Language of document : ECLI:EU:C:2024:408

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

16 ta’ Mejju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 5(3) – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Ċirkustanzi straordinarji – Nuqqas ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport li jipprovdi servizzi ta’ tagħbija tal-bagalji”

Fil-Kawża C‑405/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura

Touristic Aviation Services Ltd

vs

Flightright GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Touristic Aviation Services Ltd, minn S. Hendrix, Rechtsanwältin,

–        għal Flightright GmbH, minn M. Michel u R. Weist, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Touristic Aviation Services Ltd (iktar ’il quddiem “TAS”) u Flightright GmbH dwar il-kumpens mitlub minn Flightright, aventi kawża ta’ passiġġieri tal-ajru, mingħand TAS, fil-kwalità tagħha ta’ trasportatur tal-ajru li jopera, wara dewmien twil ta’ titjira.

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

(i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat;

jew

(ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)      huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

4        L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)      EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

5        Fl‑4 ta’ Lulju 2021, titjira li telqet mill-ajruport ta’ Köln – Bonn (il-Ġermanja) lejn l-ajruport ta’ Kos (il-Greċja) (iktar ’il quddiem it-“titjira inkwistjoni”), operata minn TAS ġarrbet, mal-wasla, dewmien ta’ 3 sigħat u 49 minuta.

6        Dan id-dewmien kien dovut għall-fatt, l-ewwel nett, li t-titjira preċedenti kienet diġà ġarrbet dewmien ta’ 1 siegħa u 17-il minuta minħabba nuqqas ta’ persunal inkarigat mir-reġistrazzjoni tal-passiġġieri, it-tieni nett, li t-tagħbija tal-bagalji fl-ajruplan saret iktar bil-mod minħabba n-numru insuffiċjenti ta’ persunal tal-operatur ta’ dan l-ajruport, responsabbli għal dan is-servizz, li wassal għal dewmien addizzjonali ta’ 2 sagħtejn u 13-il minuta, u, it-tielet nett, li l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi li seħħew wara għeluq il-bibien komplew idewwmu t-tluq b’ 19-il minuta.

7        F’dan il-kuntest, Flightright, li lilha ċertu numru ta’ passiġġieri tat-titjira inkwistjoni ttrasferew id-drittijiet tagħhom għal kumpens, ippreżentat rikors quddiem l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja), intiż sabiex TAS tiġi kkundannata tħallasha l-ammont ta’ EUR 800 għal kull passiġġier, flimkien mal-interessi, skont ir-Regolament Nru 261/2004. Flightright sostniet quddiem din il-qorti li d-dewmien tat-titjira inkwistjoni ma jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

8        Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors mingħajr ma eżaminat din l-aħħar kwistjoni, billi qieset li dan id-dewmien seta’, fi kwalunkwe każ, jiġi evitat minn TAS li kieku din ħadet il-miżuri raġonevoli kollha bl-għan li ttaffi dan id-dewmien. Fil-fatt, peress li TAS stess sostniet li kien biss tard li hija kienet kisbet slots għat-titjira preċedenti, għandu jiġi dedott li hija kienet taf li t-titjira inkwistjoni kienet ser iġġarrab dewmien ta’ mill-inqas 3 sigħat. Madankollu, TAS allegatament baqgħet ma pprovatx li hija kienet adottat il-miżuri raġonevoli kollha li setgħet tieħu sabiex tevita jew tnaqqas id-dewmien.

9        TAS ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar hija tal-fehma li l-qorti tal-ewwel istanza kellha teżamina l-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport ta’ Köln – Bonn, invokat minn TAS bħala l-oriġini tad-dewmien twil tat-titjira inkwistjoni, kienx jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

10      Fil-fatt, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, TAS ma għandhiex tkun obbligata tikkumpensa lil Flightright, sa fejn il-parti tad-dewmien tat-titjira inkwistjoni li hija imputabbli lilha ma tammontax għal 3 sigħat. Jekk, min-naħa l-oħra, kien hemm lok li jitqies li l-operazzjonijiet ta’ tagħbija tal-bagalji, indipendentement mill-fatt li dawn jitwettqu mill-operatur tal-ajruport, huma inerenti għall-attività normali ta’ trasportatur tal-ajru, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta li n-numru insuffiċjenti ta’ persunal ta’ dan l-operatur ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”. F’dan il-każ ikun hemm lok li tiġi kkonfermata l-kundanna ta’ TAS, peress li huwa biss id-dewmien ta’ 19-il minuta wara għeluq il-bibien dovut għall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, u dan iħalli dewmien ta’ iktar minn 3 sigħat imputabbli lill TAS.

11      Skont il-qorti tar-rinviju, minn naħa, is-servizz ta’ tagħbija tal-bagalji jista’ jitqies li huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn iservi direttament għall-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ trasport dovuta lill-passiġġieri mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat, indipendentement mill-fatt li l-eżekuzzjoni ta’ dan is-servizz taqa’ fuq l-operatur tal-ajruport. Min-naħa l-oħra, jista’ jirriżulta preċiżament mill-fatt li l-imsemmi servizz huwa żgurat minn dan l-operatur, u mhux minn dan it-trasportatur stess jew minn fornitur ta’ servizzi maħtur minnu, li n-nuqqas ta’ persunal tat-tagħbija għandu jitqies li jikkostitwixxi “kawża esterna” li ma taqax taħt il-kontroll tal-imsemmi trasportatur u li għandha effett fuq l-attività normali ta’ dan tal-aħħar, li tiġġustifika li huwa jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens. Fil-fatt, din il-qorti tippreċiża li, fil-Ġermanja, dan is-servizz huwa żgurat, bħala prinċipju, minn impriża tal-ajruport, anki jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprevedi li l-utenti ta’ ajruport jistgħu jew iwettqu s-servizzi ta’ groundhandling huma stess jew iqabbdu fornitur tal-għażla tagħhom.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport jew ta’ impriża inkarigata mill-operatur tal-ajruport għat-tagħbija tal-bagalji li dan tal-aħħar għandu jipprovdi jikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li għandha effett estern u li ma jistax jiġi kkontrollat fuq l-attività normali tat-trasportatur bl-ajru li juża dan is-servizz tal-operatur tal-ajruport/tal-impriża inkarigata minn dan tal-aħħar jew it-tagħbija tal-bagalji mill-operatur tal-ajruport/minn impriża inkarigata minnu u nuqqas ta’ persunal tiegħu li jgħabbi l-bagalji għandhom jitqiesu bħala inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ dan it-trasportatur bl-ajru, b’tali mod li eżenzjoni abbażi tal-[imsemmija dispożizzjoni] tkun tista’ titqies biss jekk ir-raġuni għan-nuqqas ta’ persunal tkun tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

13      Flightright teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn din tal-aħħar ma tinkludix informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tingħata risposta għad-domanda preliminari, jiġifieri jekk TAS teżerċitax kontroll fuq l-operatur tal-ajruport ta’ Köln–Bonn, responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ tagħbija tal-bagalji fuq l-ajruplani, minħabba r-relazzjoni kuntrattwali tagħhom.

14      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Unedic, C‑125/23, EU:C:2024:163, punt 35).

15      Fil-każ ineżami, minkejja li huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax, fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, jekk TAS teżerċitax jew le kontroll effettiv fuq l-operatur tal-ajruport ta’ Köln–Bonn, dan madankollu, ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi b’mod utli għad-domanda preliminari, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ possibbiltajiet.

16      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq iddomanda preliminari

17      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, l-fatt li jkun hemm numru insuffiċjenti ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ tagħbija tal-bagalji fl-ajruplani jistax jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, il-passiġġieri ta’ titjiriet li jittardjaw jistgħu, minn naħa, jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, u jistgħu, min-naħa l-oħra, jinvokaw dan id-dritt għal kumpens f’sitwazzjoni fejn huma jkunu ġarrbu, minħabba t-titjira li tittardja, telf ta’ ħin ta’ 3 sigħat jew iktar, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn huma jkunu waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom 3 sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst mit-trasportatur tal-ajru (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Laudamotion u Ryanair, C‑54/23, EU:C:2024:74, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, il-passiġġieri kkonċernati minn titjira li tkun ġarrbet dewmien ta’ 3 sigħat jew iktar mal-wasla fid-destinazzjoni finali tagħha għandhom dritt għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jopera, konformement mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, sakemm ma jkunux ġew informati minn qabel b’tali dewmien fiż-żmien previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tal-imsemmi regolament.

20      Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur il-passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera jkun f’pożizzjoni li jipprova li d-dewmien twil kien dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International– Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:53319, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jirreferi għal avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jevitaw il-kontroll effettiv tiegħu, liema żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi u għandhom jiġu evalwati każ b’każ (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, TAP Portugal (Mewta tal-kopilota), C‑156/22 sa C‑158/22, EU:C:2023:393, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Fil-każ ineżami, minkejja li d-dewmien ta’ iktar minn 3 sigħat ikkonstatat mal-wasla tat-titjira inkwistjoni huwa dovut għal diversi raġunijiet, id-domanda preliminari tirrigwarda esklużivament id-dewmien marbut mal-insuffiċjenza ta’ persunal imqabbad mill-operatur tal-ajruport għat-tagħbija tal-bagalji.

23      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-avveniment inkwistjoni ma għandux ikun, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ forniment tal-karburant ta’ ajruplan, li, anki jekk dawn l-operazzjonijiet jaqgħu, bħala prinċipju, taħt l-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru, problema li seħħet fil-kuntest tal-imsemmija operazzjonijiet li tirriżulta minn ħsara ġenerali tas-sistema ta’ provvista tal-karburant li l-ajruport kien jamministra, kienet tissodisfa din il-kundizzjoni, peress li tali avveniment ma jistax jitqies li huwa intrinsikament marbut mal-funzjonament tal-ajruplan li jkun wettaq titjira b’dewmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International – Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punti 22 u 23).

24      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jekk, fil-każ ineżami, in-nuqqasijiet ikkonstatati fl-operazzjonijiet ta’ tagħbija tal-bagalji għandhomx jitqiesu bħala ġenerali, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti. Jekk dan kien il-każ, tali nuqqas ma jistax jikkostitwixxi, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat.

25      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-avveniment inkwistjoni għandu jevita l-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat li jopera, għandu jitfakkar li l-avvenimenti li l-oriġini tagħhom hija “interna” għandhom jiġu distinti minn dawk li l-oriġini tagħhom hija “esterna” għal dan it-trasportatur tal-ajru. Jaqgħu għaldaqstant taħt dan il-kunċett, bħala avvenimenti “esterni”, dawk li jirriżultaw mill-attività tat-trasportatur tal-ajru u minn ċirkustanzi esterni, ftit jew wisq frekwenti fil-prattika, iżda li t-trasportatur tal-ajru ma jkollux kontroll fuqhom, għaliex huma joriġinaw minn fatt naturali jew minn terz, bħal trasportatur tal-ajru ieħor jew operatur pubbliku jew privat li jfixkel l-attività tal-ajru jew tal-ajruport Dan japplika b’mod partikolari meta s-sistema ta’ provvista ta’ karburant lil ajruport li huwa ġestit mill-operatur ta’ dan tal-aħħar jew minn terz ikollha ħsara ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punti 25 u 26).

26      Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-tagħbija tal-bagalji fuq l-ajruplan ta’ TAS ġiet operata bil-mod minħabba l-insuffiċjenza tal-persunal assenjat għal dawn l-operazzjonijiet mill-operatur tal-ajruport ta’ Köln‑Bonn

27      Hija din il-qorti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jekk, in-nuqqasijiet ikkonstatati fl-operazzjonijiet ta’ tagħbija tal-bagalji fl-ajruport ta’ Köln–Bonn ma kinux taħt il-kontroll ta’ TAS. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan ma jkunx il-każ b’mod partikolari jekk TAS kienet awtorizzata teżerċita kontroll effettiv fuq l-operatur ta’ dan l-ajruport.

28      Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tqis li d-dewmien twil tat-titjira inkwistjoni kien effettivament dovut għal ċirkustanzi straordinarji, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, hija għandha tevalwa wkoll, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali u tal-provi prodotti mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jekk dan weriex li dawn iċ-ċirkustanzi ma setgħux jiġu evitati anki kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu u li huwa adotta l-miżuri adattati għas-sitwazzjoni sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tagħha, sakemm ma jkunx hemm sagrifiċċji mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International –Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 27).

29      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li l-imsemmi trasportatur tal-ajru kien f’pożizzjoni li jevita d-dewmien ikkonstatat fit-tagħbija tal-bagalji, pereżempju, kieku kien possibbli għalih li, għal din l-operazzjoni, jirrikorri għas-servizzi ta’ fornitur ieħor, li kellu kapaċitajiet suffiċjenti sabiex jipprovdi dawn is-servizzi mingħajr dewmien, fil-mument li kien jaf jew kellu jkun jaf li l-operatur tal-ajruport ma kellux tali kapaċitajiet.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li jkun hemm numru insuffiċjenti ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ tagħbija tal-bagalji fl-ajruplani jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, it-trasportatur tal-ajru li t-titjira tiegħu jkollha dewmien twil minħabba tali ċirkustanza straordinarja huwa obbligat jipprova li din iċ-ċirkustanza ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu u li kieku adotta l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tagħha.

 Fuq lispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

l-fatt li jkun hemm numru insuffiċjenti ta’ persunal tal-operatur tal-ajruport responsabbli għall-operazzjonijiet ta’ tagħbija tal-bagalji fl-ajruplani jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, it-trasportatur tal-ajru li t-titjira tiegħu jkollha dewmien twil minħabba tali ċirkustanza straordinarja huwa obbligat jipprova li din iċ-ċirkustanza ma setgħetx tiġi evitata anki li kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu u li kieku adotta l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.