Language of document : ECLI:EU:F:2009:159

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

30 ta’ Novembru 2009

Kawża F-55/08

Carlo De Nicola

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Promozzjoni – Assigurazzjoni għall-mard – Teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż mediċi – Fastidju psikoloġiku – Dmir ta’ premura – Rikors għad-danni – Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li permezz tiegħu C. De Nicola jitlob, b’mod partikolari, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-Bank Ewropew tal-Investiment, tal-14 ta’ Diċembru 2007, li tiċħad l-appell tiegħu intiż, minn naħa, għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-marka li ngħatatlu għas-sena 2006 u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bank tat-13 ta’ Lulju 2007 dwar il-promozzjonijiet adottati għas-sena 2006, sa fejn dawn ma jippromovuhx għall-Grad D, it-tieni nett, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni 2006 tiegħu u tad-deċiżjonijiet tat-13 ta’ Lulju 2006 sa fejn dawn ma jippromovuhx għal dan il-grad, it-tielet nett, il-konstatazzjoni li huwa kien vittma ta’ abbuż psikoloġiku, ir-raba’ nett, il-kundanna tal-Bank għall-ħlas tal-kumpens għad-danni li huwa jqis li sofra minħabba dan l-abbuż, fl-aħħar nett, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà għal ċerti spejjeż ta’ trattament mediku bil-laser.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Rikorsi – Rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Rapport ta’ evalwazzjoni annwali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

4.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Gwida prattika għall-evalwazzjoni

5.      Uffiċjali – Rikorsi – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà

(Artikolu 241 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

6.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Evalwazzjoni – Kumitat tal-Appell

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 22)

7.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż tal-mard – Rimbors – Rifjut – Kontestazzjoni tal-opinjoni tal-konsulent mediku

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 35)

8.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Rikorsi – Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal

(Artikolu 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

1.      It-talbiet kontra t-teħid ta’ pożizzjoni ta’ Kumitat tal-Appell stabbilit fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward ta’ evalwazzjoni tal-membri tal-persunal għandhom l-effett li jressqu, quddiem il-qorti Komunitarja, rapporti ta’ evalwazzjoni li kontrihom tali appell amministrattiv ikun ġie ppreżentat.

(ara l-punt 84)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/98, T‑208/98 u, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑185, punt 132

2.      Skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-evalwazzjoni annwali ta’ kull membru tal-persunal “hija stabbilita permezz ta’ deċiżjoni interna” tal-Bank. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe riferiment għal test ieħor minbarra nota ta’ servizz, għandu jiġi kkonstatat li huwa permezz ta’ din in-nota li l-Bank stabbilixxa l-proċedura ta’ evalwazzjoni annwali u li l-imsemmija nota ta’ servizz u l-gwida prattika għall-evalwazjzoni li tinsab annessa ma’ din in-nota jikkostitwixxu sett regoli vinkolanti li l-Bank ma jistax ma jsegwihomx mingħajr ma jwettaq irregolarità. Anki jekk l-imsemmija nota ta’ servizz ma hijiex id-“deċiżjoni interna” msemmija mir-Regolamenti tal-Persunal, hija madankollu ma hijiex nieqsa minn portata vinkolanti, peress li għandha tal-inqas tiġi interpretata bħala direttiva interna li permezz tagħha l-Bank impona fuqu nnifsu regola ta’ kondotta, ċertament indikattiva, iżda li ma jistax ma jsegwihiex mingħajr ma jispeċifika r-raġunijiet li wassluh għal dan, taħt piena li jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Għaldaqstant, meta l-gwida prattika għall-evalwazzjoni tistabbilixxi skadenza sabiex isiru l-intervisti ta’ evalwazzjoni, dan it-terminu għandu jiġi osservat. Bl-istess mod, peress li l-imsemmija gwida tipprovdi li, qabel l-intervista ta’ evalwazzjoni, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jimla ċerti partijiet tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni li jgħaddilu l-evalwatur, u peress li l-analiżi ta’ dawn it-taqsimiet u r-redazzjoni tal-partijiet rilevanti jeħtieġu żmien minimu ta’ riflessjoni min-naħa tal-persuna kkonċernata u għaldaqstant li jingħata terminu raġonevoli lil din tal-aħħar bejn meta jiġi riċevut l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni u meta ssir l-intervista, terminu ta’ ftit minuti ma jistax jitqies li huwa raġonevoli.

Madankollu, l-irregolaritajiet dwar id-data li fiha saret l-intervista ta’ evalwazzjoni u dwar it-termin mogħti lill-uffiċjal sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu fuq l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni ma humiex ta’ natura, waħedhom, li jiġġustifikaw l-annullament tar-rapport ikkontestat peress li, min-naħa, it-tul tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u d-dewmien akkumulat matulha ma humiex ta’ natura, minnhom infushom, li jaffettwaw il-legalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjal ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jsostni l-osservazzjonijiet, l-analiżi u l-kummenti tiegħu fuq l-abbozz tar-rapport ikkontestat matul tieni intervista ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 105, 106, 109, 112, 113 u 121 sa 124)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 1984, Lux vs Il-Qorti tal-Awdituri, 129/82 u 274/82, Ġabra. p. 4127, punt 20

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 1994, Marcato vs Il-Kummissjoni, T‑18/93, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑681, punt 36; 10 ta’ Settembru 2003, McAuley vs Il-Kunsill, T‑165/01, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑963, punt 44; 25 ta’ Ottubru 2005, Micha vs Il-Kummissjoni, T‑50/04, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II‑1499, punt 45; 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punti 159 sa 161

3.      Il-qorti Komunitarja ma hijiex awtorizzata tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-persuni responsabbli mill-evalwazzjoni tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment b’tagħha. Fil-fatt, dan tal-aħħar, bħall-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħrajn tal-Komunità, għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwa x-xogħol tal-membri tal-persunal tiegħu. L-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni annwali ta’ membru tal-persunal tal-Bank jirrigwarda biss l-irregolaritajiet proċedurali eventwali, l-iżbalji ta’ fatt manifesti li jivvizzjaw dawn l-evalwazzjonijiet, kif ukoll l-abbuż ta’ poter eventwali.

(ara l-punt 126)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Ottubru 2002, Pflugradt vs BĊE, T‑178/00 u, Ġabra p. II‑4035, punt 69

4.      Id-dispożizzjoni tal-gwida prattika tal-evalwazzjoni, li tinsab annessa man-nota ta’ servizz li tistabbilixxi l-proċedura ta’ evalwazzjoni fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment, li tipprovdi li l-għanijiet għandhom jiġu “aċċettati minn min qed jiġi evalwat”, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li, fin-nuqqas ta’ ftehim mill-persuna kkonċernata, ir-rapport ta’ evalwazzjoni jkun ivvizzjat. Jekk din l-interpretazzjoni tintlaqa’, l-imsemmija dispożizzjoni jkollha l-effett li tobbliga lill-ammistrazzjoni tikseb fil-każijiet kollha l-kunsens tal-membri tal-persunal fuq in-natura tal-kompiti li huma fdati bihom u tqiegħed lil dawn tal-aħħar f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jagħżlu l-għanijiet li għandhom isegwu, fatt li jmur manifestament kontra r-regoli ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ ġerarkija.

(ara l-punt 131)

5.      Għalkemm uffiċjal jista’, fil-prinċipju, jikkontesta permezz ta’ eċċezzjoni l-legalità ta’ dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali adottati minn istituzzjoni jew minn korp Komunitarju, liema kontestazzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala talba għall-ħruġ ta’ ordni, dan huwa suġġett għall-kundizzjoni doppja li d-deċiżjoni individwali li huwa jitlob l-annullament tagħha tkun ġiet adottata permezz ta’ applikazzjoni diretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tista’, permezz tal-eżitu tagħha, tipprovdilu benefiċċju.

(ara l-punt 172)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kunsill vs Chvatal et, C‑432/98 P u C‑433/98 P, Ġabra. p. I‑8535, punt 33

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑297 u II‑A‑2‑1527, punt 132

6.      Il-Kumitat tal-Appell, li membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment jista’ jadixxi fil-kuntest tal-evalwazzjoni annwali tiegħu, ma jaġixxix bl-istess mod bħal superjur ġerarkiku tal-awtoritajiet kompetenti tal-Bank. Id-deċiżjoni tiegħu ma tissostitiwixxix dik ta’ dawn l-awtoritajiet. Il-Kumitat jeżerċita missjoni kważi ġudizzjarja ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jitressqu quddiemu, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet komparabbli għal dawk imwettqa mill-qorti Komunitarja. B’mod partikolari, huwa jivverifika jekk il-proċedura ta’ redazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni kinitx legali u jekk il-Bank kisirx manifestament is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li hija partikolarment wiesgħa fir-rigward ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni.

Meta l-qorti Komunitarja, wara li tkun eżaminat il-legalità tal-istess deċiżjonijiet bħal dawk riferiti lill-Kumitat tal-Appell, tasal għall-istess konklużjoni bħall-Kumitat, jiġifieri li l-oġġezzjonijiet magħmula kontra dawn id-deċiżjonijiet ikollhom jiġu miċħuda, ma jkunx hemm iktar interess għall-qorti Komunitarja biex tiddeċiedi fuq it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni tal-Kumitat. Dawn it-talbiet jikkoinċidu ma’ dawk intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bank, li jikkostitwixxu s-suġġett tal-kawża.

Anki jekk jiġi preżunt li l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Appell tista’ tiġi eżaminata b’mod awtonomu u li din id-deċiżjoni tiġi annullata, tali annullament iħalli jissussisti r-rapport ikkontestat, li din id-deċiżjoni ma ssostitwixxitux. Dan ma jistax ikollu l-effett li jobbliga lill-Bank iressaq mill-ġdid quddiem il-Kumitat tal-Appell il-kontestazzjoni magħmula mir-rikorrent kontra r-rapport ikkontestat, peress li l-qorti Komunitarja stess diġà tkun iddeċidiet fuq din il-kontestazzjoni.

(ara l-punti 196, 197 u 199)

7.      Mill-punt III tal-Anness II tad-dispożizzjonijiet interni dwar l-assigurazzjoni għall-mard, adottati skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment jirriżulta li membru tal-persunal tal-Bank li għandu l-intenzjoni jikkontesta r-rifjut tar-rimbors ta’ spejjeż mediċi li huwa sostna għandu jirrikorri għar-rimedju legali speċifiku li huwa għandu għal dan il-għan. Ikun kontra l-għan segwit minn dawn id-dispożizzjonijiet, intiżi sabiex jafdaw lil tabib indipendenti l-kompitu li jikkontribbwixxi għas-soluzzjoni tal-kontroversji mediċi, li membru tal-persunal ikun jista validament jikkontesta l-opinjoni tal-konsulent mediku barra mill-proċedura speċifikament maħsuba għal dan il-għan.

(ara l-punt 212)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Ġunju 2008, De Fays vs Il‑Kummissjoni, F‑97/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 56

8.      Peress li huwa awtorizzat jistabbilixxi s-sistema applikabbli għall-impjegati tiegħu, skont il-Protokoll fuq l-Istatuti tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank huwa kompetenti sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-membri tal-persunal tiegħu jistgħu jressqu kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 236 KE.

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank sempliċement fl-Artikolu 41 tagħhom, dwar ir-rimedji legali, ifakkru l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u jistabbilixxu proċedura ta’ konċiljazzjoni. Għaldaqstant, dawn ma jinkludu l-ebda regola speċifika li jkollha bħala effett li tillimita jew li testendi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif tirriżulta, għall-uffiċjali, mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u minn ġurisprudenza stabbilita.

Issa, fis-silenzju tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ, mhux li ssir applikazzjoni diretta tar-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal, fatt li jikser in-natura speċifika tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, iżda li jsir riferiment għal dawn ir-regoli u li tingħatalhom applikazzjoni b’analoġija, peress li t-tilwimiet totalment interni bejn il-Bank u l-impjegati tiegħu jixbhu, min-natura tagħhom, it-tilwimiet bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal tagħhom.

Għaldaqstant, hemm lok li tiġi applikata b’analoġija għar-rikorsi tal-membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment ir-regola li tirriżulta mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li l-qorti Komunitarja ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-każ li r-rikors ippreżentat quddiemha ma jkunx intiż kontra att li l-amministrazzjoni kienet adottat sabiex tiċħad it-talbiet tar-rikorrent.

(ara l-punti 233 sa 236 u 239)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: De Nicola vs BEI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 100, 101 u 107