SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)
28 ta’ Ottubru 2010
Kawża F-113/05
Roderick Neil Kay
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ħatra — Uffiċjali li jaċċedu għal grupp ta’ funzjoni ogħla permezz ta’ kompetizzjoni ġenerali — Kandidati mniżżla f’lista ta’ riżerva qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fil-grad matul ir-reklutaġġ — Klassifikazzjoni fil-grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Artikolu 2, Artikolu 5(2) u Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal”
Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. N. Kay jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal‑31 ta’ Jannar 2005, li taħtru amministratur, sa fejn din id-deċiżjoni tikklassifikah fil-grad A*6, skala 2.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad
(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 5(2) u 12(3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)
2. Uffiċjali — Reklutaġġ — Ħatra fi grad — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida tal-karrieri permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad
(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)
3. Uffiċjali — Promozzjoni — Bidla fil-kategorija — Dritt għaż-żamma tal-punti ta’ promozzjoni — Assenza
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)
1. L-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat bir-Regolament Nru 723/2004 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, jirreferi għall-uffiċjali li tniżżlu, qabel l-1 ta’ Mejju 2006, “fuq il-lista tal-kandidati tajbin għat-trasferimenti minn kategorija għal oħra”, u li ġew effettivament ittrasferiti f’kategorija oħra wara l-1 ta’ Mejju 2004. L-imsemmi Artikolu 5(2), jikkonċerna biss l-uffiċjali li jbiddlu kategorija permezz ta’ kompetizzjoni interna. Konsegwentement, meta uffiċjal għadda minn kompetizzjoni ġenerali u mhux kompetizzjoni interna, l-Artikolu 5(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax għalih.
Fl-Artikolu 12(3) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi għal dak li għaddew minn kompetizzjonijiet ġenerali “reklutati bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 t’April 2006”, it-terminu “reklutati” għandu sens preċiż u għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-uffiċjali li daħlu fis-servizz bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006 f’impjieg li sar aċċessibbli wara l-inklużjoni tagħhom, qabel l-1 ta’ Mejju 2006, f’lista ta’ kandidati xierqa li tagħlaq kompetizzjoni ppubblikata taħt is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal preċedenti. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni hija applikabbli għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ persuna li kienet diġà uffiċjal meta dehret fost dawk li għaddew minn tali kompetizzjoni ġenerali.
(ara l-punti 52, 54, 55, 60 u 61)
2. Dawk li għaddew minn kompetizzjoni jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk id-data tar-reklutaġġ tagħhom hijiex wara d-dħul fis-seħħ ta’ riforma tar-Regolamenti tal-Persunal magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li tali differenza ta’ trattament tkun iġġustifikata oġġettivament min-neċessità li tiġi mħarsa l-libertà tiegħu li jintroduċi, fi kwalunkwe mument, fir-Regolamenti tal-Persunal, l-emendi li huwa jqis konformi mal-interess tas-servizz, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma inqas favorevoli minn dawk preċedenti għall-uffiċjali.
(ara l-punt 67)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, C‑443/07 P, Ġabra p. I‑10945, punt 79; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra p. II‑2523, punt 86
3. L-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprekludu li uffiċjal fil-kategorija B*, jinħatar fil-kategorija ogħla A*, iżomm il-punti li kienu mogħtija lilu fid-dawl tas-servizzi li huwa pprovda fil-kategorija li fiha qabel huwa kien jeżerċita tip ta’ funzjonijiet differenti.
(ara l-punt 83)