Language of document : ECLI:EU:T:2017:26

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

25 ta’ Jannar 2017 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Status ta’ impriża li tevolvi fl-ekonomija tas-suq – Artikolu 2(7)(b) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 – Evalwazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet suġġetti għal investigazzjonijiet antidumping – Artikolu 3(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 384/96 – Offerta ta’ impenn – Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 384/96”

Fil-Kawża T‑512/09 RENV,

Rusal Armenal ZAO, stabbilita f’Jerevan (Armenja), irrappreżentata minn B. Evtimov, E. Borovikov, avukati, u D. O’Keeffe, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn S. Boelaert u J.‑P. Hix, bħala aġenti, sussegwentement minn J.‑P. Hix, assistit minn B. O’Connor, solicitor, u S. Gubel, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Warin u A. Auersperger Matić, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland, M. França u A. Demeneix, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009, tal-24 ta’ Settembru 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 262, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, I. Labucka, J. Schwarcz, V. Tomljenović u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Rusal Armenal ZAO, hija kumpannija li tipproduċi u li tesporta prodotti tal-aluminju stabbilita fl-2000 fl-Armenja. Fil-5 ta’ Frar 2003, ir-Repubblika tal-Armenja aderixxiet mal-Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (WTO) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82).

2        Wara lment ppreżentat fit-28 ta’ Mejju 2008 minn Eurométaux, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fetħet proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“RPĊ”). L-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2008 (ĠU 2008, C 177, p. 13).

3        Permezz tal-ittri tal-25 ta’ Lulju u tal-1 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti kkontestat b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tal-Armenja fost il-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq bis-saħħa tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), applikabbli dakinhar. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-analiżi dwar twaqqigħ tal-prezzijiet/twaqqigħ tal-prezzijiet ta’ referenza, ir-rikorrenti rreferiet għan-nuqqasijiet marbuta mal-prodotti tagħha, kwistjoni li fuqha hija pprovdiet informazzjoni supplimentari fl-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2008.

4        Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet li jingħatalha l-istatus ta’ kumpannija li tevolvi fl-ekonomija tas-suq jew, fin-nuqqas, trattament individwali (iktar ’il quddiem it-“talba SES/IT”). F’dan ir-rigward, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom hija kkonkludiet li l-kriterji dwar il-kompatibbiltà u l-ispejjeż ta’ produzzjoni msemmija fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ma kinux sodisfatti. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti tenniet l-ilmenti tagħha kontra l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku fir-rigward tal-Armenja u kkontestat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-kriterji li din tal-aħħar qieset li ma kinux issodisfatti. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni elementi addizzjonali dwar it-talba SES/IT tagħha.

5        Fis-7 ta’ April 2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 287/2009 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, il-Brażil u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 94, p. 17, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”). Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ April 2009, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) u tal-Artikolu 20(1) tar-regolament bażiku, ir-regolament provviżorju kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet dwar il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u tal-ħsara fil-konfront tar-rikorrenti.

6        It-Turkija ġiet indikata bħala pajjiż analogu għall-finijiet tal-kalkolu ta’ valur normali għall-produtturi-esportaturi li ma jingħatawx l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Produttur Tork tal-prodott simili wieġeb għall-kwestjonarju mibgħut mill-Kummissjoni (premessi 10, 12 u 52 tar-regolament provviżorju).

7        Skont il-premessa 13 tar-regolament provviżorju, il-perijodu tal-investigazzjoni kontra d-dumping u l-ħsara kopra mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-istima tal-ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

8        Skont il-premessa 19 tar-regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat jikkonsisti f’folji tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0.008 mm, u ta’ mhux iktar minn 0.018 mm, mhux immuntati, sempliċement imgerrba, ippreżentati f’rombli ta’ wisa’ ta’ mhux iktar minn 650 mm u ta’ piż ta’ iktar minn 10 kg, li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-RPĊ, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex 7607 11 19. Fir-rigward tal-prodott simili, il-premessa 20 tar-regolament provviżorju tiddisponi li l-folji tal-aluminju prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni Ewropea fl-Unjoni, il-folji tal-aluminju prodotti u mibjugħa fis-swieq interni tal-Armenja, tal-Brażil u tar-RPĊ u l-folji tal-aluminju importati fl-Unjoni minn dawn il-pajjiżi kif ukoll dawk prodotti u mibjugħa fit-Turkija essenzjalment għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u huma intiżi għall-istess użu bażiku finali.

9        Fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ kumpannija li tevolvi fl-ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Armenja ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala ekonomija tas-suq, peress li tissemma fin-nota ta’ qiegħ-il paġna għall-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterji relatati mal-kontabbiltà u mal-ispejjeż tal-produzzjoni msemmija fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat, l-ewwel nett, li l-awditur kellu opinjoni sfavorevoli tal-kontijiet tar-rikorrenti dwar l-2006 filwaqt li din tal-aħħar ma kinitx issottomettiet il-kontijiet debitament ivverifikati għll-2007 u, it-tieni nett, li l-prezz imħallas lill-Istat tal-Armenja għall-akkwist ta’ ishma fil-kumpannija li kienet tisfrutta is-sit qadim ta’ produzzjoni kien jikkorrispondi approssimattivament għal terz mill-valur nominali tagħhom, u li r-rikorrenti kienet barra minn hekk akkwistat it-tgawdija ta’ assi immobbli gratuwitament (premessi 24 u 25 u 27 sa 31 tar-regolament provviżorju).

10      Fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, il-Kummissjoni indikat, f’anness għall-ittra tagħha tat-8 ta’ April 2009 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tikseb trattament individwali. Barra minn hekk, il-paragun bejn il-valuri normali medji peżati ta’ kull tip ta’ prodott inkwistjoni esportat lejn il-Komunità u li joriġina mill-produttur Tork li wieġeb għall-kwestjonarju relatat u l-prezzijiet tal-esportazzjoni medji peżati korrispondenti tar-rikorrenti kien irriżulta f’marġni ta’ dumping ta’ 37 %. Dawn l-elementi huma murija fil-premessi 42, 74 u 77 tar-regolament provviżorju.

11      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati kienet possibbli, billi l-kundizzjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni previsti fl-Artikolu 3(4) tar-regolament bażiku kienu sodisfatti (premessi 91 sa 94 tar-regolament provviżorju).

12      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-analiżi dwar il-konsum tal-Unjoni, il-volum u l-prezz tal-importazzjonijiet oriġinarji mill-pajjiżi kkonċernati u dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien wera li din kienet sofriet ħsara importanti fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku (premessi 88 sa 90 u 95 sa 118 tar-regolament provviżorju). Barra minn hekk, wara analiżi dwar l-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u dwar l-effetti ta’ fatturi oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ħsara kellha tiġi attribwita għaż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ dumping oriġinarji mill-pajjiżi terzi kkonċernati bl-investigazzjoni (premessi 119 sa 138 tar-regolament provviżorju).

13      Peress li l-Kummissjoni ma sabitx raġunijiet impellanti sabiex ma jiġux imposti miżuri provviżorji, din l-istituzzjoni pproċediet għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping provviżorju fil-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara billi ttieħed inkunsiderazzjoni prezz ġust li għandha ddaħħal l-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-dazju antidumping provviżorju ġie stabbilit għal 20 % fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti (premessi 164 sa 170 tar-regolament provviżorju).

14      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 20(2) sa (4) tar-regolament bażiku, bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġiet proposta l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti tibgħatilha l-kummenti tagħha fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni sat-30 ta’ Lulju 2009.

15      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni u offriet impenn fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-regolament bażiku billi talbiet ukoll laqgħa sabiex jiġi analizzat dak l-impenn. Permezz tal-messaġġ elettroniku tas-27 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti formola ta’ impenn u pproponiet li tiġi organizzata laqgħa għad-29 ta’ Lulju ta’ wara, filwaqt li fakkret li t-terminu għas-sottomissjoni definittiva tal-impenn kien ser jiskadi fit-30 ta’ Lulju. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ssottomettiet l-impenn tagħha lill-Kummissjoni.

16      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni spjegat lir-rikorrenti il-motivi li għalihom hija kienet tqis li l-impenn propost minnha ma setax jiġi aċċettat. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżentalha l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward mhux iktar tard mit-12 ta’ Awwissu 2009, u r-rikorrenti għamlet dan permezz tal-messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Awwissu 2009.

17      Fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament (KE) Nru 925/2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-[RPĊ] (ĠU 2009, L 262, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Barra minn hekk, bid-Deċiżjoni tagħha 2009/736/KE, tal-5 ta’ Ottubru 2009, li taċċetta impenn offert b’rabta mal-proċedura anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li toriġina, fost l-oħrajn, mill-Brażil (ĠU 2009, L 262, p. 50), il-Kummissjoni aċċettat l-impenji proposti mill-Companhia Brasileira de Aluminio (CBA), produttur-esportatur Brażiljan.

18      Fir-rigward tat-talba SES/IT tar-rikorrenti, il-Kunsill ikkonferma, fil-premessi 18 sa 26 u 32 tar-regolament ikkontestat, l-evalwazzjonijiet tar-regolament provviżorju dwar l-istatus tal-Armenja, dwar il-kriterji li l-Kummissjoni kienet qieset li ma kinux sodisfatti mir-rikorrenti kif ukoll l-għoti lilha ta’ trattament individwali (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti kien ġie stabbilit għal 33.4 % (punt 4.4 tar-regolament ikkontestat). Il-Kunsill ikkonferma barra minn hekk, fil-premessi 55 u 56 tar-regolament ikkontestat, l-evalwazzjonijiet kontenuti fir-regolament provviżorju dwar l-evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, fil-premessi 44 sa 48 u 59 sa 109 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill kien ukoll ikkonferma l-evalwazzjonijiet kontenuti fir-regolament provviżorju u miġbura fil-qosor fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq u stabbilixxa l-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara kkaġunata bl-importazzjonijiet tal-prodotti tar-rikorrenti fi 13.4 %.

19      F’dak li jikkonċerna l-impenn offrut mir-rikorrenti, il-Kunsill espona, fil-premessa 114 tar-regolament ikkontestat, li dan ma setax jiġi aċċettat għall-motivi relatati, essenzjalment, mar-riskju ta’ duplikazzjoni ta’ kumpens minħabba l-istruttura tal-grupp li lilu tappartjeni r-rikorrenti u għan-natura tar-relazzjonijiet kummerċjali riżultanti bejnha u bejn il-klijenti tagħha fl-Unjoni. Skont il-premessa 115 tar-regolament ikkontestat, dan l-impenn kellu jiġi miċħud ukoll fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet dwar il-kontijiet tar-rikorrenti fformulati fil-premessi 21 u 22 tal-istess regolament.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv ta’ 13.4 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tar-rikorrenti.

 Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti talbet l-annullament tar-regolament ikkontestat.

22      Wara talba f’dan is-sens, il-Kummissjoni ġiet ammessa bħala intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn jirrigwardaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

24      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti nvokat ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku, li huwa b’mod partikolari kuntrarju għall-Artikolu 2.7 tal-ftehim fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“ftehim antidumping”), li jidher fl-Anness I A tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 3(4) tar-regolament bażiku u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, ir-raba wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u, l-ħames wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

26      Permezz tas-sentenza tagħha tal-5 ta’ Novembru 2013, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill (T‑512/09, EU:T:2013:571), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv tar-rikors u konsegwentement annullat ir-regolament ikkontestat f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti.

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ppreżentat appell, li permezz tiegħu hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2013, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill (T‑512/09, EU:T:2013:571).

28      Wara talba f’dan is-sens, il-Parlament Ewropew kien ġie ammess sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

29      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni nvokat tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet ultra petita, it-tieni wieħed, fuq li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku kien intiż sabiex jimplementa l-obbligi partikolari assunti fil-kuntest tad-WTO u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ bilanċ istituzzjonali.

30      Permezz tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza fl-appell”, EU:C:2015:494), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni aggravju u annullat is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2013, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill (T‑512/09, EU:T:2013:571).

31      Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li fir-rigward tiegħu, l-Unjoni hija parti, jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għall-annullament ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, in-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet, mil-lat tal-kontenut tagħhom, jidhru inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi u huwa biss meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti kumulattivament li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati tal-Unjoni biex iservu bħala kriterju sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ att tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet enfasizzat ukoll li, minħabba n-natura u l-istruttura tagħhom, dawn il-ftehimiet bħala prinċipju ma humiex fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza fl-appell, punti 37 u 38),

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet innotat madankollu li hija kienet irrikonoxxiet li f’żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li jirriżultaw mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita huwa stess il-marġni diskrezzjonali fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni, fejn meħtieġ, li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Unjoni u l-atti adottati għall-implementazzjoni tagħha taħt il-Ftehim WTO, jiġifieri, minn naħa, f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni li timplementa obbligu partikolari sostnut fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet u, min-naħa l-oħra, fejn l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehim stess (sentenza fl-appell, punti 40 u 41).

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet imbagħad ddeċidiet li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku kien introduċa sistema speċjali li tistabbilixxi regoli fid-dettall dwar il-kalkolu tal-valur normali fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, inkluża l-Armenja, u li huwa jikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, f’dan il-qasam, approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza fl-appell, punti 47 u 48). Billi l-ftehim antidumping ma jinkludix regoli speċifiċi għall-importazzjonijiet minn pajjiżi membri tad-WTO b’ekonomija mhux tas-suq, ma tistax tiġi stabbilita rabta bejn, minn naħa, ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiżi membri tad-WTO li ma għandhomx ekonomija tas-suq u, min-naħa l-oħra, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-ftehim antidumping. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet minn dan li din id-dispożizzjoni tar-regolament bażiku ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura intiża sabiex tiżgura fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni l-implementazzjoni ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO (sentenza fl-appell, punti 49 sa 53).

34      Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2013, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill (T‑512/09, EU:T:2013:571), u ddeċidiet definittivament fuq l-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti, billi ċaħditu (sentenza fl-appell, punti 57 sa 60). Hija rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq it-tieni sal-ħames motivi.

35      Sussegwentement għal dan ir-rinviju, il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

36      Il-partijiet ma għamlux użu mill-fakultà prevista bl-Artikolu 217(1) tar-Regolament ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

37      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

38      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2016. F’dik l-okkażjoni, il-partijiet kienu ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eventwali effetti tas-sentenza fl-appell fuq it-tieni sal-ħames motivi tar-rikors, u dan ġie nnotat fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

39      Sussegwentement għas-sentenza fl-appell, fadal inkwistjoni erba’ motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku (it-tieni motiv), fuq il-ksur tal-Artikolu 3(4) tar-regolament bażiku u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni (it-tielet motiv), fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ir-raba’ motiv) u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (il-ħames motiv).

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku

40      Fil-kuntest ta’ dan it-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tat-talba SES/IT mill-istituzzjonijiet hija vvizzjata bi żbalji manifesti Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjoni dwar in-nuqqas ta’ osservanza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ osservanza tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

41      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

42      Bl-applikazzjoni tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, “pretensjoni skond [id-dispożizzjoni tas-subparagrafu] b) trid […] jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk: […] id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha [it-tieni inċiż], […]l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun [it-tielet inċiż]”.

43      Billi, minn naħa, il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku għandhom natura kumulattiva (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 76) u, min-naħa l-oħra, biż-żewġ partijiet tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet dwar it-tieni u it-tielet inċiż ta’ dan l-Artikolu 2(7)(ċ) għandu jiġi nnotat li ċ-ċaħda ta’ waħda minn dawn il-partijiet hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud il-motiv fl-intier tiegħu.

44      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandha tiġi eżaminata, qabelxejn, l-ewwel parti tal-motiv.

45      Għandu jiġi mfakkar li, fil-premessi 21 u 22 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkunsidra li l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet elenkati fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u kkonferma l-analiżi li tidher fir-regolament provviżorju.

46      Il-premessa 22 tar-regolament ikkontestat hija fformulata bil-mod segwenti: “[… i]l-kumpanija għandha l-obbligu li jkollha sett wieħed ċar ta’ kontijiet li jissodisfaw l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà[; i]n-nuqqasijiet innutati mill-awdituri għas-snin finanzjarji 2006 u 2007 wrew biċ-ċar li l-kontijiet ma kinux saru skont l-IAS (l-istandard internazzjonali tal-kontabbiltà) u għalhekk il-kumpanija ma setgħetx tipprova li kienet issodisfat t-tieni kriterju TES[; i]l-kriterji TES iwasslu għall-istandards internazzjonali u li pajjiż ikun membru tad-WTO ma jbiddel xejn[; b]arra minn hekk, li pajjiż ikun membru tad-WTO mhijiex garanzija ta’ prevalenza tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-attività ekonomika ta’ kumpanija waħda”.

47      Fil-premessa 27 tar-regolament provviżorju, il-Kummissjoni kienet innotat li l-kontijiet tal-kumpannija għall-2006 kien fihom opinjoni negattiva mill-awdituri tagħhom, u l-kumpannija ma pprovdietx kontijiet ivverifikati għall-2007.

48      Fil-premessi 28 u 29 tal-istess regolament, il-Kummissjoni kienet ċaħdet l-argument tar-rikorrenti ibbażat fuq, l-ewwel nett, il-konformità mal-proċess ta’ verifika fir-rigward tal-2006, it-tieni nett, l-impenn li jingħataw kontijiet verifikati għall-2007 skont l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà, u, it-tielet nett, in-natura mhux rilevanti tal-opinjoni negattiva tal-awditur billi l-verifika kienet saret skont l-Istandards Internazzjonali ta’ Verifika. Minn naħa, il-Kummissjoni fakkret li l-kontijiet għall-2007 ma ngħatawx lilha minkejja t-talbiet f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, hija nnotat li l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, li jipprevedi l-għoti ta’ status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem is-“SES”), hu eċċezzjoni u, bħala tali, għandu jingħata interpretazzjoni stretta, u kkonkludiet li l-kontijiet mhux biss għandhom jiġu vverifikati skont l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà iżda mħejjija wkoll skont l-istandards.

49      L-argumenti tar-rikorrenti kontra din l-analiżi jistgħu jinqasmu f’żewġ ilmenti. L-ewwel wieħed, ippreżentat prinċipalment, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku li wassal għall-applikazzjoni ta’ kriterju legali żbaljat. Permezz tat-tieni wieħed, ippreżentat sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fl-applikazzjoni tal-kriterju li huwa ffavorixxa.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq applikazzjoni ta’ kriterju legali żbaljat

50      Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku għandu jiġi interpretat b’mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-appartenenza tar-Repubblika tal-Armenja għad-WTO u ma għandux iwassal għal piż tal-prova rraġonevoli. Hija tqis li l-Kunsill wettaq applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku żbaljat meta adotta interpretazzjoni estensiva tar-rekwiżit ta’ “verifika indipendenti skont l-istandards internazzjonali” li jidher fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Dan kellu r-riżultat li jobbligaha tipprepara l-kontijiet tagħha f’osservanza stretta tal-istandards internazzjonali ta’ verifika kollha, li huma jkunu ħielsa minn kull nuqqas u kull riżerva u li huma jkunu ċċertifikati minn rapport ta’ verifika mingħajr riżerva. Dan ir-rekwiżit imur lil hinn mill-kliem tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ), li jimplikaw biss li d-dokumenti ta’ kontabbiltà jkunu ċari, li huma jkunu s-suġġett ta’ verifika indipendenti skont l-istandards internazzjonali u li huma jintużaw għall-għanijiet kollha.

51      Għalhekk, il-Kunsill sostna bi żball li interpretazzjoni tar-referenza għal “verifika indipendenti skont l-istandards internazzjonali”, bħala referenza għat-twettiq ta’ verifika skont l-Istandards ta’ Verifika Internazzjonali biss, ser tkun kuntrarju għal-loġika tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

52      Qabel xejn, ir-rikorrenti tinnota li t-twettiq ta’ verifika jimplika mhux biss l-osservanza tal-istandards internazzjonali ta’ verifika, imma wkoll eżami tad-dokumenti ta’ kontabbiltà skont l-istandards internazzjonali ta’ rapporti finanzjarji (International Financial Reporting Standards). Hija tikkonkludi minn dan, essenzjalment, li ma hijiex obbligata tipprepara d-dokumenti tagħha ta’ kontabbiltà skont l-istandards internazzjonali ta’ rapporti finanzjarji, billi t-twettiq ta’ verifika kien biżżejjed. Ir-rikorrenti tenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-rapport ta’ verifika għall-2007 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ verifika għall-2007”) jirreferi għal preżentazzjoni tal-prestazzjoni finanzjarja u tal-likwidità tagħha b’referenza għall-istandards internazzjonali ta’ rapporti finanzjarji. Imbagħad, ir-rikorrenti targumenta li, jekk l-awdituri jikkonstataw l-eżistenza ta’ distorsjoni kbira, huma ma setgħux joħorġu ċ-ċertifikazzjoni. Fl-aħħar nett, hija tqis li huwa lloġiku li hija tiġi ttrattata bħal kumpannija li ma tkunx wettqet verifika tal-kontijiet tagħha jew wettqitha biss abbażi ta’ regoli lokali mhux rikonoxxuti.

53      Ir-rikorrenti żżid, essenzjalment, li, fl-eventwalità li jingħata lilha l-istatus ta’ SES, għandu, f’kull każ, ikun leċitu għall-istituzzjonijiet li jaġġustaw l-ispejjeż tagħha bl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-regolament bażiku.

54      Il-Kunsill jitlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

55      Inkwistjoni hawnhekk hemm it-tifsira li għandha tingħata lir-rekwiżit li l-impriża għandha tuża “sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha”, li jissemma fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

56      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-regoli li għandhom jiggvernaw l-eżami ta’ dan l-ilment, b’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita, għall-fini ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, imma wkoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex bir-regoli li minnhom hija tifforma parti (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Barra minn hekk, billi hemm inkwistjoni l-interpretazzjoni ta’ waħda mill-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ SES imsemmi fl-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott milqut b’dik id-dispożizzjoni huwa eċċezzjoni għall-metodu speċifiku previst għal dan l-għan fl-Artikolu 2(7)(a) ta’ dak ir-regolament, billi dan tal-aħħar huwa bħala prinċipju applikabbli fil-każ ta’ importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li kull deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata strettament [ara s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il‑Kunsill, T‑172/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:532, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Billi l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jippreċiża l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati sabiex tkun tista’ tiġi applikata din l-eċċezzjoni, dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu interpretati strettament.

58      Għandu qabel xejn jiġi nnotat li, kontra dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni restrittiva, ir-rikorrenti targumenta li l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ SES għandha, għall-kuntrarju, tieħu inkunsiderazzjoni l-appartenenza tar-Repubblika tal-Armenja għad-WTO.

59      Jirriżulta ċertament minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta dawn it-testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF Consorzio Fonografici, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li wieħed mill-preżupposti essenzjali tas-sentenza fl-appell jistrieħ fuq il-partikolarità li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku jirriżulta mill-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi membri tad-WTO li ma għandhomx ekonomija tas-suq, filwaqt li l-ftehim antidumping ma jinkludix regoli speċifiċi dwar l-importazzjonijiet provenjenti minn dawn il-pajjiżi (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

61      Huwa ċar li din l-enfasi mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm fuq il-partikolarità tal-approċċ tal-Unjoni kif ukoll fuq l-assenza ta’ dispożizzjoni korrispondenti fil-ftehim antidumping tirrendi rrilevanti ċ-ċirkustanza li r-Repubblika tal-Armenja hija membru tad-WTO fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

62      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan l-istess regolament jippermetti, eċċezzjonalment, lil impriża ta’ pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq li tara l-valur normali tal-prodott tagħha stabbilit skont ir-regoli applikabbli għall-impriżi minn pajjiż li għandu din l-ekonomija.

63      L-għan tal-kundizzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku huwa li jimponi fuq min japplika għal SES ċertu numru ta’ obbligi intiżi sabiex jippermettu lill-istituzzjonijiet li jivverifikaw li huwa jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Minn din il-perspettiva, huwa ċar li huwa partikolarment importanti li d-dokumenti ta’ kontabbiltà li tuża l-impriża jirriflettu l-verità tal-ispejjeż inkorsi minnha għall-produzzjoni tagħha, peress li huwa abbażi tagħhom li għandu jiġi stabbilit il-valur normali tal-prodott tagħha.

64      Fid-dawl ta’ dan l-għan, ir-referenza, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, għall-użu ta’ “sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-i standards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha” ma tistax tiftiehem mod ieħor milli intiża sabiex tippermetti lill-istituzzjonijiet li jiżguraw is-sinċerità tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-impriża kkonċernata.

65      Għaldaqstant huwa bi żball li r-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta sempliċement bit-twettiq ta’ proċedura ta’ verifika konformi mal-istandards internazzjonali ta’ verifika, irrispettivament mill-konklużjonijiet li jkunu ppreżentati rigward il-konformità tal-kontijiet tal-impriża kkonċernata mal-Istandards ta’ Verifika Internazzjonali. Minn naħa, dan l-approċċ ser ikun kuntrarju għall-għan tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, billi jista’ jwassal għall-għoti ta’ status ta’ SES lil impriża li d-dokumenti ta’ kontabbiltà tagħha ma jkunux suffiċjentement affidabbli. Min-naħa l-oħra, dan l-approċċ sejjer ikun ukoll kuntrarju għall-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku, imfakkar fil-punt 57 iktar ’il fuq.

66      Jirriżulta minn dan li l-kriterju ġuridiku li l-Kunsill kien obbligat japplika jikkonsisti fil-verifika jekk il-provi prodotti mir-rikorrenti taħt it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jippermettux li tiġi żgurata s-sinċerità tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tagħha. Għaldaqstant, il-Kunsill kellu l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-verifiki mwettqa dwar il-konformità tad-dokumenti ta’ kontabbiltà mal-Istandards ta’ Verifika Internazzjonali.

67      Għaldaqstant, meta nnota, fil-premessa 22 tar-regolament ikkontestat, li “[n]-nuqqasijiet innutati mill-awdituri għas-snin finanzjarji 2006 u 2007 wrew biċ-ċar li l-kontijiet ma kinux saru skont l-IAS (l-istandard internazzjonali tal-kontabbiltà) u għalhekk il-kumpanija ma setgħetx tipprova li kienet issodisfat t-tieni kriterju ta’ ekonomija tas-suq”, il-Kunsill ma wettaqx l-iżball ta’ liġi allegat mir-rikorrenti.

68      Din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa bir-referenza li saret mir-rikorrenti għall-Artikolu 2(5) tar-regolament bażiku. Dan jippermetti lill-istituzzjonijiet, fir-rigward ta’ impriża li topera f’pajjiż b’ekonomija tas-suq, li l-ispejjeż tagħha marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott suġġett għal investigazzjoni ma jkunux raġonevolment riflessi fil-kotba tagħha, li jaġġustawhom jew jistabbilixxuhom fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra tal-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluż l-informazzjoni provenjenti minn swieq oħra rappreżentattivi.

69      Essenzjalment, ir-rikorrenti tidher li ssostni li eventwali żbalji fid-dokumenti ta’ kontabbiltà tagħha ma għandhomx jikkostitwixxu ostakolu għall-għarfien tal-istatus ta’ SES, billi dawn jippreżentaw ruħhom f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik ta’ impriża ta’ pajjiż b’ekonomija tas-suq li fir-rigward tagħha jiġi applikat l-Artikolu 2(5) tar-regolament bażiku.

70      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

71      Minn naħa, huwa f’kontradizzjoni diretta mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ SES spjegat fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq.

72      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 2(5) tar-regolament bażiku jistrieħ, prinċipalment, fuq il-prinċipju ta’ aġġustament jew ta’ determinazzjoni tal-ispejjeż tal-impriża kkonċernata fuq il-bażi ta’ paragun ma’ dawk ta’ produtturi jew esportaturi oħra tal-istess pajjiż. Issa, huwa ċar li r-rikors għal paragun fi ħdan l-istess pajjiż huwa possibbli biss fir-rigward ta’ impriża li taqa’ f’ekonomija tas-suq u huwa impossibbli fir-rigward ta’ applikant għal SES, li, b’definizzjoni, jaqa’ f’pajjiż li ma għandux dik l-ekonomija. Għalhekk, f’każ ta’ dubju dwar il-verità tal-ispejjeż ta’ applikant għal SES, dik it-talba għandha tiġi rrifjutata u l-valur normali tal-prodott għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-paragun ma’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku.

73      Għaldaqstant, dan l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

74      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-premessa 22 tar-regolament ikkontestat hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, għall-motiv li l-Kunsill kien issopravaluta l-effetti tar-riżervi dwar ir-rapport ta’ verifika tal-qagħda finanzjarja għall-2007, li baqa’ dejjem pożittiv.

75      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li r-referenza għal “konformità” mal-istandards internazzjonali ma tipprekludix il-preżenza ta’ ċerti riżervi li ma jaffettwawx is-sinċerità tal-parti l-kbira tal-kontijiet ivverifikati.

76      Fit-tieni lok, hija tfakkar li hija ppreżentat id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għas-sena finanzjarja 2007 fit-12 u fit-13 ta’ Marzu 2009, jiġifieri l-għada tal-komunikazzjoni tagħhom mill-awdituri indipendenti u tliet ġimgħat qabel l-adozzjoni tar-regolament provviżorju. Barra minn riżerva dwar il-valur tal-inventarju fil-31 ta’ Diċembru 2006, l-awdituri kienu taw opinjoni pożittiva, u dan jixhed il-konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż il-kontabbiltà.

77      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li ma kienx possibbli li, fir-rapport ta’ verifika għall-2007, l-awdituri jagħtu opinjoni mingħajr riżerva, għaliex id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għas-sena finanzjarja 2007 isiru b’paragun ma’ għeluq is-sena 2006, li dwarhom kienet inħarġet opinjoni negattiva. Hija tallega li opinjoni b’riżerva li ssegwi opinjoni sfavorevoli tikkostitwixxi l-għarfien tat-twettiq ta’ progress serju fil-preżentazzjoni tal-kontijiet u timplika li, fil-parti l-kbira tagħhom, dawn ma kinux affettwati bir-riżerva u kienu konformi mal-istandards internazzjonali. Ir-rikorrenti tfakkar, f’dan ir-rigward, li opinjoni b’riżerva tista’ tinħareġ biss jekk ir-riżerva ma hijiex tant serja li ddgħajjef il-prinċipju ta’ opinjoni pożittiva u ma tikkonċernax numru kbir ta’ elementi li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, kien żball manifest għall-Kunsill li jikkunsidra li r-riżerva kienet tirrigwarda l-valutazzjoni tal-inventarju u kellha effett fuq l-ispejjeż matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, effett li, barra minn hekk, kellu jkun ta’ livell għoli biżżejjed sabiex il-kontijiet jiġu kkunsidrati li ma humiex konformi mal-istandards internazzjonali.

78      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-istituzzjonijiet talli naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-għeluq tal-impjant tagħha għal tul ta’ kważi tliet snin bejn l-2004 u l-2006 għal skop ta’ sostituzzjoni jew immodernizzar tat-tagħmir tagħha, u dan kien jaffettwa l-kontabbiltà għas-sena finanzjarja 2006. Hija ssostni li hija fittxet, u rnexxielha, imbagħad, tikkwantifika u tikkoreġi d-difetti li nstabu f’dik is-sena finanzjarja, u dan jispjega d-dewmien fil-preżentazzjoni tar-rapport ta’ verifika għall-2007. Hija tallega li jkun irraġonevoli li hija tintalab tikkoreġi l-iżbalji kollha dwar is-sena finanzjarja 2006. Fir-replika, hija targumenta li d-distorsjonijiet rigward l-evalwazzjoni u r-rapport tal-inventarju kienu diġà ġew ikkoreġuti fir-rapport ta’ verifika għall-2007 u li r-riżervi ma setgħux jiġu repetuti fir-rapport ta’ verifika għall-2008.

79      Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tinnota li dan l-ilment jirrigwarda l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku għaċ-ċirkustanzi tal-każ u li l-estensjoni tal-istħarriġ imwettaq għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni rikonoxxuta lill-istituzzjonijiet fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, legali u politiċi li huma għandhom jeżaminaw (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, jekk, fl-oqsma li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il‑Kunsill, T‑528/09, EU:T:2014:35, punt 53).

82      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur-esportatur li jixtieq jibbenefika mis-SES. Fil-fatt, l-Artikolu 2(7)(c) tar-regolament bażiku jipprovdi li l-pretensjoni għandha “jkun fiha biżżejjed evidenza”. Għaldaqstant, ma huwiex għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jipprovaw li l-produttur-esportatur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex jibbenefika minn dan l-istatus. Min-naħa l-oħra, huwa għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur-esportatur humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku huma ssodisfatti u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill, T‑299/05, EU:T:2009:72, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, dan l-ilment jimplika l-verifika jekk kienx mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill ikkonkluda, essenzjalment, li n-nuqqasijiet innotati mill-awdituri ma jippermettux li tiġi żgurata s-sinċerità tal-kontabbiltà tar-rikorrenti.

84      Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-perijodu ta’ investigazzjoni kien ikopri l-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 u li r-rikorrenti kienet f’qagħda li tippreżenta biss rapport ta’ verifika għal parti minn dan il-perijodu, jiġifieri s-sena 2007.

85      Fit-tieni lok, jirriżulta mill-fajl li r-rapport ta’ verifika għall-2007 kien jinkludi riżerva ġġustifikata bil-premessa li ġejja: “[i]l-kumpannija identifikat numru ta’ differenzi bejn il-kontijiet dwar l-inventarju fiżiku u r-reġistri tal-inventarju fil-31 ta’ Diċembru 2006, imma ma kinitx f’qagħda li ssolvi dawn id-differenzi sal-lum[; h]uwa impossibbli għalina li niżguraw dawn il-kwantitajiet ta’ inventarju minn proċeduri ta’ verifika oħrajn[; k]onsegwentement, ma stajniex nistabbilixxu jekk huwiex neċessarju li jsiru aġġustament lill-inventarji tal-31 ta’ Diċembru 2006, kif ukoll għall-ispejjeż tal-bejgħ u għat-telf nett għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2006 u 2007”. Dan wassal għall-formulazzjoni tar-riżerva li ġejja fl-opinjoni favorevoli mogħtija mill-awdituri: “[f]il-fehma tagħna, b’riżerva għall-effetti ta’ dawn l-aġġustamenti fuq il-fatturat attwali kif ukoll fuq il-fatturat korrispondenti, aġġustamenti li kellhom, jekk ikun il-każ, jiġi deċiż li huma neċessarji kieku kien possibbli li tiġi akkwistata informazzjoni u prova biżżejjed u adegwata deskritta fl-elementi li jsostnu l-opinjoni kwalifikata, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jippreżentaw fedelment, fl-aspetti sinjifikanti kollha tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija fil-31 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll ir-riżultati finanzjarji tagħha u l-likwidità tagħha għas-sena finanzjarja li għalqet f’dik id-data, skont l-istandards internazzjonali ta’ informazzjoni finanzjarja”.

86      Ir-riżerva kienet tirrigwarda, għalhekk, tliet elementi: l-inventarju fil-31 ta’ Diċembru 2006, l-ispejjeż tal-bejgħ u t-telf nett għall-2006 u għall-2007.

87      Fit-tielet lok, ċertament ir-rikorrenti hija korretta meta tinnota li jirriżulta mill-paragrafu (m) ta’ dak ir-rapport tal-awdituri li kienu saru sforzi matul is-sena finanzjarja 2007 sabiex jiġu korretti l-iżbalji identifikati fir-rapport ta’ verifika għall-2006. Madankollu, il-paragrafu (m) tar-rapport tal-awdituri ma jistax jiġi moqri indipendentement mir-riżerva li saret mill-awdituri. Jirriżulta minn dan li, jekk ir-rikorrenti pproċediet għal evalwazzjoni mill-ġdid ta’ ċerta data żbaljata fl-2006 (fosthom il-valur tat-tagħmir u tal-inventarju), l-affidabbiltà ta’ dawn il-korrezzjonijiet tibqa’ nċerta.

88      F’dan ir-rigward, huwa ċar li r-rikorrenti stess tammetti fl-iskrittura tagħha n-natura inkompleta tal-evalwazzjoni mill-ġdid li hija kienet wettqet, meta hija ssostni fir-replika li “[l]-korrezzjoni, matul l-investigazzjoni antidumping, ta’ kull żball ta’ kitba li jidher fil-kontijiet tas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2006 u nnotati mill-kummissarji fil-kontijiet kienet għalhekk tirrappreżenta piż irraġonevoli għad-direzzjoni [tagħha]”.

89      Fir-raba’ lok, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-elementi prodotti mir-rikorrenti, li għandha ġġorr l-oneru tal-prova li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 82 iktar ’il fuq, ma kinux jippermettu lill-istituzzjonijiet li jiżguraw il-verità tal-kontijiet tar-rikorrenti fir-rigward ta’ tliet elementi: l-inventarju tal-31 ta’ Diċembru 2006, l-ispiża tal-bejgħ u t-telf nett għas-snin 2006 u 2007.

90      Issa, minn naħa, ma jistax jiġi validament innegat li dawn l-elementi kienu jikkonċernaw spejjeż tar-rikorrenti li seta’ jkollhom effett fuq l-istabbiliment tal-valur normali tal-prodott tagħha.

91      Min-naħa l-oħra, jirriżulta neċessarjament minn dan li d-dokumenti ta’ kontabbiltà tar-rikorrenti ma kinux jippermettu lill-istituzzjonijiet li jistabbilixxu dak il-valur normali bl-applikazzjoni tal-metodu previst fl-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku.

92      Għaldaqstant, kien mingħajr ma kkommetta l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegat li l-Kunsill ikkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-kundizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kienu ġew sodisfatti.

93      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, it-tieni ilment għandu jiġi miċħud, u konsegwentement l-ewwel parti tal-motiv fit-totalità tiegħu. Għar-raġunijiet esposti fil-punt 43 iktar ’il fuq, din il-konklużjoni hija biżżejjed sabiex dan il-motiv jiġi miċħud mingħajr ma jkun utli li tiġi eżaminata t-tieni parti tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(4) tar-regolament bażiku u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

94      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li kiser l-Artikolu 3(4) tar-regolament bażiku billi pproċeda għal kumulu tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Armenja ma’ dawk provenjenti mill-Brażil u mir-RPĊ.

95      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

96      Skont l-Artikolu 3(4) tar-regolament bażiku, “[f]ejn l-importazzjonijiet ta’ prodott minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra l-bejgħ taħt il-prezz, l-effetti ta’ importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu stmati b’mod kumulattiv biss jekk huwa stabbilit li (a) il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit fejn jidħlu l-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum ta’ l-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex negleġibbli; u (b) stima kumulattiva ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott Komunitarju simili”.

97      Fil-premessi 55 sa 57 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ċaħad l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li l-importazzjonijiet mill-Armenja ma kellhomx jiġu akkumulati ma’ dawk mill-Brażil u mir-RPĊ bil-kliem li ġej:

“(55)            Wara l-pubblikazzjoni provviżorja, il-produttur esportatur argumenta li l-importazzjonijiet mill-Armenja għandhom ikunu dekumulati għall-fini tal-analiżi tal-ħsara minħabba l-kwantitajiet żgħar tal-importazzjoni, is-sehem żgħir mis-suq u x-xejriet li ma jsirx tibdil fl-importazzjoni, kif ukoll minħabba d-differenzi sinifikanti fil-kwalità tal-prodott bejn il-prodott esportat mill-Armejna u dawk esportati mill-Brażil u r-RPĊ.

(56)            Din id-dikjarazzjoni ma setgħetx tiġi aċċettata għaliex instab li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-kumulazzjoni kif stipulati fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku:

–        kif ġie stabbilit provviżorjament u kkonfermat hawn fuq fil-premessi minn 38 sa 39, il-marġini tad-dumping iffissat għall-Armenja kien jaqbeż il-limitu de minimis iddefinit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku,

–        il-volum ta’ importazzjonijiet mill-Armenja, ma kienx negliġibbli fit-tifsira tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-ishma tas-suq kisbu l-5.26 %, kif definit fil-premessa 96 (tabella 4) tar-Regolament provviżorju. Instab ukoll li l-importazzjonijiet mill-Armenja żdiedu b’mod sinifikanti mill-2006 salaħħar tal-PI minkejja d-dħul mill-ġdid tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet sinifikanti mill-Brażil waqt il-perjodu kkonċernat,

–        fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fost il-prodotti impurtati mill-pajjiżi kkonċernati u b’mod partikolari fir-rigward tal-argumenti marbutin mad-differenżi sinifikanti fil-kwalità fost il-prodotti impurtati, kif stipulat hawn fuq fil-premessa 52, instab li l-prodotti mill-Armenja għandhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi li huma simili u kienu jintużaw bażikament fl-istess applikazzjonijiet irrispettivament mill-kwalità speċifika tagħhom[; h]uwa nnotat ukoll li dan il-produttur esportatur iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jbiddel il-produzzjoni għal fuljetti konvertituri ta’ kwalità ogħla, u dan jindika li l-argument rigward il-kwalità allegatament ħażina tal-prodotti jista’ jkun li hu esaġerat.

(57)            Id-dikjarazzjonijiet tal-produttur esportatur Armen f’dan ir-rigward għalhekk ġew rifjutati.”

98      Barra minn hekk, il-premessa 52 tar-regolament ikkontestat, dwar ir-rifjut tal-argumenti ppreżentati minn produttur-esportatur Brażiljan, imma li għalih jirreferi t-tielet inċiż tal-premessa 56 hija fformulata bil-mod li ġej: “[f]ir-rigward tal-ewwel allegazzjoni, jiġifieri d-differenza fl-istandards tal-kwalità, l-investigazzjoni wriet li minkejja d-differenzi fil-kwalità, is-suq tal-fuljetta tal-aluminju kien immexxi l-iżjed skont il-prezzijiet u li d-differenzi fil-kwalità kellhom biss rwol żgħir fl-għażla tal-fornitur[; d]awn is-sejbiet ġew ikkonfermati mill-importaturi u utenti kkonċernati li kienu qegħdin jikkooperaw[; b]’hekk, l-allegazzjoni mhux sostanzjata tal-produttur-esportatur Brażiljan, jiġifieri li s-suq tal-fuljetta tal-aluminju kien maqsum f’ħafna sezzjonijiet skont id-differenzi fil-kwalità tal-prodott ma setgħetx tiġi kkonfermata waqt din l-investigazzjoni u d-dikjarazzjoni magħmula f’dan ir-rigward kellha tiġi rifjutata”.

99      Il-Qorti Ġenerali tqis li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv jistgħu jiġu maqsuma f’żewġ partijiet, skont jekk hijiex ikkontestata l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li jidhru, minn naħa, fl-Artikolu 3(4)(a) tar-regolament bażiku, dwar in-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet suġġetti għal kumulu u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku, dwar l-eżami tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Fil-kuntest ta’ din it-tieni parti sejra, b’mod partikolari, tiġi eżaminata l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tan-natura insuffiċjentement motivata tar-regolament ikkontestat fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 3(4)(b).

 Fuq l-ewwel parti, dwar il-kundizzjoni marbuta man-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet suġġetti għal kumulu

100    Ir-rikorrenti tavvanza, essenzjalment, ħames ilmenti dwar l-evalwazzjoni mill-Kunsill tan-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet suġġetti għal kumulu.

101    L-ewwel ilment jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni li teżiġi li l-volum tal-importazzjonijiet provenjenti minn kull pajjiż li jidher fl-Artikolu 3(4)(a) tar-regolament bażiku ma jkunx negliġibbli. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli bi żball ħa inkunsiderazzjoni l-kriterju tal-parti mis-suq ta’ 1 % msemmi fl-Artikolu 5(7) tar-regolament bażiku, sabiex jevalwa n-natura negliġibbli tal-importazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) tal-istess regolament. Minn naħa, ir-rikorrenti tinnota li l-Artikolu 3(4) tar-regolament bażiku ma jagħmel l-ebda rinviju għall-Artikolu 5(7) ta’ dan l-istess regolament. Min-naħa l-oħra, hija ssostni, essenzjalment, li l-livell dgħajjef ta’ importazzjoni ma għandux l-istess effett f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Filwaqt li dan iwassal għall-waqfien tal-proċedura fil-każ tal-Artikolu 5(7) tar-regolament bażiku, dan ma huwiex neċessarjament bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4)(a) tiegħu. Ir-rikorrenti tosserva, barra minn hekk, li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regolament bażiku, il-Kunsill ma setax jinvoka l-benefiċċju ta’ xi marġni ta’ evalwazzjoni.

102    L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li, fit-tieni inċiż tal-premessa 56 tar-regolament ikkontestat, għall-għan tal-klassifika tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti bħala “mhux negliġibbli”, il-Kunsill ma pproċediex għal evalwazzjoni intrinsika tal-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet, imma bbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni magħquda, minn naħa, tal-Artikolu 3(4)(a) tar-regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 5(7) ta’ dan l-istess regolament.

103    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Artikolu 3(4)(a) tar-regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż partikolari, fil-kuntest ta’ kumulu, biss fejn huma provenjenti minn produttur-esportatur li ġie kkonstatat li jwettaq dumping (sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, T‑35/01, EU:T:2004:317, punt 161). Isegwi minn dan li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jevita li evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet titwettaq billi tinkludi pajjiż li l-importazzjonijiet minnu tal-produttur-esportatur inkwistjoni ma jkunux l-oriġini ta’ dumping, kemm għaliex il-marġni ta’ dumping huwa inqas mil-livell de minimis, kif ukoll għaliex il-volumi ta’ importazzjoni jkunu negliġibbli.

104    Issa, huwa ċar li l-Artikolu 5(7) tar-regolament bażiku, fejn jippreċiża li “ma għandhomx jinbdew proċeduri kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrapreżentaw sehem tas-suq ta’ inqas minn 1 %, sakemm pajjiżi bħal dawn kollettivament ma jagħtux kont ta’ 3 % jew iktar mill-konsum tal-Komunità”, huwa intiż speċifikament sabiex jiċċara ċ-ċirkustanzi li fihom il-parti tal-importazzjonijiet fil-konsum tal-Unjoni hija żgħira wisq sabiex dawn l-importazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-kaġun ta’ dumping.

105    Teżisti, għalhekk, relazzjoni ta’ komplimentarjetà bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, b’mod li kien mingħajr ma kkommetta l-iżball ta’ liġi allegat mir-rikorrenti li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-livell ta’ 1 % msemmi fl-Artikolu 5(7) tar-regolament bażiku, għall-għan ta’ interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet li tissemma fl-Artikolu 3(4)(a) tar-regolament bażiku.

106    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

107    It-tieni lment jistrieħ fuq paragun mal-klassifika mill-Kunsill tal-importazzjonijiet provenjenti mir-Russja. Huwa kkritikat talli kkunsidra li l-importazzjonijiet provenjenti mill-Armenja għandhom effett sinjifikattiv fuq is-suq, filwaqt li dawk provenjenti mir-Russja, ta’ livell ogħla, kienu ġew ikkunsidrati bħala limitati u ma kellhomx effett negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

108    Huwa ċar li r-rikorrenti ma tikkwalifikax dan l-ilment ġuridikament.

109    Fl-eventwalità li dan l-ilment qiegħed jiġi invokat sabiex jintwera li kien bi żball li l-istituzzjonijiet kienu kkunsidraw li l-importazzjonijiet tar-rikorrenti kienu mhux negliġibbli skont l-Artikolu 3(4)(a) tar-regolament bażiku, huwa għandu, qabel xejn, jiġi miċħud, billi kien ġie konkluż fil-punti 103 sa 105 iktar ’il fuq li l-interpretazzjoni tal-frażi “mhux negliġibbli” fir-rigward tal-Artikolu 5(7) tar-regolament bażiku bl-ebda mod ma kienet żbaljata.

110    Fl-eventwalità li dan l-ilment għandu jiftiehem li qiegħed jallega, essenzjalment, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bi ħsara tar-rikorrenti, lanqas ma għandu jirnexxi. Mingħajr lanqas biss ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet mir-Russja u mill-Armenja humiex f’sitwazzjonijiet simili, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka għall-vantaġġ tiegħu att illegali mwettaq favur ħaddieħor (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punt 219 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, anki jekk il-Kunsill kien żbaljat meta kklassifika l-importazzjonijiet mir-Russja bħala limitati, dan l-iżball ma għandu l-ebda effett fuq il-mertu tal-klassifika tal-importazzjonijiet mill-Armenja bħala “mhux negliġibbli”.

111    It-tieni lment, għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

112    It-tielet, ir-raba’ u l-ħames ilmenti jirrigwardaw l-għażla tal-perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-għan tal-evalwazzjoni tan-natura negliġibbli jew le tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti.

113    Bit-tielet ilment, il-Kunsill qiegħed jiġi kkritikat talli stabbilixxa l-volum tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti abbażi biss tal-perijodu ta’ investigazzjoni (Lulju 2007 sa Ġunju 2008), u mhux fuq dak tal-perijodu kkunsidrat (Jannar 2005 sa Ġunju 2008). Qiegħed jiġi argumentat, essenzjalment, li l-perijodu ta’ investigazzjoni biss ma huwiex, fir-rigward tar-rikorrenti, rappreżentattiv għaliex ma jieħux inkunsiderazzjoni l-effetti tal-waqfien sħiħ tal-attivitajiet tagħha bejn l-2004 u l-2006. Għalhekk, ma jirriflettix in-nuqqas ta’ importazzjonijiet mill-Armenja sal-aħħar tal-2006 u, essenzjalment, iwassal għal preżentazzjoni żnaturata tal-importazzjonijiet. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-volum tal-esportazzjonijiet matul il-perijodu kkunsidrat kellu jkun biżżejjed sabiex tintwera n-natura negliġibbli tal-importazzjonijiet tagħha. Hija żżid li t-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ħsara fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku. Ir-rikorrenti ssostni wkoll, essenzjalment, li l-analiżi tal-Kunsill huwa kontradittorju, għaliex, filwaqt li jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-għeluq tal-fabbrika tar-rikorrenti fil-kalkolu tal-medja tal-importazzjonijiet, jagħmel referenza għal żieda tal-importazzjonijiet ikkawżata matul dak il-perijodu ta’ għeluq.

114    Fil-premessa 3 tiegħu, ir-regolament ikkontestat, jagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-perijodu ta’ investigazzjoni tad-dumping u tal-ħsara (mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008) u, min-naħa l-oħra, il-perijodu kkunsidrat, li jirrigwarda l-eżami tax-xejriet utli għall-evalwazzjoni tal-ħsara (mill-1 ta’ Jannar 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2008).

115    Fit-tieni inċiż tal-premessa 56 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-volum tal-importazzjonijiet provenjenti mill-Armenja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (jiġifieri 5.26 %) sabiex jikkonkludi li dan ma kienx negliġibbli. Il-Kunsill kien ikkonstata wkoll li l-importazzjonijiet provenjenti mill-Armenja żdiedu b’mod sinjifikattiv mill-2006 sal-aħħar tal-perijodu ta’ investigazzjoni minkejja d-dħul mill-ġdid tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet sinjifikattivi mill-Brażil matul il-perijodu kkunsidrat.

116    Għalhekk, sabiex jibbaża l-konklużjoni tiegħu dwar in-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet, il-Kunsill ibbaża ruħu, minn naħa, fuq il-volum tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq ix-xejriet tal-importazzjonijiet fuq bażi temporali iktar wiesgħa, dik tal-perijodu kkunsidrat.

117    Billi jirriżulta mill-punti 104 sa 105 iktar ’il fuq li l-konstatazzjoni, innotata fit-tieni inċiż tal-premessa 56 tar-regolament ikkontestat, tal-eżistenza ta’ sehem mis-suq ta’ 5.26 % hija biżżejjed fiha nnifisha sabiex turi n-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk kienx mingħajr ma jikkommetti żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill kien stabbilixxa dak is-sehem mis-suq billi bbaża ruħu esklużivament fuq id-data relattiva għall-perijodu ta’ investigazzjoni inkluż bejn l-1 ta’ Lulju 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2008.

118    Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-regolament bażiku, “[w]ara l-bidu tal-proċeduri, il-Kummissjoni, li taġixxi f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell Komunitarju[; i]nvestigazzjoni bħal din għandha tkopri kemm il-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess ħin[; g]ħall-iskop ta’ sejba rappreżentattiva, perijodu ta’ investigazzjoni għandu jiġi magħżul li, fil-każ ta’ bejgħ taħt il-prezz għandu, normalment, ikopri perijodu ta’ mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel il-bidu tal-proċeduri”.

119    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-investigazzjoni għandha tinbeda abbażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti d-dazji antidumping li huma adegwati sabiex jipproteġu l-industrija tal-Unjoni kontra l-prattiki ta’ dumping (sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 92, u tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C‑283/14 u C‑284/14, EU:C:2016:57, punt 66).

120    Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-Kunsill jista’ jistabbilixxi l-ħsara sofferta mill-industrija tal-Unjoni fuq perijodu itwal minn dak kopert bl-investigazzjoni fuq l-eżistenza ta’ prattiki ta’ dumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 87), permezz tal-eżami tax-xejriet utli għall-evalwazzjoni tal-ħsara fil-kuntest tal-perijodu kkunsidrat.

121    Huwa fil-kuntest ta’ dak il-perijodu itwal li r-rikorrenti tqis li n-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet tagħha kellu jkun evalwat.

122    Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jiġi enfasizzat li kien korrett il-Kunsill meta rrisponda li dan kien iwassal sabiex jagħti stampa distorta tal-volum effettiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, billi jkollu, imbagħad, jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu ta’ għeluq tal-fabbrika tar-rikorrenti li ma jistax jiġi kkunsidrat li jirrifletti l-verità tal-attività tagħha ta’ produzzjoni u esportazzjoni.

123    Għaldaqstant, meta stabbilixxa n-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti abbażi tad-data dwar il-perijodu ta’ investigazzjoni biss u mhux dwar il-perijodu kkunsidrat, il-Kunsill ma wettaqx l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegat mir-rikorrenti.

124    Din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa mill-argumenti tar-rikorrenti, li jidhru fir-replika, ibbażati fuq l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jipproċedu għal eżami oġġettiv bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku. Mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi indagata l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, ikkontestata mill-Kunsill, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li n-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu li ma jirriflettix l-attività normali tar-rikorrenti jidħol fil-ġbir tal-informazzjoni kemm jista’ jkun attwali u, għaldaqstant, huwa konformi mal-loġika tal-eżami oġġettiv li jirreferi għalih l-Artikolu 3(2) tar-regolament bażiku.

125    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

126    Fil-kuntest tar-raba’ ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-importazzjonijiet kienu ġew analizzati fuq perijodu ta’ 18-il xahar filwaqt li dawk tal-pajjiżi l-oħra esportaturi kienu ġew analizzati fuq perijodu ta’ 42 xahar, u dan jikkostitwixxi trattament diskriminatorju fil-konfront tagħha.

127    Madankollu huwa ċar li dan l-ilment huwa fil-fatt infondat. Jirriżulta mit-tieni inċiż tal-premessa 93 tar-regolament provviżorju, li għalih tirrinvija l-premessa 58 tar-regolament ikkontestat, li l-volumi tal-importazzjonijiet provenjenti tant mill-Armenja kif ukoll mill-Brażil u mir-RPĊ kienu ġew stabbiliti fuq l-istess bażi temporali, jiġifieri l-perijodu ta’ investigazzjoni.

128    Bil-ħames ilment tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-volumi ta’ importazzjoni wara l-perijodu ta’ investigazzjoni. Hija tfakkar li l-bejgħ li hija wettqet fl-2008 fl-Unjoni kien beda juri xejra l-isfel sinjifikattiva, li baqgħet sa’ tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni. Hija ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-volumi ta’ importazzjoni wara l-perijodu ta’ investigazzjoni jissodisfa l-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni data kemm jista’ jkun riċenti u li, billi l-bidu tat-tnaqqis tagħhom kien xahrejn qabel il-ftuħ tal-proċedura amministrattiva, dan ma setax isir minn dak il-ftuħ.

129    Kif il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-opportunità tenfasizza, il-perijodu ta’ investigazzjoni u l-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi sussegwenti għal dan il-perijodu huma intiżi sabiex jiġi ggarantit li r-riżultati tal-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi u affidabbli filwaqt li jiġi żgurat li l-elementi li fuqhom tkun ibbażata d-determinazzjoni tad-dumping u tal-ħsara ma jkunux influwenzati mill-imġiba tal-produtturi kkonċernati wara l-ftuħ tal-proċedura antidumping u għalhekk li d-dazju definittiv impost fit-tmiem tal-proċedura jkun adegwat sabiex jirrimedja effettivament il-ħsara kkawżata mid-dumping (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il‑Kunsill, T‑462/04, EU:T:2008:586, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Barra minn hekk, billi juża l-kelma “normalment”, l-Artikolu 6(1) tar-regolament bażiku jippermetti eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni li tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar perijodu sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni. Fir-rigward ta’ ċirkustanzi favorevoli għall-impriżi kkonċernati bl-investigazzjoni, ġie deċiż li ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jaqgħu f’perijodu wara dak tal-investigazzjoni, sakemm dawn l-elementi ma humiex fatti ġodda li jirrendu manifestament mhux adatta l-impożizzjoni maħsuba ta’ dazju antidumping. Jekk, għall-kuntrarju, elementi dwar perijodu wara l-perijodu ta’ investigazzjoni jiġġustifikaw, minħabba l-fatt li huma jirriflettu l-imġiba attwali tal-impriżi kkonċernati, l-impożizzjoni jew iż-żieda ta’ dazju antidumping, huwa ċar, fuq il-bażi ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, li l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt, jew l-obbligu li jeħduhom inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, HEG u Graphite India vs Il‑Kunsill, T‑462/04, EU:T:2008:586, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar tal-konklużjonijiet provviżorji, ir-rikorrenti enfasizzat grafika ta’ statistika ta’ importazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat), li minn qari tagħha jirriżulta tnaqqis fl-importazzjonijiet tagħha bejn Marzu u April 2008, u imbagħad l-istabilizzar ta’ dawn l-importazzjonijiet sal-aħħar tal-perijodu studjat, jiġifieri Jannar 2009.

132    Jirriżulta, ċertament, minn dan id-dokument li t-tnaqqis tal-importazzjonijiet seħħ essenzjalment bejn April u Mejju 2008, qabel mhux biss il-ftuħ tal-proċedura antidumping mill-Kummissjoni (fit-12 ta’ Lulju 2008), imma wkoll l-ilment tal-industrija tal-Unjoni nnifisha (fit-28 ta’ Mejju 2008), u dan jista’ jimplika li dak it-tnaqqis ma kienx dovut għall-ftuħ tal-investigazzjoni antidumping.

133    Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq, fir-rigward ta’ ċirkustanzi favorevoli għall-impriżi kkonċernati bl-investigazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jagħqdu f’perijodu wara dak tal-investigazzjoni biss fil-każ fejn dawn jirrendu manifestament mhux adattata l-impożizzjoni maħsuba ta’ dazju antidumping.

134    Issa, huwa ċar li l-fatt li t-tnaqqis tal-importazzjonijiet li seħħ preċedentement għall-ftuħ tal-proċedura huwa relattiv ħafna, billi dak it-tnaqqis kien, fil-verità, kważi kontemporanju mal-ilment tal-industrija tal-Unjoni, u li, għaldaqstant, ma setax jiġi eskluż li teżisti relazzjoni ta’ kawżalità bejn dawn iż-żewġ avvenimenti. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ din il-proċedura setgħet tinfluwenza l-imġiba tar-rikorrenti, billi din setgħet iżżomm livell ta’ importazzjoni relattivament baxx, sal-għeluq tal-proċedura antidumping. Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq imġiba possibbli tar-rikorrenti minħabba l-ftuħ ta’ investigazzjoni antidumping għaldaqstant ma hijiex manifestament irrilevanti.

135    Għaldaqstant, kien mingħajr ma kkommetta żball manifest li l-Kunsill impliċitament irrifjuta milli jieħu inkunsiderazzjoni l-volumi ta’ importazzjoni wara l-perijodu ta’ investigazzjoni.

136    Għaldaqstant, it-ħames ilment u l-ewwel parti tal-motiv għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni

137    L-argumenti li jidhru f’din il-parti tal-motiv jistgħu jiġu maqsuma fi tliet ilmenti fejn ir-rikorrenti tikkritika, l-ewwel nett, il-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku, it-tieni nett, l-applikazzjoni ta’ kriterji irrilevanti u, t-tielet nett, żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għaċ-ċirkustanzi tal-każ.

138    F’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, ir-rikorrenti tikkritika l-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat fir-rigward taċ-ċaħda tal-provi prodotti sabiex juru li l-kwalità ħażina tal-prodott tagħha kienet tqiegħda f’kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni differenti minn dawk, minn naħa, tal-importaturi mill-Brażil u mir-RPĊ u, min-naħa l-oħra, tal-produtturi tal-Unjoni. Hija tinnota, f’dan ir-rigward, li l-Kunsill kien illimita ruħu sabiex jenfasizza l-intenzjoni tagħha li torjenta l-produzzjoni tagħha lejn il-folji tal-aluminju intiżi għat-trasformazzjoni u ta’ livell ta’ kwalità iktar għolja.

139    Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjoni għall-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il‑Kunsill, T‑459/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:369, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll fid-dawl tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata. Huwa biżżejjed li l-Kunsill jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-ekonomija tar-Regolament (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il‑Kunsill, T‑459/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:369, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni kkonċernati jqajmu quddiemhom, imma huwa biżżejjed li huma jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, VTZ et vs Il‑Kunsill, T‑108/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:980, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-qari flimkien tal-premessa 52 u tat-tielet inċiż tal-premessa 56 tar-regolament ikkontestat juri b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Kunsill fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjoni li tidher fl-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku. Jirriżultaw, essenzjalment, tliet elementi: qabel xejn, l-importanza tal-fattur tal-prezz fil-kompetizzjoni fuq is-suq tal-folji tal-aluminju u r-rwol żgħir li għandha d-differenza fil-kwalità (premessa 52); imbagħad, il-konstatazzjoni li l-prodotti tar-rikorrenti kellhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi li huma simili u kienu jintużaw bażikament fl-istess applikazzjonijiet irrispettivament mill-kwalità speċifika tagħhom (it-tielet inċiż tal-premessa 56), u, fl-aħħar nett, l-intenzjoni ddikjarata mir-rikorrenti li torjenta l-produzzjoni tagħha lejn folji tal-aluminju intiżi għat-trasformazzjoni u ta’ livell ta’ kwalità iktar għoli, li kienet tindika li l-argument dwar il-kwalità allegatament medjokri tal-prodotti manifatturati seta’ kien eżaġerat (it-tielet inċiż tal-premessa 56). Għaldaqstant, dan l-aspett tal-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat jissodisfa r-rekwiżiti spjegati fil-punt 139 iktar ’il fuq.

143    Fit-tieni lok u konsegwentement, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 140 u 141 iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż li dawn il-motivi, stipulati fil-premessa 52 u fit-tielet inċiż tal-premessa 56 tar-regolament ikkontestat, dwar l-osservanza tal-kundizzjoni li tissemma fl-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku, huma biżżejjed sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE fir-rigward ta’ dan l-aspett tar-raġunament tiegħu, mingħajr ma l-Kunsill kien obbligat li jieħu pożizzjoni espliċita fuq l-elementi differenti ta’ prova miġjuba mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

144    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

145    Fil-kuntest tat-tieni ilment, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni għaliex l-argumenti tagħha dwar il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kienu ġew miċħuda fuq il-bażi ta’ motiv mhux rilevanti. Il-konstatazzjoni li tidher fit-tielet inċiż tal-premessa 56 tar-regolament ikkontestat – ibbażata fuq il-fatt li l-prodotti provenjenti mill-Armenja għandhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi li huma simili u kienu jintużaw bażikament fl-istess applikazzjonijiet irrispettivament mill-kwalità speċifika tagħhom – kien rilevanti biss fir-rigward tad-determinazzjoni tal-prodotti simili u kkonċernati, taħt l-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku, u mhux għall-għan ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, taħt l-Artikolu 3(4)(b) ta’ dan l-istess regolament.

146    Għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 56 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill kien ikkonkluda “li l-prodotti mill-Armenja għandhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi li huma simili u kienu jintużaw bażikament fl-istess applikazzjonijiet irrispettivament mill-kwalità speċifika tagħhom”. Ir-rikorrenti tqis li dawn huma kriterji rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku dwar id-determinazzjoni tal-prodott simili, imma mhux fil-kuntest tal-Artikolu 3(4)(b) ta’ dan ir-regolament.

147    Għalhekk, b’dan l-ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli applika kriterji irrilevanti fl-okkażjoni tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku. Għalhekk din hija kwistjoni dwar eventwali żball ta’ liġi tal-Kunsill, u mhux, kif tidher li tallega r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

148    Fil-punt 103 iktar ’il fuq, kien ġie mfakkar li l-Artikolu 3(4)(a) tar-regolament bażiku kien ġie interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sens li jindika li evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ma tistax titwettaq billi tinkludi pajjiż li minnu l-importazzjonijiet tal-produttur-esportatur inkwistjoni ma jkunux l-oriġini ta’ dumping, kemm għaliex il-marġni ta’ dumping huwa inqas mil-livell de minimis, kif ukoll għaliex il-volumi ta’ importazzjoni huma negliġibbli.

149    Huwa ċar li approċċ ekwivalenti għandu jiġi applikat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku. Għalhekk, ir-referenza għan-natura adegwata ta’ stima kumulattiva “ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet […] fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati” għandha tiftiehem li hija intiża sabiex tevita li jkunu akkumulati l-effetti tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li ma kinux suffiċjentement f’kompetizzjoni bejniethom sabiex ikunu l-oriġini tal-istess ħsara sofferta mill-industrija tal-Unjoni. Hekk ukoll, l-inklużjoni tan-natura adegwata ta’ evalwazzjoni kumulattiva “tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott Komunitarju simili” għandha tiftiehem li kellha l-għan li tevita li l-importazzjonijiet li ma kellhomx grad ta’ kompetizzjoni biżżejjed mal-prodott tal-industrija tal-Unjoni u, għaldaqstant, li ma setgħux kienu l-oriġini ta’ ħsara għaliha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stima kumulattiva ma’ importazzjonijiet oħra.

150    Għaldaqstant, kien mingħajr ma kkommetta żball ta’ liġi li l-Kunsill applika kriterji ekwivalenti għal dawk li huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit il-prodott simili taħt l-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku, billi dawn kienu intiżi, essenzjalment, sabiex jiżguraw l-eżistenza ta’ grad ta’ kompetizzjoni suffiċjenti bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili.

151    Fil-fatt, l-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku jiddefinixxi l-prodott simili bħala “prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat”. Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping għandha l-għan li tgħin fil-formulazzjoni tal-lista ta’ prodotti li, jekk ikun il-każ, għandhom ikunu s-suġġett tal-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Għall-għanijiet ta’ din l-operazzjoni, l-istituzzjonijiet jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, bħalma huma l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà, il-perċezzjoni li għandu tagħhom il-konsumatur, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess ta’ manifattura, l-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-kwalità [sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il‑Kunsill, T‑172/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:532, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata].

152    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, meta ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza “li l-prodotti mill-Armenja għandhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi li huma simili u kienu jintużaw bażikament fl-istess applikazzjonijiet irrispettivament mill-kwalità speċifika tagħhom”, il-Kunsill ma wettaqx l-iżball ta’ liġi allegat mir-rikorrenti.

153    Għaldaqstant it-tieni lment jistħoqqlu jiġi miċħud.

154    Fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni biżżejjed il-kwalità ħażina tal-prodotti tagħha fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni kif ukoll il-provi li hija pproduċiet sabiex turi dik il-kwalità ħażina.

155    Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ilment, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni rikonoxxut lill-istituzzjonijiet fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li huma għandhom jeżaminaw.

156    Għaldaqstant għandha tkun ir-rikorrenti li turi li l-kwalità dgħajfa tal-importazzjonijiet tagħha kienet tqiegħda f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni tant differenti minn dik ta’ importazzjonijiet oħra u tal-prodott ikkonċernat li l-għażla tal-Kunsill li japplika l-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku għandha natura manifestament żbaljata.

157    Kif diġà ġie nnotat fil-punt 142 iktar ’il fuq, il-Kunsill adotta essenzjalment tliet elementi sabiex jikkonkludi li l-kundizzjoni tal-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku kienet sodisfatta: il-preponderenza tal-fattur tal-prezz fil-kompetizzjoni fuq is-suq tal-folji tal-aluminju u r-rwol żgħir li jilagħbu d-differenzi fil-kwalità; il-konstatazzjoni li l-prodotti tar-rikorrenti kellhom karatteristiċi fiżiċi u tekniċi li huma simili u kienu jintużaw bażikament fl-istess applikazzjonijiet irrispettivament mill-kwalità speċifika tagħhom, u l-intenzjoni ddikjarata mir-rikorrenti li torjenta l-produzzjoni tagħha lejn folji tal-aluminju intiżi għat-trasformazzjoni u ta’ livell ta’ kwalità iktar għoli.

158    Fl-ewwel lok, huwa ċar li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma jwaqqgħux l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill. Hekk, huma ma jiċħdux l-eżistenza ta’ intenzjoni tar-rikorrenti li ttejjeb il-kwalità tal-prodotti tagħha, li, barra minn hekk, lanqas ma hija kkontestata minnha fl-iskritturi tagħha.

159    F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotat li l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-opportunità li tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-prodott simili mhux biss is-sostitwibbiltà tat-talba, imma wkoll is-sostitwibbiltà tal-offerta, mill-perspettiva tal-possibbiltà li tinqaleb il-produzzjoni minn waħda ta’ prodotti ta’ ċerta kwalità għal prodotti ta’ kwalità oħra [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il‑Kunsill, T‑172/09, mhux ippubblikat, EU:T:2012:532, punt 75]. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 149 sa 151 iktar ’il fuq, raġunament żviluppat fil-kuntest tal-analiżi tal-prodott ikkonċernat taħt l-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku hija wkoll rilevanti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(4)(b) ta’ dan l-istess regolament.

160    Jirriżulta neċessarjament li l-possibbiltà, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, li tgħaddi għall-produzzjoni ta’ kwalità aħjar tnaqqas kunsiderevolment il-portata tal-argumenti tagħha bbażati fuq l-effett fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni tal-kwalità allegatament medjokri tal-prodotti tagħha.

161    Fit-tieni lok, u f’kull każ, għandu jiġi nnotat ukoll li l-Kunsill huwa korrett meta jenfasizza l-valur probatorju baxx tal-provi prodotti mir-rikorrenti.

162    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-libertà tal-produzzjoni tal-provi u l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Għalhekk, sabiex tiġi evalwata l-forza probatorja ta’ prova, fl-ewwel lok jeħtieġ li tiġi vverifikata l-validità tal-informazzjoni li tinsab fiha. Għaldaqstant għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, u d-destinatarju tiegħu sabiex jiġi stabbilit jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, dan jagħmilx sens u huwiex affidabbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, GDF Suez vs Il‑Kummissjoni, T‑370/09, EU:T:2012:333, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ittri tal-kumpannija Timos, DLR, RONCORNI, SPHERE France, FRIO COMSET, Cogepack, huwa ċar, qabel xejn, li dawn l-ittri kienu nkitbu fuq talba tar-rikorrenti wara l-ftuħ tal-proċedura, imbagħad, li l-kitba tagħhom hija ferm simili, jekk mhux identika, u, fl-aħħar nett, li huma lkoll jitolbu l-waqfien tal-proċedura antidumping miftuħa kontra r-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li dawn l-ittri jistgħu jipprovdu stima oġġettiva tal-kwalità tal-prodotti tar-rikorrenti. Għaldaqstant tista’ tingħata biss forza probatorja limitata lill-paragrafu ta’ dawn l-ittri dwar l-allegata kwalità ħażina tal-prodotti tar-rikorrenti.

164    It-tieni nett, fir-rigward tal-ittra tal-kumpannija Achenbach, jidher li din ukoll inkitbet fuq talba tar-rikorrenti wara l-ftuħ tal-proċedura. Hija tenfasizza essenzjalment li l-bidu ta’ operazzjoni ta’ makkinarju ġdid fornut minn dik il-kumpannija lir-rikorrenti ltaqa’ ma’ ċerti diffikultajiet li kellhom effett fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-folji tal-aluminju. Għaldaqstant din l-ittra ma tipprovdi l-ebda valur probatorju fir-rigward tal-prova ta’ allegata kwalità ħażina tal-produzzjoni tar-rikorrenti.

165    Għalhekk, it-tielet nett, l-uniku element li verament juri l-kwalità ħażina ta’ konsenja ta’ prodotti tar-rikorrenti hija l-ittra ta’ reklamazzjoni tal-kumpannija LENZING, li ttemm ix-xiri mingħand ir-rikorrenti. Madankollu, din hija kontestazzjoni għal ammont relattivament żgħir (EUR 3 176), li ma tistax raġonevolment titqies li tirrappreżenta t-totalità jew parti kbira mill-produzzjoni tar-rikorrenti.

166    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti lanqas ma setgħet turi n-natura manifestament żbaljata tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament bażiku għall-importazzjonijiet tagħha.

167    Għaldaqstant, it-tielet lment għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, it-tielet motiv fit-totalità tiegħu.

 Fuq ir-raba motiv, li jsostni li r-rifjut tal-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti kienet ivvizzjata minn ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

168    Ir-rikorrenti tqis li l-offerta ta’ impenn tagħha kienet ġiet miċħuda bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u abbażi ta’ raġunament manifestament żbaljat.

169    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

170    Skont l-Artikolu 8(1) tar-regolament bażiku: “[b]il-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni provviżorja affermattiva ta’ dumping u ta’ ħsara, il-Kummissjoni tista’ taċċetta offerti ta’ garanziji volontarji sodisfaċenti sottomessi minn esportatur biex jirrevedi l-prezzijiet tiegħu jew biex iwaqqaf l-esportazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ prezzijiet bid-dumping, jekk, wara konsultazzjoni speċifika mal-Kumitat Konsultattiv, tkun sodisfatta li b'hekk jiġi eliminat l-effett ta’ ħsara li jġib miegħu d-dumping”.

171    Skont l-Artikolu 8(3) ta’ dan l-istess regolament, “[a]ttivitajiet offruti ma għandhomx jiġu aċċettati jekk l-aċċettazzjoni tagħhom tkun meqjusa bħal mhux prattika, jekk bħal meta n-numru ta’ esportaturi attwali jew potenzjali huwa kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra, inklużi r-raġunijiet ta’ polza [politika] ġenerali[; l]-esportatur konċernat jista’ jiġi pprovdut bir-raġunijiet li għalihom hija proposta ir-rifjut ta’ attività u jista jiġi mogħti l-opportunità li jagħmel kummenti fuqhom[; i]r-raġunijiet għar-rifjut għandhom jiġu mniżżla fid-deċiżjoni definittiva”.

172    Il-premessi 113 sa 115 tar-regolament ikkontestat huma redatti bil-mod segwenti:

“(113)      Matul l-investigazzjoni, l-uniku produttur esportatur li koopera fl-Armenja u l-uniku produttur esportatur li koopera fil-Brażil offrew impenji fuq il-prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(114)            Iż-żewġ offerti ġew eżaminati. L-offerta tal-esportatur tal-Brażil telimina l-effett ta’ ħsara tad-dumping u tillimita għal grad suffiċjenti r-riskju ta’ evażjoni. Fir-rigward tal-offerta tal-esportatur tal-Armenja, billi l-grupp tal-kumpanija għandu struttura kumplessa u għandu kanali kumplessi tal-bejgħ, hemm riskju għoli li jkun hemm kumpens dupplikat lill-istess klijenti għall-istess prodott iżda minn oriġini differenti, kif ukoll bejgħ ta’ prodotti differenti lill-istess klijenti minn kumpaniji differenti tal-bejgħ fl-istess grupp. Il-produttur Armen għamel offerta ta’ impenn sostanzjalment riveduta wara l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Ta’ min jinnota li barra mill-fatt li l-offerta riveduta tressqet wara l-iskadenza, ma tistax tiġi aċċettata għar-raġuni li ġejja: minkejja li l-kumpanija offriet li tbiegħ biss direttament lill-ewwel klijent indipendenti fl-UE, jiġifieri mingħajr ma tinkludi ż-żewġ kumpaniji relatati tagħha fil-proċess tal-bejgħ, l-investigazzjoni wriet li l-kumpanija biegħet prodotti oħra lill-istess kumpaniji fl-UE. Barra minn hekk, il-kumpanija ħabbret li qed tippjana li tipproduċi u tbigħ tip ta’ prodott ġdid, jiġifieri FAK lill-UE. Billi huwa possibbli li dan it-tip ġdid ta’ prodott jinbiegħ lill-istess klijenti fl-UE, anki l-offerta riveduta ma tistax tillimata r-riskju ta’ duplikazzjoni tal-kumpens għal grad aċċettabbli.

(115)            Bid-Deċiżjoni 2009/736/KE, il-Kummissjoni aċċettat l-offerta ta’ impenn minn Companhia Brasiliera de Aluminio (‘CBA’). Il-Kunsill jagħraf li l-offerta ta’ impenn telimina l-effett ta’ ħsara tad-dumping u tillimita għal grad suffiċjenti r-riskju ta’ evażjoni. L-offerta minn Rusal Armenal ma ġietx milqugħa għar-raġunijiet stipulati fil-premessa 114 u wkoll minħabba l-problemi li nstabu fil-kontijiet tagħhom, kif spjegat fil-Premessi 21 u 22.”

173    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità ta’ dak li hija tqis li huma l-erba’ motivi ta’ rifjut tal-offerta ta’ impenn tagħha, jiġifieri n-natura allegatament tardiva tal-offerta ta’ impenn tagħha, in-natura ta’ dik l-offerta bħala “riveduta”, ir-“riskju ta’ duplikazzjoni tal-kumpens” li l-aċċettazzjoni tagħha kienet timplika u n-nuqqasijiet fil-kontabbiltà tagħha.

174    Madankollu huwa ċar li l-qari tal-premessi 114 u 115 tar-regolament ikkontestat juru l-preżenza ta’ żewġ motivi biss ta’ rifjut tal-offerta ta’ impenn ippreżentata mir-rikorrenti, minn naħa, il-konstatazzjoni li l-verżjoni riveduta tal-offerta ma tillimitax għal grad aċċettabbli r-riskju għoli ta’ “riskju għoli li jkun hemm kumpens dupplikat lill-istess klijenti għall-istess prodott iżda minn oriġini differenti, kif ukoll bejgħ ta’ prodotti differenti lill-istess klijenti minn kumpaniji differenti tal-bejgħ fl-istess grupp” (premessa 114), min-naħa l-oħra, il-problemi li nstabu fil-kontijiet tar-rikorrenti (premessa 115). Fil-fatt, ma jirriżultax mill-premessa 114 tar-regolament ikkontestat li ż-żewġ elementi l-oħra identifikati mir-rikorrenti jikkostitwixxu motivi li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex jiċħad dik l-offerta.

175    F’dak li jikkonċerna l-legalità tal-motiv ibbażat fuq il-problemi fil-kontijiet tar-rikorrenti, li jissemmew fil-premessa 115 tar-regolament ikkontestat, għandu jiġi nnotat li dan kien spjegat f’iktar dettall lir-rikorrenti mill-Kummissjoni fl-ittra tas-7 ta’ Awwissu 2009 li fiha huwa enfasizzat, essenzjalment, li l-kontroll tal-osservanza tal-impenn kien jimplika l-possibbiltà li jkunu jistgħu jiġu vverifikati l-kontijiet tar-rikorrenti u li n-nuqqasijiet osservati fiż-żamma tal-kontijiet tar-rikorrenti waqt l-eżami tat-talba SES/IT tagħha kienu jimminaw il-possibbiltà ta’ dik il-verifika.

176    Kif il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-opportunità li tenfasizza, jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tar-regolament bażiku li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni kull tip ta’ ċirkustanzi fattwali fl-evalwazzjoni tal-offerta ta’ impenn (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 224). Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tar-regolament antidumping bażiku ma tobbliga lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaċċettaw proposti ta’ impenn fir-rigward ta’ prezzijiet stabbiliti mill-operaturi ekonomiċi involuti f’investigazzjoni li saret qabel ma ġew stabbiliti d-dazji antidumping. Jirriżulta għall-kuntrarju minn dan ir-regolament li n-natura aċċettabbli ta’ dawn l-impenji għandha tiġi ddefinita mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tad-dritt ta’ evalwazzjoni tagħhom (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 225 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Minn dan isegwi loġikament li l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita stħarriġ limitat biss fuq il-mertu tar-rifjut ta’ offerta ta’ impenn. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotat li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li jgawdu l-istituzzjonijiet ma jirriżultax biss mill-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali involuti fil-miżuri ta’ difiża kummerċjali. Dan huwa wkoll il-konsegwenza tal-għażla tal-leġiżlatur li jħalli libertà ta’ deċiżjoni lill-istituzzjonijiet dwar jekk jaċċettawx jew le offerta ta’ impenn.

178    Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-ħtieġa li jiġi żgurat kontroll adegwat tal-impenji hija kunsiderazzjoni li l-istituzzjonijiet jistgħu validament jieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti.

179    Fit-tieni lok, u konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dak li huwa jqis bħala n-nuqqasijiet fil-kontijiet tar-rikorrenti kinux ta’ natura li jimminaw is-sorveljanza tal-osservanza tal-impenji mir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat kienx ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

180    Kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 89 iktar ’il fuq, jirriżulta mill-premessa 22 tar-regolament ikkontestat, li għaliha tirreferi l-premessa 115 tal-istess regolament, li l-istituzzjonijiet kellhom disponibbli biss ir-rapporti ta’ verifika għall-2006 u l-2007, li kienu jenfasizzaw nuqqasijiet fir-rigward ta’ tliet elementi: l-inventarju fil-31 ta’ Diċembru 2006, l-ispiża tal-bejgħ u t-telf nett għall-2006 u l-2007.

181    Issa, minn naħa, huwa ċar li dawn in-nuqqasijiet, lil hinn mill-effetti tagħhom fuq il-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti tar-rikorrenti, huma tali li jqajmu dubju raġonevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tar-rikorrenti.

182    Din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa miċ-ċirkustanza nnotata mir-rikorrenti, li din ingħatat trattament individwali, għaliex l-Artikolu 9(5) tar-regolament bażiku ma jinkludi l-ebda kundizzjoni dwar il-kontijiet tal-impriża kkonċernata. Din iċ-ċirkustanza hija, għalhekk, irrilevanti.

183    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill korrettement jargumenta fl-iskritturi tiegħu li r-riskju ta’ duplikazzjoni tal-kumpens li l-impenn tar-rikorrenti kien intiż sabiex jirrimedja kien jagħmel iktar importanti sorveljanza mill-Kummissjoni tal-kontijiet u tar-reġistri tax-xiri, tal-produzzjoni u tal-inventarju tar-rikorrenti. Fil-fatt, fl-eventwalità li l-proposta ta’ impenn tar-rikorrenti kellha tiġi aċċettata, kellha tkun il-Kummissjoni li tiżgura li din, direttament jew permezz ta’ kumpannija tal-grupp li minnu tifforma parti, ma tbigħx lil xi wieħed mill-klijenti tagħha fl-Unjoni prodott ieħor bi prezz inqas, li kien iwassal sabiex jannulla jew jillimita l-effett taż-żieda fuq il-prezz tal-prodott tar-rikorrenti implikat bl-impenn tagħha. Huwa ċar li l-possibbiltà li tiġi żgurata din il-verifika hija dipendenti fuq l-affidabbiltà tal-kotba tar-rikorrenti.

184    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, il-premessa 115 tar-regolament ikkontestat ma tidhirx li hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Billi din il-premessa hija biżżejjed waħedha sabiex tiġġustifika skont il-liġi r-rifjut tal-istituzzjonijiet li jaċċettaw l-offerta ta’ impenn tar-rikorrenti, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kritika indirizzata kontra l-premessa 114 ta’ dan ir-regolament.

185    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

186    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tirreferi għal artiklu li deher fis-Sunday Times tar-Renju Unit fit-12 ta’ Ottubru 2008 li jenfasizza l-eżistenza, minn naħa, ta’ kuntatti soċjali bejn il-proprjetarju tagħha, M. D., u ex membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-direzzjoni ġenerali (DĠ) “Kummerċ” u, min-naħa l-oħra, ta’ investigazzjoni antidumping mibdija fil-konfront tagħha. Essenzjalment, hija tqis li jirriżulta minn dan l-artiklu kif ukoll minn artikli oħra sussegwenti, allegazzjonijiet ta’ favoritiżmu, repetuti f’mistoqsija parlamentari. Hija tinnota wkoll li, f’ittra tas-16 ta’ Ottubru 2008, ippubblikata fid-19 ta’ Ottubru 2008, id-direttur ġenerali tad-DĠ “Kummerċ” żvela li, jekk kien ġie stabbilit dumping fir-rigward tar-rikorrenti, kien probabbli li ser jiġu mposti dazji u li, “mhux talli ma kinitx ser tirċievi trattament favorevoli imma” r-rikorrenti setgħet, finalment, tiġi mġiegħla tħallas dazji fuq l-importazzjonijiet tagħha.

187    Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli pubblikament straħet fuq il-proċedura miftuħa kontra tagħha sabiex tiddefendi lilha nnifisha mill-allegazzjonijiet ta’ favoritiżmu ppreżentati kontra tagħha. Hija tqis ukoll li huwa probabbli li l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2008 kienet ġiet interpretata mill-persunal tal-Kummissjoni bħala inċitament sabiex tinfetaħ l-investigazzjoni b’mod li jiġi akkwistat riżultat sfavorevoli fil-konfront tagħha, bl-għan li tintwera l-indipendenza tagħha. Dan kien jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ “amministrazzjoni tajba”, li jista’ jwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

188    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

189    Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni u l-Kunsill huma obbligati li josservaw id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul proċedura amministrattiva fil-qasam ta’ difiża kontra l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni, fosthom id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Skont il-ġurisprudenza relattiva għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’mod imparzjali, l-elementi rilevanti kollha tal-każ (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tal-10 ta’ Ottubru 2012, Ningbo Yonghong Fasteners vs Il‑Kunsill, T‑150/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:529, punt 77).

190    F’dan il-każ, huwa ċar li kull ma għamlet il-Kummissjoni kien li tfakkar elementi ta’ natura pubblika mingħajr ma tittraskura d-dmir tagħha ta’ imparzjalità.

191    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija wara l-elementi enfasizzati fl-artiklu tas-Sunday Times, minn naħa, għandu jiġi nnotat li l-eżistenza ta’ investigazzjoni mibdija kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja kienet ta’ natura pubblika, għaliex dak l-artiklu kien deher wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż ta’ ftuħ tal-proċedura, fit-12 ta’ Lulju 2008. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċirkustanza li M. D. huwa l-proprjetarju tal-kumpannija suġġetta għal din l-investigazzjoni, biżżejjed jiġi enfasizzat li dik l-informazzjoni setgħet faċilment tiġi dedotta minn elementi magħrufa. Fil-fatt, jista’ raġonevolment jiġi kkunsidrat li kemm iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti hija l-unika produttriċi tal-aluminju fl-Armenja kif ukoll il-fatt li M. D. huwa l-proprjetarju tagħha huma fid-dominju pubbliku.

192    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut tal-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2008, huwa ċar li din hija limitata sabiex tfakkar il-loġika tar-regolament bażiku, jiġifieri li l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u li jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni setgħu jkunu ssuġġettati għal dazji antidumping.

193    Għaldaqstant ma jista’ jinsab l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

194    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud, u għalhekk ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

195    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli ta’ Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mibdija quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Billi, fis-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż, għandha tkun il-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi wkoll, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż relattivi għall-proċedura tal-appell.

196    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-Kunsill, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

197    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Rusal Armenal ZAO għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

3)      Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Prek

Labucka

Schwarcz

Tomljenović

 

      Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Jannar 2017.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.