Language of document : ECLI:EU:T:2014:781

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

18 ta’ Settembru 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe – Iffriżar ta’ fondi – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Rabta kawżali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑168/12,

Aguy Clement Georgias, residenti fi Ħarare (iż-Żimbabwe),

Trinity Engineering (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Georgiadis Trucking (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

inizjalment irrappreżentati minn M. Robson, E. Goulder, solicitors, u H. Mercer, QC, sussegwentement minn M. Robson, H. Mercer u I. Quirk, barrister,

rikorrenti,

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u G. Étienne, bħala aġenti,

u

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis u S. Bartelt, bħala aġenti,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett talba għal kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti, wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 412/2007, tas-16 ta’ April 2007, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 314/2004 tal-Kunsill dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe (ĠU L 101, p. 6),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President tal-Awla, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu 2002/145/PESK, tat-18 ta’ Frar 2002, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (JO L 50, p. 1), adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tat-Trattat UE, fil-verżjoni tagħha preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea esprima tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe u b’mod partikolari dwar il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-Gvern taż-Żimbabwe, li jinkludu vjolazzjonijiet fil-libertà tal-opinjoni, tal-assoċjazzjoni u ta’ assemblea paċifika. Għaldaqstant, huwa impona ċertu miżuri restrittivi għal perijodu ta’ tnax-il xahar li jiġġedded, li għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami permanenti.

2        Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK, tad-19 ta’ Frar 2004, li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 3, p. 43) ipprovdiet tiġdid tal-miżuri restrittivi stabbiliti permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2002/145. Hija tipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(1) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ma jħallux d-dħul, jew it-tranżitu minn, ġewwa t-territorji tagħhom tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness, li huma marbuta ma’ attivitajiet li jikkostitwixxu minaċċja serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe. L-Artikolu 5(1) tagħha jipprevedi, barra minn hekk li “[j]iġu ffriżati l-fondi u r-risorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-membri individwali tal-Gvern taż-Żimbabwe u lill-peruni fiżiċi jew legali, lill-entitajiet jew il-korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness”. Finalment, l-Artikolu 6 tagħha jipprovdi li “[s]kond l-iżviluppi politiċi fiż-Żimbabwe, il-Kunsill, fuq proposta ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, għandu jimmodifika l-lista li tinstab fl-Anness”.

3        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tagħha, il-Pożizzjoni Komuni 2004/161 kienet tapplika mill-21 ta’ Frar 2004. L-Artikolu 9 tagħha kien jipprevedi li hija [kienet] tapplika għall-perijodu ta’ 12-il xahar u kellha tiġi rriveduta kostantement. Skont dan l-istess artikolu, kellha tiġi “mġedda jew emendata, skond ma jkun xieraq, jekk il-Kunsill [kien] jara li għanijiet tiegħu ma ntlaħqux”.

4        Sussegwentement it-tul ta’ validità tagħha ġie estiż, sal-20 ta’ Frar 2006 permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/146/PESK, tal-21 ta’ Frar 2005, li testendi l-Pożizzjoni Komuni 2004/161 (ĠU L 159M, p. 138), sal-20 ta’ Frar 2007 permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/51/PESK, tat-30 ta’ Jannar 2006, li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 270M, p. 99), sal-20 ta’ Frar 2008 permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/120/PESK, tad-19 ta’ Frar 2007, li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 4M , p. 109), sal-20 ta’ Frar 2009 permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/135/PESK, tat-18 ta’ Frar 2008, li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 43, p. 39), sal-20 ta’ Frar 2010 permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/68/PESK, tas-26 ta’ Jannar 2009, li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 23, p. 43) u, fl-aħħar nett, sal-20 ta’ Frar 2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/92/PESK, tal-15 ta’ Frar 2010, li testendi miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 41, p. 6).

5        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004, tad-19 ta’ Frar 2004, dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, ġie adottat, kif ukoll isemmi l-premessa 5 tiegħu, sabiex jimplementa l-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/161. Dan ir-regolament jipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) tiegħu, li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil membri individwali tal-Gvern taż-Żimbabwe jew lil persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet jew istituzzjonijiet assoċjati magħhom kif elenkati fl-Anness III għandhom jiġu ffriżati. Bis-saħħa tal-Artikolu 11(b) tal-istess regolament, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija awtorizzata temenda l-Anness III skont deċiżjonijiet meħuda skont l-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161.

6        L-ewwel rikorrent, Aguy Clement Georgias, huwa negozjant miż-Żimbabwe. Huwa proprjetarju u Direttur Ġenerali tat-tieni rikorrenti, Trinity Engineering (Private) Ltd. It-tielet rikorrenti, Georgiadis Trucking (Private) Ltd, hija fergħa tat-tieni rikorrenti. L-ewwel rikorrent huwa wkoll id-Direttur Ġenerali tagħha.

7        Fid-29 ta’ Novembru 2005, l-ewwel rikorrent inħatar senatur mhux elett fis-Senat taż-Żimbabwe mill-President tar-Repubblika taż-Żimbabwe. Fis-6 ta’ Frar 2007, il-President tar-Repubblika taż-Żimbabwe, ħatru Viċi Ministru tal-Iżvilupp Ekonomiku.

8        Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/235/PESK, tas-16 ta’ April 2007, li timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 2004/161 (ĠU L 4M, p. 352), emendat l-Anness ta’ din tal-aħħar sabiex jiġi inkluż fiha, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel rikorrent, ir-riferiment “Georgias, Aguy; [v]iċi ministru tal-iżvilupp ekonomiku, imwieled fit-22.6.1935”. Il-Kummissjoni adottat, fl-istess ġurnata, ir-Regolament (KE) Nru 412/2007, tas-16 ta’ April 2007, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 314/2004 (ĠU L 101, p. 6), li emenda l-Anness III ta’ dan l-aħħar regolament. L-anness b’hekk emendat, jinkludi, b’mod partikolari, referenza għall-ewwel rikorrent redatt fi kliem identiċi għar-riferiment inizjali.

9        Fil-25 ta’ Mejju 2007, l-ewwel rikorrent wasal fl-ajruport ta’ Heathrow (Ir-Renju Unit), sabiex jara l-familja tiegħu stabbilita fl-Ingilterra, u sussegwentement jieħu, l-għada filgħodu, titjira b’destinazzjoni għal New York (l-Istati Uniti). Huwa ġie rrifjutat id-dritt li jidħol fir-Renju Unit jew li jkun tranżitu mill-ajruporti ta’ dan l-Istat Membru b’destinazzjoni għal New York u ġie obbligat jgħaddi l-lejl f’detenzjoni fl-imsemmi ajruport u li jieħu titjira ta’ ritorn lejn Ħarare (iż-Żimbabwe) l-għada filgħodu.

10      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/455/PESK, tal-25 ta’ Ġunju 2007, li timplimenta l-Pożizzjoni Komuni 2004/161 (ĠU L 172, p. 89), emendat għal darb’oħra l-anness ta’ din il-Pożizzjoni Komuni tal-aħħar. Is-sentenza li ġejja żdiedet fir-riferiment għall-ewwel rikorrent imsemmi fil-punt 8 iktar ’il fuq:

“Membru tal-Gvern u b’hekk involut f’attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt”.

11      Permezz tar-Regolament (KE) tagħha Nru 777/2007, tat-2 ta’ Lulju 2007, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 (ĠU L 173, p. 3), il-Kummissjoni emendat għal darb’oħra l-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004. L-isem tal-ewwel rikorrent baqa’ jidher fih, barra minn hekk, b’riferiment identiku għal dak riprodott fil-punt 10 iktar ’il fuq.

12      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 42, p. 6), ħassret il-Pożizzjoni Komuni 2004/161. Din id-deċiżjoni pprevediet, kontra persuni li l-isimhom kien jidher fl-anness tagħha, miżuri restrittivi analogi għal dawk previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/161. Madankollu, l-isem tal-ewwel rikorrent ma kienx jidher fl-anness għal din id-deċiżjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 174/2011, tat-23 ta’ Frar 2011, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004 (ĠU L 49, p. 23), li ssostitwixxa l-Anness III ta’ dan ir-regolament tal-aħħar permezz ta’ anness ġdid li ma jinkludix iżjed l-isem tal-ewwel rikorrent.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

14      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqu talba skont l-Artikolu 76a tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex il-kawża tiġi ttrattata skont il-proċedura mħaffa. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-25 ta’ Mejju 2012.

15      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur inizjalment maħtur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

16      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

17      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ April 2014.

18      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni u/jew lill-Kunsill għall-ħlas tad-dannu kkawżat billi jikkumpensawhom, għall-ammonti li ġejjin jew ammonti oħra li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huma xierqa, jiġifieri EUR 374 986.57 jew l-ekwivalenti tiegħu għall-ewwel rikorrent, barra minn ammont ikkunsidrat xieraq għad-dannu mġarrab li ma huwiex ta’ natura pekunjarja; EUR 469 520.24 jew l-ekwivalenti tiegħu għat-tieni rikorrenti u EUR 5 627 020 jew l-ekwivalenti tiegħu għat-tielet rikorrenti;

–        tordna jekk, u sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa meħtieġ, evalwazzjoni tad-dannu mġarrab minnhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u/jew lill-Kunsill għall-ispejjeż.

19      Fir-replika, ir-rikorrenti kkoriġew għal EUR 462 626 l-ammont inizjalment mitlub sabiex jikkumpensa t-tieni rikorrenti. Barra minn hekk, huma indikaw li, għalkemm hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-ammont tal-kumpens xieraq skont id-dannu mġarrab li ma huwiex ta’ natura pekunjarja, huma jikkunsidraw l-ammonti li ġejjin bħala kumpens xieraq tad-dannu ta’ dan it-tip imġarrab mill-ewwel rikorrent:

–        EUR 500 għall-fatt li għadda lejl fil-ħabs fl-ajruport ta’ Heathrow (punt 9 iktar ’il fuq);

–        EUR 10 000 għad-deterjorazzjoni tas-saħħa tiegħu.

20      Il-Kunsill u l-Kummissjoni, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Il-preżentazzjoni tad-dannu li l-kumpens tiegħu qed jitfittex

21      Skont l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, id-dannu li tiegħu qed jitfittex il-kumpens fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jikkonsisti, fir-rigward tal-ewwel rikorrent:

–        fi spejjeż tal-vjaġġ u tal-kamra tal-lukanda, evalwati għat-total ta’ USD 9 689, li ntilfu minħabba l-fatt li ġie obbligat jieqaf mill-vjaġġ tiegħu għal New York wara d-detenzjoni tiegħu fl-ajruport ta’ Heathrow (punt 9 iktar ’il fuq);

–        fi spejjeż mediċi, evalwati għat-total ta’ USD 221 766.74, li ddikjara li kellu jbati minħabba d-deterjorazzjoni tas-saħħa tiegħu dovuta għall-istress personali kkawżat mill-iffriżar tal-assi tiegħu, mill-effetti ta’ dan l-iffriżar fuq l-attivitajiet professjonali tiegħu u fuq il-kapaċità tiegħu sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet tal-familja tiegħu, kif ukoll mid-detenzjoni tiegħu fl-ajruport ta’ Heathrow;

–        fi spejjeż ġudizzjarji, evalwati għal GBP 67 879.30 sostnuti fil-kuntest tal-kontestazzjoni, quddiem il-qrati kompetenti tar-Renju Unit, tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru li jirrifjutawlu l-aċċess fit-territorju tagħhom u t-tranżitu mill-ajruporti tagħhom;

–        fi spejjeż ġudizzjarji, evalwati għal GBP 74 097.72 sostnuti fil-kuntest tal-passi meħuda sabiex jitneħħa ismu mill-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004;

–        fi spejjeż ta’ reklamar, evalwati għal USD 9 696.43 sostnuti sabiex jittaffew l-effetti negattivi tal-iffriżar tal-assi tiegħu għar-reputazzjoni professjonali tiegħu, u sabiex jitnaqqas, b’hekk, it-telf imġarrab mill-impriżi tiegħu;

–        f’dannu li ma huwiex ta’ natura pekunjarja li jirriżulta mill-aggravazzjoni tas-saħħa tiegħu u tad-detenzjoni tiegħu fl-ajruport ta’ Heathrow, f’ċella ta’ ħabs

22      Fir-rigward tat-tieni u t-tielet rikorrenti, id-dannu li qed jitfittex il-kumpens tiegħu jikkonsisti f’telf kummerċjali, fiċ-ċifri ta’ USD 605 675 u ta’ USD 7 375 000 rispettivament, imġarrab minnhom minħabba allegati “effetti extraterritorjali” tar-Regolament Nru 314/2004, li wassal ċerti sieħba kummerċjali tagħhom li ma jkomplux jinnegozjaw magħhom.

23      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li huma evalwaw id-dannu mġarrab f’USD. Is-somom b’hekk evalwati, ikkonvertiti f’ewro, jikkorrispondu għas-somom imsemmija fil-kapi tat-talbiet tagħhom, kif ikkorreġuti fir-replika (ara l-punti 18 u 19 iktar ’il fuq).

 Tfakkir tal-ġurisprudenza li tikkonċerna r-rikorsi għad-danni ippreżentati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-fondatezza ta’ rikors għad-danni ppreżentat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, iridu jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il‑Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II-729, punt 44). Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jkun miċħud kollu kemm hu mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punti 19 u 81, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra p. II‑1291, punt 77).

25      Sabiex il-kundizzjoni tal-illegalità tal-aġir tkun issodisfatta, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. 1‑5291, punt 42, u tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. 1‑11355, punt 53).

26      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, rabta kawżali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE hija stabbilita meta teżisti rabta ċerta u diretta minn kawża għal effett bejn in-nuqqas min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat, rabta li r-rikorrenti għandhom l-oneru tal-prova tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Jannar 1987, GAEC de la Ségaude vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 253/84, Ġabra p. 123, punt 20, u tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il‑Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, Ġabra p. I‑359, punt 25). Id-dannu allegat għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ilmentat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, ladarba ma hemm ebda obbligu li jiġu kkumpensati l-konsegwenzi kollha dannużi, anki jekk fit-tul, ta’ sitwazzjoni illegali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, ara s-sentenza, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni, iktar ’il fuq, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-preskrizzjoni u fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-illegalità tar-Regolamenti Nri 314/2004 u 412/2007

27      Fid-dawl ta’ ċerti argumenti mressqa mill-Kunsill fid-difiża tagħha, għandha tiġi analizzata l-mistoqsija tal-osservanza, mir-rikorrenti, tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għad-danni previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

28      Il-Kunsill ifakkar li r-Regolament Nru 314/2004 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fl-24 ta’ Frar 2004 u jikkunsidra li, “sa fejn ir-rikorrenti jridu jitolbu l-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba allegata illegalità” ta’ dan ir-regolament, l-azzjoni tagħhom tkun preskritta.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, l-azzjonijiet dwar responsabbiltà ta’ natura mhux kuntrattwali jaqgħu preskritti ħames snin wara li jkun seħħ il-fatt li jkun ta lok għad-dannu. Il-preskrizzjoni tiġi interrotta kemm bil-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjoni kompetenti. Madankollu, f’dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jkun ippreżentat f’terminu ta’ xahrejn.

30      Mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, meta jimmaterjalizza d-dannu li jrid jiġi kkumpensat. Għaldaqstant, fir-rigward tal-każijiet fejn ir-responsabbiltà tal-Unjoni għandha l-oriġini tagħha f’att normattiv, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-effetti dannużi ta’ dan l-att ġew prodotti u, għaldaqstant, qabel il-mument fejn il-persuni kkonċernati kellhom jiġu suġġetti għal dannu ċert (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C‑51/05 P, Ġabra p. I‑5341, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 314/2004 ma setax jibda jipproduċi l-effetti allegatament dannużi fir-rigward tar-rikorrenti ħlief mill-adozzjoni, fis-16 ta’ April 2007, tar-Regolament Nru 412/2007, li ssostitwixxa l-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 minn anness li jinkludi, b’mod partikolari, l-isem tal-ewwel rikorrent. Peress li dan ir-rikors ġie ppreżentat fit-13 ta’ April 2012, jidher biċ-ċar li l-azzjoni tar-rikorrenti ma hijiex preskritta.

32      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-azzjoni għad-danni bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija rimedju awtonomu, li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fil-kuntest tas-sistema tar-rimedji u li huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju maħsuba fid-dawl tal-għan speċifiku tiegħu. Hija differenti minn rikors għal annullament peress li l-għan tagħha ma huwiex it-tneħħija ta’ miżura speċifika, iżda l-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Ġunju 2006, Danzer vs Il‑Kunsill, T‑47/02, Ġabra p. II‑1779, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      B’hekk ġie deċiż li anki l-eżistenza ta’ deċiżjoni individwali li saret definittiva ma tistax tipprekludi l-ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni, bl-eċċezzjoni tal-każ partikolari fejn dan ir-rikors intiż, fir-realtà, għall-irtirar ta’ din id-deċiżjoni individwali, bħalma huwa l-każ meta r-rikors għad-danni jfittex il-ħlas, mir-rikorrent, ta’ somma fejn l-ammont jikkorrispondi preċiżament għal dak li jkun tħallas mir-rikorrent fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-26 ta’ Frar 1986, Krohn Import-Export vs Il‑Kummissjoni, 175/84, Ġabra p. 753, punti 32 u 33; ara wkoll is-sentenza Danzer vs Il‑Kunsill, punt 32 iktar ’il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 277 TFUE, minkejja l-iskadenza tat-terminu stabbilit fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward ta’ dak l-att.

35      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-atti li jagħtu lok għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti huma ta’ natura partikolari, peress li jappartjenu, fl-istess ħin, għall-atti b’portata ġenerali sa fejn jiddefinixxu l-kriterji li persuna għandha tissodisfa sabiex tkun is-suġġett ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi u sa fejn jipprojbixxu lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom, u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, punt 56, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il‑Kunsill, T‑187/11, punti 85 u 86). Minn dan jirriżulta li, sa fejn ir-Regolamenti Nri 314/2004 u 412/2007 jikkostitwixxu atti ta’ portata ġenerali, ir-rikorrenti jistgħu jinvokaw, insostenn tar-rikors għad-danni tagħhom, illegalitajiet allegati ta’ dawn ir-regolamenti, minkejja l-fatt li huma ma ppreżentawx rikors għal annullament fir-rigward tagħhom. L-argument f’sens kuntrarju tal-Kunsill li l-Artikolu 277 TFUE “ma jidderogax mill-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja” ma setax jintlaqa’. B’hekk ġie rrilevat (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-imsemmi artikolu kien għadu ma skadiex matul il-preżentata ta’ dan ir-rikors u ma jeżisti ebda raġuni sabiex dan l-artikolu jista’ jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE f’dan il-każ.

 Fuq id-dannu allegat li jirriżulta mid-detenzjoni tal-ewwel rikorrent fl-ajruport ta’ Heathrow

36      Għandu jingħata bidu permezz tal-eżami tar-rikors sa fejn dan jirrigwarda l-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mill-ewwel rikorrent, minħabba d-detenzjoni tiegħu fl-ajruport ta’ Heathrow (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi ta’ dan l-inċident u r-raġunijiet li għalihom l-ewwel rikorrent ġie rrifjutat l-aċċess għat-territorju tar-Renju Unit jew it-tranżitu mill-ajruporti tiegħu huma esposti f’ittra tat-28 ta’ Awwissu 2007, mibgħuta mit-Treasury Solicitor’s Department (Servizz legali tal-Gvern tar-Renju Unit) lill-kunsilliera tal-ewwel rikorrent u prodotta mir-rikorrenti fl-anness għar-rikors tagħhom.

38      Minn din l-ittra jirriżulta li, matul il-wasla tiegħu fl-ajruport ta’ Heathrow, fil-25 ta’ Mejju 2007, l-ewwel rikorrent ġie nnotifikat deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tar-Renju Unit li rrifjutatlu l-aċċess. Din id-deċiżjoni kienet ittieħdet abbażi tal-Artikolu 8B tal-Immigration Act 1971 (Liġi tal-1971 fuq l-immigrazzjoni) bħalma din il-liġi ġiet emendata. Din id-dispożizzjoni tawtorizza lis-Segretarju tal-Istat li jindika, b’mod partikolari, att meħud mill-Kunsill, bħal “att indikat” għall-bżonnijiet ta’ dan l-artikolu, f’liema każ kull persuna maħtura fl-att inkwistjoni għandha tiġi rrifjutata l-aċċess għat-territorju tar-Renju Unit.

39      Madankollu, skont din l-istess ittra, irriżulta minn eżami mill-ġdid li, fil-ħin tal-wasla tal-ewwel rikorrent fl-ajruport ta’ Heathrow, id-Deċiżjoni 2007/235 kienet għadha ma ġietx indikata mis-Segretarju tal-Istat skont l-Artikolu 8 B tal-Immigration Act 1971 u li, konsegwentement, din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx tippermetti li jiġi rrifjutat l-aċċess lill-ewwel rikorrent għat-territorju tar-Renju Unit. Għaldaqstant, it-Treasury Solicitor’s Department, fl-ittra tiegħu msemmija iktar ’il fuq, informa lill-kunsillieri tal-ewwel rikorrent li d-deċiżjoni inizjali li rrifjutatlu l-aċċess għat-territorju tar-Renju Unit kellha tiġi rtirata u ssostitwita minn waħda ġdida, li hija fl-istess sens, meħuda mis-Segretarju tal-Istat fuq il-bażi tal-ħames subparagrafu tal-paragrafu 321A tal-Immigration Rules (regoli fuq l-immigrazzjoni tar-Renju Unit), li bis-saħħa tiegħu l-awtorizzazzjoni ta’ dħul ta’ persuna fuq it-territorju tar-Renju Unit jista’ jiġi annullat jekk jidher, abbażi tal-informazzjoni li għandhom l-awtoritajiet kompetenti, li tali annullament huwa “ġġustifikat mill-ġid pubbliku”.

40      Dawn l-ispjegazzjonijiet ma huma bl-ebda mod kontradetti mir-rikorrenti u, barra minn hekk, huma rrepetuti fir-rikors u f’dikjarazzjoni tal-ewwel wieħed minnhom, annessa magħha. Minn dan jirriżulta li d-dannu allegat mill-ewwel rikorrent minħabba r-rifjut ta’ dħul fit-territorju tar-Renju Unit li ġie oppost u tad-detenzjoni tiegħu fl-ajruport ta’ Heathrow matul il-lejl, qabel ma jaqbad l-għada filgħodu titjira ta’ ritorn għal Ħarare, isib l-oriġini immedjat tiegħu f’deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru.

41      Ir-rikorrenti jikkunsidraw madankollu li teżisti rabta’ kawżali bejn dan id-dannu u l-adozzjoni tar-Regolament Nru 412/2007. F’dan il-kuntest, huma jfakkru li l-Pożizzjoni Komuni 2004/161 li, mill-emenda tal-anness tagħha permezz tad-Deċiżjoni 2007/235, kienet tirrigwarda wkoll l-ewwel rikorrent, ma għandhiex effett legalment vinkolanti fid-dritt tal-Istati Membri. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tagħhom, li kien il-fatt li l-ewwel rikorrent “kien is-suġġett ta’ miżura ta’ ffriżar tal-assi tiegħu b’applikazzjoni tar-Regolament [Nru 314/2004], li kien jawtorizza l-awtoritajiet [tar-Renju Unit] li jirrifjut[awlu] l-aċċess għal raġunijiet diskrezzjonali ta’ rifjut li jidhru f’paragrafu 5 tar-Regola 321A tal-Immigration Rules”.

42      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

43      Irrispettivament mir-raġunijiet li wasslu lill-awtoritajiet tar-Renju Unit li jannullaw l-awtorizzazzjoni ta’ dħul tal-ewwel rikorrent u li jirrifjutawlu b’hekk, l-aċċess għat-territorju tagħhom u t-tranżitu mill-ajruporti tagħhom, il-punt rilevanti huwa li d-deċiżjoni, ittieħdet mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom sovrani relatati mal-kontroll ta’ aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, li ma humiex membri tal-Unjoni, fit-territorju ta’ dan l-Istat. Hija din id-deċiżjoni li tat lok għad-detenzjoni tal-ewwel rikorrent fl-ajruport ta’ Heathrow, kif ukoll għar-ritorn lura tiegħu permezz ta’ titjira diretta bi tluq minn Heathrow, dawn l-avvenimenti li allegatament ikkawżaw id-dannu subit minn dan tal-aħħar. Huwa għaldaqstant biss bejn din id-deċiżjoni, minn naħa, u d-dannu li jallega l-ewwel rikorrent, min-naħa l-oħra, li tista’ teżisti rabta ċerta u diretta bejn kawża u effett, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, jekk wieħed jassumi anki jekk huwa l-iffriżar tal-assi tal-ewwel rikorrent li wassal lill-awtoritajiet tar-Renju Unit għad-deċiżjoni li jirrifjutawlu l-aċċess għat-territorju tagħhom, l-allegat dannu mġarrab minnu li jirriżulta minn dan ir-rifjut ma jirriżultax b’mod suffiċjentement dirett mill-iffriżar tal-assi inkwistjoni, kif teħtieġ l-istess ġurisprudenza.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, l-Artikolu 4(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ma jħallux d-dħul, jew it-tranżitu minn, ġewwa t-territorji tagħhom tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, inkluż f’dan, l-ewwel rikorrent. Madankollu, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill (C‑354/04 P, Ġabra p. I‑1579, punti 51 sa 57) u Segi et vs Il‑Kunsill (C‑355/04 P, Ġabra p. I‑1657, punti 51 sa 57) jirriżulta li pożizzjoni komuni bħal dik prevista fit-Titoli V u VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni tagħha preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona, ma kinitx intiża jkollha hija stess effett legali fir-rigward ta’ terzi, bħal f’dan il-każ fir-rigward tal-ewwel rikorrent. Huwa b’hekk li, kif jirriżulta mill-Artikolu 46 tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona, ebda kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali ma kienet prevista fir-rigward tal-atti adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet differenti tat-Titolu V tal-istess trattat li jikkonċerna l-PESK.

45      Barra minn hekk, ir-rikorrenti, evidentement konxji tal-assenza ta’ kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors għad-danni intiż għall-kumpens għad-dannu allegat li jirriżulta mill-adozzjoni ta’ Pożizzjoni Komuni abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat UE, fil-verżjoni tagħha preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona, ma jsostnux, fir-rikors tagħhom, li d-dannu li qed ifittxu l-kumpens tiegħu jsib l-oriġini tiegħu, kollu jew parzjalment, fl-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161. Huma jallegaw li dan id-dannu jirriżulta mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 314/2004. Dan ma jistax ikun il-każ fir-rigward tad-dannu allegat li jirriżulta mid-detenzjoni tal-ewwel rikorrent fl-ajruport ta’ Heathrow, ir-Regolament Nru 314/2004 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li twaqqaf id-dħul tal-ewwel rikorrent fir-Renju Unit, jew it-tranżitu ta’ dan mit-territorju ta’ dan l-Istat.

46      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ma teżisti ebda rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors, jiġifieri l-adozzjoni tar-Regolament Nru 412/2007, sa fejn tkun allegatament ivvizzjata b’illegalità, u d-dannu allegat mill-ewwel rikorrent minħabba dan l-inċident (ara l-punt 21 iktar ’il fuq, l-ewwel, it-tielet u s-sitt inċiż). Waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE ma hijiex, għaldaqstant, issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat, sa fejn jirrigwarda l-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mill-ewwel rikorrent, minħabba d-detenzjoni tiegħu fl-ajruport ta’ Heathrow, jiġifieri, konkretament, sa fejn dan jirrigwarda l-ispejjeż tat-titjira u tal-kamra tal-lukanda mitlufin mill-ewwel rikorrent, l-ispejjeż għall-qorti li ntefqu minn dan tal-aħħar sabiex jikkontesta quddiem il-qrati kompetenti tar-Renju Unit id-deċiżjoni li jiġi rrifjutat l-aċċess għal dan l-Istat Membru u d-dannu “li ma huwiex ta’ natura pekunjarja”, fi kliem morali ieħor, li jallega li ġarrab minħabba dan l-inċident (ara l-punt 21 iktar ’il fuq, rispettivament l-ewwel inċiż, it-tielet inċiż u s-sitt inċiż).

 Fuq id-danni l-oħra

47      Fir-rigward tad-danni l-oħra, għandhom jiġu analizzati l-ilmenti differenti li r-rikorrenti jinvokaw sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni neċessarja għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tal-illegalità tal-aġir allegat, hijiex f’dan il-każ issodisfatta.

48      Ir-rikorrenti jressqu diversi lmenti sabiex juru n-natura illegali tal-aġir tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 314/2004 u 412/2007. L-ewwel nett, huma jinvokaw essenzjalment żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sa fejn huma kkunsidraw li kellu jitniżżel l-isem tal-ewwel rikorrent fuq il-lista ta’ persuni koperti mill-iffriżar tal-assi stabbilit mir-Regolament Nru 314/2004. It-tieni nett, huma jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolamenti kkontestati fir-rigward tal-ewwel rikorrent, li jikser id-drittijiet tad-difiża tiegħu u jċaħħdu minn kull protezzjoni ġudizzjarja effettiva. It-tielet nett, huma jinvokaw użu ħażin ta’ poter. Ir-raba’ nett, huma jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-ewwel rikorrent, fir-rigward ta’, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni dwar jekk jibqax jissemma ismu fl-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004, li, fil-fehma tagħhom, kellu jkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid regolari min-naħa tal-imsemmija istituzzjonijiet.

49      Sabiex jiżviluppaw dawn l-ilmenti differenti, ir-rikorrenti jitilqu mill-premessa li tipprovdi li l-fatt biss li l-ewwel rikorrent kien Viċi Ministru ma kienx bażi suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-inklużjoni ta’ ismu fuq l-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 u l-iffriżar tal-assi tiegħu. Huma b’hekk jilmentaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kemm żball manifest ta’ evalwazzjoni, inkwantu dawn ibbażaw ruħhom ħażin fuq dan il-fatt biss sabiex jikkonkludu li l-ewwel rikorrent kien responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn dawn naqsu milli jipprovdu motivazzjoni suffiċjenti għall-iffriżar tal-assi tiegħu. L-ilment tagħhom ibbażat fuq allegat użu ħażin ta’ poter huwa bbbażat ukoll, essenzjalment, fuq l-istess bażi. Min-naħa tagħhom, l-istituzzjonijiet konvenuti jsostnu li l-inklużjoni ta’ isem l-ewwel rikorrent fl-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 legalment ġie deċiż fuq il-bażi biss tal-kwalità tiegħu ta’ Viċi Ministru, mingħajr ma kien neċessarju li tiġi ġġustifikata b’riferiment għall-provi oħra.

50      Dan l-argument tar-rikorrenti jqajjem id-domanda preliminari tal-identifikazzjoni tal-motivi li ġġustifikaw l-iffriżar tal-assi tal-persuni msemmija mir-Regolament Nru 314/2004, li fosthom kien jidher l-isem tal-ewwel rikorrent wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 412/2007. B’mod konkret, dan jinvolvi li jiġi ddeterminat jekk, skont il-kunċett tal-awturi ta’ din il-miżura, l-iffriżar tal-assi stabbilit kienx iġġustifikat, fir-rigward tal-ewwel rikorrent, mill-kwalità tiegħu biss ta’ membru tal-Gvern taż-Żimbabwe jew ukoll minn motivi oħra, li għandu, jekk ikun il-każ, jiġi identifikat.

 Fuq il-motivi ta’ ffriżar tal-assi tal-ewwel rikorrent u fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni

51      Qabelxejn għandu, jitfakkar li r-Regolament Nru 314/2004 ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. L-Artikolu 60(1) KE jipprovdi li “[j]ekk, fil-każijiet kontemplati fl-Artikolu 301 [KE], azzjoni mill-Komunità tiġi kkunsidrata meħtieġa, il-Kunsill jista’ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301 [KE], jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni”. Min-naħa tagħha, l-Artikolu 301 KE jipprovdi li “[m]eta jkun hemm, f’pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il-provvedimenti tat-Trattat [UE, fil-verżjoni tagħha preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona] li jirrigwardaw il-[PESK], provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.”

52      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-kliem tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, b’mod partikolari tal-kliem, “għar-rigward tal-pajjiżi terzi inkwistjoni” u “ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar” li jinsabu fihom, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru l-adozzjoni ta’ miżuri kontra pajjiżi terzi, peress li dan l-aħħar kunċett jista’ jinkludi l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 166, u tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il‑Kunsill, C‑376/10 P, punt 53).

53      Għandhom jitfakkru wkoll il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 314/2004, li jispjegaw il-motivi tal-adozzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament li l-kontenut tiegħu jitfakkar fil-punt 5 iktar ’il fuq. Dawn il-premessi huma mfasslin b’dan il-mod:

“(4)      Il-miżuri restrittivi provduti mill-Posizzjoni Komuni 2004/161/PESK jinkludu, [...] l-iffriżar ta’ fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u ta’ kull persuna naturali jew ġuridika, entitajiet jew istituzzjonijiet assoċjati magħhom.

(5)       Dawn il-miżuri jaqgħu taħt l-iskop tat-Trattat u, għalhekk, biex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-liġi tal-Komunità hija neċessarja biex jiġu implimentati [...]”

54      F’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 412/2007, il-premessa 2 tiegħu tirrileva sempliċement li “[i]d-Deċiżjoni 2007/235/PESK [...] temenda l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK” u li “[g]ħaldaqstant, l-Anness III tar-Regolament [...] Nru 314/2004 għandu jiġi emendat konsegwentement” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-Regolament Nru 412/2007 jinkludi biss żewġ artikoli, l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipproċedi sempliċement, konformi mal-anness tiegħu, għall-emenda tal-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 u l-Artikolu 2 tal-istess regolament li jippreċiża d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

55      Għandhom wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 u tad-Deċiżjoni 2007/235, miġbura fil-qosor fil-punt 2 u fil-punt 8 iktar ’il fuq rispettivament, li jagħmlu parti mill-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 314/2004 u 412/2007 u ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

56      F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru wkoll il-kliem tal-premessi 2, 6 u 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, li huma hekk ifformulati:

“(2)      Skond il-Pożizzjoni Komuni 2002/145/PESK il-Kunsill impona ukoll divjet ta’ vjaġġar u l-iffriżar tal-fondi fil-konfront tal-Gvern taż-Żimbabwe u persuni illi għandhom responsabbiltà kbira għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà ta’ l-opinjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ assemblea pażifika.

[…]

(6)       Fid-dawl tad-deterjorazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe, il-mużuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea għandhom jiġġeddu [...].

(7)      L-għan ta’ dawn il-miżuri restrittivi huwa li jħeġġeġ in-nies immirati jirrifjutaw il-politiki li jwasslu għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-iggvernar tajjeb.”

57      Mill-qari tal-premessi u tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq moqrija flimkien jirriżulta li, billi jiġi adottat l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 314/2004, il-Kunsill ried jiffriża l-assi tal-“membri tal-Gvern taż-Żimbabwe”, li l-ismijiet tagħhom kienu msemmija fl-Anness III tal-imsemmi regolament, fid-dawl tal-kwalità tagħhom biss ta’ membru tal-Gvern tal-imsemmi Stat. Billi jixhed, b’mod partikolari, ir-riferiment, fil-premessa 2 u fl-Artikolu 5(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, għal żewġ kategoriji distinti ta’ persuni li għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżura ta’ iffriżar tal-assi, jiġifieri, minn naħa, il-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u, min-naħa l-oħra, “persuni illi għandhom responsabbiltà kbira għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà ta’ l-opinjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ assemblea paċifika.”

58      L-emenda tar-riferiment relatat mal-ewwel rikorrent fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 u [fl-Anness III] tar-Regolament Nru 314/2004, imwettqa permezz tad-Deċiżjoni 2007/455 u r-Regolament Nru 777/2007 rispettivament (ara l-punti 10 u 12 iktar ’il fuq), ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, l-espressjoni “b’hekk” fil-paragrafu miżjud għal dan ir-riferiment jindika li huwa, fir-rigward tal-ewwel rikorrent, is-sempliċi kwalità ta’ membru ta’ gvern implikat f’attivitajiet li jikkostitwixxu minaċċja serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt, li ġġustifika li huwa jkun kopert mill-miżuri kkonċernati mill-imsemmija pożizzjoni komuni. Fi kliem ieħor, kien jirrigwarda l-evidenza ta’ sempliċi preċiżjoni u mhux ta’ emenda ta’ din il-ġustifikazzjoni.

59      L-argumenti f’sens kuntrarju mressqa mir-rikorrenti lanqas jistgħu jwasslu għal konklużjoni differenti.

60      Fl-ewwel lok, dawn jirreferu għall-premessa 2 tar-Regolament Nru 314/2004, li hija hekk fformulata:

“Il-Kunsill jibqa’ jikkonsidra li madankollu l-Gvern taż-Żimbabwe għadu jwettaq vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem. Għalhekk, sakemm jibqgħu l-vjolazzjonijiet, il-Kunsill jara li hu neċessarju li jżomm il-miżuri restrittivi kontra il-Gvern taż-Żimbabwe u dawk responsabbli għall-dawn il-vjolazzjonijiet.”

61      Skont ir-rikorrenti, dan ir-riferiment huwa konformi mal-kuntest tal-imsemmi regolament, fid-dawl ukoll tar-riferiment, fil-premessa 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, għal pożizzjoni komuni oħra adottata preċedentement li “tipprovdi tiġdid tal-miżuri restrittivi previsti mill-Posizzjonji Komuni 2002/145 [lill-persuni oħra] responsabbli għall-dawn il-vjolazzjonijiet” imsemmija fil-premessa 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161.

62      L-argument li r-rikorrenti jirsistu li jisiltu mill-premessi msemmija iktar ’il fuq ma jistax jintlaqa’. Ir-riferiment, fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 314/2004, fiċ-ċirkustanza li, skont il-Kunsill, il-Gvern taż-Żimbabwe għadu jwettaq vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, ma jfissirx li l-Kunsill kien qed jikkritika individwalment lil kull membru tal-imsemmi gvern tal-vjolazzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-bniedem, li għalihom dan il-membru huwa personalment responsabbli. Tali riferiment huwa perfettament kompatibbli ma’ deċiżjoni li tiġi imposta fuq il-membri kollha tal-gvern inkwistjoni l-iffriżar tal-assi tagħhom, minħabba l-kwalità sempliċi tagħhom ta’ membru ta’ gvern, responsabbli b’hekk, li wettaq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

63      Dan il-qari tal-premessa inkwistjoni huwa kkonfermat mit-tieni sentenza li tiddistingwi b’mod ċar bejn “il-Gvern taż-Żimbabwe” u “dawk responsabbli għall-dawn il-vjolazzjonijiet”, li, fi kliem ieħor, jikkonsisti effettivament fl-istess distinzjoni diġà msemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq.

64      Barra minn hekk, il-premessa 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, invokata wkoll mir-rikorrenti, hija mingħajr rilevanza, sa fejn tikkonsisti f’sempliċi tfakkira tal-kontenut ta’ pożizzjoni komuni oħra li emendat il-Pożizzjoni Komuni 2002/145. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li t-tul tal-validità ta’ din l-aħħar pożizzjoni komuni skadiet fl-20 ta’ Frar 2004 u li hija ġiet issostitwita mill-Pożizzjoni Komuni 2004/161.

65      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jirreferu għall-Artikolu 4(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Huma jsostnu li l-unika kwalità ta’ Viċi Ministru tal-ewwel rikorrent ma turix l-implikazzjoni tiegħu f’attivitajiet li jikkostitwixxu minaċċja serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe.

66      Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. L-Artikolu 4(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 jikkonċerna l-projbizzjoni, fir-rigward tal-persuni fiżiċi li isimhom huwa msemmi fl-Anness tal-imsemmi pożizzjoni komuni, ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ passaġġ jew tranżitu minnhom. Din hija, kif jirriżulta mill-punt 44 iktar ’il fuq, miżura li kienet tappartjeni lill-Istati Membri li jieħdu huma stess. Ir-Regolament Nru 314/2004 ma jinkludi ebda dispożizzjoni f’dan is-sens. Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li l-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-imsemmija pożizzjoni komuni ma ġietx imposta fuq il-persuni kkonċernati, fosthom l-ewwel rikorrent, fid-dawl tal-kwalità tagħhom biss ta’ membru tal-Gvern taż-Żimbabwe, dan l-uniku fatt huwa mingħajr rilevanza għall-motivi ta’ impożizzjoni, fuq l-istess persuni, ta’ ffriżar tal-assi tagħhom. Fil-fatt, l-Artikolu 5(1) tal-istess pożizzjoni komuni, dwar l-iffriżar tal-assi, li l-kliem tiegħu jitfakkar fil-punt 2 iktar ’il fuq, ma jinkludix riferiment għall-attivitajiet tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe, analogu għal dak li jinstab fl-Artikolu 4(1) tal-istess pożizzjoni komuni.

67      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jirreferu, minn naħa, għall-fatt li, matul it-tneħħija ta’ ismu mill-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), l-ewwel rikorrent dejjem kien Viċi Ministru u li huwa kompla jeżerċita din il-funzjoni anki wara din it-tneħħija u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li ċerti Ministri jew Viċi ministri oħra, membri tal-Gvern taż-Żimbabwe maħtura fi Frar 2009, ma ġewx imposti ffriżar analogu tal-assi tagħhom. Skont ir-rikorrenti, minn dan jirriżulta li l-post ta’ Viċi Ministru okkupat mill-ewwel wieħed ma kienx, fih innifsu, suffiċjenti biex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista ta’ persuni koperti mill-iffriżar tal-assi tagħhom imposta mir-Regolament Nru 314/2004.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li, wara l-inklużjoni tal-isem tal-ewwel rikorrent fil-lista ta’ persuni koperti mill-iffriżar tal-assi tagħhom imposta mir-Regolament Nru 314/2004, is-sitwazzjoni politika fiż-Żimbabwe għaddiet minn bidla kbira bil-firma, fil-15 ta’ Settembru 2008, tal-Global Political Agreement (ftehim politiku globali, iktar ’il quddiem il-“GPA”) bejn, minn naħa waħda, il-parti tal-Gvern, Zanu PF, u, min-naħa l-oħra, iż-żewġ formazzjonijiet tal-parti tal-oppożizzjoni, MDC. Il-GPA kien jipprevedi, b’mod partikolari, il-ħatra ta’ Morgan Tsvangirai, kap tal-MDC, fil-pożizzjoni ta’ Prim Ministru kif ukoll il-ħatra ta’ gvern ġdid, magħmul minn żewġ Viċi Prim Ministri, proposti miż-żewġ formazzjonijiet tal-MDC, 31 Ministru, li minnhom ħmistax proposti miż-Zanu PF u sittax proposti miż-żewġ formazzjonijiet ta’ MDC, kif ukoll ħmistax-il Viċi Ministru, li minnhom tmienja proposti miż-Zanu PF u seba’ proposti miż-żewġ formazzjonijiet ta’ MDC. Il-ħatra ta’ dan il-gvern il-ġdid ġiet finalment adottata fi Frar 2009.

69      Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp importanti, ma jistax jissielet l-argument tan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-isem tal-Ministri maħtura bħala membri tal-Gvern taż-Żimbabwe wara l-GPA fil-lista ta’ persuni koperti mill-iffriżar tal-assi tagħhom previst mir-Regolament Nru 314/2004, sabiex jiġi allegat, kif jagħmlu r-rikorrenti, li, fl-2007, meta fuq l-ewwel rikorrent ġie impost dan l-iffriżar, il-Kunsill kellux l-intenzjoni li jiffriża l-assi tiegħu għall-uniku motiv li kien membru tal-Gvern taż-Żimbabwe. Din il-kunsiderazzjoni hija mingħajr ħsara għall-eżami, iktar ’il quddiem, tal-legalità kemm tad-deċiżjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-ewwel rikorrent kif ukoll tad-deċiżjoni li ma titneħħix, fir-rigward tiegħu, din il-miżura fi Frar 2009. Dan jinvolvi hemmhekk kwistjonijiet distinti minn dik tal-identifikazzjoni tal-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tal-ewwel rikorrent fil-lista tal-persuni li l-assi tagħhom ġew iffriżati skont ir-Regolament Nru 314/2004.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-ewwel rikorrent ġie impost iffriżar tal-assi għall-uniku motiv tal-kwalità tiegħu ta’ Viċi Ministru. Din il-konklużjoni tippermetti li jiġi miċħud mill-bidu, bħala infondat, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, sa fejn, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 314/2004 jindika ċarament li l-Kunsill kien ried jiffriża l-assi tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u fejn l-Anness III tal-istess regolament, kif emendat mir-Regolament Nru 412/2007, isemmi l-kwalità ta’ Viċi Ministru tal-ewwel rikorrent, għandu jiġi konkluż li jinkludi espożizzjoni suffiċjenti tal-motivi li jiġġustifikaw l-iffriżar tal-assi ta’ dan tal-aħħar.

71      Il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill ikkunsidrax korrettament li din il-kwalità tal-ewwel rikorrent kienet suffiċjenti biex tiġġustifika, fiha nfisha, l-iffriżar tal-assi tiegħu ma jikkonċernax l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, iżda l-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67, u tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35). Hija din il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata sussegwentement, li teħtieġ li jitwettaq eżami tal-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin tal-poter.

 Fuq l-ilmenti bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin tal-poter

72      Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 36), li, fir-rigward tar-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, skont pożizzjoni komuni adottata taħt il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK). Peress li l-qorti Komunitarja ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-provi, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’dik tal-Kunsill, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ limitat japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-opportunità li fuqhom ikunu bbażati tali miżuri.

73      Madankollu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll f’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ pajjiż terz, fis-sens tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, iċċitati fil-punt 52 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fil-qasam, il-Kunsill, meta jkollu l-intenzjoni li jadotta, fuq il-bażi ta’ dawn l-artikoli, miżuri restrittivi kontra l-mexxejja ta’ tali pajjiż kif ukoll individwi u entitajiet li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom, jista’, ċertament, jiddefinixxi b’mod kemxejn wiesgħa ċ-ċirku tal-mexxejja u tal-assoċjati tagħhom li ser ikunu s-suġġett ta’ miżuri li għandhom ikunu adottati, iżda ma jistax jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżuri lill-persuni jew lill-entitajiet li ma jaqgħux la taħt waħda u lanqas taħt l-oħra tal-kategoriji msemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tay Za vs Il‑Kunsill, punt 52 iktar ’il fuq, punt 63).

74      Barra minn hekk, f’każ fejn il-Kunsill jiddefinixxi b’mod astratt il-kriterji li jistgħu jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna, jew ta’ entità, fil-lista tal-ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi adottati fuq il-bażi taż-żewġ artikoli msemmija iktar ’il fuq, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika, fuq il-bażi tal-motivi mqajma mill-persuna jew l-entità kkonċernata jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, jekk il-każ tagħha jikkorrispondix għall-kriterji astratti iddefiniti mill-Kunsill. Dan l-istħarriġ jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati bħala li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-isem tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni fil-lista tal-ismijiet ta’ dawk li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, kif ukoll għall-verifika tal-provi u ta’ informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali għandha wkoll tiżgura ruħha li d-drittijiet tad-difiża u r-rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward jiġu rrispettati kif ukoll, fejn xieraq, mill-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi invokati eċċezzjonalment mill-Kunsill sabiex ma jirrispettax dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, punt 72 iktar ’il fuq, punt 37).

75      F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-ewwel rikorrent kien, fiż-żmien tal-inklużjoni ta’ ismu fl-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004, Viċi Ministru taż-Żimbabwe u li huwa żamm din il-kwalità matul il-perijodu kollu li matulu ismu kien jidher f’dan l-Anness.

76      Ir-rikorrenti jsostnu li għandu “jiġi ddeterminat sa liema punt Viċi Ministru jgawdi minn setgħa eżekuttiva” u jressqu diversi kunsiderazzjonijiet sabiex juru li l-awtorità tal-ewwel rikorrent kien “strettament limitat għar-responsabbiltajiet li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu” u li ma kienet teżisti ebda “rabta bejn il-portafolli ministerjali tal-[ewwel rikorrent] u r-restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, għall-Istat tad-dritt jew għad-demokrazija”.

77      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li Viċi Ministru jaqa’ taħt “mexxejja” ta’ pajjiż terz, f’dan il-każ taż-Żimbabwe, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq u tal-“membri tal-Gvern” ta’ dan il-pajjiż, fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 u tar-Regolament Nru 314/2004. Konsegwentement, ebda żball ta’ fatt ma jista’ jiġi kkritikat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sa fejn huma applikaw għall-ewwel rikorrent il-miżura restrittiva ta’ ffriżar tal-assi tiegħu wara l-ħatra tiegħu bħala Viċi Ministru.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti miġbura fil-qosor fil-punt 76 iktar ’il fuq jistgħu jiġu eżaminati biss mill-perspettiva ta’ eventwali żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill, sa fejn huwa pprovda, matul l-adozzjoni tar-Regolament Nru 314/2004, miżura restrittiva, li tikkonsisti f’iffriżar tal-assi tagħhom, fir-rigward tal-membri kollha tal-Gvern taż-Żimbabwe, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn dawk li l-attivitajiet jew il-kompetenzi tagħhom jippreżentaw rabta mal-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż, ikkonstatati mill-Kunsill (ara l-premessa 1 tar-Regolament Nru 314/2004) u dawk li għalihom rabta ta’ din in-natura ma setgħetx tiġi stabbilita.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jallegaw li din il-kawża “ma tikkonċernax allegata illegalità fil-formulazzjoni tar-regoli” li jirregolaw l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna fil-lista tal-persuni suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom, iżda l-applikazzjoni tal-imsemmija regoli. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 77 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-kriterju użat f’dan il-każ, tas-sempliċi kwalità ta’ membru tal-Gvern taż-Żimbabwe tal-persuna kkonċernata, ir-regoli rilevanti ġew korrettament applikati f’dan il-każ.

80      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kunsill wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-formulazzjoni tal-imsemmija regoli, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, fid-dawl, minn naħa, tal-għan tal-iffriżar ta’ assi inkwistjoni, li jikkonsisti f’li “jħeġġeġ in-nies immirati jirrifjutaw il-politiki li jwasslu għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-iggvernar tajjeb” (premessa 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, ara l-punt 56 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill fil-qasam (ara l-punt 72 iktar ’il fuq), li tali żball ma jistax jiġi kkritikat lill-Kunsill.

81      Ir-rikorrenti jsostnu li r-reklutaġġ ta’ individwu fil-mekkaniżmi demokratiċi ta’ pajjiżu, fejn id-demokrazija taħdem b’mod imperfett u fil-preżenza ta’ vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Istat ta’ dritt, ma jistax jiġġustifika, fir-rigward tiegħu, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. It-teżi kuntrarja tiskredita d-demokrazija.

82      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Kif jirriżulta mill-premessi u d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 8 iktar ’il fuq, fil-mument tal-istabbiliment, permezz tar-Regolament Nru 314/2004, tal-miżura inkwistjoni ta’ iffriżar tal-assi, kif ukoll fil-mument tal-inklużjoni, fl-2007, tal-isem tal-ewwel rikorrent fil-lista tal-persuni suġġetti għal din il-miżura, il-Kunsill jikkunsidra li l-Gvern taż-Żimbabwe kien responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż. Fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni, li r-rikorrenti ma jridux jikkontestaw, il-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, iqis li persuna kkonċernata minn parteċipazzjoni fil-“mekkaniżmi demokratiċi ta’ pajjiżu” ma kellux isir membru ta’ tali gvern qabel ma dan, jew ieħor li jissostitwih, ma jiċħadx il-politika li kellhom bħala effett it-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà tal-espressjoni u tal-iggvernar tajjeb.

83      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-kunċett ta’ “sanzjonijiet fil-mira” li taħtu jaqa’ l-iffriżar inkwistjoni tal-assi, jimplika neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-attivitajiet individwali tal-persuni msemmija. Fil-fehma tagħhom, l-għan ta’ dawn is-sanzjonijiet huwa li jiġu identifikati l-persuni responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem inkwistjoni.

84      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirreferu għad-dokument tal-Kunsill 15114/05, tat-2 ta’ Diċembru 2005, intitolat “Linji gwida dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri ristrettivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-politika barranija u s-sigurtà komuni tal-UE”, li kopja tiegħu hija annessa mar-rikors tagħhom.

85      Huma jinvokaw, b’mod partikolari, il-paragrafu 14 tal-imsemmi dokument, li, intitolat “miżuri fil-mira” jirrileva dan li ġej:

“Il-miżuri meħudin għandhom jimmiraw lejn persuni identifikati bħala li huma responsabbli tal-politiki jew tal-azzjonijiet li attivaw id-deċiżjoni tal-UE li timponi miżuri restrittivi. Tali miżuri fil-mira huma iktar effikaċi minn miżuri imposti mingħajr diskriminazzjoni u jimminimizzaw il-konsegwenzi negattivi għall-persuni li ma humiex responsabbli ta’ dawn il-politiki u azzjonijiet.”

86      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jirrigwardaw, bi kliemhom stess, il-pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, hija kwistjoni ta’ “sanzjonijiet fil-mira” meta l-miżuri ristrettivi adottati fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ artikoli ma jirrigwardawx il-pajjiż kkonċernat u l-persuni li jirrisjedu hemm jew li għandhom in-nazzjonalità, kollha, iżda biss il-persuni identifikati bħala li huma l-persuni responsabbli għall-politika jew għall-azzjonijiet li wasslu għall-impożizzjoni tal-imsemmija miżuri. Huwa preċiżament dan li jirrileva, barra minn hekk, il-paragrafu 14 tad-Dokument tal-Kunsill 15114/05, invokat mir-rikorrenti.

87      Id-domanda essenzjali magħmula hija biss dik tal-identifikazzjoni tal-persuni responsabbli inkwistjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ sanzjonijiet fil-mira. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-mexxejja ta’ pajjiż terz kif ukoll il-persuni li huma assoċjati magħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tay Za vs Il‑Kunsill, punt 52 iktar ’il fuq, punt 68). Fi kliem ieħor, skont din il-ġurisprudenza, dawn il-mexxejja u l-persuni li huma assoċjati magħhom huma mistennija jkunu responsabbli għall-politika jew għall-azzjonijiet li wasslu għall-miżuri restrittivi kkonċernati, indipendentement mill-implikazzjoni tagħhom personali fl-implementazzjoni tal-imsemmija politika u azzjonijiet. Din il-konklużjoni hija imposta b’saħansitra iktar forza fir-rigward tal-membri tal-gvern ta’ pajjiż terz li, indipendentement mill-kompetenzi individwali tagħhom fi ħdan il-gvern, għandhom jassumu r-responsabbiltà kollettiva għall-politika eżerċitata minn dan il-gvern u għall-azzjonijiet kollha mmexxija minnu.

88      Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, ibbażati fuq in-natura tagħhom ta’ sanzjonijiet fil-mira, kif ukoll tad-Dokument tal-Kunsill 15114/05, għandhom jiġu miċħuda. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet, għal din il-kawża, tal-fatt li d-Dokument tal-Kunsill 15114/05 ġie wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 314/2004.

89      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandhom jiġu esklużi l-argumenti kollha tar-rikorrenti bbażati fuq l-attivitajiet personali tal-ewwel rikorrent. Fil-fatt, dawn l-argumenti kollha jew parti kbira minnhom, li wieħed jassumihom fondati, intiżi li juru li l-ewwel rikorrent ma kienx personalment implikat fil-politika u l-azzjonijiet tal-Gvern taż-Żimbabwe msemmija mill-miżuri inkwistjoni u li eżerċita, kemm bħala persuna privata kif ukoll fil-kwalità tiegħu ta’ Ministru, influwenza pożittiva fuq pajjiżu. Dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex suffiċjenti biex juru li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jissottometti l-membri kollha tal-Gvern taż-Żimbabwe għal iffriżar tal-assi tagħhom, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn dawk li kienu personalment implikati fil-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u dawk li ma kinux.

90      Lanqas huma suffiċjenti, f’dan ir-rigward, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, li jipprovdu li l-ewwel rikorrent ipprovda s-sostenn tiegħu personali lil ċerti bdiewa bojod mhedda bl-iżgumbrament mill-art tagħhom.

91      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-provi li r-rikorrenti jinvokaw f’dan ir-rigward jikkonsistu f’ittri u dikjarazzjonijiet, in parti, preċedenti għall-ħatra tal-ewwel rikorrent bħala Viċi Ministru. Fir-rigward tal-elementi li jkollhom data wara din il-ħatra, mill-kontenut tagħhom ma jirriżultax ċarament jekk jirreferux għal avvenimenti preċedenti jew wara l-imsemmija ħatra.

92      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi aċċettat, fuq il-bażi tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, li wara l-ħatra tiegħu bħala Viċi Ministru, l-ewwel rikorrent kompla jipprovdi s-sostenn tiegħu lil ċerti bdiewa bojod mhedda bl-iżgumbrament, dan il-fatt biss huwa manifestament insuffiċjenti sabiex jippermetti li jiġi konkluż li huwa kien qiegħed ifittex, fi ħdan il-Gvern taż-Żimbabwe, politika distinta, li tmur ċarament f’sens kuntrarju għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li dan il-gvern tiegħu kien responsabbli għalihom, u li huwa pprova jtemm dawn il-vjolazzjonijiet. Huwa biss f’din l-aħħar ipoteżi fejn tista’ tkun kwistjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill sa fejn huwa naqas li jiddistingwi bejn żewġ fazzjonijiet differenti fi ħdan l-istess gvern, iżda impona mingħajr distinzjoni miżura ta’ ffriżar tal-assi għall-membri kollha tiegħu.

93      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jippermettu li jiġi miċħud bħala infondat kemm l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll dak ibbażat fuq użu ħażin tal-poter, sa fejn jirrigwardaw l-inklużjoni tal-isem tal-ewwel rikorrent fil-lista tal-persuni suġġetti għall-iffriżar tal-assi impost mir-Regolament Nru 314/2004.

94      B’mod partikolari, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, punt 72 iktar ’il fuq, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Ir-rikorrenti la invokaw argumenti, u lanqas ma pproduċew provi sabiex juru li, billi ġie impost fuq il-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe ffriżar tal-assi tagħhom u billi ġie inkluż l-isem tal-ewwel rikorrent fil-lista ta’ persuni suġġetti għal dan l-iffriżar, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu qed ifittxu għan ieħor differenti minn dak li jħeġġu l-persuni kkonċernati li jirrifjutaw il-politika li twassal għat-trażżin, f’dan il-pajjiż, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà tal-espressjoni u tal-iggvernar tajjeb. Għaldaqstant, ma tistax, f’dan il-każ, tkun kwistjoni ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, punt 72 iktar ’il fuq, punt 50).

96      Fir-realtà, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-iżvilupp tal-ilment tagħhom ibbażat fuq użu ħażin tal-poter huma mmirati, essenzjalment, li juru żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huwa minn din il-perspettiva li dawn l-argumenti ġew eżaminati iktar ’il fuq u ġew miċħuda.

97      Għandu jiġi eżaminat sussegwentement ir-rikors, sa fejn jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kwistjoni taż-żamma tal-isem tal-ewwel rikorrent fil-lista tal-ismijiet tal-persuni suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom. Konkretament, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħassrux l-isem tal-ewwel rikorrent mill-imsemmija lista qabel it-23 ta’ Frar 2011. Ser ikun eżaminat ukoll, f’dan il-kuntest, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-ewwel rikorrent sa fejn dan jikkonċerna din il-kwistjoni partikolari.

 Fuq iż-żamma tal-isem tal-ewwel rikorrent fil-lista tal-ismijiet tal-persuni li l-assi tagħhom ġew iffriżati

98      Ir-rikorrenti jfakkru li l-Pożizzjoni Komuni 2004/161, li r-Regolament Nru 314/2004 kien intiż li jimplementa, kienet tapplika għall-perijodu ta’ tnax-il xahar u kellha “tiġi riveduta kostantement” u li t-tul tal-validità tagħha, wara, ġiet estiża għal diversi tkomplijiet (ara l-punti 3 u 4 iktar ’il fuq). Skont ir-rikorrenti, għalkemm ir-Regolament Nru 314/2004 ma inkludix data ta’ skadenza, kien jinvolvi biss kwistjoni ta’ “raġuni amministrattiva”, kif jirriżulta mill-paragrafu 31 tad-Dokument tal-Kunsill 15114/05, u n-neċessità ta’ reviżjoni kostanti u regolari tapplika wkoll fir-rigward tal-opportunità taż-żamma tal-miżuri restrittivi previsti mill-imsemmi regolament.

99      Ir-rikorrenti jżidu li, peress li l-assi tal-persuni kkonċernati kienu diġà ffriżati, ebda element ta’ surpriża ma kien neċessarju u l-persuni kkonċernati, bħal f’dan il-każ l-ewwel rikorrent, setgħu ġew informati bil-motivi u bil-provi rilevanti li jiġġustifikaw it-tiġdid, fir-rigward tagħhom, tal-miżuri restrittivi u kellhom l-okkażjoni jitolbu l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħhom. Iżda l-imsemmija persuni, li fosthom hemm l-ewwel rikorrent, ma kellhomx tali garanzija proċedurali u lanqas hemm prova li eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħhom effettivament seħħ. Id-drittijiet tad-difiża tal-ewwel rikorrent ġew b’hekk totalment injorati waqt il-perijodu li matulu huwa kien is-suġġett tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, fatt li huwa manifestament illegali.

100    F’dan il-każ, ma hemmx dubju li kien jeżisti obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jeżaminaw mill-ġdid regolarment is-sitwazzjoni li ġġustifikat l-adozzjoni tal-miżuri ristrettivi inkwistjoni u l-opportunità tal-estenzjoni tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-ewwel rikorrent. Dan huwa b’mod speċjali l-każ meta dawn il-miżuri kienu jinkludu restrizzjoni fl-użu tad-dritt ta’ proprjetà tal-persuni msemmija, peress li din ir-restrizzjoni kellha barra minn hekk tiġi kkwalifikata bħala sinjifikanti, fid-dawl tal-portata ġenerali tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 358).

101    Huwa b’hekk li t-tul tal-validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 inizjalment ġie limitat għal sena u kien jinneċessita, għal estenzjoni tiegħu, deċiżjoni ġdida tal-Kunsill, neċessarjament meħuda wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni. Barra minn hekk, kif isostnu korrettament ir-rikorrenti, il-fatt li t-tul tal-validità tar-Regolament Nru 314/2004 ma kienx limitat ratione temporis kien iġġustifikat mill-motivi ta’ sempliċi raġuni amministrattiva.

102    Il-paragrafu 31 tad-Dokument tal-Kunsill 15114/05 isemmi f’dan ir-rigward dan li ġej:

“F’każijiet fejn l-istrument legali tal-PESK ikun fih data ta’ għeluq, il-ħtieġa ta’ data ta’ għeluq fir-Regolamenti li jimplimentaw l-istrument legali tal-PESK xorta ma tkunx ċara;

–        ladarba r-Regolamenti jimplimentaw l-att tal-PESK, huma jridu jiġu abrogati, jekk listrument legali tal-PESK ma jibqax applikabbli [...] F’tali sitwazzjoni, r-Regolamenti jistgħu jiġu abrogati b’effett retroattiv, iżda huwa mixtieq li dan il-perijodu jinżamm qasir kemm jista’ jkun.

–        jekk strument legali sussegwenti tal-PESK iġedded il-miżuri, jemenda d-data ta’ l-għeluq tar-Regolament jew jadotta waħda ġdida bl-istess disposizzjonijiet legali joħloq biss piż amministrattiv li għandu jiġi evitat. Speċjalment meta deċiżjonijiet dwar tiġdid jittieħdu fl-aħħar minuta, jista’ jkun hemm perijodu li fih il-miżuri ma jkunux applikabbli waqt l-istennija għal emenda jew adozzjoni ta’ Regolament [...]

Għalhekk huwa preferibbli li r-Regolament jibqa’ fis-seħħ, sakemm ikun abrogat.”

103    Madankollu, huwa evidenti li, minkejja t-tul tal-validità tar-Regolament Nru 314/2004 ma ġiex limitat ratione temporis, jekk it-tul tal-validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, li dan ir-regolament kien mistenni li jimplementa, ma kienx estiż, kemm fl-intier tiegħu kif ukoll fir-rigward biss ta’ ċerti persuni msemmija minnha, il-Kunsill u l-Kummissjoni jħassru, fir-rigward tal-persuni kkonċernati, ukoll ir-Regolament Nru 314/2004. Dan huwa fil-fatt ammess, għall-inqas impliċitament, fil-paragrafu 31 tad-Dokument tal-Kunsill 15114/05, iċċitat iktar ’il fuq.

104    Barra minn hekk, fir-risposta tiegħu, il-Kunsill ma jikkontestax l-eżistenza ta’ obbligu ta’ eżami mill-ġdid regolari tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, iżda jsostni li huma effettivament kienu s-suġġett ta’ tali eżami mill-ġdid li madankollu ma żvelax raġunijiet li setgħu jiġġustifikaw it-tħassir tagħhom qabel il-15 ta’ Frar 2011 fir-rigward tal-ewwel rikorrent. Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija tenfasizza li r-rwol tagħha kien limitat għall-eżekuzzjoni tal-atti adottati mill-Kunsill.

105    Peress li r-rikorrenti jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-ewwel rikorrent fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid regolari tal-miżuri inkwistjoni, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lilha, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fl-assenza tal-leġiżlazzjoni kollha li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27, u tad-9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punt 37). Dan il-prinċipju jeħtieġ li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li turi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar l-elementi li jistgħu jintużaw kontriha fl-att li jintervjeni (sentenza Il‑Kummissjoni vs De Bry, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

106    Madankollu, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, mill-ġurisprudenza stabbilita wkoll jirriżulta li, sabiex tali ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament tal-att inkwistjoni, hemm bżonn li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 48, u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Ottubru 2001, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, C‑241/00 P, Ġabra p. I‑7759, punt 36).

107    F’każ bħal dak f’dan il-każ, fejn ir-rikorrent ifittex, permezz ta’ rikors għad-danni, il-kumpens għad-dannu li jallega li kien ġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ att jew tal-estenzjoni tal-validità tiegħu, bi ksur tad-drittijiet tiegħu tad-difiża, u fejn din il-parti ma ppreżentatx rikors għal annullament kontra l-att inkwistjoni, b’hekk jirriżulta loġikament, kemm mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq li kunsiderazzjonijiet dwar in-neċessità tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità allegata u d-dannu invokat (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), li l-invokazzjoni biss ta’ ksur allegat tad-drittijiet tagħha tad-difiża ma hijiex suffiċjenti sabiex turi l-fondatezza tar-rikors tagħha għad-danni. Xorta għandha tingħata spjegazzjoni liema huma l-argumenti u l-elementi li l-persuna kkonċernata kienet issostni jekk id-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew irrispettati u turi, jekk ikun il-każ, li dawn l-argumenti u elementi setgħu jwasslu fil-każ tagħha għal riżultat differenti, jiġifieri, f’dan il-każ u fir-rigward tal-ewwel rikorrent, għan-nuqqas ta’ tiġdid fir-rigward tiegħu tal-miżura ristrettiva inkwistjoni ta’ ffriżar tal-assi tiegħu.

108    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma osservawx dan ir-rekwiżit. B’hekk, huma ma jispjegawx, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, liema argumenti u provi l-ewwel rikorrent seta’ jsostni fil-każ li huwa kien instema’ minn qabel għal kull tiġdid annwali tal-validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 u kif dawn l-argumenti u elementi setgħu jwasslu fir-rigward tiegħu għal riżultat differenti, jiġifieri għat-tħassir, għal data preċedenti għal 15 ta’ Frar 2011, ta’ ismu mil-lista tal-ismijiet tal-persuni suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom.

109    Konsegwentement, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kunsill kienx obbligat li jisma’ l-ewwel rikorrent qabel kull tiġdid annwali tal-validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 sa fejn din kienet tikkonċernah, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-ewwel rikorrent matul it-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni għandu jiġi eskluż bħala infondat.

110    Jibqa’ sussegwentement li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn huma ma ħassrux, qabel il-15 ta’ Frar 2011, l-isem tal-ewwel rikorrent mil-lista tal-persuni suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom skont ir-Regolament Nru 314/2004, li timplementa l-Pożizzjoni Komuni 2004/161.

111    Għandu jiġi kkonstatat li l-uniku element imsemmi fl-argument tar-rikorrenti li seta’ jippreżenta rilevanza f’dan ir-rigward huwa l-fatt li ebda wieħed mill-membri l-ġodda tal-Gvern taż-Żimbabwe, maħtura fi Frar 2009, ma ġie suġġett għal iffriżar tal-assi tiegħu b’mod analogu għal dak li għalih l-ewwel rikorrent kien suġġett sal-15 ta’ Frar 2011. Għandu b’hekk jiġi ddeterminat jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta huma ma ddeċidewx li jħassru l-isem tal-ewwel rikorrent mil-lista tal-ismijiet tal-persuni suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom, peress li ddeċidew li ma jinkludux f’din il-lista l-ismijiet tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe li assumew il-kariga fi Frar 2009. B’mod iktar ġeneriku, għandu jiġi ddeterminat jekk iż-żamma tal-isem tal-ewwel rikorrent fl-imsemmija lista matul is-sentejn li segwew dan l-iżvilupp tirriżultax fi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

112    F’dan il-każ, għandu jiġi ammess li, fi Frar 2009, l-għażla tal-Kunsill li ma jestendix il-miżuri restrittivi kkonċernati permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 għall-membri l-ġodda tal-Gvern taż-Żimbabwe, li assumew il-kariga wara l-GPA, tikkostitwixxi bidla importanti tal-pożizzjoni tiegħu. Sa dan l-iżvilupp, il-pożizzjoni tal-Kunsill tidher li kienet li l-membri kollha tal-Gvern taż-Żimbabwe kellhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, fosthom b’mod partikolari l-iffriżar tal-assi tagħhom, għal uniku motiv li kien membru tal-gvern responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem (ara ukoll il-punt 57 iktar ’il fuq). Evidentement, din il-pożizzjoni ma kinitx iktar ta’ attwalità minn Frar 2009, sa fejn il-membri kollha l-ġodda tal-Gvern taż-Żimbabwe, inklużi dawk proposti mill-partit Zanu-PF, li kien biss fil-poter qabel il-GPA, ma ġewx suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom.

113    Il-Kunsill jiddikjara fuq dan is-suġġett li wara l-konklużjoni tal-GPA u tal-ħatra tal-membri l-ġodda tal-gvern fi Frar 2009 “ittieħdet id-deċiżjoni li ma jitħassrux mil-lista [persuni suġġetti għal miżuri restrittivi la l-ewwel rikorrent u] lanqas ebda membru tal-gvern sakemm tinkiseb iktar assigurazzjoni fir-rigward tal-attitudni tal-membri tal-gvern diġa’ f’posthom fir-rigward tal-koalizzjoni” li rriżultat mill-GPA.

114    Minn naħa tagħhom, ir-rikorrenti jilmentaw, qabelxejn, mill-fatt li l-Kunsill ma kkomunikalhomx, minkejja t-talbiet numerużi minn naħa tagħhom, dik li jikkunsidraw bħala li kienet id-“deċiżjoni” li l-Kunsill isemmi fl-argumenti tiegħu miġbura fil-qosor iktar ’il fuq. Huma jinvokaw, barra minn hekk, estratti mid-Dokument PESC/00028/11, tat-18 ta’ Jannar 2011, tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li huma kisbu wara talba għal aċċess għal dokumenti. Dan id-dokument isemmi l-isem tal-ewwel rikorrent, fost dawk tal-“uffiċjali għoljin u politiċi li huma moderati u li tqiesu li ma kinux direttament marbuti mal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem” u jipproponi li huwa jitħassar mil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi. Skont ir-rikorrenti, huwa wara din l-evalwazzjoni li l-isem tal-ewwel rikorrent tħassar mil-lista inkwistjoni.

115    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, meta l-ewwel rikorrent “sempliċement iddikjara”, f’ittra tal-avukati tiegħu lil Kunsill, li huwa kien “bniedem tan-negozju in bona fede u sostenitur feroċi tad-drittijiet tal-bniedem”, ismu tneħħa minnufih mil-lista li jinkludi l-isem tal-persuni suġġetti għal miżuri ristrettivi.

116    Għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li r-rikorrenti jinterpretaw l-argument tal-Kunsill b’mod żbaljat, meta jilmentaw li ma rċevewx komunikazzjoni mid-“deċiżjoni” li ma tħassarx l-isem tal-ewwel rikorrent mil-lista tal-persuni suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom. Huwa evidenti li, billi jirreferi għal tali “deċiżjoni”, il-Kunsill ifisser l-għażla li huwa għamel, matul it-tiġdid, fl-2009 u fl-2010, tat-tul ta’ validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, li jżomm fis-seħħ l-iffriżar tal-assi tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe maħtura qabel il-GPA u għat-tibdil tal-kompożizzjoni ta’ dan il-gvern li seħħ fi Frar 2009. Il-motivi ta’ din l-għażla jirriżultaw mill-għażla li tirriżulta mill-Pożizzjoni Komuni 2009/68 u tad-Deċiżjoni 2010/92, peress li estenda rispettivament sal-20 ta’ Frar 2010 u sal-20 ta’ Frar 2011 it-tul ta’ validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161.

117    B’hekk, il-premessa 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2009/68, li ġiet qabel il-bidla, fi Frar 2009, tal-kompożizzjoni tal-Gvern taż-Żimbabwe, tirrileva dan li ġej:

“Fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, b’mod partikolari minħabba l-vjolenza organizzata u mwettqa mill-awtoritajiet taż-Żimbabwe u l-imblokkar kontinwat tal-implimentazzjoni [tal-GPA], il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK għandha tiġi estiża għal perijodu ulterjuri ta’ 12-il xahar.”

118    Il-Pożizzjoni Komuni 2009/68, barra minn hekk, issostitwit l-anness tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 permezz ta’ wieħed ġdid, sabiex iżżid hemmhekk l-ismijiet ta’ ċerti persuni. Ir-riferiment dwar l-ewwel rikorrent ma ġiex emendat.

119    Il-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2010/92 jirrilevaw dan li ġej:

“(3)      Fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-[GPA], il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK għandhom jiġu estiżi għal perijodu ieħor ta’ 12-il xahar.

(4)      Madankollu, m’għadx hemm raġunijiet sabiex ċerti persuni u entitajiet jinżammu fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom tapplika l-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK. Il-lista li tinsab fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ”.

120    Barra minn hekk, mill-anness ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar jirriżulta li l-ismijiet ta’ sitt persuni fiżiċi tħassru mil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, annessa mal-Pożizzjoni Komuni 2004/161. Waħda biss minn dawn is-sitt persuni, f’dan il-każ Joseph Msika, kien membru tal-Gvern taż-Żimbabwe (Viċi President). Madankollu, it-tħassir ta’ ismu mill-imsemmija lista, evidentement, kien marbut mal-fatt li, kif ikkonfermawh il-partijiet fir-risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, huwa kien miet fl-4 ta’ Awwissu 2009.

121    Kien jidher b’hekk li l-Kunsill ikkunsidra, kemm matul l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2009/68 kif ukoll matul l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/92, li ma kienx hemm biżżejjed progress fl-implementazzjoni tal-GPA u li, sabiex tinżamm il-pressjoni fuq il-forzi tal-politika taż-Żimbabwe li kienu l-uniċi fil-poter qabel il-konklużjoni tal-GPA, kellhom jinżammu fis-seħħ il-miżuri restrittivi stabbiliti kontra membri tal-gvern ta’ dan il-pajjiż li kienu diġà fil-kariga matul il-konklużjoni tal-GPA.

122    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma invokaw ebda element konkret li jista’ juri li din l-evalwazzjoni kienet ivvizzjata minn żball manifest. Bil-kontra, il-fatt li l-ħatra tal-ministri proposti mill-partit tal-oppożizzjoni MDC, previst mill-GPA konkluż f’Settembru 2008, seħħ biss diversi xhur tard, fi Frar 2009, għandu t-tendenza pjuttost li jikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kunsill.

123    L-evalwazzjoni li tirriżulta mid-Dokument PESK/00028/11 tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ara l-punt 114 iktar ’il fuq), li tipprovdi li l-ewwel rikorrent kien jagħmel parti mill-politikanti “moderati” u li ma kienx ġie marbut “direttament” mal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, ma huwiex suffiċjenti sabiex juri tali żball. Ċertament, fir-rigward ta’ dan l-element, jista’ jiġi konkluż li, fil-15 ta’ Frar 2011, matul l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/101 li kellu bħala effett li jtemm il-miżuri restrittivi imposti fuq l-ewwel rikorrent, il-Kunsill ikkunsidra li l-iżvilupp reċenti tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe kien sar suffiċjentement pożittiv sabiex jiġġustifika t-tħassir tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ ċerti “moderati”, fosthom l-ewwel rikorrent. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element f’sens kuntrarju invokat mir-rikorrenti, jista’ biss jiġi kkunsidrat li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni inkwantu ma ddeċidiex tali tħassir f’data preċedenti.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni lanqas jista’ jintlaqa’ fir-rigward tal-ommissjoni tal-Kunsill li jħassar fir-rigward tal-ewwel rikorrent il-miżura ta’ ffriżar tal-assi tiegħu f’data preċedenti għall-15 ta’ Frar 2011. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

125    Peress li l-ilmenti kollha, miġbura fil-qosor fil-punt 49 iktar ’il fuq, imressqa mir-rikorrenti sabiex juru n-natura illegali tal-aġir inkwistjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda, dan japplika wkoll għar-rikors kollu kemm hu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

126    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Aguy Clement Georgias, Trinity Engineering (Private) Ltd u Georgiadis Trucking (Private) Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea.

D. Gratsias

M. Kancheva

C. Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Settembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.