Language of document : ECLI:EU:T:2017:26

Kawża T512/09 RENV

Rusal Armenal ZAO

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Status ta’ impriża li tevolvi fl-ekonomija tas-suq – Artikolu 2(7)(b) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 – Evalwazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet suġġetti għal investigazzjonijiet antidumping – Artikolu 3(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 384/96 – Offerta ta’ impenn – Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 384/96”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tal-25 ta’ Jannar 2017

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjonijiet litterali, sistematika u teleoloġika

2.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Kundizzjonijiet – Użu ta’ sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skont l-istandards internazzjonali u jiġu applikati għall-għanijiet kollha – Interpretazzjoni stretta – Assenza ta’ rilevanza tal-adeżjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat mad-WTO

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(7)(ċ), it-tieni inċiż)

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-produtturi – Evalwazzjoni tal-provi mill-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(7)(ċ))

4.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal investigazzjonijiet antidumping – Kundizzjonijiet – Natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż – Teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ 1 % msemmi fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku Nru 384/96 – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 3(4)(a) u 5(7))

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Neċessità ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ legalità – Impossibbiltà li tinvoka illegalità mwettqa favur ħaddieħor

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal investigazzjonijiet antidumping – Kundizzjonijiet – Natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż – Perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 3(2), 4(1)(a) u 6(1))

7.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni dwar perijodu sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni – Projbizzjoni – Eċċezzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 6(1))

8.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Regolament li jimponi dazji antidumping

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 925/2009)

9.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal investigazzjonijiet antidumping – Kundizzjonijiet – Natura xierqa ta’ evalwazzjoni kumulattiva fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni – Evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji rilevanti għad-determinazzjoni tal-prodott simili – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 1(4) u 3(4)(b))

10.    Proċedura ġudizzjarja – Prova – Prova dokumentali – Valur probatorju – Evalwazzjoni mill-qorti tal-Unjoni – Kriterji

11.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proposti ta’ impenn fuq il-prezz – Aċċettazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġi żgurat kontroll adegwat tal-impenji – Ammissibbiltà – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 8(3))

12.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura antidumping – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Kunsill Nru 384/96)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 56)

2.      L-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, jippreċiża l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati sabiex tkun tista’ tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan ir-regolament, b’dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu interpretati strettament.

L-enfasi mill-qrati tal-Unjoni kemm fuq il-partikolarità tal-approċċ tal-Unjoni kif ukoll fuq l-assenza ta’ dispożizzjoni korrispondenti fil-ftehim fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT) tirrendi rrilevanti ċ-ċirkustanza li l-pajjiż terz ikkonċernat huwa membru tal-Organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (WTO) fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament antidumping bażiku.

Fid-dawl tal-għan tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament, ir-referenza, fit-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, għall-użu ta’ “sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha” ma tistax tiftiehem mod ieħor milli intiża sabiex tippermetti lill-istituzzjonijiet li jiżguraw is-sinċerità tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-impriża kkonċernata.

Għaldaqstant huwa bi żball li r-rikorrenti ssostni li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta sempliċement bit-twettiq ta’ proċedura ta’ verifika konformi mal-istandards internazzjonali ta’ verifika, irrispettivament mill-konklużjonijiet li jkunu ppreżentati rigward il-konformità tal-kontijiet tal-impriża kkonċernata mal-Istandards ta’ Verifika Internazzjonali.

Barra minn hekk, ir-rikors għal paragun fi ħdan l-istess pajjiż, previst mill-Artikolu 2(5) tar-regolament antidumping bażiku, huwa possibbli biss fir-rigward ta’ impriża li taqa’ f’ekonomija tas-suq u huwa impossibbli fir-rigward ta’ applikant għal status ta’ kumpannija li tevolvi fl-ekonomija (SES), li, b’definizzjoni, jaqa’ f’pajjiż li ma għandux dik l-ekonomija. Għalhekk, f’każ ta’ dubju dwar il-verità tal-ispejjeż ta’ applikant għal SES, dik it-talba għandha tiġi rrifjutata u l-valur normali tal-prodott għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-paragun ma’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament antidumping bażiku.

(ara l-punti 57, 61, 63-65, 72)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 79-82)

4.      L-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, ġie interpretat fis-sens li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiż partikolari, fil-kuntest ta’ kumulu, biss fejn huma provenjenti minn produttur-esportatur li ġie kkonstatat li jwettaq dumping. Isegwi minn dan li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jevita li evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet titwettaq billi tinkludi pajjiż li l-importazzjonijiet minnu tal-produttur-esportatur inkwistjoni ma jkunux l-oriġini ta’ dumping, kemm għaliex il-marġni ta’ dumping huwa inqas mil-livell de minimis, kif ukoll għaliex il-volumi ta’ importazzjoni jkunu negliġibbli.

Issa, l-Artikolu 5(7) tar-regolament antidumping bażiku, fejn jippreċiża li “ma għandhomx jinbdew proċeduri kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrapreżentaw sehem tas-suq ta’ inqas minn 1 %, sakemm pajjiżi bħal dawn kollettivament ma jagħtux kont ta’ 3 % jew iktar mill-konsum tal-Komunità”, huwa intiż speċifikament sabiex jiċċara ċ-ċirkustanzi li fihom il-parti tal-importazzjonijiet fil-konsum tal-Unjoni hija żgħira wisq sabiex dawn l-importazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala l-kaġun ta’ dumping.

Teżisti, għalhekk, relazzjoni ta’ komplimentarjetà bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, b’mod li kien mingħajr ma kkommetta l-iżball ta’ liġi allegat mir-rikorrenti li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-livell ta’ 1 % msemmi fl-Artikolu 5(7) tar-regolament antidumping bażiku, għall-għan ta’ interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet li tissemma fl-Artikolu 3(4)(a) tal-istess regolament.

(ara l-punti 103-105)

5.      L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka għall-vantaġġ tiegħu att illegali mwettaq favur ħaddieħor.

(ara l-punt 110)

6.      L-investigazzjoni antidumping għandha tinbeda abbażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti d-dazji antidumping li huma adegwati sabiex jipproteġu l-industrija tal-Unjoni kontra l-prattiki ta’ dumping. Il-Kunsill jista’ jistabbilixxi l-ħsara sofferta mill-industrija tal-Unjoni fuq perijodu itwal minn dak kopert bl-investigazzjoni fuq l-eżistenza ta’ prattiki ta’ dumping, permezz tal-eżami tax-xejriet utli għall-evalwazzjoni tal-ħsara fil-kuntest tal-perijodu kkunsidrat.

Fid-determinazzjoni tan-natura mhux negliġibbli tal-importazzjonijiet ta’ produttur-esportatur, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, abbażi tad-data dwar il-perijodu ta’ investigazzjoni biss u mhux dwar il-perijodu kkunsidrat, il-Kunsill ma wettaqx l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni allegat mir-rikorrenti, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu kkunsidrat kien wassal sabiex jagħti stampa distorta tal-volum effettiv tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, billi jkollu, imbagħad, jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu ta’ għeluq tal-fabbrika tal-produttur-esportatur li ma jistax jiġi kkunsidrat li jirrifletti l-verità tal-attività tiegħu ta’ produzzjoni u ta’ esportazzjoni.

In-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu li ma jirriflettix l-attività normali ta’ produttur-esportatur jidħol fil-ġbir tal-informazzjoni kemm jista’ jkun attwali u, għaldaqstant, huwa konformi mal-loġika tal-eżami oġġettiv li jirreferi għalih l-Artikolu 3(2) tar-regolament antidumping bażiku.

(ara l-punti 119, 120, 122-124)

7.      Il-perijodu ta’ investigazzjoni u l-projbizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi sussegwenti għal dan il-perijodu huma intiżi sabiex jiġi ggarantit li r-riżultati tal-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi u affidabbli filwaqt li jiġi żgurat li l-elementi li fuqhom tkun ibbażata d-determinazzjoni tad-dumping u tal-ħsara ma jkunux influwenzati mill-imġiba tal-produtturi kkonċernati wara l-ftuħ tal-proċedura antidumping u għalhekk li d-dazju definittiv impost fit-tmiem tal-proċedura jkun adegwat sabiex jirrimedja effettivament il-ħsara kkawżata mid-dumping.

Barra minn hekk, billi juża l-kelma “normalment”, l-Artikolu 6(1) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, jippermetti eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni li tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar perijodu sussegwenti għall-perijodu ta’ investigazzjoni. Fir-rigward ta’ ċirkustanzi favorevoli għall-impriżi kkonċernati bl-investigazzjoni, ġie deċiż li ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jaqgħu f’perijodu wara dak tal-investigazzjoni, sakemm dawn l-elementi ma humiex fatti ġodda li jirrendu manifestament mhux adatta l-impożizzjoni maħsuba ta’ dazju antidumping. Jekk, għall-kuntrarju, elementi dwar perijodu wara l-perijodu ta’ investigazzjoni jiġġustifikaw, minħabba l-fatt li huma jirriflettu l-imġiba attwali tal-impriżi kkonċernati, l-impożizzjoni jew iż-żieda ta’ dazju antidumping, l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt, jew l-obbligu li jeħduhom inkunsiderazzjoni.

(ara l-punti 129, 130)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 139-143)

9.      Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4)(b) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, ir-referenza għan-natura adegwata ta’ stima kumulattiva “ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet […] fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn prodotti impurtati” għandha tiftiehem li hija intiża sabiex tevita li jkunu akkumulati l-effetti tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li ma kinux suffiċjentement f’kompetizzjoni bejniethom sabiex ikunu l-oriġini tal-istess ħsara sofferta mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-inklużjoni tan-natura adegwata ta’ evalwazzjoni kumulattiva “tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott Komunitarju simili” għandha tiftiehem li kellha l-għan li tevita li l-importazzjonijiet li ma kellhomx grad ta’ kompetizzjoni biżżejjed mal-prodott tal-industrija tal-Unjoni u, għaldaqstant, li ma setgħux kienu l-oriġini ta’ ħsara għaliha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stima kumulattiva ma’ importazzjonijiet oħra.

Għaldaqstant, kien mingħajr ma kkommetta żball ta’ liġi li l-Kunsill applika kriterji ekwivalenti għal dawk li huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit il-prodott simili taħt l-Artikolu 1(4) tar-regolament antidumping bażiku, billi dawn kienu intiżi, essenzjalment, sabiex jiżguraw l-eżistenza ta’ grad ta’ kompetizzjoni suffiċjenti bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili.

(ara l-punti 149, 150)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 162)

11.    Jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni kull tip ta’ ċirkustanzi fattwali fl-evalwazzjoni tal-offerta ta’ impenn. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tar-regolament antidumping bażiku ma tobbliga lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaċċettaw proposti ta’ impenn fir-rigward ta’ prezzijiet stabbiliti mill-operaturi ekonomiċi involuti f’investigazzjoni li saret qabel ma ġew stabbiliti d-dazji antidumping. Jirriżulta għall-kuntrarju minn dan ir-regolament li n-natura aċċettabbli ta’ dawn l-impenji għandha tiġi ddefinita mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tad-dritt ta’ evalwazzjoni tagħhom.

Minn dan isegwi loġikament li l-Qorti Ġenerali tista’ teżerċita stħarriġ limitat biss fuq il-mertu tar-rifjut ta’ offerta ta’ impenn. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotat li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li jgawdu l-istituzzjonijiet ma jirriżultax biss mill-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali involuti fil-miżuri ta’ difiża kummerċjali. Dan huwa wkoll il-konsegwenza tal-għażla tal-leġiżlatur li jħalli libertà ta’ deċiżjoni lill-istituzzjonijiet dwar jekk jaċċettawx jew le offerta ta’ impenn.

Il-ħtieġa li jiġi żgurat kontroll adegwat tal-impenji hija kunsiderazzjoni li l-istituzzjonijiet jistgħu validament jieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-offerta ta’ impenn.

(ara l-punti 176-178)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 189-193)