Language of document : ECLI:EU:C:2009:94

Kawża C-465/07

Meki Elgafaji

u

Noor Elgafaji

vs

Staatssecretaris van Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State)

“Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Persuna li tista’ tkun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja — Artikolu 2(e) — Riskju reali li wieħed isofri periklu serju — Artikolu 15(ċ) — Theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat — Prova”

Sommarju tas-sentenza

1.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika ta’ ażil — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Kundizzjonijiet sabiex wieħed ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikolu. 15(b) u (ċ))

2.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika ta’ ażil — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2004/83 — Kundizzjonijiet sabiex wieħed ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja

(Direttiva tal-Kunsill 2004/83, Artikoli 2(e) u 15(ċ))

1.        Id-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tiegħu. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġustizzja tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ dan id-dritt fis-sistema ġuridika Komunitarja. Huwa madankollu l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva 2004/83, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jikkorrispondi essenzjalment għall-imsemmi Artikolu 3.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva huwa dispożizzjoni li l-kontenut tiegħu huwa distint minn dak tal-Artikolu 3 tal-KEDB, u l-interpretazzjoni tiegħu, għalhekk, issir b’mod awtonomu filwaqt li jibqa’ fil-parametri tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB.

(ara l-punt 28)

2.        L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) ta’ din l-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–       l-eżistenza ta’ theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ applikant għal protezzjoni sussidjarja mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar iressaq il-prova li huwa speċifikament effettwat minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu;

–       l-eżistenza ta’ dan it-theddid jista’ jiġi eċċezzjonalment ikkunsidrat bħala stabbilit jekk il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li għaddej, li jkun ġie kkonstatat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom tkun tressqet applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jew mill-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom tkun tressqet iċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, jilħaq livell daqstant għoli li jkunu jeżistu motivi serji u sostanzjali li jwasslu lil wieħed jemmen li pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, ikun qed jgħaddi minn riskju reali ta’ theddid serju minħabba s-sempliċi preżenza tiegħu fit-territorju tiegħu.

Din l-interpretazzjoni hija kompletament kompatibbli mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), inkluża l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

(ara l-punti 43, 44 u d-dispożittiv)