Language of document : ECLI:EU:C:2024:415

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2024 (1)

Kawża C697/22 P

Koiviston Auto Helsinki Oy, li kienet Helsingin Bussiliikenne Oy

vs

IlKummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Trasport bil-karozzi tal-linja – Kreditu għal tagħmir u krediti għall-operat mogħtija mill-Belt ta’ Ħelsinki – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kontinwità ekonomika – Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura komplementari jew rettifikata – Ksur ta’ formalità essenzjali – Prinċipju ta’ proporzjonalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw appell ippreżentat mill-kumpannija Koiviston Auto Helsinki Oy, li kienet Helsingin Bussiliikenne Oy, intiż għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Settembru 2022, Helsingin Bussiliikenne vs Il-Kummissjoni (2). Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1814 tat‑28 ta’ Ġunju 2019 dwar għajnuna mill-Istat implimentata mill-Finlandja għall-appellanti (3).

2.        Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea kienet identifikat lill-appellanti bħala l-benefiċjarja effettiva tal-għajnuna minħabba l-kontinwità ekonomika mal-persuna li inizjalment irċeviet din l-għajnuna. Madankollu, peress li t-trasferiment tal-attività kummerċjali favur l-appellanti, li jiġġustifika tali kontinwità, seħħ wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma offritilhiex il-possibbiltà li tissottometti kummenti matul din il-proċedura.

3.        Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm il-Kummissjoni kisret id-dritt tal-appellanti li tkun involuta fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kif jeżiġu l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (4), l-appellanti ma pprovatx li, kieku kienet tqiegħdet f’pożizzjoni li tissottometti kummenti, dawn tal-aħħar setgħu jibdlu l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-kontinwità ekonomika tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni. F’dan il-kuntest, ma kienx hemm lok li d-Deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata.

4.        Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità ġdida li tinterpreta t-termini “kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi”, li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, u li tispeċifika l-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom jinsiltu mill-assenza, għall-benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna illegali, tal-possibbiltà li jissottometti kummenti matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod partikolari meta l-attività kummerċjali kkonċernata tiġi ttrasferita lill-proprjetarju l-ġdid tagħha wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni għall-intimazzjoni tal-partijiet interessati.

II.    Ilkuntest ġuridiku

5.        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(h)      ‘parti interessata’ tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

6.        L-Artikolu 6 tar-Regolament 2015/1589, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi, għandha tinkludi valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karatteristiċi tal-għajnuna tal-miżura proposta u għandha tispjega d-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern. Id-deċiżjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu stabbilit.

[…]”

III. Ilfatti li wasslu għallkawża

7.        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 2 sa 9 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

8.        Helsingin Bussiliikenne (iktar ’il quddiem l-“ex HelB”) (5) inħolqot fl‑1 ta’ Jannar 2005 minn Suomen Turistiauto Oy, kumpannija privata tat-trasport miżmuma minn Helsingin kaupunki (il-Belt ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), wara li din akkwistat l-attiv u l-passiv ta’ HKL‑Bussiliikenne Oy, impriża stabbilita bħala “spin-off” mid-dipartiment tas-servizzi tat-trasport tal-Belt ta’ Ħelsinki. L-ex HelB kienet topera rotot tal-karozzi tal-linja fir-reġjun ta’ Ħelsinki (il-Finlandja) u kienet toffri servizzi tat-trasport charter u servizzi ta’ kiri tal-karozzi tal-linja. Hija kienet 100 % proprjetà tal-Belt ta’ Ħelsinki.

9.        Matul is-snin 2002 sa 2012, il-Belt ta’ Ħelsinki ħadet diversi miżuri favur HKL-Bussiliikenne u l-ex HelB (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”). B’hekk, l-ewwel nett, fl‑2002, ingħata kreditu għal tagħmir ta’ EUR 14.5 miljun lil HKL-Bussiliikenne sabiex jiġi ffinanzjat l-akkwist ta’ materjal ta’ trasport permezz tal-karozzi tal-linja. Dan il-kreditu ttieħed mill-ex HelB fl‑1 ta’ Jannar 2005. It-tieni nett, il-Belt ta’ Ħelsinki tat lil din tal-aħħar, fil-mument tal-ħolqien tagħha, kreditu għall-operat ta’ ammont totali ta’ EUR 15 893 700.37 intiż sabiex jiġi ffinanzjat mill-ġdid ċertu passiv ta’ HKL-Bussiliikenne u ta’ Suomen Turistiauto. It-tielet nett, fil‑31 ta’ Jannar 2011 u fit‑23 ta’ Mejju 2012, il-Belt ta’ Ħelsinki tat lill-ex HelB żewġ krediti ġodda għall-operat, li jammontaw għal EUR 5.8 miljun u EUR 8 miljun rispettivament.

10.      Fil‑31 ta’ Ottubru 2011, l-impriżi tat-trasport pubbliku Nobina Sverige AB u Nobina Finland Oy ressqu lment quddiem il-Kummissjoni, li miegħu l-kumpannija omm tagħhom, Nobina AB, ingħaqdet fil‑15 ta’ Novembru 2011. Permezz ta’ dan l-ilment, huma allegaw li r-Repubblika tal-Finlandja kienet tat għajnuna illegali lill-ex HelB. Fit‑22 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet dan l-ilment lir-Repubblika tal-Finlandja.

11.      Permezz tad-Deċiżjoni C(2015) 80 final tas‑16 ta’ Jannar 2015 (6), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar b’mod partikolari l-miżuri kontenzjużi. Dik id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑10 ta’ April 2015 u l-partijiet interessati ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar minn din il-pubblikazzjoni.

12.      Barra minn hekk, fl‑24 ta’ Ġunju 2015, matul il-proċedura, il-Belt ta’ Ħelsinki informat lill-Kummissjoni bl-eżekuzzjoni tal-proċess tal-bejgħ tal-ex HelB. Fil‑5 ta’ Novembru 2015, ir-Repubblika tal-Finlandja bagħtet lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ kuntratt ta’ bejgħ stabbilit mal-appellanti.

13.      Fl‑14 ta’ Diċembru 2015, l-ex HelB inbiegħet lill-appellanti, li qabel kien jisimha Viikin Linja Oy. Skont it-termini tal-att ta’ bejgħ, din ingħatat l-isem ġdid ta’ Helsingin Bussiliikenne Oy (iktar ’il quddiem il-“HelB il-ġdida”). L-atti relatati mat-tranżazzjoni ta’ bejgħ kienu jinkludu klawżola li tiggarantixxi kumpens totali lill-akkwirent tal-ex HelB fil-każ ta’ talba għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ kumpens”) u parti mill-prezz tal-bejgħ tqiegħdet f’kont ta’ garanzija miżmum minn terzi sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-għajnuna mill-Istat jew, l-iktar tard, sal‑31 ta’ Diċembru 2022.

14.      It-trasferiment lil Viikin Linja kien jirrigwarda l-attivitajiet kummerċjali kollha tal-ex HelB. L-ex HelB ma kinitx għadha żżomm attiv, bl-eċċezzjoni tas-somom imdaħħla jew li kellhom jiddaħħlu fil-kreditu tal-kont ta’ garanzija miżmum minn terzi. Il-passiv li rriżulta mill-miżuri kontenzjużi ma ġiex ittrasferit lejn il-HelB il-ġdida. Wara l-bejgħ tal-ex HelB, din ġiet eżentata, mill-Belt ta’ Ħelsinki, milli tirrimborsa l-ammont li kien għadu dovut abbażi tal-kreditu għal tagħmir tal‑2002. Barra minn hekk, fil‑11 ta’ Diċembru 2015, il-Belt ta’ Ħelsinki kkonvertiet il-krediti għall-operat tal‑2005, tal‑2011 u tal‑2012, li ma kinux ġew irrimborsati, f’kapital proprju tal-ex HelB.

15.      Fit‑28 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma l-appellanti ġiet intimata sabiex tissottometti kummenti. Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 54 231 850 mogħtija illegalment [mir-Repubblika tal‑]Finlandja taħt il-Miżuri tal-għajnuna [kontenzjużi], bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], favur Helsingin Bussiliikenne Oy, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.      [Ir-Repubblika tal‑]Finlandja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.      Fid-dawl tal-kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika (issa Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy) u l-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy, li qabel kienet – Viikin Linja Oy), l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna għandu jiġi estiż għall-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy).

3.      Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħhom.

[…]

Artikolu 4

1.      Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, [ir-Repubblika tal‑]Finlandja għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)      l-ammont totali (il-kapital u l-imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

[…]”

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

16.      Il-HelB il-ġdida, sostnuta mir-Repubblika tal-Finlandja, talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża.

17.      Insostenn tar-rikors tagħha, hija qajmet ħames motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq żball proċedurali sostanzjali sa fejn id-Deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, it-tieni, fuq żball manifest tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida, it-tielet, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-Deċiżjoni kontenzjuża, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità u, il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.

18.      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors kollu kemm hu.

19.      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq żball proċedurali sostanzjali, ikkonċernat minn dan l-appell, il-Qorti Ġenerali qieset, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ġdida jew rettifikata, kif allegat mill-appellanti (7).

20.      Il-Qorti Ġenerali madankollu qieset, it-tieni nett, li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja (8), iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ kienu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni, peress li kien biħsiebha teżamina l-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika bejn l-attivitajiet tal-ex HelB u dawk tal-HelB il-ġdida, tinvolvi iktar lill-appellanti, fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva tal-miżuri kontenzjużi, fil-proċedura. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, billi ma qegħdithiex f’pożizzjoni li tissottometti l-kummenti tagħha dwar il-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika, il-Kummissjoni kienet kisret id-dritt iggarantit mill-Artikolu 108(2) TFUE (9).

21.      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, peress li l-ksur ikkonstatat ma kienx jikkonċerna l-obbligi tal-Kummissjoni fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda dawk imposti fuqha minħabba ċirkustanza partikolari li seħħet matul din il-proċedura (10), dik l-istituzzjoni kellha titqies li wettqet irregolarità proċedurali u mhux li kisret formalità essenzjali (11). Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma stabbilixxietx, kif teħtieġ il-ġurisprudenza f’każijiet ta’ dan it-tip, li, kieku kienet tqiegħdet f’pożizzjoni li tissottometti l-kummenti tagħha dwar il-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika, dawn kienu jkunu jistgħu jibdlu l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward (12).

22.      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-motiv dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li l-appellanti ma kinitx iġġustifikata li ssostni li l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat li jirriżulta mill-miżuri kontenzjużi kellu jirrigwarda biss ammont imnaqqas meta mqabbel ma’ dak tal-ammont ta’ din l-għajnuna (13). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali osservat li, kuntrarjament għal dak allegat mill-appellanti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina sa fejn l-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri kontenzjużi kellha tiġi rkuprata mingħandha. Fil-fatt, kien l-obbligu tar-Repubblika tal-Finlandja, destinatarja tad-Deċiżjoni kontenzjuża, fil-kuntest tal-miżuri li hija obbligata tieħu skont l-Artikolu 288 TFUE sabiex tasal għall-irkupru effettiv tas-somom dovuti, li tirkupra l-għajnuna inkwistjoni, jekk mhux mingħand l-ex HelB, mingħand l-appellanti (14).

V.      Talbiet talpartijiet

23.      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha li hija ġarrbet quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-interessi legali.

24.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti tbati l-ispejjeż kollha tal-Kummissjoni.

VI.    Analiżi

25.      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji, ibbażati fuq żball proċedurali sostanzjali u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

A.      Fuq lewwel aggravju, ibbażat fuq żball proċedurali sostanzjali

26.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kisritx formalità essenzjali matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-miżuri kontenzjużi.

27.      Dan l-aggravju jinqasam fi tliet partijiet, li jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-obbligu tal-Kummissjoni li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali permezz tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari jew rettifikata, it-tieni nett, il-klassifikazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE kkonstatat mill-Qorti Ġenerali bħala irregolarità proċedurali u mhux bħala ksur ta’ formalità essenzjali tal-proċedura u, it-tielet nett, il-konstatazzjoni li l-kummenti tal-appellanti dwar il-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika ma setgħux jibdlu l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża.

1.      Fuq lewwel parti, dwar lobbligu talKummissjoni li testendi lproċedura ta’ investigazzjoni formali permezz talpubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari jew rettifikata

28.      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata testendi d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara t-trasferiment tal-attività tal-ex HelB lilha. Skont l-appellanti, tali trasferiment kien element ġdid, li ma kienx jinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, li messu wassal lill-Kummissjoni sabiex testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni billi tadotta deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari jew, tal-inqas, rettifika tad-deċiżjoni ta’ ftuħ inizjali. Dan l-approċċ tal-Kummissjoni kien jintima lill-appellanti sabiex tissottometti l-kummenti tagħha bħala parti interessata, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika mal-ex HelB, kif jeżiġi l-Artikolu 108(2) TFUE.

29.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tqis, bħall-Qorti Ġenerali, li l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida ma kinitx tfisser bidla ta’ opinjoni dwar il-benefiċjarju li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kellha tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Il-konstatazzjoni dwar il-kontinwità ekonomika lanqas ma kienet tfisser li l-Kummissjoni kellha testendi s-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li hija ma kinitx obbligata testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, la billi tadotta deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari u lanqas billi tippubblika deċiżjoni rettifikata.

30.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, jekk, wara li tintima lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni tikkonstata li għajnuna mogħtija minn Stat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat ma hijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107 TFUE, jew li din l-għajnuna hija applikata b’mod abbużiv, hija għandha tiddeċiedi li l-Istat interessat għandu jneħħiha jew jimmodifikaha fit-terminu stabbilit minnha.

31.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija waħda indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tivverifika jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern (15). Din il-proċedura tissodisfa skop doppju: minn naħa, tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompleta dwar il-fatti kollha tal-każ qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, tipproteġi d-drittijiet ta’ terzi potenzjalment interessati (16).

32.      F’dan ir-rigward tal-aħħar, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna hija proċedura miftuħa biss fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna (17), l-Artikolu 108(2) TFUE jobbliga lill-Kummissjoni, meta tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar miżura ta’ għajnuna, tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jissottomettu l-kummenti tagħhom (18).

33.      Il-portata ta’ dan l-obbligu hija ddeterminata mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, li jinkludi fil-kategorija tal-“partijiet interessati”, fost oħrajn, kull impriża li l-interessi tagħha jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tagħha.

34.      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jsiru jafu bil-ftuħ ta’ proċedura. Din il-komunikazzjoni hija intiża sabiex tinkiseb, min-naħa ta’ dawn tal-aħħar, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il-Kummissjoni jkollha għarfien ċar fl-azzjoni futura tagħha. L-imsemmija komunikazzjoni tagħti wkoll lill-oqsma kkonċernati l-garanzija li jkunu jistgħu jinstemgħu (19).

35.      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, għalkemm il-partijiet interessati ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għaliex din il-proċedura ma hijiex ta’ natura kontradittorja (20), huma għandhom id-dritt li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva segwita mill-Kummissjoni b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (21).

36.      F’dan il-każ, fil-punti 36 sa 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kienet obbligata tikkompleta jew tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ wara t-trasferiment tal-ex HelB (22).

37.      Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx biddlet l-analiżi li hija kienet wettqet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ fir-rigward tal-benefiċjarju tal-miżuri kontenzjużi, u, b’mod iktar ġenerali, tal-eżistenza ta’ għajnuna jew tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

38.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-fatt li, fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna li jirriżulta mill-miżuri kontenzjużi kellu jiġi estiż għall-HelB il-ġdida, minħabba l-kontinwità ekonomika mal-ex HelB, ma setax jiġi assimilat ma’ modifika tal-benefiċjarju tal-miżuri li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kellha tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

39.      Fil-fehma tiegħi, tali raġunament ma jistax jiġi kkonfermat.

40.      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 jiddefinixxi l-kontenut obbligatorju li għandha tinkludi d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tiġbor fil-qosor, fl-imsemmija deċiżjoni, il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi għall-investigazzjoni li għandha titwettaq fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tinkludi fiha evalwazzjoni preliminari tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna u tesponi r-raġunijiet li jqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

41.      F’dak li jirrigwarda t-termini “kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi” li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, essenzjalment, li dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-iskopijiet tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod partikolari dak li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-motivi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ din il-proċedura, billi, b’dan il-mod, jiġi ggarantit l-effett utli tal-Artikolu 108(2) TFUE (23).

42.      Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espressament f’dan ir-rigward fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet repetutament li l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ għajnuna (24), jekk din tkun possibbli fl-istadju tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (25), tikkostitwixxi punt rilevanti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, huwa abbażi ta’ tali identifikazzjoni li l-Kummissjoni tordna lill-Istat Membru kkonċernat, meta tikkonkludi li teżisti għajnuna illegali implimentata, jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi rkuprata (26).

43.      Il-bażijiet ta’ din il-ġurisprudenza – li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ faċilment tagħmilhom tagħha – jibqgħu validi f’dak li jirrigwarda l-benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna, peress li fuqu jaqa’ l-obbligu ta’ rimbors fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata l-kontinwità ekonomika tiegħu mal-persuna li inizjalment irċeviet din l-għajnuna. Dan il-benefiċjarju effettiv għaldaqstant għandu jitqies li huwa punt rilevanti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 u, għalhekk, sakemm ikun possibbli li jiġi identifikat f’dan l-istadju, imqar b’mod provviżorju, għandu jidher b’mod obbligatorju fl-espożizzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

44.      Madankollu, il-kwistjoni li tqum f’dan il-każ hija dik dwar jekk, meta l-benefiċjarju effettiv isir magħruf biss wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni lill-partijiet interessati, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, sabiex jissottomettu kummenti, għandhiex tiġi ppubblikata deċiżjoni ġdida jew, tal-inqas deċiżjoni rettifikata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali.

45.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li t-testi li jirregolaw il-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma jipprevedux espressament il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari jew rettifikata fir-rigward ta’ proċedura pendenti.

46.      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-konstatazzjoni ma jistax ikollha l-konsegwenza li tipprekludi tali rettifika jew, jekk ikun il-każ, l-estensjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk id-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura tkun ibbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti (27).

47.      Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistieden li jitqies li deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tkun ibbażata fuq fatti inkompleti, mhux biss meta din tonqos milli tirreferi għal fatti magħrufa fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll minħabba li jkunu seħħew fatti ġodda jew differenti matul din il-proċedura (28).

48.      Minn dan isegwi li, sa fejn fatt jista’ jikkostitwixxi “kwistjoni rilevanti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, l-assenza tiegħu jew in-natura inkompleta, jew saħansitra żbaljata, tiegħu fl-espożizzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tadotta deċiżjoni komplementari, jew deċiżjoni ta’ rettifika (29), indipendentement mill-kwistjoni jekk dan il-fatt jippreċedix jew le l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

49.      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 46 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kienet informata bil-proċess ta’ trasferiment tal-attivitajiet tal-ex HelB mix-xahar ta’ Ġunju 2015 u li għadda terminu ta’ tliet snin u nofs bejn id-data ta’ dan it-trasferiment u dik tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, it-trasferiment bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida wassal lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi, fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kontinwità ekonomika bejn dawn iż-żewġ impriżi u, fuq din il-bażi, l-obbligu tal-appellanti li tirrimborsa l-għajnuna inkwistjoni, kif iddefinita fl-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni.

50.      Fil-fehma tiegħi, mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta b’mod ċar li l-qafas tal-investigazzjoni effettivament immexxija mill-Kummissjoni matul il-proċedura formali – li ġie tradott konkretament fid-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża – eċċeda dak inizjalment iddefinit fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, minħabba li seħħ sussegwentement, it-trasferiment li seħħ bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida ma ssemmiex fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, minkejja li l-Kummissjoni għamlet minnu wieħed mill-aspetti prinċipali tal-investigazzjoni tagħha sabiex tindika lill-appellanti bħala l-benefiċjarja effettiva tal-għajnuna inkwistjoni.

51.      Issa, dan tabilħaqq juri, minn naħa, li t-trasferiment li seħħ bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida, ladarba nġieb għall-għarfien tal-Kummissjoni, sar punt rilevanti tal-investigazzjoni tagħha, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, u li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali għaldaqstant kienet ibbażata fuq espożizzjoni tal-punti rilevanti li ma kinitx kompleta.

52.      Min-naħa l-oħra, sa fejn id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma ġietx ikkompletata sabiex l-appellanti tiġi identifikata bħala l-benefiċjarja effettiva tal-għajnuna, jista’ jiġi osservat nuqqas ta’ qbil bejn il-kuntest tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni u l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tintima lill-partijiet interessati skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589.

53.      L-appellanti b’mod partikolari, peress li ma ġietx identifikata bħala l-benefiċjarja effettiva tal-għajnuna inkwistjoni, fl-ebda stadju tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni ma ġiet intimata sabiex tissottometti l-kummenti tagħha skont l-Artikolu 108(2) TFUE, meta hija kienet parti interessata kkonċernata direttament minn wieħed mill-punti rilevanti tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kif issostni l-appellanti, anki jekk kienet tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-benefiċjarju inizjali tal-għajnuna, hija ma kellhiex l-iċken possibbiltà li tissottometti l-kummenti, informazzjoni rilevanti u provi tagħha dwar il-benefiċċju effettiv tal-għajnuna inkwistjoni qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar l-irkupru tagħha.

54.      Min-naħa tagħhom, il-partijiet interessati l-oħra fil-proċedura messhom ukoll ġew intimati sabiex jissottomettu l-kummenti rispettivi tagħhom dwar il-kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, pereżempju, li l-impriżi kompetituri tal-appellanti, li minnhom oriġina l-ilment quddiem il-Kummissjoni, setgħu tabilħaqq riedu jesponu l-kummenti tagħhom dwar l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-HelB il-ġdida, li, wara t-trasferiment tal-attività tal-ex HelB, kienet saret il-kompetitriċi tagħhom fis-suq. Issa, peress li ebda deċiżjoni komplementari ma ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni sabiex tinforma b’dan il-fatt ġdid li seħħ matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, lanqas huma ma kellhom l-opportunità li jesprimu ruħhom dwar din il-kwistjoni.

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li sa fejn id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma inkludietx inizjalment il-punti rilevanti kollha li fuqhom il-Kummissjoni sussegwentement ibbażat l-analiżi tagħha, messha ġiet ippubblikata deċiżjoni komplementari sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 (30).

56.      Il-konstatazzjoni preċedenti ma tistax titqiegħed fid-dubju bl-argumenti tal-Kummissjoni.

57.      L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-eżami mwettaq fid-Deċiżjoni kontenzjuża jidentifika lill-appellanti bħala l-benefiċjarja responsabbli għar-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonstata, mingħajr ma twettaq żball, li l-analiżi li hija kienet wettqet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ fir-rigward tal-benefiċjarju tal-miżuri kontenzjużi ma kinitx inbidlet. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kumpannija benefiċjarja inizjali tal-għajnuna essenzjalment ma baqgħetx teżisti u li kien għad kellha biss patrimonju residwu, ħaġa li wasslet sabiex l-appellanti, bħala benefiċjarja effettiva tal-għajnuna skont il-Kummissjoni, issir l-unika impriża li lilha seta’ jintalab il-ħlas lura tal-għajnuna.

58.      It-tieni nett, l-approċċ li nipproponi li tadotta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax ibiddel, kif tallega l-Kummissjoni, in-natura bilaterali tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, kif deskritta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, dan ifittex li jiġu osservati l-obbligi li l-formulazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE u dik tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 jimponu b’mod espliċitu fuq il-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-drittijiet irrikonoxxuti minn dawn id-dispożizzjonijiet lill-partijiet interessati.

59.      It-tielet nett, il-fatt li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet konnessi u komplementari dwar il-benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna, kif hija ssostni, ma jistax iqiegħed l-evalwazzjoni preċedenti fid-dubju. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li dan ma seħħx f’dan il-każ, li fih il-Kummissjoni ddeċidiet li tiddeċiedi dwar il-benefiċjarju effettiv tal-għajnuna direttament fid-Deċiżjoni kontenzjuża wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, meta jiġu adottati d-deċiżjonijiet konnessi u komplementari, il-benefiċjarju effettiv tal-għajnuna jista’ jissottometti kummenti dwar il-kontinwità ekonomika ma’ impriża oħra, ħaġa li ċertament ma seħħitx f’dan il-każ.

60.      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tippubblika deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari wara t-trasferiment tal-attivitajiet li seħħ bejn l-ex HelB u l-appellanti.

61.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi milqugħa, ħaġa li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata, mingħajr ma jkun neċessarju li tiddeċiedi dwar iż-żewġ partijiet l-oħra ta’ dan l-aggravju jew dwar it-tieni aggravju invokat mill-appellanti.

62.      Barra minn hekk, nixtieq infakkar li, meta l-kawża tkun fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tista’ hija stess tiddeċiedi din il-kawża definittivament.

63.      F’dan il-każ, peress li r-rikors għal annullament tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem din tal-aħħar u li l-eżami tagħhom, fil-fehma tiegħi, ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorja tal-proċess, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi din il-kawża definittivament.

64.      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel motiv ta’ annullament ifformulat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali kien ibbażat fuq żball proċedurali sostanzjali sa fejn id-Deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

65.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu li l-partijiet interessati jiġu intimati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom meta tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandu n-natura ta’ formalità essenzjali u li l-ommissjoni, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ta’ punt rilevanti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 għandha titqies li hija ksur ta’ tali formalità, li jwassal għall-annullament ipso jure ta’ dik id-deċiżjoni (31).

66.      Tali konsegwenza għandha naturalment tiġi rrikonoxxuta, fl-istess termini, fil-każ fejn il-Kummissjoni tkun naqset b’mod żbaljat milli tippubblika deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari wara li jseħħ fatt ġdid li jikkostitwixxi punt rilevanti fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589.

67.      F’dan il-każ, sa fejn l-assenza ta’ pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari kienet tikkostitwixxi ksur ta’ formalità essenzjali tal-proċedura, l-ewwel motiv ta’ annullament invokat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali għandu jintlaqa’ u, konformement mat-talbiet ifformulati minnha fil-kuntest tar-rikors tagħha, id-Deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa biss sussidjarjament, u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix il-proposti preċedenti tiegħi, li ser neżamina t-tieni u t-tielet parti ta’ dan l-aggravju.

2.      Fuq ittieni parti, dwar ilklassifikazzjoni talksur talArtikolu 108(2) TFUE kkonstatat millQorti Ġenerali bħala irregolarità proċedurali

69.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-ksur tad-dritt tagħha li tkun involuta fil-proċedura amministrattiva ma kienx jikkostitwixxi ksur ta’ formalità essenzjali tal-proċedura, iżda biss irregolarità proċedurali, li setgħet twassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża biss kieku kellu jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni tal-aħħar seta’ jkollha kontenut differenti.

70.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Għalkemm taqbel mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ineżistenza ta’ ksur ta’ formalità essenzjali tal-proċedura, hija tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata, għaliex tqis li hija ma wettqet ebda irregolarità meta ma involvietx iktar lill-appellanti fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

71.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din il-parti tal-ewwel aggravju hija bbażata fuq il-premessa li, kuntrarjament għall-konklużjoni li tirriżulta mill-analiżi preċedenti tiegħi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tippubblika deċiżjoni ta’ ftuħ komplementari wara t-trasferiment tal-attività tal-ex HelB favur l-appellanti. Issa, tali konstatazzjoni ma teskludix li l-Kummissjoni madankollu kienet obbligata tinvolvi lill-appellanti fil-proċedura, abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE.

72.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ kienu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni, peress li kien biħsiebha teżamina l-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika bejn l-attivitajiet tal-ex HelB u dawk tal-HelB il-ġdida, tinvolvi iktar lill-appellanti, fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva tal-miżuri kontenzjużi, fil-proċedura. Billi ma qegħdithiex f’pożizzjoni li tissottometti l-kummenti tagħha dwar il-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika, il-Kummissjoni kisret – tgħid il-Qorti Ġenerali – id-dritt iggarantit mill-Artikolu 108(2) TFUE.

73.      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, it-talba tal-Kummissjoni għas-sostituzzjoni tal-motivi, nikkondividi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fis-sens li l-appellanti messa ġiet involuta iktar fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, b’mod li l-assenza ta’ tali involviment wassal għal ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha.

74.      Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm ċirkustanzi li fihom il-konstatazzjoni ta’ fatti ġodda jew differenti meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ teħtieġ li l-partijiet interessati jiġu involuti iktar (32).

75.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, li t-trasferiment tal-attivitajiet tal-ex HelB favur il-HelB il-ġdida kien jikkostitwixxi ċirkustanza li tiġġustifika l-involviment tal-appellanti fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika bejn l-attivitajiet tal-ex HelB u dawk tal-HelB il-ġdida matul din il-proċedura, u li hija bbażat il-motivi u d-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża fuq il-konklużjonijiet misluta minn tali eżami.

76.      Issa, peress li l-Kummissjoni f’ebda mument ma involviet lill-appellanti, fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva tal-miżuri kontenzjużi, fil-proċedura, minkejja li ddeċidiet, fi tmiem din il-proċedura, li testendi l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni lilha, hija ma osservatx l-obbligi proċedurali tagħha fil-konfront tal-appellanti.

77.      Konsegwentement, jidhirli li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kisret id-dritt tal-appellanti ggarantit mill-Artikolu 108(2) TFUE hija korretta.

78.      Fil-fehma tiegħi, is-sostituzzjoni tal-motivi mitluba mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

79.      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-konsegwenzi ġuridiċi li għandhom jinsiltu mill-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi proċedurali tagħha fil-konfront tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza appellata, ikklassifikat dan il-ksur bħala “irregolarità proċedurali”.

80.      Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ksur li jikkonsisti fil-fatt li l-appellanti ma ġietx involuta fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kienx jikkonċerna l-obbligi li jaqgħu fuq il-Kummissjoni fid-data tal-ftuħ ta’ din il-proċedura, ħaġa li kienet twassal għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ formalità essenzjali, iżda l-obbligi li jaqgħu fuq il-Kummissjoni minħabba ċirkustanza partikolari li tirriżulta minn avveniment li seħħ wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom u qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et (33).

81.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-annullament totali jew parzjali tad-Deċiżjoni kontenzjuża seta’ jiġi deċiż biss kieku kellu ġie stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, dik id-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti.

82.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata l-ksur ta’ formalità essenzjali jew, alternattivament, irregolarità proċedurali hija bbażata fuq premessi artifiċjali, sa fejn il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati ma jistax jiġi ssanzjonat b’mod differenti skont il-mument li fih ikun seħħ dan il-ksur. Altrimenti, kif issostni l-appellanti, il-partijiet interessati li jkunu kisbu din il-kwalità qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jkunu vvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk li jkunu kisbuha sussegwentement – wara, bħal f’dan il-każ, avveniment li seħħ wara dan il-ftuħ – li għaldaqstant ikunu suġġetti għal obbligu ta’ prova iktar strett sabiex jiksbu l-annullament tal-att ikkonċernat.

83.      Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-uniku fatt determinanti, sabiex jiġi kkonstatat il-ksur ta’ formalità essenzjali, huwa li l-Kummissjoni ma offrietx lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jesprimu ruħhom, tal-inqas inizjalment, dwar “kwistjoni rilevanti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, użata sussegwentement fil-kuntest tad-deċiżjoni finali, indipendentement mill-kwistjoni jekk dan il-punt jippreċedix jew le l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

84.      Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-parti interessata li l-kummenti tagħha ma nġabrux mill-Kummissjoni tkun preċiżament dik li għandha taffaċċja r-rimbors totali tal-għajnuna li tkun tqieset li hija illegali u inkompatibbli fid-Deċiżjoni kontenzjuża.

85.      Fil-fatt, wara mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Kummissjoni sabiex tingħata tweġiba waqt is-seduta, din l-istituzzjoni tal-aħħar ikkonfermat li t-termini tad-Deċiżjoni kontenzjuża kienu jipprekludu li tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva tal-appellanti u li jiġi aġġustat l-ammont tal-għajnuna li, skont id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża, hija kellha tirrimborsa lill-Finlandja. Min-naħa tagħha, l-appellanti kkonfermat li kemm l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża fuq livell statali kif ukoll l-ogħla qrati nazzjonali kienu aġixxew skont din l-interpretazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

86.      Minn dan isegwi li l-appellanti la kellha l-possibbiltà li tissottometti kummenti quddiem il-Kummissjoni, sa fejn din tal-aħħar ma tathiex tali possibbiltà, u lanqas quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, f’dan il-każ tal-aħħar minħabba l-fatt li l-motivi u d-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża kienu jeżawrixxu kwalunkwe marġni ta’ evalwazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-vantaġġ effettiv li rċeviet l-appellanti wara t-trasferiment tal-attivitajiet mill-ex HelB.

87.      Konsegwentement, għalkemm nista’ nifhem il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura prammatika li jsostnu l-ġurisprudenza dwar ir-rekwiżit li jiġi pprovat li deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha riżultat differenti wara l-konstatazzjoni ta’ irregolarità proċedurali – jiġifieri l-bżonn li l-proċeduri amministrattivi mmexxija mill-Kummissjoni ma jiġux ostakolati inutilment –, ma naħsibx li s-sitwazzjoni tal-appellanti f’dan il-każ hija msaħħa b’dan l-approċċ, li jidhirli li l-kompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija diskutibbli ferm.

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistieden għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-ksur tad-dritt tal-appellanti li tkun involuta fil-proċedura jikkorrispondi għal ksur ta’ formalità essenzjali, li fih innifsu jwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma l-appellanti jkollha għalfejn tipproduċi ebda prova addizzjonali.

89.      Barra minn hekk, nixtieq nirrileva, bħall-opinjoni espressa fil-punt 58 iktar ’il fuq, li l-approċċ li nipproponi li tadotta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax iqiegħed fid-dubju n-natura bilaterali tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Għall-kuntrarju, dan ifittex li jipprovdi protezzjoni ġuridika adegwata għad-drittijiet proċedurali ggarantiti mill-Artikolu 108(2) TFUE lill-appellanti bħala parti interessata li ma kellhiex l-iċken possibbiltà li tesponi l-kummenti tagħha dwar wieħed mill-elementi deċiżivi tad-Deċiżjoni kontenzjuża li jikkonċernaha direttament.

90.      Barra minn hekk, dan l-approċċ ma jikkontradixxix is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et, iċċitata mill-Qorti Ġenerali insostenn tar-raġunament tagħha. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ommissjoni ta’ punt rilevanti fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kellha titqies li tikkostitwixxi ksur ta’ formalità essenzjali. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma eskludiet li din il-klassifikazzjoni ġuridika tista’ tapplika wkoll għall-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 108(2) TFUE, mhux fil-bidu, iżda matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

91.      Fl-aħħar nett, l-approċċ propost lanqas ma jikkontradixxi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (34) u Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja (35), iċċitati wkoll fis-sentenza appellata. Il-każijiet li taw lok għal dawn iż-żewġ sentenzi kienu jikkonċernaw bidla tal-kuntest ġuridiku matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-miżura ta’ għajnuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment, fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti tagħha (36), li, meta jkun hemm bidla fis-sistema legali wara li l-Kummissjoni tkun qiegħdet lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jissottomettu l-kummenti tagħhom u qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar proġett ta’ għajnuna, il-fatt li ma jkunux intalbu kummenti ġodda mingħand dawn il-partijiet ma jistax, bħala tali, iwassal għall-annullament ta’ dik deċiżjoni. Fil-każ preżenti, b’differenza mill-fatti li jirriżultaw mill-imsemmija sentenzi, għandu jiġi kkonstatat, mill-ġdid, li l-appellanti ma kellhiex l-iċken possibbiltà li tissottometti kummenti quddiem il-Kummissjoni.

92.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha għaldaqstant tintlaqa’.

93.      Barra minn hekk, peress li l-konsegwenzi ġuridiċi għad-Deċiżjoni kontenzjuża jekk tintlaqa’ din il-parti jkunu l-istess bħal dawk jekk tintlaqa’ l-ewwel parti, kif propost minni, japplikaw ukoll il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 62 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

3.      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi sa fejn ilQorti Ġenerali qieset li l-irregolarità amministrattiva mwettqa millKummissjoni ma setgħetx twassal għal deċiżjoni differenti

94.      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li d-Deċiżjoni kontenzjuża ma setax ikollha kontenut differenti li kieku hija kienet f’pożizzjoni li tissottometti l-kummenti tagħha dwar il-kwistjoni tal-kontinwità ekonomika matul il-proċedura amministrattiva. Essenzjalment, l-appellanti ssostni li hija setgħet tissottometti kummenti addizzjonali dwar il-kwistjoni jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx ġiet effettivament ittrasferita lilha u, b’mod partikolari, elementi dwar it-trasferiment tal-attività, il-kundizzjonijiet tas-suq ikkonċernat, il-konformità mas-suq tal-prezz tax-xiri u l-kontinwità ekonomika.

95.      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Skontha, l-appellanti fir-realtà tikkontesta l-evalwazzjoni fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ewwel motiv eżaminat fis-sentenza appellata. Issa, tali kontestazzjoni ma hijiex ammissibbli fil-kuntest ta’ appell, sakemm ma jiġix allegat żnaturament tal-fatti, ħaġa li, skont il-Kummissjoni ma seħħitx f’dan il-każ.

96.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-eżami ta’ din il-parti jippreżumi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-assenza ta’ involviment tal-appellanti fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali min-naħa tal-Kummissjoni tikkostitwixxi, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, irregolarità proċedurali u mhux ksur ta’ formalità essenzjali.

97.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikorrent li jinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu ma għandux jipprova li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża (37). Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni għandha titwettaq fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi tal-każ ineżami (38).

98.      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kontinwità bejn il-kumpanniji partijiet fi trasferiment ta’ attiv għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ diversi fatturi relatati mas-suġġett tat-trasferiment, jiġifieri l-attiv u l-passiv, iż-żamma tal-forza tax-xogħol u l-attiv magħqud, il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew tas-sidien tal-impriża li tixtri u tal-impriża inizjali, il-mument li fih isir it-trasferiment, jiġifieri wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-ftuħ tal-proċedura jew tad-deċiżjoni finali, jew ukoll il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (39).

99.      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 52 sa 63 tas-sentenza appellata, l-argumenti fformulati mill-appellanti sabiex tipprova li, kieku kellha l-opportunità li tinstema’ matul il-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, l-evalwazzjoni li tinsab f’din tal-aħħar fir-rigward tal-kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida setgħet tkun differenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, kuntrarjament għal dak li allegat l-appellanti, hija ma kienx irnexxielha tagħmel tali prova.

100. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, bħall-Kummissjoni, li l-appellanti ma tressaqx argumenti differenti minn dawk li diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Hija fil-fatt tillimita ruħha li tafferma, kif diġà għamlet fil-kuntest tar-rikors għal annullament, li hija għaddiet lill-Kummissjoni informazzjoni deċiżiva addizzjonali dwar il-kwistjoni jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx ġiet ittrasferita lilha. Madankollu, filwaqt li tagħmel dan hija tonqos milli tispjega, b’mod partikolari, kif l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata.

101. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-appellanti ma jirnexxilhiex tqiegħed fid-dubju l-konklużjoni li tirriżulta mill-punt 64 tas-sentenza appellata, li skontha l-kummenti tagħha ma setgħux ibiddlu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kieku kellha l-possibbiltà li tissottomettihom matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

102. Fil-fehma tiegħi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju ma għandhiex tintlaqa’.

4.      Konklużjoni intermedja

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju jew, sussidjarjament, it-tieni parti tal-istess aggravju, għandha tintlaqa’.

104. Fiż-żewġ każijiet, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tilqa’ waħda minn dawn il-partijiet, hija jkollha tannulla s-sentenza appellata, kif ukoll, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tilqa’ r-rikors għal annullament tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża.

105. Min-naħa l-oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix il-proposti preċedenti u tiċħad l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju, it-tielet parti, kif ukoll dan l-aggravju kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda wkoll.

B.      Fuq ittieni aggravju, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

106. Permezz tat-tieni aggravju tal-appell, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet ir-raba’ motiv tar-rikors, dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Essenzjalment, l-appellanti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn obbligat lill-awtoritajiet Finlandiżi jwettqu rkupru tal-għajnuna li jeċċedi l-vantaġġ effettiv li rċeviet l-appellanti b’konsegwenza tat-trasferiment tal-attivitajiet tal-ex HelB.

107. Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li teżisti differenza bejn il-konstatazzjoni tal-kontinwità ekonomika u d-determinazzjoni tal-proporzjon li fiha għandu jitwettaq l-irkupru mingħand id-diversi benefiċjarji. Għalhekk sabiex tiġi stabbilita l-kontinwità ekonomika, ma huwiex neċessarju, skontha, li hija tiddetermina l-proporzjon eżatta li fiha l-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat illegali għandhom jirrimborsaw l-għajnuna. Il-Kummissjoni ssostni li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 159 tas-sentenza appellata, hija ma kinitx obbligata tiddetermina sa fejn l-għajnuna li l-irkupru tagħha kien ġie ordnat permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża kellha tiġi rkuprata mingħand l-appellanti, u li hija r-Repubblika tal-Finlandja li għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex tasal għall-irkupru effettiv tas-somom dovuti.

108. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha u hija intiża li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti. Dan l-għan jintlaħaq malli l-għajnuna inkwistjoni, flimkien mal-interessi moratorji jekk ikun il-każ, ikunu tħallsu lura mill-benefiċjarju jew, fi kliem ieħor, mill-impriżi li kellhom it-tgawdija effettiva tagħha. L-irkupru ta’ din l-għajnuna ma jistax, bħala tali, jitqies li huwa miżura sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (40).

109. Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, kif diġà ġie indikat, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa lil kumpannija jista’ jiġi estiż għal kumpannija ġdida lil lilha l-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna tkun ittrasferixxiet parti mill-attiv tagħha, meta dan it-trasferiment jippermetti li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji.

110. Fil-fehma tiegħi, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Kummissjoni kkonfermat waqt is-seduta (41), wara mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li t-termini tad-Deċiżjoni kontenzjuża kienu jipprekludu li tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva tal-appellanti u li jiġi aġġustat l-ammont tal-għajnuna li, skont id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża, hija kellha tirrimborsa lill-Finlandja. Min-naħa tagħha, l-appellanti kkonfermat li kemm l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża fuq livell statali kif ukoll l-ogħla qrati nazzjonali kienu qiesu li ma kellhom ebda marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jevalwaw il-vantaġġ effettiv li rċeviet l-appellanti wara t-trasferiment tal-attivitajiet mill-ex HelB.

111. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta stabbilixxiet, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina sa fejn l-għajnuna li tirriżulta mill-miżuri kontenzjużi kellha tiġi rkuprata mingħand l-appellanti. Ir-Repubblika tal-Finlandja, destinatarja tad-Deċiżjoni kontenzjuża, fil-fatt ma kellhiex il-possibbiltà li taġġusta l-ammont li kellu jiġi rkuprat mingħand l-appellanti.

112. Dan premess, għandu jiġi rrilevat li, bl-argument tagħha, l-appellanti tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta mill-eżami tagħha dwar il-kontinwità ekonomika u, b’mod partikolari, il-konstatazzjonijiet magħmula minn dik il-qorti dwar l-argument li l-prezz tal-bejgħ ma kienx jirrifletti korrettament il-prezz tas-suq meta ġew ittrasferiti l-attivitajiet tal-ex HelB.

113. Madankollu, sa fejn l-appellanti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda t-tieni motiv imressaq fl-ewwel istanza, relatat mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn l-ex HelB u l-HelB il-ġdida, għandu jitqies li l-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mis-sentenza f’dan ir-rigward, li barra minn hekk huma koperti mid-dispożittiv ta’ din tal-aħħar, għandhom l-awtorità ta’ res judicata (42). Dan jinkludi neċessarjament id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li l-Kummissjoni obbligat lill-awtoritajiet Finlandiżi jirkupraw mingħand l-appellanti.

114. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u f’konformità mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-argumenti mressqa mill-appellanti ma jistgħux iqiegħdu fid-dubju l-proporzjonalità tal-ammont tal-irkupru.

115. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

116. It-tieni aggravju tal-appell għandu għalhekk jiġi miċħud, kif ukoll, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ukoll l-ewwel aggravju, l-appell kollu kemm hu.

VII. Fuq lispejjeż

117. Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza.

118. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

119. Billi nibbaża ruħi fuq il-proposta prinċipali ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif esposta fil-punt 61 iktar ’il fuq, li tistieden li jitqies li l-Kummissjoni hija l-parti li tilfet il-kawża fil-kuntest ta’ dan l-appell, din tal-aħħar għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-appellanti.

VIII. Konklużjoni

120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi dan li ġej:

–        is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑14 ta’ Settembru 2022, Helsingin Bussiliikenne vs Il‑Kummissjoni (T‑603/19, EU:T:2022:555), hija annullata;

–        id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1814 tat‑28 ta’ Ġunju 2019 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33846 – (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) implimentata mill-Finlandja favur Helsingin Bussiliikenne Oy hija annullata;

–        il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess relatati kemm mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll mal-proċedura tal-appell, dawk imġarrba minn Koiviston Auto Helsinki Oy fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      T‑603/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:555.


3      Deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33846 – (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) implimentata mill-Finlandja favur Helsingin Bussiliikenne Oy (ĠU 2020, L 404, p. 10, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).


4      Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9, iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2015/1589”).


5      Dawn il-konklużjonijiet jirriproduċu l-konvenzjonijiet ta’ kitba użati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.


6      Deċiżjoni dwar il-miżura SA.33846 (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) – Finlandja – Helsingin Bussiliikenne Oy (ĠU 2015, C 116, p. 22, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”).


7      Sentenza appellata, punt 41.


8      C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 71.


9      Sentenza appellata, punt 48.


10      Sentenza appellata, punt 50.


11      Sentenza appellata, punt 51.


12      Sentenza appellata, punt 64.


13      Sentenza appellata, punt 156.


14      Sentenza appellata, punt 159.


15      Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni u IGG vs Dansk Erhverv (C‑508/21 P u C‑509/21 P, EU:C:2023:669, punt 69).


16      Sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1984, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (84/82, EU:C:1984:117, punt 13), u tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 27).


17      Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 73).


18      Sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 55).


19      Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punti 71 u 72).


20      Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 74).


21      Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Ara wkoll is-sentenza appellata, punt 33.


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et (C‑167/19 P u C‑171/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et”, EU:C:2022:176, punti 57 u 91).


24      Sakemm ma jiġix indikat mod ieħor, u sabiex tiġi evitata repetizzjoni kostanti, ir-riferimenti għall-“benefiċjarju” jew għall-“benefiċjarju effettiv” ta’ għajnuna fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali mmexxija mill-Kummissjoni għandhom jinftiehmu li qegħdin isiru għall-“allegat benefiċjarju” jew għall-“allegat benefiċjarju effettiv” ta’ din l-għajnuna.


25      Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tidentifika l-benefiċjarju tal-għajnuna fid-deċiżjoni finali tagħha jekk din l-identifikazzjoni tirriżulta li tkun diffiċli, b’mod partikolari meta tkun inkwistjoni skema ta’ għajnuna (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 22).


26      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il‑Kummissjoni (T‑34/02, EU:T:2006:59, punti 80, 82 u 83).


27      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni (C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punti 50 u 51).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja (C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 71).


29      Filwaqt li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni komplementari hija xierqa, naturalment, fil-każijiet fejn l-informazzjoni tkun assenti jew inkompleta fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ftuħ inizjali, dik ta’ deċiżjoni ta’ rettifika, min-naħa l-oħra, hija xierqa fil-każijiet fejn l-informazzjoni tkun żbaljata.


30      Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il‑Kummissjoni (T‑34/02, EU:T:2006:59, punt 83), imsemmija fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li ddeċidiet li l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni għandha tidher jew fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, jew “fi stadju ulterjuri tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li ssir qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali” tal-Kummissjoni.


31      Sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 55), u Il‑Kummissjoni vs Freistaat Bayern et (punt 94).


32      Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza għandha tinftiehem li tirriżulta minn insenjamenti oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, iċċitati fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li skonthom id-dritt li wieħed ikun involut fil-proċedura amministrattiva segwita mill-Kummissjoni għandu jitwettaq b’mod adegwat “fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni”.


33      Ara l-punt 94 ta’ dik is-sentenza.


34      Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punti 80 u 81).


35      Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni u Il‑Polonja (C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punti 67 u 68).


36      Sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni (C‑49/05 P, EU:C:2008:259), u tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709).


37      Ara, fost oħrajn, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara, fost oħrajn, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 40).


39      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiċċita, b’mod xieraq fil-fehma tiegħi, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni (C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Digriet tat‑28 ta’ Frar 2024, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑797/22 P, EU:C:2024:174, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara l-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, D & A Pharma vs Il‑Kummissjoni u EMA (C‑291/22 P, EU:C:2024:228, punt 118).