Language of document : ECLI:EU:C:2024:405

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

16 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Proċedura għal ordni ta’ ħlas – Kunċett ta’ ‘domiċilju’ – Ċittadin ta’ Stat Membru li għandu l-indirizz permanenti tiegħu f’dan l-Istat Membru u l-indirizz attwali tiegħu fi Stat Membru ieħor – Impossibbiltà li jinbidel jew li jiġi rrinunzjat dan l-indirizz permanenti”

Fil-Kawża C‑222/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2023, fil-proċedura

“Toplofikatsia Sofia” EAD

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Artikolu 21 TFUE, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (ĠU 2020, L 405, p. 40, rettifiki fil-ĠU 2023, L 188, p. 6, u fil-ĠU L, 2024/90073, 2.2.2024).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, mibdija minn “Toplofikatsia Sofia” EAD, fornitriċi tal-enerġija termali, kontra V.Z.A., klijent debitur, għal somma flus ta’ ammont li jirrappreżenta l-valur tat-tisħin ipprovdut għall-appartament tiegħu, li jinsab f’Sofija (il-Bulgarija).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament Nru 1215/2012

3        Il-premessi 13 u 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(13)      Għandu jkun hemm rabta bejn il-proċedimenti li għalihom japplika dan ir-Regolament u t-territorju tal-Istati Membri. Għalhekk, ir-regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni għandhom, bħala prinċipju, japplikaw meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru.

[…]

(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.”

4        Fi kliem l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

2.      Persuni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jiddisponi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

6        Il-punt 1 tal-Artikolu 7 tal-istess regolament jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)      (a)      fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)      għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [provvista ta’ servizzi], il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati [is-servizzi ġew ipprovduti] jew suppost li kienu kkonsenjati [ipprovduti];

(c)      jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a)”.

7        Konformement mal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“1.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-kwistjoni, il-qorti għandha tapplika l-liġi interna tiegħu.

2.      Jekk parti ma tkunx domiċiljata fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-kwistjoni, allura, sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fi Stat Membru ieħor, il-qorti għandha tapplika il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

 IrRegolament 2020/1784

8        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2020/1784, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi:

“1.      Dan ir-Regolament japplika għan-notifika transfruntiera ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali. […]

2.      Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7, dan ir-Regolament ma japplikax meta l-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata b’dokument ma jkunx magħruf.

[…]”

9        Konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Assistenza f’inkjesti dwar indirizzi”:

“1.      Meta l-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata b’dokument ġudizzjarju jew extraġudizzjarju fi Stat Membru ieħor ma jkunx magħruf, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi assistenza biex jiġi ddeterminat l-indirizz b’mill-inqas wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)      jipprovdi għall-awtoritajiet maħturin li lilhom l-aġenziji mittenti jkunu jistgħu jindirizzaw talbiet dwar id-determinazzjoni tal-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata;

(b)      iħalli lil persuni minn Stati Membri oħra jippreżentaw talbiet, inkluż b’mod elettroniku, għal informazzjoni dwar indirizzi ta’ persuni li għandhom jiġu nnotifikati direttament fir-reġistri dwar id-domiċilju jew f’bażijiet tad-data oħra pubblikament aċċessibbli permezz ta’ formola standard disponibbli fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika; jew

(c)      jipprovdi informazzjoni dettaljata, permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, dwar kif għandhom jinstabu l-indirizzi tal-persuni nnotifikati.

2.      Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja, bil-ħsieb li ssir disponibbli permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika:

(a)      il-mezzi ta’ assistenza li l-Istat Membru ser jipprovdi fit-territorju tiegħu skont il-paragrafu 1;

(b)      fejn applikabbli, l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1;

(c)      jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat humiex ser jippreżentaw, fuq inizjattiva tagħhom stess, talbiet lir-reġistri dwar id-domiċilju jew lill-bażijiet tad-data oħra għal informazzjoni dwar l-indirizzi f’każijiet fejn l-indirizz indikat fit-talba għan-notifika ma jkunx korrett.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.”

10      L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, intitolat “Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċedimenti” jipprevedi:

“1.      Meta dokument li jniedi l-proċedimenti jew l-ekwivalenti tiegħu kellu jiġi trażmess lil Stat Membru ieħor għall-fini ta’ notifika skont dan ir-Regolament u l-konvenut ma deherx għall-proċedimenti, is-sentenza ma għandhiex tinqata’ qabel ma jiġi stabbilit li n-notifika jew il-konsenja tad-dokument kienet saret kmieni biżżejjed biex tippermetti lill-konvenut jippreżenta d-difiża tiegħu u li:

(a)      id-dokument kien innotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi tal-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew

(b)      id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tal-konvenut b’metodu ieħor previst minn dan ir-Regolament.

2.      Kull Stat Membru jista’ jgħarraf lill-Kummissjoni l-fatt li qorti, minkejja l-paragrafu 1, tista’ tagħti s-sentenza anki jekk ma jkun wasal l-ebda ċertifikat ta’ notifika jew riċevuta tad-dokument li beda l-proċedimenti jew l-ekwivalenti tiegħu, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)      id-dokument ikun ġie trażmess permezz ta’ wieħed mill-metodi previsti f’dan ir-Regolament;

(b)      ikun għadda perijodu meqjus xieraq mill-qorti fil-każ partikolari, li ma għandux ikun inqas minn sitt xhur, mid-data tat-trażmissjoni tad-dokument;

(c)      ma jkun wasal l-ebda tip ta’ ċertifikat, għalkemm ikun sar kull sforz raġonevoli biex dan jinkiseb permezz tal-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi tal-Istat Membru indirizzat.

Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

3.      Minkejja l-paragrafi 1 u 2, f’każijiet ta’ urġenza ġustifikati, il-qrati jistgħu jordnaw kwalunkwe miżura proviżorja jew protettiva.

4.      Meta d-dokument li jniedi l-proċedimenti jew l-ekwivalenti tiegħu kellu jiġi trażmess lil Stat Membru ieħor għall-fini ta’ notifika f’konformità ma’ dan ir-Regolament u s-sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti tal-iskadenza taż-żmien għall-appell mis-sentenza meta ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)      il-konvenut, mingħajr ma kellu ebda ħtija, ma kienx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jippreżenta d-difiża tiegħu, jew ma kienx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u

(b)      il-konvenut wera li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-merti tal-azzjoni.

Applikazzjoni għal tali ħelsien mir-responsabbiltà tista’ tiġi ppreżentata biss fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.

Kull Stat Membru jista’ jgħarraf lill-Kummissjoni l-fatt li applikazzjoni għall-ħelsien mir-responsabbiltà mhux ser tkun ammissibbli jekk tiġi ppreżentata wara l-iskadenza ta’ data stabbilita mill-Istat Membru f’dik il-komunikazzjoni. L-iskadenza ma għandha fl-ebda każ tkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

5.      Il-paragrafu 4 m’għandux japplika għal sentenzi dwar l-istatus jew il-kapaċità ta’ persuni.”

 Iddritt Bulgaru

 ZGR

11      Iż-Zakon za grazhdanskata registratsia (il-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Istat Ċivili, DV Nru 67, tas‑27 ta’ Lulju 1999), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZGR”), tiddisponi, fl-Artikolu 90(1) tagħha:

“Kull persuna suġġetta għar-reġistrazzjoni ċivili bis-saħħa ta’ din il-liġi għandha tiddikjara bil-miktub l-indirizz permanenti u attwali tagħha […]”

12      L-Artikolu 93 taż-ZGR jipprevedi:

“1.      ‘Indirizz permanenti’ jfisser l-indirizz fil-lokalità li l-persuna tagħżel sabiex tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-popolazzjoni.

2.      L-indirizz permanenti għandu jkun dejjem fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

3.      Ħadd ma jista’ jkollu iktar minn indirizz permanenti wieħed.

4.      Iċ-ċittadini Bulgari li jgħixu barra mill-pajjiż, li ma humiex irreġistrati fir-reġistru tal-popolazzjoni u ma jistgħux jindikaw indirizz permanenti fil-Bulgarija, huma rreġistrati ex officio fir-reġistru tal-popolazzjoni tad-distrett “Sredets” tal-belt ta’ Sofija.

5.      L-indirizz permanenti taċ-ċittadini huwa indirizz ta’ korrispondenza mal-awtoritajiet tal-Istat u mal-awtoritajiet lokali.

6.      L-indirizz permanenti taċ-ċittadini jintuża sabiex jiġu eżerċitati jew użati drittijiet jew servizzi fil-każijiet iddeterminati mil-liġi jew minn kull att normattiv ieħor.

7.      L-indirizz permanenti jista’ jkun l-istess bħall-indirizz attwali.”

13      Konformement mal-Artikolu 94 taż-ZGR:

“1.      L-indirizz attwali huwa l-indirizz fejn tirrisjedi l-persuna.

2.      Ħadd ma għandu iktar minn indirizz attwali wieħed.

3.      L-indirizz attwali taċ-ċittadini Bulgari li l-post tad-domiċilju tagħhom jinsab barra mill-pajjiż jidher fir-reġistru tal-popolazzjoni biss bl-isem tal-Istat li fih jirrisjedu.”

14      Skont l-Artikolu 96(1) taż-ZGR:

“L-indirizz attwali għandu jiġi ddikjarat permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ indirizz mill-persuna lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 92(1). Ċittadin Bulgaru li jirrisjedi barra mill-pajjiż għandu jiddikjara l-indirizz attwali tiegħu, jiġifieri l-Istat li fih jirrisjedi, mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 92(1) tal-indirizz permanenti tiegħu.”

 IlKMChP

15      Il-Kodeks na mezhdunarodnoto chastno pravo (il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat, DV Nru 42, tas‑17 ta’ Mejju 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KMChP”), jiddisponi, fl-Artikolu 4 tiegħu:

“(1)      Il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati u ta’ korpi Bulgari oħra teżisti meta:

1.      il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, l-uffiċċju rreġistrat tiegħu konformement mal-istatuti tiegħu jew il-post ta’ ġestjoni effettiva tiegħu fil-Bulgarija;

[…]”

16      Konformement mal-Artikolu 48(7) tal-KMChP:

“Fis-sens ta’ dan il-kodiċi, ‘residenza abitwali’ ta’ persuna fiżika tfisser il-post prinċipali fejn din tal-aħħar tgħix mingħajr ma dan il-post ikun neċessarjament marbut ma’ reġistrazzjoni jew ma’ permess ta’ residenza jew ta’ stabbiliment. Sabiex jiġi ddeterminat l-imsemmi post, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari ċ-ċirkustanzi ta’ natura personali jew professjonali ta’ din il-persuna li jirriżultaw mir-rabtiet fit-tul tagħha mal-istess post jew mal-intenzjoni tagħha li tikkostitwixxi tali rabtiet.”

 IlGPK

17      Il-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, DV Nru 59, tal‑20 ta’ Lulju 2007), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GPK”), jipprevedi, fl-Artikolu 38 tiegħu, intitolat “Indirizz ta’ notifika”:

“In-notifika għandha ssir fl-indirizz indikat fil-proċess tal-kawża. Meta d-destinatarju ma jinstabx fl-indirizz indikat, in-notifika ssir fl-indirizz attwali tiegħu u, fl-assenza tiegħu, fl-indirizz permanenti tiegħu.”

18      L-Artikolu 40 tal-GPK, intitolat “Destinatarju ta’ atti ġudizzjarji”, jiddisponi:

“(1)      Il-parti li toqgħod jew tiċċaqlaq għal iktar minn xahar barra mill-pajjiż hija obbligata tindika persuna fis-sede tal-qorti għall-finijiet tan-notifika, jiġifieri destinatarju ta’ atti ġudizzjarji, jekk hija ma jkollhiex rappreżentant fil-proċedura fil-Bulgarija. L-istess obbligu jaqa’ fuq ir-rappreżentant legali, il-kuratur u l-mandatarju.

(2)      Meta l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ma jindikawx tali destinatarju, l-atti kollha għandhom jiddaħħlu fil-fajl u jitqiesu li ġew innotifikati. Il-qorti għandha tinforma lil dawn il-persuni dwar dawk il-konsegwenzi meta jiġi nnotifikat l-ewwel att.”

19      L-Artikolu 41 tal-GPK, intitolat “Obbligu ta’ informazzjoni”, jipprevedi:

“(1)      Il-parti li tkun assenti għal iktar minn xahar mill-indirizz li tkun ikkomunikat fil-kawża jew li tkun ġiet innotifikata lilha għandha tinforma lill-qorti bl-indirizz il-ġdid tagħha. L-istess obbligu jaqa’ fuq ir-rappreżentant legali, il-kuratur u l-mandatarju.

(2)      F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu msemmi fil-paragrafu 1, in-notifiki kollha għandhom jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża u għandhom jitqiesu li ġew innotifikati. Il-qorti għandha tinforma lill-parti dwar dawk il-konsegwenzi meta tiġi nnotifikata l-ewwel komunikazzjoni.”

20      Skont l-Artikolu 53 tal-GPK, intitolat “Notifika lill-barranin residenti fil-pajjiż”:

“In-notifika lill-barranin residenti fil-pajjiż għandha ssir fl-indirizz indikat lid-dipartimenti amministrattivi kompetenti.”

21      L-Artikolu 410 tal-GPK, intitolat “Talba għall-ħruġ ta’ ordni”, jiddisponi:

“(1)      Ir-rikorrent jista’ jitlob ordni:

1.      li tirrigwarda kreditu pekunjarju jew beni funġibbli, meta t-talba taqa’ taħt il-kompetenza ta’ Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali);

[…]”

22      Konformement mal-Artikolu 411 tal-GPK, intitolat “Ħruġ ta’ ordni”:

“(1)      It-talba titressaq quddiem ir-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) tal-post tal-indirizz permanenti jew tas-sede tad-debitur; din il-qorti għandha twettaq ex officio, f’terminu ta’ tlett ijiem, l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha. Għandha ssir talba kontra konsumatur fil-ġurisdizzjoni tal-post fejn jinsab l-indirizz attwali tiegħu u, fl-assenza ta’ indirizz attwali, l-indirizz permanenti tiegħu. Jekk il-qorti tqis li l-kawża ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, hija għandha tittrażmettiha immedjatament lill-qorti kompetenti.

(2)      Il-qorti għandha teżamina t-talba matul seduta dwar aspetti proċedurali u tagħti ordni fit-terminu previst fil-paragrafu 1, ħlief fil-każijiet fejn:

[…]

4.      id-debitur ma jkollux indirizz permanenti jew sede rreġistrata fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija;

5.      id-debitur ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu jew il-post ta’ attività tiegħu fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

(3)      Jekk tilqa’ t-talba, il-qorti għandha toħroġ ordni li kopja tagħha għandha tiġi nnotifikata lid-debitur.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

23      Toplofikatsia Sofia hija kumpannija ta’ distribuzzjoni tal-enerġija termali rregolata mid-dritt Bulgaru. Fis‑6 ta’ Marzu 2023, hija adixxiet lis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba għal ordni ta’ ħlas kontra V.Z.A., ċittadin Bulgaru.

24      Din il-kumpannija titlob lill-persuna kkonċernata l-ħlas ta’ somma flus fl-ammont ta’ 700.61 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 358), minħabba li din, proprjetarja ta’ appartament li jinsab f’Sofija f’kondominju, ma ħallsitx il-fattura li tikkorrispondi għall-konsum tal-enerġija termali tagħha matul il-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ Settembru 2020 u t‑22 ta’ Frar 2023 għal dan l-appartament.

25      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li V.Z.A. għadu ma huwiex parti fil-proċedura fil-kawża prinċipali u li ser ikun parti biss wara li tkun inħarġet l-ordni ta’ ħlas mitluba, bil-kundizzjoni li din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba.

26      L-imsemmija qorti tirrileva li mir-riċerki mwettqa ex officio matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, konformement mal-obbligi tagħha bis-saħħa tad-dritt Bulgaru, jirriżulta li V.Z.A. huwa rreġistrat, sa mis-sena 2000, fir-reġistru nazzjonali tal-popolazzjoni bħala li għandu l-indirizz permanenti tiegħu f’Sofija. Madankollu, fis‑6 ta’ Marzu 2010, V.Z.A. iddikjara l-indirizz attwali tiegħu fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal-Bulgarija. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dritt Bulgaru ma jippermettix li jiġi ddikjarat indirizz attwali sħiħ barra mill-pajjiż.

27      Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għal sentenza interpretattiva, ta’ valur vinkolanti, mogħtija mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) fit‑18 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2014”), dwar il-każijiet ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ ordni, previsti fil-punti 4 u 5 tal-Artikolu 411(2) tal-GPK.

28      Skont id-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2014, għal dak li jirrigwarda talba għall-ħruġ ta’ ordni skont l-Artikolu 411 tal-GPK, l-eżistenza ta’ indirizz permanenti jew ta’ residenza abitwali fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija għandha tiġi vverifikata fid-data tan-notifika tal-ordni ladarba tinħareġ, minkejja l-fatt li, konformement mal-punti 4 u 5 tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fl-assenza ta’ indirizz permanenti jew ta’ residenza abitwali f’dan it-territorju, il-ħruġ ta’ tali ordni għandu jiġi rrifjutat.

29      Konformement mad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2014, meta jiġi kkonstatat li ordni nħarġet minn qorti kontra debitur li ma għandux indirizz permanenti fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija, din l-ordni tiġi invalidata ex officio minn din il-qorti. B’kuntrast ma’ dan, meta jiġi kkonstatat li dan id-debitur ma għandux residenza abitwali fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija, l-ordni maħruġa ma tistax tiġi invalidata mill-qorti li ħarġitha. F’dan l-aħħar każ, waqt in-notifika ta’ din l-ordni, din il-qorti għandha tivverifika jekk l-imsemmi debitur għandux indirizz permanenti fil-Bulgarija u, jekk dan ikun il-każ, l-imsemmija ordni titqies li hija nnotifikata regolarment jew permezz tal-komunikazzjoni lil persuna mid-dar tal-istess debitur, jew permezz tal-wiri ta’ avviż. Konsegwentement, huwa possibbli li tiġi invokata l-applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 411(2) tal-GPK biss permezz ta’ oppożizzjoni fl-appell.

30      Il-qorti tar-rinviju tindika li d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2014 ingħatat qabel ma l-Artikolu 411(1) tal-GPK ġie emendat fis-sens li l-qorti adita issa għandha l-obbligu li tivverifika ex officio l-ġurisdizzjoni territorjali tagħha skont, b’mod partikolari, l-indirizz permanenti tad-debitur.

31      Skont din il-qorti, mill-Artikolu 411 tal-GPK, kif interpretat mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), jirriżulta li ordni ta’ ħlas dejjem tinħareġ kontra debitur, ċittadin Bulgaru, li l-indirizz permanenti tiegħu jibqa’ rreġistrat fil-Bulgarija, anki jekk dan id-debitur ikollu indirizz barra mill-pajjiż imsemmi wkoll fir-reġistru tal-popolazzjoni. Issa, tali interpretazzjoni tista’ tippreġudika r-regola stabbilita fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li tgħid li debitur iddomiċiljat fi Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jiġi mħarrek biss quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

32      Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li, konformement mal-Artikolu 93 taż-ZGR, l-indirizz permanenti taċ-ċittadini Bulgari jibqa’ fit-territorju Bulgaru u ma jistax jinbidel fil-każ ta’ ċaqliq lejn Stat Membru ieħor. Dan jikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu u għall-għażla tal-post ta’ residenza taċ-ċittadini Bulgari, iggarantit mill-Artikolu 21 TFUE.

33      Barra minn hekk, iċ-ċittadini Bulgari li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu jinsabu potenzjalment f’sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni inversa, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bi ksur tal-Artikolu 18 TFUE. Fil-fatt, konformità mal-Artikolu 53 tal-GPK, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Bulgarija jirċievu n-notifiki fl-indirizz iddikjarat lid-dipartimenti tal-immigrazzjoni. Meta ma jibqgħux jirrisjedu fit-territorju Bulgaru, il-qrati Bulgari ma jkollhomx iktar ġurisdizzjoni fir-rigward tagħhom, skont il-kriterju ta’ ġurisdizzjoni marbut mad-domiċilju. B’kuntrast ma’ dan, iċ-ċittadini Bulgari ma jistgħux jannullaw ir-reġistrazzjoni tal-indirizz permanenti tagħhom u jibqgħu dejjem obbligati li jkollhom destinatarju lest li jirċievi notifiki jew komunikazzjoni f’isimhom fil-Bulgarija.

34      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 94(3) taż-ZGR, moqri flimkien mal-Artikolu 93(2) tiegħu, jirriżulta li ċittadin Bulgaru ma jistax jirreġistra indirizz eżatt barra mill-Bulgarija, fejn l-unika indikazzjoni magħmula mill-amministrazzjoni f’dan ir-rigward hija dik tal-Istat li lejh dan iċ-ċittadin iċċaqlaq. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 4 tal-KMChP jistabbilixxi bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni, fir-relazzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma japplikax, ir-residenza abitwali tal-konvenut.

35      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, jekk l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprekludix li l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti adita b’talba għal ordni ta’ ħlas tiġi stabbilita billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “domiċilju”, kif jirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti fil-kawża prinċipali. Din il-qorti tippreċiża li, anki jekk ma jistax jiġi eskluż li hija tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq it-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-kuntratt li minnu jirriżulta l-kreditu mitlub dwar il-provvista ta’ enerġija termali għal proprjetà immobbli li tinsab f’Sofija, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tad-domiċilju tibqa’ rilevanti.

36      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussegwentement, dwar il-kwistjoni jekk il-projbizzjoni magħmula lil qorti, permezz tad-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2014, li tibbaża ruħha fuq l-indirizz attwali tad-debitur sabiex tistabbilixxi li dan tal-aħħar ma għandux ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija hijiex konformi mal-Artikolu 18 TFUE, sa fejn din il-projbizzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni inversa.

37      Sa fejn id-dritt nazzjonali ma jippermettilhiex tiddetermina l-indirizz tad-debitur barra mill-Bulgarija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-aħħar nett, jekk hija tistax tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq il-possibbiltà, offruta fl-Artikolu 7 tar-Regolament 2020/1784, li tirrikorri għall-assistenza tal-Istat Membru kkonċernat.

38      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li s-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 62(1) tar-Regolament [Nru 1215/2012], ikkunsidrat flimkien [mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE] u mal-Artikolu 21 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kunċett ta’ ‘domiċilju’ ta’ persuna fiżika jiġi ddeterminat abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-indirizz permanenti rreġistrat ta’ ċittadini tal-Istat fejn tinsab il-qorti adita għandu jkun dejjem f’dan l-Istat u ma jistax jiġi ttrasferit lejn post ieħor fl-Unjoni Ewropea?

2)      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien [mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE] u mal-Artikolu 21 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li minnhom jirriżulta li qorti ta’ Stat ma tistax tirrifjuta li toħroġ ordni ta’ ħlas fil-konfront ta’ debitur li jkun ċittadin ta’ dan l-Istat u li fil-konfront tiegħu jkun hemm preżunzjoni raġonevoli li l-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni internazzjonali minħabba li d-debitur probabbilment għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni magħmula mid-debitur quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti fis-sens li għandu indirizz irreġistrat f’dan l-aħħar Stat Membru? F’dan il-każ, huwa rilevanti meta saret din id-dikjarazzjoni?

3)      Fil-każ li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti adita tkun ibbażata fuq dispożizzjoni differenti mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE], ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni u ġurisprudenza nazzjonali li minnhom jirriżulta li, għalkemm ordni ta’ ħlas tista’ tinħareġ biss kontra persuna fiżika li jkollha r-residenza abitwali tagħha fl-Istat fejn tinsab il-qorti adita, il-konstatazzjoni li din il-persuna għandha r-residenza tagħha fi Stat ieħor ma tistax tkun ibbażata biss fuq il-fatt li d-debitur inkwistjoni, li jkun ċittadin tal-Istat tal-qorti nazzjonali adita, ikun irreġistrat fuq dan l-aħħar indirizz fejn ikun jirrisjedi (l-indirizz ‘attwali’ tiegħu) fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn id-debitur ma jkunx f’pożizzjoni li juri li huwa ttrasferixxa ruħu kompletament lejn dan l-aħħar Stat Membru u ma għandux indirizz fit-territorju tal-Istat tal-qorti adita? F’dan il-każ, huwa rilevanti meta saret id-dikjarazzjoni dwar l-indirizz attwali?

4)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda tkun fis-sens li tista’ tinħareġ ordni ta’ ħlas, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikkunsidrat flimkien mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament [2020/1784] mogħtija fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Alder [(C‑325/11, EU:C:2012:824)], u flimkien mal-prinċipju ta’ applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jippermetti li l-qorti nazzjonali tal-Istat li fih iċ-ċittadini ma jistgħux jirrinunzjaw għal indirizz irreġistrat fit-territorju ta’ dan l-Istat u ma jistgħux jittrasferixxu tali indirizz lejn Stat ieħor, meta tkun adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas fi proċedura li fiha ma jidhirx id-debitur, titlob informazzjoni, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament 2020/1784, mingħand l-awtoritajiet tal-Istat li fih id-debitur ikollu indirizz irreġistrat dwar l-indirizz tiegħu f’dan l-Istat u d-data tar-reġistrazzjoni ta’ dan l-indirizz, sabiex b’hekk tkun tista’ tistabbilixxi fejn għandu r-residenza abitwali attwali tiegħu d-debitur qabel ma tagħti d-deċiżjoni finali tagħha fil-kawża?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

39      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma mitluba jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tkunx tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk fakkret li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza għal deċiżjoni preliminari (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija obbligata tivverifika ex officio l-kompetenza tagħha sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas, konformement mal-Artikolu 411(1) tal-GPK. Għal dan l-għan, din il-qorti għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 1215/2012 u 2020/1784 kif ukoll l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 21 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

43      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni mitluba tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, mit-talba għal deċiżjoni preliminari bl-ebda mod ma jirriżulta li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma tindikax ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din id-dispożizzjoni u t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħha, interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni hija neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.

44      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 22 tar-Regolament 2020/1784, għandu jiġi osservat li dan l-artikolu jirregola, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-obbligi tal-qorti nazzjonali fil-każ ta’ assenza ta’ dehra tal-konvenut. L-imsemmi artikolu japplika meta l-att promotur jew att ekwivalenti jkun diġà ġie trażmess fi Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni u jsemmi proċedura kontradittorja, sussegwenti għal dik ikkonċernata mill-kawża prinċipali li fiha d-debitur ikun għadu ma kkostitwixxiex ruħu parti. L-Artikolu 22 tar-Regolament 2020/1784 jitlaq għalhekk minn premessa li hija biss ipotetika f’dan il-każ, jiġifieri l-assenza ta’ dehra tal-konvenut.

45      Minn dan isegwi li, sa fejn it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 22(1) u (2) tar-Regolament 2020/1784, hija ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u, għaldaqstant, hija inammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel sattielet domanda

 Kummenti preliminari

46      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1215/2012, preliminarjament, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kawża prinċipali taqax taħt dan ir-regolament, peress li l-applikazzjoni tiegħu teħtieġ l-eżistenza ta’ element barrani. Issa, f’dan il-każ, anki jekk id-debitur ikkonċernat ma jkunx għadu parti fil-proċedura fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal ordni ta’ ħlas titressaq kontra dan id-debitur li r-residenza tiegħu tinsab fi Stat Membru ieħor, li jikkostitwixxi element barrani suffiċjenti sabiex iwassal għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

47      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jitfakkar li dan l-artikolu huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom ma jeżistux regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach, C‑25/10, EU:C:2011:65, punt 18, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑321/21 P, EU:C:2023:713, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tal-problema li jqajmu, essenzjalment, id-domandi magħmula, jiġifieri dik tad-differenza fil-modalitajiet ta’ determinazzjoni tad-domiċilju skont jekk humiex ikkonċernati ċittadini Bulgari jew ċittadini barranin residenti fil-Bulgarija, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kull differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament. Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-Artikolu 18 TFUE jiġi applikat b’mod awtonomu, u konsegwentement lanqas li jingħata interpretazzjoni distinta.

49      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru°1215/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar żewġ strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq lewwel domanda

50      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jitqiesu li huma ddomiċiljati f’indirizz li jibqa’ dejjem irreġistrat fl-ewwel Stat Membru.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li l-kunċett ta’ “domiċilju” huwa essenzjali fl-istruttura tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li jikkostitwixxi l-kriterju ġenerali ta’ rabta li jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jirreferi għad-domiċilju tal-konvenut tkun xi tkun in-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins, C‑9/12, EU:C:2013:860, punti 22 u 23).

52      Kif jirriżulta mir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1), li l-kummenti tiegħu dwar il-ġustifikazzjoni tal-għażla tal-kriterju tad-domiċilju japplikaw ukoll għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprivileġġa dan il-kriterju meta mqabbel ma’ dak tan-nazzjonalità kienet iddettata min-neċessità li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni sabiex jiġu evitati regoli ta’ ġurisdizzjoni distinti, skont jekk it-tilwimiet bejn ċittadini ta’ Stat kontraenti jew ċittadin ta’ Stat kontraenti u ċittadin barrani, jew żewġ ċittadini barranin.

53      Bħall-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u r-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament Nru 1215/2012 ma jagħtix definizzjoni lill-kunċett ta’ “domiċilju”. Għalhekk, l-Artikolu 62(1) ta’ dan l-aħħar regolament jirreferi għal-liġi interna tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkunu ġew aditi sabiex jiddeterminaw jekk parti għandhiex domiċilju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 62(2) tal-imsemmi regolament, meta parti ma jkollhiex domiċilju fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkunu ġew aditi, sabiex tiddetermina jekk għandhiex domiċilju fi Stat Membru ieħor, il-qorti għandha tapplika l-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

54      Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-Istati Membri għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeterminaw id-domiċilju ta’ persuna fiżika skont id-dritt tagħhom stess.

55      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ma għandhiex tippreġudika l-effettività ta’ att tal-Unjoni. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 44/2001, ġurisprudenza li tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali ta’ Stat Membru ma tistax tippreġudika l-effett utli tas-sistema prevista minn dan ir-regolament tal-aħħar billi tikser il-prinċipji stabbiliti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Issa, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jibbaża r-regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni fuq il-kriterju tad-domiċilju u mhux fuq dak tan-nazzjonalità tal-konvenut. Konsegwentement, kif issostni wkoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Stat Membru ma jistax ibiddel din l-għażla fundamentali billi japplika regoli nazzjonali li jipprovdu li ċ-ċittadini tiegħu huma b’mod obbligatorju ddomiċiljati fit-territorju tiegħu.

57      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Bulgaru jwettaq distinzjoni, fir-rigward taċ-ċittadini tiegħu, bejn l-indirizz permanenti u l-indirizz attwali tagħhom.

58      Kull ċittadin Bulgaru għandu indirizz permanenti wieħed biss fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija li jikkorrispondi għall-indirizz imniżżel fir-reġistru tal-popolazzjoni u li jibqa’ dejjem f’dan it-territorju. Iċ-ċittadini Bulgari li jirrisjedu barra mill-pajjiż u li ma jistgħux jiġġustifikaw indirizz permanenti fil-Bulgarija huma rreġistrati ex officio fir-reġistru tal-popolazzjoni tad-distrett Sredets tal-belt ta’ Sofija. B’kuntrast ma’ dan, l-indirizz attwali jikkorrispondi għall-indirizz li fih tirrisjedi l-persuna kkonċernata. Għaċ-ċittadini Bulgari stabbiliti barra mill-pajjiż, dan l-indirizz huwa limitat għall-indikazzjoni, fir-reġistru tal-popolazzjoni, tal-isem tal-Istat li fih jgħixu mingħajr ma jkun hemm, skont il-qorti tar-rinviju, ebda mezz sabiex tali ċittadini jirreġistraw indirizz eżatt li jinsab barra mill-Bulgarija. Kif tippreċiża din il-qorti, iċ-ċittadini Bulgari huma, għalhekk, obbligati li jkollhom indirizz permanenti fil-Bulgarija, indipendentement mill-post fejn dawn iċ-ċittadini jirrisjedu effettivament.

59      Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Bulgara, kif deskritta minn din il-qorti, tassimila d-domiċilju taċ-ċittadini Bulgari fl-indirizz permanenti tagħhom li jinsab dejjem fil-Bulgarija, indipendentement mill-fatt jekk humiex residenti fil-Bulgarija jew barra mill-pajjiż, u ma tippermettix lil dawn iċ-ċittadini jirreġistraw indirizz sħiħ fi Stat Membru ieħor anki jekk jirrisjedu hemmhekk b’mod permanenti u għalhekk jistgħu jitqiesu li huma ddomiċiljati fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru tal-aħħar applikabbli konformement mal-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

60      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-portata tal-kunċett ta’ “domiċilju” fid-dritt nazzjonali. Madankollu, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali torbot, b’mod awtomatiku, dan il-kunċett ma’ indirizz permanenti, obbligatorju u kultant fittizju, irreġistrat għal kull ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat, tali leġiżlazzjoni tippreġudika l-effett utli tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li tissostitwixxi l-kriterju tad-domiċilju, li fuqu huma bbażati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament, bil-kriterju tan-nazzjonalità.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 21 TFUE jipprekludix ukoll leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt preċedenti.

62      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jitqiesu li huma ddomiċiljati f’indirizz li jibqa’ dejjem irreġistrat fl-ewwel Stat Membru.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li biha hija adita. F’din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri MVR – Sofia, C-‑118/22, EU:C:2024:97, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan il-każ, it-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, joriġinaw mill-fatt li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija obbligata, konformement mal-Artikolu 411 tal-GPK, kif interpretat fid-deċiżjoni tat‑18 ta’ Ġunju 2014, toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur, ċittadin Bulgaru, li l-indirizz permanenti tiegħu jinsab fil-Bulgarija, minkejja li jeżistu raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li dan id-debitur kien iddomiċiljat, fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba għal ordni ta’ ħlas, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li, konsegwentement, din il-qorti ma jkollhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali talba, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

65      Skont il-qorti tar-rinviju ma jistax jiġi eskluż li hija tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq dispożizzjoni oħra, jiġifieri t-tieni inċiż tal-punt 1(b) tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu. Madankollu, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament jipprekludix li hija tkun obbligata toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur li l-indirizz attwali tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza tad-data li fiha ġie rreġistrat indirizz attwali mid-debitur ikkonċernat.

66      Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, tagħti lil qorti ta’ Stat Membru l-ġurisdizzjoni sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur li fir-rigward tiegħu jkun hemm raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

67      Kif tfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi r-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni li fuqha huwa bbażat dan ir-regolament, li hija dik tad-domiċilju tal-konvenut, tkun xi tkun in-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar.

68      Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jitħarrku biss fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor bis-saħħa tar-regoli stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament. Dawn it-taqsimiet jinkludu regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg, kif ukoll regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva u regoli dwar l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni.

69      Mill-imsemmija taqsimiet jirriżulta li huwa possibbli biss li jiġi kkunsidrat li qorti ta’ Stat Membru għandha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża kontra konvenut li huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fis-sitwazzjonijiet irregolati mill-istess taqsimiet.

70      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tkun tista’ toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur, li fir-rigward tiegħu jeżistu raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li huwa kien iddomiċiljat, fid-data tat-tressiq tat-talba għal ordni ta’ ħlas, fi Stat Membru, li ma huwiex ir-Repubblika tal-Bulgarija, jekk hija tista’ tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali talba fuq waħda mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.

71      Iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni huma għalhekk dawk eżistenti fid-data tal-preżentata tat-talba għal ordni ta’ ħlas ikkonċernata.

72      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, tagħti lil qorti ta’ Stat Membru l-ġurisdizzjoni sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur li fir-rigward tiegħu jeżistu raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li, fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba għal ordni ta’ ħlas, kien iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, f’sitwazzjonijiet differenti minn dawk previsti fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

 Fuq irraba’ domanda

73      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament 2020/1784 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti ta’ Stat Membru, kompetenti sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tindirizza ruħha lill-awtoritajiet kompetenti u tuża l-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni minn dan l-Istat Membru l-ieħor sabiex tidentifika l-indirizz ta’ dan id-debitur għall-finijiet tan-notifika jew tal-komunikazzjoni ta’ din l-ordni ta’ ħlas.

74      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali abbażi ta’ waħda mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 u, konsegwentement, li hija intitolata toħroġ l-ordni ta’ ħlas mitluba kontra d-debitur ikkonċernat, anki jekk dan tal-aħħar huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, hija għandha l-obbligu li tinnotifika jew tikkomunika din l-ordni ta’ ħlas lil dan id-debitur.

75      F’dan ir-rigward, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju jirrisjedi barra mill-pajjiż, in-notifika ta’ dan l-att taqa’, bħala prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2020/1784 u għandha titwettaq b’mezzi stabbiliti minn dan ir-regolament, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni li fiha d-domiċilju jew il-post ta’ soġġorn abitwali ta’ dan id-destinatarju ma jkunx magħruf (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Alder, C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 24 u 25).

76      F’din l-aħħar sitwazzjoni, madankollu, konformement mal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament li jirreferi għall-Artikolu 7 tiegħu, jeżisti obbligu ta’ assistenza fit-tfittxija tal-indirizz tad-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat.

77      Bis-saħħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2020/1784, meta l-indirizz tal-persuna li lilha l-att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat fi Stat Membru ieħor ma jkunx magħruf, dan l-Istat Membru l-ieħor għandu jipprovdi assistenza sabiex jinstab dan l-indirizz, jew billi jindika awtoritajiet li lilhom l-entitajiet li jibagħtu jistgħu jissottomettu talbiet għal dan l-għan, jew billi jippermetti d-dħul dirett, fir-reġistri tal-popolazzjoni jew f’bażijiet ta’ data oħra, ta’ talbiet għal informazzjoni dwar l-imsemmi indirizz permezz ta’ formola standard disponibbli fil-“Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika” jew billi jipprovdi informazzjoni permezz ta’ dan il-portal fuq il-mod kif jinstab l-istess indirizz.

78      Konsegwentement, qorti ta’ Stat Membru li għandha tinnotifika jew tikkomunika fi Stat Membru ieħor att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju tista’ tuża l-mezzi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2020/1784 sabiex tiddetermina l-indirizz tad-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat jew kkomunikat.

79      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tar-Regolament 2020/1784 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti ta’ Stat Membru, kompetenti sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tindirizza ruħha lill-awtoritajiet kompetenti u tuża l-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni minn dan l-Istat Membru l-ieħor sabiex tidentifika l-indirizz ta’ dan id-debitur għall-finijiet tan-notifika jew tal-komunikazzjoni ta’ din l-ordni ta’ ħlas.

 Fuq lispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jitqiesu li huma ddomiċiljati f’indirizz li jibqa’ dejjem irreġistrat fl-ewwel Stat Membru.

2)      L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1215/2012

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, tagħti lil qorti ta’ Stat Membru l-ġurisdizzjoni sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur li fir-rigward tiegħu jeżistu raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li, fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba għal ordni ta’ ħlas, kien iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, f’sitwazzjonijiet differenti minn dawk previsti fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

3)      L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li qorti ta’ Stat Membru, kompetenti sabiex toħroġ ordni ta’ ħlas kontra debitur li fir-rigward tiegħu hemm raġunijiet plawżibbli li wieħed jemmen li huwa ddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tindirizza ruħha lill-awtoritajiet kompetenti u tuża l-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni minn dan l-Istat Membru l-ieħor sabiex tidentifika l-indirizz ta’ dan id-debitur għall-finijiet tan-notifika jew tal-komunikazzjoni ta’ din l-ordni ta’ ħlas.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.