Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2009 - Holding Slovenske elektrarne d.o.o. (HSE) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża T-399/09)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Holding Slovenske elektrarne d.o.o. ("HSE") (Ljubljana, is-Slovenja) (rappreżentant: F. Urlesberger, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla l-Artikolu 1(g) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jiddikjara lir-rikorrenti responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE;
tannulla l-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata;
sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(i) tad-deċiżjoni kkontestata;
tikkundanna l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti tixtieq tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Lulju 2009 (Każ COMP/39.396 - reaġenti abbażi ta' karbur tal-kalċju u tal-manjesju għall-industrija tal-azzar u tal-gass) sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet responsabbli ta' ksur, uniku u kontinwu, tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li jirrigwarda t-tqassim tas-suq, l-istabbiliment ta' kwoti ta' produzzjoni, it-tqassim ta' klijenti, l-iffissar ta' prezzijiet u l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn il-fornituri tal-karbur tal-kalċju u tal-granulati tal-manjesju. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tixtieq tikseb it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha.
Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u r-Regolament Nru 1/2003 billi wettqet l-iżbalji ta' liġi li ġejjin:
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tattribwixxi lilha l-kondotta ta' TDR Metalurgija d.d. ("TDR") minħabba li HSE u TDR qatt ma fformaw entità ekonomika waħda. Fin-nuqqas ta' preżunzjoni konfutabbli ta' responsabbiltà tar-rikorrenti (liema preżunzjoni kienet tista' tapplika biss kieku HSE kellha 100 % ta' TDR), il-Kummisjoni naqset milli tipprova li HSE kellha effettivament kontroll deċiżiv fuq TDR.
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta applikat, fir-rigward tal-partijiet kollha, żieda ta' 17 % tal-ammont ta' bażi tal-multa għal finijiet dissważivi. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-fattur ta' dissważjoni ma kienx iġġustifikat għal HSE peress li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma timponix il-multa fuq l-awtriċi diretta tal-ksur TDR (li għaliha l-ammont dissważiv kien ikun adattat) u li r-rikorrenti ma kinitx involuta direttament f'attivitajiet antikompetittivi.
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni injorat iċ-ċirkustanzi attenwanti meta kkalkolat il-multa, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti aġixxiet biss, jekk dan kien il-każ, b'sempliċi negliġenza, meta ma kkontrollatx biżżejjed l-aġir kummerċjali ta' TDR sabiex tevita li ma jinkisirx id-dritt għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li TDR, bħala kumpannija, kif ukoll il-prattiki kummerċjali kollużivi tagħha, ġew "imposti" fuq ir-rikorrenti permezz ta' deċiżjoni politika tal-Gvern Slovakk u li r-rikorrenti la għażlet li takkwista TDR u lanqas li tinfluwenza l-prattika kummerċjali ta' din tal-aħħar dwar il-parteċipazzjoni f'akkordju.
____________