Language of document : ECLI:EU:C:2024:302

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)

Kawża C792/22

Parchetul de pe lângă Judecătoria Rupea,

LV,

CRA,

LCM

Proċeduri kriminali

kontra

MG,

filpreżenza ta’

SC Energotehnica SRL Sibiu

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 89/391/KEE – Miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiem fil-post tax-xogħol – Prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – Mewt ta’ ħaddiem waqt intervent – Proċeduri kriminali u amministrattivi paralleli quddiem il-qrati nazzjonali – Sentenza definittiva tal-qorti amministrattiva li tipprovdi li dan l-intervent ma jikkostitwixxix ‘inċident fuq il-post tax-xogħol’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li tali sentenza definittiva għandha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali – Possibbiltà li din il-qorti kriminali tikklassifika l-imsemmi intervent bħala ‘inċident fuq il-post tax-xogħol’ u timponi sanzjonijiet kriminali u ċivili”






I.      Introduzzjoni

1.        Wara l-mewt ta’ elettriċista li seħħet waqt intervent fuq installazzjoni elettrika, infetħet proċedura amministrattiva kontra l-kumpannija li kienet timpjega lill-vittma, u b’mod parallel, inbdew proċeduri kriminali kontra l-formen elettriċist li jaħdem għal din il-kumpannija għal nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri legali ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll għal omiċidju involontarju, proċedura li fiha l-familja tal-elettriċista mejjet kienet parti ċivili kontra l-imsemmija kumpannija u l-formen.

2.        Fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva, il-qorti amministrattiva, permezz ta’ sentenza definittiva, iddeċidiet li dan l-intervent ma kienx jikkostitwixxi “inċident fuq il-post tax-xogħol”, bil-konsegwenza li s-sanzjonijiet amministrattivi imposti fuq l-istess kumpannija ġew annullati. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-Qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, tipprovdi li s-sentenzi definittivi ta’ qrati oħra minbarra dawk kriminali dwar kwistjoni preliminari fi proċeduri kriminali għandhom l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali. Il-klassifikazzjoni tal-imsemmi intervent bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol” tikkostitwixxi tali kwistjoni preliminari.

3.        Id-Direttiva 89/391/KEE (2), li hija intiża li tippromwovi t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, tipprekludi tali leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevjeni lill-qorti kriminali adita milli teżamina l-kwistjoni dwar jekk l-istess intervent jistax jiġi kklassifikat bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”, u għalhekk, milli timponi sanzjonijiet kriminali jew ċivili fil-konfront tal-formen u tal-persuna li timpjega? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija), il-qorti kriminali fil-kawża prinċipali.

4.        Din il-kawża, li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, tagħti l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika r-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni bejn ir-rimedji nazzjonali sabiex, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 89/391, tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għall-partijiet kkonċernati, u b’mod partikolari, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        It-Taqsima I tad-Direttiva 89/391, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tinkludi l-Artikoli 1 sa 4 tagħha. L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jistabbilixxi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu introdotti miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

2.      Għal dak il-għan fiha prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-prevenzjoni ta’ riskji ikkaġunati mix-xogħol, il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa, l-eliminazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju u ta’ aċċident, l-informar, ikkonsultar, parteċipazzjoni bilanċjata skond il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali u t-taħriġ ta’ ħaddiema u tar-rapreżentanti tagħhom, kif ukoll bħala linji ta’ gwida ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.

3.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-Komunità eżistenti jew tal-futur li jkunu aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.”

6.        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ikunu soġġetti għad disposizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.      B’mod partikolari, Stati Membri għandhom jiżguraw kontrolli u sorveljanzi adegwati.”

7.        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, li jinsab fit-Taqsima II tagħha, intitolata “Obbligi ta’ min iħaddem”, jipprovdi:

“1.      Min iħaddem għandu jkollu l-obbligu li jiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett relatat max-xogħol.

[...]

3.      L-obbligi tal-ħaddiema fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq ix-xogħol ma għandhomx jaffettwaw il-prinċipju tar-responsabbilità ta’ min iħaddem.

4.      Din id-Direttiva ma għandhiex tillimita l-għażla ta’ l-Istati Membri milli jipprovdu għall-esklużjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbilità ta’ min iħaddem fejn l-okkorrenzi jkunu dovuti għal ċirkostanzi mhux tas-soltu u li ma setgħux jiġu mbassra, mhux fil-kontroll ta’ min iħaddem, jew minħabba każijiet eċċezzjonali, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ingħatat kull attenzjoni meħtieġa.

Ma hemmx bżonn li l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla li hemm riferenza għaliha fl-ewwel subparagrafu.”

B.      Iddritt Rumen

1.      IlKodiċi Kriminali

8.        L-Artikolu 192 tal-Legea nr. 286/2009 privind Codul penal (il-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali) tas‑17 ta’ Lulju 2009 (3), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), intitolat “Omiċidju Involontarju”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-omiċidju involontarju li jirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet legali jew ta’ miżuri ta’ prekawzjoni previsti għall-eżerċizzju ta’ professjoni jew ta’ mestier jew għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija minn sentejn sa seba’ snin. Meta l-ksur tad-dispożizzjonijiet legali jew tal-miżuri ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi reat fih innifsu, japplikaw ir-regoli dwar il-konkors ta’ reati.”

9.        L-Artikolu 350 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri legali ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1)      Jekk in-nuqqas ta’ osservanza minn kwalunkwe persuna tal-obbligi u tal-miżuri previsti fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, joħloq periklu imminenti ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, huwa punibbli bi priġunerija minn sitt xhur sa tliet snin jew b’multa.

[...]

3)      Il-fatti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 huma punibbli b’piena ta’ priġunerija minn tliet xhur sa sena jew b’multa meta jitwettqu b’negliġenza.”

2.      IlKodiċi ta’ Proċedura Kriminali

10.      L-Artikolu 52 tal-Legea nr. 135/2010, privind Codul de procedură penală (il-Liġi Nru 135/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) tal‑1 ta’ Lulju 2010 (4), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), intitolat “Kwistjonijiet preliminari”, jipprovdi:

“1)      Il-qorti kriminali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża, anki jekk, min-natura tagħha, din il-kwistjoni tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet ġudizzjarji ma jkollhomx ġurisdizzjoni.

2)      Il-kwistjoni preliminari għandha tiġi deċiża mill-qorti kriminali b’konformità mar-regoli u l-mezzi ta’ prova relattivi fil-qasam li għalih tappartjeni din il-kwistjoni.

3)      Is-sentenzi definittivi ta’ qrati oħra minbarra dawk kriminali dwar kwistjoni preliminari fi proċeduri kriminali għandhom l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali, bl-eċċezzjoni taċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw l-eżistenza tar-reat.”

3.      IlLiġi Nru 319/2006

11.      Il-Legea nr. 319/2006 a securităţii şi sănătăţii în muncă (il-Liġi Nru 319/2006 dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol) tal‑14 ta’ Lulju 2006 (5) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 319/2006”) tittrasponi d-Direttiva 89/391 fl-ordinament ġuridiku Rumen. Skont l-Artikolu 5(g) ta’ din il-liġi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, is-segwenti għandhom ifissru:

[...]

g)      inċident fuq il-post tax-xogħol – feriment fiżiku serju jew intossikazzjoni severa waqt l-eżerċizzju tax-xogħol jew waqt it-twettiq ta’ kompiti tax-xogħol u li jwasslu għal inkapaċità temporanja għax-xogħol ta’, mill-inqas, tlitt ijiem kalendarji, għal invalidità jew għall-mewt.”

12.      L-Artikolu 7(4)(c) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din il-liġi, il-persuna li timpjega għandha, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet tal-impriża u/jew tal-unità:

[...]

c)      tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet tal-ħaddiema għal dak li jirrigwarda s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol meta tassenjalhom ix-xogħol.”

13.      L-Artikolu 20(1)(b) tal-istess liġi jipprevedi:

“Il-persuna li timpjega għandha tiżgura kundizzjonijiet li jippermettu lil kull ħaddiem jirċievi taħriġ suffiċjenti u xieraq fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fil-forma ta’ informazzjoni u ta’ struzzjonijiet speċifiċi għall-post tax-xogħol u għall-pożizzjoni tiegħu:

[...]

b)      meta jkun hemm tibdil tal-impjieg jew trasferiment.”

14.      L-Artikolu 22 tal-Liġi Nru 319/2006 jipprovdi:

“Kull ħaddiem għandu jwettaq ix-xogħol tiegħu b’konformità mat-taħriġ u mal-preparazzjoni tiegħu kif ukoll mal-istruzzjonijiet li jingħataw mill-persuna li timpjegah, b’mod li ma jiġix espost, u lanqas jesponi lill-persuni oħra li jistgħu jkunu affettwati bl-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet tiegħu fil-kuntest ta’ xogħlu, għal riskji ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol”.

4.      IdDeċiżjoni Nru 1146/2006

15.      L-Anness I tal-Hotărârea Guvernului nr. 1146/2006 privind cerințele minime de securitate și sănătate pentru utilizarea în muncă de către lucrători a echipamentelor de muncă (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1146/2006 dwar ir-Rekwiżiti Minimi ta’ Sigurtà u ta’ Saħħa għall-Użu ta’ Apparat tax-Xogħol mill-Ħaddiem fuq il-Post tax-Xogħol) tat‑30 ta’ Awwissu 2006 (6) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1146/2006”) huwa fformulat kif ġej:

“[...]

3.3.2.1.      Fl-installazzjonijiet u apparat ta’ xogħol elettriku, il-protezzjoni kontra x-xokk elettriku b’kuntatt dirett għandha tiġi żgurata permezz ta’ miżuri tekniċi, ikkompletati permezz ta’ miżuri organizzattivi.

[...]

3.3.2.3.      Il-protezzjoni kontra x-xokk elettriku b’kuntatt dirett għandha tiġi żgurata permezz tal-miżuri organizzattivi li ġejjin:

a)      l-interventi fuq l-installazzjonijiet elettriċi (tiswijiet, reparazzjonijiet, konnessjonijiet, eċċ.) għandhom isiru biss minn elettriċisti kkwalifikati, awtorizzati u mħarrġa fix-xogħlijiet inkwistjoni;

b)      l-interventi għandhom isiru abbażi ta’ waħda mill-forom ta’ xogħol;

[...]

e)      għandhom jiġu stabbiliti struzzjonijiet ta’ xogħol għal kull intervent fuq l-installazzjonijiet elettriċi;

[...]

3.3.2.4.      L-interventi fuq l-installazzjonijiet, magni, apparat u tagħmir li jużaw l-elettriku huma awtorizzati biss abbażi tal-forom ta’ xogħol li ġejjin:

[...]

d)      ordnijiet verbali (DV);

[...]

3.3.23.1.      Fil-każ tal-installazzjonijiet jew tal-apparat ta’ xogħol elettriku li jkunu jew ma jkunux mitfija waqt li jsiru xogħlijiet fuqhom, għandhom jintużaw mezzi ta’ protezzjoni elettro-iżolaturi.

[...]

3.3.23.4.      Ix-xogħlijiet fuq installazzjonijiet u apparat elettriku mhux mitfija għandhom isiru mill-persunal awtorizzat sabiex jaħdem waqt li jkun għaddej l-elettriku.

[...]”

III. Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

16.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fil‑5 ta’ Settembru 2017, elettriċista jaħdem għal Energotehnica (iktar ’il quddiem il-“vittma”) miet b’xokk elettriku waqt intervent li kien jikkonsisti fil-bdil ta’ bozza esterna ta’ arblu ta’ voltaġġ baxx f’razzett tal-annimali li jinsab fil-komun ta’ Ticușu, kontea ta’ Brașov (ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“intervent inkwistjoni”).

17.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, l-Inspectoratul Teritorial de Muncă Brașov (l-Ispettorat Territorjali tax-Xogħol ta’ Brașov, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“ITM”) beda investigazzjoni, li inkludiet is-smigħ ta’ xhieda kif ukoll il-kisba ta’ dokumenti rilevanti dwar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Fl-aħħar ta’ din l-investigazzjoni, l-ITM ħareġ proċess verbal ta’ investigazzjoni fid‑9 ta’ Settembru 2019 (iktar ’il quddiem il-“proċess verbal ta’ investigazzjoni”), li fl-aħħar tiegħu huwa kklassifika l-intervent inkwistjoni bħala “inċident fatali fuq il-post tax-xogħol”.

18.      Fil-kuntest ta’ dan il-proċess verbal, l-ITM impona multi amministrattivi fuq Energotehnica talli kienet approvat l-intervent fuq installazzjoni operattiva, mhux mitfija, minn persunal mhux awtorizzat u mhux imħarreġ, u talli kienet naqset milli tiġbed l-attenzjoni tal-ħaddiem għall-materjal li jirrigwarda temi ta’ taħriġ speċifiċi. Dawn is-sanzjonijiet ma ġewx effettivament applikati, minħabba s-sospensjoni tagħhom sa tmiem il-proċeduri kriminali. Ebda sanzjoni amministrattiva ma ngħatat kontra persuna impjegata minn din il-kumpannija peress li, skont l-Artikolu 39(1) tal-Liġi Nru 319/2006, huma biss l-atti mwettqa mill-persuni li jimpjegaw li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet previsti minn din il-liġi li jikkostitwixxu ksur amministrattiv, u mhux dawk imwettqa mill-ħaddiema.

19.      Energotehnica ppreżentat rikors kontenzjuż amministrattiv kontra l-ITM quddiem it-Tribunalul Sibiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Sibiu, ir-Rumanija), fejn talbet l-annullament tal-proċess verbal ta’ investigazzjoni. Instemgħu biss żewġ xhieda, kollegi tal-vittma. Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Frar 2021, dik il-qorti laqgħet dan ir-rikors u annullat parzjalment dan il-proċess verbal għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjonijiet li jikkonċernaw lil Energotehnica. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti kkunsidrat, minn naħa, li l-intervent inkwistjoni kien seħħ wara l-ħin tax-xogħol, u min-naħa l-oħra, li ebda prova ma kienet tikkonferma li kienet ingħatat ordni verbali lill-vittma sabiex iwettaq dan l-intervent. L-ITM appella minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), li, permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2021, laqgħet l-eċċezzjoni ta’ nullità mqajma minn Energotehnica filwaqt li indikat li hija kienet qiegħda tannulla dan l-appell għar-raġuni li dan tal-aħħar ma kienx motivat.

20.      B’mod parallel għall-proċedura amministrattiva, inbdew proċeduri kriminali mill-prosekutur tal-Parchetul de pe lângă Judecătoria Rupea (il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rupea, ir-Rumanija). Permezz ta’ att ta’ akkuża tal-prosekutur tal‑31 ta’ Lulju 2020, MG, bħala formen elettriċista impjegat minn Energotehnica, tressaq quddiem il-Judecătoria Rupea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rupea) għar-reati li ġejjin: minn naħa, nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri legali ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol, prevista fl-Artikolu 350(1) u (3) tal-Kodiċi Kriminali, u, min-naħa l-oħra, omiċidju involontarju, previst fl-Artikolu 192(2) tal-Kodiċi Kriminali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 38(1) ta’ dan il-kodiċi, dwar il-konkors reali ta’ reati. F’dan l-att ta’ akkuża, ġie rrilevat li fil‑5 ta’ Settembru 2017, għall-ħabta tas‑18.00, fl-aħħar tal-ħin tax-xogħol, MG, il-persuna responsabbli għall-post tax-xogħol, li għandu bħala kompiti speċifiċi l-organizzazzjoni tax-xogħol, it-taħriġ tal-persunal li jwettaq u t-teħid ta’ miżuri sabiex jiġu żgurati l-arranġamenti ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-apparat ta’ protezzjoni previsti mill-istruzzjonijiet speċifiċi ta’ kull post tax-xogħol, ta lill-vittma, li kien taħt il-koordinazzjoni tiegħu, ordni verbali ta’ xogħol sabiex iwettaq l-intervent inkwistjoni mingħajr ma ħa l-miżuri meħtieġa ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol (jiġifieri li dan il-kompitu kellu jingħata biss lill-persunal ikkwalifikat fil-mestier ta’ elettriċista, awtorizzat u mħarreġ fix-xogħol inkwistjoni, taħt is-sorveljanza ta’ formen), u fil-kundizzjonijiet fejn dan l-intervent twettaq mingħajr ma ntfiet l-installazzjoni elettrika funzjonali u mingħajr ma ntużaw ingwanti ta’ protezzjoni elettro-iżolaturi.

21.      Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali meħuda kontra MG, instemgħu x-xhieda okulari u ġew ippreżentati fil-proċess tal-kawża d-dokumenti rilevanti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Ġie prodott ukoll il-fajl tal-investigazzjoni dwar l-intervent inkwistjoni, inkluż il-proċess verbal ta’ investigazzjoni. Dejjem fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, LV, CRA u LCM, il-konjuġi, it-tifla u t-tifel tal-vittma, rispettivament, kienu partijiet ċivili (iktar ’il quddiem il-“partijiet ċivili”) u talbu li MG u Energotehnica jiġu kkundannati għall-ħlas ta’ danni għall-mewt tal-vittma. Ebda investigazzjoni kriminali ma saret fil-konfront ta’ Energotehnica, li għandha biss il-kwalità ta’ parti ċivilment responsabbli, fis-sens li, b’konformità mad-dritt ċivili Rumen, din il-kumpannija għandha l-obbligu legali jew kuntrattwali li tikkumpensa totalment jew parzjalment, waħedha jew in solidum, id-dannu kkawżat mir-reat u hija miżmuma responsabbli fil-kuntest tal-proċeduri.

22.      Permezz ta’ sentenza kriminali tal‑24 ta’ Diċembru 2021, il-Judecătoria Rupea (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rupea) ikkunsidrat li MG kellu jiġi lliberat mill-akkużi tar-reati ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-miżuri legali ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol kif ukoll ta’ omiċidju involontarju. Barra minn hekk, dik il-qorti ċaħdet bħala infondata l-azzjoni ċivili mibdija mill-partijiet ċivili kontra MG u Energotehnica. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tal-mertu qieset, fl-ewwel lok, li ma kienx ġie pprovat, mingħajr ebda dubju raġonevoli, li kienet ingħatat ordni verbali ta’ xogħol minn MG, peress li l-unika dikjarazzjoni li tixhed direttament din l-ordni ta’ xogħol hija dik ta’ xhud okulari li, madankollu, ma hija kkorroborata minn ebda prova diretta, u peress li ħaddiema oħra wkoll preżenti ċaħdu li semgħu l-imsemmija ordni ta’ xogħol. Fit-tieni lok, l-istess qorti sostniet li l-intervent inkwistjoni kien sar bejn is‑18.30 u s‑18.40, jiġifieri wara l-ħin tax-xogħol (ikkunsidrat bejn il‑17.00 u s‑18.00), raġuni li għaliha dan l-intervent ma setax jiġi kklassifikat bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”.

23.      Il-prosekutur u l-partijiet ċivili appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov), il-qorti tar-rinviju. Quddiem dik il-qorti, il-prosekutur jargumenta li kienu jeżistu provi lil hinn minn kull dubju raġonevoli tal-ordni verbali mogħtija minn MG lill-vittma sabiex iwettaq l-intervent inkwistjoni, billi jirreferi għad-dikjarazzjoni ta’ xhud okulari, li kienet ikkorrobarata mid-dikjarazzjonijiet ta’ ħaddiema oħra preżenti fuq il-post. Il-partijiet ċivili ddikjaraw li kienu jeżistu provi insostenn tal-akkuża, billi invokaw id-dikjarazzjoni tal-istess xhud okulari kif ukoll il-proċess verbal ta’ investigazzjoni.

24.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, peress li għandha quddiemha l-appell fil-kuntest tal-proċeduri kriminali meħuda kontra MG, hija għandha teżamina l-kawża fid-dawl tal-aspetti kollha tagħha ta’ liġi jew ta’ fatt sa fejn l-appell huwa rimedju totalment devoluttiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dik il-qorti tista’ teżamina għal darba oħra l-provi prodotti fl-ewwel istanza u teżamina oħrajn ġodda, kif ukoll tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-provi kollha. Madankollu, l-imsemmija qorti tirrileva li t-Tribunalul Sibiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Sibiu) diġà ddeċidiet dwar il-fatti tal-kawża prinċipali, billi kkunsidrat li l-intervent inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi inċident fuq il-post tax-xogħol. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li din il-kunsiderazzjoni tista’ tkun imposta fuqha bl-awtorità ta’ res judicata, peress li din is-sitwazzjoni proċedurali tikkostitwixxi “kwistjoni preliminari” fil-proċeduri kriminali, fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

25.      F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirrileva li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), permezz tas-sentenza tagħha Nru 102/2021 tas‑17 ta’ Frar 2021, laqgħet eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità rigward l-Artikolu 52(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li kien jistabbilixxi li s-sentenzi definittivi tal-qrati l-oħra minbarra dawk kriminali dwar kwistjoni preliminari fi proċeduri kriminali għandhom l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali, bl-eċċezzjoni taċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw l-eżistenza tar-reat. Għalhekk, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonstatat li l-espressjoni “bl-eċċezzjoni taċ-ċirkustanzi li jirrigwardaw l-eżistenza tar-reat” li tinsab f’din id-dispożizzjoni kienet antikostituzzjonali. F’dan il-kuntest, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, b’mod partikolari, li l-kwistjonijiet preliminari jikkostitwixxu aspetti tal-kawża ta’ natura mhux kriminali, li għandhom jiġu riżolti qabel is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet dwar il-mertu tal-kawża kriminali u li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ komponent essenzjali tal-istruttura tar-reat, bħas-sitwazzjoni-premessa ta’ reat jew element essenzjali tal-kontenut tar-reat.

26.      F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, il-klassifikazzjoni tal-intervent inkwistjoni bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol” kienet tikkostitwixxi komponent essenzjali tal-istruttura tar-reat, li għandha n-natura ta’ punt ta’ fatt jew ta’ liġi li l-eżistenza tiegħu għandha tiġi vverifikata qabel is-soluzzjoni ġusta tal-kawża kriminali, u li għalhekk tista’ tiġi kkunsidrata bħala “kwistjoni preliminari”, fis-sens tal-Artikolu 52(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

27.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li fil-kawża prinċipali, it-Tribunalul Sibiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Sibiu) jew il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia) kienu f’pożizzjoni li jordnaw is-sospensjoni tal-proċedura abbażi ta’ mezzi proċedurali differenti, b’mod partikolari b’applikazzjoni tar-regola li tipprovdi li l-proċeduri kriminali jissospendu l-proċeduri ċivili, kif prevista mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Rumen. Madankollu, f’dan il-każ, is-sospensjoni tal-kawża minħabba l-eżistenza ta’ proċeduri kriminali pendenti ma tqajmitx quddiem il-qrati amministrattivi u dan mingħajr ma ġiet prevista ebda sanzjoni proċedurali, peress li s-sospensjoni tal-kawża hija fakultattiva għal qorti ċivili, b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

28.      Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, f’ċirkustanzi fejn il-partijiet ċivili fil-proċeduri kriminali ma jkunux ipparteċipaw fil-proċeduri amministrattivi jew fejn il-persuna li timpjega tkun ħarġet rebbieħa f’dawn il-proċeduri tal-aħħar kontra l-awtorità amministrattiva kompetenti biss (jiġifieri l-ITM), hija għandha tordna li MG jiġi lliberat mir-reati akkużat bihom, bil-konsegwenza li l-azzjoni ċivili mibdija mill-partijiet ċivili tiġi miċħuda bħala infondata jekk, kif teħtieġ is-sentenza Nru 102/2021 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), hija tkun tat awtorità sħiħa ta’ res judicata lid-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva li tikklassifika l-intervent inkwistjoni bħala “estranju għax-xogħol”. Madankollu, tali sitwazzjoni tippreġudika l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-persuna li timpjega, stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u (2), kif ukoll fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-persuna li timpjega, stabbiliti mill-Artikolu 1(1) u (2) u mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [89/391], trasposta fid-dritt nazzjonali mil-[Liġi Nru 319/2006], moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(1) tal-[Karta], jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, [kif interpretata] b’deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali, li abbażi tagħha qorti amministrattiva tista’ tiddetermina, b’mod definittiv, fuq talba tal-persuna li timpjega u fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja biss mal-awtorità amministrattiva tal-Istat, il-klassifikazzjoni ta’ avveniment bħala li ma huwiex inċident fuq il-post tax-xogħol fis-sens tal-imsemmija direttiva u b’hekk tipprevjeni lill-qorti kriminali, adita kemm mill-prosekutur bl-azzjoni kriminali kontra l-ħaddiem responsabbli, kif ukoll mill-parti ċivili bl-azzjoni ċivili kontra l-istess persuna li timpjega bħala parti responsabbli fid-dritt ċivili fil-proċeduri kriminali u kontra l-impjegat tagħha, milli tipprovdi soluzzjoni differenti għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-istess avveniment bħala inċident fuq il-post tax-xogħol, [klassifikazzjoni] li tikkostitwixxi element kostituttiv tar-reati fil-proċeduri kriminali (li fl-assenza tiegħu ma jista’ jkun hemm ebda responsabbiltà kriminali u lanqas responsabbiltà ċivili marbuta ma’ dik kriminali), fid-dawl tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjoni amministrattiva finali?

2)      Fil-każ [ta’ risposta] fl-affermattiv [għall-ewwel domanda], il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħhom il-qrati nazzjonali ordinarji huma marbuta bid-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali u ma jistgħux, għal din ir-raġuni u bir-riskju li jitwettaq nuqqas dixxiplinari, iħallu mhux applikata ex officio l-ġurisprudenza li tirriżulta mid-deċiżjonijiet imsemmija, anki jekk iqisu, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-ġurisprudenza tmur kontra l-Artikolu 1(1) u (2) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391, trasposta fid-dritt nazzjonali mil-Liġi Nru 319/2006, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(1) tal-[Karta]?”

30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Parchetul de pe lângă Judecătoria Rupea (il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Rupea), mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni Ewropea.

31.      B’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-ewwel domanda preliminari.

IV.    Analiżi

32.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 89/391 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha qorti amministrattiva tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ sentenza definittiva li jkollha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali, li avveniment ma jikkostitwixxix “inċident fuq il-post tax-xogħol”, bil-konsegwenza li l-qorti kriminali adita tkun prekluża milli timponi sanzjonijiet kriminali jew ċivili fir-rigward tal-ħaddiem responsabbli għall-post tax-xogħol u tal-persuna li timpjega.

A.      Fuq lammissibbiltà talewwel domanda preliminari

33.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Rumen qajjem l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari, u konsegwentement, dik tat-tieni domanda preliminari, għar-raġuni, l-ewwel nett, li d-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li l-konformità tagħha mad-Direttiva 89/391 hija inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 52 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, tirrigwarda l-kwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata. It-tieni nett, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà li għandha l-persuna li timpjega, mingħajr ma jistabbilixxi forma speċifika ta’ responsabbiltà. Issa, il-kawża prinċipali hija intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà kriminali ta’ ħaddiem għall-mewt ta’ ħaddiem ieħor, filwaqt li l-imsemmija direttiva, li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħha, tirrigwarda l-obbligi tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-ħaddiema. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda tintalab tiddeċiedi dwar relazzjoni ġuridika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

34.      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-familja tal-vittma hija parti ċivili quddiem il-qorti tar-rinviju kontra MG u Energotehnica. Konsegwentement, dik il-qorti għandha quddiemha azzjoni mressqa kontra l-persuna li timpjega, li r-responsabbiltà ċivili tagħha tista’ tiġi stabbilita kemm‑il darba l-intervent inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ċivili fuq il-persuna li timpjega hija marbuta mal-portata tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza mogħtija mill-qorti amministrattiva. Għalhekk, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jintrabtu mal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-persuna li timpjega fil-każ li din tal-aħħar, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 89/391 mill-Istat Membru kkonċernat, ma tkunx żgurat il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

35.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi l-ewwel domanda preliminari hija ammissibbli.

B.      Fuq irrisposta għallewwel domanda preliminari

36.      Għandu jitfakkar li d-Direttiva 89/391 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 118A tat-Trattat KEE (li wara emenda sar l-Artikolu 153 TFUE), li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u jfittxu li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam u li jsir progress. L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi wkoll li din tal-aħħar għandha l-għan li jiġu implimentati miżuri intiżi sabiex jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u li, għal dan il-għan, hija tinkludi prinċipji ġenerali dwar il-prevenzjoni ta’ riskji kkaġunati mix-xogħol u l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa, l-eliminazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju u ta’ inċident, l-informazzjoni, il-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni bbilanċjata b’konformità mal-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali, it-taħriġ tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll il-linji gwida ġenerali għall-implimentazzjoni tal-imsemmija prinċipji.

37.      Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw li l-persuni li jimpjegaw, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istess direttiva, u fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod partikolari kontroll u sorveljanza xierqa (7). L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 jipprovdi wkoll li l-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi ddikjarat li l-persuna li timpjega għandha titgħabba b’responsabbiltà mingħajr ħtija skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/391 biss, peress li din id-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi l-obbligu ġenerali ta’ sigurtà fuq il-persuna li timpjega, mingħajr ma ssemmi xejn dwar kwalunkwe forma ta’ responsabbiltà (8).

38.      Il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu 5 jippreċiżaw li l-obbligi tal-ħaddiema fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol ma jaffettwawx il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-persuna li timpjega u li din id-direttiva ma tostakolax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu l-esklużjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-persuni li jimpjegaw għal fatti li jkunu dovuti għal ċirkustanzi li huma estranji għal dawn tal-aħħar, mhux tas-soltu u li ma setgħux jiġu mbassra, jew li jkunu dovuti għal avvenimenti eċċezzjonali, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja li tkun ġiet eżerċitata l-attenzjoni dovuta.

39.      Mit-test tad-Direttiva 89/391 jirriżulta li, għalkemm din tirreferi għall-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-persuna li timpjega u tistabbilixxi obbligi ta’ ordni ġenerali dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol, hija ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar is-sanzjonijiet applikabbli mill-Istati Membri għall-persuni li jimpjegaw li ma jkunux osservaw dawn l-obbligi. Barra minn hekk, diversi direttivi individwali, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391 (9), ġew adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod partikolari id-Direttivi 89/654/KEE (10), 89/656/KEE (11) u 2009/104/KE (12). Madankollu, dawn id-direttivi lanqas ma jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-persuni li jimpjegaw li ma jkunux żguraw il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema (13).

40.      Barra minn hekk, l-Artikolu 31 tal-Karta, intitolat “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha, ma tirrigwardax is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti meta ma tkunx ġiet żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

41.      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-intervent inkwistjoni, li l-klassifikazzjoni tiegħu bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol” hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, nosserva li, skont l-Artikolu 34(1) tal-Karta, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u għas-servizzi soċjali li jiżguraw protezzjoni f’każijiet bħal, b’mod partikolari, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Mill-banda l-oħra, id-dritt tal-Unjoni la jirregola, attwalment, il-kriterji li jippermettu l-klassifikazzjoni ta’ avveniment bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”, la s-sanzjonijiet applikabbli għall-persuna li timpjega wara tali inċident u lanqas il-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-kumpens li għandu jingħata lill-vittma.

42.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-modalità proċedurali prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li sentenza definittiva tal-qorti amministrattiva li tikkunsidra li l-intervent inkwistjoni ma jikkostitwixxix “inċident fuq il-post tax-xogħol” għandha awtorità ta’ res judicata quddiemha, jiġifieri quddiemha bħala qorti kriminali, li jipprekludiha milli timponi sanzjoni kriminali fil-konfront ta’ MG kif ukoll sanzjonijiet ċivili fil-konfront ta’ dan tal-aħħar u/jew fil-konfront ta’ Energotehnica (14).

43.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jirregola l-modalitajiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw livell għoli ta’ salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni (15). Dawn il-modalitajiet la għandhom ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili previsti għall-protezzjoni tad-drittijiet misluta mill-ordni ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika (prinċipju ta’ effettività) (16). Barra minn hekk, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtorità ta’ res judicata, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata jaqgħu wkoll taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, fl-osservanza, madankollu, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (17).

44.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-partikolaritajiet tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. Minn din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (18).

45.      Fi kliem ieħor, meta l-Istati Membri jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 89/391, huma għandhom jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (19).

46.      Għalhekk, huma u jagħżlu s-sanzjonijiet, l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-prinċipju ta’ effettività li jeżiġi l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi, mingħajr ma jimponu, madankollu, bħala prinċipju, li dawn is-sanzjonijiet ikunu ta’ natura partikolari (20). Dawn is-sanzjonijiet jistgħu għalhekk ikunu ta’ natura kriminali u/jew ċivili. Fin-nuqqas tal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-persuna li timpjega li ma tosservax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 89/391, jiġifieri f’dan il-każ, il-Liġi Nru 319/2006, jitqiegħdu f’dubju l-effett utli u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet iggarantiti minn din id-direttiva, minkejja li l-Artikolu 153(1)(a) TFUE jipprevedi t-titjib tal-ambjent tax-xogħol għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

47.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali u ċivili mhux b’rabta mal-prinċipju ta’ ne bis in idem (21), iżda b’rabta mal-prinċipju tal-awtorità ta res judicata, sa fejn il-qorti amministrattiva diġà kkunsidrat li l-intervent inkwistjoni ma setax jiġi kklassifikat bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-applikazzjoni tal-prinċipju li “l-proċeduri kriminali jissospendu l-proċeduri ċivili” jobbliga lill-qorti ċivili, meta jkunu nbdew proċeduri ċivili u kriminali għall-istess fatti, li tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm ikun hemm deċiżjoni finali fil-proċeduri kriminali (22). F’dan il-każ, id-dritt Rumen japplika l-prinċipju oppost, jiġifieri li l-proċedura ċivili (23) tissospendi l-proċedura kriminali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-qorti amministrattiva setgħet tissospendi l-proċedura sakemm ikun hemm deċiżjoni finali tal-qorti kriminali, iżda tali sospensjoni tal-proċedura hija fakultattiva għal qorti amministrattiva, bil-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 52(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jipprovdi li s-sentenzi definittivi ta’ qrati oħra minbarra dawk kriminali dwar kwistjoni preliminari għandhom l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali (24).

48.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li tali dispożizzjoni ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni sa fejn hija tevita li jiġu adottati deċiżjonijiet kontradittorji li jistgħu jippreġudikaw iċ-ċertezza legali (25), bla ħsara li, kif ġie indikat fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikun osservat il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

49.      Inżid ngħid li, peress li qorti amministrattiva twettaq eżami tal-mertu, billi tevalwa b’mod dettaljat il-provi kollha dwar il-klassifikazzjoni ta’ avveniment bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”, il-fatt waħdu li l-qorti amministrattiva tipprevali fuq il-qorti kriminali ma jistax jimplika, fih innifsu, amministrazzjoni tal-ġustizzja inqas tajba. Fil-fatt, proċedura kriminali ma tistax tiġi kkunsidrata, mid-definizzjoni tagħha, bħala iktar favorevoli għall-vittma u/jew għall-partijiet ċivili minn proċedura amministrattiva peress li, kif jistabbilixxi l-Artikolu 48(1) tal-Karta, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, kull akkużat għandu jkun preżunt innoċenti sa ma l-ħtija tiegħu tiġi stabbilita skont il-liġi (26). Persuna mressqa quddiem qorti kriminali għandha tibbenefika wkoll mid-dritt tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

50.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-proċedura amministrattiva kienet biss bejn Energotehnica u l-ITM, mingħajr ma l-prosekutur u l-partijiet ċivili intervjenew f’din il-proċedura, filwaqt li dawn tal-aħħar huma rrappreżentati fil-kuntest tal-proċedura kriminali.

51.      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar jekk il-partijiet ċivili kellhomx il-possibbiltà li jintervjenu quddiem il-qorti amministrattiva sabiex, b’mod partikolari, jipproduċu provi insostenn tal-klassifikazzjoni tal-intervent inkwistjoni bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”. Jekk dan kien il-każ, u wkoll fil-każ fejn, fil-prattika, huma ma jkunux intervjenew, id-Direttiva 89/391 ma tipprekludix leġiżlazzjoni li permezz tagħha qorti amministrattiva tista’ tiddeċiedi definittivament li avveniment ma jikkostitwixxix inċident fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali.

52.      Mill-banda l-oħra, fil-każ fejn il-partijiet ċivili kienu mċaħħda minn kull possibbiltà li jintervjenu quddiem il-qorti amministrattiva, jiena tal-opinjoni li l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni ma jkunx osservat. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan il-prinċipju jimplika r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari, li l-partijiet ikkonċernati jinstemgħu b’mod utli. F’dan ir-rigward, f’dan il-każ, ma jidhirx li huwa possibbli li l-familja tal-vittma ma tibbenefikax mid-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jiġifieri li hija tkun imċaħħda mill-aċċess għall-qrati (27).

53.      Għalhekk, f’dan il-każ, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-partijiet ċivili għandu jkollhom il-garanzija li jkunu jistgħu jipproduċu, quddiem il-qorti kriminali, provi ġodda li ma setgħux jiġu diskussi quddiem il-qorti amministrattiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-intervent inkwistjoni bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza definittiva ta’ qorti amministrattiva ma jistax ikollha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali u din tal-aħħar għandha tagħti lill-partijiet ċivili l-possibbiltà li jintervjenu quddiemha, minkejja li fl-aħħar mill-aħħar din is-sitwazzjoni tkun diffiċilment konċiljabbli mal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn tali intervent jista’ jwassal għal sentenzi kontradittorji bejn il-qrati amministrattivi u kriminali. Jekk dan ikun il-każ, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jagħżel il-mekkaniżmi proċedurali li jidhirlu li huma l-iktar xierqa sabiex jippermettu l-konċiljazzjoni ta’ tali sentenzi kontradittorji (28).

54.      Fid-dawl tal-premess, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li d-Direttiva 89/391 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha qorti amministrattiva tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ sentenza definittiva li għandha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali, li avveniment ma jikkostitwixxix “inċident fuq il-post tax-xogħol”, bil-konsegwenza li l-qorti kriminali tkun prekluża milli timponi sanzjonijiet kriminali jew ċivili fir-rigward tal-ħaddiem responsabbli għall-post tax-xogħol u tal-persuna li timpjega, kemm‑il darba tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, li jimplika li l-partijiet ċivili għandu jkollhom il-possibbiltà effettiva li jipproduċu provi dwar il-klassifikazzjoni ta’ dan l-avveniment bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol” quddiem il-qorti kriminali jekk huma kienu mċaħħda minn kull possibbiltà li jipproduċu dawn il-provi quddiem il-qorti amministrattiva.

V.      Konklużjoni

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Apprll ta’ Braşov, ir-Rumanija) kif ġej:

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha qorti amministrattiva tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ sentenza definittiva li għandha l-awtorità ta’ res judicata quddiem il-qorti kriminali, li avveniment ma jikkostitwixxix “inċident fuq il-post tax-xogħol”, bil-konsegwenza li l-qorti kriminali tkun prekluża milli timponi sanzjonijiet kriminali jew ċivili fir-rigward tal-ħaddiem responsabbli għall-post tax-xogħol u tal-persuna li timpjega, kemm‑il darba tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, li jimplika li l-partijiet ċivili għandu jkollhom il-possibbiltà effettiva li jipproduċu provi dwar il-klassifikazzjoni ta’ dan l-avveniment bħala “inċident fuq il-post tax-xogħol” quddiem il-qorti kriminali jekk huma kienu mċaħħda minn kull possibbiltà li jipproduċu dawn il-provi quddiem il-qorti amministrattiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349, rettifika fil-ĠU 2023, L 77, p. 20). Dwar il-proċess li permezz tiegħu ġiet adottata din id-direttiva, ara Walters, D., “The Framework Directive”, Regulating Health and Safety Management in the European Union : A Study of the Dynamics of Change, Bruxelles, P.I.E. Peter Lang S.A., 2002, p. 39 sa 57.


3      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 510 tal‑24 ta’ Lulju 2009.


4      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 486 tal‑15 ta’ Lulju 2010.


5      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 646 tas‑26 ta’ Lulju 2006.


6      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 815 tat‑3 ta’ Ottubru 2006.


7      Minkejja li l-qorti tar-rinviju ma semmietx l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/391 fl-ewwel domanda preliminari tagħha, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tintalab tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet, mill-elementi kollha ppreżentati mill-qorti nazzjonali u, b’mod partikolari, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ dan id-dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Ministerstvo vnútra Slovenskej republiky, C‑283/22, EU:C:2023:886, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑127/05, EU:C:2007:338, punt 42).


9      Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li “[i]l-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 118a tat-Trattat, jadotta d-Direttivi individwali, inter alia, fiż-żoni mniżżla fl-Anness”.


10      Direttiva tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fuq il-post tax-xogħol (l-ewwel direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 358).


11      Direttiva tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għall-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 375).


12      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ sikurezza u ta’ saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU 2009, L 260, p. 5).


13      Fl-istess waqt, direttivi oħra li jimplimentaw il-politika soċjali tal-Unjoni jinkludu, min-naħa tagħhom, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sanzjonijiet applikabbli, bħad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), li l-Artikolu 17 tagħha jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. [...]”


14      Infakkar li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont id-dritt intern, l-awtorità ta’ res judicata marbuta ma’ deċiżjoni ta’ qorti amministrattiva tinkludix l-elementi ta’ din il-kawża u, jekk ikun il-każ, li teżamina l-konsegwenzi previsti mill-imsemmi dritt (ara b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑116/20, EU:C:2022:273, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 45).


16      Sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li d-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jirregolaw sitwazzjonijiet suġġetti għad-dritt tal-Unjoni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Bankia, C‑910/19, EU:C:2021:433, punt 46). L-osservanza ta’ dan il-prinċipju ma hijiex ikkontestata mill-qorti tar-rinviju u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda element ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-imsemmi prinċipju, u għalhekk dan tal-aħħar mhux ser jissemma iktar.


17      Digriet tas‑7 ta’ Marzu 2023, Willy Hermann Service (C‑561/22, EU:C:2023:167, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Caixabank (Preskrizzjoni tar-rimbors tal-ispejjeż ipotekarji) (C‑810/21 sa C‑813/21, EU:C:2024:81, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2023:2, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 33), u tas‑17 ta’ Mejju 2023, Cezam (C‑418/22, EU:C:2023:418, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprojbixxi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Parchetul de pe lângă Curtea de Apel Craiova et, C‑58/22, EU:C:2024:70, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, u fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, il-proċeduri amministrattivi u kriminali huma kontra persuni differenti.


22      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawżi magħquda CRPNPAC u Vueling Airlines (C‑370/17 u C‑37/18, EU:C:2019:592, nota ta’ qiegħ il-paġna 106).


23      Kif tirrleva l-qorti tar-rinviju, il-qorti amministrattiva hija qorti ċivili, lato sensu.


24      Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Ara f’dan is-sens, fil-qasam tal-VAT, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, SC Cridar Cons (C‑582/20, EU:C:2022:114, punt 38).


26      Insemmi li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju japplika meta jiġu ddeterminati l-elementi oġġettivi li jikkostitwixxu reat li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, DELTA STROY 2003, C‑203/21, EU:C:2022:865, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Agentsia “Patna infrastruktura” (Finanzjament Ewropew ta’ infrastrutturi tat-toroq) (C‑471/22, EU:C:2024:99, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour fil-kawża Nemzeti Adatvédelmi és Információszabadság Hatóság (C‑132/21, EU:C:2022:661, punt 67).