Language of document : ECLI:EU:C:2023:437

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑25 ta’ Mejju 2023 (1)

Kawża C10/22

Liberi editori e autori (LEA)

vs

Jamendo SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/26/UE – Immaniġġar kollettiv tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati – Organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv – Entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti – Aċċess għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 3 – Moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 16 – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 17 – Derogi – Artikolu 56 TFUE”






 Introduzzjoni

1.        Il-ġenesi tal-immaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur tmur lura għas-seklu XVIII, bil-ħolqien, fuq inizjattiva ta’ Pierre-Augustin Caron de Beaumarchais, awtur ta’ drammi teatrali indinjat bil-prattiki meqjusa bħala abbużivi tal-Comédie Française, ta’ grupp ta’ kittieba tat-teatru, li iktar tard sar is-Société des auteurs et compositeurs dramatiques (is-Soċjetà ta’ Awturi u Kompożituri Drammatiċi). Fl-Italja, kien fl-1882 li s-Società Italiana degli Autori, li saret is-Società Italiana degli Autori ed Editori (iktar ’il quddiem is-“SIAE”) li għadha topera sal-lum, inħolqot minn persunaġġi bħal Giuseppe Verdi, Giosuè Carducci u Edmondo de Amicis.

2.        Ir-raġuni għall-immaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex limitata għad-difiża, iktar effettiva għax kollettiva, tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet fil-konfront tal-utenti tax-xogħlijiet (2). Fil-fatt, in-numru kbir ta’ modi ta’ tixrid ta’ xogħlijiet u ta’ atturi li jieħdu sehem fihom, imsaħħaħ bl-internazzjonalizzazzjoni tal-kultura u, għalhekk, tal-użu tax-xogħlijiet, ħafna drabi jagħmlu ineffettiv, jekk mhux impossibbli, l-immaniġġar individwali, mill-awturi, tad-drittijiet tagħhom. Hija biss organizzazzjoni li tirrappreżenta diversi awturi, mogħnija bi struttura amministrattiva xierqa, li tista’ toħroġ, b’mod effikaċi u ekonomikament vijabbli, l-awtorizzazzjonijiet għall-użu tax-xogħlijiet lid-diversi utenti, li tiġbor u tqassam fost id-detenturi r-remunerazzjoni dovuta kif ukoll li tikkontrolla l-osservanza, mill-utenti, tal-kundizzjonijiet tal-użu tax-xogħlijiet, inkluż il-prosekuzzjoni tal-kontrafazzjonijiet.

3.        L-immaniġġar kollettiv, madankollu, ma jibbenefikax biss lid-detenturi tad-drittijiet. L-utenti jibbenefikaw ukoll minnu peress li għandhom il-possibbiltà li jirrikorru, għall-finijiet tal-kisba ta’ awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ diversi xogħlijiet, għand organizzazzjoni waħda, mingħajr ma jkollhom għalfejn ifittxu d-diversi detenturi tad-drittijiet tal-awtur u jikkuntrattaw individwalment magħhom.

4.        Din il-ħtieġa għall-effikaċja, kemm min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll min-naħa tal-utenti, wasslet għal sitwazzjoni ta’ monopolju tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Dan il-monopolju jista’ jkun ta’ natura legali, kif kien għadu reċentement il-każ tas-SIAE fl-Italja, jew jista’ jkun de facto, meta jikkoeżistu diversi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv iżda jkunu speċjalizzati skont il-kategoriji ta’ xogħlijiet jew drittijiet li jimmaniġġaw – b’tali mod li kull organizzazzjoni jkollha monopolju fil-qasam ta’ attività tagħha. Fil-livell internazzjonali, filwaqt li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv toħroġ awtorizzazzjonijiet għal użu fit-territorju tagħha stess, konformement mal-prinċipju ta’ territorjalità tad-drittijiet tal-awtur, grazzi għal network ta’ ftehimiet ta’ rappreżentanza reċiproka, hija tista’ toffri awtorizzazzjonijiet għax-xogħlijiet li jappartjenu lir-repertorji ta’ organizzazzjonijiet ta’ pajjiżi oħra, jiġifieri, fil-prattika, madwar id-dinja kollha.

5.        Sistema bħal din ovvjament għandha vantaġġi importanti. L-ewwel, mill-perspettiva tal-utenti, tippermetti, permezz tal-ħlas ta’ tariffa (royalty) waħda, spiss bħala somma f’daqqa, li wieħed ikollu aċċess, prattikament, għax-xogħlijiet kollha ta’ kategorija partikolari preżenti fis-suq u li jużahom mingħajr il-biża’ tal-possibbiltà li jitwettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur. It-tieni, din is-sistema tippermetti lill-artisti inqas magħrufa u x-xogħlijiet b’udjenza iżgħar, partikolarment għal raġunijiet kulturali u lingwistiċi, jikkoeżistu fis-suq fuq bażi ugwali mal-artisti li huma iktar popolari mal-pubbliku, mingħajr ma l-utenti joqgħodu “jistadu” mir-repertorji biss ix-xogħlijiet l-iktar popolari u, għalhekk, l-iktar ta’ profitt. It-tielet, is-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet territorjali u ta’ ftehimiet ta’ rappreżentanza tippermetti lill-organizzazzjonijiet li jimmaniġġaw repertorji iżgħar li jirċievu parti mid-dħul mill-użu, fit-territorji tagħhom, ta’ xogħlijiet ta’ fama internazzjonali, li mingħajrhom l-immaniġġar tar-repertorju tagħhom stess jista’ ma jkunx ta’ profitt minħabba l-ispejjeż fissi għoljin li tali mmaniġġar jiġġenera. Fl-aħħar nett, ir-raba’, il-kontroll tal-użu tax-xogħlijiet u l-prosekuzzjoni tal-kontrafazzjonijiet huma wkoll organizzati skont il-prinċipju ta’ territorjalità, li jiffaċilita bil-kbir dan il-kontroll u jagħmilha possibbli li jiġu limitati l-ispejjeż.

6.        Madankollu, din is-sistema ta’ mmaniġġar kollettiv ibbażata fuq il-monopolju u t-territorjalità trid taffaċċja żewġ sfidi kbar, l-ewwel ta’ natura legali, it-tieni ta’ natura fattwali.

7.        Minn naħa, fid-dritt tal-Unjoni, sistema bħal din tqajjem dubji kemm mil-lat tad-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll mil-lat tal-libertajiet tas-suq intern. Għalkemm id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Unjoni f’dawn iż-żewġ oqsma ppermettew li jiġi stabbilit ċertu bilanċ (3), madankollu ma ppermettewx li jitneħħew id-dubji kollha dwar il-kompatibbiltà tal-pożizzjoni ta’ monopolju tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv mad-dritt tal-Unjoni.

8.        Min-naħa l-oħra, id-dehra tat-teknoloġija diġitali u tal-internet ħarbtet ħafna l-pajsaġġ tal-ħolqien artistiku u t-tixrid tax-xogħlijiet. Issa, ma għadux meħtieġ li jkun hemm l-appoġġ ta’ dar editriċi jew ta’ studio biex jinħolqu u jitqassmu xogħlijiet letterarji, mużikali jew awdjoviżivi. It-tixrid permezz tal-internet huwa fil-biċċa l-kbira biżżejjed għal ħafna awturi, ħaġa li jissimplifika wkoll l-immaniġġar tad-drittijiet tagħhom u jagħmel l-eżerċizzju individwali tagħhom ħafna iktar realistiku. Fl-istess ħin, numru dejjem jikber ta’ utenti individwali ta’ xogħlijiet la għandhom il-mezzi u lanqas il-ħtieġa li jiksbu aċċess għar-repertorji kollha ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv. F’salib it-toroq ta’ din il-provvista u ta’ din id-domanda nħolqu entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, ta’ natura purament kummerċjali u li ħafna drabi joperaw permezz tal-internet, li l-istatus legali tagħhom u r-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv għadhom sors ta’ kunflitt minkejja r-rikonoxximent espress tagħhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

9.        Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tintalab tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula f’din il-kawża.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2000/31/KE

10.      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (4) jiddefinixxi s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni bħala “servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE (5)], kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE”

11.      Id-Direttiva 98/34 tħassret mid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (6). L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 ġie ssostitwit bl-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 2015/1535, li jgħid kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      ‘servizz’, tfisser kull servizz tas-Soċjetà tal-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

(i)      ‘mill-bogħod’ tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament;

(ii)      ‘b’mezzi elettroniċi’, tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi [trażmess], imwassal u rċevut għalkollox permezz ta’ wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi;

(iii)      ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’ tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

[…]”

12.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Suq Intern”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikunu applikabbli fl-oqsma li hemm referenza għalihom fl-Anness.

4.      L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill-paragrafu 2 fir-rigward ta’ servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

(a)      il-miżuri għandhom ikunu:

(i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

–        strateġija pubblika [ordni pubbliku], partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inklużi il-protezzjoni ta’ minuri u tal-ġlieda kontra t-tixwix għall-mibegħda fuq il-bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad-dinjità umana li jikkonċernaw persuni ndividwali,

–        il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,

–        is-sigurtà pubblika, inkluż is-salvagward tas-sigurtà nazzjonali u difiża,

–        il-protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

(ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għall-għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l-għanijiet;

(iii)      proporzjonat għal dawk l-għanijiet;

[…]”

13.      Skont l-Anness tad-Direttiva 2000/31:

“Bħal ma hemm disposizzjoni fl-Artikolu 3(3), l-Artikolu 3(1) u (2) mhuwiex applikabbli għal:

–        dritt ta’ l-awtur, drittijiet assoċjati, […]

[…]”

 IdDirettiva 2006/123/KE

14.      L-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (7) jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali li jħaffu l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-fornituri tas-servizzi u l-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi.

2.      Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas mil-privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi.

3.      Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi […]”

15.      Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […]”

16.      Skont il-punti 1, 5 u 7 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘servizz’, tfisser attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 50 tat-Trattat;

[…]

5)      ‘stabbiliment’, tfisser is-segwitu effettiv ta’ attività ekonomika, kif imsemmi fl-Artikolu 43 tat-Trattat, mill-fornitur għal perjodu indefinit u permezz ta’ infrastruttura stabbli li minnu n-negozju ta’ provvista ta’ servizzi qiegħed tassew iseħħ;

[…]

7)      ‘rekwiżit’, tfisser kwalunkwe obbligu, projbizzjoni, kondizzjoni jew limitu stipulat fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri […]”

17.      L-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

(a)      non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti;

(b)      bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent;

(ċ)      proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw il-libertà għall-provvista ta’ servizzi f’każ ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor billi jimponu xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

[…]

(d)      l-applikazzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali speċifiċi bejn il-fornitur u r-riċevitur li jxekklu jew jillimitaw il-provvista ta’ servizz minn dawk li jaħdmu għal rashom;

[…]”

18.      Fl-aħħar nett, skont il-punt 11 tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva:

“L-Artikolu 16 m’għandux japplika għal:

[…]

11)      drittijiet ta’ l-awtur, drittijiet tal-viċinat […]”

 Id-Direttiva 2014/26/UE

19.      Skont l-Artikolu 3(a) u (b) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (8):

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv’, tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha, u li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(i)      tkun ipposseduta jew ikkontrollata mill-membri tagħha;

(ii)      tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;

(b)      ‘entità ta’ mmaniġġjar indipendenti’, tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha u li:

(i)      la tkun ipposseduta u l-anqas ikkontrollata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mid-detenturi tad-drittijiet; u

(ii)      tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;”

20.      L-Artikolu 5(2), (4) u (6) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“2.      Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja d-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, għat-territorji tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbilment kemm tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kemm tad-detentur tad-drittijiet. Kemm-il darba l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jkollhiex raġunijiet oġġettivament ġustifikati biex tirrifjuta mmaniġġjar, hija għandha tiġi obbligata timmaniġġja tali drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor, kemm-il darba l-immaniġġjar tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività tagħha.

[…]

4.      Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jitterminaw l-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar tad-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor mogħtija minnhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew li jirtiraw minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv kwalunkwe wieħed mid-drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, kif determinat skont il-paragrafu 2, għat-territorji tal-għażla tagħhom […]

[…]

6.      Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tirrestrinġi l-eżerċitar tad-drittijiet previsti skont il-paragrafi 4 u 5 billi tirrikjedi, bħala kondizzjoni tal-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet, li l-immaniġġjar tad-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li huma suġġetti għat-terminazzjoni jew l-irtirar jiġi fdat lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.”

 Iddritt Taljan

21.      L-Artikolu 180 tal-legge n. 633 – Protezione del diritto d’autore e di altri diritti connessi al suo esercizio (il-Liġi Nru 633, dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur u ta’ Drittijiet Oħra Relatati mal-Eżerċizzju Tiegħu), tat‑22 ta’ April 1941 (9), kif emendata bid-decreto legge n. 148 recante “Disposizioni urgenti in materia finanziaria e per esigenze indifferibili” (id-Digriet Liġi Nru 148 dwar Dispożizzjonijiet Urġenti f’Materja Finanzjarja u Għal Ħtiġijiet Inderogabbli”), tas‑16 ta’ Ottubru 2017 (10) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur”), jipprovdi:

“L-attività ta’ intermedjarju, kemm jekk implimentata fi kwalunkwe forma diretta jew indiretta ta’ intervent, medjazzjoni, mandat, rappreżentazzjoni kif ukoll fil-forma ta’ ċessjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ rappreżentazzjoni, eżekuzzjoni, reċitazzjoni, xandir, inkluża l-komunikazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ satellita, u riproduzzjoni mekkanika u ċinematografika ta’ xogħlijiet protetti, hija rriżervata esklużivament lis-[SIAE] u l-organizzazzjonijiet l-oħra ta’ mmaniġġar kollettiv imsemmija fid-[decreto legislativo n. 35 – Attuazione della direttiva 2014/26/UE sulla gestione collettiva dei diritti d’autore e dei diritti connessi e sulla concessione di licenze multiterritoriali per i diritti su opere musicali per l’uso online nel mercato interno (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 35, li Jittrasponi d-Direttiva 2014/26) tal‑15 ta’ Marzu 2017 (11) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 35/2017”)].

Din l-attività tiġi eżerċitata biex jitwettqu:

1)      l-għoti, f’isem u fl-interess tal-aventi kawża, ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ xogħlijiet protetti;

2)      il-ġbir ta’ dħul minn tali liċenzji u awtorizzazzjonijiet;

3)      id-distribuzzjoni ta’ dan id-dħul fost l-aventi kawża.

[…]

Din l-esklużività ta’ setgħat hija mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-awtur, tas-suċċessuri tiegħu, jew tal-aventi kawża, li jeżerċitaw direttament id-drittijiet tagħhom irrikonoxxuti minn din il-liġi.

[…]”

22.      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 35/2017:

“Id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jafdaw lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv jew entità ta’ mmaniġġar indipendenti tal-għażla tagħhom bl-immaniġġar tad-drittijiet tagħhom, tal-kategoriji korrispondenti jew tipi ta’ xogħlijiet u oġġetti oħra protetti, għat-territorji li jindikaw, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbiliment tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv, tal-entità ta’ mmaniġġar indipendenti jew tad-detentur tad-drittijiet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 180 tal-[Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur], fir-rigward tal-attività ta’ intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.”

 Ilfatti filkawża prinċipali, ilproċedura u ddomanda preliminari

23.      Liberi editori e autori (iktar ’il quddiem “LEA”) hija organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv irregolata mid-dritt Taljan u awtorizzata għall-intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja (12).

24.      Jamendo SA hija kumpannija inkorporata taħt id-dritt Lussemburgiż. L-attività tagħha tikkonsisti f’żewġ partijiet. Minn naħa, taħt l-isem Jamendo Music, hija tikkomunika lill-pubbliku fuq is-sit internet tagħha xogħlijiet mużikali li l-artisti ppubblikaw fuq dan is-sit taħt l-hekk imsejħa liċenzji “Creative Commons” (13). Min-naħa l-oħra, taħt l-isem Jamendo Licensing, hija timmaniġġa d-drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali fdati lilha għal dan il-għan mill-artisti, billi toħroġ awtorizzazzjonijiet biss għal żewġ modi ta’ użu, jiġifieri bħala mużika fl-isfond fi ħwienet u stabbilimenti oħra li jilqgħu lill-pubbliku u bħala mużika fl-isfond għal xogħlijiet awdjoviżivi, b’mod partikolari dawk imqassma sussegwentement fuq l-internet. F’din it-tieni parti tal-attività tagħha, Jamendo għalhekk tippreżenta lilha nnifisha bħala entità ta’ mmaniġġar indipendenti fis-sens tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2014/26. Din l-attività tkopri, b’mod partikolari, it-territorju Taljan. Huwa dan it-tieni aspett li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali u tal-kawża preżenti. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Jamendo, l-attività tagħha ta’ mmaniġġar, kemm fir-rigward tal-kontribuzzjoni tad-drittijiet mill-artisti kif ukoll il-ħruġ ta’ permessi ta’ użu, titwettaq kompletament online, permezz tas-sit internet tagħha. Barra minn hekk, il-kuntratti konklużi minn Jamendo mal-artisti jeżiġu minnhom li dawn ikunu indipendenti, jiġifieri, b’mod partikolari, li ma jkunu affiljati ma’ ebda organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv jew marbuta ma’ tali organizzazzjoni b’mod li jipprekludihom milli jużaw s-servizzi ta’ mmaniġġar ta’ Jamendo madwar id-dinja.

25.      LEA ppreżentat quddiem it-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, rikors għal mandat ta’ inibizzjoni kontra Jamendo, sabiex jiġi ordnat li din tal-aħħar tieqaf mill-attività tagħha ta’ intermedjazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja. Insostenn ta’ din it-talba, LEA tinvoka l-fatt li Jamendo twettaq illegalment din l-attività fl-Italja għar-raġuni, l-ewwel, li ma hijiex irreġistrata fuq il-lista ta’ organizzazzjonijiet awtorizzati għall-intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Italja, it-tieni, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti speċifiċi previsti mid-Digriet Liġi Nru 35/2017 u, it-tielet, li ma għarrfitx lill-Ministero delle comunicazioni (il-Ministeru għat-Telekomunikazzjoni, l-Italja) qabel ma bdiet twettaq l-attività tagħha, bi ksur tal-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv.

26.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Jamendo ssostni li d-Direttiva 2014/26 ġiet trasposta b’mod żbaljat fid-dritt Taljan, billi tgħid li l-leġiżlatur Taljan naqas milli jikkonferixxi lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti d-drittijiet previsti minn din id-direttiva. F’dan ir-rigward, Jamendo tindika li, skont l-Artikolu 180 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Awtur, is-SIAE u l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv l-oħra msemmija hemmhekk biss jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ intermedjazzjoni fl-Italja, li għandu l-effett li jipprevjeni lill-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti milli joperaw fil-qasam tal-intermedjazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u li jġegħelhom jidħlu fi ftehimiet ta’ rappreżentanza mas-SIAE jew organizzzazzjonijiet oħra ta’ mmanniġġjar kollettiv awtorizzati.

27.      It-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma) taqbel sostanzjalment mal-interpretazzjoni tad-dritt Taljan proposta mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [2014/26], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-aċċess għas-suq tal-intermedjar tad-drittijiet tal-awtur, jew, fi kwalunkwe każ, il-konċessjoni ta’ liċenzji lill-utenti, biss lill-persuni li jistgħu jiġu kklassifikati, skont id-definizzjoni tal-istess direttiva, bħala organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, bl-esklużjoni ta’ dawk li jistgħu jiġu kklassifikati bħala entità ta’ mmaniġġar indipendenti, stabbiliti kemm fl-istess Stat kif ukoll fi Stati Membri oħrajn?”

28.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Jannar 2022. Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern Awstrijak. L-istess partijiet, kif ukoll il-Gvern Taljan, kienu rrappreżentati fis-seduta li saret fid‑9 ta’ Frar 2023.

 Analiżi

29.      L-analiżi fil-mertu ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ppreċeduta minn xi kjarifiki dwar l-ammissibbiltà tagħha. Barra minn hekk, jidhirli li hemm bżonn li jiġu speċifikati d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni u l-portata tad-domanda preliminari.

 Fuq lammissibbiltà

30.      Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali jsostnu pożizzjonijiet konverġenti intiżi, essenzjalment, għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni taż-żamma għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv biss, esklużi l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, tal-intermedjazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur sanċita fid-dritt Taljan. Għalhekk ikun possibbli li wieħed jistaqsi dwar ir-realtà tal-kawża prinċipali u l-ħtieġa tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju. Din il-kwistjoni kienet, barra minn hekk, espressament imqajma waqt is-seduta mill-Gvern Taljan, li invoka n-natura fittizja u artifiċjali ta’ din il-kawża sabiex ipoġġi f’dubju l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, nemmen li kjarifika tas-sitwazzjoni speċifika ta’ LEA u tar-rwol tagħha fis-suq Taljan ser tippermetti t-tneħħija ta’ dawn id-dubji.

31.      Fil-fatt, diġà kien hemm tilwima simili bejn is-SIAE u Soundreef Ltd., entità ta’ mmaniġġar indipendenti stabbilita fir-Renju Unit li ppruvat topera fl-Italja. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, l-istess qorti nazzjonali bħal dik f’din il-kawża kienet għamlet domanda preliminari simili lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, hija kienet irtirat it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari wara l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-partijiet (14). Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv irregolata mid-dritt Taljan, jiġifieri LEA, kienet ġiet inkarigata biex tirrappreżenta lil Soundreef fit-territorju Taljan.

32.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, LEA tispjega li, bħala organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv mingħajr skop ta’ lukru, ma hijiex f’pożizzjoni li tiżgura biżżejjed l-iżvilupp ekonomiku tagħha u li taffaċċja kompetizzjoni min-naħa ta’ entitajiet bħal Jamendo – kompetizzjoni li, fl-istat attwali tad-dritt Taljan, għandha karattru żleali. Għalhekk hija għandha interess leġittimu li tikseb il-projbizzjoni tal-attività ta’ Jamendo. Fl-istess ħin, bħala rappreżentant ta’ Soundreef, LEA għandha wkoll interess li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja twassal għal-liberalizzazzjoni tal-qafas legali Taljan. Għalhekk, fuq dan il-punt, hija tinsab allineata mal-interessi ta’ Jamendo.

33.      Il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex għalhekk, fil-fehma tiegħi, tali li jaffettwa r-realtà tal-kawża prinċipali u, sussegwentement, l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari (15).

 Fuq iddispożizzjonijiet taddritt talUnjoni applikabbli u fuq ilportata taddomanda preliminari

34.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda preliminari tagħha mill-perspettiva tad-Direttiva 2014/26. Madankollu, kif ser nuri iktar ’il quddiem, din id-direttiva ma tidhirx, waħedha, li tippermetti li tiġi solvuta l-problema li qiegħda taffaċċja din il-qorti. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa essenzjali li jiġu analizzati dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni sabiex din il-qorti tingħata risposta utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (16).

 IdDirettiva 2014/26

35.      Il-qari tal-premessi tad-Direttiva 2014/26 jista’ jagħti l-impressjoni li dan l-att jistabbilixxi liberalizzazzjoni ġġeneralizzata tal-immaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni, inkluż għall-benefiċċju ta’ entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-premessi 4 (17), 8 (18) u 15 (19). Madankollu, jidher, fid-dawl tal-parti normattiva tal-imsemmija direttiva, li din l-ambizzjoni ntlaħqet biss parzjalment, jew saħansitra ma ntlaħqitx, fir-rigward ta’ entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti.

36.      Fil-fatt huwa minnu li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/26 jagħti lid-detenturi tad-drittijiet fakultà ta’ għażla wiesgħa fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv li lilha jixtiequ jafdaw l-immaniġġar tad-drittijiet tagħhom mingħajr ma jimponi limitu fir-rigward tal-post ta’ residenza jew ta’ stabbiliment kemm tad-detentur kif ukoll tal-organizzazzjoni inkwistjoni. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv ma jistgħux, mingħajr raġuni valida, jirrifjutaw li jimmaniġġaw drittijiet, inklużi dawk tad-detenturi tad-drittijiet iddomiċiljati jew stabbiliti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.

37.      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2014/26 ma fiha ebda regola la fir-rigward tal-aċċess tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv għall-attività tagħhom, u lanqas fir-rigward tat-territorji li għalihom dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu joħorġu awtorizzazzjonijiet ta’ użu. Għalhekk, din id-direttiva ma tipprekludix ir-regoli nazzjonali tal-Istati Membri li jillimitaw kemm l-aċċess ta’ dawn il-organizzazzjonijiet għall-attività ta’ mmaniġġar kif ukoll il-portata territorjali tal-awtorizzazzjonijiet operattivi li dawn l-organizzazzjonijiet huma intitolati joħorġu (20). L-għażla għad-dispożizzjoni tad-detenturi tad-drittijiet taħt l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva għandha għalhekk tkun limitata għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv awtorizzati li joperaw fi Stati Membri differenti skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

38.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, id-Direttiva 2014/26 tirrikonoxxi l-eżistenza tagħhom, billi tagħtihom definizzjoni, u tissuġġettahom għal ċerti obbligi lejn id-detenturi u l-utenti u għal miżuri ta’ kontroll min-naħa tal-Istati Membri (21). Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma ssemmi l-libertà ta’ dawn l-entitajiet fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-immaniġġar tad-drittijiet tal-awtur. L-imsemmija direttiva tistabbilixxi, fl-Artikolu 5 tagħha, biss il-libertà ta’ għażla tad-detenturi tad-drittijiet bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv filwaqt li tonqos milli ssemmi l-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, u b’hekk tagħmel l-ewwel sentenza tal-premessa 15 tagħha ineffettiva. Huwa biss l-Artikolu 5(6) tal-istess direttiva, li jipprojbixxi lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv milli jillimitaw id-dritt ta’ rtirar tad-detenturi tad-drittijiet filwaqt li jobbligahom jafdaw id-drittijiet tagħhom lil organizzazzjoni oħra ta’ mmaniġġar kollettiv, li jissuġġerixxi li dawn id-detenturi tad-drittijiet għandhom il-kapaċità li jużaw metodi ta’ mmaniġġar oħra tad-drittijiet tagħhom, bħal immaniġġar individwali jew l-immaniġġar permezz ta’ entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti. Madankollu, il-libertà ta’ aċċess ta’ dawn l-entitajiet għall-attività b’ebda mod ma hija ggarantita.

39.      Ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għalhekk tista’ tkun biss negattiva, peress li d-Direttiva 2014/26 stess ma tipprekludix il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li jillimitaw l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur (22). Ir-risposta utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali għandha għalhekk tinstab f’dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

 Dispożizzjonijiet oħra taddritt talUnjoni applikabbli

40.      Skont l-informazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tagħha, Jamendo teżerċita n-negozju tagħha prinċipalment, jekk mhux esklużivament, online, permezz tas-sit internet tagħha. B’dan il-mezz mhux biss id-detenturi jafdawha bl-immaniġġar tad-drittijiet tagħhom iżda wkoll Jamendo toħroġ l-awtorizzazzjonijiet għall-użu. Għaldaqstant jidher li huwa servizz ipprovdut mill-bogħod, elettronikament u fuq talba ta’ destinatarju, jiġifieri servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/31. Huwa għalhekk fid-dawl ta’ din id-direttiva li għandha tiġi analizzata l-kwistjoni mqajma fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ma kkunsidratx l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva fil-kawża prinċipali, hija ma tindikax jekk, fil-fehma tagħha, is-servizzi ta’ Jamendo jistgħux jiġu kklassifikati bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” fis-sens tal-istess direttiva. Għalhekk ser ikun f’idejha li twettaq din l-evalwazzjoni.

41.      Jekk, wara l-evalwazzjoni fattwali li għadni kif esponejt, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-attività ta’ Jamendo ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, allura tqum il-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123 għal din l-attività (23). Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attività ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv (24). Iktar ’il quddiem ser nanalizza l-kwistjoni dwar jekk din l-esklużjoni hijiex valida għal entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti. Madankollu, nixtieq mill-bidu nirrimarka li għalkemm id-Direttiva 2014/26 hija siekta dwar il-libertà ta’ aċċess tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv u tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti fis-suq, dan huwa probabbilment minħabba li l-awturi ta’ din id-direttiva qiesu li hija ovvja l-applikazzjoni għal din l-attività tad-Direttiva 2006/123, kif tixhed il-proposta inizjali tad-Direttiva 2014/26 (25).

42.      Fl-aħħar nett, jekk la d-Direttiva 2000/31 u lanqas id-Direttiva 2006/123 ma kellhom jitqiesu applikabbli għall-attività ta’ entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, il-kwistjoni mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi analizzata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

 Fuq ilformulazzjoni taddomanda preliminari

43.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li d-domanda preliminari magħmula f’din il-kawża għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda mhux biss l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/26, iżda b’mod iktar ġenerali dik tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-konfigurazzjoni fattwali kkonċernata mill-kawża prinċipali. Din il-konfigurazzjoni fattwali għandha barra minn hekk tiġi riflessa fir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn tista’ tiddetermina kemm id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-marġni ta’ manuvra għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

44.      Barra minn hekk, fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-esklużjoni tal-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti “stabbiliti kemm fl-istess Stat [Membru (26)] kif ukoll fi Stati Membri oħrajn”. Madankollu, xejn fil-proċess ma jikkonferma li l-kawża prinċipali tikkonċerna kwalunkwe entità ta’ mmaniġġar indipendenti stabbilita fl-Italja, bl-unika entità kkonċernata tkun Jamendo li l-post ta’ stabbiliment tagħha jinsab fil-Lussemburgu. Issa, sa fejn ir-regoli applikabbli f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, li jikkonċernaw, rispettivament, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jistgħu jkunu differenti, ir-risposta dwar l-aċċess għall-attività minn entità ta’ mmaniġġar indipendenti stabbilita fl-Istat Membru inkwistjoni tkun ipotetika. Għalhekk nipproponi li l-analiżi tad-domanda preliminari tiġi limitata għas-sitwazzjoni ta’ entità ta’ mmanniġġjar indipendenti stabbilita fi Stat Membru ieħor.

45.      Għalhekk, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv (27), bl-esklużjoni ta’ entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

 Fuq iddomanda preliminari

46.      Kif diġà semmejt (28), filwaqt li d-Direttiva 2014/26, waħedha, ma ssolvix il-problema li taffaċċja l-qorti tar-rinviju, dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jistgħu madankollu jkunu applikabbli għall-kawża prinċipali. Għalhekk ser nanalizza l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħhom għal din it-tilwima u r-risposta li għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata għad-domanda preliminari kif ifformulata hawn fuq.

 IdDirettiva 2000/31

47.      Skont l-informazzjoni disponibbli, is-servizzi pprovduti minn Jamendo għandhom probabbilment, suġġetti għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jiġu kklassifikati bħala servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni koperti mid-Direttiva 2000/31 (29). Huwa għalhekk, fil-fehma tiegħi, f’din id-direttiva li għandha qabel kollox tinstab ir-risposta għad-domanda preliminari.

48.      Preliminarjament, id-Direttiva 2000/31 tintroduċi, fl-Artikolu 2(h), il-kunċett ta’ “qasam ikkoordinat”, li jkopri r-rekwiżiti previsti mid-dritt intern tal-Istati Membri u applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u għal dawn is-servizzi, irrispettivament minn jekk dawn ir-rekwiżiti ġewx iddisinjati speċifikament għal din il-kategorija ta’ servizzi jew jekk humiex ta’ natura ġenerali. Il-qasam ikkoordinat ikopri b’mod partikolari r-rekwiżiti li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni u ta’ notifika.

49.      Sussegwentement, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jagħmel distinzjoni bejn ir-regoli applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fl-Istat Membru inkwistjoni u dawk applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra. Fl-ewwel każ, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fit-territorji tagħhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet applikabbli għalihom taħt id-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrestrinġu l-moviment liberu tas-servizzi minn dawn l-Istati Membri l-oħra. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għalhekk jintroduċu l-prinċipju tal-Istat Membru tal-oriġini u r-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-attività tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (u l-eżerċizzju tagħha).

50.      Peress li Jamendo hija stabbilita fil-Lussemburgu, hija tinsab, fl-Italja, fis-sitwazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor. Issa, ir-restrizzjoni fuq l-attività tagħha li tirriżulta mill-fatt li d-dritt Taljan jirriżerva l-provvista ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv biss, fl-opinjoni tiegħi taqa’ b’mod ċar fil-qasam ikkoordinat inkwantu rekwiżit ta’ aċċess għall-attività ta’ servizz. Din ir-restrizzjoni għalhekk taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 u tmur kontra din id-dispożizzjoni.

51.      Huwa minnu li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jidderogaw minn din il-projbizzjoni fir-rigward tas-servizzi partikolari, sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu (a) ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, ir-restrizzjoni kontenzjuża ma hijiex miżura meħuda fir-rigward ta’ servizz partikolari, iżda hija ta’ natura ġenerali (30). Barra minn hekk, hija ma tissodisfa ebda waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 3(4)(a)(i) ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew il-protezzjoni tal-konsumatur.

52.      Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni kontenzjuża hija li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur, kemm fl-interess tas-sidien kif ukoll tal-utenti, inkluża l-promozzjoni ta’ awturi u xogħlijiet inqas magħrufa. Issa, la s-sidien li jafdaw l-immaniġġar tad-drittijiet tal-awtur tagħhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv jew lil entità ta’ mmaniġġar indipendenti, u lanqas utenti li jfittxu li jiksbu awtorizzazzjoni għall-użu pubbliku ta’ xogħlijiet ma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala konsumaturi, għaliex iwettqu dawn l-atti fil-kuntest ta’ attività professjonali u bi qligħ. Barra minn hekk, il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur, li jinkludi l-promozzjoni ta’ ċerti awturi jew ċerti xogħlijiet, jiżgura l-kisba ta’ interessi privati u ċertament ma jirrigwardax kwistjoni ta’ ordni pubbliku.

53.      Huwa minnu wkoll li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/31, moqri flimkien mal-anness tagħha, jeskludi l-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, “fil-każ tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati”. Din l-esklużjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi interpretata fis-sens li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jiġu eżentati mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, jiġifieri li r-regoli nazzjonali jibqgħu japplikaw, inkluż fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra (31).

54.      Madankollu, huwa d-dritt sostantiv dak li jirregola d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, konformement mal-prinċipju ta’ territorjalità ta’ dawn id-drittijiet. Għalhekk, meta servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jikkonsisti fl-użu ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati (pereżempju t-tixrid ta’ xogħlijiet online) jew jeħtieġ tali użu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 ma jeħilsux lill-fornitur tas-servizz mill-obbligu li jikseb l-awtorizzazzjoni ta’ użu għat-territorji tal-Istati Membri kollha li fihom jiġi pprovdut is-servizz tiegħu, u dan mhux biss għall-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu.

55.      Min-naħa l-oħra, ma nara ebda raġuni li tirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni tal-anness għad-Direttiva 2000/31 jew mill-għan tagħha li tinterpreta din tal-aħħar bħala li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 is-servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati. Il-fatt li d-dritt Taljan jirriżerva l-aċċess għal dawn is-servizzi lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv għalhekk ma jaqax taħt din id-deroga għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

56.      Mistoqsija waqt is-seduta dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/31 għal servizzi bħal dawk ipprovduti minn Jamendo, il-Kummissjoni esprimiet riżerva, filwaqt li rrilevat li l-fornitur ta’ tali servizzi li jagħti, b’mod partikolari, awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ xogħlijiet fi ħwienet “fiżiċi”, għandu jikkontrolla wkoll l-użu ta’ dawn ix-xogħlijiet f’dawn il-ħwienet – liema fatt ma jistax isir online. Madankollu, fl-ewwel lok, ma hemm ebda indikazzjoni li Jamendo fil-fatt jipprovdi tali servizz ta’ kontroll. Fit-tieni lok, kieku tali servizz “fiżiku” anċillari kien eskluż mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku previst minn din id-direttiva bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(h)(ii), dan ma jkunx jipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għas-servizzi li jikkostitwixxu l-qalba tal-attività tagħha u li huma pprovduti b’mezzi elettroniċi.

57.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li, fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-attività ta’ Jamendo taqa’ taħt id-Direttiva 2000/31, l-Artikolu 3(2) tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, filwaqt li teskludi lil entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

 IdDirettiva 2006/123

58.      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju jkollha tikkunsidra li l-attività ta’ Jamendo ma taqax taħt id-Direttiva 2000/31, din l-attività għandha tiġi ttrattata bħala provvista “fiżika” ta’ servizzi. Madankollu, tali servizzi huma bħala prinċipju rregolati mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123. Għalhekk hemm lok li tiġi analizzata, fl-ewwel, l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għall-attivitajiet bħal dawk ta’ Jamendo, imbagħad, it-tieni, il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tagħha f’din il-kawża.

–       Fuq lapplikabbiltà tadDirettiva 2006/123

59.      Id-Direttiva 2006/123 tistabbilixxi regoli ddettaljati dwar l-eżerċizzju ta’ żewġ libertajiet fundamentali tas-suq intern, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Id-determinazzjoni ta’ liema minn dawn il-libertajiet tapplika għal attività bħal din ta’ Jamendo ma hijiex daqshekk ovvja daqskemm tidher.

60.      Għalhekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tqis dan bħala impossibbli fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti mill-qorti tar-rinviju. Hija madankollu tipproponi li tibbaża ruħha fuq il-kriterji ta’ distinzjoni stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ta’ prinċipju tagħha Gebhard (32). Skont dawn il-kriterji, il-libertà ta’ stabbiliment tippermetti lil kull ċittadin ta’ Stat Membru jeżerċita attività ekonomika fi Stat Membru ieħor billi jistabbilixxi ruħu u dan għal perijodu indefinit. Min-naħa l-oħra, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tkopri s-servizzi kollha li ma humiex offruti b’mod stabbli u kontinwu, minn domiċilju professjonali fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (33). Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kriterji ta’ distinzjoni sempliċement jirriproduċu t-termini stess tat-Trattat. Fil-fatt, skont l-Artikolu 49 TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment tikkonċerna l-ħolqien ta’ kull forma ta’ impriżi u l-eżerċizzju tal-attività tagħhom, filwaqt li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tikkonsisti fl-eżerċizzju temporanju tal-attività tal-fornitur tas-servizz fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

61.      Madankollu, bħal f’ħafna oqsma oħrajn, l-internet qalleb bis-sħiħ dawn il-kategoriji, stabbiliti fid-dinja “reali” (34). Fil-fatt, jekk it-Trattat u, sussegwentement, il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Gebhard (35) jassoċjaw, minn naħa, l-eżerċizzju fit-tul tal-attività fi Stat Membru ma’ stabbiliment permanenti f’dan l-istess Stat Membru u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju temporanju ta’ attività bl-assenza ta’ tali stabbiliment, l-internet jippermetti l-eżerċizzju fit-tul ta’ attività mingħajr stabbiliment permanenti fl-Istat Membru li fih tiġi eżerċitata din l-attività. Sa fejn jiġi pprovdut servizz fuq l-internet, fi kwalunkwe każ, mill-bogħod, huwa irrilevanti jekk il-fornitur tas-servizz u l-klijent jinsabux fiżikament fl-istess Stat Membru jew f’żewġ Stati Membri differenti.

62.      Għalhekk jirriżulta li, fir-rigward tas-servizzi pprovduti permezz tal-internet, il-kriterji stabbiliti fis-sentenza Gebhard (36) huma ssorpassati u għandha ssir distinzjoni fuq premessi oħra.

63.      Fil-fehma tiegħi, minkejja n-natura potenzjalment dewwiema ta’ attività mwettqa permezz tal-internet fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor, tali attività għandha tiġi analizzata mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, is-soluzzjoni kuntrarja twassal għar-riżultat assurd li fornitur tas-servizz li ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru tad-destinazzjoni tas-servizz tiegħu madankollu jitqies li huwa stabbilit hemmhekk u jkollu jikkonforma ruħu mal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru mhux biss fir-rigward tal-attività tiegħu bħala tali, iżda wkoll fir-rigward tat-twaqqif u l-funzjonament tal-impriża tiegħu. Dan isir saħansitra iktar assurd jekk wieħed iqis li l-attivitajiet imwettqa fuq l-internet ħafna drabi huma maħsuba għal diversi Stati Membri jew saħansitra għal kull Stat Membru.

64.      Din il-konklużjoni ssib konferma indiretta fid-Direttiva 2000/31. Għalkemm din id-direttiva ma tiħux apertament pożizzjoni dwar id-distinzjoni bejn il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi tiġbor id-dispożizzjonijiet rilevanti taħt il-bandiera ta’ “suq intern” (37), hija madankollu tistabbilixxi distinzjoni ċara bejn l-Istati Membri li fihom fornitur tas-servizz huwa stabbilit (38), li l-obbligi tiegħu huma ddefiniti fl-Artikolu 3(1) tiegħu, u l-Istati Membri li fihom servizz huwa pprovdut minn Stat Membru ieħor, li għandhom jikkonformaw ruħhom mar-regoli ddefiniti fl-Artikolu 3(2) et seq. tiegħu. Din id-distinzjoni għalhekk tirrifletti dik li ssir bejn l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (39).

65.      Konsegwentement, u fid-dawl tal-informazzjoni dwar l-attività ta’ Jamendo li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju u ssupplimentata fl-osservazzjonijiet ta’ din il-kumpannija, jiena tal-fehma li, f’din il-kawża, huwa xieraq li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

66.      Fid-Direttiva 2006/123, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jinsabu fl-Artikolu 16 tagħha. Madankollu, bis-saħħa tal-punt 11 tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 16 ma japplikax, b’mod partikolari, għad-“drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati”.

67.      Fis-sentenza OSA, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba din l-esklużjoni, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 ma japplikax għall-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur (40). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, wara li segwiet l-Avukat Ġenerali Sharpston (41) fuq dan il-punt, li peress li servizzi biss jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16, l-esklużjoni li tinsab fil-punt 11 tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva għandha neċessarjament tikkonċerna s-servizzi fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, bħas-servizzi pprovduti minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv (42).

68.      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma jidhirlix li hija konvinċenti fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. Issa, peress li din hija kwistjoni ta’ importanza fundamentali għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid is-sens u l-portata tal-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

69.      Id-Direttiva 2006/123 tipprevedi diversi esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi fl-Artikolu 16 tagħha. Fejn esklużjoni tikkonċerna kategorija ta’ servizzi, din id-direttiva tindika dan espressament. Dan huwa partikolarment il-każ għall-esklużjonijiet elenkati fl-Artikolu 2(2) tagħha, li juża t-terminu “servizzi” biex jindika kull attività kkonċernata. Dan huwa wkoll il-każ għal ċerti esklużjonijiet elenkati fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fil-punt 1, li jikkonċerna “[s]ervizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, u fil-punt 5, relatat ma’ “attività ta’ rkupru ġudizzjarju ta’ djun”.

70.      Min-naħa l-oħra, ċerti esklużjonijiet oħra ma jirrigwardawx manifestament kategoriji ta’ servizzi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123, li bis-saħħa tiegħu din id-direttiva ma tapplikax f’materji fiskali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-esklużjoni ma tikkonċernax is-servizzi, iżda r-regoli fiskali tal-Istati Membri (43). L-istess jgħodd, neċessarjament, fir-rigward tal-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, għall-punti 6 (li jirreferi espressament għar-“rekwiżiti fl-Istat Membru fejn jiġi provdut is-servizz”), 8 (“formalitajiet amministrattivi li jikkonċernaw il-moviment liberu ta’ persuni u r-residenza tagħhom”), 9 (“il-possibbiltà għal Stati Membri li jitolbu viża jew permessi ta’ residenza”), 12 (“atti li jeħtieġu bil-liġi l-involviment ta’ nutar”), 14 (“ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi”) u 15 (id-“dispożizzjonijiet rigward l-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali”), li b’mod ċar jikkonċernaw mhux kategoriji ta’ servizzi, iżda miżuri fis-seħħ fl-Istati Membri. Fl-aħħar nett, l-esklużjonijiet previsti fil-punti 2, 3, 4, 10 u 13 tal-Artikolu 17 tal-istess direttiva, li jikkonċernaw “kwistjonijiet” koperti minn atti differenti tad-dritt tal-Unjoni, ma jidhrux li jikkonċernaw kategoriji ta’ servizzi, iżda regolamentazzjoni fl-oqsma diġà armonizzati fil-livell tad-dritt tal-Unjoni.

71.      Il-premessa li l-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 previsti fl-Artikolu 17 tagħha jistgħu jikkonċernaw biss is-servizzi għalhekk ma seħħitx u ma tistax isservi bħala bażi għall-interpretazzjoni tal-esklużjoni prevista fil-punt 11 ta’ dan l-artikolu u li jikkonċerna, nirrepeti, b’mod partikolari d-“drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati”.

72.      Kif ġie indikat iktar ’il fuq, ħafna mill-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/123 jirrigwardaw miżuri fis-seħħ fl-Istati Membri. Dawn l-esklużjonijiet għandhom jinftiehmu fis-sens li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali, kif speċifikat fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u li l-fornituri tas-servizzi ma jistgħux jagħmlu użu minn din il-libertà sabiex jevadu l-obbligi li dawn il-miżuri jimponu fuqhom.

73.      Fil-fehma tiegħi, l-esklużjoni prevista fil-punt 11 tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/123 għandha tiġi interpretata bl-istess mod. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta biss li l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-awtur sostantivi tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tas-servizz u tal-obbligi għall-fornitur, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-użu tax-xogħlijiet. Għalhekk din tkun interpretazzjoni simili għal dik tal-esklużjoni analoga prevista mid-Direttiva 2000/31 (44). Min-naħa l-oħra, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi s-servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123, kien jgħid hekk espressament.

74.      Għalhekk, jien tal-fehma li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 huwa kompletament applikabbli għall-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti kif iddefiniti fid-Direttiva 2014/26.

–       Fuq leffetti tadDirettiva 2006/123

75.      Bħall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123 jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħra biss permezz ta’ miżuri ġġustifikati minn waħda mill-erba’ raġunijiet elenkati fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 1, jiġifieri l-ordni, is-saħħa u s-sigurtà pubblika kif ukoll il-protezzjoni tal-ambjent. Issa, ir-restrizzjoni kontenzjuża ma tista’ tiġi ġġustifikata minn ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet (45).

76.      Barra minn hekk, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2006/123 jelenka r-rekwiżiti li jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li huma assolutament ipprojbiti. L-Artikolu 16(2)(d) ta’ din id-direttiva jirreferi għall-“applikazzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali speċifiċi bejn il-fornitur u r-riċevitur li jxekklu jew jillimitaw il-provvista ta’ servizz minn dawk li jaħdmu għal rashom”. Issa, skont l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2014/26, organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv għandha tissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin, jiġifieri li tkun miżmuma jew ikkontrollata mill-membri tagħha jew li tkun mingħajr skop ta’ lukru. Billi jirriżerva l-attività ta’ intermedjazzjoni fi kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-awtur lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, id-dritt Taljan b’dan il-mod jeħtieġ li l-fornituri tas-servizzi jew jadottaw reġim kuntrattwali speċifiku mad-detenturi tad-drittijiet li huma r-riċevituri tas-servizzi tagħhom, jew iwettqu l-attività tagħhom mingħajr skop ta’ lukru. Fiż-żewġ każijiet, dan jillimita l-provvista tas-servizz fuq bażi indipendenti, jew billi jagħmel lill-fornitur tas-servizz dipendenti fuq id-destinatarji, jew billi jipprekludih milli jkompli l-attività tiegħu b’mod ekonomikament vijabbli. Inqis li tali rekwiżit huwa kjarament kuntrarju għall-Artikolu 16(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.

77.      Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/123, din id-direttiva ma tittrattax il-liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Issa, tali natura tas-servizzi pprovduti minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv tqajmet matul is-seduta mill-Gvern Taljan. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tneħħix is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (46). Barra minn hekk, ir-restrizzjoni kontenzjuża tikkonsisti mhux fl-attribuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess ġenerali lil organizzazzjoni speċifika (47) iżda f’li ċerta attività ekonomika, jiġifieri l-intermedjazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, tiġi rriżervata lil kategorija ta’ atturi ekonomiċi, jiġifieri organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv.

78.      Għalkemm tali organizzazzjonijiet, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan u tad-Direttiva 2014/26, għandhom ċerti obbligi lejn id-detenturi tad-drittijiet, dawn huma obbligi imposti mhux fl-interess ġenerali iżda fl-interess ta’ dawn id-detenturi, li jikkostitwixxu grupp professjonali speċifiku u ma għandhomx jiġu konfużi mal-popolazzjoni kollha kemm hi. Dawn l-obbligi jistgħu jiġu pparagunati, pereżempju, ma’ dawk li kumpannija għandha lejn l-azzjonisti tagħha. Madankollu, dawn ma jikkostitwixxux missjoni ta’ interess ġenerali (48). Għalhekk nara hawnhekk, kuntrarjament għall-Gvern Taljan, differenza ċara bejn ir-rwol tal-organizzazzjonijiet għall-immaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u s-servizzi ta’ interess ġenerali esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 17 tagħha, bħas-servizzi postali, id-distribuzzjoni tal-elettriku, tal-gass u tal-ilma jew it-trattament tal-iskart(49).

79.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2006/123, li jgħid li din id-direttiva ma tittrattax it-tneħħija tal-monopolji li jipprovdu servizzi, għandi dubji, minħabba n-natura enigmatika u astratta tiegħu, dwar il-fatt jekk din dispożizzjoni għandhiex kwalunkwe valur normattiv awtonomu. Madankollu, fi kwalunkwe każ ma jidhirlix li hawn wieħed jista’ jitkellem dwar monopolju.

80.      Minn naħa, id-Direttiva 2014/26, billi tat lid-detenturi fakultà ta’ għażla wiesgħa fir-rigward tal-mod li bih jixtiequ jimmaniġġaw id-drittijiet tagħhom, li jinkludi kemm l-għażla ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv ta’ Stat Membru ieħor kif ukoll l-użu tal-immaniġġar individwali, dgħajfet serjament il-pożizzjoni monopolistika tal-organizzazzjonijiet tal-immaniġġar kollettiv f’dan l-aspett tal-attività tagħhom.

81.      Min-naħa l-oħra, id-dritt Taljan, billi aċċetta l-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv li jikkompetu mas-SIAE, bħal LEA, u billi ppermetta l-eżerċizzju dirett tal-attività ta’ intermedjazzjoni fis-suq Taljan minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv minn Stati Membri oħra, abolixxa huwa stess l-esklużività tas-SIAE, li ma għadhiex f’pożizzjoni ta’ monopolju la de iure u lanqas de facto.

82.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 2006/123 ma jipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, inklużi dawk tal-Artikolu 16 tagħha, għall-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur minn entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti.

83.      Jien għalhekk tal-fehma li, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-Direttiva 2000/31 ma tapplikax għall-attività ta’ Jamendo, l-Artikolu 16(1) u (2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, bl-esklużjoni ta’ entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

 Fuq l-Artikolu 56 TFUE

84.      L-interpretazzjoni tad-Direttivi 2000/31 u 2006/123 għandha tkun biżżejjed għas-soluzzjoni, skont id-dritt tal-Unjoni, tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux fid-dawl tad-dritt primarju, iżda ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni (50). Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/123, ser nanalizza fil-qosor, sussidjarjament, is-sitwazzjoni f’din il-kawża mill-perspettiva tal-Artikolu 56 TFUE (51).

85.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet ikkonfrontata b’sitwazzjoni simili għal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tat lok għas-sentenza OSA. Qabel kollox, hija kkonkludiet, f’din is-sentenza, li l-projbizzjoni fuq il-provvista transkonfinali tas-servizzi ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur minħabba l-monopolju f’dan il-qasam ta’ organizzazzjoni nazzjonali ta’ mmaniġġar kollettiv tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandha tiġi ġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, fosthom il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (52).

86.      Sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-monopolju tal-immaniġġar tad-drittijiet relatati ma’ kategorija ta’ oġġetti protetti fdati f’idejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv, flimkien ma’ sistema ta’ ftehim ta’ rappreżentanza reċiproka ma’ organizzazzjonijiet barranin analogi, jaqa’ fil-kuntest tal-protezzjoni tterritorjalizzata tad-drittijiet tal-awtur u huwa xieraq u proporzjonat għall-għan imfittex (53).

87.      B’mod partikolari, hija kkonstatat li ma hemm ebda metodu ieħor li jagħmilha possibbli li jiġu protetti d-drittijiet tal-awtur b’mod daqshekk effettiv u li l-possibbiltà għall-utenti li jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw xogħlijiet minn kwalunkwe organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv għal kwalunkwe territorju toħloq problemi sinjifikattivi ta’ kontroll fuq l-użu tad-drittijiet u d-distribuzzjoni tat-tariffi (royalties) (54). Konxja mill-bidla imminenti fl-ambjent legali għall-immaniġġar tad-drittijiet tal-awtur (55), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb issemmi li l-analiżi tagħha kienet tirrigwarda l-“istat attwali tad-dritt tal-Unjoni” (56).

88.      Madankollu, it-tagħlim tas-sentenza OSA fuq dan il-punt jidhirli li ftit li xejn huwa utli għas-soluzzjoni tal-kawża preżenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, dak li huwa inkwistjoni ma huwiex id-dritt ta’ utent li jirrikorri għal organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv fi Stat Membru ieħor sabiex jikseb awtorizzazzjoni biex juża xogħlijiet li d-drittijiet tagħhom huma mmaniġġati minn organizzazzjoni nazzjonali, bħalma kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza OSA, iżda d-dritt ta’ entità ta’ mmaniġġar indipendenti li timmaniġġa drittijiet li l-immaniġġar tagħhom ma jiġi fdat lil ebda organizzazzjoni oħra ta’ mmaniġġar kollettiv, sew jekk stabbilita fit-territorju nazzjonali sew jekk xi mkien ieħor.

89.      Issa, kif diġà osservajt fil-parti ta’ dawn il-konklużjonijiet iddedikata lid-Direttiva 2006/123, kemm b’riżultat tad-Direttiva 2014/26 kif ukoll tal-liberalizzazzjoni tad-dritt Taljan, f’dan il-qasam il-monopolju analogu għal dak analizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza OSA ma jeżistix iktar fl-Italja – l-intermedjazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur tista’ tiġi eżerċitata minn organizzazzjonijiet differenti ta’ mmaniġġar kollettiv, sew jekk nazzjonali sew jekk stabbiliti fi Stati Membri oħra. Entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti biss huma esklużi mill-aċċess għal din l-attività. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata mill-argumenti adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza OSA.

90.      Il-Gvern Taljan jinvoka, bħala ġustifikazzjoni, in-natura speċifika tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv li huma kkontrollati mill-membri tagħhom u li ma għandhomx skop ta’ lukru, l-obbligi tagħhom lejn id-detenturi tad-drittijiet kif ukoll il-benefiċċji ta’ mmanniġġjar ċentralizzat tad-drittijiet tal-awtur għal repertorji inqas popolari mal-pubbliku u, b’hekk, għall-iżvilupp tal-kultura.

91.      Madankollu, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/26, ħafna mill-obbligi li jaqgħu fuq l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv jikkonċernaw ukoll entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti. Għalhekk, fir-rigward tal-garanziji għad-detenturi tad-drittijiet, dawn l-entitajiet jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv.

92.      Sussegwentement, huwa ċertament minnu li l-appartenenza għal organizzazzjoni ewlenija ta’ mmaniġġar kollettiv, bin-network tagħha ta’ ftehimiet ta’ rappreżentanza reċiproka, tista’ tkun ta’ benefiċċju għal bosta artisti u tippromwovi distribuzzjoni wiesgħa tax-xogħlijiet tagħhom. Madankollu, dan mhux dejjem huwa minnu għal kulħadd (57) u, fiċ-ċirkustanzi attwali tas-suq, xi wħud jistgħu jkunu ssodisfatti, għall-inqas temporanjament, bis-servizzi limitati ta’ mmaniġġar bħal dawk offruti minn Jamendo. Il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur huma, jidhirli, informati biżżejjed biex jagħżlu b’mod awtonomu l-iktar mod effettiv biex jipproteġu l-interessi tagħhom. Il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ma tistax tiġġustifika ostakoli għat-twettiq ta’ din il-protezzjoni bl-iktar mod xieraq skont il-partijiet interessati nnifishom.

93.      Jien għalhekk tal-fehma li l-esklużjoni ta’ entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti mill-attività ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, kif previst fid-dritt Taljan, ma hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE.

 Konklużjoni

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domanda magħmula mit-Tribunale ordinario di Roma (il-Qorti Distrettwali ta’ Ruma, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, u l-Artikolu 16(1) u 2(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv, bl-esklużjoni tal-entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.


1      Lingwa oriġinal: il-Franċiż.


2      B’“utenti” hawn nifhem in-nies u l-entitajiet li jużaw ix-xogħlijiet biex jagħtu aċċess għalihom lill-pubbliku. Huwa għalhekk meħtieġ li ssir distinzjoni bejn dawn l-utenti u l-membri tal-pubbliku, li jistgħu jitqiesu bħala “utenti finali”.


3      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ April 2013, CISAC vs Il‑Kummissjoni (T‑442/08, EU:T:2013:188), u tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA (C‑351/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza OSA”, EU:C:2014:110).


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.


5      Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).


6      ĠU 2015, L 241, p. 1.


7      ĠU 2006, L 376, p. 36.


8      ĠU 2014, L 84, p. 72, rettifika fil-ĠU 2022, L 245, p. 71.


9      GURI Nru 166, tas‑16 ta’ Lulju 1941.


10      GURI Nru 242, tas‑16 ta’ Ottubru 2017.


11      GURI Nru 72 tas‑27 ta’ Marzu 2017.


12      Dwar ir-rwol speċifiku ta’ din l-organizzazzjoni, ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Dan huwa għalhekk mmanniġġjar individwali tad-drittijiet mill-awturi u r-rwol ta’ Jamendo hawnhekk huwa dak ta’ utent li jqassam ix-xogħlijiet.


14      Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 2019, S.I.A.E. (C‑781/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:656).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 38). Għalhekk, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Marzu 1980, Foglia (104/79, EU:C:1980:73, punti 10 sa 13), invokata mill-Gvern Taljan fis-seduta, ma hijiex applikabbli hawnhekk.


16      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita (ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras, C‑354/21, EU:C:2023:184, punt 35).


17      Din il-premessa tiddikjara li “[m]eta jkunu stabbiliti fl-Unjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv għandhom ikunu jistgħu jgawdu l-libertajiet ipprovduti mit-Trattati meta jkunu qed jirrappreżentaw id-detenturi tad-drittijiet li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew ikunu qed joħorġu liċenzji lill-utenti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra.”


18      Din il-premessa tiddikjara b’mod partikolari li “[l]-għan ta’ din id-Direttiva hu li tipprovdi għal koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati”.


19      Din il-premessa tiddikjara, fl-ewwel sentenza, li “[d]-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu liberi li jafdaw l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom f’idejn entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti”.


20      Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tad-Direttiva 2014/26 jorganizzaw sistema ta’ liċenzji multiterritorjali għad-distribuzzjoni ta’ mużika online. Madankollu, dan jibqa’ barra mill-qasam ta’ din il-kawża.


21      Dawn huma elenkati fl-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva.


22      Għal interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/26 f’dan is-sens, ara, Spina Ali, G., “Collective monopolies: SIAE v. Soundreef and the implementation of Directive 2014/26 in Italy”, European Intellectual Property Review, 2018, Nru 40, p. 113 sa 128.


23      Infakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123, l-atti tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-attivitajiet ta’ servizzi f’setturi speċifiċi għandhom prijorità fuq id-dispożizzjonijiet tagħha. Dan neċessarjament jikkonċerna s-settur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, irregolat mid-Direttiva 2000/31.


24      Sentenza OSA, punti 64 sa 66.


25      COM(2012) 372 final. Il-premessa 3 ta’ din il-proposta għal direttiva ddikjarat li “[m]eta jkunu stabbiliti fl-Unjoni, is-soċjetajiet kollettriċi – bħala fornituri tas-servizzi – għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti nazzjonali skont id-Direttiva [2006/123] li tfittex li toħloq qafas ġuridiku biex tiżgura l-libertà ta’ stabbilment u l-moviment ħieles ta’ servizzi bejn l-Istati Membri. Dan jimplika li s-soċjetajiet kollettriċi għandhom ikunu liberi li jipprovdu s-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri biex jirrappreżentaw id-detenturi tad-dritt residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew biex joħorġu liċenzji lill-utenti residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra”. Din il-premessa semmiet biss organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv (soċjetajiet kollettriċi), peress li d-direttiva proposta ma inkludietx fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha entitajiet ta’ mmaniġġar indipendenti, li ġew miżjuda matul il-proċedura leġiżlattiva. Riferiment għad-Direttiva 2006/123 deher ukoll fil-premessa 8 ta’ din il-proposta għal direttiva. Għalkemm ir-riferimenti għal din id-direttiva tħassru matul ix-xogħlijiet leġiżlattivi, l-applikabbiltà tagħha għad-diversi attivitajiet ta’ servizz ġejja mid-dispożizzjonijiet tagħha stess u mhux mill-premessi ta’ att ieħor tad-dritt tal-Unjoni.


26      L-istess bħal dak li introduċa r-regoli kontenzjużi.


27      Skont it-tweġiba mogħtija fis-seduta mill-Gvern Taljan għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv stabbiliti fi Stati Membri oħra jistgħu jeżerċitaw direttament l-attività ta’ mmaniġġar tad-drittijiet tal-awtur fit-territorju Taljan.


28      Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Dan l-aspett ma huwiex deċiżiv hawnhekk, għalhekk mhux ser nanalizzah fid-dettall. Min-naħa l-oħra, dan qiegħed fil-qalba tal-Kawża C‑376/22, Google Ireland et, li għaliha ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi fit‑8 ta’ Ġunju 2023.


31      Ara, f’dan is-sens, De Miguel Asensio, P., Conflict of Laws and the Internet, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2020, p. 73.


32      Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995 (C‑55/94, EU:C:1995:411, punti 25 sa 27).


33      Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 148 u 150).


34      Għall-kuntrarju tad-dinja hekk imsejħa “virtwali” kkostitwita mill-internet.


35      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995 (C‑55/94, EU:C:1995:411).


36      Sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995 (C‑55/94, EU:C:1995:411).


37      Ara t-titolu tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.


38      Bil-kunċett ta’ “min hu stabbilit li jipprovdi servizz” ikun iddefinit fl‑Artikolu 2c) tad-Direttiva 2000/31.


39      Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment”, li tinsab fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, tirrikjedi l-eżistenza ta’ infrastruttura stabbli li minnha tiġi effettivament żgurata l-provvista tas-servizz. Bil-maqlub, għalhekk, fin-nuqqas ta’ tali infrastruttura stabbli, provvista ta’ servizz titqies li hija transkonfinali, anki jekk tkun ta’ natura dewwiema.


40      Sentenza OSA, punt 65.


41      Ara l-konklużjonijiet tagħha fil-kawża OSA (C‑351/12, EU:C:2013:749, punt 64).


42      Sentenza OSA, punt 65.


43      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK (C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 38).


44      Ara l-punti 53 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Fir-rigward tar-raġunijiet sottostanti tar-restrizzjoni kontenzjuża, ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punti 43 u 44).


47      Kif jidher li teħtieġ il-premessa 70 tad-Direttiva 2006/123 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”.


48      Ma neskludix li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv jistgħu jiġu fdati b’missjonijiet ta’ interess ġenerali, bħall-kontribut, finanzjarju jew b’mod ieħor, għall-iżvilupp tal-kultura. Madankollu, din hija attività differenti, strettament, mill-immaniġġar tad-drittijiet tal-awtur.


49      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà rrifjutat lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur l-istatus ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il‑Kummissjoni (7/82, EU:C:1983: 52, punti 29 sa 32).


50      Ara, l-iktar reċenti, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, KOB (C‑206/19, EU:C:2020:463, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva 2006/123, ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 23 et seq.).


51      Fuq il-libertà tas-suq intern applikabbli, ara l-punti 59 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Sentenza OSA, punti 69 sa 71.


53      Sentenza OSA, punti 72 sa 78.


54      Sentenza OSA, punt 76 sa 77.


55      Is-sentenza OSA ngħatat l-għada tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/26.


56      Idem.


57      Skont studju tal-2009, iktar minn nofs il-membri tas-SIAE kien jirċievi ħlasijiet li lanqas ikopru l-ispejjeż ta’ adeżjoni għal din l-organizzazzjoni (Spina Ali, G., op. cit.).