Language of document : ECLI:EU:T:2013:83

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Frar 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva MEDINET — Trade marks nazzjonali u internazzjonali figurattivi preċedenti MEDINET — Talba tal-anzjanità tat-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti — Trade marks preċedenti bil-kulur u trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni li ma turi l-ebda kulur b’mod partikolari — Assenza ta’ identiċità tas-sinjali– Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Espedjenza tal-proċedimenti orali — Artikolu 77 tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑378/11,

Franz Wilhelm Langguth Erben GmbH & Co. KG, stabbilita fi Traben-Trarbach (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Kunze u G. Würtenberger, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn K. Klüpfel u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-10 ta’ Mejju 2011 (Każ R 1598/2010‑4), dwar talba tal-anzjanità ta’ trade marks preċedenti, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv MEDINET bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Lulju 2011,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2011,

wara s-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti, Franz Wilhelm Langguth Erben GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 33 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Inbid, inbid bil-gass, xorb bil-bażi ta’ nbid”.

4        Fl-istess waqt, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-UASI, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009, applikazzjoni li titlob l-anzjanità tat-trade marks nazzjonali u internazzjonali figurattivi preċedenti li ġew, rispettivament, irreġistrati fil-Ġermanja taħt in-numru 834732 u fuq il-livell internazzjonali taħt in-numru 364053 b’effett fl-Awstrija, fil-pajjiżi tal-Benelux, fir-Repubblika Ċeka, fi Franza, fl-Ungerija, fl-Italja, fil-Polonja, fis-Slovakkja u fis-Slovenja, ikkostitwiti mis-sinjal li ġej:

Image not found

5        Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010, l-eżaminatur ċaħdet it-talba tal-anzjanità tat-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti.

6        Fis-17 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2011 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), ir‑Raba’ Bord tal‑Appell tal‑UASI ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa qies li r-rekwiżit ta’ identiċità tat-trade marks previst mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għat-talba tal-anzjanità ma ġiex sodisfatt għaliex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kienet turi l-ebda kulur b’mod partikolari filwaqt li t-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti kienu ta’ kulur dehbien.

 It-talbiet tal-partijiet

8        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

9        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed fuq ksur tal-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament u, it-tielet wieħed fuq ksur tal-Artikolu 77 ta’ dan l-istess regolament.

11      Għandhom jiġu eżaminati wara xulxin it-tieni, l-ewwel u t-tielet motivi.

12      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, fil-punt 53 tar-rikors, tirreferi għal bosta argumenti diġà invokati fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u quddiem l-eżaminatur u tenfasizza li dawn għandhom ukoll jitqiesu li jagħmlu parti espliċita minn dan ir-rikors.

13      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors, jirriżultaw, għall-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. F’dan ir-rigward, jekk il-korp tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet minn dokumenti annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li, skont d-dispożizzjonijiet rilevanti, għandhom ikunu jinsabu fir-rikors. B’dan il-mod, sa fejn ir-rikorrenti ma tirreferix b’mod speċifiku għal punti preċiżi tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li jinkludu l-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI, ir-riferimenti ġenerali għall-imsemmija sottomissjonijiet bil-miktub għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2012, Winzer Pharma vs UASI – Alcon (BAÑOFTAL), T‑346/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

14      Skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu mmotivati. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li r-raġunament tal-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet għall-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. Madankollu, il-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jiġu meħtieġa jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir‑raġunamenti kollha esposti mill‑partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil‑kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u lill-qorti kompetenti li jkollha fid‑dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2012, Gucci vs UASI – Chang Qing Qing (GUDDY), T‑389/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata].

15      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress illi din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati. (ara s-sentenza GUDDY, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell ma mmotivax iċ-ċaħda tal-argumenti dettaljati marbuta mad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fil-qasam tat-talbiet ta’ prijorità jew ta’ anzjanità, meta fil-fatt huma jirrigwardaw fatti li huma kważi identiċi għal dawk f’din il-kawża.

17      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jeżamina fid-dettall dawn id-diversi deċiżjonijiet u, barra minn hekk, huwa ppreċiża, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn huwa ma qiesx id-deċiżjonijiet imsemmija mir-rikorrenti bħala rilevanti. B’dan il-mod, huwa indika li dawn id-deċiżjonijiet kienu “f’kontradizzjoni ma’ prattika kostanti tad-diviżjonijiet tal-ewwel istanza tal-[UASI] u lanqas ma kienu “konformi mad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ”.

18      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell naqas mill-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni meta kkonstata li ma kinux jeżistu regoli fir-Regolament Nru 207/2009 li jipprovdu li trade mark bil-kuluri iswed u abjad kienet protetta f’kull kulur. Hija żżid li, kieku l-Bord tal-Appell eżamina l-prinċipji tad-dritt Komunitarju dwar it-trade marks, iċċitati sew mir-rikorrenti f’dan il-kuntest, l-imsemmi Bord kellu jikkonstata li, mill-inqas, it-“talba parzjali tal-anzjanità” kienet fondata f’dan il-każ.

19      Dawn l-argumenti lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ma waqafx bl-affermazzjoni li “ir-[Regolament Nru 207/2009] ma [kien]x jistabbilixxi prinċipji legali li trade mark bil-kuluri iswed u abjad kienet protetta f’kull kulur”, iżda indika li, “[bil-]kontra, [kellu] jsir paragun bejn it-trade marks hekk kif [kienu] ġew irreġistrati”, peress li l-kulur ta’ trade mark jista’ jkun jew le, skont il-każ, li jgħodd fost l-elementi dominanti u distintivi ta’ din tal-aħħar, jinfluwenza jew le l-impressjoni ġenerali prodotti mill-imsemmija trade mark u jżid jew inaqqas ix-xebh (u, minħabba f’hekk, il-portata ta’ protezzjoni) skont l-elementi li jikkomponu t-trade mark kunfliġġenti”.

20      Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell kellu jilqa’ mill-inqas “talba parzjali tal-anzjanità” jikkonsisti, fil-fatt, f’ilment li l-Bord tal-Appell ma segwiex l-opinjoni tagħha u mhux li ma mmotivax biżżejjed id-deċiżjoni tiegħu. Għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 15 hawn fuq, il-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi għandha tiġi distinta mill-obbligu ta’ motivazzjoni.

21      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Bord tal-Appell ta biżżejjed motivi sabiex jirrifjuta li jilqa’ t-talba tal-anzjanità tat-trade marks preċedenti fil-kuntest tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv MEDINET inkwantu trade mark Komunitarja, b’tali mod li r-rikorrenti tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u l-qorti tal-Unjoni tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni.

22      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009

23      B’mod preliminari għandu jiġi osservat li, jekk il-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, u l-partijiet, fil-kuntest tan-noti tagħhom, jirreferu għat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni bħala waħda bil-kuluri iswed u abjad, dan ma jfissirx li t-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni turi l-kuluri iswed u abjad, iżda li hija ma turi l-ebda kulur b’mod partikolari.

24      Ir-rikorrenti tqis li, billi rrifjuta li jilqa’ t-talba tal-anzjanità tat-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti fil-kuntest tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja MEDINET, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

25      Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti rreġistrata fi Stat Membru, inkluża trade mark irreġistrata fil-pajjiżi Benelux, jew irreġistrata taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika bħala trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi li huma identiċi għal jew huma inklużi ma’ dawk li għalihom it-trade mark preċedenti tkun ġiet irreġistrata, jista’ jitlob fir-rigward tat-trade mark Komunitarja l-anzjanità tat-trade mark preċedenti f’dak li jikkonċerna l-Istat Membru fejn jew li għalih tkun ġiet irreġistrata.

26      Sabiex tintlaqa’ t-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti għall-finijiet tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet b’mod kumulattiv: it-trade mark preċedenti u t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għandhom ikunu identiċi; il-prodotti jew servizzi tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għandhom ikunu identiċi għal, jew jinsabu, f’dawk intiżi mit-trade mark preċedenti; il-proprjetarju tat-trade marks inkwistjoni għandu jkun l-istess. [sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2012, Shang vs UASI (justing), T‑103/11, punt 14].

27      Għandu jiġi mfakkar li sinjal ikun identiku għal trade mark meta jirriproduċi, mingħajr modifika jew żieda, l-elementi kollha li jikkostitwixxu din it-trade mark jew meta, meqjus fit-totalità tiegħu, ikollu differenzi tant insinjifikattivi li jistgħu jiġu injorati minn għajnejn il-konsumatur medju (sentenza justing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

28      Il-kundizzjoni li s-sinjal u t-trade mark ikunu identiċi għandha tkun interpretata b’mod restrittiv minħabba l-konsegwenzi li huma relatati ma’ tali identiċità. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja li t-talba tal-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti tagħha tkun intlaqgħet jista’, fil-każ fejn dan iċedi t-trade mark preċedenti jew iħalliha tiskadi jkompli jibbenefika mill-istess drittijiet daqs li kieku t-trade mark preċedenti baqgħet irreġistrata (sentenza justing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

29      F’dan il-każ, l-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni u dawk koperti mit-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti ma hijiex ikkontestata. Huwa wkoll paċifiku bejn il-partijiet li t-trade marks inkwistjoni għandhom l-istess proprjetarju.

30      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li t-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti u t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni jinkludu element verbali komuni, jiġifieri l-element “medinet”, li jinsab f’forma figurattiva li tirrappreżenta salib, it-trade marks imsemmija l-ewwel huma ta’ kulur dehbien filwaqt li t-trade mark imsemmija fit-tieni lok ma turi l-ebda kulur partikolari.

31      Ir-rikorrenti tqis, l-ewwel nett, li l-Bord tal-Appell kellu, sabiex jivverifika jekk il-kundizzjoni ta’ identiċità tas-sinjal u tat-trade mark kinitx sodisfatta, japplika l-prinċipji rigward l-identiċità tat-trade marks żviluppati fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Barra minn hekk, hija tqis li l-Bord tal-Appell injora d-differenza bejn is-suġġett u l-portata tal-protezzjoni. Fl-aħħar nett, it-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti ma tfissirx li, wara li jiġu abbandunati d-drittijiet nazzjonali, it-trade mark Komunitarja tipproduċi l-effetti tagħha fil-pajjiżi kkonċernati billi tistrieħ fuq il-prijorità tal-imsemmija drittijiet nazzjonali. Bil-kontra, il-portata tal-protezzjoni mogħtija permezz tat-trade mark Komunitarja fil-pajjiżi kkonċernati dejjem hija skont il-portata ta’ protezzjoni mogħtija permezz tat-trade marks li ġiet mitluba l-anzjanità tagħhom. Din il-kawża tqajjem għaldaqstant il-kwistjoni tal-portata tal-protezzjoni mogħtija permezz tat-trade marks inkwistjoni.

32      Fir-rigward tal-identiċità tat-trade marks, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[d]in l-identiċità [ma kinitx] teżisti meta t-trade mark preċedenti [kienet] bil-kulur u t-trade mark li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwantu trade mark Komunitarja ma [kinitx] bil-kulur”. Huwa jżid, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[j]ekk tiġi aċċettata l-validità tat-talba tal-anzjanità, dan jammonta, fil-fatt, għas-sostituzzjoni tat-trade mark preċedenti bil-kulur bil-protezzjoni ta’ trade mark bil-kuluri iswed u abjad, jiġifieri huwa jammonta għal bidla fir-riproduzzjoni tat-trade mark”. Fl-aħħar nett, huwa jqis, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li “s-siltiet mir-reġistru prodotti [kienu jippermettu] li jintgħaraf b’mod vag biss l-element verbali [‛medinet’] li, fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, [seta’] madankollu jinqara b’mod ċar” u li “fis-siltiet mir-reġistru, dan l-element verbali [kien] iktar ċar mill-isfond filwaqt li [kien] iktar skur minn dan tal-aħħar fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja (iswed fuq sfond abjad)”.

33      Fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni tat-trade marks inkwistjoni, il-Bord tal-Appell, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, indika li “[i]l-portata tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti jew saħansitra tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwantu trade mark Komunitarja (jekk jiġi preżunt li tiġi rreġistrata iktar tard) ma [kinitx] inkwistjoni f’dan il-każ”, li “[i]s-suġġett tal-protezzjoni [kellu] jkun l-istess inkella ma [setax] ikun hemm identiċità” u li “dan [kien jirriżulta] mir-riferiment għas-sentenza ‛Arthur-et-Felicie’ [tal-Qorti tal-Ġustizzja]”.

34      Għandu jiġi osservat, kif indika l-UASI fis-seduta, li r-“riferiment għas-sentenza ‘Arthur-et-Félicie’ tal-Qorti Ġenerali” għandu jinftiehem, fil-fatt, bħala riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion (C‑291/00, Ġabra p. I‑2799).

35      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ċaħad ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2009, LIBRO vs UASI – Causley (LiBRO) (T‑418/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra) għax qies li “ma hijiex rilevanti peress li din is-sentenza kienet tikkonċerna […] biss l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u, f’dan il-kuntest, l-eżami tal-livell ta’ xebh bejn it-trade marks” (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Minbarra dan, skont il-Bord tal-Appell:

“[f]il-kuntest tal-eżami tat-talba tal-anzjanità, ma hemmx madankollu lok kunsiderazzjonijiet spekulattivi fuq il-portata tal-protezzjoni tat-trade mark inkwistjoni […] meta mqabbla ma’ eventwali trade marks terzi. Il-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks ma għandux neċessarjament jiġi interpretat b’eżattament l-[istess] mod fil-kuntest tal-Artikolu 34 tar-[Regolament Nru 207/2009] bħal f’dak ta’ dispożizzjonijiet oħra, pereżempju, tal-Artikolu 8(1)(a) tar-[Regolament Nru 207/2009], jew inkella fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-użu taħt forma identika (irreġistrata) għall-finijiet tal-Artikolu 15(1) [tal-imsemmi regolament]” (punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      F’dan ir-rigward, l-UASI sostna, fir-risposta tiegħu, li, bil-kontra ta’ dak li kienet qed tafferma r-rikorrenti, il-ġurisprudenza rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament sa fejn il-perċezzjoni tal-konsumaturi li hija l-element determinanti fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ma hijiex rilevanti fil-proċedura ta’ talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti.

38      Madankollu, waqt is-seduta, l-UASI indika li s-sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq, kienet fil-fatt serviet ta’ bażi għad-deċiżjoni kkontestata, iżda li, jekk il-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks, kif iddefinit fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009, seta’ jieħu inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll element ieħor, jiġifieri l-portata tal-protezzjoni tat-trade marks inkwistjoni.

39      Għandu jiġi mfakkar li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks li tirriżulta mis-sentenza justing, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27), hija ispirata minn dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tas-sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54), b’risposta għal domanda preliminari rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a), tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), ekwivalenti għall-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

40      Madankollu, is-sempliċi fatt li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks li tirriżulta mis-sentenza justing, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27), hija ispirata minn dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tas-sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54), ma jistax iqiegħed f’dubju r-rilevanza ta’ din id-definizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, anki jekk l-għanijiet tal-Artikolu 8(1)(a) u tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament ma humiex l-istess, it-tnejn jistabbilixxu bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tagħhom l-identiċità tat-trade marks inkwistjoni. Minbarra dan, il-ġurisprudenza dwar dawn iż-żewġ artikoli titlob li l-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks jiġi interpretat b’mod strett (sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, u s-sentenza justing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

41      Kunċett, impjegat f’diversi dispożizzjonijiet ta’ att ġuridiku, għandu, għal raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali, u iktar u iktar għaliex huwa għandu jiġi interpretat b’mod strett, jiġi preżunt li jfisser l-istess ħaġa, indipendentement mid-dispożizzjoni li jinsab fiha.

42      Fl-aħħar nett, minkejja li l-Artikolu 5(1)(a) tal-Ewwel Direttiva 89/104, l-istess bħall-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jirreferix b’mod espliċitu għall-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq, ħaditha inkunsiderazzjoni sabiex tirfina d-definizzjoni tagħha tal-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks, li ppermettiet il-konklużjoni li teżisti tali identiċità meta dawn ikollhom differenzi tant insinjifikattivi li l-imsemmija differenzi jistgħu jiġu injorati minn għajnejn il-konsumatur medju.

43      B’dan il-mod, l-interpretazzjoni mogħtija tal-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tal-Ewwel Direttiva 89/104, li huwa identiku għall-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, hija rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009.

44      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell kellu jadotta l-istess definizzjoni tal-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks bħal dik stabbilita mill-ġurisprudenza fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li sostna l-UASI waqt is-seduta, il-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix il-konklużjoni li effettivament il-Bord tal-Appell adotta d-definizzjoni tal-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks li tirriżulta mis-sentenza LTJ Diffusion, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54). Fil-fatt, jekk il-Bord tal-Appell jirreferi għal din is-sentenza sabiex isostni li s-suġġett tal-protezzjoni għandu jkun l-istess sabiex ikun hemm tali identiċità, huwa indika fl-aħħar ta’ dan l-istess punt li l-kunċett ta’ identiċità tat-trade marks li jinsab fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandux neċessarjament jiġi interpretat bl-istess mod bħal fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(a) tal-imsemmi regolament.

46      Madankollu, dan l-iżball ma huwiex tali li jivvizzja r-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata, meta huwa manifest, fil-qari tal-motivi kollha tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell huma konformi mad-definizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 27 hawn fuq.

47      Rigward il-portata tal-protezzjoni tat-trade marks inkwistjoni, dan ma huwiex element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tat-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-UASI. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 26 hawn fuq, waħda mill-kundizzjonijiet eżaminati mill-UASI sabiex tintlaqa’ jew le tali talba hija l-identiċità tat-trade marks inkwistjoni. L-eżami ta’ tali identiċità jippreżumi l-paragun tal-elementi li jikkostitwixxu t-trade marks inkwistjoni u mhux l-evalwazzjoni u lanqas il-paragun tal-portata tal-protezzjoni li minnha jibbenefikaw jew jistgħu jibbenefikaw l-imsemmija trade marks u li, barra minn hekk, tista’ tvarja skont id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 li tkun applikabbli.

48      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li ma teżistix differenza manifesta, fis-sens tal-linji gwida dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI (Parti B, punt 5.5), bejn it-trade marks inkwistjoni li tiġġustifika r-rifjut tat-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, mhux biss it-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni bil-kuluri iswed u abjad tinkludi, bħala “maior”, il-kulur ”deheb ċar” tat-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti bħala ”minor”, iżda, minbarra dan, it-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni tinkludi, mingħajr żieda, l-elementi kollha li jikkostitwixxu t-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti. Fl-aħħar nett, ma jeżistux differenzi fuq il-livell fonetiku u fuq dak kunċettwali.

49      Għandu jiġi osservat li huwa stabbilit bejn il-partijiet li t-trade marks inkwistjoni għandhom kull waħda l-element verbali “medinet”, inkluż f’forma figurattiva li tirrappreżenta salib. B’dan il-mod, il-kwistjoni tqum dwar jekk id-differenza bejn l-imsemmija trade marks li tirriżulta mill-fatt li t-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti huma ta’ kulur dehbien filwaqt li t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni ma turi l-ebda kulur hija tali li dawn it-trade marks ma jistgħux jitqiesu bħala identiċi.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, jekk il-linji gwida dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI li jikkonċernaw l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 jispeċifikaw li, “f’dak li jirrigwarda t-trade marks figurattivi, l-eżaminatur għandu joġġezzjona jekk teżisti differenza manifesta fid-dehra tat-trade marks”, dawn il-linji gwida jikkostitwixxu l-kodifikazzjoni ta’ linja ta’ kondotta li l-UASI jipproponi huwa nnifsu li jadotta [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2009, Jurado Hermanos vs UASI (JURADO), T‑410/07, Ġabra p. II‑1345, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 2010, Valigeria Roncato vs UASI – Roncato (CARLO RONCATO), T‑124/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 27].

51      Għaldaqstant, ma huwiex fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida, iżda fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 hawn fuq, li għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fil-kulur hijiex tant insinjifikattiva li t-trade marks inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala identiċi.

52      Qabel kollox għandu jingħad li l-fatt li trade mark tkun irreġistrata b’kulur jew, bil-kontra, ma turix kulur partikolari ma jistax jitqies bħala element negliġibbli f’għajnejn il-konsumatur. Fil-fatt, l-impressjoni mogħtija minn trade mark hija differenti skont jekk din hijiex bil-kulur jew ma turi l-ebda kulur partikolari.

53      F’dan ir-rigward, is-sentenza msemmija mir-rikorrenti fir-rikors, li tipprovdi li “il-protezzjoni tat-trade mark preċedenti li ma turix kulur partikolari tkopri wkoll tagħqid ta’ kuluri” (sentenza LiBRO, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65), ma hijiex rilevanti f’dan il-każ għaliex, kif stabbilit fil-punt 47 hawn fuq, il-portata tal-protezzjoni tat-trade marks ma huwiex element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tat-talba tal-anzjanità. F’kull każ, minn din is-sentenza jista’ jiġi dedott li l-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark Komunitarja li turi kulur hija differenti minn dik ta’ trade mark Komunitarja li ma turi l-ebda kulur partikolari.

54      Għaldaqstant, għandu jingħad li l-Bord tal-Appell kellu raġun iqis li t-trade marks inkwistjoni ma kinux identiċi.

55      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li r-rikorrenti tqis li d-Deċiżjoni EX‑03‑5, tal-20 ta’ Jannar 2003, tal-President tal-UASI rigward ir-rekwiżiti formali għal talba tal-anzjanità jew ta’ prijorità, ir-Regoli 15(2)(e) u 103(2)(e) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1), invokati mill-Bord tal-Appell, sabiex jagħti risposta għad-domanda dwar f’liema miżura l-anzjanità ta’ trade mark preċedenti bil-kulur setgħet tiġi mitluba fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja bil-kuluri iswed u abjad, ma humiex rilevanti. F’kull każ, skont ir-rikorrenti, meta bbaża ruħu fuq regoli amministrattivi sabiex jinterpreta l-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tat-trade marks, il-Bord tal-Appell kiser il-ġerarkija tan-normi.

57      Għandu jiġi osservat, rigward l-atti msemmija fil-punt 56 hawn fuq, li l-Bord tal-Appell spjega, wara li fakkar, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li trade mark bil-kulur ma kinitx identika għal trade mark bil-kuluri iswed u abjad, li “[kien] għalhekk li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni EX‑03‑5 [kien jeżiġi] li, meta t-trade mark preċedenti [kienet] bil-kulur, il-prova (meħuda mir-reġistru) tat-trade mark preċedenti [kellha tkun], hija wkoll, bil-kulur” (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, “[bl-]istess mod, fil-kuntest ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li [kienet tippresupponi] l-identiċità mat-trade mark bażika, [kien] mitlub li, meta l-imsemmija trade mark bażika [kienet] bil-kulur, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni internazzjonali [kellha tkun], hija wkoll, bil-kulur” u li “[r-]riproduzzjoni bil-kulur tat-trade mark [kienet] ukoll meħtieġa fil-kuntest tar-Regola 15(2)(e) tar-[Regolament Nru 2868/95]” (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Mill-punt preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuq l-atti msemmija fil-punt 56 hawn fuq sabiex jagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009, iżda invokahom biss sabiex isostni l-kunsiderazzjoni tiegħu li l-kulur ta’ trade mark kien jikkostitwixxi element importanti ta’ din it-trade mark, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tat-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal inkwantu trade mark Komunitarja li għaliha kienet mitluba identiċità stretta tal-imsemmija trade marks.

59      B’dan il-mod, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma kisirx il-ġerarkija tan-normi u seta’, ġustament, jiċċita dawn id-diversi dispożizzjonijiet sabiex jikkorrobora l-interpretazzjoni mogħtija tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009.

60      Imbagħad, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fejn it-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti kienet intlaqgħet meta d-differenza bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti kienet żgħira.

61      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li l-UASI huwa obbligat li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Minkejja li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-UASI għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fir-rigward ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha madankollu tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012, Sport Eybl & Sports Experts vs UASI – Seven (SEVEN SUMMITS), T‑179/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata].

62      Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, speċifikament, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Dan l-eżami għandu jsir f’kull każ konkret (ara s-sentenza SEVEN SUMMITS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, qies li d-deċiżjonijiet preċedenti msemmija mir-rikorrenti “huma f’kontradizzjoni ma’ prattika kostanti tad-diviżjonijiet tal-ewwel istanza tal-[UASI,] iżda wkoll li ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet legal fis-seħħ”. Huwa żied li “[j]ew il-kawżi invokati mir-[rikorrenti] ma setgħux jiġu mqabbla u, f’dan il-każ, ma [kienx] meħtieġ li [jiġu] deċiżi bl-istess mod, jew inkella setgħu jiġu mqabbla u, f’dan il-każ, [kien] il-prinċipju tal-legalità tal-azzjoni tal-[UASI] li [kien jipprevali] u [ma kienx jeżisti] dritt għar-ripetizzjoni ta’ deċiżjonjiet żbaljati”.

64      Għaldaqstant il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet preċedenti. Huwa eżaminahom u qies li ma kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni fl-istess sens, għaliex jew dawn il-kawżi ma setgħux jiġu mqabbla, jew inkella dan kien imur kontra l-prinċipju ta’ legalità. Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell adotta deċiżjoni konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 61 u 62 hawn fuq.

65      F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li t-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti huma bil-kulur filwaqt li t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni ma turi l-ebda kulur partikolari ma jikkostitwixxix differenza insinjifikattiva, kif ġie stabbilit fil-punt 52 hawn fuq.

66      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li jekk tintlaqa’ t-talba tal-anzjanità tat-trade mark preċedenti dan ma għandux l-effett li t-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni tibbenefika mill-prijorità tat-trade mark preċedenti, iżda dan sempliċement jagħti lir-rikorrenti l-possibbiltà li taġixxi kontra trade marks Komunitarji jew nazzjonali ta’ terzi, li ġew ippreżentati wara r-reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali u internazzjonali preċedenti li hija l-proprjetarja tagħhom, iżda qabel din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, abbażi ta’ dawn it-trade marks preċedenti, ċentralizzati taħt il-“kap” tat-trade mark Komunitarja, fil-forom rispettivi tagħhom. Għalhekk, il-Bord tal-Appell kellu jilqa’ “talba parzjali tal-anzjanità” li kienet tippermettilha tinvoka, fil-pajjiżi kkonċernati, l-anzjanità tat-trade marks bil-kulur u mhux l-anzjanità tat-trade mark Komunitarja għar-rappreżentazzjoni bil-kuluri iswed u abjad.

67      L-UASI qies dan l-argument bħala inammissibbli, għaliex ġie invokat għall-ewwel darba fir-rikors u jista’ jibdel is-suġġett tal-kawża trattata quddiem il-Bord tal-Appell. F’kull każ, jekk tintlaqa’ “talba parzjali tal-anzjanità” dan jibdel is-suġġett tat-trade mark, li huwa impossibbli.

68      F’dan ir-rigward, anki jekk jingħad li l-argument tar-rikorrenti huwa ammissibbli, huwa ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ tali argument twassal sabiex jinċaħad is-sens tar-rekwiżit tal-identiċità tat-trade marks stabbilit mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont ir-raġunament tar-rikorrenti, tista’ tintalab l-anzjanità ta’ trade mark preċedenti meta t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni tkun kompletament differenti, għaliex, kif tenfasizza r-rikorrenti, fl-aħħar mill-aħħar, il-proprjetarju tat-trade marks jibbaża l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni tiegħu għall-perijodu bejn id-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti u d-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, fuq it-trade mark preċedenti hekk kif ġiet irreġistrata inizjalment. B’dan il-mod, ir-rekwiżit ta’ identiċità tat-trade marks jisfa mingħajr skop.

69      Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi invokata l-anzjanità ta’ parti mit-trade mark nazzjonali preċedenti ma hijiex prevista mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009. Issa, l-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament għandu jiġi interpretat b’mod strett u l-Qorti Ġenerali ma tistax, għalhekk, tilqa’ tali talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza justing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

70      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 207/2009

71      Skont l-Artikolu 77(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proċedimenti orali jisgħu jsiru fuq l-inizjattiva tal-UASI jew fuq talba ta’ parti fil-proċedimenti, sakemm huwa jqis li huma espedjenti.

72      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali rigward il-kwistjoni dwar jekk proċedimenti orali li huma quddiemu humiex fil-fatt meħtieġa [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2011, Gühring vs UASI (Taħlita tal-kuluri isfar ġummar u griż arġentat u taħlita tal-kuluri isfar okra u griż arġentat), T‑299/09 u T‑300/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata].

73      Ir-rikorrenti ssostni li proċedimenti orali quddiem il-Bord tal-Appell kienu jkunu espedjenti sabiex tiġi diskussa fid-dettall is-sitwazzjoni ġuridika tal-kawża. Fil-fehma tagħha, meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-element ta’ espedjenza msemmi fl-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 207/2009 u billi “ġiegħlha” tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell kiser l-imsemmi artikolu.

74      Madankollu mill-proċess u mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell kellu l-elementi meħtieġa kollha bħala bażi għad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni. Fir-rigward b’mod partikolari tal-ilment li ż-żamma tas-seduta ppermettiet lill-Bord tal-Appell jeżamina l-kwistjoni dwar jekk ir-rappreżentazzjoni ta’ trade mark li ma turi l-ebda kulur partikolari setgħetx tinkludi dawk li juru kulur jew jekk setgħetx, mill-inqas, tintlaqa’ talba parzjali tal-anzjanità, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovatx kif spjegazzjonijiet orali fuq dan il-punt, flimkien ma’ dawk diġà esposti fin-noti tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, kienu jipprekludu l-adozzjoni ta’ tali dispożittiv.

75      Għaldaqstant, it-tielet motiv u konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

77      Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Franz Wilhelm Langguth Erben GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Frar 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.