfettament tajjeb għal konsum normali, kien is-suġġett ta’ trattament ta’ wara l-ħsad, liema fatt jista’ jkollu effett fuq l-użu tal-qoxra tiegħu għal finijiet kulinarji. Ma jidhirx, u r-Renju ta’ Spanja ma allegax, li jeżisti bżonn analogu fil-każ ta’ frott u ħaxix ieħor li l-qoxra tagħhom ma hijiex ikkonsmata.

136    Minn dan jirriżulta li, minħabba l-partikolaritajiet tal-frott taċ-ċitru msemmija iktar ’il fuq, il-produtturi tagħhom jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-produtturi ta’ frott u ħaxix ieħor, fir-rigward tal-għan tal-informazzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tas-sustanzi użati fit-trattament ta’ wara l-ħsad. Konsegwentement, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, minħabba l-fatt li d-dispożizzjoni kkontestata hija intiża biss għall-frott taċ-ċitru u mhux għall-frott u ħaxix ieħor.

137    F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li d-dispożizzjoni kkontestata ma hijiex applikabbli għall-frott taċ-ċitru kollu, fejn il-pomelo, il-grejpfrut u l-lajm huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (ara l-punt 112 iktar ’il fuq).

138    Issa, din iċ-ċirkustanza ma tistax twassal għal konklużjoni differenti, sa fejn mill-atti tal-proċess ma jirriżultax u fejn, barra minn hekk, ma huwiex allegat mir-Renju ta’ Spanja li l-qoxra ta dawn it-tliet frott taċ-ċitru jista’ wkoll jintuża għall-finijiet indikati fil-punt 134 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, meta ġew mistoqsija dwar ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-esklużjoni ta’ dawn it-tliet frott taċ-ċitru mill-istandard speċifiku għall-frott taċ-ċitru stabbilit mir-Regolament Nru 543/2011, il-partijiet indikaw li din l-esklużjoni kienet, b’mod partikolari, iġġustifikata mill-volumi ta’ bejgħ ftit sinjifikattivi fl-Ewropa.

139    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll li frott ieħor jista’ wkoll jintuża, bħall-frott taċ-ċitru, fil-preparazzjonijiet tal-ikel jew għall-preparazzjoni ta’ ġamm jew ta’ likuri. Madankollu, dan l-argument huwa nieqes minn rilevanza. Fir-rigward tal-frott taċ-ċitru li jaqa’ taħt id-dispożizzjoni kkontestata, huwa importanti biss il-fatt li tali użu jirrappreżenta bidla radikali fir-rigward tal-konsum abitwali ta’ dan il-frott: filwaqt li, normalment, il-qoxra ta’ dan il-frott tintrema u ma hijiex ikkonsmata, dan ma huwiex il-każ meta jintuża għall-finijiet indikati iktar ’il fuq. Ir-Renju ta’ Spanja ma semmiex eżempji ta’ frott ieħor li l-qoxra tiegħu normalment tintrema mingħajr ma tiġi kkonsmata iżda li tintuża għal finijiet kulinarji.

140    L-argument tar-Renju ta’ Spanja, li t-tikkettar magħmul obbligatorju mid-dispożizzjoni kkontestata jista’ jagħti l-impressjoni żbaljata li l-frott taċ-ċitru biss huwa trattat b’sustanzi kimiċi wara l-ħsad tiegħu u li b’hekk jinħoloq żvantaġġ kompetittiv għall-produtturi ta’ dan il-frott meta mqabbel ma’ frott ieħor (ara l-punt 124 iktar ’il fuq) lanqas ma huwa rilevanti, fil-kuntest ta’ allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

141    Dan l-argument ma jqiegħedx inkwistjoni l-konklużjoni li l-produtturi tal-frott taċ-ċitru msemmija mid-dispożizzjoni kkontestata ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-produtturi ta’ frott u ħaxix ieħor. Huwa intiż sabiex jikkontesta n-natura xierqa u neċessarja tal-miżura kkonċernata u, b’hekk, hija intiża, fil-verità, sabiex tqajjem ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (li huwa s-suġġett tal-ħames motiv) u, b’mod iktar ġenerali, sabiex jiġi lmentat żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Għaldaqstant huwa fil-kuntest tal-ħames motiv li dan l-argument għandu jiġi eżaminat, filwaqt li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, huwa ineffettiv.

142    L-istess jgħodd għal parti l-kbira mill-argumenti mressqa, fir-rigward tar-raba’ motiv, mir-Renju ta’ Spanja fir-replika tagħha. Dawn ukoll huma intiżi sabiex juru li d-dispożizzjoni kkontestata timplika żvantaġġ kompetittiv mhux iġġustifikat għall-produtturi tal-frott taċ-ċitru u, b’mod iktar ġenerali, sabiex iqiegħdu inkwistjoni n-natura xierqa u neċessarja tal-miżura introdotta minn din id-dispożizzjoni.

143    Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet indikati iktar ’il fuq, jeħtieġ li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

144    Permezz tal-ħames motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-obbligu ta’ ttikkettar impost mid-dispożizzjoni kkontestata ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-analiżi tal-Kummissjoni, li wasslitha tadotta d-dispożizzjoni kkontestata, hija bbażata fuq data bażika li ma hijiex eżatta, li ma hi la konkordanti u lanqas ma hijiex idonea sabiex tiġġustifika ż-żamma tal-obbligu ta’ ttikkettar previst minn din id-dispożizzjoni.

145    Ir-Renju ta’ Spanja josserva, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni sostniet suċċessivament, waqt ix-xogħlijiet preparatorji bil-għan tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 543/2011, żewġ ġustifikazzjonijiet għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata: minn naħa, hija rreferiet għall-“qafas partikolari” tal-OPP u, min-naħa l-oħra, hija invokat, b’mod iktar ġenerali, l-osservanza tal-preskrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-additivi tal-ikel.

146    Issa, skont ir-Renju ta’ Spanja, ebda waħda minn dawn iż-żewġ ġustifikazzjonijiet ma hija valida. Fil-liġi tal-Unjoni, ma teżisti ebda dispożizzjoni li timponi l-indikazzjoni, fuq tikketta, tal-użu tas-sustanzi inkwistjoni, la għall-frott u l-ħaxix inġenerali, u lanqas għall-frott taċ-ċitru b’mod partikolari.

147    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, f’dan ir-rigward, li t-trattamenti ta’ wara l-ħsad tal-frott, bħall-bqija tat-trattamenti bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, huma strettament irregolati, bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal‑15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), [issostitwit, mit‑13 ta’ Ġunju 2011, bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1)] u tar-Regolament Nru 396/2005. Dan huwa qafas leġiżlattiv speċifiku, ibbażat fuq studji tossikoloġiċi eżawrjenti, li jiżguraw in-natura innokwa ta’ dawn is-sustanzi għall-konsumaturi u jiggarantizzi standards ta’ sigurtà stretti, b’mod partikolari għall-iffissar ta’ limiti massimi applikabbli għar-residwi.

148    Ċertament, ir-Regolament Nru 396/2005 ma jimponix obbligu ta’ ttikkettar fir-rigward tal-użu tal-pestiċidi, iżda jimponi obbligi oħra, sabiex tiġi ggarantita informazzjoni adegwata lill-konsumatur. B’hekk, ir-Renju ta’ Spanja jqis li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien ikkunsidra li ttikkettar speċjali, li jiġbed l-attenzjoni dwar l-użu ta’ prodotti għas-saħħa tal-pjanti, kien neċessarju, huwa kien jimponi obbligu korrispondenti.

149    Jeżistu wkoll sustanzi kimiċi oħra użati fuq frott differenti fil-fażi ta’ wara l-ħsad. Dawn jikkostitwixxu additivi u huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni korrispondenti, jiġifieri d-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75). Madankollu, skont l-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva, il-frott u l-ħaxix frisk, li ma kienx suġġett għal tqaxxir, tqattigħ jew trattament simili ieħor, huwa eżentat mill-obbligu li jissemmew l-ingredjenti fuq it-tikketta.

150    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-OPP, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li dan ma jagħmilx iktar parti mill-grupp tal-additivi tal-ikel, minn meta ġie inkorporat fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/414. Limitu massimu ta’ residwu ġie ffissat fir-rigward tiegħu (ara l-punt 133 iktar ’il fuq). Konsegwentement, ma hemmx iktar possibbiltà li jiġi impost obbligu ta’ ttikkettar fir-rigward ta’ din is-sustanza partikolari. In-natura provviżorja tal-limitu massimu tar-residwu li jikkonċernaha ma tikkostitwixxix argument validu favur l-impożizzjoni ta’ tali obbligu, inkwantu r-Regolament Nru 396/2005 jagħmel riferiment għal bosta sustanzi attivi u ma jirrikjedi ttikkettar speċjali għal ebda waħda minnhom.

151    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li dan il-motiv, skont it-titolu tiegħu fir-rikors, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-argumenti mressqa taħt dan it-titolu mir-Renju ta’ Spanja ma humiex intiżi li juri biss ksur ta’ dan il-prinċipju iżda, b’mod iktar ġenerali, żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

152    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti. Fir‑rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan il-każ il-Kummissjoni (ara l-punt 81 iktar ’il fuq) fil-qasam tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fir-rigward tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti jkollha l-intenzjoni ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punti 97 u 98, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa dak li jirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja fir-rikors.

153    Madankollu, anki meta setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiġi rikonoxxuta lill-Kummissjoni mill-ġurisprudenza, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli tal-proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, sabiex jiġi vverifikat jekk żball manifest ta’ evalwazzjoni twettaqx mill-istituzzjoni kompetenti, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni eżaminatx, bir-reqqa’ u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, elementi li jistrieħu fuq il-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, Ġabra p. I‑13533, punti 56 u 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Issa, fir-rikors, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, preċiżament, li l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan il-każ hija bbażata fuq “data ineżatta”. Għalhekk, għall-finijiet tal-eżami ta’ dan il-motiv, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk l-elementi bażiċi, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha, humiex ivvizzjati bi żball. B’mod partikolari, f’dan il-kuntest, għandu jiġi vverifikat jekk il-perċezzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kontenut tal-istandard NU/KEE FFV‑14 hijiex korretta (ara l-punt 89 iktar ’il fuq). Għandhom jiġu eżaminati wkoll l-argumenti tal-partijiet dwar ir-rekwiżiti partikolari li eventwalment jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet differenti deċiżi fir-rigward tal-OPP, inkwantu r-Renju ta’ Spanja jilmenta li l-Kummissjoni, fir-rigward tal-istess suġġett, għandha perċezzjoni żbaljata tal-qafas leġiżlattiv rilevanti (ara l-punt 150 iktar ’il fuq).

155    Sussegwentement, fit-tieni lok, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat, jekk ikun il-każ, jekk id-dispożizzjoni kkontestata tikkostitwixxix miżura ta’ natura manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ssegwi, f’liema każ jirriżulta ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-kontenut tal-istandard NU/KEE FFV‑14 (edizzjonijiet tal-2009 u tal-2010)

156    Hekk kif ġie osservat fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq, l-edizzjonijiet tal‑2009 u tal‑2010 tal-istandard NU/KEE FFV‑14 jindikaw li, rispettivament, il-“pakketti (kollijiet)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew il-“pakketti (imballaġġi)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-frott taċ-ċitru għandhom ikollhom indikazzjoni tat-“[t]rattament wara l-ħsad (eventwalment, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż importatur)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Kif ġie osservat ukoll iktar ’il fuq (ara l-punti 54 u 55 iktar ’il fuq), il-partijiet ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni ta’ dan ir-riferiment.

157    B’mod partikolari, ir-Renju ta’ Spanja jilmenta li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-istandard inkwistjoni, inkwantu hija kkunsidrat li din tħalli lill-Istati l-fakultà jekk jipprovdux ittikkettar jew le għat-trattament ta’ wara l-ħsad tal-frott taċ-ċitru, filwaqt li, fil-fehma tiegħu, din il-fakultà hija f’idejn l-operaturi.

158    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Huwa, ċertament, minnu li l-istandards adottati min-NU/KEE huma aċċessibbli għall-pubbliku, liema fatt ifisser li kull min jixtieq, inklużi l-operaturi tas-settur tal-frott taċ-ċitru, jista’ jieħu l-preskrizzjonijiet tagħhom inkunsiderazzjoni u jikkonforma magħhom b’mod volontarju. Xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-punt VII tal-Protokoll ta’ Genève, huwa kull gvern “li aċċetta dan il-protokoll” li għandu jadotta “l-miżuri rikjesti mid-dritt intern tiegħu bil-għan li jadatta l-istandards ta’ prodotti tiegħu”, b’rabta, f’dan ir-rigward “mal-istandards speċifiċi li għandhom jiġu elaborati” bħal, f’dan il-każ, l-istandard NU/KEE FFV‑14, fejn għandu jitfakkar li dan ma huwiex obbligu ġuridikament vinkolanti (ara l-punt 77 iktar ’il fuq).

159    Għalhekk meta, skont standard ta’ dan it-tip, miżura hija fakultattiva, din tkun neċessarjament fakultà li titħalla għall-evalwazzjoni tal-Istati li l-gvernijiet tagħhom aċċettaw il-Protokoll ta’ Genève. Fil-verità, tali fakultà hija ekwivalenti, għan-NU/KEE, għal assenza ta’ rakkomandazzjoni meta mqabbla ma’ miżura speċifika, fejn id-deċiżjoni dwar l-adozzjoni jew le tal-miżura inkwistjoni tħalliet għall-evalwazzjoni libera, għal kull Stat, taċ-ċirkustanzi rilevanti.

160    Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar ukoll li d-dispożizzjoni kkontestata tmur lilhinn mill-fakultà rikonoxxuta bl-istandard NU/KEE FFV‑14, sa fejn, konformement mal-Artikolu 113a(2)( tar-Regolament waħdieni dwar l-OKS (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), hija tapplika għall-istadji kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-istadju tal-esportazzjoni, u ma tikkonċernax biss l-importazzjonijiet.

161    Jekk din l-affermazzjoni għandha tinftiehem fis-sens li r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kontenut tal-istandard NU/KEE FFV‑14, meta jagħmel riferiment għal-“leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż importatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprekludi l-impożizzjoni ta’ tali obbligu mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż esportatur, tali argument ma jistax jintlaqa’.

162    Hekk kif jirriżulta minn dak li huwa espost fil-punti 13 sa 14 iktar ’il fuq, wieħed mill-għanijiet prinċipali li jridu jintlaħqu min-NU/KEE, b’mod partikolari permezz tal-elaborazzjoni tal-istandards bħall-istandard NU/KEE FFV‑14 inkwistjoni f’dan il-każ, huwa li tiġi ffavorizzata l-integrazzjoni ekonomika tal-membri tagħha. B’mod partikolari, l-armonizzazzjoni ta’ standards ta’ kummerċjalizzazzjoni hija intiża, evidentement, sabiex tevita l-ħolqien tal-ostakoli inutli għall-kummerċ, li jirriżultaw minn diverġenzi bejn l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni stabbiliti mill-Istati differenti.

163    Issa, dispożizzjoni li tobbliga l-immarkar partikolari ta’ ċerti prodotti tista’ tikkostitwixxi tali ostakolu biss fil-każ fejn hija tiġi imposta mill-pajjiż importatur. Jekk il-pajjiż importatur ma jirrikjedix immarkar partikolari tal-prodotti kkonċernati, huwa manifestament ma jopponix ruħu għall-importazzjoni tagħhom f’pajjiż ieħor, minkejja l-fatt li jkollhom immarkar rikjest mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar pajjiż (il-pajjiż esportatur).

164    Minn dan jirriżulta li, f’każ bħal dak inkwistjoni, l-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni adottat min-NU/KEE ma jikkonċernax u ma huwiex intiż li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż esportatur. Konsegwentement, meta l-istandard NU/KEE FFV‑14 jipprovdi li l-indikazzjoni tat-trattament ta’ wara l-ħsad tal-frott taċ-ċitru hija fakultattiva, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż importatur, tali dispożizzjoni ma tistax tinftiehem bħala rakkomandazzjoni għall-pajjiżi esportaturi li ma jimponux tali indikazzjoni permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Hija tfisser, sempliċement, li l-pajjiż importatur għandu l-fakultà li jirrikjedi tali indikazzjoni, minkejja l-fatt li din ma hijiex rikjesta mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż esportatur tal-prodotti.

165    Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma segwietx, meta ġiet biex tadotta d-dispożizzjoni kkontestata, rakkomandazzjoni li tinsab fl-istandard NU/KEE FFV‑14, u dan indipendentement min-natura mhux vinkolanti ta’ tali standards. Lanqas ma tista’ tiġi lmentata perċezzjoni żbaljata tal-kontenut ta’ dan l-istandard u lanqas, konsegwentement, żball manifest ta’ evalwazzjoni għal din ir-raġuni.

 Fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-OPP

166    Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tad-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw l-użu tal-OPP għat-trattament tal-frott taċ-ċitru u, jekk ikun il-każ, ta’ frott u ħaxix ieħor, sa fejn il-partijiet iressqu affermazzjonijiet diverġenti f’dan ir-rigward. Issa, perċezzjoni eventwali żbaljata, mill-Kummissjoni, tal-portata u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti u tal-obbligi li jirriżultaw minnhom jivvizzjaw l-evalwazzjoni tagħha tal-opportunità tal-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata u tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ din tal-aħħar.

167    L-użu tal-OPP ġie awtorizzat għall-ewwel darba bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 67/427/KEE, tas‑27 ta’ Ġunju 1967, dwar l-użu ta’ ċerti aġenti ta’ preżervazzjoni għat-trattament tal-frott taċ-ċitru fuq is-superfiċi kif ukoll dwar il-miżuri ta’ kontroll għar-riċerka u d-dożaġġ tal-aġenti ta’ preżervazzjoni fi u fuq il-frott taċ-ċitru (ĠU 148, p. 1). L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva emenda s-Sezzjoni I tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 64/54/KEE, tal‑5 ta’ Novembru 1963, dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-aġenti ta’ preżervazzjoni li jistgħu jintużaw fil-prodotti għall-alimentazzjoni tal-bniedem, b’mod li fiha jinkludi, b’mod partikolari, l-OPP. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ din l-aħħar direttiva, l-anness tagħha kien jinkludi l-aġenti ta’ preżervazzjoni li l-Istati Membri setgħu jawtorizzaw għall-protezzjoni tal-prodotti għall-alimentazzjoni tal-bniedem (prodotti tal-ikel). L-inklużjoni tal-OPP, miżjuda permezz tad-Direttiva 67/427, kienet tipprovdi li din setgħet tintuża “esklużivament għat-trattament tal-frott taċ-ċitru fuq is-superfiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, barra minn hekk, kienet tindika li t-trattament kellu jiġi indikat, “fil-kummerċ bl-imnut, permezz ta’ indikazzjoni viżibbli li tiżgura b’mod inekwivoku l-informazzjoni tal-konsumatur”.

168    Id-Direttiva 91/414 kienet issemmi, permezz tal-Artikolu 1(1) tagħha, l-awtorizzazzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ppreżentati taħt il-forma kummerċjali tagħhom, it-tqegħid fis-suq u l-kontroll tas-sustanzi attivi intiżi għal użu ddefinit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. Konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, l-espressjoni “prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti” kienet tindika s-sustanzi attivi intiżi, b’mod partikolari, biex jiżguraw il-konservazzjoni tal-prodotti veġetali, sa fejn dawn is-sustanzi jew prodotti ma jkunux suġġetti għal dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-aġenti ta’ preżervazzjoni. Preċiżament għaliex l-OPP kienet, fiż-żmien, suġġetta għal tali dispożizzjonijiet speċifiċi (jiġifieri dawk tad-Direttiva 64/54, kif emendata bid-Direttiva 67/427), hija ma kinitx tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/414.

169    Id-Direttiva 64/54 ġiet emendata, mill‑25 ta’ Marzu 1995, bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Frar 1995, dwar l-addittivi ta’ l-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 50), li ssostitwietha. Id-Direttiva 95/2 kienet tinkludi wkoll l-OPP fl-anness tagħha. Din kienet tippreċiża li din kienet awtorizzata biss għat-trattament tal-frott taċ-ċitru fuq is-superfiċi u kienet tiffissa kwantità massima awtorizzata. Min-naħa l-oħra, hija ma kinitx tinkludi dispożizzjoni analoga għal dik tad-Direttiva 64/54, kif emendata bid-Direttiva 67/427, li kienet tipprovdi li dan it-trattament kellu jiġi indikat fit-tikketta. Madankollu, għandu jiġi osservat li, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, tali obbligu kien previst, f’dak iż-żmien, minn standard speċifiku tal-Unjoni dwar il-frott taċ-ċitru, deċiż permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 920/89, tal‑10 ta’ April 1989, li jistabbilixxi standards ta’ kwalità għaz-zunnarija, għall-frott taċ-ċitru u għat-tuffieħ u lanġas għad-deżerta u li jemenda r-Regolament Nru 58 (ĠU L 97, p. 19).

170    Il-Kummissjoni spjegat fin-noti tagħha li l-OPP ma hijiex biss użata bħala aġent għall-preżervazzjoni tal-frott, iżda wkoll għad-diżinfettar tal-imħażen, u li l-operaturi tas-settur kienu talbu l-evalwazzjoni tagħha abbażi tad-Direttiva 91/414. Għaldaqstant hija ddeċidiet li tipproponi t-tħassir tagħha mill-Anness tad-Direttiva 95/2, sabiex l-OPP tkun tista’ tiġi inkluża fil-lista tas-sustanzi awtorizzati li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

171    Il-proposta tal-Kummissjoni tat lok għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Diċembru 2003, li temenda d-Direttiva 95/2/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 708). Skont l-Artikolu 1(3) u tal-punt B tal-paragrafu 3 tal-Anness ta’ din id-direttiva, l-inklużjoni tal-OPP, li tinsab fl-anness għad-Direttiva 95/2, ġiet imħassra. Madankollu, nota ta’ qiegħ il-paġna f’din il-parti tal-anness tad-Direttiva 2003/114 kienet tispeċifika kif ġej: “It-tħassir tal-[OPP] tidħol fis-seħħ mill-mument li l-preskrizzjonijiet relatati mat-tikkettar tal-prodotti tal-ikel itrattati permezz ta’ din (dawn) is-sustanza(i) jsiru applikabbli skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja li tiffissa l-limiti massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

172    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, permezz tal-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 2003/114 ħassret espressament id-Direttiva 67/427. Madankollu, dan it-tħassir ma kien jikkonċerna, evidentement, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, li emendat id-Direttiva 64/54 (ara l-punt 168 iktar ’il fuq). Din id-dispożizzjoni diġà kienet tħassret, mal-bqija tad-Direttiva 64/54, permezz tad-Direttiva 95/2. It-tħassir stabbilit mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/114 kien jikkonċerna d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 67/427, dwar il-metodi ta’ ġbir ta’ kampjuni ta’ frott taċ-ċitru għall-kontroll tal-aġenti ta’ preżervazzjoni (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 u l-Anness tad-Direttiva 67/427).

173    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li n-nota ta’ qiegħ il-paġna inkwistjoni fil-punt 171 iktar ’il fuq ma kinitx tinsab fl-abbozz tagħha ta’ direttiva, iżda ġiet introdotta permezz ta’ emenda tal-Parlament, aċċettata mill-Kunsill. Skont il-Kummissjoni, l-introduzzjoni tagħha “ħolqot sitwazzjoni delikata peress li, minn naħa, [il-]kundizzjoni [magħmula minn din in-nota] ma setgħetx tiġi sodisfatta litteralment fl-assenza ta’ bażi legali fil-leġiżlazzjoni dwar l-ammonti massimi f’residwi tal-pestiċidi u li, min-naħa l-oħra, kien neċessarju li tiġi awtorizzata l-inklużjoni tal-OPP fil-lista tas-sustanzi attivi awtorizzati skont id-Direttiva [91/414], fejn l-operaturi tas-settur diġà ħallsu spejjeż importanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni”. Il-Kummissjoni tispjega li “[f’]dawn iċ-ċirkustanzi, [hija] ddeċidiet fl‑2009 li tadotta pożizzjoni pragmatika u li tikkunsidra li r-rieda tal-leġiżlatur li jżomm l-obbligu li jissemma l-użu tal-OPP [...] jibqa’ sodisfatt permezz tal-eżistenza tal-istandard ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq il-frott taċ-ċitru, li kien japplika l-imsemmi obbligu għal kull trattament ta’ wara l-ħsad”.

174    Fil-fatt, skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/160/UE, tas‑17 ta’ Diċembru 2009, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ 2‑phenylphenol bħala sustanza attiva (ĠU L 338, p. 83), l-OPP ġiet inkluża fil-lista tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti msemmija mid-Direttiva 91/414.

175    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li kien possibbli li jiġu ddefiniti kundizzjonijiet ta’ ttikkettar, għall-OPP, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-perstiċidi. Din l-opportunità ma tteħdietx u ma huwiex iżjed possibbli li tiġi ġġustifikata d-dispożizzjoni kkontestata billi tiġi invokata n-nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 2003/114.

176    Issa, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma hija mitluba tiddeċiedi la jekk il-kundizzjoni magħmula mid-Direttiva 2003/114 għat-tneħħija tal-OPP mil-lista ta’ adittivi tal-ikel ġietx osservata u lanqas jekk id-Direttiva 2009/160, li inkludietha fil-lista tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti msemmija mid-Direttiva 91/414, hijiex ivvizzjata b’illegalità.

177    Għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża, huwa importanti l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li n-nota ta’ qiegħ il-paġna li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 2003/114 tixhed ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprovdi obbligu ta’ ttikkettar għall-prodotti tal-ikel itrattati bl-għajnuna tal-OPP u li hija ħadet dan l-element inkunsiderazzjoni meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, meta d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Agrikolatura u żvilupp rurali”, fl-ittra tiegħu imsemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq, osserva li t-tneħħija tal-obbligu ta’ ttikkettar previst mid-dispożizzjoni kkontestata “jqajjem oġġezzjonijiet [f’dak li kien jirrigwarda ]l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar l-adittivi tal-ikel”, kien evidenti li kien qed jagħmel riferiment, speċifikament, għar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni espressa fin-nota ta’ qiegħ il-paġna msemmija iktar ’il fuq, li kienet tinsab f’test li jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-adittivi tal-ikel.

178    Ladarba jsiru dawn il-preċiżazzjonijiet, isir evidenti li ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni għandha perċezzjoni żbaljata tar-rieda tal-leġiżlatur fir-rigward tas-suġġett. Din ir-rieda tirriżulta b’mod ċar min-nota ta’ qiegħ il-paġna inkwistjoni, li t-test tagħha huwa nieqes minn ambigwità. Għaldaqstant, fir-rigward ukoll ta’ din il-kwistjoni, ma jeżistix element li jippermetti li jiġi kkonstatat żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

179    Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, bħal ma jidher li qed isostni r-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni setgħetx tneħħi l-obbligu ta’ ttikkettar previst mid-dispożizzjoni kkontestata, mingħajr ma tikser id-Direttiva 2003/114 jew xi test ieħor tad-dritt tal-Unjoni. Jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li l-Kummissjoni, li għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fis-suġġett, iddeċidiet li ma tipproċedix għal tali tħassir.

 Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

180    Għalhekk, jifdal li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni kkontestata tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq, jekk hija tippreżentax jew le, natura manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan imfittex.

181    L-għan li jrid jintlaħaq mid-dispożizzjoni kkontestata huwa dak imsemmi fil-punt 130 iktar ’il fuq; hija intiża li tiżgura informazzjoni aħjar tal-konsumaturi tal-frott taċ-ċitru kkonċernat, billi tiġbor l-attenzjoni tagħhom dwar il-fatt li dan il-frott kien suġġett għal trattament ta’ wara l-ħsad bl-aġenti ta’ preżervazzjoni jew sustanzi kimiċi oħra.

182    L-argument spjegat fil-qosor fil-punt 124 iktar ’il fuq, li t-tikkettar obbligatorju tal-frott taċ-ċitru joħloq, għall-produtturi tiegħu, żvantaġġ kompetittiv fir-rigward tal-produtturi ta’ frott u ħaxix ieħor, jidher, ċertament, isostni natura mhux approprjata tal-miżura introdotta bid-dispożizzjoni kkontestata fir-rigward ta’ dan l-għan.

183    Madankollu, dan l-argument jitlaq mill-premessa li l-konsumaturi jinjoraw li l-frott u l-ħaxix kollu huwa suġġett għal trattamenti minn sustanzi differenti, sew jekk huma kkwalifikati bħala aġenti ta’ preżervazzjoni, adittivi tal-ikel jew prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Għandu jiġi kkonstatat li din hija premessa żbaljata.

184    Fil-fatt, huwa r-Renju ta’ Spanja nnifsu li jinvoka, fin-noti tiegħu, stħarriġ ippubblikat fl‑2010, li, meta lista ta’ problemi potenzjali assoċjati mal-ikel hija sottomessa lill-konsumaturi, 31 % tal-persuni mistoqsija jindikaw il-pestiċidi bħala l-iktar riskju importanti.

185    Barra minn hekk, huwa magħruf li jeżistu, għal kważi l-frott u l-ħaxix kollu, tikketti speċjali sabiex jindikaw li dan jiġi minn agrikoltura bijoloġika u li ma ġiex itrattat b’sustanzi kimiċi. Konsegwentement, il-konsumaturi huma, b’mod ġenerali, kuxjenti mill-fatt li l-frott u l-ħaxix li ma għandux din it-tikketta seta’ kien suġġett għal dan it-trattament. Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li, billi jipperċepixxu l-immarkar speċjali għall-frott taċ-ċitru, il-konsumaturi jaslu, a contrario, għall-konklużjoni żbaljata skont liema l-frott u l-ħaxix l-ieħor, li ma jinkludix tali mmarkar, ma ġiex itrattat b’sustanzi kimiċi.

186    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll li d-dispożizzjoni kkontestata, inkwantu ssemmi wkoll il-frott taċ-ċitru għall-esportazzjoni, iwassal għal żvantaġġ kompetittiv għall-frott taċ-ċitru li jiġi mill-Unjoni, fis-swieq tal-pajjiżi terzi, li l-leġiżlazzjoni tagħhom ma tirrikjedix ittikkettar analogu għal dak impost mid-dispożizzjoni kkontestata. F’dawn is-swieq, il-frott taċ-ċitru li jiġi mill-Unjoni jidħol f’kompetizzjoni mal-frott taċ-ċitru minn pajjiżi oħra, li l-leġiżlazzjoni tagħhom lanqas ma jirrikjedi dan it-tip ta’ ttikkettar. B’hekk, il-konsumatur tal-pajjiżi importatur ikkonċernat jista’ jkollu l-impressjoni żbaljata li l-prodotti minn pajjiżi terzi għandhom jiġu ppreferuti minn dawk li jiġu mill-Unjoni peress li, b’differenza minn dawn tal-aħħar, huma ma ġewx itrattati b’sustanzi kimiċi wara l-ħsad.

187    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea “[i]l-politika ta’ l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur”. Issa, la din id-dispożizzjoni u lanqas l-Artikolu 169 TFUE (ara l-punt 94 iktar ’il fuq) ma jagħmlu distinzjoni bejn il-konsumaturi ġewwa u barra l-Unjoni. Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tqis li miżura bħal, f’dan il-każ, it-tikkettar tal-frott taċ-ċitru li jikkonċerna t-trattament ta’ wara l-ħsad eventwali tiegħu, huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-konsumaturi, ma jistax jiġi aċċettat li hija tiddistingwi bejn il-konsumaturi ġewwa u barra l-Unjoni, billi timponi tali obbligu fir-rigward tal-prodotti ddestinati għal tal-ewwel, iżda mhux fir-rigward ta’ dawk iddestinati għal tat-tieni.

188    Barra minn hekk, livell uniformi u għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, jagħmel parti minn immaġni ta’ kwalità u ta’ affidabbiltà tal-prodotti li jiġu mill-Unjoni u jikkontribwixxi għaż-żamma, jew saħansitra għat-tisħiħ, tal-pożizzjoni tagħhom fis-swieq internazzjonali. Barra minn hekk, dan huwa essenzjalment dak li indikat il-Kummissjoni meta ġiet mistoqsija, waqt is-seduti, dwar ir-raġunijiet li wassluha sabiex ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata l-frott taċ-ċitru ddestinat għall-esportazzjoni lejn pajjiż li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma jirrikjedix immarkar bħal dak impost minn din id-dispożizzjoni. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-Renju ta’ Spanja ma jressaq ebda argument speċifiku li jista’ jqiegħed inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

189    Fil-fatt, fl-ipoteżi ta’ preġudizzju għas-saħħa tal-konsumaturi barra l-Unjoni minħabba l-assenza ta’ mmarkar fir-rigward tat-trattament ta’ wara l-ħsad tal-frott taċ-ċitru li jiġi minn din tal-aħħar, jista’ jkun hemm ħsara fuq l-immaġni ta’ kwalità u ta’ affidabbiltà tal-prodotti li jiġu mill-Unjoni. Għaldaqstant l-argument tar-Renju ta’ Spanja spjegat fil-qosor fil-punt 186 iktar ’il fuq ma jistax jintlaqa’.

190    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni, meta ġiet biex tadotta d-dispożizzjoni kkontestata, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas ma jista’ jiġi lmentat li wettqet ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi miċħud il-ħames motiv, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

191    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jigi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talba tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Novembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.